Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0811(04)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 242, 11.8.2012, p. 13–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.8.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 242/13


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    2012/C 242/11

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

    “MÂCHE NANTAISE”

    Nru tal-KE: FR-PGI-0105-0072-26.10.2011

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni affettwata mill-emenda:

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta' produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn

    2.   Tip ta' emenda/i:

    Emenda tad-Dokument Uniku jew tal-Iskeda tas-Sommarju

    Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tad-DPO jew l-IĠP rreġistrati li għalihom ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku jew Skeda tas-Sommarju

    Emenda għall-Ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-Dokument Uniku ppublikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    Emenda temporanja tal-Ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    3.   Emenda/i:

    Id-deskrizzjoni tal-prodott ġiet emendata b'mod li tkun tinkludi l-kriterji ta' għażla stabbiliti mill-ortikulturi, u tippreċiża l-kundizzjonijiet li l-varjetajiet ġodda jridu jissodisfaw sabiex ikunu koperti bħala IĠP.

    Iż-żona ġeografika ma ġietx emendata. Qiegħed jiġi speċifikat li l-ippakkjar isir fiż-żona ġeografika ddefinita. Dan l-istadju jippermetti li jkun garantit prodott frisk (kunsinna fl-istess jum), u li jiġu applikati l-għarfien u l-metodi tekniċi(l-għadd ta' kontenituri għall-ħasil, it-temperatura, il-parametru ta' referenza għall-approvazzjoni) żviluppati mill-azjendi lokali u li huma indispensabbli biex jinkiseb prodott ta' kwalità.

    Il-prova tal-oriġini ġiet emendata biex tinkludi l-aħħar titjib li sar fid-dokumenti ta' reġistrazzjoni mfassla għall-professjonisti involuti (skeda dwar il-ħbula raba', skeda dwar l-għelejjel, eċċ.).

    Il-kapitolu dwar il-metodu ta' produzzjoni huwa dak li l-aktar fih emendi. Dawn jippermettu li l-proċess ta' produzzjoni u preparazzjoni tal-“Mâche Nantaise” jiġi mmodernizzat u adattat. Sabiex l-ispeċifikazzjoni tkun aġġornata, iddaħħlu l-iżviluppi tekniċi li saru minn mindu l-IĠP “Mâche Nantaise” ġiet irreġistrata fl-1999. L-emendi li saru huma dawn:

    kjarifika fir-rigward tal-lokalizzazzjoni tal-ħbula art fiż-żona ġeografika ddefinita,

    introduzzjoni ta' lista tal-varjetajiet li jintużaw bħalissa, inklużi l-karatteristiċi tagħhom, li huma meħtieġa għall-introduzzjoni tal-varjetajiet ġodda,

    riformulazzjoni tar-rekwiżiti fir-rigward tad-densità taż-żerriegħa,

    kjarifiki li jikkonċernaw il-karatterizzazzjoni tar-ramel użat (l-introduzzjoni ta' faxxa granulometrika, it-tondizza u n-newtralità kimika tar-ramel),

    perjodu ta' żmien massimu ta' 48 siegħa bejn l-analiżi tal-kwalità tal-“mâche” qabel jinħasad u l-ħsad innifsu,

    kjarifiki dwar il-metodu ta' ħsad u l-iskeda tal-kunsinna lejn l-azjenda,

    perjodu ta' żmien massimu ta' 24 siegħa bejn il-ħsad u t-tneħħija tar-ramel mill-“mâche”, li jiġi ppreżentat fuq trejs, u perjodu massimu ta' 48 siegħa bejn il-ħsad u t-trasport,

    perjodu ta' żmien massimu ta' 24 siegħa bejn il-ħsad u l-ħasil tal-“mâche” li jiġi ppreżentat f'kontenitur u li huwa lest għall-użu (din id-dispożizzjoni hija aktar severa jekk it-temperatura fil-bidu tal-ħsad tkun 12 °C; f'dan il-każ, il-ħasil għandu jsir fil-jum tal-ħsad),

    kjarifiki fir-rigward tal-ħasil tal-“mâche” li jiġi ppreżentat f'kontenituri u dak li huwa lest għall-użu (temperatura tal-ilma, il-possibbiltà ta' tqassim awtomatiku),

    żieda ta' temperatura massima għall-postijiet fejn isir l-ippakkjar,

    riformulazzjoni tal-kontrolli li għandhom isiru qabel il-kummerċjalizzazzjoni.

    Ir-rabta mal-oriġini tal-prodott ġiet emendata biex tinkludi l-iżviluppi tekniċi li saru minn mindu l-IĠP “Mâche Nantaise” ġiet irreġistrata fl-1999, iżda wkoll biex ittejjeb ir-reputazzjoni tal-prodott billi tenfasizza ċerti prattiċi magħrufa, bħall-użu tal-faxx granlometriku fil-produzzjoni tal-“Mâche Nantaise”.

    It-tikkettar ġie emendat b'mod li tneħħew ir-rekwiżiti nazzjonali, li ma għadhomx rilevanti, u l-kliem “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” ġie sostitwit bl-użu sistematiku tal-logo tal-IĠP tal-Unjoni Ewropea.

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “MÂCHE NANTAISE”

    Nru tal-KE: FR-PGI-0105-0072-26.10.2011

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem:

    “Mâche Nantaise”

    2.   Stat Membru Jew pajjiż terz:

    Franza

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

    3.1.   Tip ta’ prodott:

    Klassi 1.6.

    Frott, ħaxix u ċereali friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem f'(1):

    Pjanta żgħira, li tikber malajr u li ġejja mill-familja tal-Valerjani, tal-klassi Valerianella, u tal-ispeċi olitoria, iddeżinjata bl-isem ta' “mâche commune”, u li għandha weraq radikali, tawwalin, f'forma ta' spatula, b'vini pjuttost immarkati u li jitwieldu f'pari, filwaqt li jkunu mrikkbin waħda fuq l-oħra f'forma ta' salib u jiffurmaw rożetta pjuttost sfiqa. Il-varjetajiet li jintużaw bħalissa huma dawn li ġejjin: Accent – Agathe – Baron – Calarasi RZ – Cirilla – Dione – Elan – Eurion – Fiesta – Gala – Jade – Juvert – Juwallon – Match – Medaillon – Palace – Princess – Pulsar – Rodion – Trophy – Valentin – Vertes de Cambrai. F'każ ta' introduzzjoni ta' varjetajiet ġodda, il-grupp ta' produtturi jibbaża ruħu fuq il-karatteristiċi li ġejjin: għandhom ikunu ħodor jew bil-qoxra, b'fenotip li jippermetti l-ħsad u l-ippakkjar tal-pjanta sħiħa; għandhom ikunu inklużi fil-katalogu nazzjonali Franċiż jew fil-katalogu tal-Komunità; u għandhom jilħqu l-istandards professjonali fitosanitarji u l-istandards professjonali fir-rigward tal-kapaċità ta' ġerminazzjoni. Il-lista tal-varjetajiet titqassam lill-produtturi wara kull emenda, kif ukoll lill-entitajiet ta' kontroll u lill-awtoritajiet kompetenti ta' kontroll.

    Il-“Mâche Nantaise”, li ma jistax ikun kummerċjalizzat eżatt kif jittieħed mill-għalqa, irid jgħaddi minn preparazzjoni speċifika qabel ma jiġi ppakkjat u ppreżentat fuq trej, f'kontenitur, jew fil-każ ta' prodott lest għall-użu, f'basket; dawn huma t-3 tipi ta' ppakkjar tal-IĠP.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

    Mhux rilevanti

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

    Mhux rilevanti

    3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita:

    L-istadji kollha tal-produzzjoni (kultivazzjoni, ħasil, ippakkjar) iridu jseħħu fiż-żona ġeografika.

    Il-preparazzjoni tal-“Mâche Nantaise”, li huwa prodott frisk partikolarment fraġli, hija proċess kumpless li jikkonsisti f'diversi fażijiet ta' proċessar suċċessivi. Din tesiġi kuntatt mill-qrib bejn l-azjendi u l-produtturi kif ukoll distanza qasira bejn l-azjendi u l-ħbula art biex il-kwalità tal-prodott tkun tista' tiġi vvalutata kontinwament, u b'hekk il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-prodott finali jiġu kkontrollati u jiġi offrut prodott garantit li jkun frisk u li jżomm fit-tul.

    Dan huwa possibbli l-aktar bl-użu ta' parametru ta' referenza komuni għall-kwalità stabbilita fir-reġjun, fin-nuqqas ta' standards uffiċjali. Dan huwa applikat fl-għalqa, fid-dħul għall-azjenda (approvazzjoni ta' prodott mhux maħsul) u għall-prodott finali.

    3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

    L-ippakkjar għandu wkoll iseħħ fl-istess żona ġeografika biex ikun garantit prodott frisk (kunsinna fl-istess jum) u biex jiġu applikati l-għarfien u l-metodi tekniċi (l-għadd ta' kontenituri għall-ħasil, it-temperatura, il-parametru ta' referenza għall-approvazzjoni) żviluppati mill-azjendi lokali u li huma indispensabbli għall-ksib ta' prodott ta' kwalità.

    Minħabba li huwa f'kuntatt dirett mal-produtturi, l-azjenda tista' tadatta ruħha, b'mod kontinwu u mgħaġġel, għall-kundizzjonijiet tal-ħsad u dawk klimatiċi, kif ukoll għar-rekwiżiti li jikkonċernaw iż-żamma tal-prodott b'mod li tintlaħaq l-aqwa kwalità possibbli tal-“Mâche Nantaise”.

    Minħabba din ir-relazzjoni kumplimentari, il-produzzjoni u l-preparazzjoni (inkluż l-ippakkjar) tal-“Mâche Nantaise” huma t-tnejn lokalizzati fil-qalba tal-baċir naturali ta' Nantes, li jagħti lill-“Mâche Nantaise” l-ispeċifiċità tiegħu u jiggarantixxi r-reputazzjoni tiegħu. Il-proċeduri kollha huma rreġistrati bl-użu tal-għodda ta' traċċabbiltà.

    It-tliet tipi possibbli ta' ppakkjar huma:

     

    “Mâche” fi trej: “Mâche” b'weraq kbar (piż ta' 100 pied > 200 g), magħżula, irranġati, mingħajr ramel u mqiegħda fi trej.

     

    “Mâche” f'kontenitur: “Mâche” magħżul, mingħajr ramel, maħsul, imqassam, imqiegħed f'kontenitur imgeżwer f'film plastiku trasparenti jew simili.

     

    “Mâche” lest għall-użu: “Mâche” magħżul, mingħajr ramel, maħsul, imqassam, imqiegħed f'basket jew f'pakkett issiġillat, lest għall-użu u mqiegħed fil-katina ta' tkessiħ.

    3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar:

    Minbarra l-informazzjoni obbligatorja u speċifika għal min jippakkja, it-tikkettar tal-prodotti li jikkorrispondi għall-ispeċifikazzjoni sħiħa tal-“Mâche Nantaise”, għandu jinkludi dan li ġej:

    L-isem tal-IĠP: “Mâche Nantaise”;

    Il-logo tal-IĠP tal-Unjoni Ewropea.

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

     

    33 cantons tad-département ta' Loire-Atlantique:

    Aigrefeuille-sur-Maine – Ancenis – Bouaye – Bourgneuf-en-Retz – Carquefou – La Chapelle-sur-Erdre – Clisson – Le Croisic – La Baule-Escoublac – Guérande – Herbignac – Legé – Ligné – Le Loroux-Bottereau – Machecoul – Montoir-de-Bretagne – Nantes – Nort-sur-Erdre – Orvault – Paimboeuf – Le Pellerin – Pontchateau – Pornic – Rezé – Saint-Étienne-de-Montluc – Saint-Herblain – Saint-Nazaire – Saint-Père-en-Retz – Saint-Philbert-de-Grand-Lieu – Savenay – Vallet – Vertou – Vertou-Vignoble

     

    8 cantons f'Vendée (li minnhom 6 jmissu ma' Loire-Atlantique):

    Beauvoir-sur-Mer – Challans – Le Poiré-sur-Vie – Montaigu – Palluau – Rocheservière – Saint-Gilles-Croix-de-Vie – Saint Jean-de-Monts

     

    2 cantons f'Maine-et-Loire (li jmissu ma' Loire-Atlantique):

    Champtoceaux – Montrevault

    5.   Rabta maż-żona ġeografika:

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

    Fatturi naturali

    Il-klima oċeanika moderata hija perfettament adattata għall-produzzjoni tal-“mâche”. Hija kkaratterizzata minn temperaturi kesħin tax-xitwa, li huma ideali għall-“Mâche Nantaise”, mingħajr ma jkun hemm, madanakollu, perjodi twal wisq ta' ġlata. Din il-klima hija preżenti fil-baċir sħiħ u tillimita l-varjazzjonijiet eċċessivi jew brutali tat-temperatura filwaqt li tippermetti kwalità ideali u speċifika matul is-sena kollha.

    Tradizzjonalment, il-ħamrija l-aktar adatta għall-kultivazzjoni tal-ħxejjex bikrija, inkluż il-“mâche”, tkun magħmula minn depożiti alluvjali mrammla, u tkun għalhekk permeabbli. Din kienet tinsab qrib il-belt ta' Nantes, li dak iż-żmien kienet toffri swieq għall-prodotti, u qrib il-Loire, li kienet tipprovdi l-ilma u kwantitajiet kbar ta' ramel użat fil-qasam.

    Tul bosta ġenerazzjonijiet, ir-ramel użat għall-kultivazzjoni tal-“mâche” kien ġej minn depożiti naturali tal-Loire. Fl-1994, l-awtoritajiet iddeċidew li jipprojbixxu l-estrazzjoni tar-ramel tal-Loire minħabba l-ħsara kkawżata lil għadd ta' strutturi fir-reġjun tal-Loire (pontijiet, xtut tax-xmajjar, eċċ.). Minħabba dan, l-ortikulturi sabu sorsi oħra ta' ramel li għandu l-istess karatteristiċi.

    Fatturi umani

    L-ortikultura tar-reġjun ta' Nantes bdiet f'nofs is-seklu 19, fil-Punent ta' Nantes, fejn kienu jiġu prodotti ħxejjex maħsuba bħala alimentazzjoni għar-reġjun u bħala forniment lill-vapuri. L-ortikultura f'Nantes u fil-madwar, fil-verità, ma bdewx ħlief fis-snin 1919-1920, meta l-maġġoranza tal-ortikulturi l-kbar abbandunaw is-swieq lokali u bdew jibagħtu l-prodotti tagħhom direttament lejn Pariġi u l-villaġġi l-kbar tal-provinċja.

    L-organizzazzjoni professjonali tal-ortikulturi, li kienet bdiet fi tmiem is-seklu 19, baqgħet sejra bejn il-gwerer u saret ferm aktar stabbilita. Din kienet waħda mill-muturi tal-iżvilupp u dan minħabba, pereżempju, il-ħolqien tal-Fédération des Groupements de Producteurs Maraîchers Nantais fis-7 ta' Lulju 1928.

    L-ortikultura li ssir taħt strutturi mobbli (châssis) ġiet introdotta fil-bidu tas-seklu 20. Dawn l-istrutturi bdew jissejħu “châssis nantais”, isem li nfirex matul il-perjodu bejn iż-żewġ gwerer. Il-ħbula art ġew diviżi aktar fi ħmiemel li jikkorrispondu għat-tul tal-istrutturi u li huma separati minn xulxin permezz ta' passaġġi (board crossings) li jkunu wesgħin madwar 40 ċentimetru. Fil-ħmiemel il-ħamrija tinġabar mal-pjanta sabiex jiġi ffaċilitat it-tnixxif tal-ħamrija, li huwa essenzjali biex il-“Mâche Nantaise” jimmatura kmieni u essenzjali għall-kwalità tiegħu. Id-diviżjoni fi ħmiemel fissret li ż-żrigħ u l-ħsad setgħu jsiru mingħajr ma ssir ħsara lill-ħamrija matul il-ħarifa u x-xitwa, u dan minħabba li l-passaġġi jsiru naturalment stabbli matul is-sajf.

    Dan il-punt huwa fundamentali sabiex wieħed jifhem l-iżvilupp tal-“mâche” fir-reġjun ta' Nantes. Flimkien mal-użu possibbli tar-ramel u ma' klima favorevoli, iż-żrigħ fil-ħmiemel taħt il-kaxex tal-iffurmar ippermettew li l-produtturi jiksbu prodott bikri u ta' kwalità għolja ħafna li l-ebda reġjun ieħor ma seta' jipproduċi f'dak iż-żmien partikolari tas-sena.

    Mis-snin ħamsin, Nantes kisbet pożizzjoni dominanti fis-swieq Franċiżi u Ewropej. Mis-snin sittin u speċjalment fis-snin sebgħin, l-istrutturi tradizzjonali ġew sostitwiti b'mini żgħar tal-plastik, għalkemm inżamm iż-żrigħ fil-ħmiemel.

    Mill-1975-1983 sal-preżent, il-produzzjoni tal-“Mâche Nantaise” żdiedet minn 3 000 tunnellata għal 12 000 tunnellata fis-sena fir-reġjun ta' Nantes waħdu, u dan kien possibbli grazzi għall-mekkanizzazzjoni tal-ħsad u għall-forom ġodda ta' ppakkjar (kontenituri, basktijiet, eċċ.).

    Illum il-ġurnata, il-produzzjoni medja annwali ta' 30 000 tunnellata ta' “mâche” fil-baċir ta' Nantes issaħħaħ il-pożizzjoni ewlenija tagħha fi Franza u fl-Ewropa. Madwar nofs il-produzzjoni hija maħsuba għall-esportazzjoni, b'mod partikolari lejn il-Ġermanja.

    Għarfien speċifiku

    L-ortikulturi ta' Nantes wirtu għarfien sod u speċifiku.

    Żviluppaw iż-żrigħ fil-ħmiemel, teknika li tippermetti ż-żrigħ fi strixxi u żieda fl-għadd ta' rotazzjonijiet. Iż-żrigħ fil-ħmiemel huwa importanti għall-kwalità tal-prodott: flimkien mal-użu tar-ramel, l-alternanza ta' ħmiemel li fihom il-ħamrija tkun inġabret madwar il-pjanta ma' passaġġi fil-ħamrija tiffaċilita t-tnixxif tal-ħamrija u tipprevjeni l-istaġnar tal-ilma. Dan jillimita r-riskju ta' mard.

    Żviluppaw metodu ta' kultivazzjoni koperta: minn dejjem kien meħtieġ li fil-produzzjoni tal-“Mâche Nantaise” l-għelejjel jitgħattew. Matul is-snin, l-ortikulturi żviluppaw koperturi li jipprovdu protezzjoni permanenti għall-pjanti.

    Jużaw tip speċifiku ta' ramel: flimkien maż-żrigħ fil-ħmiemel, ir-ramel huwa essenzjali għall-produzzjoni tal-“Mâche Nantaise”. Dan ir-ramel huwa kkaratterizzat mit-tondizza tiegħu (biex ma ssirx ħsara lin-nebbieta), min-newtralità kimika tiegħu (biex tittejjeb l-istruttura fiżika tar-ramel mingħajr ma tinbidel in-natura kimika tiegħu), kif ukoll minn konformità mal-faxxa granulometrika ddefinita fis-snin 2000 wara konsultazzjoni mal-ortikulturi professjonali. Ir-ramel, applikat f'saff fin bi ħxuna ta' 0,5 sa 1 ċm, jikkostitwixxi ħammiela taż-żerriegħa ideali, li tiffaċilita s-sħana tal-ħamrija u tiffavorixxi l-ġerminazzjoni. Minbarra dan, jipprevjeni l-iżvilupp tal-muski, li ta' spiss jidhru fuq żrieragħ li jkunu nżergħu f'jiem qosra. Il-ħamrija toħloq għalhekk ambjent li jiffavorixxi t-tkabbir tal-“Mâche Nantaise”.

    Ħolqu għodda adattata għall-ħsad: is-saff tar-ramel iħalli wkoll biżżejjed spazju biex tgħaddi xafra minnu u tibqa' sejra sal-bażi tat-truf orizzontali tal-għerq. Dan is-saff ta' ħamrija, li fuqu xafra tiżżerżaq faċilment, ħeġġeġ ukoll il-mekkanizzazzjoni tal-ħsad, billi l-“Mâche” seta' jinġabar u jitqiegħed direttament fiċ-ċestun tal-injam fejn jinħasel il-prodott.

    Żviluppaw għodod xierqa u għarfien marbut mal-preparazzjoni tal-“mâche” wara l-ħsad: it-tneħħija tar-ramel u l-ħasil tal-“mâche”, li jsiru eżatt wara l-ħsad, jaffettwaw il-kwalità finali tiegħu. L-ewwel sistema ta' ħasil kontinwu, li kienet tikkonsisti minn ħassiela awtomatiċi, ġiet ivvintata u żviluppata f'Nantes. Dawn jippermettu tneħħija rapida u effiċjenti tar-ramel mill-“mâche” li diġà jkun ġie mqiegħed fil-kaxex. Il-“Mâche Nantaise” huwa tipikament ippreżentat b'dan il-mod, imnaddaf sew u rranġat b'mod pulit. Jikkostitwixxi wkoll element rikonoxxut tal-għarfien tal-ortikulturi fir-reġjun ta' Nantes.

    Ipperfezzjonaw is-sistema ta' kontroll li tiżgura li l-kwalità tal-“Mâche Nantaise” hija mmonitorjata f'kull stadju tal-preparazzjoni: adottaw parametru ta' referenza komuni fir-rigward tal-kwalità tal-“Mâche” komuni li jiggarantixxi omoġenjità kbira fil-kwalità tal-prodott.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

    Il-kultivazzjoni fil-ħmiemel, l-użu tar-ramel u għodod adattati għall-preparazzjoni tal-prodott finali, kif ukoll parametru referenzjarju komuni għall-kwalità tal-“mâche”, huma kollha elementi li jaffettwaw il-kwalità u l-ispeċifiċità tal-prodott: dan jikkonsisti minn pjanta sħiħa, mingħajr għeruq, ramel jew traċċi ta' ħamrija, fejn jonqsu l-frekwenza tat-titwil taz-zokk, l-għadd ta' kotiledoni li jisfaru jew jiswiedu, l-għadd ta' weraq sofor, u l-għadd ta' tbajja tal-batterji.

    Il-prodott huwa tipikament ippreżentat fi trejs tradizzjonali. Il-mekkanizzazzjoni tal-ħsad u l-metodi moderni ta' ppakkjar (basktijiet għal “mâche” lest għall-użu kif ukoll kontenituri) jippermettu li l-prodott jiġi ppreżentat mingħajr ramel, li qabel kien jikkostitwixxi l-iżvantaġġ prinċipali ta' dan il-prodott.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika ddefinita u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

    Il-kultivazzjoni ta' ħxejjex bikrija tħeġġet permezz tat-tradizzjonijiet tal-ortikultura tar-reġjun ta' Nantes. Din l-ortikultura żviluppat fir-reġjun ta’ Nantes, bis-saħħa tal-ħamrija adattata, magħmula minn depożiti alluvjali mrammla u għalhekk permeabbli; bis-saħħa tal-belt ta' Nantes, li offriet suq għall-prodott; u bis-saħħa tal-Loire, li pprovdiet l-ilma meħtieġ u tip ta' ramel xieraq.

    Il-klima oċeanika fiż-żona ġeografika tippermetti temperaturi kesħin tax-xitwa, li huma ideali għall-“Mâche Nantaise”, mingħajr ma jkun hemm, madanakollu, perjodi twal wisq ta' ġlata. Għalhekk, il-varjazzjonijiet fit-temperaturi huma relattivament żgħar u dan huwa partikolarment ta' benefiċċju għall-kultivazzjoni tal-“Mâche Nantaise”.

    Il-klima kif ukoll l-użu tal-għarfien stabbilit (bl-użu ta' tip ta' ramel speċifiku, tond u newtrali fil-livell kimiku, il-kultivazzjoni fil-ħmiemel, il-preparazzjoni tal-prodott wara l-ħsad) huma komponenti essenzjali li jiggarantixxu l-kwalità tal-“Mâche Nantaise”.

    L-oriġini tal-“mâche” hija magħrufa sew mal-konsumaturi u d-distributuri, li japprezzaw dan l-għarfien uniku.

    Il-baċir ta' Nantes, bl-ispeċifiċità ġeografika tiegħu, huwa wieħed mill-pilastri li fuqu nbniet it-tradizzjoni tal-antenati tal-ortikultura fir-reġjun ta' Nantes u l-prodott ewlieni tagħha, il-“Mâche Nantaise”.

    Il-“Mâche Nantaise” jissemma f'inventarju tal-patrimonju kulinarju ta' Franza, imwettaq mill-Conseil National des Arts culinaires.

    Il-“Mâche Nantaise” ilu għal dawn l-aħħar 25 sena jiġi appoġġjat minn sforzi kollettivi kbar ta' promozzjoni: kartelluni fil-métros u fuq il-karozzi tal-linja ta' Pariġi, riklami fuq ir-radju u l-istazzjonijiet televiżi fi Franza iżda wkoll barra.

    Il-“Mâche Nantaise” ilu sa minn nofs is-snin 80 jkun is-suġġett ta' artikli u riċetti (Ouest France, Le Figaro, Le Monde, eċċ.).

    Il-korrelazzjoni ta' dawn it-tliet parametri (klima, għarfien u reputazzjoni storika u attwali tal-“Mâche Nantaise”) fiż-żona ġeografika, tagħti lill-IĠP “Mâche Nantaise” leġittimità reali, kemm permezz tal-kwalità miksuba u kemm permezz tal-mezzi tekniċi użati.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCMachenantaise31012012.pdf


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top