Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012SC0058

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi regoli dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi

    /* SWD/2012/0058 final - COD 2012/0060 */

    52012SC0058

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi regoli dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi /* SWD/2012/0058 final - COD 2012/0060 */


    Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabilità: Dan is-sommarju eżekuttiv jikkommetti biss lis-servizzi tal-Kummissjoni involuti fit-tħejjija tiegħu u huwa mingħajr ebda ħsara għall-forma finali ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tista' tittieħed mill-Kummissjoni.

    Il-kuntest

    L-akkwist pubbliku huwa l-mod kif l-awtoritajiet pubbliċi jonfqu l-flus tal-kontribwenti meta jieħdu deċiżjonijiet dwar xiri u investiment pubbliċi. L-akkwist pubbliku huwa meqjus bħala l-mutur ewlieni tal-politiki pubbliċi. F’termini ekonomiċi, l-akkwist pubbliku jaffettwa sehem sostanzjali mill-flussi kummerċjali dinjija. L-akkwisti ta' prodotti u servizzi minn awtoritajiet pubbliċi jammontaw għal madwar 17 % tal-PDG tal-UE. L-akkwist pubbliku jħalli impatt fuq mill-inqas 22 suq ewlieni ta' prodotti u servizzi li fihom il-konsumaturi huma esklussivament jew prinċipalment xerrejja pubbliċi, jew li fihom l-awtoritajiet pubbliċi jkunu klijenti importanti. B'kollox, il-fatturat tal-impriżi li joperaw f'dawn is-swieq tal-akkwist jista' jaqbeż il-25 % tal-PDG tal-UE u jirrappreżenta madwar 31 miljun impjieg.

    Fin-negozjati tagħha ma’ pajjiżi terzi, l-UE saħqet fuq ftuħ ambizzjuż tas-swieq tal-akkwist pubbliku fil-livell internazzjonali. Madankollu, f'dan ir-rigward, il-kumpaniji tal-UE jkollhom jaffrontaw kundizzjonijiet mhux ekwi hekk kif bosta sħab kummerċjali jsibuha bi tqila sabiex jiftħu aktar is-swieq tal-akkwist tagħhom għall-kompetizzjoni internazzjonali u dan jillimita b’mod konsiderevoli l-opportunitajiet kummerċjali tagħhom.

    Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Dan ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt tħejja filwaqt li ġew ikkunsidrati l-opinjonijiet espressi minn firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, inkluż l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili, l-industrija, u l-NGOs. Sabiex tiġbor dawn il-fehmiet, il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni fuq l-internet, seduta pubblika, u mekkaniżmi oħra ta' konsultazzjoni. Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni fuq l-internet ġeneralment laqgħu l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u qablu dwar id-deskrizzjoni tal-problemi li qed ikunu affrontati, iżda kellhom opinjonijiet diverġenti dwar l-alternattivi li għandhom jintagħżlu. Jidher illi maġġoranza sinifikanti ta’ partijiet interessati qed tappoġġja inizjattiva leġiżlattiva, filwaqt li minoranza importanti tippreferi l-alternattiva "ma jsir xejn". Hemm ukoll opinjonijiet diverġenti x'għandha tkun l-alternattiva leġiżlattiva. Għalkemm hemm appoġġ qawwi għall-alternattiva leġiżlattiva li tieħu l-approċċ A[1], għadd sinifikanti minn dawk li wieġbu huma favur approċċ ieħor li la huwa A u lanqas B[2]. Ta' min wieħed jinnota li għalkemm approċċ B huwa l-alternattiva leġiżlattiva li l-anqas kienet ippreferuta, dan ukoll kellu l-appoġġ ta' għadd konsiderevoli minn dawk li wieġbu.

    1.1.        Definizzjoni tal-problema

    1.1.1.1.  Ftuħ limitat tas-swieq tal-akkwist pubbliku madwar id-dinja

    L-akkwist pubbliku huwa eskluż mill-Ftehimiet GATT u GATS, li jirregolaw il-kummerċ dinji tal-prodotti u s-servizzi. Il-pajjiżi industrijalizzati, fosthom l-UE u 14-il pajjiż ieħor (inklużi l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Kanada u l-Korea), saru Partijiet għall-Ftehim tal-WTO dwar l-Akkwist tal-Gvern (GPA). Il-partijiet għall-GPA jimpenjaw irwieħhom li jiftħu b'mod reċiproku s-swieq tagħhom għal ċerti tipi ta' akkwisti ta' ċerti entitajiet pubbliċi, 'il fuq minn valuri speċifiċi. L-UE u pajjiżi oħra bħall-Korea jew iċ-Ċili kkommettew irwieħhom ukoll li jiftħu s-swieq tagħhom tal-akkwist pubbliku permezz ta' ftehimiet ta’kummerċ ħieles lil hinn mill-WTO.

    L-UE tintlaqat direttament mill-ftuħ globali tal-akkwist pubbliku iżda, fir-realtà, 25 % biss tas-swieq tal-akkwist pubbliku soġġetti għall-kompetizzjoni ġew impenjati fuq livell internazzjonali jew fil-GPA jew l-FTAs. Għalkemm il-GPA/l-FTAs jikkonċernaw biss EUR 5 biljun tal-esportazzjonijiet tal-UE (0,4 % tal-esportazzjonijiet kollha tal-UE), il-ftuħ tal-akkwist pubbliku jaffettwa madwar EUR 5 biljun oħra fi swieq tal-akkwist pubbliku li mhumiex kommessi, li flimkien jaffettwaw il-kummerċ internazzjonali ta' setturi industrijali attivi fi 22 suq magħżul u li l-fatturat tagħhom jammonta għal 25 % tal-PDG tal-UE u madwar 31 miljun impjieg. B'kollox, iktar minn 50 % tas-swieq tal-akkwist pubbliku soġġetti għall-kompetizzjoni jingħalqu permezz ta miżuri protezzjonisti bħall-mekkaniżmi ta' preferenza ta' prezz jew rekwiżiti ta' kontenut lokali. Barra minn hekk, madwar 25 % huma miftuħa de facto, iżda jistgħu jingħalqu fi kwalunkwe mument. Dan iħalli l-UE b'madwar EUR 12-il biljun f'esportazzjonijiet mhux sfruttati. Barra minn hekk, s’issa l-UE ma għandha l-ebda ftehim fir-rigward tal-akkwist pubbliku ma' pajjiżi bħaċ-Ċina jew l-Indja, għalkemm bħalissa qed tinnegozja impenji tal-aċċess għas-suq mat-tnejn.

    Aġendi nazzjonali b'saħħithom fixklu l-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku u dan, f’ekonomiji industrijalizzati, seħħ minħabba pressjonijiet domestiċi u, f’ekonomiji emerġenti, minħabba l-ħtieġa tat-tiġdid teknoloġiku.

    1.2.1.2.  L-UE ma għandhiex biżżejjed saħħa fin-negozjati sabiex trawwem il-globalizzazzjoni tal-akkwisti

    L-UE ħadet impenji kbar ħafna fir-rigward tas-suq tal-akkwist pubbliku tagħha meta mqabbel ma' partijiet oħra għall-GPA. Bħala riżultat ta' dan, l-interessi ekonomiċi strateġiċi ta' bosta partijiet għall-GPA huma ssodisfati bil-qagħda attwali. Ukoll, billi l-GPA mhuwiex parti min-negozjati kummerċjali multilaterali, l-aċċess għas-suq fl-akkwist pubbliku jista' jkun innegozjat biss f'negozjati għal aċċess għas-suq fl-akkwist pubbliku (u mhux għal, pereżempju, tariffi aktar baxxi). Minbarra dan, il-fatt li bosta kuntratti importanti ngħataw f'tipi ta' akkwisti li mhumiex koperti minn impenji, isaħħaħ il-perċezzjoni li s-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE huwa miftuħ b'mod li jmur anki lil hinn mil-livell tal-impenji internazzjonali tagħha.

    1.3.1.3.  Xi Stati Membri jieħdu miżuri nazzjonali sabiex jirregolaw l-aċċess għall-akkwist pubbliku tagħhom

    F'dan il-kuntest, bosta Stati Membri ħadu miżuri biex jirregolaw l-aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku tagħhom. Oħrajn infurmaw lill-Kummissjoni, b'mod informali, li beħsiebhom jintroduċu miżuri. Minħabba li r-regolizzazzjoni tal-aċċess għas-suq tal-akkwisti tal-UE għal fornituri li ġejjin minn pajjiżi terzi jaqa' b'mod ċar taħt il-mandat tal-kompetenza esklussiva tal-UE għall-politika kummerċjali komuni, l-Istati Membri mhumiex intitolati li jilleġiżlaw waħedhom f’dan il-qasam.

    Fuq livell aktar prattiku, minħabba n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni jew gwida tal-UE dwar l-aċċess ta' offerenti barranin għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE, huwa ferm diffiċli għall-awtoritajiet kontraenti fl-UE li jifhmu l-kamp ta' applikazzjoni tal-impenji internazzjonali tal-UE fil-qasam tal-akkwist pubbliku. 28 % tal-avviżi kollha tal-għoti ta' kuntratti jinkludu valutazzjonijiet żbaljati tal-kopertura tal-GPA u b'hekk jintbagħtu messaġġi żbaljati lill-offerenti barranin.

    1.4.1.4.  Problemi importanti

    Kumplessivament, il-biċċa l-kbira tas-swieq tal-akkwisti pubbliċi f'pajjiżi terzi għadhom magħluqa għal negozji tal-UE. Il-kumpaniji tal-UE mhux qed jingħataw aċċess għal madwar EUR 12-il biljun ta' esportazzjonijiet potenzjali. Jekk pajjiżi terzi kienu kapaċi jaċċettaw l-irtirar ta' miżuri protezzjonisti f'dawk is-setturi fejn huma stess għandhom interessi strateġiċi offensivi biss, huma jiftħu l-aċċess għal ammont li jvarja sa EUR 4 biljun ta' esportazzjonijiet għall-UE. Dan għandu impatt fuq il-ħila tal-kumpaniji tal-UE li joħolqu ekonomiji ta' skala. Barra minn hekk, il-kumpaniji tal-UE li jfornu l-prodotti u s-servizzi fil-25 % tas-swieq tal-akkwist li huma miftuħa de facto jistgħu, fi kwalunkwe mument, jintlaqtu minn miżuri protezzjonisti.

    Politiki protezzjonisti attwali jistgħu jgħawġu deċiżjonijiet dwar l-investiment tan-negozju, u jistgħu jwasslu wkoll biex l-impjiegi jittieħdu b'mod artifiċjali barra mill-UE. L-istess jista jingħad fir-rigward ta' trasferimenti teknoloġiċi li jitwettqu għal raġunijiet ta' politika industrijali (eż. il-politika taċ-Ċina "innovazzjoni indiġena") aktar milli għal raġunijiet purament kummerċjali. Fit-terminu medju, problemi ta' aċċess jistgħu saħansitra jkunu estiżi għal dawk is-setturi fejn l-UE għandha vantaġġ kompetittiv li permezz tiegħu jkunu evitati l-ostakli eżistenti (eż. il-farmaċewtiċi).

    Il-kumpaniji tal-UE, il-prodotti u s-servizzi ma jibbenefikawx minn kundizzjonijiet ekwi. Minn perspettiva settorjali, kumpaniji tal-kostruzzjoni Ċiniżi u ferroviji Ġappuniżi ingħataw l-opportunità li jbigħu lill-awtoritajiet kontraenti tal-UE, iżda bejgħ fid-direzzjoni opposta huwa impossibbli. F’diversi każijiet, kumpaniji appoġġjati mill-Istat (pereżempju, mir-Russja u ċ-Ċina) setgħu jissottomettu offerti anormalment baxxi.

    1.5.1.5.  Analiżi tas-sussidjarjetà

    Il-kwistjoni tas-sussidjarjetà ma tqumx fil-kuntest ta’ din l-inizjattiva, hekk kif ir-regoli u n-negozjati dwar l-aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, kompetenza esklussiva tal-UE skont l-Artikolu 207 tat-TFUE. Għalhekk, kwalunkwe azzjoni li tistabbilixxi qafas għall-implimentazzjoni ta' ftehim kummerċjali internazzjonali għandha tittieħed fil-livell tal-UE. .

    2.2.        L-għanijiet

    Kompetizzjoni ġusta u aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku huma strumenti ewlenin għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi ekonomika riċenti. F'dan l-isfond, din l-inizjattiva leġiżlattiva għandha sservi sabiex tqanqal aktar ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi sabiex jittejbu l-opportunitajiet kummerċjali għall-kumpaniji tal-UE.

    B’hekk, huwa maħsub li l-inizjattiva se: iżżid il-kompetittività tan-negozji tal-UE, fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak internazzjonali; tagħti spinta lill-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs f’ekonomija globalizzata; u żżid l-impjiegi u tippromwovi l-innovazzjoni fl-UE. Fil-valutazzjoni tal-impatt, dawn l-għanijiet ġenerali ġew tradotti f'għanijiet speċifiċi u operattivi. L-għanijiet speċifiċi jinkludu: l-ixprunar tal-esportazzjonijiet ta' prodotti u servizzi tal-UE fis-swieq tal-akkwisti pubbliċi barra l-UE; l-għoti ta' responsabbiltà akbar lill-UE fin-negozjati internazzjonali dwar l-akkwisti; żieda fiċ-ċertezza legali fir-rigward tal-aċċess ta' pajjiżi terzi għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE; u l-garanzija li impenji fir-rigward tal-akkwist pubbliku mogħtija lill-UE bħala parti mill-ftehim internazzjonali tagħha jiġu rispettati.

    3.3.        Alternattivi ta’ Politika

    3.1.3.1.  Xenarju bażi: "Ma jsir xejn" (Alternattiva 1)

    Ix-xenarju bażi juri kif il-problemi deskritti fid-definizzjoni tal-problema aktarx se jevolvu mingħajr ebda azzjoni ulterjuri mill-UE. F'dan ix-xenarju, l-UE ma tieħu l-ebda azzjoni ġdida; jibqgħu fis-seħħ il-qafas legali preżenti tal-UE flimkien mal-prattiki korrispondenti; filwaqt li l-UE tkompli tinnegozja aċċess addizzjonali għas-suq (l-adeżjoni taċ-Ċina mal-GPA, l-FTAs mal-Indja u l-Ġappun, opportunitajiet bilaterali ta' akkwist mal-Istati Uniti) u tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq impenji tal-ftuħ tas-suq attwali żgurati fil-GPA jew fl-FTAs, flimkien ma’ dawk li jistgħu ikunu żgurati fil-futur. Madankollu, fir-realtà, hemm inċertezza kbira fir-rigward tal-firxa u r-rata ta' progress fin-negozjati attwali tal-GPA għall-aċċess tas-suq, u fir-rigward tar-riżultat tan-negozjati bilaterali li għaddejjin bħalissa.

    3.2.3.2.  Alternattiva mhux leġiżlattiva (Alternattiva 2):

    3.2.1.3.2.1.      Liġi nonvinkolanti u mekkaniżmu ta' soluzzjoni tat-tilwim/ksur (Alternattiva 2A)

    Fil-kuntest ta' din l-alternattiva, il-Kummissjoni għandha tikkjarifika, f’dokumenti ta’ spjegazzjoni, il-kamp ta' applikazzjoni tal-impenji internazzjonali tal-UE u għandha tipprovdi gwida dwar l-infurzar ta' strumenti eżistenti bħall-Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva 2004/17 (akkwist minn entitajiet tal-enerġija, l-ilma u t-trasport). Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li tagħmel użu aktar attiv mill-għodod eżistenti bħal proċeduri ta’ ksur tagħha stess u mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim eżistenti tal-WTO/FTA fejn is-sħab kummerċjali ma jirrispettawx l-impenji tagħhom stess.

    3.2.2.3.2.2.      Tisħiħ ta' negozjati li għaddejjin bħalissa (Alternattiva 2B)

    Fil-kuntest ta' din l-alternattiva, l-UE, b'mod sistematiku, tħeġġeġ lis-sħab kummerċjali sabiex jissieħbu mal-GPA, teżiġi kapitoli tal-akkwist pubbliku fl-FTAs kollha (u terġa tiftaħ l-Unjoni Doganali mat-Turkija b'mod li tkun tinkludi kapitolu dwar l-akkwist), tibda negozjati ġodda u testendi iktar il-kapitoli dwar l-akkwist fl-FTAs eżistenti (iċ-Ċilì, il-Messiku).

    3.3.3.3.  Alternattiva leġiżlattiva taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (Alternattiva 3)

    Din l-alternattiva leġiżlattiva tiddefinixxi u tirregola l-aċċess għal akkwist pubbliku kopert u mhux kopert mill-impenji internazzjonali tal-UE u tistabbilixxi "regoli tal-oriġini dwar l-akkwist" (Procurement Rules of Origin - PROs) biex jidentifikaw l-oriġini tal-prodotti u s-servizzi. F'konformità mat-tħassib li esprimew l-NGOs, din għandha wkoll tagħti aċċess sħiħ għal prodotti u servizzi mill-pajjiżi l-anqas żviluppati. Lil hinn minn dawn l-elementi ewlenin ta’ rispons politiku leġiżlattiv, huwa possibbli li jiġu distinti tliet approċċi alternattivi deskritti fl-alternattivi 3A, 3B u 3C.

    3.3.1.3.3.1.      Approċċ ibbażat fuq restrizzjoni ġenerali fuq l-aċċess għal akkwist mhux kopert fil-livell tal-UE (Alternattiva 3A)

    Skont l-ewwel approċċ, l-entitajiet kontraenti tal-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa, fil-prinċipju, li jeskludu prodotti, servizzi u kumpaniji li ġejjin minn pajjiżi terzi mhux koperti mill-impenji internazzjonali tal-UE. Madankollu, sabiex tevita l-ostakoli għall-akkwist ta' prodotti u servizzi li mhumiex disponibbli fl-UE u/jew meħtieġa f'każijiet ta' emerġenza u/jew ta' raġunijiet prevalenti ta' interess ġenerali, l-inizjattiva tistabbilixxi eċċezzjonijiet legali għall-obbligu ta' esklużjoni, u jipprovdu lill-Kummissjoni bil-possibbiltà li jinħarġu derogi addizzjonali permezz ta' rinunzji meta dan ikun meħtieġ minħabba ċirkustanzi speċjali.

    3.3.2.3.3.2.      Approċċ ibbażat fuq deċiżjonijiet individwali mill-entitajiet tal-akkwist tal-UE u mekkaniżmu mmexxi mill-Kummissjoni fil-każ ta' akkwist mhux kopert (Alternattiva 3B)

    3.3.2.1.3.3.2.1.            Fil-livell ta’ SM: deċiżjonijiet individwali tal-entitajiet tal-akkwist taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (3B1)

    Għal akkwist mhux kopert, l-entitajiet kontraenti tal-UE għandu jkollhom l-għażla li jippermettu li fornituri ta' prodotti jew servizzi li joriġinaw minn pajjiżi terzi jkunu parti mill-proċess ta’ offerti jew li jeskluduhom minn dan il-proċess. Id-deċiżjoni li jeskludu offerti barranin għandha tkun soġġetta għal notifika ex ante lill-Kummissjoni (permezz ta' avviż dwar kuntratt). Dan jippermetti lill-Kummissjoni sabiex timmonitorja s-sitwazzjoni u tiżgura konsistenza madwar l-UE.

    3.3.2.2.3.3.2.2.            Fil-livell tal-UE: mekkaniżmu mmexxi mill-Kummissjoni (3B2)

    Fil-livell tal-UE, wara li jkunu ġew iddeterminati diffikultajiet tal-aċċess għas-suq u/jew ilmenti speċifiċi, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda investigazzjonijiet dwar miżuri protezzjonisti u ostakli kummerċjali oħra imposti fuq fornituri tal-UE jew fuq offerti f'pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni tista' imbagħad (1) tistieden li s-sħab kummerċjali kkonċernati sabiex jidħlu f'negozjati u b'hekk jitneħħew l-ostakli kummerċjali eżistenti, u/jew jipprovdu impenji reċiproċi fir-rigward tal-aċċess għas-suq sabiex ikun żgurat aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku tal-parti l-oħra u (2) tadotta miżuri restrittivi fil-konfront tal-offerti li joriġinaw f'dawn il-pajjiżi terzi, jekk is-sieħeb kummerċjali kkonċernat jirrifjuta li jipparteċipa fin-negozjati.

    3.3.3.3.3.3.      Alternattiva 3C: Alternattiva li fiha entitajiet kontraenti jaċċettaw kumpaniji, prodotti u servizzi mhux koperti mill-impenji internazzjonali tal-UE, bl-obbligu ta' notifika lill-Kummissjoni u l-alternattiva tal-Kummissjoni li permezz tagħha timponi aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE

    Din l-alternattiva tipprovdi lill-entitajiet kontraenti l-possibbiltà, suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, li jaċċettaw kumpaniji, prodotti u servizzi li ma jibbenefikawx minn impenji internazzjonali ta' aċċess fis-swieq. L-ewwel nett ikunu jeħtieġu li fl-avviż dwar kuntratt ikunu ħabbru r-rieda tagħhom li jaċċettaw dawn il-kumpaniji, prodotti u servizzi. Jekk dawn attwalment jirċievu offerti ta' tali prodotti u servizzi, huma imbagħad għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni abbażi ta' 'reċiproċità sostanzjali' fi żmien 6-8 ġimgħat.

    3.4.3.4.  Approċċ leġiżlattiv mingħajr superviżjoni mill-Kummissjoni Ewropea (estensjoni tal-Artikolu 58 għall-kamp ta' applikazzjoni sħiħ tad-Direttivi)

    Sabiex ikun evitat il-piż fuq l-awtoritajiet kontraenti minħabba l-ħtieġa li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 58 u 59 għandhom ikunu estiżi għal servizzi, xogħlijiet, korpi governattivi rregolati mil-liġi pubblika, l-awtoritajiet ċentrali u lokali. Tkun ipprovduta gwida dwar l-applikazzjoni ta' dawn l-Artikoli permezz ta’ dokumenti ta’ spjegazzjoni (kif imfisser fl-alternattiva 2). Fl-aħħar nett, din l-inizjattiva tuża l-istess elementi ewlenin bħal dawk tal-alternattiva 3.

    3.5.3.5.  Alternattiva 5: ‘Buy Europe'

    Sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi fir-rigward ta' sħab kummerċjali ewlenin bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina, l-UE tista’ toħloq sistema ta' preferenzi tal-prezzijiet b'marġni ta' 25 % li tirrifletti l-politiki eżistenti ta' akkwist mhux kopert "Buy American" u "Buy China". Madankollu, b'dan il-mod l-UE tkun qed tapprova b'mod impliċitu t-tipi ta' mekkaniżmi ta' preferenza tal-prezz li hemm madwar id-dinja u li hija topponi b'mod riżolut. Din l-alternattiva għandha għalhekk titwarrab mill-bidu u mhux se tkun analizzata.

    3.6.3.6.  Alternattiva 6: il-korrezzjoni ta' 'offerti anormalment baxxi' li mhumiex ġusti (alternattiva kumplimentari)

    L-alternattivi msemmija hawn fuq jistgħu jiġu kkumplementati minn alternattiva li għandha l-għan li tirrimedja għall-problemi li jinqalgħu meta fornituri minn ċerti pajjiżi terzi joffru prezzijiet baxxi (ħafna) minħabba li jirċievu sussidji jew minħabba li jibbenefikaw minn prattiċi inġusti tal-kompetizzjoni.

    4.4.        Valutazzjoni tal-Impatti

    L-impatt ta' kull alternattiva huwa vvalutat billi jiġi kkunsidrat sett ta' 9 kriterji inkluż l-impatt fuq il-flussi kummerċjali, żieda fl-influwenza fuq is-sħab kummerċjali matul in-negozjati internazzjonali u l-impatt fuq il-piż amministrattiv.

    Dawn l-impatti jridu jitkejlu fil-kuntest ta' żieda potenzjali fl-esportazzjonijiet ta’ EUR 4 biljun (li jirrappreżentaw madwar 60,000 impjieg), jekk l-akbar 12-il sieħeb kummerċjali li mhumiex mill-UE jiftħu dawk is-swieq tal-akkwisti li għalihom ikollhom interessi offensivi korrispondenti fl-UE. Sabiex tiġi ddeterminata l-effiċjenza ta' kull alternattiva, l-ispejjeż ta' kull waħda minnhom se jitqabblu ma’ dan il-valur referenzjarju. Meta jitkejlu l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' kull alternattiva prevista, għandha wkoll tkun ikkunsidrata il-possibbiltà ta' miżuri ta' ritaljazzjoni mis-sħab kummerċjali.

    L-alternattiva 1 (xenarju bażi) u l-alternattiva 2B (aktar negozjati) huma mistennija li jrendu EUR 1 biljun f'esportazzjonijiet addizzjonali (12,000-18,000 impjieg).

    Skont l-alternattiva 2A (kjarifiki legali u użu msaħħaħ tal-mekkaniżmi eżistenti), żieda fl-użu tar-restrizzjonijiet eżistenti stabbiliti fid-Direttiva 2004/17/KE (l-Artikolu 58.2) huwa probabbli li jipproduċi l-maġġoranza tal-effetti f'termini ta' kjarifika tar-regoli u ċarezza legali. Gwida dwar il-kamp ta' applikazzjoni ta' akkwist kommess u mhux kommess għandha tabilħaqq ittejjeb il-livell ta' ċertezza legali meta jiġu miċħuda offerti ta' prodotti barranin u servizzi waqt proċeduri ta' offerti. Mhux mistenni li l-alternattiva 2A jkollha xi impatt sinifikanti fuq kwalunkwe kriterju ieħor.

    Alternattiva 3A (ir-restrizzjoni kumplessiva tal-aċċess għal akkwist mhux kopert fil-livell tal-UE) għandha ttejjeb b'mod konsiderevoli ċ-ċertezza legali hekk kif għandha tevita problemi kkawżati minn implimentazzjoni mhux korretta tal-klawsoli ta' reċiproċità simetrika. Il-maġġoranza kbira tas-swieq tal-akkwisti kkonċernati għandhom ikunu kapaċi japplikaw restrizzjonijiet, iżda probabbilment jiġu applikati rinunzji fl-akkwist tal-fjuwil, il-farmaċewtiċi, it-tagħmir mediku u l-kompjuters. L-impatt potenzjali fuq il-flussi tal-kummerċ huwa estensiv hekk kif din l-alternattiva tista' timblokka sa EUR 4 biljun ta' importazzjonijiet ta' prodotti u servizzi. Din l-alternattiva jista' jkollha effetti kbar ta' ritaljazzjoni (EUR 1 biljun) u tista' toħloq pressjoni sinifikanti. L-impatt fuq il-finanzi pubbliċi u l-piż amministrattiv għandhom jibqgħu limitati ħafna.

    Fil-kuntest tal-alternattiva 3B (entitajiet individwali, taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, jistgħu jeskludu offerti minn pajjiżi terzi (3B1), u strument mmexxi mill-Kummissjoni biex iwettaq inkjesti dwar is-sitwazzjoni tal-aċċess għas-suq għall-prodotti, is-servizzi u l-kumpaniji tal-UE f’pajjiżi terzi (3B2)), għandu jinkiseb livell akbar ta' ċertezza legali hekk kif il-Kummissjoni jkollha l-aħħar kelma fir-rigward ta' miżuri diskriminatorji potenzjali. Din l-alternattiva għandha tkopri s-setturi relevanti kollha tal-ekonomija. Realistikament, l-inizjattiva tista' twassal għal ftuħ fis-suq li jiswa EUR 4 biljun ta’ esportazzjonijiet addizzjonali u toħloq 60 000 impjieg. Il-potenzjal tas-saħħa tal-influwenza ta' din l-alternattiva jkun kemmxejn aħjar mill-alternattiva 3A, u dan grazzi għall-fatt illi, skont l-alternattiva 3B2, ikunu jistgħu jitqiegħdu fil-mira l-interessi offensivi ta' pajjiżi terzi. Ir-riskju ta' ritaljazzjoni ta' din l-alternattiva jkun limitat minħabba li l-għeluq tas-suq tal-akkwisti tal-UE jkun hu wkoll limitat u fil-mira. L-impatt fuq il-finanzi pubbliċi għandu jkun limitat, iżda l-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet kontraenti, in-negozji u anke l-Kummissjoni Ewropea se jkun relattivament kbir minħabba s-sistema ta' notifikazzjoni ta' 6-8 ġimgħat.

    L-alternattiva 3C u 4 tippreżenta impatti simili bħal fil-każ tal-alternattiva 3A. Madankollu, l-alternattiva 3C tikkawża l-akbar piż amministrattiv fost l-alternattivi kollha (notifikazzjonijiet minflok rinunzji) u l-alternattiva 4 ma ttejjibx il-livell ta' rispett għall-impenji internazzjonali daqs l-alternattivi 3A jew 3B.

    Alternattiva 6 (il-korrezzjoni ta' offerti anormalment baxxi li mhumiex ġusti) tikkumplimenta l-alternattivi l-oħra u taffettwa biss offerti barranin. L-impatt fuq il-piż amministrattiv u l-finanzi pubbliċi għandu jkun wieħed minuri iżda dan jiddependi mill-għadd ta’ każijiet. Madankollu, jeżisti r-riskju ta’ ritaljazzjoni, minħabba li l-kumpaniji esklużi abbażi ta’ offerti anormalment baxxi aktarx li jkun kumpaniji tal-Istat.

    5.5.        Paragun tal-Alternattivi

    L-alternattivi politiċi proposti ġew ipparagunati fuq il-bażi tal-impatt tagħhom fuq l-għanijiet li jridu jintlaħqu u fuq il-bażi tal-effiċjenza tagħhom.

    Alternattiva 1 ma tiksibx l-għanijiet identifikati u għalhekk tqieset biss bħala x-xenarju bażi li magħha jridu jkunu pparagunati l-alternattivi ta’ politika oħrajn. Alternattiva 2 se tikkontribwixxi b'mod limitat għat-twettiq tal-għanijiet identifikati (fir-rigward tat-titjib fiċ-ċertezza legali u l-aċċess għal swieq ta’ pajjiżi terzi) u għandha wkoll l-inqas vantaġġi f'termini ta' effiċjenza, effikaċja u koerenza. Alternattivi 3A, 3C u 4 jissodisfaw l-għanijiet identifikati – iżda mhumiex effiċjenti minħabba l-ispejjeż ta' ritaljazzjoni li dawn jistgħu jinvolvu, kif ukoll minħabba l-problemi għall-katini tal-provvista tal-kumpaniji tal-UE fl-Istati Uniti u fiċ-Ċina. Alternattiva 3C tiġġenera piż amministrattiv sinifikanti. L-ebda waħda mill-alternattivi, ħlief l-alternattiva 6, ma tista', fil-verità, tkun immirata lejn offerti anormalment baxxi ta' kumpaniji, prodotti u servizzi appoġġjati mill-Istat. Alternattiva 3B hi l-aktar probabbli li tilħaq l-għanijiet kollha u dan bl-aktar mod wiesa'. Din irċeviet ukoll l-aħjar riżultati f’termini ta' effikaċja, effiċjenza u koerenza meta mqabbla ma' alternattivi oħra ta' politika. Bħala riżultat ta' dan, qed ikun rakkomandat li tiġi implimentata l-alternattiva 3B u li tkun kompluta bl-alternattiva 6 u 2B.

    6.6.        Monitoraġġ u evalwazzjoni

    Il-Kummissjoni se timmonitorja l-konformità tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri mal-obbligi stabbiliti fl-inizjattiva dwar l-akkwist estern. L-inizjattiva tipproponi sett ta’ indikaturi li jsegwu l-kisba ta' kull għan speċifiku, b’mod partikolari billi timmonitorja:

    · esportazzjonijiet addizzjonali marbuta mal-akkwist

    · għadd ta’setturi (fost it-22 magħżula) li infetħu barra l-UE mqabbla

    · mal-għadd attwali

    · it-tkabbir tal-flussi kummerċjali fil-qasam tal-akkwist

    · għadd ta’ investigazzjonijiet imnedija mill-Kummissjoni Ewropea

    · it-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ tal-akkwisti għall-fornituri tal-UE f’pajjiżi terzi speċifiċi

    · bidliet li jsiru fil-liġi nazzjonali sabiex jirriflettu l-impenji internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku.

    [1]               Approċċ A: L-entitajiet tal-akkwist tal-UE fil-prinċipju jkunu meħtieġa jeskludu prodotti, servizzi u kumpaniji minn pajjiżi terzi li mhumiex koperti mill-obbligi internazzjonali tal-UE.

    [2]               Approċċ B: Soġġetti għal notifika lill-Kummissjoni, l-entitajiet tal-akkwist tal-UE għandu jkollhom l-għażla li jiddeċiedu li jeskludu prodotti, servizzi u kumpaniji minn pajjiżi terzi li mhumiex koperti minn impenji internazzjonali tal-UE. Minbarra dan, il-Kummissjoni għandha tkun fdata b'għodda speċifika biex twettaq inkjesti dwar is-sitwazzjoni tal-aċċess għas-suq tal-prodotti, servizzi u kumpaniji tal-UE u li timponi miżuri restrittivi fuq prodotti u servizzi li joriġinaw minn pajjiżi terzi meta l-prodotti, servizzi u l-kumpaniji tal-UE ma jkollhomx aċċess suffiċjenti għas-suq tal-akkwist pubbliku ta' dawn il-pajjiżi.

    Top