EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE1637

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd” COM(2013) 09 final — 2013/0007 (COD)

ĠU C 198, 10.7.2013, p. 71–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/71


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd”

COM(2013) 09 final — 2013/0007 (COD)

2013/C 198/11

Relatur uniku: is-Sur Sarró IPARRAGUIRRE

Nhar il-5 ta’ Frar 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd

COM(2013) 09 final – 2013/0007 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Marzu 2013. Ir-relatur kien is-Sur Sarró Iparraguirre.

Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April 2013 (seduta tas-17 ta’ April ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 177 vot favur, l-ebda vot kontra u 10 astensjonijiet..

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis li hemm bżonn li r-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jiġi emendat biex ikun adattat għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

1.2

Il-Kumitat jemmen li ċerti aspetti essenzjali, diskussi f’din l-Opinjoni, għandhom jiġu żviluppati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u mhux b’atti ddelegati.

2.   Sfond

2.1

Ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS).

2.2

Dan ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tapplika wħud mid-dispożizzjonijiet li fih.

2.3

It-TFUE jagħmel distinzjoni bejn is-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni biex tadotta atti mhux leġislattivi ta’ applikazzjoni ġenerali biex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġislattiv (atti ddelegati, Artikolu 290(1)), u s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni (atti ta’ implimentazzjoni, Artikolu 291(2)).

2.4

Fid-dawl tal-fatt li r-Regolament (KE) Nru 1224/2009 irid jiġi adattat għar-regoli l-ġodda tat-TFUE dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għall-emendar ta’ dan ir-Regolament. Din l-Opinjoni qed tanalizza dan ir-Regolament u tikklassifika mill-ġdid is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni f’setgħat iddelegati u setgħat ta’ implimentazzjoni.

3.   Analiżi tal-proposta

3.1

Il-proposta tidentifika s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 u tikklassifikahom f’setgħat iddelegati jew ta’ implimentazzjoni.

3.2

Hija tadatta wkoll ċerti dispożizzjonijiet għall-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet previsti fit-TFUE.

3.3

Hija tagħmel dan billi temenda 66 Artikolu tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

3.4

Minħabba dan, l-analiżi tal-proposta hija kumplessa ħafna peress li l-emendar ta’ dawn is-66 Artikolu b’kollox ifisser madwar mitejn emenda għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, li permezz tagħhom ser jingħataw setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni.

3.5

Is-setgħat biex jiġu adottati atti ddelegati jingħataw għal perjodu ta’ żmien mhux determinat u jistgħu jiġu revokati f’kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Din ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

3.6

L-atti ddelegati jidħlu fis-seħħ biss jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jressqu l-ebda oġġezzjoni sa xahrejn wara li dawn ikunu ġew mgħarrfa bihom, jew jekk qabel ma jiskadi dan il-perjodu, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jressqu l-ebda oġġezzjoni. Dan il-perjodu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

3.7

F’dawn il-proċeduri l-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura mwaqqaf bl-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

3.8

Fl-Opinjonijiet tiegħu l-KESE appoġġa l-għoti ta’ setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati ta’ kontroll biex tiġi żgurata l-konformità mal-regoli tal-PKS.

3.9

Madanakollu, il-Kumitat jemmen li, minħabba l-għadd kbir ta’ emendi għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-proposta attwali għandu jkollha l-kunsens minn qabel tal-Istati Membri dwar il-kontenut u l-ambitu tal-emendi li qed jiġu proposti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

L-approċċ ġenerali tat-TFUE huwa li l-aspetti essenzjali tal-leġislazzjoni għandhom jiġu żviluppati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, filwaqt li l-aspetti mhux essenzjali għandhom jiġu żviluppati permezz ta’ atti ddelegati.

4.2

Wara li xtarr il-proposta, il-KESE jqis li, almenu l-aspetti ta’ kwalunkwe miżura dwar is-suġġetti li ġejjin, m’għandhomx jiġu żviluppati b’atti ddelegati iżda b’atti ta’ implimentazzjoni, minħabba l-importanza tagħhom:

in-notifiki minn qabel u t-trażbord;

l-adozzjoni ta’ tibdil fil-mod u l-frekwenza tat-trażmissjoni tad-dejta lill-Kummissjoni dwar il-kwoti u l-isforz;

l-eżenzjonijiet għal ċerti flotot milli jippreżentaw noti tal-bejgħ;

l-adozzjoni ta’ regoli dwar il-pjanijiet dwar l-istivi;

id-determinazzjoni ta’ sajd soġġett għal programmi speċifiċi ta’ kontroll u spezzjoni;

4.3

Fl-aħħar, il-Kumitat jixtieq juri li huwa sorpriż mill-fatt li f’kull mument tista’ titneħħa s-setgħa tal-Kummissjoni li teżerċita att iddelegat dwar suġġett li dwaru hija għandha s-setgħa, iżda li dan ma jfissirx li awtomatikament jiġi rrevokat l-att iddelegat li diġà jkun ġie adottat dwar dak is-suġġett.

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


Top