This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012TA1215(08)
Report on the annual accounts of the Executive Agency for Competitiveness and Innovation for the financial year 2011, together with the Agency's replies
Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija
Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija
ĠU C 388, 15.12.2012, p. 40–45
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 388/40 |
RAPPORT
dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija
2012/C 388/08
INTRODUZZJONI
1. |
L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (“l-Aġenzija”), li tinsab fi Brussell, hija dik li qabel kienet l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Enerġija Intelliġenti (IEEA). Il-mandat tagħha u t-tul ta’ żmien tagħha ġew mibdula bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/372/KE (1) li temenda d-Deċiżjoni 2004/20/KE (2). L-Aġenzija kienet stabbilita għal perjodu ta’ żmien limitat li beda fl-1 ta’ Jannar 2004 u li issa se jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2015, bil-għan li timmaniġġja azzjonijiet tal-UE fl-oqsma tal-enerġija, l-intraprenditorjat u l-innovazzjoni, u t-trasport sostenibbli tal-merkanzija (3). |
INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI
2. |
L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa supplimentat b'evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment. |
ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI
3. |
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (4) tal-Aġenzija, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet. |
Ir-responsabbiltà tal-Maniġment
4. |
Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (7). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (8) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (9) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari. |
Ir-responsabbiltà tal-Awditur
5. |
Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (10), abbażi tal-verifika tagħha, b'dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. |
6. |
Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari. |
7. |
Awditu (Verifika) jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawk ir-riskji, l-awditur iqis il-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll implimentati sabiex jiġu aċċertati (żgurati) l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex ifassal il-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. Awditu (Verifika) jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jkunu qed jiġu applikati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet. |
8. |
Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha. |
Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet
9. |
Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali tal-Aġenzija (11) jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-Regoli tal-Kontabilità adottati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni (12). |
Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet
10. |
Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha. |
11. |
Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti. |
ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA
12. |
Il-baġit inizjali 2011 tal-Aġenzija ta’ EUR 16,2 miljun kien jinkludi EUR 10,7 miljun għall-ispejjeż tal-persunal. In-nefqa reali tal-persunal kienet ta’ EUR 10 miljun. Filwaqt li l-baġit kien stmat iżżejjed b'EUR 0,7 miljun, is-sottoutilizzazzjoni kien inqas mis-snin ta’ qabel (pereżempju EUR 1,5 miljun fl-2010 (13)). |
KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-AĠENZIJA
13. |
Skont il-ftehim ta’ kiri li ġie konkluż fl-2010 għall-bini l-ġdid tagħha, l-Aġenzija trid tħallas ammont totali ta’ EUR 2,4 miljun fir-rigward ta’ rinnovazzjoni tal-uffiċċji minn sid il-kera. L-Aġenzija għamlet pagament inizjali ta’ EUR 2 miljun fl-2010. L-ammont li jifdal kellu jitħallas fi tliet pagamenti oħra bin-nifs fl-2011, fl-2012 u fl-2013. |
14. |
L-Aġenzija ikkalkulat b'mod skorrett l-ammont li kellu jitħallas fl-2011 u, b'konsegwenza ta’ dan, għamlet pagament eċċessiv ta’ EUR 108 287. F'Jannar 2012, sid il-kera ħallas lura l-ammont eċċessiv imħallas. Madankollu, il-pagament li sar b'mod skorrett mill-Aġenzija jindika l-ħtieġa li ssaħħaħ il-kontrolli tagħha għall-prevenzjoni ta’ pagamenti eċċessivi bħal dawn. |
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sur Harald NOACK, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-10 ta’ Ottubru 2012.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA
President
(1) ĠU L 140, 1.6.2007, p. 52.
(3) L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.
(4) Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li jagħti aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-baġit.
(5) Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u sommarju tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u noti oħra ta’ spjegazzjoni.
(6) Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.
(7) L-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 (ĠU L 297, 22.9.2004, p. 10).
(8) L-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1653/2004.
(9) Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VI tar-Regolament (KE) Nru 1653/2004 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 651/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 15).
(10) L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).
(11) Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fit-28 ta’ Ġunju 2012 u rċevuti mill-Qorti fit-28 ta’ Ġunju 2012. Il-Kontijiet Annwali Finali jinstabu wkoll fuq il-websajt li ġej http://ec.europa.eu/eaci/docs_en.htm.
(12) Ir-Regoli tal-Kontabilità adottati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku (IPSAS) jew, fin-nuqqas tagħhom, l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS).
(13) Ara l-paragrafu 13 tar-Rapport dwar il-kontijiet annwali 2010 (ĠU C 366, 15.12.2011, p. 81).
ANNESS
L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (Brussell)
Il-kompetenzi u l-attivitajiet
L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) |
|
||||||||||||||||||||||||||||||
Il-kompetenzi tal-Aġenzija (kif definiti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/20/KE emendata bid-Deċiżjoni 2007/372/KE) |
L-għanijiet Fi ħdan il-qafas tal-istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi, l-Unjoni Ewropea ħadet miżuri li jippromwovu u jiżviluppaw il-kompetittività u l-innovazzjoni. Dawn il-miżuri jinkludu l-istabbiliment tal-Programm Kwadru tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) 2007-2013 (Id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE), notevolment mal-programmi tal-Enerġija Intelliġenti - Ewropa (IEE) u tal-Intraprenditorjat u Innovazzjoni (EIP). Il-miżuri jinkludu wkoll il-Programm Marco Polo (MP) (ir-Regolament (KE) Nru 1692/2006). L-għanijiet ewlenin b'mod partikolari huma t-trawwim tal-kompetittività tal-impriżi, b'mod partikolari Impriżi Żgħar u ta’ daqs Medju (SMEs); il-promozzjoni tal-forom kollha ta’ innovazzjoni, inkluża l-ekoinnovazzjoni; biex tiġi promossa l-effiċjenza fl-enerġija u sorsi tal-enerġija ġodda u rinnovabbli fis-setturi kollha inkluż dak tat-trasport. Taħt dawn il-programmi tal-UE, l-Aġenzija hija responsabbli għall-implimentazzjoni tax-xogħlijiet li jikkonċernaw l-għajnuna tal-UE, ħlief għall-evalwazzjoni tal-programm, il-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni u l-istudji strateġiċi, jew kull azzjoni oħra li taqa' b'mod esklussiv taħt il-kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni. Il-kompiti L-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE skont id-delegazzjonijiet irċevuti mill-Kummissjoni:
|
||||||||||||||||||||||||||||||
It-Tmexxija |
Il-Kumitat Direttiv Dan huwa magħmul minn ħames membri maħtura mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa jadotta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, huwa jadotta l-baġit amministrattiv tal-Aġenzija u r-rapport tal-attività annwali tagħha. Id-Direttur Maħtur mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Verifika Esterna Il-Qorti tal-Awdituri. L-awtorità ta’ kwittanza Il-Parlament, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill. |
||||||||||||||||||||||||||||||
Ir-riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2011 (2010) |
Il-Baġit A) Il-baġit operazzjonali EUR 229,6 (249,8) miljun (100 % tal-baġit ġenerali tal-UE). L-EACI timplimenta l-baġit operazzjonali taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni:
B) Il-baġit amministrattiv EUR 15,6 miljun (100 % tas-sussidju tal-UE) għall-baġit amministrattiv li għalih l-EACI hija awtonoma. Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011
|
||||||||||||||||||||||||||||||
Il-prodotti u s-servizzi 2011 |
Għall-programm Enerġija Intelliġenti Ewropa (IEE), 384 applikazzjoni ġew irċevuti fis-sejħa għall-proposti u kien hemm attendenza f’aktar minn 100 laqgħa dwar il-proġetti. Sal-aħħar ta’ Marzu 2011, l-Aġenzija kkompletat il-biċċa l-kbira tan-negozjati tal-kuntratti għall-44 proposta magħżula skont is-Sejħa 2010. Il-maġġoranza tal-kuntratti kienu ffirmati sal-aħħar ta’ April 2011. L-EACI pparteċipat f’aktar minn 20 jum nazzjonali ta’ informazzjoni. Hija wieġbet ukoll għal madwar 200 talba ta’ kontrolli qabel il-proposta, bejn wieħed u ieħor f’inqas minn ġimgħa. Sforzi speċjali kienu ddedikati lill-promozzjoni tal-inizjattiva l-ġdida dwar l-‘Iżvilupp ta’ Ħiliet’ biex tħarreġ u tikkwalifika l-forza tal-ħaddiema fil-kostruzzjoni. Ġie organizzat workshop għall-partijiet interessati mill-EACI fis-16 ta’ Marzu biex il-parteċipanti fil-kostruzzjoni, fit-taħriġ u dawk istituzzjonali jiġu infurmati dwar l-inizjattiva. Il-programm EIP - Netwerk tal-Enterprise Europe Il-programm huwa magħmul minn aktar minn 580 organizzazzjoni msieħba f'47 pajjiż, inklużi s-27 Stat Membru tal-UE. Minbarra kompiti tal-ġestjoni tal-proġett ta’ 92 kuntratt (ftehimiet speċifiċi ta’ għotjiet) u l-proġett IPeuropAware, l-EACI hija responsabbli wkoll għall-'animazzjoni' tan-Netwerk tal-Ewropa Intraprenditorjali u għall-ġestjoni tal-għodod u d-databases tal-IT għall-komunikazzjoni interattiva fost l-imsieħba tan-netwerk. Fl-2011, l-EACI, f’isem il-Kummissjoni implimentat l-azzjonijiet li ġejjin:
L-ekoinnovazzjoni L-ekoinnovazzjoni hi appoġġata mis-CIP permezz ta’ bosta tipi ta’ miżuri (strumenti finanzjarji, netwerks ta’ parteċipanti nazzjonali u reġjonali, proġetti tal-ewwel applikazzjoni u tar-replikazzjoni tas-suq). L-Aġenzija hija fdata bil-ġestjoni ta’ proġetti tal-ewwel applikazzjoni tal-ekoinnovazzjoni u tar-replikazzjoni tas-suq b’baġit indikattiv ta’ EUR 185 miljun għall-perjodu 2008-2013. L-isforzi fl-2011 ikkonċentraw fuq:
ll-programm Marco Polo L-attivitajiet ewlenin:
|
||||||||||||||||||||||||||||||
Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija. |
IT-TWEĠIBIET TAL-AĠENZIJA
12. |
F'konformità mar-rakkomandazzjonijiet preċedenti mill-Qorti, l-Aġenzija tejbet it-tbassir tagħha dwar it-Titolu 1 (Spejjeż tal-persunal). Fl-2011, fil-fatt kien hemm stima xi ftit żejda minħabba fatturi esterni għall-Aġenzija jew li kienu diffiċli li jitbassru meta l-baġit inizjali ġie adottat bħal: nuqqas ta’ deċiżjoni dwar l-indiċjar tas-salarju, persunal li talab liv tal-ġenituri jew liv bla ħlas, bidla aktar spiss tal-persunal milli kien antiċipat, u reklutaġġ għal funzjonijiet speċifiċi li dam aktar milli kien mistenni. Il-baġit tal-2012 ikompli b'approċċ ta’ tbassir aktar strett. L-implimentazzjoni tal-baġit fl-2012 turi li l-estimi tal-ispejjeż tal-persunal huma aktar preċiżi mis-snin preċedenti. L-Aġenzija tqis li mhuwiex probabbli li jkun hemm bilanċ favorevoli sinifikanti fil-futur. |
13-14. |
Il-pagament żejjed inkwistjoni ġie rikonoxxut mill-Aġenzija. Kif ġie nnotat mill-Qorti, dan tħallas immedjatament minn sid il-kera. Il-każ ġie ddokumentat u x-xogħlijiet relatati ma’ dan il-kuntratt issa ġew rimborżati kollha. L-Aġenzija se tieħu l-miżuri neċessarji biex tevita sitwazzjoni simili għal kuntratti futuri b'rimborżi bikrija. |