EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012SC0136

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern

/* SWD/2012/0136 final - COD 2012/0146 */

52012SC0136

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern /* SWD/2012/0136 final - COD 2012/0146 */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern

1.           Kuntest tal-politika, kwistjonijiet proċedurali u konsultazzjoni tal-partijiet interessati

Il-bini tal-fiduċja fl-ambjent online huwa kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku. In-nuqqas ta’ fiduċja ġġiegħel lill-konsumaturi, lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet joqogħdu lura milli jwettqu tranżazzjonijiet b’mod elettroniku u milli jadottaw servizzi ġodda. L-inizjattiva proposta għal qafas regolatorju għandha l-għan li tippermetti tranżazzjonijiet elettroniċi siguri u konsistenti bejn in-negozji, iċ-ċittadini u l-amministrazzjonijiet, u b’hekk iżżid l-effikaċja tas-servizzi elettroniċi pubbliċi u privati, in-negozju-e u l-kummerċ-e.

Jeżistu ostakoli għal servizzi elettroniċi transkonfinali u jeħtieġ li dawn jiġu eliminati. Għalhekk jeħtieġ li sabiex jippermettu l-produttività minflok l-ostakoli, l-identifikazzjoni, l-awtentikazzjoni, il-firem elettroniċi, u s-servizzi fiduċjarji anċellari relatati (eIAS) jiġu rikonoxxuti u aċċettati reċiprokament fl-UE kollha.

Ma hemm ebda qafas transkonfinali u transettorjali komprensiv tal-UE għal servizzi tal-eIAS. Fil-livell tal-UE, jeżisti qafas legali biss għall-firem–e iżda mhux għal identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi u lanqas għal servizzi fiduċjarji anċellari relatati. Il-Kummissjoni ħabbret fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa li ser tipproponi miżuri legali sabiex tkompli tindirizza il-firem-e u sabiex tiżgura rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni elettronika (eID) u l-awtentikazzjoni-e sabiex telimina l-frammentazzjoni u n-nuqqas ta’ interoperabbiltà, ittejjeb iċ-ċittadinanza diġitali u tipprevjeni ċ-ċiberkriminalità.

Sabiex twettaq il-valutazzjoni tal-impatt preżenti, il-Kummissjoni ġabret kummenti tal-Istati Membri, tal-Parlament Ewropew u tal-partijiet interessati matul id-diskussjonijiet, il-gruppi ta' ħidma u l-konferenzi. Tnedew għadd ta’ studji relatati mal-eIAS u ġiet studjata l-letteratura. Tnediet konsultazzjoni pubblika fl-2011 sabiex jinġabar tagħrif dwar kif l-eID, l-awtentikazzjoni u l-firem elettroniċi jistgħu jikkontribwixxu għas-suq uniku. Il-konsultazzjoni kienet ikkumplimentata minn stħarriġ immirat biex jiġu identifikati l-fehmiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs.

2.           Definizzjoni tal-problema

L-utenti jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-użu transkonfinali tas-servizz tal-eIAS. L-ostakoli ewlenin għal eIAS transkonfinali siguri u konsistenti huma:

1 — frammentazzjoni tas-suq: regoli differenti japplikaw għal fornituri ta’ servizzi skont liema Stati Membri jkunu jfornu.

Dwar il-firem-e, l-armonizzazzjoni li ntlaħqet bid-Direttiva 1999/93 dwar il-firem elettroniċi mhix perfetta. Ġew identifikati erba’ problemi: l-implimentazzjoni diverġenti fil-livell nazzjonali minħabba interpretazzjonijiet li jvarjaw tad-Direttiva minn Stati Membri, fil-fatt tinvoka deroga għal applikazzjoni tas-settur pubbliku, standards mhux aġġornati u obbligi mhux ċari ta' superviżjoni li wasslu għal problemi ta' interoperabbiltà transkonfinali, pajsaġġ segmentat tal-UE u distorsjonijiet fis-suq intern.

Rigward l-eID, is-soluzzjonijiet teknoloġiċi differenti għall-identifikazzjoni personali fi Stati Membri individwali, in-nuqqas ta’ ċertezza legali fuq l-użu transkonfinali tal-l-eIDs u n-nuqqas ta’ responsabbiltà ċara għall-eżattezza ta’ dejta tal-identità, kollha wasslu għal problemi fl-interoperabbiltà.

Rigward is-servizzi fiduċjarji anċellari, in-nuqqas ta’ qafas legali tal-UE jwassal għall-adozzjoni ta’ liġijiet nazzjonali għal uħud minn dawn is-servizzi f’ċerti Stati Membri u għal spejjeż għoljin għal fornituri li jixtiequ joffru s-servizzi tagħhom f’bosta Stati Membri. Iż-żewġ sitwazzjonijiet jirriżultaw f’ostakoli għas-suq intern u fi frammentazzjoni.

2 — nuqqas ta’ fiduċja u kunfidenza: in-nuqqas ta’ fiduċja u kunfidenza fis-sistemi elettroniċi, l-għodod provduti u l-qafas legali jistgħu joħolqu l-impressjoni li hemm anqas salvagwardji legali minn interazzjoni fiżika.

Għall-firem-e, ir-rekwiżiti nazzjonali ta' superviżjoni huma differenti kwalitattivament minn Stat Membru għal ieħor, u b'hekk huwa kumpless biex il-partijiet li jiddependu fuq firma-e jivvalutaw kif fornitur ta’ servizz jiġi sorveljat.

Għall-eID u s-servizzi fiduċjarji anċellari, leġiżlazzjonijiet nazzjonali eteroġeni jagħmluha diffiċli għall-utenti li jħossuhom siguri meta jinteraġixxu online f’xenarji transkonfinali.

L-erba’ xpruni ewlenin ta’ dawn il-problemi huma:

A: Kamp ta’ applikazzjoni insuffiċjenti tal-qafas legali attwali

Is-servizzi eIAS huma prirekwiżit għal firxa wiesgħa ta’ interazzjonijiet elettroniċi bħall-banek-e, il-gvern-e jew is-servizzi tas-saħħa-e. Fil-livell tal-UE, jeżisti qafas regolatorju limitat u mhux perfett li essenzjalment jiffoka fuq il-firem-e. Ma jeżisti l-ebda qafas speċifiku għar-rikonoxximent u l-aċċettazzjoni reċiproċi tal-eID jew għal servizzi fiduċjarji anċellari bħall-ittimbrar tal-ħin jew is-siġilli-e.

B: In-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-iżvilupp tal-firem-e u l-eID

L-infrastrutturi nazzjonali tal-eIAS ġew żviluppati f’iżolament mingħajr koordinazzjoni fil-livell tal-UE. Ir-riżultat tan-nuqqas ta’ interoperabbiltà transkonfinali ta’ soluzzjonijiet tekniċi joħloq ostakoli għal tranżazzjonijiet-e. In-nuqqas ta’ rikonoxximent u aċċettazzjoni reċiproċi huwa wieħed mir-raġunijiet għala kemm l-utenti kif ukoll il-fornituri ta’ servizzi-e huma xettiċi dwar l-iskjerament tal-eIAS.

C: Nuqqas ta’ trasparenza fil-garanziji ta’ sigurtà

Sigurtà qawwija u armonizzata hija kruċjali biex jinħolqu soluzzjonijiet affidabbli. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-aċċes għal servizzi fejn hija involuta dejta personali sensittiva, bħas-saħħa-e. Id-Direttiva 99/93/KE rrikonoxxiet li ċ-ċertezza legali tista’ tkun mogħtija lil firem-e li jiggarantixxu sigurtà u li b’hekk huma protetti biżżejjed kontra l-falsifikazzjoni jew il-frodi (firem-e avvanzati u kwalifikati).

In-nuqqas ta’ sistemi siguri ta' eID huwa preżunt mill-utenti bħala ostakolu ewlieni. In-nuqqas ta’ qafas legali armonizzat għall-eID jfisser li s-sigurtà u l-affidabbiltà ta' eIDs uffiċjali ma jistgħux jiġu determinati oġġettivament b'mod transkonfinali. Dan joħloq ostakoli transkonfinali, nuqqas konsegwenti ta’ affidabbiltà u suq frammentat.

Tħassib ieħor huwa s-serq tal-identifikazzjoni. L-eIDs siguri jistgħu jgħinu biex jitnaqqas ir-riskju. Għall-kuntrarju, l-eIDs b’sigurtà baxxa jagħmluha eħfef biex il-kriminali jiksbu eIDs foloz jew kompromettenti.

D: Nuqqas ta’ għarfien/adozzjoni mill-utenti

Il-kumplessità tat-teknoloġiji użati għal tranżazzjonijiet-e, u r-rwol ewlieni li għandhom partijiet terzi fdati, joħolqu ambjent li fih huwa diffiċli li tiġi vvalutata l-fiduċja. B’mod partikulari, l-utenti aħħarin, li ġeneralment ma għandhomx biżżejjed għarfien espert, iridu jkunu kapaċi jiddependu fuq regoli li jistabbilixxu b’mod ċar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet għall-partijiet kollha interessati (fornituri tas-servizzi fiduċjari, utenti aħħarin u korpi ta' governanza).

3.           Xenarju Bażi

Ix-xenarju bażi tal-inizjattiva huwa n-nuqqas ta' kull intervent regolatorju ġdid. Huwa maħsub li taħt dan ix-xenarju, il-problemi attwali ser jevolvu kif ġej:

Ma jissolvewx il-problemi ta’ frammentazzjoni u interoperabbiltà: L-Istati Membri aktarx ser ikomplu jimplimentaw u jinfurzaw id-Direttiva 99/93/KE.

Iċ-ċertezza legali mhix se tkun żgurata: il-problemi ġġenernati min-nuqqas ta’ rikonoxximent reċiproku tal-firem-e u min-nuqqas ta’ qafas legali li jirregola r-rikonoxximent u l-aċċettazzjoni reċiproċi tal-eID u s-servizzi fiduċjarji anċellari għandhom jimpedixxu r-rikonoxximent legali ta’ firxa ta’ interazzjonijiet transkonfinali.

L-utenti mhux se jkunu sodisfatti totalment: taħt il-qafas attwali, mhux possibbli li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet offruti minn żviluppi teknoloġiċi.

Inizjattivi Ewropej ewlenin mhux se jingranaw kompletament: Il-politiki tal-UE bħad-Direttivi dwar is-Servizzi, l-Akkwist Pubbliku jew il-VAT (riċevuti elettroniċi), jew il-proġetti pilota tal-ICT-PSP fuq skala kbira[1] li jippruvaw jeliminaw l-isfidi tal-interoperabbiltà u l-problemi ta’ rikonoxximent transkonfinali relatati ma’ ċerti tipi ta’ interazzjonijiet-e għandhom ikunu jistgħu joperaw biss fil-livell pilota minħabba n-nuqqas ta’ qafas leġiżlattiv transettorjali.

4.           Għanijiet ta’ politika

Ġew identifikati erba' għanijiet ġenerali: l-iżgurar tal-iżvilupp ta’ suq uniku diġitali; il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi transkonfinali ewlenin; l-istimolu u t-tisħiħ tal-kompetizzjoni fis-suq uniku; iż-żieda fil-faċilità tal-użu (għaċ-ċittadini u n-negozji). Dawn l-għanijiet huma konformi mal-politiki strateġiċi tal-UE bħall-Istrateġija 2020 tal-UE, l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, l-Att dwar is-Suq Uniku u l-Pjan Direzzjonali lejn l-Istabbiltà u t-Tkabbir.

L-għanijiet speċifiċi jesprimu r-riżultati mixtieqa relatati mas-suq tal-eIAS (‘x’hiex’) tal-istabbiliment ta’ għanijiet operattivi (‘kif’). Għal kull għan speċifiku, ġew identifikati għadd ta’ għanijiet operattivi.

5.           Għażliet ta’ politika

Ġew ivvalutati tliet sensiliet ta’ għażliet biex jissolvew il-problemi u jintlaħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq: (1) kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas previst, (2) strument legali u (3) livell ta' superviżjoni:

· Taħt l-ewwel sensiela, ‘kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas’, ġew eżaminati erba’ għażliet:

L-għażla 0:    ir-revoka tad-Direttiva 99/93/KE u l-ebda attività regolatorja dwar l-eID jew is-servizzi fiduċjarji anċellari

Din l-għażla tikkonsiti f'li jispiċċaw l-attivitajiet kollha tal-UE fil-qasam tal-firem-e. Id-Direttiva 99/93/KE tiġi revokata u ma tiġi proposta l-ebda miżura leġiżlattiva għal rikonoxximent reċiproku tal-l-eID.

· L-għażla 1: L-ebda bidla fil-politika (ix-xenarju bażi)

Id-Direttiva 99/93/KE tibqa’ kif inhi. Ma tiġi proposta l-ebda leġiżlazzjoni dwar l-eID.

· L-għażla 2:    It-titjib taċ-ċertezza legali, it-titjib tal-koordinazzjoni tas-superviżjoni nazzjonali u l-iżgurar tar-rikonoxximent u l-aċċettazzjoni reċiproċi tal-eIDs

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 99/93/KE jiġi estiż biex jiżdiedu d-dispożizzjonijiet li jkopru r-rikonoxximent u l-aċċettazzjoni transkonfinali ta’ skemi tal-‘eID notifikati’[2]. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva relatati mal-firem-e għandhom jiġi reveduti biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet attwali tagħha u b’hekk jarmonizzaw aħjar mudelli nazzjonali tas-superviżjoni.

· L-għażla 3:    L-espanzjoni sabiex tinkorpora ċerti servizzi fiduċjarji anċellari

Din l-għażla tespandi l-Għażla 2 billi tinkludi servizzi fiduċjarji anċellari u kredenzjali relatati fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta.

Karatteristiċi anċellari essenzjali li ser jiġu inkorporati fil-leġiżlazzjoni se jkunu: l-ittimbrar tal-ħin, is-siġilli elettroniċi, il-preservazzjoni fit-tul ta’ informazzjoni, it-twassil ċertifikat ta’ dokumenti elettroniċi, l-ammissibbiltà ta’ dokumenti elettroniċi u l-awtentikazzjoni tas-siti tal-internet.

· Skont it-tieni sensiela, jigu kkunsidrati erba’ għażliet taħt ‘strument legali’:

Jew strument leġiżlattiv komprensiv wieħed (L-għażla A) jew żewġ strumenti separati (L-għażla B)

Il-leġiżlazzjoni tista’ tkun tikkonsisti f’miżura komprensiva unika li tkopri identifikazzjoni-e, awtentikazzjoni u firem elettroniċi jew żewġ strumenti, jiġifieri d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni elettronika u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-firem elettroniċi.

Direttiva (L-għażla C) jew Regolament (L-għażla D):

Il-leġiżlazzjoni tista’ tkun Direttiva jew Regolament.

· Fit-tielet livell ta’ ‘superviżjoni, jiġu kkunsidrati żewġ għażliet:

L-għażla i): Iż-żamma ta’ skemi nazzjonali ta’ superviżjoni

L-iskemi nazzjonali attwali ta’ superviżjoni ser jinżammu iżda b’armonizzazzjoni akbar permezz ta’ rekwiżiti komuni essenzjali.

L-għażla ii): Tiġi stabbilita sistema ta’ superviżjoni mal-UE kollha

Tiġi stabbilita sistema ta’ superviżjoni mal-UE kollha sabiex tnaqqas jew telimina d-differenzi bejn l-arranġamenti nazzjonali ta’ superviżjoni. Din tista’ tkun ta’ żewġ tipi:

Subalternattiva a:       l-iskemi nazzjonali attwali ta’ superviżjoni jiġu sostitwiti minn skema unika ta' superviżjoni tal-UE li tkun korp uniku.

Subalternattiva b:       jiġu stabbiliti skemi u korp ta’ superviżjoni tal-UE filwaqt li jinżammu skemi nazzjonali ta' superviżjoni b'mod paralelli (kull Stat Membru jista' jagħżel l-iskema tiegħu stess jew dik Ewropea).

6.           Tqabbil ta’ għażliet ta’ politika u impatti

L-għażliet ta’ politika ġew ivvalutati u mqabbla max-xenarju bażi (Għażla 1) f’termini ta’ effikaċja, effiċjenza u koerenza.

6.1.        Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas

L-għażla 0 mhix ser tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet identifikati fir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Mhix ser iżżid id-disponibbiltà u l-iskjerar tas-servizzi transkonfinali u transettorjali tal-eIAS, tiżgura livell ottimu ta' governanza, tistimula l-iżviluppi tas-suq, tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tas-setturi Ewropej tal-industrija u tas-servizzi jew tiżgura li l-utenti aħħarin kollha jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġ tas-servizzi tal-eIAS. Bil-kuntrarju għandha tfixkel l-iżviluppi teknoloġiċi fis-suq tal-eIAS, u tħarbat il-proċess ta’ ħidma li għaddej bħalissa għat-tħaddim ta’ servizzi elettroniċi transkonfinali u żżomm is-suq tal-UE frammentat u l-pajsaġġ fiduċjarju mhux ugwali.

L-għażla 1 mhix ser tilħaq l-għanijiet. Ser iżżomm l-ambigwitajiet eżistenti u l-pajsaġġ fiduċjarju rigward is-superviżjoni għandu jibqa’ wieħed mhux ugwali. Tibqa’ l-inċertezza regolatorja u l-pajsaġġ tal-EU segmentat jibqa’ jevolvi, bir-riżultat ta’ kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni mxekkla fis-suq intern u probabbiltà ikbar ta’ approċċi differenti fil-livell nazzjonali.

L-għażla 2 iżżid iċ-ċertezza legali, iżżid is-superviżjoni u tiżgura r-rikonoxximent reċiproku u l-aċċettazzjoni tal-eIDs, u tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex jinkisbu l-għanijiet identifikati fir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt, u tikseb riżulati ekonomiċi, soċjali u ambjentali pożittivi.

Is-servizzi tal-eIAS ser ikunu aktar attraenti, u b’hekk l-investimenti fis-servizzi u l-infrastruttura tal-eIAS għandhom jirrendu aktar. Hekk ukoll, l-eIAS ser isiru disponibbli għas-setturi kollha u għal kul tip ta’ kumpanija filwaqt li jeliminaw l-ostakli transkonfinali. Jinħolqu strumenti u investimenti ġodda, u b’hekk tikber l-innovazzjoni.

Tonqos il-frammentazzjoni attwali tas-suq, peress li tittejjeb l-interoperabbbiltà transkonfinali billi tippermetti referenza għall-istandards tekniċi.

Ir-rikonoxximent u l-aċċettazjoni reċiproċi tal-eID jkomplu jnaqqsu l-ostakolu attwali għas-suq uniku. Fl-aħħar nett, probabbilment is-superviżjoni omoġena li tirriżulta mir-rekwiżiti komuni essenzjali żżid il-fiduċja, tiffaċilita l-iskoperta tal-frodi u tikkontribwixxi għal prevenzjoni ta’ serq tal-identità.

Permezz tal-għażla 3 is-servizzi tal-eIAS ikunu aktar atraenti u b’hekk jiżdied l-impatt pożittiv tagħhom billi jespandu l-qafas li jinkorpora ċerti servizzi fiduċjarji anċellari essenzjali.

L-għażla 3 titqies iktar adattata mill-Għażliet 0, 1 jew 2 u li jkollha impatt sinifikanti fuq tranżazzjonijiet-e siguri b'użu faċli.

6.2.        Strumenti legali

Il-forniment ta’ qafas komprensiv fi strument wieħed jiżgura li l-leġiżlazzjoni li tirregola l-aspetti diversi tal-eIAS tkun konsistenti. Żewġ strumenti separati jistgħu jintroduċu diverġenzi fid-dispożizzjonijiet legali adottati għall-firem-e u l-identifikazzjoni-e— u, aktar importanti, fl-approċċi tal-inizjattivi.

L-adottament ta’ Direttiva mhux ser jgħin biex jissolvew il-kwistjonijiet attwali tal-interoperabbiltà tal-firem-e li ġejjin mit-traspożizzjonijiet diverġenti tad-Direttiva 99/93/KE. Regolament jipprovdi l-applikabbiltà immedjata mingħajr interpretazzjoni u b’hekk armonizzazzjoni akbar u huwa għalhekk iktar adattat għall-ilħuq tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni proposta.

Regolament wieħed uniku jidher li huwa l-iktar mod effikaċi tal-ilħuq tal-għanijiet.

6.3.        Il-livell ta’ superviżjoni

Taħt l-għażla ‘i’, il-leġiżlazzjoni l-ġdida ser iżżomm l-iskemi nazzjonali attwali ta’ superviżjoni u timponi rekwiżiti komuni essenzjali fuq il-fornituri tas-servizzi. Approċċ armonizzat fil-livell tal-UE kemm għal firem-e u għas-servizzi fiduċjari anċellari jtejjeb is-superviżjoni effikaċi, iżid iċ-ċertezza legali u jkattar is-sigurtà u l-fiduċja tat-tranżazzjonijiet-e.

L-għażla ‘ii’ tipprovdi superviżjoni omoġena, effiċjenti u ta’ kwalità għolja madwar l-UE kollha. Is-subalternattiva ‘b’ għandha l-vantaġġ ta' flessibbiltà akbar minn korp uniku tal-UE għas-superviżjoni previst fis-subalternattiva ‘a’: tista’ tkun ta’ vantaġġ għall-Istati Membri fejn ma jkun hemm l-ebda fornitur tas-servizzi fiduċjarji stabbilit, jew ikun hemm biss ftit fornituri stabbiliti, li jittrasferixxu l-kompiti ta’ superviżjoni lejn korp tal-UE għas-superviżjoni. Stati Membri oħrajn jistgħu, jekk jixtiequ, iżommu l-iskema tagħhom ta’ superviżjoni. Madankollu, mudell ċentralizzat tal-UE għas-superviżjoni jqajjem tħassib dwar is-sussidjarjetà.

Ir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jissuġerixxi li (l-għażla i) hija l-aktar adegwata.

7.           Ġustifikazzjoni għal azzjoni mill-UE, valur miżjud tal-UE u sussidjarjetà

Bħal fid-Direttiva 99/93/KE, il-bażi legali għall-proposta leġiżlattiva huwa l-Artikolu 114 tat-TFUE dwar is-suq intern, minħabba li din id-Direttiva tipprova tneħħi l-ostakli eżistenti għall-funzjonament tas-suq intern billi trawwem rikonoxximent u aċċettazzjoni reċiproċi tal-eID, l-awtentikazzjoni, il-firem u s-servizzi fiduċjarji anċellari, b'mod transkonfinali meta meħtieġa għal tranżazzjonijiet-e.

Minħabba n-natura inerenti ta’ nuqqas ta’ territorju tas-servizzi tal-eIAS, azzjoni fil-livell tal-UE hija adegwata u proporzjonali għall-implimentazzjoni tas-Suq Uniku diġitali. Ma jistax ikun mistenni li miżuri regolatorji meħuda fil-livell tal-Istati Membri jiksbu l-istess riżultat. L-intervent mill-UE huwa għalhekk meħtieġ, adattat u ġustifikat.

8.           Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

Il-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni permezz ta’ djalogu kontinwu mal-partijiet interessati u l-ġbir tal-istatistika; u tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni l-ġdida wara erba’ snin li tidħol fis-seħħ.

[1]               http://ec.europa.eu/information_society/activities/ict_psp/about.

[2]               ‘Identifikazzjoni elettronika notifikata’: skema ta’ eID notifikata minn Stat Membru lill-Kummissjoni biex tiġi rikonoxxuta u aċċettata b’mod transkonfinali. Il-kunċett ta’ eID notifikata mhux limitat għall-eIDs li jinħarġu mis-settur pubbliku: L-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw ukoll l-identifikazzjonijiet elettroniċi li joħorġu mis-settur pubbliku u li huma jirrikonoxxu għal użu fis-servizzi tas-settur pubbliku tagħhom stess. Dan l-approċċ huwa meħtieġ billi mhux l-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha joħorġu l-eIDs. L-approċċ transettorjali tal-leġiżlazzjoni għandu jippermetti lis-settur privat jintegra l-użu tal-eIDs notifikati fis-servizzi elettroniċi meta tkun meħtieġa identifikazzjoni-e sigura.

Top