EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0111(03)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta' servizz pubbliku (2011) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 8/15


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta' servizz pubbliku (2011)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 8/03

1.   SKOP U AMBITU

1.

Sabiex ċerti servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (services of general economic interest SGEIs), joperaw fuq il-bażi tal-prinċipji u taħt il-kundizzjonijiet li jippermettulhom li jissodisfaw il-missjonijiet tagħhom, l-appoġġ finanzjarju mill-awtoritajiet pubbliċi jista' jkun neċessarju fejn id-dħul li jiġi mill-forniment tas-servizz ma jippermettix li jiġu koperti l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligu ta' servizz pubbliku.

2.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (1) jirriżulta li l-kumpens tas-servizz pubbliku ma jammontax għal għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jekk jissodisfa ċertu numru ta' kundizzjonijiet (2). Fejn ikunu sodisfatti dawk il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 108 tat-Trattat ma japplikax.

3.

Fejn il-kumpens tas-servizz pubbliku ma jissodisfax dawk il-kundizzjonijiet, u sa fejn ssodisfati l-kriterji ġenerali għall-applikabbiltà tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, tali kumpens jammonta għal għajnuna mill-Istat u huwa soġġett għall-Artikoli 106, 107 u 108 tat-Trattat.

4.

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat għal kumpens mogħti għall-forniment ta' servizzi li jkunu ta' interess ekonomiku ġenerali (3), il-Kummissjoni ċċarat il-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpens għas-servizz pubbliku għandu jitqies bħala għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, fir-Regolament tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna de minimis mogħtija lill-impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (4), il-Kummissjoni ser tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom ammonti żgħar ta’ kumpens għal servizz pubbliku għandhom jitqiesu li ma jaffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri u/jew li ma jfixklux jew ma jheddux li jfixklu l-kompetizzjoni. F’dawk iċ-ċirkostanzi, il-kumpens ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) tat-Trattat u konsegwentement ma jaqax taħt il-proċedura ta' notifika prevista fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

5.

L-Artikolu 106(2) tat-Trattat jipprovdi l-bażi legali għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għall-SGEIs. Dan jistqarr li l-impriżi inkarigati bl-operat tal-SGEIs jew li jkollhom il-karattru ta' monopolju li jipproduċi d-dħul huma soġġetti għar-regoli li hemm fit-Trattat, b'mod partikolari r-regoli dwar il-kompetizzjoni. Madankollu, l-Artikolu 106(2) tat-Trattat jipprovdi għal eċċezzjoni mir-regoli li jinsabu fit-Trattat sa fejn l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun tfixkel, fid-dritt jew fil-fatt, it-twettiq tal-ħidmiet assenjati. Din l-eċċezzjoni tapplika biss fejn l-iżvilupp tal-kummerċ ma jkunx affettwat sa punt tali li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni.

6.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE (5) dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens tas-servizz pubbliku mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bl-operar tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (6) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal ċerti tipi ta' kumpens ta' servizz pubbliku li għandhom jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) tat-Trattat u jkunu eżenti mill-obbligu tan-notifika minn qabel skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

7.

Il-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni japplikaw biss għal kumpens ta’ servizz pubbliku sakemm ikun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mhux koperta mid-Deċiżjoni 2012/21/UE. Tali kumpens huwa soġġett għall-obbligu ta’ notifika minn qabel skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Din il-Komunikazzjoni tispjega l-kundizzjonijiet li skonthom tali għajnuna mill-Istat tista' tinstab kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) tat-Trattat. Hija tissostitwixxi l-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku (7).

8.

Il-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni japplikaw għal kumpens għas-servizz pubbliku fil-qasam tat-trasport marittimu u bl-ajru, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi aktar stretti li hemm fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni. Huma ma japplikaw la għas-settur tat-trasport bl-art, u lanqas għas-settur tas-servizz pubbliku tax-xandir, li huwa kopert mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat lis-servizz pubbliku tax-xandir (8).

9.

Għajnuna lil fornituri tal-SGEIs li jinsabu f'diffikultà tiġi vvalutata skont il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà (9).

10.

Il-prinċipji stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni japplikaw mingħajr preġudizzju għal:

(a)

ħtiġijiet imposti mil-liġi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni (b'mod partikolari l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat);

(b)

ħtiġijiet imposti mil-liġi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-akkwist pubbliku;

(c)

id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (10);

(d)

ħtiġijiet addizzjonali li jirriżultaw mit-Trattat jew mil-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni.

2.   KUNDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-KUMPENS TA' SERVIZZ PUBBLIKU LI JIKKOSTITWIXXI GĦAJNUNA MILL-ISTAT

2.1.   Dispożizzjonijiet ġenerali

11.

Fl-istadju kurrenti tal-iżvilupp tas-suq intern, l-għajnuna mill-Istat li taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2012/21/UE tista' tiġi dikjarata kompatibbli mal-Artikolu 106(2) tat-Trattat jekk tkun neċessarja għall-operar tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali kkonċernat u jekk ma taffettwax l-iżvilupp tal-kummerċ sa punt tali li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni. Il-kundizzjonijiet stabbiliti mit-taqsimiet 2.2 sa 2.10 jridu jiġu ssodisfati sabiex jintlaħaq dak il-bilanċ.

2.2.   Servizz ta' interess ekonomiku ġenerali ġenwin kif imsemmi fl-Artikolu 106 tat-Trattat

12.

L-għajnuna trid tingħata għal servizz ta' interess ekonomiku ġenerali ġenwin u definit b'mod korrett kif imsemmi fl-Artikolu 106(2) tat-Trattat.

13.

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għal kumpens mogħti għall-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, il-Kummissjoni pprovdiet gwida dwar il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw id-definizzjoni ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali. B’mod partikolari, l-Istati Membri ma jistgħux jinkludu obbligi speċifiċi ta’ servizz pubbliku ma' servizzi li diġà huma pprovduti jew li jistgħu jiġu pprovduti b’mod sodisfaċenti, bħall-prezz, karatteristiċi oġġettivi ta' kwalità, kontinwità u l-aċċess għas-servizz, konsistenti mal-interess pubbliku, kif definit mill-Istat, mill-impriżi li joperaw skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq. Rigward il-kwistjoni dwar jekk servizz jistax ikun provdut mis-suq, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija limitata għal verifika dwar jekk id-definizzjoni tal-Istat Membru hijiex vizzjata minn żball ċar, sakemm id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni Ewropea ma jipprovdux standard aktar strett.

14.

Għall-fini tal-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni, l-Istati Membri għandhom juru li taw konsiderazzjoni xierqa lill-bżonnijiet tas-servizz pubbliku appoġġjati permezz ta' konsultazzjoni pubblika jew strumenti adatti oħra biex jittieħed kont tal-interessi tal-utenti u tal-fornituri. Dan ma japplikax fejn ikun ċar li konsultazzjoni ġdida mhux ser twassal għal żieda sinifikanti fil-valur ta’ konsultazzjoni reċenti.

2.3.   Bżonn ta' att ta' inkarigu li jispeċifika l-obbligi tas-servizz pubbliku u l-metodi għall-kalkolu tal-kumpens

15.

Ir-responsabbiltà għall-operar tal-SGEI trid tiġi fdata lill-impriża kkonċernata permezz ta' att wieħed jew aktar, li l-forma tiegħu tista' tiġi determinata minn kull Stat Membru. It-terminu “Stat Membru” jkopri l-awtoritajiet ċentrali, reġjonali u lokali.

16.

L-att jew atti jridu jinkludu, b’mod partikolari:

(a)

il-kontenut u t-terminu ta' żmien tal-obbligi tas-servizz pubbliku;

(b)

l-impriża u, fejn applikabbli, it-territorju kkonċernat;

(c)

in-natura ta' kwalunkwe drittijiet esklussivi jew speċjali mogħtija lill-impriża mill-awtorità awtorizzanti;

(d)

id-deskrizzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kumpens u l-parametri għall-kalkolu, il-monitoraġġ u r-reviżjoni tal-kumpens; kif ukoll

(e)

l-arranġamenti biex jiġi evitat u jiġi rkuprat kull kumpens eċċessiv.

2.4.   Tul tal-perjodu tal-inkarigu

17.

It-tul tal-perjodu tal-inkarigu għandu jiġi ġustifikat b'referenza għall-kriterji oġġettivi bħall-bżonn li jiġu amortizzati assi fissi mhux trasferibbli. Fil-prinċipju, it-tul tal-perjodu tal-inkarigu m'għandux jaqbeż il-perjodu meħtieġ għad-deprezzament tal-assi l-iżjed sinifikanti meħtieġa biex jiġi pprovdut l-SGEI.

2.5.   Konformità mad-Direttiva 2006/111/KE

18.

L-għajnuna ser titqies kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat biss fejn l-impriża tikkonforma, fejn applikabbli, mad-Direttiva 2006/111/KE (11). L-għajnuna li ma tikkonformax ma' dik id-Direttiva hija meqjusa li taffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ sa punt tali li jkun kuntrarju għall-interess tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat.

2.6.   Konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku

19.

L-għajnuna ser titqies li hija kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat biss fejn l-awtorità responsabbli, meta tassenja l-forniment tas-servizz lill-impriża inkwistjoni, tkun ikkonformat jew timpenja ruħha li tikkonforma mar-regoli applikabbli tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Dan jinkludi kull rekwiżit ta’ trasparenza, trattament ugwali u nondiskriminazzjoni li jirriżultaw direttament mit-Trattat u, fejn applikabbli, mil-liġi sekondarja tal-Unjoni. L-għajnuna li ma tikkonformax ma' tali regoli u rekwiżiti titqies li taffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ sa punt tali li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat.

2.7.   Nuqqas ta' diskriminazzjoni

20.

Fejn awtorità tassenja l-forniment tal-istess SGEI lil numru ta' impriżi, il-kumpens għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-istess metodu fir-rigward ta’ kull impriża.

2.8.   Ammont tal-kumpens

21.

L-ammont ta' kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex ikopri l-ispiża netta (12) għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku, inkluż profitt raġonevoli.

22.

L-ammont tal-kumpens jista' jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-ispejjeż u d-dħul proġettati jew inkella tal-ispejjeż u d-dħul li saru attwalment, jew fuq taħlita tat-tnejn, skont l-inċentivi għall-effiċjenza li l-Istati Membri jixtiequ li jipprovdu mill-bidu, f'konformità mal-paragrafi 40 u 41.

23.

Fejn il-kumpens huwa bbażat, kollu jew parti minnu, fuq l-ispejjeż u d-dħul proġettati, dawk iridu jiġu speċifikati fl-att tal-inkarigu. Huma jridu jkunu bbażati fuq parametri plawsibbli u osservabbli dwar l-ambjent ekonomiku li fih ikun qed jiġi provdut l-SGEI. Huma jridu jibbażaw, fejn adattat, fuq l-esperjenza ta’ regolaturi tas-settur jew ta' entitajiet oħra li jkunu indipendenti mill-impriża. L-Istati Membri jridu jindikaw is-sorsi li fuqhom huma bbażati dawn l-aspettattivi (13). L-istima tal-ispejjeż trid tirrifletti l-aspettattivi tal-kisbiet fl-effiċjenza miksuba mill-fornitur tal-SGEI matul l-inkarigu.

Spiża netta neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku

24.

L-ispiża netta neċessarja, jew li tkun mistennija li tkun neċessarja, għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku għandha tiġi kalkolata bl-użu tal-metodoloġija tal-ispejjeż netti evitati fejn dan huwa mitlub mill-Unjoni jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u f’każijiet oħra fejn dan hu possibbli.

Metodoloġija tal-ispejjeż netti evitati

25.

Taħt il-metodoloġija tal-ispejjeż netti evitati, l-ispiża netta neċessarja, jew mistennija li tkun neċessarja, għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku tiġi kkalkolata bħala d-differenza bejn l-ispiża netta għall-fornitur tas-servizz biex jopera bl-obbligu ta' servizz pubbliku u l-ispiża netta jew il-profitt tal-istess fornitur biex jopera mingħajr dak l-obbligu. Trid tingħata attenzjoni xierqa lill-valutazzjoni korretta tal-ispejjeż li l-fornitur tas-servizz huwa mistenni li jevita u d-dħul li jkun mistenni li ma jirċevix, fin-nuqqas tal-obbligu ta' servizz pubbliku. Il-kalkolu tal-ispiża netta għandu jevalwa l-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji intanġibbli, lill-fornitur tal-SGEI.

26.

L-Anness IV għad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (14), u l-Anness I għad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (15), fihom gwida aktar dettaljata dwar kif għandha tiġi applikata l-metodoloġija tal-ispejjeż netti evitati.

27.

Għalkemm il-Kummissjoni tqis il-metodoloġija tal-ispejjeż netti evitati bħala l-aktar metodu preċiż biex jiġu determinati l-ispejjeż ta' obbligu ta' servizz pubbliku, jista' jkun hemm każijiet fejn l-użu ta' dik il-metodoloġija ma jkunx fattibbli jew adattat. F'tali każijiet, fejn ġustifikat kif xieraq, il-Kummissjoni tista' taċċetta metodi alternattivi għall-kalkolu tal-ispejjeż netti neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta' servizz pubbliku, bħall-metodoloġija bbażata fuq l-allokazzjoni tal-ispiża.

Metodoloġija bbażata fuq l-allokazzjoni tal-ispiża

28.

Taħt il-metodoloġija bbażata fuq l-allokazzjoni tal-ispiża, l-ispiża netta meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku tista' tiġi kkalkolata bħala d-differenza bejn l-ispejjeż u d-dħul għal fornitur partikolari biex jissodisfa l-obbligi tas-servizz pubbliku, kif speċifikat u stmat fl-att tal-inkarigu.

29.

L-ispejjeż li għandhom jiġu kkunsidrati għandhom jinkludu l-ispejjeż kollha meħtieġa fit-tħaddim tal-SGEI.

30.

Meta l-attivitajiet tal-impriża inkwistjoni jkunu limitati għall-SGEI, jistgħu jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha.

31.

Meta l-impriża twettaq ukoll attivitajiet li jaqgħu barra l-ambitu tal-SGEI, l-ispejjeż li għandhom jiġu kkunsidrati jistgħu jkopru l-ispejjeż diretti kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku u kontribuzzjoni adatta għall-ispejjeż indiretti komuni kemm għall-SGEI u għall-attivitajiet l-oħra. L-ispejjeż marbuta ma' xi attivitajiet li jkunu barra l-ambitu tal-SGEI jridu jinkludu l-ispejjeż diretti kollha u kontribuzzjoni adatta għall-ispejjeż komuni. Sabiex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni xierqa għall-ispejjez komuni, il-prezzijiet tas-suq għall-użu tar-riżorsi, fejn disponibbli, jistgħu jittieħdu bħala punt ta’ riferiment (16). Fin-nuqqas ta’ tali prezzijiet tas-suq, il-kontribuzzjoni xierqa għall-ispejjeż komuni tista’ tiġi ddeterminata b’referenza għal-livell ta’ profitt raġonevoli (17) li l-impriża hi mistennija li tagħmel fuq l-attivitajiet li jaqgħu barra mill-ambitu tal-SGEI jew permezz ta’ metodoloġiji oħra meta jkunu aktar adatti.

Dħul

32.

Id-dħul li għandu jiġi kkunsidrat irid jinkludi mill-inqas id-dħul kollu li jsir mill-SGEI, kif speċifikat fl-att ta' inkarigu, u l-profitti eċċessivi ġenerati mid-drittijiet speċjali jew esklussivi anke jekk marbuta ma' attivitajiet oħra kif provdut fil-paragrafu 45, indipendentement minn jekk dawk il-profitti eċċessivi humiex klassifikati bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

Profitt raġonevoli

33.

Profitt raġonevoli għandu jitqies li jfisser ir-rata tar-redditu fuq il-kapital (18) li jkun meħtieġ minn kumpanija tipika li tikkunsidra jekk tipprovdix is-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali għall-perjodu kollu tal-att ta’ inkarigu, fid-dawl tal-livell tar-riskju. Il-livell tar-riskju jiddependi fuq is-settur konċernat, it-tip ta' servizz u l-karatteristiċi tal-mekkaniżmu tal-kumpens.

34.

Fejn ġustifikat sewwa, jistgħu jintużaw indikaturi tal-livell tal-profitt oħra apparti mir-rata tar-redditu fuq il-kapital biex jiġi determinat x'għandu jkun profitt raġonevoli, bħar-redditu medju fuq l-ekwità (19) matul il-perjodu tal-inkarigu, ir-redditu fuq il-kapital użat, ir-redditu fuq l-assi jew ir-redditu fuq il-bejgħ.

35.

Indipendentement mill-indikatur li jintgħażel, l-Istat Membru jrid jipprovdi lill-Kummissjoni b'evidenza li l-profitt proġettat ma jaqbiżx dak li jkun meħtieġ minn kumpanija tipika meta tikkunsidra jekk għandhiex tipprovdi s-servizz jew le, pereżempju billi tipprovdi referenzi għar-redditi miksuba fuq tipi simili ta' kuntratti mogħtija taħt kundizzjonijiet kompetittivi.

36.

Rata tar-redditu fuq il-kapital li ma taqbiżx ir-rata ta' tpartit relevanti (20) flimkien ma' primjum ta' 100 punt bażi (21) hija meqjusa raġonevoli f'kwalunkwe każ. Ir-rata ta' tpartit (swap rate) relevanti hija r-rata ta' tpartit li l-maturità u l-valuta tagħha jikkorrispondu għall-perjodu u l-valuta tal-att ta' inkarigu.

37.

Fejn il-forniment tal-SGEI huwa marbut ma' riskju kummerċjali jew kuntrattwali sostanzjali, pereżempju minħabba li l-kumpens hu fil-forma ta' ħlas ta' somma waħda fissa li tkopri l-ispejjeż netti mistennija u profitt raġonevoli u l-impriża topera f'ambjent kompetittiv, il-profitt raġonevoli ma jistax jaqbeż il-livell li jikkorrispondi ma' rata ta' redditu fuq il-kapital li hija proporzjonata mal-livell tar-riskju. Fejn possibbli dik ir-rata għandha tiġi determinata b'referenza għar-rata tar-redditu fuq il-kapital li tinkiseb fuq tipi simili ta' kuntratti ta' servizz pubbliku mogħtija taħt kundizzjonijiet kompetittivi (pereżempju: kuntratti mogħtija b'appalt). Fejn ma jkunx possibbli li jiġi applikat dak il-metodu, jistgħu jintużaw ukoll metodi oħra biex jiġi stabbilit ir-redditu fuq il-kapital, jekk issir ġustifikazzjoni (22).

38.

Fejn il-forniment tal-SGEI ma jkunx marbut ma' riskju kummerċjali jew kuntrattwali sostanzjali, pereżempju minħabba li l-ispejjeż netti inkorsi biex jiġu pprovduti s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huma essenzjalment kumpensati b'mod sħiħ ex post, il-profitt raġonevoli ma jistax jaqbeż il-livell li jikkorrispondi mal-livell speċifikat fil-paragrafu 36. Tali mekkaniżmu ta’ kumpens ma jipprovdi ebda inċentivi ta' effiċjenza għall-fornitur tas-servizz pubbliku. Għalhekk l-użu tiegħu huwa strettament limitat għal każijiet fejn l-Istat Membru jista' jiġġustifika li mhux fattibbli jew adattat li jieħu kont tal-effiċjenza produttiva u li jkollu tip ta' kuntratt li jagħti inċentivi biex jinkisbu gwadanji fl-effiċjenza.

Inċentivi tal-effiċjenza

39.

Meta jfasslu l-metodu għall-kumpens, l-Istati Membri jridu jintroduċu inċentivi sabiex jiġi provdut b'effiċjenza SGEI ta' standard għoli, sakemm ma ma jkunux jistgħu jiġġustifikaw kif dovut li mhux fattibbli jew xieraq li jagħmlu dan.

40.

L-inċentivi tal-effiċjenza jistgħu jitfasslu b'modi differenti biex ikunu l-aktar adatti għall-ispeċifiċità tal-każ jew tas-settur. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu bil-quddiem livell ta' kumpens fiss li jantiċipa u jinkorpora l-kisbiet fl-effiċjenza li l-impriża tista' tkun mistennija li tagħmel matul il-perjodu tal-att ta' inkarigu.

41.

Alternattivament, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu miri ta' effiċjenza produttiva fl-att ta' inkarigu fejn il-livell ta' kumpens ikun jiddependi fuq sa fejn dawn il-miri jkunu ġew issodisfatti. Jekk l-impriża ma tilħaqx l-għanijiet, il-kumpens għandu jitnaqqas skont metodu għall-kalkolu speċifikat fl-att ta' inkarigu. B'kuntrast ma' dan, jekk l-impriża taqbeż l-għanijiet, il-kumpens għandu jiżdied skont metodu speċifikat fl-att ta' inkarigu. Kumpens marbut b'żieda fl-effiċjenza produttiva għandu jkun stabbilit f'tali livell li jippermetti qsim bilanċjat ta' dawk il-kisbiet bejn l-impriża u l-Istat Membru u/jew l-utenti.

42.

Kull mekkaniżmu bħal dan biex jipprovdi inċentiv għal titjib fl-effiċjenza jrid ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u li jistgħu jiġu mkejla stabbiliti fl-att ta' inkarigu u soġġetti għal valutazzjoni trasparenti ex post mwettqa minn entità indipendenti mill-fornitur tal-SGEI.

43.

Il-kisbiet fl-effiċjenza għandhom jinkisbu mingħajr preġudizzju għall-kwalità tas-servizz provdut u għandhom jilħqu l-istandards stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Dispożizzjonijiet applikabbli għal impriżi li jwettqu wkoll attivitajiet barra mill-ambitu tal-SGEI jew li jipprovdu għadd ta' SGEIs

44.

Fejn impriża twettaq attivitajiet li jaqgħu kemm ġewwa kif ukoll barra mill-ambitu tal-SGEI, il-kontijiet interni jridu juru separatament l-ispejjeż u d-dħul assoċjati mal-SGEI u dawk tas-servizzi l-oħra li huma konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 31. Fejn impriża tiġi inkarigata bl-operar ta' numru ta' SGEIs minħabba li l-awtorità awtorizzanti jew in-natura tal-SGEI jkunu differenti, il-kontijiet interni tal-impriża jridu jagħmlu possibbli li jkun jista' jiġi verifikat jekk kienx hemm xi kumpens żejjed fil-livell ta' kull SGEI.

45.

Jekk l-impriża inkwistjoni jkollha drittijiet speċjali jew esklussivi marbuta ma' attivitajiet, apparti l-SGEI li għalih tingħata għajnuna, li jiġġeneraw profitti aktar mill-profitt raġonevoli, jew benefiċċji mill-vantaġġi l-oħra mogħtija mill-Istat, dawn iridu jiġu kkunsidrati, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, u għandhom jiġu miżjuda mad-dħul tal-impriża. Il-profitt raġonevoli fuq l-attivitajiet li għalihom l-impriżi jżommu drittijiet speċjali jew esklussivi għandhom jiġu valutati minn perspettiva ex ante, fid-dawl tar-riskji, jew in-nuqqas tar-riskji, li tidħol għalihom l-impriża kkonċernata. Dik il-valutazzjoni għandha tikkunsidra l-inċentivi ta’ effiċjenza li l-Istat Membru introduċa b’relazzjoni mal-forniment tas-servizzi kkonċernati.

46.

L-Istat Membru jista' jiddeċiedi li l-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet oħra barra mill-ambitu tal-SGEI, partikolarment dawk l-attivitajiet li jiddependu fuq l-infrastruttura neċessarja biex jiġi pprovdut l-SGEI, iridu jiġu allokati kompletament jew parzjalment għall-iffinanzjar tal-SGEI.

Kumpens Eċċessiv

47.

Il-kumpens eċċessiv huwa meqjus bħala kumpens li l-impriża tirċievi li huwa aktar mill-ammont ta' għajnuna kif definita fil-paragrafu 21 fuq il-perjodu kollu tal-kuntratt. Kif iddikjarat fil-paragrafi 39 sa 42, ammont żejjed li jirriżulta minn kisbiet ogħla milli kien mistenni fl-effiċjenza jista' jinżamm bħala profitt raġonevoli addizzjonali mill-impriża kif stipulat fl-att ta' inkarigu (23).

48.

Peress li l-kumpens żejjed mhux neċessarju għall-operar tal-SGEI, huwa jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli.

49.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpens mogħti għal operar tal-SGEI jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni u b'mod partikolari li l-impriżi mhumiex jirċievu kumpens iżjed mill-ammont determinat skont ir-rekwiżiti stabbiliti f'din it-taqsima. Iridu jipprovdu evidenza meta jiġu mitluba mill-Kummissjoni. Iridu jwettqu verifiki regolari, jew jiżguraw li tali verifiki jiġu mwettqa, fi tmiem il-perjodu tal-inkarigu u, f’kull każ, f’intervalli ta’ massimu ta’ tliet snin. Għal għajnuna mogħtija permezz ta’ mezzi oħra barra l-proċedura ta’ akkwist pubbliku bil-pubblikazzjoni (24), il-verifiki normalment għandhom isiru mill-anqas kull sentejn.

50.

Fejn Stat Membru jkun iddefinixxa bil-quddiem livell ta' kumpens fiss li jantiċipa u jinkorpora b'mod adegwat il-kisbiet fl-effiċjenza li l-fornitur ta' servizz pubbliku jista' jkun mistenni li jagħmel matul il-perjodu tal-inkarigu, fuq il-bażi tal-allokazzjoni korretta tal-ispejjez u d-dħul u l-aspettittivi raġonevoli hekk kif deskritti f’din it-taqsima, il-verifika ta' kumpens żejjed hi fi prinċipju limitata għal kontroll li l-livell ta' profitt li għalih il-fornitur ikun intitolat skont l-att ta' inkarigu jkun fil-fatt raġonevoli minn perspettiva ex ante.

2.9.   Kundizzjonijiet addizzjonali li jistgħu jkunu neċessarji biex jiżguraw li l-iżvilupp tal-kummerċ ma jiġix affettwat sa punt tali li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni

51.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fit-taqsimiet 2.1 sa 2.8 huma normalment biżżejjed biex jiżguraw li l-għajnuna ma tfixkilx il-kompetizzjoni b'mod li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni.

52.

Huwa possibbli, madankollu, li f’xi ċirkostanzi eċċezzjonali, jista' jkun hemm distorsjonijiet serji fil-kompetizzjoni fis-suq intern li jibqgħu ma jiġux indirizzati u l-għajnuna tista' taffettwa l-kummerċ sa punt tali li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni.

53.

F’tali każ, il-Kummissjoni ser teżamina jekk tali distorsjonijiet jistgħu jitnaqqsu billi teħtieġ kundizzjonijiet jew titlob għal impenji mill-Istat Membru.

54.

Distorsjonijiet serji fil-kompetizzjoni sa punt tali li jkun kuntrarju għall-interess tal-Unjoni huma mistennija li jiġru biss f’każijiet eċċezzjonali. Il-Kummissjoni ser tillimita l-attenzjoni tagħha għal dawk id-distorsjonijiet fejn l-għajnuna jkollha effetti sinifikanti ħżiena fuq Stati Membri l-oħra u l-funzjonament tas-suq intern, pereżempju minħabba li jċaħħad lil impriżi f’setturi importanti tal-ekonomija mill-possibilità li jiksbu l-iskala ta’ operazzjonijiet meħtieġa għal operat effiċjenti.

55.

Tali distorsjonijiet jistgħu jirriżultaw, pereżempju, fejn l-inkarigu għandu jew perjodu ta’ żmien li ma jistax jiġi ġġustifikat b’referenza għal kriterji oġġettivi (bħall-ħtieġa li jiġu amortizzati assi fissi mhux trasferibbli) jew jiġbor flimkien numru ta’ ħidmiet (tipikament soġġetti għal inkarigi bla telf ta’ benefiċċju soċjali u spejjeż addizzjonali f’termini ta’ effiċjenza u effettività fil-forniment tas-servizzi). F’tali każ, il-Kummissjoni tkun trid teżamina jekk l-istess servizz pubbliku jistax ikun provdut b'mod daqstant tajjeb imma li joħloq inqas tfixkil, pereżempju permezz ta’ inkarigu iżjed limitat f’termini ta’ żmien jew ambitu jew permezz ta’ inkarigi separati.

56.

Sitwazzjoni oħra fejn tista’ tkun meħtieġa valutazzjoni aktar dettaljata hija fejn l-Istat Membru jinkariga fornitur ta’ servizz pubbliku, mingħajr proċedura kompettitiva ta’ għażla, bl-inkarigu li jipprovdi SGEI f’suq mhux riżervat fejn servizzi simili ħafna qed jiġu diġà provduti jew huma mistennija li jiġu provduti fil-futur qrib fin-nuqqas tal-SGEI. Dawk l-effetti ħżiena fuq l-iżvilupp tal-kummerċ jistgħu jkunu aktar qawwija fejn l-SGEI għandha tiġi offruta b'tariffa orħos mill-ispejjeż ta' kwalunkwe fornitur attwali jew potenzjali, b'tali mod li l-aċċess għas-suq jiġi limitat. Il-Kummissjoni, filwaqt li tirrispetta fi sħiħ il-marġini wiesgħa ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru sabiex jiddefinixxi l-SGEI, tista' madankollu teħtieġ emendi, pereżempju fir-rigward tal-allokazzjoni tal-għajnuna, meta tkun tista’ turi b’mod raġonevoli li jkun possibbli li tipprovdi l-istess SGEI b'kundizzjonijiet ekwivalenti għall-utenti, b’mod li toħloq inqas tfixkil u b'inqas spejjeż għall-Istat.

57.

Skrutinju eqreb huwa wkoll meħtieġ fejn l-inkarigu tal-obbligu tas-servizz ikun marbut ma' drittijiet speċjali jew esklussivi li jillimitaw serjament il-kompetizzjoni fis-suq intern sa punt tali li jkun kontra l-interess tal-Unjoni. Filwaqt li r-rotta primarja sabiex jiġi identifika każ bħal dan jibqa' l-Artikolu 106(1) tat-Trattat, l-għajnuna mill-Istat ma tistax titqies kompatibbli fejn id-dritt esklussiv jipprovdi għal vantaġġi li ma jistgħux ikunu vvalutati, ikkwantifikati jew mifhuma b'mod xieraq skont il-metodoloġiji li jikkalkolaw l-ispejjeż netti tal-SGEI deskritti fit-taqsima 2.8.

58.

Il-Kummissjoni ser tikkonċentra wkoll fuq sitwazzjonijiet fejn l-għajnuna tippermetti lill-impriża tiffinanzja l-ħolqien jew l-użu ta’ infrastruttura li mhix replikabbli u li tippermettilha teskludi l-aċċess għas-suq fejn l-SGEI huwa pprovdut jew swieq relevanti relatati. Fejn dan hu l-każ, jista’ jkun xieraq li jintalab li l-kompetituri jingħataw aċċess ġust u nondiskriminatorju għal din l-infrastruttura b'kundizzjonijiet xierqa.

59.

Jekk id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni jkunu riżultat ta’ inkarigu li jfixkel l-implimentazzjoni effettiva jew l-infurzar ta' leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għandha l-għan li tissalvagwardja l-funzjonament korrett tas-suq intern, il-Kummissjoni ser teżamina jekk is-servizz pubbliku jistax ikun ipprovdut b'mod daqstant tajjeb imma li jfixkel anqas, pereżempju permezz tal-implimentazzjoni totali tal-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni.

2.10.   It-trasparenza

60.

Għal kull kumpens tal-SGEI li jaqa' f l-ambitu ta’ din il-Komunikazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat irid jippubblika l-informazzjoni segwenti fuq l-internet jew b'mod ieħor xieraq:

(a)

ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika jew ta’ strumenti xierqa oħra msemmija fil-paragrafu 14;

(b)

il-kontenut u t-terminu ta' żmien tal-obbligi tas-servizz pubbliku;

(c)

l-impriża u, fejn applikabbli, it-territorju kkonċernat;

(d)

l-ammonti ta' għajnuna mogħtija lill-impriża fuq bażi annwali.

2.11.   Għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonjijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2012/21/UE

61.

Il-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 14, 19, 20, 24, 39, 51 sa 59 u 60(a) ma japplikawx għal għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2012/21/UE.

3.   RAPPURTAR U EVALWAZZJONI

62.

Kull sentejn l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-konformità ma’ din il-Komunikazzjoni. Ir-rapporti jridu jipprovdu viżjoni ġenerali tal-applikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni lil fornituri ta’ setturi differenti ta’ sevizzi, inkluż:

(a)

deskrizzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni għas-servizzi li jaqgħu fl-ambitu tagħha, inkluż l-attivitajiet interni;

(b)

l-ammont totali ta’ għajnuna mogħtija lil impriżi li jaqgħu fl-ambitu ta’ din il-Komunikazzjoni bi tqassim skont is-settur ekonomiku tal-benefiċjarji;

(c)

indikazzjoni dwar jekk, għal tip partikolari ta' servizz, l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni wasslitx għal diffikultajiet jew ilmenti minn partijiet terzi;

(d)

kwalunkwe informazzjoni oħra li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni mitluba mill-Kummissjoni u li trid tiġi speċifikata fi żmien xieraq qabel jiġi ppreżentat ir-rapport.

L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat sat-30 ta’ Ġunju 2014.

63.

Barra minn hekk, skont ir-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (25) (issa Artikolu 108 tat-Trattat) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 April 2004 l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (26), l-Istati Membri jridu jissottomettu rapporti annwali lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mogħtija wara deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq din il-Komunikazzjoni.

64.

Ir-rapporti ser jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni.

65.

Il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel valutazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni sal-31 ta’ Jannar 2017.

4.   KUNDIZZJONIJIET U OBBLIGI INKLUŻI MAD-DEĊIŻJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

66.

Skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni tista' tinkludi kundizzjonijiet ma' deċiżjoni pożittiva li skonthom l-għajnuna tista' titqies li hija kompatibbli mas-suq intern, u tistabbilixxi obbligi biex jiżguraw li tiġi sorveljata l-konformità mad-deċiżjoni. Fil-qasam tal-SGEI, il-kundizzjonijiet u l-obbligi jistgħu jkunu meħtieġa b’mod partikolari biex jiżguraw li l-għajnuna mogħtija lill-impriżi kkonċernati ma twassalx għal distorsjonijiet eċċessivi fil-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern. F'dan il-kuntest jistgħu jkunu meħtieġa rapporti perjodiċi jew obbligi oħra, fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika ta' kull servizz ta' interess ekonomiku ġenerali.

5.   APPLIKAZZJONI

67.

Il-Kummissjoni ser tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Komunikazzjoni mill-31 ta’ Jannar 2012.

68.

Il-Kummissjoni ser tapplika l-prinċipji li jinsabu f’din il-Komunikazzjoni għall-proġetti kollha ta’ għajnuna nnotifikati lilha u ser tieħu deċiżjoni fuq dawk il-proġetti b’konformità ma dawn il-prinċipji, anki jekk il-proġetti ġew innotifikati qabel il-31 ta’ Jannar 2012.

69.

Il-Kummissjoni ser tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni għal għajnuna li ma tkunx skont il-liġi li dwarha tieħu deċiżjoni wara l-31 ta’ Jannar 2012 anki jekk l-għajnuna tkun ingħatat qabel dik id-data. Madankollu, fejn l-għajnuna tkun ingħatat qabel il-31 ta’ Jannar 2012, il-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 14, 19, 20, 24, 39 u 60 ma japplikawx.

6.   MIŻURI XIERQA

70.

Il-Kummissjoni tipproponi bħala miżuri xierqa għall-finijiet tal-Artikolu 108(1) tat-Trattat li l-Istati Membri jippubblikaw lista ta’ skemi ta’ għajnuna diġà eżistenti rigward il-kumpens ta’ servizz pubbliku li għandhom isiru konformi ma’ din il-Komunikazzjoni sal-31 ta’ Jannar 2013, u li jagħmlu dawk l-iskemi ta’ għajnuna konformi ma’ din il-Komunikazzjoni sal-31 ta’ Jannar 2014.

71.

Sad-29 ta’ Frar 2012 l-Istati Membri għandhom jikkonfermaw lill-Kummissjoni li huma jaqblu mal-miżuri xierqa proposti. Il-Kummissjoni ser tinterpreta n-nuqqas ta' risposta minn Stat Membru bħala nuqqas ta' qbil mill-Istat Membru kkonċernat.


(1)  Sentenzi fil-kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, (“Altmark”) [2003] Ġabra p. I-7747, u Kawżi Magħquda C-34/01 sa C-38/01 Enirisorse SpA vs Ministero delle Finanze, [2003] Ġabra p. I-14243.

(2)  Fis-sentenza tagħha f'Altmark, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kumpens għal servizz pubbliku ma jammontax għal għajnuna mill-Istat jekk jiġu ssodisfati erba' kriterji kumulattivi. L-ewwel nett, l-impriża li tieħu l-għajnuna jrid ikollha tassew obbligi ta' servizz pubbliku xi twettaq, u l-obbligi jridu jkunu ddefiniti b'mod ċar. It-tieni nett, il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkulat il-kumpens iridu jiġu stabbiliti minn qabel b'mod oġġettiv u trasparenti. It-tielet nett, il-kumpens ma jistax ikun aktar minn dak li hu meħtieġ sabiex ikopri l-ispejjeż kollha, jew parti minnhom, li jkunu saru fit-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku, fid-dawl tad-dħul rilevanti u profitt raġonevoli. Fl-aħħar nett, meta l-għażla tal-impriża inkarigata bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta' servizz pubbliku, f'xi każ speċifiku, ma ssirx fil-qafas ta' proċedura ta' akkwist pubbliku li tippermetti li jintgħażel il-kuntrattur kapaċi li jipprovdi dawn is-servizzi bl-inqas prezz għall-komunità, il-livell tal-kumpens neċessarju jrid ikun iddeterminat fuq bażi ta' analiżi tal-ispejjeż li jkollha impriża medja, immexxija sewwa u mgħammra adegwatament b'mezzi relevanti.

(3)  Ara paġna 23 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  Ara paġna 4 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3.

(6)  ĠU L 7, 11.1.2012.

(7)  ĠU C 297, 29.11.2005, p. 4.

(8)  ĠU C 257, 27.10.2009, p. 1.

(9)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(10)  ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17.

(11)  Id-Direttiva 2006/111/KE dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi.

(12)  F'dan il-kuntest, l-ispiża netta tfisser l-ispiża netta determinata fil-paragrafu 25 jew l-ispejjeż imnaqqsa mid-dħul fejn ma tistax tiġi applikata l-metodoloġija tal-ispiża netta evitata.

(13)  Sorsi pubbliċi tal-informazzjoni, livelli tal-ispejjeż inkorsi mill-fornitur tal-SGEI fil-passat, livelli tal-ispejjeż tal-kompetituri, pjanijiet tan-negozju, rapporti tal-industrija, eċċ.

(14)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

(15)  ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14.

(16)  Fil-kawża Chronopost (Kawżi magħquda C-83/01 P, C-93/01 u C-94/01 P, Chronopost SA [2003] Ġabra p. I-06993), il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tirreferi għal “kundizzjonijiet tas-suq normali”; “Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe possibbilità li tiġi mqabbla s-sitwazzjoni ta’ La Posta ma’ dik ta’ grupp privat ta’ impriżi li ma joperawx f’settur riżervat, ‘il-kundizzjonijiet normali tas-suq’, li huma neċessarjament ipotetiċi, għandhom jiġu valutati b’referenza għall-elementi oġġettivi u verifikabbli li huma disponibbli”.

(17)  Il-profitt raġonevoli ser ikun valutat minn perspettiva ex ante (ibbażata fuq profitti mistennija pjuttost milli fuq profitti mwettqa) sabiex ma jitneħħewx l-inċentivi għall-impriża biex iżżid l-effiċjenza tagħha meta twettaq attivitajiet barra mill-SGEI.

(18)  Ir-rata tar-redditu fuq il-kapital hija hawnhekk definita bħala r-Rata tar-Redditu Interna (Internal Rate of Return, IRR) li l-kumpanija tagħmel fuq il-kapital investit tagħha matul il-ħajja tal-proġett, jiġifieri l-IRR fuq il-fluss tal-flus tal-kuntratt.

(19)  F’sena partikolari l-miżura ta’ kontabbilità tar-redditu fuq l-ishma (return on equity, ROE) hija definita bħala l-proporzjon tal-gwadann qabel l-interessi mit-taxxi (EBIT) u l-kapital f'ekwità f’dik is-sena. Ir-redditu annwali medju għandu jinħadem tul il-ħajja tal-inkarigu billi jiġi applikat bħala fattur ta’ tnaqqis jew l-ispiża kapitali tal-kumpanija jew ir-rata stabbilita mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rata ta' referenza, skont liema waħda tkun l-iżjed adatta.

(20)  Ir-rata ta' tpartit hija l-ekwivalenti fuq terminu itwal ta' żmien tar-Rata Inter-Bankarja Offruta (Inter-Bank Offered Rate IBOR Rate). Hija użata fis-swieq finanzjarji bħala r-rata ta' referenza biex tiġi stabbilita r-rata tal-iffinanzjar.

(21)  Il-primjum ta' 100 punt bażi jservi, fost affarijiet oħra, biex jikkumpensa r-riskju ta' likwidità relatat mal-fatt li fornitur ta' SGEI li jinvesti l-kapital f'kuntratt SGEI jieħu impenn li juża dak il-kapital għall-perjodu tal-att tal-inkarigu u ma jkunx jista' jbigħ is-sehem tiegħu malajr jew bi prezz daqshekk baxx daqs f'każ ta' assi mingħajr riskju ta' likwidità u li jkunu aktar komuni.

(22)  Pereżempju, billi tqabbel ir-redditu mal-piż differenzjat medju tal-ispiża tal-kapital (weighted average cost of capitalWACC) tal-kumpanija fir-rigward tal-attivitajiet inkwistjoni, jew mar-redditu medju fuq il-kapital għas-settur fl-aħħar snin, filwaqt li titqies jekk id-dejta storika tistax tkun adatta għal finijiet biex tiġi żviluppata.

(23)  B'mod simili, defiċit li jirriżulta minn żidiet fl-effiċjenza anqas minn dawk mistennija għandhom parzjalment ikunu r-responsabbiltà tal-impriża meta dan ikun stipulat fl-att ta' inkarigu.

(24)  Bħall-għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ kuntratti interni, konċessjonijiet mingħajr allokazzjoni kompettitiva, proċeduri ta’ akkwist pubbliku mingħajr pubblikazzjoni minn qabel.

(25)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(26)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.


Top