EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012SC0221

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT jakkumpanja d-dokument RAKKOMANDAZZJONI DWAR L-AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI XJENTIFIKA U L-KONSERVAZZJONI TAGĦHA

52012SC0221

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT jakkumpanja d-dokument RAKKOMANDAZZJONI DWAR L-AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI XJENTIFIKA U L-KONSERVAZZJONI TAGĦHA


WERREJ

1........... Kamp ta' applikazzjoni u kuntest..................................................................................... 2

1.1........ Kamp ta' applikazzjoni.................................................................................................... 2

1.2........ Kuntest.......................................................................................................................... 2

2........... Definizzjoni tal-problema................................................................................................. 3

3........... Ġustifikazzjoni għal azzjoni mill-UE, valur miżjud tal-UE u sussidjarjetà............................ 4

4........... Għanijiet ta’ politika........................................................................................................ 4

5........... Għażliet ta’ politika......................................................................................................... 5

6........... Tqabbil ta’ għażliet ta’ politika u impatti........................................................................... 6

7........... Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni......................................................................................... 7

1.           Kamp ta' applikazzjoni u kuntest

1.1.        Kamp ta' applikazzjoni

Il-valutazzjoni tal-impatt (VI) tinvestiga jekk, fid-dawl tal-iżviluppi attwali fis-sistema tal-pubblikazzjonijiet akkademiċi, jeħtieġx isir aktar fuq il-livell tal-UE biex titjieb l-effikaċja tar-riċerka u titrawwem Unjoni innovattiva li fuq livell globali tkun fuq quddiem fil-qasam tax-xjenza.Il-VI teżamina l-opzjonijet politiċi għal azzjoni ulterjuri tal-UE biex ittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha fl-era diġitali, b'mod partikolari l-impatt ta' Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar dak is-suġġett.

1.2.        Kuntest

L-għarfien u l-innovazzjoni jagħtu vantaġġ kompetittiv, kif inhu enfasizzat fil-Komunikazzjoni Ewropa 2020[1]. It-tkabbir strutturalment dgħajjef fl-Ewropa jista' jiġi indirizzat billi jinħolqu kundizzjonijiet ottimali għall-innovazzjoni. Sabiex tinħoloq ekonomija dejjem aktar kompetittiva bbażata fuq l-għarfien, l-Ewropa għandha ttejjeb mhux biss il-produzzjoni tal-għarfien, iżda wkoll it-tixrid u l-iskambju tar-riżultati xjentifiċi tar-riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi.

Bil-wasla tal-era diġitali, il-komunità xjentifika tara opportunitajiet akbar għat-tixrid elettroniku tar-riżultati tar-riċerka. Waħda minn dawn l-opportunitajiet hija l-aċċess miftuħ (OA). L-aċċess miftuħ jippermetti l-għoti ta' aċċess onlajn b'xejn għall-għarfien u għall-użu mill-ġdid tiegħu fil-forma ta' pubblikazzjonijiet xjentifiċi, dejta, monografiji u materjal relatat.

L-iżvilupp tal-politika tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha fl-era diġitali jibni fuq żviluppi politiċi li bdew fi Frar tal-2007, bil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni[2] dwar l-informazzjoni xjentifika fl-era diġitali. Din kienet segwita f'Novembru tal-2007 mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill[3], li kienu jinkludu sett ta' azzjonijiet li jridu jitwettqu mill-Istati Membri. Stiednu lill-Kummissjoni tesperimenta bl-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi li jirriżultaw minn proġetti ffinanzjati mill-programmi ta' qafas tar-riċerka tal-UE, li jirriżultaw f'Aċċess Miftuħ pilota bħala parti mis-seba' programm ta' qafas imnedi f'Awwissu 2008.

F'Marzu 2009, ġiet adottata Komunikazzjoni dwar l-infrastrutturi tal-ICT għax-xjenza elettronika[4]. Din ġiet segwita mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill[5] f'Diċembru tal-2009 li stiednu lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jkomplu jestendu l-aċċess u jiżguraw approċċ koerenti għall-aċċess tad-dejta u l-konservazzjoni tagħha.

Fl-2010, il-Kummissjoni adottat il- Komunikazzjonijiet Inizjattivi Ewlenin ta' Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni[6] u Aġenda Diġitali għall-Ewropa[7]. It-tnejn jirreferu għall-aċċess miftuħ bħala mezz biex jinkisbu l-għanijiet Ewropa 2020. Iħabbru li l-aċċess miftuħ se jkun estiż għar-riżultati tar-riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi, b'mod partikolari bħala regola ġenerali għall-proġetti ffinanzjati mill-programmi ta' qafas tar-riċerka tal-UE. Fit-30 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għall-Programm Orizzont 2020[8]. Mill-2014 'il quddiem, se jgħaqqad f'qafas wieħed ir-riċerka Ewropea u l-iffinanzjar għall-innovazzjoni. Huwa propost li l-aċċess miftuħ isir il-prinċipju bażiku għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka.

Kwistjoni oħra dwar il-politika strateġika hija dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). Iż-ŻER tinkludi l-attivitajiet kollha ta' riċerka u żvilupp, programmi u poltiki fl-Ewropa li jinvolvu perspettiva transnazzjonali. L-għan huwa li tipprovdi aċċess miftuħ madwar l-Ewropa għall-għarfien u għat-teknoloġiji li fihom jiġu sfruttati bis-sħiħ is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet transnazzjonali. F'dan il-kuntest, huma partikolarment rilevanti l-kwistjonijiet li huma relatati mal-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha.

F'dan l-isfond politiku, il-Kummissjoni se tadotta Komunikazzjoni ġdida 'Lejn aċċess aħjar għall-informazzjoni xjentifika – Jingħataw spinta l-benefiċċji tal-investiment pubbliku fir-riċerka'. Din il-Komunikazzjoni se tqis l-iżviluppi li saru sa mill-2007 u tindika l-oqsma fejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu azzjoni ulterjuri. Se tiġi akkumpanjata minn Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri li tissuġġerixxi azzjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha.

2.           Definizzjoni tal-problema

Is-sistema tat-tixrid akkademiku qed tħabbat wiċċha ma' għadd ta' problemi li jżommu milli jintlaħaq l-eżitu politiku mixtieq, jiġifieri li r-riċerkaturi fiż-ŻER ikollhom sistema integrata ta' prattiki u infrastrutturi li tippermetti aċċess miftuħ u faċli għar-riżultati tar-riċerka u għall-użu u l-użu mill-ġdid tagħhom. Dawn il-problemi huma:

(a) Aċċess subottimali għall-pubblikazzjonijiet tar-riċerka xjentifika

Il-prezzijiet tal-abbonamenti tar-rivisti żdiedu aktar mil-livelli ta' inflazzjoni u qed ikomplu jiżdiedu, tant li qed jitfgħu lill-bibljoteki taħt pressjoni u qed jagħmluha diffiċli biex jiġu aċċessati r-riżultati tar-riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi.

L-aċċess għall-kontenut ta' rivisti xjentifiċi u l-opportunitajiet għall-użu u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni xjentifika jibqgħu limitati għar-riċerkaturi, l-industriji (b'mod partikolari l-impriżi żgħar u medji) u l-pubbliku inġenerali.

Il-komunità xjentifika ilha għal xi snin issejjaħ għall-aċċess miftuħ għar-riżultati tar-riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi, b'mod partikolari l-pubblikazzjonijiet ivvalutati mill-pari. L-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi jieħu żewġ forom:

· L-ispejjeż biex jiġi ppubblikat artiklu huma koperti bil-quddiem mill-awturi (fil-prattika, il-korpi ta' finanzjament jew l-universitajiet) pjuttost milli mill-abbonamenti, u b'hekk l-artikolu jkun mal-ewwel disponibbli b'xejn għal kulħadd (Aċċess Miftuħ "Gold").

· It-test tal-pubblikazzjoni vvalutata mill-pari huwa arkivjat f'repożitorju għalhekk jista' jkun disponibbli b'xejn għal kulħadd, ġeneralment wara embargo li jħalli lill-pubblikatur xjentifiku jirkupra l-ispejjeż tagħhom u jagħmel redditu fuq l-investiment (Aċċess Miftuħ "Green").

(b) Aċċess subottimali għad-dejta tar-riċerka

Attwalment, id-dejta mir-riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi mhijiex disponibbli b'mod sistematiku biex oħrajn ikomplu jibnu fuqha.

Parti mill-problema hija li ħafna tipi u kategoriji differenti ta' dejta jiġu ġġenerati fi stadji differenti tal-proċess tar-riċerka. Hemm ukoll il-fatt li l-karrieri ma fihomx kumpens u/jew ta' rikonoxximent għall-iskambju tad-dejta. Fl-aħħar, għadhom ma ġewx stabbiliti infrastrutturi li jippermettu t-tiftix, l-aċċess, l-użu u l-użu mill-ġdid tad-dejta b'mod affidabbli.

(c) Il-produzzjoni dejjem tikber tad-dejta xjentifika, li ġġib il-ħtieġa tal-konservazzjoni fit-tul tal-informazzjoni xjentifika

Il-wasla ta' materjal oriġinarjament prodott b'mod diġitali u l-ħolqien ta' ammonti kbar ħafna ta' dejta ġabu diffikultajiet ġodda għall-konservazzjoni fit-tul tal-informazzjoni xjentifika. Ftit li xejn huma l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet akkademiċi għall-iffinanzjar tar-riċerka li jwettqu attivitajiet ta' konservazzjoni. Hemm nuqqas ta' mudelli finanzjari u organizzattivi xierqa. Filwaqt li fil-passat il-pubblikaturi ħadmu għad-diġitizzazzjoni, il-konservazzjoni fit-tul tal-informazzjoni xjentifika għandha tkun kompitu pubbliku. Il-konservazzjoni ma għandhiex titħalla tiddependi miċ-ċiklu tal-ħajja ta' intrapriża kummerċjali[9]. Il-partijiet interessati jinkludu r-riċerkaturi, in-negozji (inklużi l-SMEs), il-pubblikaturi xjentifiċi (għall-profitt jew mhux għall-profitt), il-gvernijiet (nazzjonali jew reġjonali), l-istituzzjonijiet akkademiċi (inkluzi l-bibljoteki tagħhom) u ċ-ċittadini.

3.           Ġustifikazzjoni għal azzjoni mill-UE, valur miżjud tal-UE u sussidjarjetà

Billi x-xjenza hija sforz globali, l-azzjonijiet ta' politika fil-qasam tal-informazzjoni xjentifika huma b'definizzjoni transkonfinali u internazzjonali. Jeżistu inizjattivi fl-Istati Membri kollha biex jiffaċilitaw u jippermettu aċċess usa' għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha, iżda l-intensità u l-enfażi tal-inizjattivi jistgħu jvarjaw, u saħansitra hemm ukoll xi frammentazzjoni fi ħdan l-istess pajjiż[10]. Il-bosta inizjattivi waslu għal politiki li jikkoinċidu għar-riċerkaturi, l-investituri u ċ-ċittadini Ewropej. Mill-2007, il-Kummissjoni kienet strumentali biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu l-iskambju ta' informazzjoni u jaħdmu flimkien.

L-iżvilupp ta' infrastrutturi elettroniċi mexa 'l quddiem b'pass irregolari.

Il-politika dwar ir-riżultati tar-riċerka trid tkun ikkoordinata ma' oqsma oħra ta' politika ta' relatati mar-realizzazzjoni taż-ŻER u l-għanijiet usa' tal-iżvilupp ekonomiku tal-UE. Din it-tip ta' koordinazzjoni tista' tkun organizzatab'mod effiċjenti biss fuq livell tal-UE.

Is-sehem importanti tal-finanzjament pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp (35 % tal-investiment) jagħti vuċi lis-settur pubbliku biex jgħid kif irid li jinxterdu r-riżultati sabiex jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku u għall-benefiċċju tas-soċjetà inġenerali.

4.           Għanijiet ta’ politika

L-għażla ppreferuta ta' politika għandha jkollha l-għanijiet ġenerali, speċifiċi u operazzjonali li ġejjin.

Għan ġenerali:

· li jingħata appoġġ aħjar għall-innovazzjoni u tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku billi ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u għall-użu u l-użu mill-ġdid tagħha u billi tippermetti l-iżvilupp taż-ŻER.

Għanijiet speċifiċi:

· biex fejn hu possibbli u kemm jista' jkun malajr, il-pubblikazzjonijiet xjentifiċi jkunu miftuħa u aċċessibbli onlajn bla ħlas;

· biex id-dejta tar-riċerka tkun miftuħa u aċċessibbli onlajn bla ħlas;

· biex l-informazzjoni xjentifika tiġi kkonservata għall-ġenerazzjoniiet tal-futur;

· biex ikun hemm aċċess għall-informazzjoni xjentifika fl-Istati Membri.

Għanijiet operazzjonali:

· tiġi stimolata l-implimentazzjoni ta' politiki ta' aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi mill-Istati Membri li jżidu l-għadd ta' pubblikazzjonijiet b'aċċess miftuħ li jirriżultaw minn riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi, żżid l-għadd ta' mandati ta' aċċess miftuħ u ttejjeb il-kundizzjonijiet ta' ffinanzjar għall-Aċċess Miftuħ "Gold";

· tiġi stimola tal-implimentazzjoni tal-politika ta' aċċess miftuħ għad-dejta mill-Istati Membri li jeħtieġu d-depożitu f'infrastruttura elettronika tad-dejta li tirriżulta minn riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi u jiġi appoġġat l-istabbiliment u l-manteniment tal-infrastrutturi elettroniċi u diġitali;

· jiġi appoġġat l-istabbiliment u l-manteniment tal-infrastrutturi elettroniċi diġitali għall-konservazzjoni tal-informazzjoni xjentifika u jiġu promossi sistemi effettivi ta' depożitu għall-informazzjoni xjentifika maħluqa b'mod diġitali;

· tiġi żgurata interoperabbilità sħiħa bejn l-infrastrutturi elettroniċi fl-UE u barra mill-UE, u jiġi promoss aċċess federat għall-kontenut xjentifiku, kif ukoll il-koordinazzjoni ta' politiki, l-iskambju tal-aqwa prattiki u d-djalogu bejn il-partijiet interessati fuq livell Ewropew.

5.           Għażliet ta’ politika

L-għażliet ta' politika li ġejjin huma żviluppati u vvalutati fid-dettall fir-rapport.

(1) Titwaqqaf l-azzjoni eżistenti tal-UE

Din l-għażla tinkludi t-tneħħija tal-miżuri mhux vinkolanti, li jinkludu kwalunkwe miżura ta' implimentazzjoni li attwalment qiegħda fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-informazzjoni xjentifika fl-era diġitali. L-UE ma tindirizzax problemi u ma tkomplix tappoġġa l-proċess sabiex jikber l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika, billi tiffinanzja jew tikkoffinanzja, proġetti u tfassil ta' politika.

(2) L-ebda bidla fil-politika (Ix-xenarju bażi)

Dan ikun ifisser li ma jsir l-ebda tibdil fl-approċċ attwali. L-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u konservazzjoni tagħha ikompli jibni fuq oqfsa legali eżistenti, fejn dawn ikunu jeżistu, u l-politiki jkomplu jiddependu fuq inizjattivi nazzjonali li jvarjaw minn dawn il-politiki.

(3) Implimentazzjoni ta' qafas ta' politika fil-forma legali mhux vinkolanti

Skont din l-għażla, ikun definit qafas ta' politika, li jissuġġerixxi implimentazzjoni permezz ta' Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri, akkumpanjata minn Komunikazzjoni mill-Kummissjoni. Dan il-qafas ta' politika jgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw politiki dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha (artikli xjentifiċi u dejta tar-riċerka). Jistabbilixxi l-għanijiet speċifiċi u jħalli l-għażla f'idejn l-atturi rilevanti fl-Istati Membri biex jiddeċiedu liema tkun l-aħjar politika, kemm għall-Istat Membru kif ukoll għal kull dixxiplina akkademika. Jekk l-arkivjar (Aċċess Miftuħ "Green") ikun ta' bilfors, il-perjodi ta' embargo ma għandhomx ikunu itwal minn tnax-il xahar fix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi u sitt xhur fl-oqsma l-oħra kollha. Perjodu itwal ta' embargo għax-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi huwa spjegat bil-fatt li dan it-tagħrif huwa inqas immedjat milli dak fl-oqsma xjentifiċi, tekniċi u mediċi. Dan ikun jeħtieġ mandati ta' aċċess miftuħ kemm għall-pubblikazzjonijiet u d-dejta tar-ricerka kif ukoll għall-ħolqien ta' infrastrutturi elettroniċi diġitali (repożitorji), sakemm dawn ma jkunux diġà jeżistu, u għall-infrastrutturi elettroniċi biex iservu għal skopijiet ta' konservazzjoni. Dan jissuġġerixxi bini fuq l-eżempji attwali tal-aqwa prattiki.

(4) Implimentazzjoni ta' qafas ta' politika fil-forma ta' approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni

L-Artikolu 182(5) tat-TFUE jipprovdi bażi legali għat-teħid tal-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni taż-ŻER, li jinkludi l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni permezz ta' Direttiva. Skont din l-għażla, l-għanijiet stabbiliti bil-qafas tal-politika jkunu implimentati permezz ta' Direttiva.

6.           Tqabbil ta’ għażliet ta’ politika u impatti

Għażla 1:

It-twaqqif tal-azzjoni eżistenti tal-UE iwassal għal żieda fid-diverġenza fost l-Istati Membri. Xi wħud kieku jagħmlu progress fuq l-aċċess miftuħ, billi jgawdu l-benefiċċji ta' ambjent ta' riċerka xjentifika aktar miftuħ. Oħrajn ikollhom anqas gwida u ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-iffinanzjar tal-infrastruttura tal-UE. Din id-diverġenza tal-iżviluppi jkollha impatt negattiv fuq ir-riċerkaturi u fuq il-baġits pubbliċi, prinċipalment il-biblijoteki tal-universitajiet li jkunu jridu jlaħħqu mal-prezzijiet dejjem jiżdiedu għax-xiri ta' riżultati tar-riċerka. Ma jkun sar l-ebda progress fil-konservazzjoni fit-tul ta' informazzjoni xjentifika.

Għażla 2:

L-ebda bidla fil-politika ma tbiddilx id-diverġenza attwali fost l-Istati Membri. Wieħed ikun jista' jistenna xi diverġenza mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2007, għalkemm dejjem b'pass aktar kalm u mingħajr ma jitqiesu l-iżviluppi tal-informazzjoni xjentifika. L-iffinanzjar għall-infrastrutturi u għall-proġetti jkun disponibbli, iżda jkun limitat għall-proġetti ta' sperimentazzjoni. Ma jkun hemm l-ebda titjib fis-sitwazzjoni attwali. L-effet fuq il-partijiet interessati ikun jixbah l-effett ta' twaqqif tal-azzjoni tal-UE.

Għażla 3:

L-implimentazzjoni ta' qafas ta' politika fil-forma ta' liġi mhux vinkolanti mistennija ttejjeb l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika, irrispettivament minn kif l-Istati Membri jimplimentawh. L-għoti ta' aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi għandu l-potenzjal jagħti lok għal benefiċċji ġenerali bħala dħul fuq l-investiment fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, u wkoll jiffranka l-flus lill-gvernijiet u lill-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka, filwaqt li jżommu sistema sostenibbli għat-tixrid ta' pubblikazzjonijiet xjentifiċi fuq żmien medju u twil. Dak l-iffrankar jiddependi minn kif jiġi żgurat l-aċċess. L-impatti u r-riskji preċiżi tal-ftuħ tal-aċċess għall-pubblikazzjonijiet jiddependu wkoll minn kif jiġi żgurat l-aċċess.

L-impatti fir-rigward tal-aċċess usa' għad-dejta tar-riċerka u l--konservazzjoni kemm tal-pubblikazzjonijiet kif ukoll tad-dejta jinħassu fuq il-livell tal-gvernijiet u/jew ta' organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka li jkollhom jiffinanzjaw sforzi ulterjuri. L-effetti fuq skala kbira, aktarx jinkisbu hekk kif l-infrastruttura elettronika meħtieġa biex jiġi żgurat l-Aċċess Miftuħ "Green",tkun tista' tiġi użata wkoll biex tipprovdi aċċess aħjar għad-dejta u għal skopijiet ta' konservazzjoni.

Minħabba n-natura mhux vinkolanti ta' Rakkomandazzjoni, huwa mistenni li xi għanijiet jinkisbu biss b'mod parzjali.

Għażla 4:

Billi l-miżuri ta' politika tal-għażla ta' liġi mhux vinkolanti ikunu l-istess bħall-għażla ta' approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni, l-impatt mistenni jkun fil-biċċa l-kbira l-istess. Id-differenza f'din l-għażla hi li t-twettiq fil-prattika ta' din il-politika idum wisq aktar għaliex jinkludi proċess leġiżlattiv u fażi ta' implimentazzjoni fuq livell ta' Stat Membru. Dan jista' jtawwal l-effetti tal-għażla tal-politika.

Meta jiġu mqabbla l-għażliet tal-politiki differenti, jidher li l-Għażla 3 toffri l-aħjar bilanċ li jingħata aċċess usa' u aktar mgħaġġel għall-informazzjoni xjentifika filwaqt li jitqies kif ix-xjenza u l-pubblikazzjoni akkademika nbidlu matul dawn l-aħħar sekli. Tippermetti xi ftit ta' flessibbiltà għall-Istati Membri biex iqisu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tagħhom f'qafas Ewropew, u għall-partijiet interessati kollha biex japprovaw it-titjib. Sabiex jittaffa l-karattru inerenti mhux vinkolanti ta' Rakkomandazzjoni għall-Istati Membri, għandha tipprovdi għal monitoraġġ mill-qrib mill-Kummissjoni.

7.           Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

L-indikaturi ewlenin tal-progress lejn il-kisba tal-għanijiet identifikati se jkunu vvalutati fil-kuntest tal-qafas taż-ŻER, b'rapporti perjodiċi mill-Istati Membri dwar l-azzjoni meħuda bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni.

[1]               http://europa.eu/press_room/pdf/complet_en_barroso___007_-_europe_2020_-_en_version.pdf.

[2]               http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2007:0056:FIN:MT:PDF.

[3]               http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/intm/97236.pdf.

[4]               http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2009:0108:FIN:MT:PDF.

[5]               http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/intm/111732.pdf

[6]               http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0546:FIN:MT:PDF

[7]               http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0245:FIN:MT:PDF

[8]               http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0808:FIN:MT:PDF

[9]               Ara r-riżultati tal-Proġett 'PARSE.Insight'.

[10]             Ara Kummissjoni Ewropea (2011), ‘National Open Access and Preservation Policies in Europe. Analysis of a questionnaire to the European Research Area Committee.’ http://ec.europa.eu/research/science-society/document_library/pdf_06/open-access-report-2011_en.pdf.

Top