Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XG1220(01)

    Rapport Konġunt tal-2012 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010 - 2018)

    ĠU C 394, 20.12.2012, p. 5–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 394/5


    Rapport Konġunt tal-2012 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010 - 2018)

    2012/C 394/03

    1.   INTRODUZZJONI

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) (1), magħruf ukoll bħala l-“Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ”, tirrikjedi li jitfassal Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ fl-aħħar ta’ kull ċiklu ta’tliet snin, b’għan doppju: jiġifieri biex jevalwa l-progress, u li jservi bħala bażi biex jiġi stabbilit sett ta’ prijoritajiet għaċ-ċiklu ta’ ħidma li ġej.

    L-abbozz ta’ Rapport Konġunt tal-UE dwar iż-Żgħażagħ huwa akkumpanjat minn żewġ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: wieħed li jagħti ħarsa lejn is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-UE u wieħed li janalizza l-azzjonijiet meħuda skont il-qafas imġedded.

    2.   IMPLIMENTAZZJONI TAL-QAFAS IMĠEDDED GĦAL KOOPERAZZJONI EWROPEA

    Fl-2009, il-Kunsill approva qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018), ibbażat fuq il-Komunikazzjoni “Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ: Investiment u Responsabbilizzazzjoni”. Permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u t-tqassim ta’ prassi tajba, iż-żewġ għanijiet ġenerali tal-qafas imġedded huma li:

    (i)

    jinħolqu aktar opportunitajiet ugwali għaż-żgħażagħ kollha fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol, u

    (ii)

    jiġu promossi ċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà taż-żgħażagħ kollha.

    Image

    Il-qafas imġedded huwa bbażat fuq l-azzjoni. Kif turi d-dijagramma, is-siġra għandha tmien fergħat li jirrappreżentaw tmien oqsma ta’ politika (“oqsma ta’ azzjoni”): l-edukazzjoni u t-taħriġ; l-impjiegi u l-intraprenditorija; l-inklużjoni soċjali; is-saħħa u l-benessri; il-parteċipazzjoni; il-kultura u l-kreattività; il-voluntarjat, u ż-żagħżagħ u d-dinja.

    Il-qafas għandu għeruq fl-istrumenti li ġejjin: it-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza; it-tagħlim reċiproku; ir-rappurtar regolari dwar il-progress, it-tixrid tar-riżultati u l-monitoraġġ; id-djalogu strutturat maż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żagħżagħ u l-mobilizzazzjoni ta’ programmi u fondi tal-UE. Dan il-qafas iqis ix-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ (2) bħala appoġġ għall-oqsma kollha ta’ azzjoni u l-kooperazzjoni transettorjali bħala prinċipju bażiku.

    3.   EWROPA 2020 – APPOĠĠ LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ F’KUNTEST TA’ KRIŻI

    L-Ewropa għaddejja minn kriżi li laqtet liż-żgħażagħ Ewropej b’livelli mingħajr preċedent ta’ qgħad u r-riskju tal-esklużjoni soċjali u l-faqar. Ewropa 2020, l-istrateġija tal-UE għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, tistabbilixxi l-qafas għal tweġiba Ewropea kkoordinata sabiex toħroġ iktar b’saħħitha mill-kriżi u biex ittejjeb il-prosperità fit-tul taċ-ċittadini tal-Ewropa.

    Ewropa 2020 tiffoka sew fuq iż-żgħażagħ, bil-mira primarja li jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola u jiżdiedu l-kisbiet fl-edukazzjoni terzjarja. Hemm żewġ miri prinċipali oħra li wkoll jaqsmu dimensjoni ċara taż-żgħażagħ – it-tnaqqis tar-riskju tal-faqar u ż-żieda fis-sehem tal-popolazzjoni fl-impjieg.

    Barra minn hekk, l-inizjattiva ewlenija intitolata Żgħażagħ Mobbli (3) tippromwovi l-mobilità taż-żgħażagħ, filwaqt li ż-żgħażagħ huma inklużi wkoll f’Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda (4) u Pjattaforma kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (5). F’dan ir-rigward, il-Kunsill kompla jiżviluppa dawn l-inizjattivi billi adotta konklużjonijiet dwar l-inizjattiva Żgħażagħ Mobbli - approċċ integrat bi tweġiba għall-isfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ (6) u dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ (7).

    [Fis-26 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill laħaq ukoll qbil politiku dwar Rakkomandazzjoni tal-Kunsill rigward il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u dak informali.]

    Fit-tieni semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat il-ħtieġa għal azzjoni lejn it-tnaqqis tar-rata għolja b’mod inaċċettabbli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012, li jiffissal-prijoritajiet għall-azzjoni fil-livell tal-UE u nazzjonali biex jagħti spinta lit-tkabbir u l-impjiegi, sejjaħ lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw l-impjieg taż-żgħażagħ. Ir-rakkomandazzjonijiet konkreti kienu jinkludu l-promozzjoni ta’ apprendistati u esperjenzi ta’ taħriġ ta’ kwalità, kif ukoll ħiliet imprenditorjali. L-Istħarriġ sejjaħ ukoll għal riformi fil-leġiżlazzjoni tal-impjiegi u fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Filwaqt li esprimiet tħassib li n-nisġa soċjali tal-UE għaddejja minn prova, il-Kummissjoni sejħet lill-Istati Membri biex jipproteġu l-vulnerabbli, fir-rigward tal-ħarsien soċjali, tal-istrateġiji ta’ inklużjoni u fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi li jiżguraw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà (8). Ġew adottati rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (9) skont is-sitwazzjonijiet partikolari tal-Istati Membri individwali.

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Inizjattiva ta’ Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ iddedikati (YOI), (10) li timmira li timmobilizza r-riżorsi u żżid l-isforzi biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ u tiżviluppa l-impjegabbiltà taż-żgћażagћ. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aħjar mill-Fond Soċjali Ewropew għall-appoġġ taż-żgħażagħ. Timijiet ta’ azzjoni tal-Kummissjoni qed jgħinu tmien Stati Membri (11) fejn ir-rati tal-qgħad taż-żgħażagħ huma ‘l fuq mill-medja. Barra minn hekk, il-“Pakkett dwar l-Impjiegi” (12) riċenti jinkludi l-ewwel rapport ta’ progress dwar il-YOI u konsultazzjoni dwar qafas ġdid għall-kwalità għall-esperjenzi ta’ taħriġ. Il-Kunsill ittratta l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali bl-adozzjoni ta’ Riżoluzzjoni dwar l-inklużjoni attiva taż-żgħażagħ: il-ġlieda kontra l-qgħad u l-faqar (13) u l-promozzjoni tal-impjiegi taż-żgħażagħ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020 (14).

    Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tistinka biex tneħħi l-ostakoli li ċ-ċittadini tal-UE, inklużi ż-żgħażagħ, jiltaqgħu magħhom meta jinvokaw id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE, partikolarment id-dritt tagħhom għal moviment ħieles fl-UE, inkluż għall-volontarjat, għall-istudju jew għax-xogħol.

    L-isforzi biex tingħata spinta lill-impjegabbiltà, il-mobilità fit-tagħlim u s-sehem taż-żgħażagħ huma appoġġjati permezz tal-programmi Tagħlim tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni, li – mill-2014 ‘il quddiem – se jkunu segwiti minn Programm ġdid tal-UE mmirat lejn l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport.

    4.   L-EWWEL ĊIKLU TAL-QAFAS IMĠEDDED (2010-2012)

    Kważi l-Istati Membri kollha rrapportaw li l-qafas imġedded saħħaħ il-prijoritajiet eżistenti fil-livell nazzjonali, b’bosta Stati Membri jenfasizzaw l-impatt dirett tiegħu. Il-Litwanja, pereżempju, issemmi l-qafas imġedded bħala dokument ta’ gwida fl-iżvilupp ta’ Programm Nazzjonali ta’ Politika għaż-żgħażagħ tagħha nfisha, l-Awstrija ssemmi li r-rabta bejn il-politika taż-żgħażagħ u l-politiki tas-suq tax-xogħol ġiet imsaħħa, u d-djalogu maż-żgħażagħ ġie żviluppat aktar fil-Komunità Fjamminga tal-Belġju.

    Il-qafas imġedded huwa favur approċċ transettorjali fil-livelli kollha fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika taż-żgħażagħ. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrapportaw li għandhom strateġija nazzjonali taż-żgħażagħ jew pjan transettorjali mmirat lejn iż-żgħażagħ. L-Istati Membri kollha minbarra tnejn għandhom grupp ta’ ħidma interministerjali dwar iż-żgħażagħ jew xi mekkaniżmu istituzzjonali ieħor. Filwaqt li xi Rapporti Nazzjonali taż-Żgħażagħ jagħtu eżempju tajjeb, gruppi bħal dawn ta’ spiss jikkonsistu minn fatturi u partijiet interessati fil-“qalba” tal-qasam ta’ politika taż-żgħażagħ, bi ftit jew l-ebda involviment minn ministeri oħra tal-gvern, u b’hekk jillimitaw in-natura transettorjali tagħhom.

    F’dan l-isfond, huwa rrakkomandat li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffukaw aktar fuq l-iżvilupp tal-kooperazzjoni transettorjali b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi eżaminat kif l-approċċi u l-metodi tal-politika dwar iż-żgħażagħ u tax-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ jistgħu jintużaw f’setturi rilevanti oħrajn. Il-ħolqien ta’ sħubiji transettorjali ġodda u l-iżvilupp ta’ proġetti u inizjattivi konġunti fis-settur taż-żgħażagħ għandhom jingħataw appoġġ.

    Ix-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ jappoġġja ħafna oqsma ta’ azzjoni. Il-maġġoranza tal-Istati Membri jirrappurtaw li ħadu miżuri biex jirrikonoxxu, jappoġġjaw u jiżviluppaw aktar ix-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ (15). F’Lulju 2010, ġiet organizzata Konvenzjoni Ewropea dwar ix-Xogħol fil-Qasam taż-Żgħażagħ taħt il-Presidenza Belġjana, li laqqgħet flimkien lil dawk li jfasslu l-politika kif ukoll lill-partijiet interessati relatati maż-żgħażagħ mill-Ewropa kollha, li rriżultat fl-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni li tindirizza l-prijoritajiet u l-azzjonijiet għax-xogħol taż-żgħażagħ fis-snin li ġejjin.

    4.1.   L-implimentazzjoni tat-tmin oqsma ta’ azzjoni

    F’kull qasam ta’ azzjoni tiegħu, il-qafas imġedded jipproponi inizjattivi għall-Istati Membri u/jew għall-Kummissjoni. Hawn taħt tinsab ħarsa ġenerali tal-miżuri meħuda fil-livell tal-UE u dawk irrappurtati mill-Istati Membri għaċ-ċiklu ta’ ħidma 2010-2012 (16).

    Edukazzjoni u Taħriġ

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jaħdmu flimkien biex itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ permezz tal-qafas “ET2020” (17). F’dan il-kuntest, il-Kunsill adotta konklużjonijiet bi tweġiba għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ppreżentat strateġija għall-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja tal-Ewropa fl-2011 (18), u l-Kummissjoni qed tħejji inizjattiva dwar ‘Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar’, li għandha titnieda aktar tard fl-2012 biex tappoġġja l-iżvilupp tal-politika dwar il-ħiliet u l-kompetenzi.

    Il-qafas imġedded jiffoka primarjament fuq it-tagħlim mhux formali u informali bħala għodda kumplimentari, sabiex jinkisbu ħiliet trasversali (19) li huma apprezzati ħafna fis-suq tax-xogħol (20). Il-Kummissjoni pproponiet abbozz ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali f’Settembru 2012 (21), u qed taħdem ukoll fuq l-għodod li jagħmluha eħfef biex jiġu rreġistrati l-ħiliet miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali.

    Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri jappoġġaw b’mod attiv l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala fornitur importanti tal-opportunitajiet ta’ tagħlim mhux formali. Ħafna Stati Membri (22) jenfasizzaw ir-rwol tax-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ f’li jintlaħqu dawk li jitilqu mill-iskola kmieni u jgħinuhom jerġgħu lura għall-edukazzjoni jew xogħol. F’dan il-kuntest, huma riċentement ħadu azzjoni biex iqajmu kuxjenza dwar it-tagħlim mhux formali u informali u biex jirrikonoxxu r-riżultati tat-tagħlim f’livell nazzjonali.

    Impjiegi u Intraprenditorija

    L-impjieg taż-żgħażagħ kien il-prijorità tematika ġenerali tal-ewwel “Trio Presidenzjali” wara d-dħul fis-seħħ tal-qafas imġedded. Matul dan il-perjodu, il-Kunsill adotta riżoluzzjonijiet dwar l-inklużjoni attiva taż-żgħażagħ (23) u r-rwol tax-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ fil-promozzjoni tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ.

    Skont Rapporti Nazzjonali dwar iż-Żgħażagħ, diversi Stati Membri bidlu l-liġijiet tax-xogħol tagħhom jew applikaw inċentivi tat-taxxa biex itejbu l-aċċess għas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ. Dawn huma ta’ spiss abbinati ma’ programmi li jippermettu liż-żgħażagħ jiksbu esperjenza tax-xogħol, inkluż barra minn pajjiżhom. Bosta żgħażagħ jibbenefikaw minn konsulenza, offruta mill-istituzzjonijiet edukattivi, mis-servizzi tal-impjieg jew mis-servizzi tal-informazzjoni taż-żgħażagħ. Bosta pajjiżi joffru appoġġ, korsijiet, konsulenza jew esperjenzi prattiċi ta’ xogħol immirati, liż-żgħażagħ qiegħda jew vulnerabbli. Skemi ta’ taħriġ huma sikwit disponibbli bħala parti mill-edukazzjoni formali u diversi pajjiżi għandhom sistemi ta’ edukazzjoni b’żewġ binarji li jikkombinaw it-tagħlim fil-klassi flimkien mal-apprendistati (24).

    L-ewwel ċiklu tad-Djalogu Strutturat kien jiffoka wkoll fuq l-impjiegi taż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ irrakkomandaw ukoll azzjonijiet konkreti, li wasslu għal Riżoluzzjoni tal-Kunsill (25) li tenfasizza l-ħtieġa għall-aċċess għall-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol, it-tagħlim mhux formali, qafas ta’ kwalità għall-apprendistati, enfasi fuq il-flessigurtà u aċċess ugwali għal mobilità. Ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki mill-Istati Membri ispiraw inizjattivi sussegwenti tal-Kummissjoni, bħalma hu l-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni dwar tagħlim mhux formali u informali u fil-kuntest usa’ tal-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ.

    L-edukazzjoni intraprenditorjali qed tkun dejjem iktar promossa f’ħafna mill-pajjiżi Ewropej. Sal-lum, tmien pajjiżi nedew strateġiji speċifiċi, filwaqt li 13-il pajjiż ieħor jinkluduha bħala parti mill-istrateġiji nazzjonali tagħhom ta’ tagħlim tul il-ħajja, jew strateġiji għaż-żgħażagħ jew ta’ tkabbir (26).

    Fil-livell tal-UE, l-intraprenditorija taż-żgħażagħ ngħatat profil aktar viżibbli matul il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, filwaqt li qajmet kuxjenza tal-valur ta’ ħiliet intraprenditorjali u ta’ tnedija ta’ negozju bħala għażla ta’ karriera. Barra minn hekk, qed jittieħdu għadd ta’ azzjoniijet bħalissa biex jappoġġaw it-tagħlim intraprenditorjali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni.

    Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jżommu l-isforzi konġunti tagħhom biex jikkumbattu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u jkomplu jiżviluppaw inizjattivi transettorjali f’dan il-qasam.

    Is-Saħħa u l-Benessri

    Fil-livell tal-UE, iż-żgħażagħ huma grupp partikolarment fil-mira fir-rigward ta’ inizjattivi tas-saħħa tal-UE stabbiliti biex jittrattaw it-tipjip, il-ħsara relatata mal-alkoħol, in-nutrizzjoni, l-obeżità u l-użu tad-drogi.

    L-Istati Membri kollha minbarra tnejn irrappurtaw li ħadu miżuri konkreti biex isegwu r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar is-Saħħa u l-Benessri taż-Żgħażagħ (27). Ħafna Stati Membri (28) jsemmu inizjattivi li jiffokaw fuq kwistjonijiet speċifiċi, bħall-alkoħol, it-tabakk jew in-nutrizzjoni tajba, jew inizjattivi li jenfasizzaw il-valur tal-edukazzjoni bejn il-pari fil-promozzjoni ta’ stili tajbin ta’ ħajja għas-saħħa.

    L-Inklużjoni Soċjali

    L-inizjattivi tal-UE li jiġġieldu l-qgħad taż-żgħażagħ jagħtu kontribut importanti lill-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ. Il-maġġoranza tal-Istati Membri (29) indirizzaw ukoll iż-żgħażagħ bħala grupp speċifiku fil-mira matul is-Sena Ewropea 2010: Il-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali. Dawn l-inizjattivi jenfasizzaw il-ħtieġa biex jiġi miġġieled il-faqar minn età bikrija sabiex jitkisser iċ-ċiklu tal-faqar minn ġenerazzjoni għall-oħra.

    Ħafna Stati Membri (30) jikkonfermaw l-importanza ta’ approċċ transettorjali għall-inklużjoni soċjali, billi jorbtuha mal-edukazzjoni, l-impjiegi jew il-politika dwar is-saħħa, pereżempju. Ħafna minnhom jirrappurtaw dwar programmi ta’ taħriġ speċjalizzati għal ħaddiema fil-qasam żgħażagħ, mexxejja taż-żgħażagħ u żgħażagħ li jiżviluppaw għarfien interkulturali u jkun miġġieled il-preġudizzju. Għadd ta’ Stati Membri (31) kkwotaw eżempji ta’ miżuri ta’ appoġġ mmirati lejn iż-żgħażagħ li jikkonċernaw id-djar.

    Konsegwentement, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri joħorġu rapporti bbażati fuq l-għarfien u l-evidenza dwar is-sitwazzjoni soċjali u l-kundizzjonijiet ta’ għajxien taż-żgħażagħ. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu wkoll jiġu inkoraġġuti jieħdu miżuri biex jiġġieldu l-faqar transġenerazzjonali u l-esklużjoni permezz tal-kooperazzjoni transettorjali.

    Sehem iż-Żgħażagħ

    Sehem iż-żgħażagħ għandu post prominenti fuq l-aġenda tal-UE dwar il-politika taż-żgħażagħ f’dawn l-aħħar snin. Is-sehem huwa kruċjali għall-politika dwar iż-żgħażagħ fl-Istati Membri kollha u twettqu ħafna attivitajiet, inkluż l-iżvilupp ta’ strutturi li jinvolvu ż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet u r-reviżjoni tal-kwalità tal-mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni. Saru wkoll attivitajiet għall-promozzjoni ta’ involviment usa’ taż-żgħażagħ fil-parteċipazzjoni, inklużi l-produzzjoni ta’ materjal ta’ informazzjoni rilevanti u spazju għal aktar djalogu online.

    Il-Kunsill ikkonferma d-dedikazzjoni tiegħu f’dan il-qasam billi għamel “sehem iż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika” l-prijorità ġenerali tat-tieni “Trio Presidenzjali” fil-qasam taż-żgħażagħ (nofs 2011-2012), skont l-Artikolu 165 TFUE. Il-Kunsill adotta wkoll riżoluzzjoni dwar forom ġodda u effettivi ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha fil-ħajja demokratika fl-Ewropa (32). Id-Djalogu Strutturat sar strument dejjem aktar ta’ influwenza li jinvolvi ż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet. L-Istati Membri kollha waqqfu Gruppi tax-Xogħol Nazzjonali biex jorganizzaw konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ fil-pajjiżi tagħhom u sabiex jarrikkixxu d-dibattiti fil-livell tal-UE.

    Il-Kummissjoni ħadet passi biex tissaħħaħ il-bażi ta’ evidenza dwar sehem iż-żgħażagħ permezz tal-Ewrobarometru rigward “Żgħażagħ Mobbli” (33) u studju li jmiss dwar xejriet li qed jinbidlu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sehem iż-żgħażagħ. Barra minn hekk tat bidu għal żewġ proċessi li se jilħqu l-milja tagħhom fiċ-ċiklu ta’ tliet snin li jmiss: jiġifieri l-iżvilupp mill-ġdid tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ (34) bħala pjattaforma interattiva onlajn, u “Skeda għaż-Żgħażagħ Mobbli” li tippermetti aktar il-mobilità u s-sehem taż-żgħażagħ permezz ta’ inċentivi, informazzjoni u servizzi ta’ appoġġ.

    Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi politiċi qed issir b’modi ġodda, pereżempju permezz tal-iffirmar ta’ petizzjonijiet, dikjarazzjonijiet online u fil-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, eċċ.

    Konsegwentement, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jidentifikaw liema forom ta’ parteċipazzjoni jissodisfaw id-domandi taż-żgħażagħ u jagħtuhom diversi għamliet ta’ appoġġ.

    Attivitajiet Volontarji

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni ħadmu flimkien biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni dwar il-Mobilità tal-Volontiera Żgħażagħ madwar l-UE (35) fi grupp ta’ esperti. Madwar nofs l-Istati Membri (36) jirrappurtaw li huma xerrdu l-għarfien dwar l-opportunitajiet għall-mobilità tal-voluntiera żgħażagħ wara din ir-Rakkomandazzjoni. Flimkien mas-Servizz Volontarju Ewropew, għadd ta’ Stati Membri jirrappurtaw li għandhom programmi ta’ skambju bilaterali jew multilaterali.

    Diversi Stati Membri (37) jirrapportaw li żviluppaw skemi nazzjonali ta’ volontarjat jew stabbilixxew servizz ċiviku ġdid. Bosta Stati Membri jikkwotaw il-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni, b’mod partikolari s-Servizz Volontarju Ewropew (SVE) bħala sors importanti, jekk mhux ewlieni, għall-volontarjat taż-żgħażagħ f’pajjiż ieħor. Għadd ta’ pajjiżi jagħmlu programmi ta’ skambju bilaterali jew multilaterali. F’għadd ta’ pajjiżi, il-prevenzjoni tal-esklużjoni hija parti minn strateġiji usa’ għaż-żgħażagħ u skemi ta’ finanzjament, li jkopru wkoll il-volontarjat.

    L-Istati Membri jagħmlu sforzi b’mod attiv biex jiżguraw li l-valur tal-esperjenzi ta’ volontarjat ikun debitament rikonoxxut, permezz pereżempju tal-Youthpass, is-sensibilizzazzjoni tas-suq tax-xogħol jew ir-rikonoxximent soċjali. Barra minn hekk, għadd ta’ Stati Membri jsegwu approċċi strateġiċi għall-promozzjoni tal-volontarjat taz-żgħażagħ pereżempju biex jintlaħqu għanijiet soċjali. Is-Sena Ewropea tal-Volontarjat (2011) involviet żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex tenfasizza d-dimensjoni tagħha taż-żgħażagħ.

    Minħabba li, inġenerali, id-data turi li l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet transkonfinali ta’ volontarjat għadha tikkonċerna biss minoranza tal-Ewropej żgħażagħ, l-Istati Membri huma mistiedna jieħdu nota tal-ostakoli potenzjali għall-volontarjat u jqisu azzjonijiet/miżuri possibbli biex jiġu ttrattati dawn l-ostakoli (38).

    Kultura u Kreattività

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkooperaw mill-qrib f’dan il-qasam permezz ta’ Aġenda Ewropea għall-Kultura (39). Il-Kunsill enfasizza l-importanza tal-kreattività, tal-kultura u r-rwol taż-żgħażagħ f’għadd ta’ konklużjonijiet tiegħu (40). Skont il-qafas imġedded, studju dwar l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura fl-Ewropa mill-2010 (41) kien jinkludi prassi u proposti tajba biex jindirizzaw ostakli bħalma huma l-kost u d-distanza.

    Għalkemm l-Istati Membri jirrikonoxxu r-rabtiet bejn il-kultura u l-kreattività u l-politika taż-żgħażagħ, ir-Rapporti Nazzjonali taż-Żgħażagħ ma jirrappurtawx ħafna attivitajiet f’dan il-qasam ta’ azzjoni.

    Iż-Żgħażagħ u d-Dinja

    Permezz tas-sħubija taż-żgħażagħ mal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissjoni organizzat u kkontribwiet f’simpożji ta’ livell għoli dwar il-politika taż-żgħażagħ fil-viċinati tagħha fil-Lvant u fin-Nofsinhar (42). Il-Kunsill adotta Konklużjonijiet dwar id-Dimensjoni tal-Lvant ta’ Sehem iż-Żgħażagħ (43) imfassla biex tilħaq aktar l-inħawi tal-Lvant tal-Ewropa u l-Kawkasu. Barra minn hekk, ittieħdet deċiżjoni biex titwaqqaf Tieqa ta’ Sħubija tal-Lvant għaż-Żgħażagħ li tiffinanzja aktar opportunitajiet għas-sħubiji u l-kooperazzjoni taż-żgħażagħ skont il-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni. Ġew organizzati attivitajiet fl-Ewropa u fiċ-Ċina matul is-Sena taż-Żgħażagħ 2011 bejn l-UE u ċ-Ċina. Il-Kummissjoni kkontribwiet ukoll lis-Sena taż-Żgħażagħ tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-samit tagħha taż-żgħażagħ fil-Messiku fl-2011; hija wkoll ikkoorganizzat żewġ konferenzi ta’ politika bħala parti minn Ftehim ta’ kooperazzjoni bilaterali mal-Kanada.

    L-Istati Membri jirrappurtaw li huma kienu attivi f’dan il-qasam ta’ azzjoni qabel l-2010, u dawn ikomplu jenfasizzaw ir-rilevanza tiegħu. Kważi nofs l-Istati Membri (44) jirrappurtaw li huma indirizzaw din il-kwistjoni fil-kurrikuli tal-edukazzjoni tagħhom jew bħala parti minn strateġiji tal-politika taż-żgħażagħ. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jipprovdu opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jiskambjaw l-opinjonijiet dwar kwistjonijiet globali ma’ dawk li jfasslu l-politika.

    4.2.   Strumenti ta’ implimentazzjoni

    Il-qafas imġedded japplika ġabra ta’ strumenti ddedikati biex isewgu l-attivitajiet fit-tmin oqsma deskritti hawn fuq. Il-paragrafi li ġejjin janalizzaw sa liema punt dawn l-istrumenti ntużaw b’suċċess sabiex jinkisbu l-għanijiet ġenerali tal-istrateġija, abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni u l-kontributi mir-rapporti nazzjonali pprovduti mill-Istati Membri.

    It-Tfassil tal-Politika msejjes fuq l-Evidenza

    Barra mill-qafas imġedded, il-Kummissjoni – flimkien ma’ esperti nominati mill-Istati Membri u miż-żgħażagħ interessati – żviluppat kwadru operattiv ta’ Indikaturi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, li ġie rilaxxat fl-2011 (45). Dan il-kwadru operattiv jippreżenta 40 indikatur li jkopru t-tmien oqsma kollha ta’ azzjoni.

    Matul l-ewwel ċiklu ta’ ħidma tal-qafas imġedded, il-Kummissjoni wettqet żewġ studji (46) u mexxiet stħarriġ tal-Ewrobarometru Flash dwar iż-żgħażagħ. Is-sħubija dwar iż-żgħażagħ bejn l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa kkontribwixxa wkoll biex isaħħaħ il-bażi tal-evidenza għall-politika dwar iż-żgħażagħ fl-Ewropa permezz taċ-Ċentru Ewropew tal-Għarfien dwar il-Politika taż-Żgħażagħ (EKCYP) u l-Korrispondenti Nazzjonali tiegħu u r-Riżerva ta’ Riċerkaturi Żgħażagħ Ewropej (PEYR).

    Tagħlim Reċiproku

    B’segwitu għall-qafas imġedded, għadd ta’ avvenimenti differenti kkontribwixxew għat-tagħlim reċiproku, inkluż permezz ta’ attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari, konferenzi u seminars, fora ta’ livell għoli jew gruppi ta’ esperti kif ukoll permezz ta’ studji u analiżi.

    Minbarra l-opportunitajiet ta’ skambju tal-esperjenzi matul il-konferenzi u fil-laqgħat tad-Diretturi Ġenerali għaż-żgħażagħ, studju tal-Kummissjoni (47) jiddokumenta l-fatt li l-iżvilupp tal-Indikaturi taż-Żgħażagħ tal-UE mhux biss tejjeb ir-rikonoxximent u l-viżibilità tal-politika dwar iż-żgħażagħ, iżda ħeġġeġ ukoll żviluppi pożittivi fl-Istati Membri, kemm biex isegwu l-kooperazzjoni transettorjali kif ukoll biex japplikaw approċċ ibbażat fuq l-evidenza. Hemm stabbiliti gruppi ta’ esperti b’rappreżentanti nazzjonali biex janalizzaw l-Għażla ta’ Indikaturi u jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Mobbiltà tal-Voluntiera Żgħażagħ fl-UE. It-tagħlim reċiproku ntlaħaq ukoll permezz ta’ attività speċifika ta’ tagħlim bejn il-pari dwar il-kooperazzjoni transettorjali (48).

    F’Mejju 2012 ġie stabbilit grupp ta’ esperti ġdid dwar it-tagħlim bejn il-pari rigward il-“potenzjal kreattiv u innovattiv taż-żgħażagħ u l-ħiliet tagħhom miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali rilevanti għall-impjegabbiltà” (49). Din hija miżura utli biex jiġi żviluppat aktar it-tagħlim reċiproku fil-kuntest tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ b’mod aktar strutturat.

    Huwa rrakkomandat li l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari jiġi żviluppat aktar. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iqisu kif id-data u l-eżempji tal-aħjar prattiki fl-Istati Membri jistgħu jintużaw aħjar biex fil-futur jiġu prodotti eżerċizzji ta’ tagħlim reċiproku aktar effettivi.

    Rappurtar Regolari dwar il-Progress, it-Tixrid tar-Riżultati u l-Monitoraġġ

    Għal dan l-eżerċizzju ta’ rappurtar, il-Kummissjoni żviluppat kwestjonarju onlajn li indirizza linji ta’ azzjonijiet konkreti speċifiċi msemmija fil-qafas imġedded. Dan għamilha possibbli li ssir valutazzjoni komparattiva tar-Rapporti Nazzjonali taż-Żgħażagħ ippreżentati mill-Istati Membri kollha, in-Norveġja, l-Isvizzera, il-Montenegro u l-Kroazja (50). Sar kontribut ukoll mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, mill-pjattaforma rappreżentanta tal-organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi taż-żgħażagħ u mill-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ.

    Barra r-rilaxx tad-Dokument ta Ħidma tal-Persunal fir-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, ir-Rapporti Nazzjonali kollha taż-Żgħażagħ huma ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni. Dan ir-Rapport għandu jitqassam tajjeb fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri. Dan huwa skont il-qafas imġedded, li jitlob għad-disseminazzjoni wiesgħa tar-riżultati tal-eżerċizzju ta’ rappurtar.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iqisu kif l-indikaturi, id-data u l-eżempji tal-aħjar prattiki fl-Istati Membri jistgħu jintużaw aħjar bil-ħsieb li fil-futur jiġu prodotti rapporti aktar komprensivi dwar iż-żgħażagħ tal-UE.

    Djalogu Strutturat maż-Żgħażagħ u mal-Organizzazzjonijiet taż-Żagħżagħ

    Id-Djalogu Strutturat maż-żgħażagħ jipprovdi qafas tajjeb għall-konsultazzjoni, it-tagħlim bejn il-pari u l-kondiviżjoni tal-esperjenza fil-qasam taż-żgħażagħ fost il-persuni li jfasslu l-politika nazzjonali u ż-żgħażagħ. Kull sitt xhur, jiġu organizzati Konferenzi dwar iż-Żgħażagħ tal-UE mill-pajjiż li għandu l-Presidenza, bl-appoġġ tal-Kummissjoni. Dawn il-konferenzi jlaqqgħu flimkien liż-żgħażagħ u lil dawk li jfasslu l-politika mill-UE kollha sabiex jiddiskutu r-riżultati tad-Djalogu Strutturat u biex jagħmlu rakkomandazzjonijiet konġunti li jikkontribwixxu fil-proċess li permezz tiegħu l-Kunsill jadotta riżoluzzjonijiet jew konklużjonijiet.

    L-Istati Membri kollha waqqfu Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali għal Djalogu Strutturat maż-żgħażagħ fil-bidu tal-ewwel ċiklu. Id-Djalogu Strutturat – li huwa metodu elaborat u formali ta’ konsultazzjoni maż-żgħażagħ – sar parti vibranti u integrali fit-tfassil tal-politika taż-żgħażagħ. Il-konsultazzjonijiet matul l-ewwel “Trio Presidenzjali” (2010-11) rriżultaw f’rakkomandazzjonijiet bejn il-fassala tal-politika taż-żgħażagħ u ż-żgħażagħ dwar l-aktar kwistjonijiet urġenti fil-qasam tal-impjiegi.

    Fl-2011, beda t-tieni ċiklu ta’ Djalogu Strutturat bit-tema tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Għadd kbir ta’ żgħażagħ u mexxejja taż-żgħażagħ kienu involuti direttament fil-proċess.

    Għat-titjib tal-proċess ta’ konsultazzjoni u l-monitoraġġ tiegħu, għandha titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ esperti oħrajn fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew fil-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali, skont il-prijorità tematika rilevanti tad-Djalogu Strutturat. Barra minn hekk, ir-riżultati tad-Djalogu Strutturat għandhom jitqassmu lill-partijiet interessati transettorjali. Fil-proċess għandu jkun hemm rwol ċar għar-riċerkaturi żgħażagħ.

    Il-Konferenza dwar iż-Żgħażagħ tal-UE għandha tissaħħaħ bħala forum għal Djalogu Strutturat bejn iż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk kollha li jfasslu l-poltika bil-ħsieb li jintlaħqu eżiti politiċi tanġibbli. Fejn ikun possibbli, għandu jitħeġġeġ l-involviment tar-riċerkaturi żgħażagħ.

    Mobilizzazzjoni tal-Programmi tal-UE

    Il-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni huwa strument ewlieni għall-appoġġ tal-qafas imġedded. Flimkien mal-programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja, dan ikkontribwixxa għall-mobilità fit-tagħlim taż-żgħażagħ. Huwa jiffoka fuq attivitajiet ta’ tagħlim mhux formali għaż-żgħażagħ, għal ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ u għal organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. F’konformità mal-qafas imġedded, huwa jippromwovi sens ta’ ċittadinanza u solidarjetà fost iż-żgħażagħ u jpoġġi enfasi fuq ix-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ, il-volontarjat u l-attivitajiet ċiviċi bħala ambjent xieraq li fih jinkisbu ħiliet trasversali. Dan il-programm involva madwar 150 000 u 185 000 parteċipant fl-2010 u fl-2011 rispettivament, li kienet żieda notevoli meta mqabbla mal-bidu tal-programm (111 000-il parteċipant fl-2007).

    Kważi l-Istati Membri kollha rrappurtaw li użaw sorsi oħra ta’ fondi tal-UE, bħalma huma l-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u/jew PROGRESS għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Il-fondi ta’ koeżjoni ntużaw ukoll għall-appoġġ tal-iżvilupp taċ-ċittadinanza, il-parteċipazzjoni u l-kompetenzi attivi taż-żgħażagħ.

    Huwa rrakkomandat li l-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni u l-programm futur tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali futur.

    5.   IĊ-ĊIKLU LI JMISS TAL-QAFAS IMĠEDDED (2013-2015)

    Tissaħħaħ ir-rabta bejn il-qafas imġedded u Ewropa 2020

    Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, se jiġu stipulati għadd ta’ prijoritajiet għall-kooperazzjoni Ewropea għal kull ċiklu ta’ ħidma biex jikkontribwixxu għall-oqsma ta’ azzjoni identifikati skont il-qafas. Il-prijoritajiet għaċ-ċiklu li jmiss għandhom jiġu adottati fuq il-bażi tar-Rapport attwali dwar iż-Żgħażagħ tal-UE.

    Il-Presidenzi tal-UE ffokaw fl-ewwel ċiklu fuq “l-impjiegi u l-intraprenditorija” u fuq “li wieħed jieħu sehem”. Il-qafas imġedded u l-oqsma ta’ azzjoni tiegħu flimkien jiġbru l-firxa sħiħa ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw liż-żgħażagħ fi tranżizzjoni, għalkemm jaffettwawhom fi gradi differenti. Aktar importanti minn hekk, il-qafas imġedded jirrikonoxxi u jsaħħaħ l-interrelazzjonijiet bejn dawn l-oqsma u fost il-partijiet interessati, biex iwassal strumenti effettivi sabiex jinkisbu koordinazzjoni u sinerġiji ta’ politika.

    Ir-Rapporti tal-UE u dawk Nazzjonali dwar iż-Żgħażagħ jikkonfermaw is-solidità u r-rilevanza tal-qafas imġedded u ż-żewġ għanijiet ġenerali tiegħu: (i) il-ħolqien ta’ iktar opportunitajiet u ta’ opportunitajiet ugwali għaż-żgħażagħ kollha fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol, u (ii) il-promozzjoni taċ-ċittadinanza, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà. It-tnejn li huma għandhom rabta mill-qrib ma’ Ewropa 2020, mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012, ma’ Żgħażagħ Mobbli u mal-Inizjattiva ta’ Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ.

    Il-prijoritajiet għaċ-ċiklu ta’ xogħol li jmiss għandhom jirriflettu l-prijoritajiet u l-attivitajiet ġenerali u attwali skont Ewropa 2020. Ix-xogħol għaż-żgħażagħ se jibqa’ importanti fuq l-aġenda tal-UE. Filwaqt li jibnu fuq l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012 u r-reviżjonijiet possibbli ta’ prijoritajiet skont l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 li jmiss, kif ukoll fuq l-Inizjattiva ta’ Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ, l-Istati Membri għandhom partikolarment jimmiraw lejn iż-żgħażagħ li la huma impjegati, la huma fl-edukazzjoni u lanqas fit-taħriġ, biex jagħmlu użu sħiħ tal-fondi disponibbli tal-UE f’dawn l-oqsma. Huma għandhom jagħmlu aktar sforzi biex iżidu l-aċċess taż-żgħażagħ għax-xogħol, l-apprendistati u l-esperjenzi ta’ taħriġ u jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom.

    Il-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri b’inizjattivi ġodda tal-UE, bħall-Ewwel Impjieg EURES tiegħek, li jgħin liż-żgħażagħ isibu xogħol barra mill-pajjiż, appoġġ għall-iżvilupp ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ (51) u qafas ta’ kwalità għall-esperjenzi ta’ taħriġ, fejn ix-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ jista’ jkollu rwol prezzjuż bi sħubija mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u s-servizzi tal-impjiegi. Żiedet ukoll il-possibbiltajiet għall-mobilità tat-tagħlim permezz tal-programmi Tagħlim Tul il-Ħajja (52) u Żgħażagħ fl-Azzjoni (53). Barra minn hekk, l-għodod trasversali żviluppati skont il-Qafas Imġedded jistgħu jservu biex irawmu sħubijiet bejn atturi differenti involuti fit-twassil tal-appoġġ għaż-żgħażagħ fl-aspetti differenti kollha ta’ tranżizzjoni, inklużi s-servizzi tal-impjiegi, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, ix-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ, is-servizzi soċjali, l-impjegaturi u ż-żgħażagħ infushom.

    Kooperazzjoni aktar b’saħħitha fil-qasam tista’ tkun ta’ ġid fl-offerta ta’ approċċi magħmula b’mod speċifiku„ b’mod speċjali għaż-żgħażagħ b’sitwazzjonijiet tal-ħajja aktar kumplessi jew li huma diffiċli li jintlaħqu permezz ta’ metodi konvenzjonali. Il-qafas imġedded jista’ wkoll ikollu rwol fil-promozzjoni u l-għarfien ta’ tagħlim mhux formali u informali permezz tax-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ u bl-inkoraġġiment liż-żgħażagħ biex jieħdu sehem f’organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala mezz biex jiksbu ħiliet trasversali. Din tista’ b’hekk tikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sinerġiji bejn forom differenti ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali.

    Il-qagħda fis-suq tax-xogħol kif ukoll il-qgħad għandhom effetti soċjali relatati. L-Istħarriġ Annwali ta’ Tkabbir 2012 jirreferi għal sinjali ċari ta’ żidiet fl-għadd ta’ persuni fir-riskju ta’ faqar ta’ introjtu, partikolarment il-faqar tat-tfal, u l-esklużjoni soċjali, bi problemi akuti ta’ saħħa u ta’ nuqqas ta’ djar fil-każi l-iżjed estremi. Jeżisti grupp dejjem jikber ta’ żgħażagħ f’riskju ta’ esklużjoni soċjali.

    Iż-żgħażagħ jinsabu f’riskju serju ta’ esklużjoni soċjali u faqar - Mira ewlenija tal-Ewropa 2020 hija li jitnaqqas is-sehem mill-popolazzjoni tal-UE f’riskju ta’ esklużjoni soċjali u faqar b’20 miljun, jew 25 %, sal-2020. Is-sehem taż-żgħażagħ f’tali riskju huwa ogħla minn dak tal-popolazzjoni ġenerali. Bejn l-2009 u l-2010, iż-żieda fl-għadd ta’ żgħażagħ f’riskju kienet ogħla minn dik fil-popolazzjoni totali b’mod sinifikanti. Barra minn hekk, hemm pressjoni fuq il-benesseri taż-żgħażagħ - Filwaqt li r-rati ta’ qgħad għolja rriżultaw f’aktar familji bi dħul baxx jew bla impjieg, u minħabba li ż-żgħażagħ huma l-aktar f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, il-kriżi kellha wkoll impatt fuq is-saħħa u l-benesseri taż-żgħażagħ. Il-qgħad, il-faqar, il-kundizzjonijiet inadegwati tad-djar u l-inkwiet fil-familji jżidu b’mod sinifikanti r-riskju ta’ problemi ta’ saħħa mentali bħad-depressjoni, l-abbuż mill-alkoħol u s-suwiċidju. Minħabba li d-danni għas-saħħa u l-benesseri jistgħu spiss idumu għall-ħajja kollha, dawn għandhom impatt partikolarment serju fuq iż-żgħażagħ.

    Il-qafas imġedded jista’ jkollu rwol fil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha f’diversi aspetti tas-soċjetà. Huwa jindirizza multitudni ta’ sfidi marbutin mal-esklużjoni, l-aljenazzjoni u l-isforzi taż-żgħażagħ fil-bini ta’ ħajja indipendenti u ħajja responsabbli. Għas-snin li ġejjin, il-qafas imġedded għandu jiffoka dejjem iżjed fuq l-inklużjoni soċjali kif ukoll fuq is-saħħa u l-benesseri taż-żgħażagħ. Għal dan l-għan, dan jeħtieġ li jżid il-punt fokali tagħha fuq sehem iż-żgħażagħ fl-attivitajiet soċjali u demokratiċi, kif ukoll jibni fuq ix-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta’ ħiliet taż-żgħażagħ għall-ħajja, l-iżvilupp personali ġenerali tagħhom u sens ta’ appartenenza fis-soċjetà fejn jgħixu.

    Sabiex tingħata tweġiba aħjar għall-isfidi elenkati hawn fuq, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jesploraw modi biex jiġu żviluppati aktar l-għarfien espert u d-disponibbiltà tal-eżempji tal-aħjar prattiki fl-oqsma fejn il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) jista’ jintuża biex jinħoloq valur miżjud. Huwa propost li l-oqsma speċifiċi tal-inklużjoni soċjali kif ukoll is-saħħa u l-benesseri taż-żgħażagħ jistgħu jibbenefikaw minn din it-tip ta’ kooperazzjoni.

    Progress fl-implimentazzjoni

    Il-kooperazzjoni transettorjali tista’ tittejjeb aktar fl-oqsma kollha ta’ politika li jaffettwaw liż-żgħażagħ. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ifittxu li jsaħħu aktar il-kooperazzjoni transettorjali f’livell nazzjonali u Ewropew. Għandhom isiru sforzi addizzjonali biex tissaħħaħ il-bażi ta’ evidenza tal-politika taż-żgħażagħ u biex dawn jaqsmu bejniethom eżempji ta’ prassi tajba permezz ta’ tagħlim reċiproku.

    Il-politika taż-żgħażagħ għandha tissokta bid-djalogu maż-żgħażagħ, biex din tifhem bis-sħiħ l-isfidi li ż-żgħażagħ jiffaċċjaw u l-aspettattivi tagħhom lejn dawk li jfasslu l-politika u dawk li jipprovdu servizzi ta’ appoġġ liż-żgħażagħ. Id-Djalogu Strutturat maż-żgħażagħ jista’ jiġi żviluppat aktar permezz ta’ aktar evalwazzjoni tal-proċess u l-eżitu tad-djalogu strutturat, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mill-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ u s-sejbiet minn dan ir-rapport, billi s-sħubija fil-Gruppi Nazzjonali ta’ Ħidma ssir aktar inklużiva u jkun żgurat li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jieħdu aktar kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin miż-żgħażagħ.

    Il-Kummissjoni se tiżviluppa l-inizjattiva tal-“Iskeda għaż-Żgħażagħ Mobbli” biex tagħmilha aktar faċli għalihom li jkunu mobbli madwar l-Ewropa. Se tilħaq ukoll liż-żgħażagħ kollha u tiffaċilita d-djalogu magħhom kollha, partikolarment dawk b’inqas opportunitajiet, u dan permezz tal-għodda interattivi ġodda tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ. Il-politika taż-żgħażagħ se tesplora wkoll miżuri li jrawwmu l-potenzjal kreattiv u innovattiv taż-żgħażagħ meta jippruvaw jindirizzaw sfidi relatati mal-impjiegi, l-impjegabbiltà u l-inklużjoni (54).

    Il-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni u l-programm futur tal-UE li jimmira ż-żgħażagħ, u benefiċjarji oħrajn, se jaqdu rwol partikolari fl-appoġġ għal dawn l-inizjattivi.

    6.   KONKLUŻJONIJIET

    L-implimentazzjoni tal-ewwel ċiklu ta’ ħidma ta’ tliet snin tal-qafas imġedded, li jkopri l-2010-2012, uriet li huwa kemm dejjiemi kif ukoll flessibbli bħala qafas għal firxa sħiħa ta’ azzjonijiet – mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mill-partijiet interessati oħra rilevanti. Il-qafas imġedded, bil-perspettiva tiegħu tas-setturi kollha u li tinkludi lil kulħadd, intlaqa’ b’interess u kien ta’ ispirazzjoni mhux biss għall-Istati Membri tal-UE, iżda wkoll għal pajjiżi barra mill-UE.

    Il-qafas imġedded serva bħala mezz biex jinħolqu rabtiet bejn l-oqsma ta’ azzjoni, inklużi l-impjiegi u l-intraprenditorija, l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-inklużjoni soċjali, biex jiżviluppa soluzzjonijiet b’ħafna possibbiltajiet favur l-appoġġ liż-żgħażagħ. Dan kien rilevanti pereżempju fit-tfittix ta’ tweġibiet biex jiġu indirizzati l-livelli għolja attwali ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u fl-appoġġ ta’ għadd dejjem jikber ta’ żgħażagħ li mhumiex fl-impjieg, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ. Ix-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ ikkontribwixxa għall-iżvilupp taż-żgħażagħ u għandu l-potenzjal li jagħmel aktar fl-oqsma kollha ta’ azzjoni.

    Sehem iż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika huwa ċentrali għall-politika taż-żgħażagħ. L-approfondiment u t-twessigħ tad-djalogu maż-żgħażagħ mhux biss jgħolli l-kwalità u l-leġittimità tal-politika taż-żgħażagħ, iżda wkoll iżid l-aspettattivi għall-UE u l-Istati Membri tagħha biex iwettquhom. L-UE għandha tagħmel ħilitha kollha biex tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ tagħha jkunu involuti fit-tfassil tal-ġejjieni tal-UE, partikolarment f’dawk il-kwistjonijiet li – kif diġà wrew il-konsultazzjonijiet suċċessivi u l-istħarriġ ta’ opinjonijiet – l-aktar jgħoddu għalihom. F’dan il-kuntest l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u x-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ għandhom rwol ewlieni.

    Biex ikompli jżid il-kontribut tiegħu fl-istrateġija Ewropa 2020, it-tieni ċiklu ta’ ħidma ta’ tliet snin tal-qafas imġedded (2013-2015) għandu l-ewwel nett jindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ minħabba l-kriżi. L-enfasi għandha tkompli titqiegħed fuq l-impjiegi u l-intraprenditorija, fuq iż-żieda tal-aċċess għax-xogħol, flimkien mal-iżvilupp ta’ kapaċitajiet innovattivi u kreattivi taż-żgħażagħ. Għandu wkoll jiffoka dejjem iżjed fuq l-inklużjoni soċjali, is-saħħa u l-benessri tagħhom.

    Il-programm attwali Żgħażagħ fl-Azzjoni qiegħed jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-qafas imġedded. Il-programm futur tal-UE mmirat lejn iż-żgħażagħ għandu jkompli jikkontribwixxi lejn il-kisba ta’ dawn l-għanijiet.


    (1)  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

    (2)  Ix-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ tkopri ambitu wiesa’ ta’ attivitajiet soċjali, kulturali, edukattivi jew politiċi minn, ma’ u għaż-żgħażagħ. Din tirrigwarda l-edukazzjoni ‘barra mill-iskola’ u l-attivitajiet rekreattivi mmexxija minn professjonisti jew minn ħaddiema volontarji fost iż-żgħażagħ u mexxejja taż-żgħażagħ. Hija bbażata fuq it-tagħlim mhux formali u s-sehem volontarju.

    (3)  COM(2010) 477.

    (4)  COM(2010) 682.

    (5)  COM(2010) 758.

    (6)  ĠU C 326, 3.12.2010, p. 9.

    (7)  ĠU C 135, 26.5.2010, p. 2.

    (8)  COM(2011) 815.

    (9)  COM(2012) 299.

    (10)  COM(2011) 933.

    (11)  Il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja.

    (12)  COM(2012)173, SWD(2012)98, SWD(2012)99.

    (13)  ĠU C 137, 27.5.2010, p. 1.

    (14)  Dok. 11838/11.

    (15)  ĠU C 327, 4.12.2010, p. 1.

    (16)  L-attivitajiet fl-oqsma tal-Istrateġija ta’ azzjoni huma deskritti aktar fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.

    (17)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

    (18)  ĠU C 372, 20.12.2011; COM(2011) 567.

    (19)  Ara wkoll il-qafas dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU L 394 30.12.2006).

    (20)  Stħarriġ tal-Ewrobarometru “Attitudnijiet tal-impjegaturi dwar il-ħiliet”.

    (21)  COM(2012) 485, 5.9.2012.

    (22)  Dok. 13707/12 ADD 1, p. 14.

    (23)  ĠU C 137, 27.5.2010, p. 1.

    (24)  Dok. 13707/12 ADD 1, p. 27.

    (25)  ĠU C 164, 2.6.2011, p. 1.

    (26)  Entrepreneurship Education at School in Europe (L-Intraprenditorija fl-Edukazzjoni fl-Iskola fl-Ewropa), il-Kummissjoni Ewropea, 2012.

    (27)  ĠU C 319, 13.12.2008, p. 1.

    (28)  Dok. 13707/12 ADD 1, p. 57.

    (29)  Dok. 13707/12 ADD 1, p. 51.

    (30)  Dok. 13707/12 ADD 1, p. 45.

    (31)  Dok. 13707/12 ADD 1, p. 47.

    (32)  ĠU C 169, 9.6.2011, p. 1.

    (33)  Żgħażagħ Mobbli – Rapporti analitiċi, il-grupp tal-età fil-mira 15-30.

    (34)  http://europa.eu/youth.

    (35)  ĠU C 319, 13.12.2008, p. 8.

    (36)  Dok. 13707/12 ADD 1, p. 75.

    (37)  Dok. 13707/12 ADD 1, p. 69.

    (38)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar il-Mobilità ta’ Voluntiera Żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 319, 13.12.2008, p. 8).

    (39)  ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.

    (40)  ĠU C 326, 3.12.2010; p. 2; ĠU C 372, 20.12.2011, p. 19; ĠU C 169, 15.6.2012, p. 1.

    (41)  Interarts, EACEA/2008/01.

    (42)  Sharm-al-Sheikh (2010), Odessa (2011), Tbilisi (2012), Tuneż (2012).

    (43)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 10.

    (44)  Dok. 13707/12 ADD 1, p. 86.

    (45)  SEC(2011) 401.

    (46)  Studji dwar l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura (InterARTS, 2010) u s-sehem taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika (London School of Economics, 2012).

    (47)  Aċċess għall-prattiki dwar l-użu ta’ indikaturi fl-oqsma relatati maż-żgħażagħ. Rapport finali għall-Kummissjoni Ewropea, DĠ Edukazzjoni u Kultura (Ecorys, 2011).

    (48)  Organizzata taħt il-Presidenza Spanjola.

    (49)  ĠU C 169, 15.6.2012, p. 1.

    (50)  Dawn l-erba’ pajjiżi li mhumiex fl-UE wieġbu għall-istedina tal-Kummissjoni biex il-pajjiżi kandidati tal-UE u l-Istati tal-EFTA jissottomettu Rapporti Nazzjonali taż-Żgħażagħ fuq bażi volontarja. Tressqu kontributi separati mit-tliet komunitajiet lingwistiċi tal-Belġju.

    (51)  Il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi sal-aħħar tal-2012 Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar linji gwida li jistabbilixxu garanziji liż-żgħażagħ.

    (52)  130 000 post tax-xogħol f’kumpaniji fl-2012 f ‘pajjiżi oħra tal-UE għal livell universitarju u għall-istudenti vokazzjonali.

    (53)  10 000 żagħżugħ b’opportunitajiet permezz tas-Servizz Volontarju Ewropew.

    (54)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-potenzjal kreattiv u innovattiv taż-żgħażagħ (ĠU C 169, 15.6.2012, p. 1).


    Top