Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0623

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni FEG/2011/013 DK/Flextronics mid-Danimarka)

    /* COM/2012/0623 final */

    52012PC0623

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni FEG/2011/013 DK/Flextronics mid-Danimarka) /* COM/2012/0623 final */


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, bil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

    Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-FEG huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

    Fil-21 ta' Diċembru 2011, id-Danimarka ressqet l-applikazzjoni FEG/2011/013 DK/Flextronics għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji fi Flextronics International Denmark A/S (minn issa ’l quddiem imsejħa "Flextronics Denmark ') fid-Danimarka.

    Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet b'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament, intlaħqu.

    TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

    Dejta ewlenija: ||

    Nru ta' Referenza tal-FEG || FEG/2011/013

    Stat Membru || Id-Danimarka

    Artikolu 2 || (c)

    Intrapriża primarja || Flextronics International Denmark A/S

    Fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni || 0

    Perjodu ta’ referenza || 1.7.2011 – 31.10.2011

    Id-data tal-bidu għas-servizzi personalizzati || 21.3.2012

    Id-data tal-applikazzjoni || 21.12.2011

    Sensji matul il-perjodu ta' referenza || 216

    Sensji qabel u wara l-perjodu ta' referenza || 87

    Total ta' sensji eliġibbli || 303

    Ħaddiema ssensjati li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri || 153

    Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 1 972 381

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG[3] (EUR) || 136 712

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (%) || 6,48

    Baġit totali (EUR) || 2 109 093

    Kontribuzzjoni tal-FEG (65 %) (EUR) || 1 370 910

    1.           L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fil-21 ta' Diċembru 2011 u kienet supplimentata b'tagħrif addizzjonali sat-23 ta’ Awwissu 2012.

    2.           L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' intervent mill-FEG kif stipulat fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' skadenza ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

    Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

    3.           Id-Danimarka targumenta li s-sensji fi Flextronics Denmark huma konsegwenza diretta ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji fil-qasam tas-servizzi pprovdut minn Flextronics Denmark, jiġifieri s-servizzi ta’ disinn u ta' manifattura elettronika għall-manifatturi ta’ tagħmir elettroniku oriġinali.

    4.           Flextronics International Denmark A/S (l-isem sħiħ tal-kumpanija) inħoloq fl-2004 bħala parti minn Flextronics International Ltd., li kien ġie rreġistrat fl-1990 f'Singapor, wara li kibret minn kumpanija li oriġinarjament Amerikana bbażata f'Silicon Valley fl-1969. Fl-2011, Flextronics ġiet ikklassifikata, skont CircuitsAssembly.com[4], bħala t-tieni kumpanija globali ta’ Servizzi għall-Manifattura tal-Elettronika (EMS) bħala qligħ.

    5.           Flextronics, ukoll segwiet ix-xejra reċenti fejn il-faċilitajiet tal-produzzjoni ta’ tagħmir elettroniku jiċċaqalqu lejn l-Asja, hekk kif il-Kwartieri Ġenerali ta’ Singapor iddeċidew li jagħlqu l-intrapriża Daniża filwaqt li fl-istess ħin tespandi barra l-Ewropa. Dwar l-aġenda tal-iżvilupp ta “Flextronics International Ltd”, qed issir enfażi fuq il-ħolqien ta’ parks enormi tal-produzzjoni fl-Amerika t’Isfel u fix-Xlokk tal-Asja[5].

    6.           Flextronics Denmark kien produttur importanti ta' bordijiet ta' ċirkwiti stampati (PCBs) li huma komponenti bażiċi ta' kwalunkwe tagħmir elettroniku bħal smart kards, logħob elettroniku, kameras diġitali, mowbajls, kompjuters personali, eċċ. Billi l-kumpanija testernalizza x-xogħol tal-produzzjoni ta’ dawn il-bordijiet lill-kumpanija dipendenti MULTEK, wieħed mill-fornituri l-aktar magħrufa tal-PCB fid-dinja, li jipprovdu soluzzjonijiet one-stop tal-interkonnessjonijiet fl-industrija elettronika, l-output ta’ Flextronics Denmark u s-suq Ewropew tal-PCBs rilevanti ma kinux aktar ta’ interess għal Flextronics International Ltd.

    7.           Multek, li twaqqfet fl-1978, bħalissa timpjega aktar minn 12 000 ħaddiem madwar id-dinja li jaħdmu f’għaxar faċilitajiet fuq erba’ kontinenti differenti. Fl-Ewropa, fadal biss 420 impjegat (Rigid PCB Manufacturing-Germany) u 370 fl-Istati Uniti, filwaqt li l-postijiet fiċ-Ċina qed jespandu malajr (b'10 900 impjegat), li qed ifornu l-industrija elettronika fin-Nofsinhar tal-Asja li qed tikber b’pass mgħaġġel ħafna.

    8.           Il-Ġappun u r-reġjun tal-Asja-Paċifiku kollettivament jammontaw għal sehem kbir tas-suq dinji tal-PCBs, l-istess bħall-Indja u ċ-Ċina. Raġuni ewlenija għas-sinifikat dejjem akbar ta’ dawn il-pajjiżi hija l-espansjoni rapida tal-manifattura elettronika hemmhekk, speċjalment minħabba l-ispejjeż tal-ħaddiema u l-benefiċċji tal-ispejjeż tal-manifattura[6].

    9.           Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, u f’sitwazzjoni fejn is-swieq fl-Ewropa għall-produzzjoni tal-elettronika qed jiċkienu b'mod ġenerali u għall-PCBs b’mod partikolari, id-deċiżjoni li tagħlaq Flextronics Denmark ittieħdet mill-kwartieri ġenerali tal-kumpanija f’Awwissu 2011.

    Dimostrazzjoni tal-għadd ta' sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(c)

    10.         Id-Danimarka ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li tippermetti lill-Istati Membri li f’ċirkustanzi eċċezzjonali, b'ġustifkazzjoni xierqa mill-Istat Membru kkonċernat, iressqu applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-FEG anke jekk il-kriterji ta’ intervent stipulati fil-punt (a) jew (b) ma jkunux ġew sodisfatti għal kollox, meta l-issensjar ikollu effett serju fuq ix-xogħol u fuq l-ekonomija lokali.

    11.         L-applikazzjoni ssemmi 216-il sensja ġo Flextronics International Denmark A/S matul perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur mill-1 ta’ Lulju 2011 sal-31 ta’ Ottubru 2011 u 87 oħra barra l-perjodu ta' referenza iżda li mhumiex relatatati mal-istess proċedura ta' sensji kollettivi. It-303 sensji ġew ikkalkolati kollha skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    12.         Id-Danimarka targumenta li l-applikazzjoni hija magħmula f'ċirkostanzi eċċezzjonali u tiġġustifika t-talba għal appoġġ mill-FEG minħabba l-importanza tal-impjegatur fis-suq tax-xogħol lokali, is-sitwazzjoni globali tas-suq tax-xogħol fil-muniċipalità ta’ Skive kif ukoll ix-xejriet demografiċi. L-għeluq ta' Flextronics Denmark kien isegwi l-għeluq jew id-delokalizzazzjoni ta’ bosta kumpaniji oħra importanti li jimpjegaw ħaddiema f’dan il-qasam bħal Metallic, Nørhaven, Jamo, Royal Greenland, Bodisen u Danish Crown. L-awtoritajiet Daniżi jikkonfermaw li fiż-żmien tal-għeluq tagħha, Flextronics Denmark kienet l-iktar impjegatur industrijali importanti fil-muniċipalità.

    13.         L-awtoritajiet Daniżi jargumentaw ukoll iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għal dan il-każ minħabba l-fatt li l-muniċipalità ta' Skive tagħmel parti mir-reġjun ta' Midtjylland li ġie affettwat b’mod negattiv mill-globalizzazzjoni f’dawn l-aħħar ftit snin u li diġà ntalab l-appoġġ tal-FEG fl-2010 u fl-2012 (FEG/2010/017 u FEG/2012/003). Fiż-żewġ każijiet is-sensji seħħew fil-Grupp Vestas, jiġifieri 813-il ħaddiem ingħataw is-sensja bejn Ġunju 2009 u Marzu 2010 u 569 oħra fl-2012. Apparti l-ħaddiema mill-muniċipalità ta' Varde (ir-reġjun tad-Danimarka t’Isfel), il-bqija tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja kienu mir-reġjun ta’ Midtjylland fejn tinsab fil-muniċipalità ta' Skive. Dan jillimita aktar l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Flextronics.

    14.         Apparti l-opportunitajiet limitati fis-suq tax-xogħol fil-muniċipalità ta’ Skive, kien hemm xejra espressament aktar negattiva dwar ir-rati tal-qgħad meta mqabbla mar-reġjun ta' Midtjylland u ż-żona ta’ Vestjylland f’daqqa. Kienu 5,6% dawk qiegħda full time ġo Skive f'Novembru 2011 u dawn żdiedu għal 7% f'Marzu 2012, filwaqt li ċ-ċifri rispettivi għal Midtjylland kienu 5,2% f'Novembru 2011 u 6% f'Marzu tal-2012 (5% u 6% għaż-żona ta' Vestjylland għall-istess perjodu ta’ referenza).

    15.         Impjiegi industrijali naqsu b’35% fil-muniċipalità ta' Skive matul il-perjodu 2006 – 2011. Għall-perjodu 2008 – 2010, it-telf ta’ impjiegi kien konsiderevolment akbar (7,5%) milli fil-bqija tad-Danimarka b'mod ġenerali (4%) jew ir-reġjun ta' Midtjylland b’mod partikolari (4,5%).

    16.         Il-muniċipalità ta’ Skive hija kkaratterizzata minn preżenza għolja ta' ħaddiema mingħajr sengħa (20,1%) meta mqabbla mad-Danimarka kollha (18,1%). Hija wkoll ikkaratterizzata minn livell ogħla (35,5%) ta’ ħaddiema li kisbu edukazzjoni primarja biss; il-valur rilevanti għad-Danimarka kollha huwa ta’ 29,3%.

    17.         L-indikaturi tas-suq tax-xogħol għall-2010 juru li 2,2% tal-popolazzjoni tal-muniċipalità kienu qiegħda, 3% kienu temporanjament barra mill-forza tax-xogħol filwaqt li 20% kienu impjegati bħala ħaddiema bi ftit kwalifiki u biss 4,6% kienu ħaddiema b'ħiliet avvanzati. Is-sensji li ngħataw minn Flextronics Denmark huma kkunsidrati li qed ikomplu jgħarrqu s-suq tax-xogħol ġo Skive b'mod speċjali fir-rigward ta' ħaddiema bi ftit ħiliet.

    18.         L-awtoritajiet Daniżi jirreferu wkoll għad-deterjorament konsiderevoli fl-istruttura demografika osservata mill-2006, meta beda t-tnaqqis fl-impjiegi fil-manifattura, hekk kif kemm iż-żgħażagħ kif ukoll ħaddiema li kellhom livell ta' edukazzjoni ogħla kienu qed jitilqu mill-muniċipalità, u jagħżlu impjiegi ġodda xi mkien ieħor. Minħabba ċ-ċirkustanzi deskritti, l-awtoritajiet Daniżi jqisu l-iżvilupp futur tas-suq tax-xogħol bħala wieħed ferm mhedded u għalhekk jixtiequ jiżviluppaw aktar il-ħiliet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Flextronics biex jipprovdulhom opportunitajiet ta' xogħol rilevanti għalihom fi ħdan il-muniċipalità ta’ Skive.

    19.         Għaldaqstant, f'dawn iċ-ċirkustanzi, is-sensji jistgħu jitqiesu li għandhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali u reġjonali deskritta.

    Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta' dawk is-sensji

    20.         L-awtoritajiet Daniżi jargumentaw li s-sensji ma kinux mistennija għaliex Flextronics Denmark A/S kienet sejra tajjeb ħafna bejn l-2004 u 2011. Fl-2010, il-kumpanija kellha 420 ħaddiem u kienet l-ikbar impjegatur industrijali fil-muniċipalità ta’ Skive. Fil-kontijiet annwali tagħha għall-2010, Flextronics Denmark irrapurtat bilanċ pożittiv ta' DKK 11,2 miljun (madwar. EUR 1,5 miljun).

    21.         Minħabba r-riżultati ekonomiċi eċċellenti, kien kompletament imprevedibbli li l-kwartieri ġenerali bdew jagħtu s-sensja lill-ħaddiema ġo Skive fil-bidu tal-2011 meta din tilfet l-interess fis-suq Daniż. Għalkemm is-CEO pprova jsalva lill-kumpanija bi strateġija ġdida u diversifikazzjoni tal-produzzjoni, f'Awwissu 2011, Flextronics Int. Ltd iddeċidiet li tagħlaq l-impjant ġo Skive.

    Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema identifikati għall-għajnuna

    22.         L-applikazzjoni tirrigwarda 303 sensji fl-intrapriża Flextronics Denmark, b'153 minnhom mistennija jipparteċipaw fil-miżuri.

    23.         It-tqassim tal-ħaddiema fil-mira huwa kif ġej:

    Kategorija || Numru || Persentaġġ

    Irġiel || 72 || 47,06

    Nisa || 81 || 52,94

    Ċittadini tal-UE || 150 || 98,04

    Ċittadini mhux tal-UE || 3 || 1,96

    Minn 15 sa 24 sena || 5 || 3,27

    Minn 25 sa 54 sena || 118 || 77,12

    Minn 55 sa 64 sena || 30 || 19,61

    > 64 sena || 0 || 0,00

    24.         Fost il-ħaddiema identifikati, sebgħa għandhom problema ta’ saħħa jew diżabbiltà rikorrenti.

    25.         Fir-rigward ta' kategoriji ta’ xogħol, it-tqassim huwa kif ġej:

    Kategorija || Numru || Persentaġġ

    Maniġers || 3 || 1,96

    Professjonisti || 3 || 1,96

    Tekniċi u professjonisti assoċjati || 20 || 13,07

    Skrivana || 6 || 3,92

    Ħaddiema fl-artiġjanat u snajja' relatati || 10 || 6,54

    Operaturi tal-impjanti u tal-magni || 110 || 71,89

    Okkupazzjonijiet elementari || 1 || 0,65

    26.         Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, id-Danimarka kkonfermat li ġiet applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll politika ta' ebda diskriminazzjoni, u li din se tkompli tapplika matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-FEG u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-aċċess għalih.

    Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

    27.         Il-Muniċipalità ta' Skive tinsab f’żona rurali fil-majjistral tar-reġjun ta' Midtjylland. Il-popolazzjoni bdiet tonqos gradwalment matul dawn l-aħħar snin u fl-2011 kienet ta’ 47 928. Il-muniċipalità tkopri żona ta’ 690,7km2 b'densità tal-popolazzjoni ta' 69,5 abitant għal kull km2. Għalkemm Skive tinsab fil-parti "ta' barra" tad-Danimarka f'reġjun rurali, l-industrija kellha rwol kbir, bi tlieta minn kull għaxar impjegati fis-settur privat jaħdmu fl-industrija. Madankollu, mill-2006 'l hawn, l-industriji ewlenin telqu mill-muniċipalità u Skive tilef madwar 2 000 impjieg industrijali bejn l-2008 u l-2010, uħud minnhom minħabba l-globalizzazzjoni. F'Ġunju 2011, 12% tal-membri tat-3F (it-trejdjunjin li tirrappreżenta ħaddiema bi ftit ħiliet) kienu qiegħda. F’analiżi dwar il-ħtiġijiet ta’ kompetenzi fir-reġjun ta' Midtjylland fil-futur bl-2020 bħala perspettiva, ġew identifikati oqsma ġodda tat-tkabbir: l-enerġija u l-ambjent, l-ICT mediku / tas-saħħa, it-turiżmu u l-produzzjoni tal-ikel[7].

    28.         Id-Danimarka implimentat riforma komprensiva tal-gvern lokali u reġjonali fl-2007, li wasslet biex l-awtoritajiet muniċipali jingħataw aktar setgħa. Dawn ikollhom responsabbiltajiet speċifiċi ġodda dwar l-impjiegi. Iċ-ċentri tal-impjiegi ġew stabbiliti fil-livell muniċipali biex jiżguraw post ta' aċċess komuni għaċ-ċittadini u għall-impriżi kummerċjali fl-isforz tal-impjiegi tal-pubbliku. Barra minn hekk, fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, ġew stabbiliti Kunsilli tal-Impjieg, li jirrappreżentaw partijiet interessati fis-suq tax-xogħol.

    29.         Għall-iskopijiet ta’ din l-applikazzjoni, il-parti interessata prinċipali hija l-muniċipalità ta’ Skive. Partijiet interessati oħra huma msemmija f'aktar dettall fil-punt 37 hawn taħt.

    L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

    30.         Flextronics Denmark kienet l-akbar fornitur ta' impjiegi li jirrikjedu kemm livell baxx ta' ħiliet kif ukoll livell għoli. L-għeluq ta' Flextronics Denmark kien isegwi l-għeluq ta’ bosta intrapriżi tal-manifattura oħrajn f'dawn l-aħħar snin, jiġifieri Metallic, Nørhaven, Jamo, Royal Greenland, Bodisen u Danish Crown li jew għalqu jew telqu minn dan ir-reġjun.

    31.         Wara dan it-tip ta' għeluq, ħaddiema li kellhom livell ta’ edukazzjoni ogħla marru f’reġjuni industrijali oħrajn filwaqt li n-nies b’livell ta’ edukazzjoni baxx u nies bi ftit ħiliet kellhom it-tendenza li jibqgħu u joqogħdu bla xogħol. Peress li madwar 190 tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Flextronics Denmark huma ta’ ftit ħiliet, il-persentaġġ ta’ nies qiegħda ta’ ftit ħiliet fil-muniċipalità aktarx li se jiżdied b’madwar żewġ punti perċentwali.

    32.         F’Mejju 2012, l-awtoritajiet rilevanti fir-Reġjun tal-Impjiegi Midjutland ippubblikaw stħarriġ tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol fejn huma identifikaw biċ-ċar li l-ħaddiema bla sengħa – kemm nisa u kif ukoll irġiel – qegħdin f'riskju akbar li jispiċċaw qiegħda fit-tul meta mqabbla ma' gruppi oħra. Minħabba l-persentaġġ għoli ta' ħaddiema b'ħiliet baxxi minn Flextronics, ir-riskju li jibqgħu qiegħda għal aktar żmien huwa akbar għal dawn il-ħaddiema .

    33.         Peress li l-awtoritajiet lokali identifikaw rabta diretta bejn il-livell tal-edukazzjoni tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja u s-sitwazzjoni demografika fil-muniċipalità, huma qed jantiċipaw il-ħolqien ta' ċirku vizzjuż ta' livell baxxi ta' edukazzjoni → qgħad → sitwazzjoni demografika li dejjem tmur għall-agħar u għalhekk qed jippruvaw jevitawha billi jimmobilizzaw ir-riżorsi mill-FEG apparti l-isforzi tagħhom stess.

    Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u t-tqassim tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

    34.         Il-miżuri kollha li ġejjin proposti mill-awtoritajiet Daniżi jingħaqdu flimkien biex jiffurmaw pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati li għandu l-għan li jintegra mill-ġdid fix-xogħol lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja:

    – Valutazzjoni ta’ kwalifiki u kompetenzi diġà miksuba bħala mod kif jitqassar il-proċess biex tinkiseb kwalifika formali (ġdida) - individwalment jew fi gruppi. Din il-valutazzjoni hija mistennija tkun rilevanti speċjalment għall-ħaddiema mingħajr sengħa.

    – Attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ:

    – Għall-ħaddiema mingħajr sengħa taħlita ta' edukazzjoni ġenerali bħala mezz biex jiksbu l-aċċess għall-edukazzjoni vokazzjonali jew biex jiksbuha; taħriġ fil-ħiliet tal-qari/kitba u l-aritmetika; taħriġ vokazzjonali fi ħdan setturi b’opportunitajiet tajba tax-xogħol u edukazzjoni ulterjuri / korsijiet ta’ taħriġ vokazzjonali, jiġifieri li jiksbu kwalifiki bażiċi fi ħdan setturi ġodda u ċ-ċertifikati rilevanti.

    – Għall-ħaddiema tas-sengħa (inkluż il-persunal tal-uffiċji) tipi varji ta' edukazzjoni / edukazzjoni għall-adulti biex il-kwalifiki tal-ħaddiema jinġiebu f’livell ogħla fl-istess qasam tax-xogħol, eż. persuna tas-sengħa issir tekniku; korsijiet speċjalizzati biex il-persuna tikseb ħiliet jew ċertifikati supplimentari u edukazzjoni ġenerali jew vokazzjonali ġdida bil-ħsieb li l-persuna tibdel l-impjieg jew is-settur.

    – Għall-maniġers, inġiniera u tekniċi, il-pakkett personalizzat jipprevedi korsijiet speċjali biex wieħed jikseb kwalifiki supplimentari jew formali, pereżempju ċertifikati għall-ġestjoni tal-proġett u oqsma simili.

    Il-perspettivi fit-tul tal-impjieg tal-ħaddiema individwali jiġu kkunsidrati, sabiex it-taħriġ u l-attivitajiet edukattivi jitfasslu b’tali mod li jkunu jiffukaw fuq – iżda mingħajr ma jkunu limitati għal – setturi b'potenzjal ta’ żvilupp kif identifikati mill-aħħar analiżijiet.

    – L-intraprenditorija hija partikolarment appoġġata permezz ta’ proċess f’żewġ fażijiet li għandhom jiġu implimentati f'koperazzjoni maċ-Ċentru lokali tat-Turiżmu u n-Negozju. L-ewwel pass f’dan il-proċess huwa kors inizjali li se jistma l-potenzjal ta’ intraprenditur fil-ġejjieni. It-tieni pass se jiġi implimentat biss jekk ir-riżultat ikun pożittiv ; dan se jkun jinkludi proċess ta’ żvilupp ta’ pjan ta’ negozju flimkien ma’ konsulenza individwali, sessjonijiet ta' informazzjoni, u laqgħat ma’ gruppi ta’ netwerks rilevanti.

    – Rikollokament individwali Dan se jkun immirat lejn ħaddiema b’ħiliet professjonali jew maniġerjali li ma rnexxilhomx isibu impjieg ġdid fi żmien raġonevoli wara li telqu minn Flextronics. L-idea bażika hija li tingħata għajnuna lil persuni li diġà għandhom il-ħiliet meħtieġa iżda li ma rnexxilhomx isibu impjieg ġdid. Kull ħaddiem se jkun megħjun għal perjodu ta' żmien minn konsulent professjonista tar-rikollokament li se jaġixxi bħala konsulent u msieħeb fit-taħriġ għall-ħaddiem fl-isforzi tiegħu biex isib impjieg. L-għan huwa li dawn il-ħaddiema jiġu megħjuna biex jiksbu l-akbar effett mill-sforzi għat-tiftix tax-xogħol tagħhom malajr kemm jista’ jkun.

    – Kumpens għas-sussistenza: Din l-għajnuna se titħallas ta' kuljum lill-ħaddiema kollha fil-mira li jipparteċipaw b’mod attiv fil-miżuri tal-FEG. Il-kumpens se jingħata għaż-żmien tal-attività speċifika u se jkun parti integrali mill-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol immirati lejn l-impjegabbiltà aktar fit-tul tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja u jfittxu li jkattru l-ħiliet u l-kompetenzi.

    35.         In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG, li hija inkluża fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri miżuri amministrattivi u ta’ tħejjija u attivitajiet ta’ ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità kif ukoll attivitajiet ta' kontroll u evalwazzjoni. Apparti l-fuljetti, sit tal-internet u attivitajiet ta’ informazzjoni ġenerali, se jinġabru wkoll stejjer ta' suċċess li se jiġu ppreżentati lill-istampa u lill-pubbliku minn żmien għal żmien. Se jkun organizzat seminar finali fuq l-impatt tal-appoġġ tal-FEG f'dan il-każ. Il-proporzjon tal-infiq tal-implimentazzjoni ta’ 6,48% tan-nefqa totali, huwa ogħla mis-soltu billi dan huwa każ relattivament żgħir, iżda wħud mill-ispejjeż f’termini assoluti huma qrib dawk meħtieġa għall-ġestjoni ta’ każ akbar. L-infiq tal-evalwazzjoni jinkludi s-servizzi ta’ konsulent estern.

    36.         Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Daniżi huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Daniżi jistmaw li t-total tal-ispejjeż se jkun EUR 2 109 093, li minnhom in-nefqa għas-servizzi personalizzati tkun EUR 1 972 381 u l-ispiża għall-implimentazzjoni tal-FEG tkun ta' EUR 136 712 (6,48 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta' EUR 1 370 910 (65 % tal-kostijiet totali).

    Azzjonijiet || In-numru stmat ta' ħaddiema identifikati || Il-kost stmat għal kull ħaddiem fil-mira (EUR) || Il-kostijiet totali (il-FEG u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

    Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

    Evalwazzjoni tal-kwalifiki u l-kompetenzi || 110 || 537 || 59 070

    Edukazzjoni ġenerali għal xogħol li ma jeħtieġx sengħa || 50 || 6 040 || 302 000

    Taħriġ vokazzjonali għal xogħol li ma jeħtieġx sengħa || 60 || 8 054 || 483 240

    Taħriġ vokazzjonali għal xogħol tas-sengħa || 11 || 12 904 || 141 944

    Korsijiet tekniċi għat-tekniċi || 20 || 10 738 || 214 760

    Korsijiet speċjalizzati għall-maniġers u l-inġiniera || 6 || 4 295 || 25 770

    Korsijiet ta’ tħejjija għal intraprendituri futuri || 20 || 1 342 || 26 840

    Ippjanar u konsulenza dwar in-negozju || 10 || 1 275 || 12 750

    Rikollokament individwali || 20 || 1 342 || 26 840

    Kumpens għas-sussistenza || 153 || 4 439 || 679 167

    Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 1 972 381

    In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

    Attivitajiet ta’ tħejjija u l-amministrazzjoni || || 59 866

    Ġestjoni || || 32 886

    Informazzjoni u pubbliċità || || 18 792

    Evalwazzjoni || || 20 134

    Attivitajiet ta' kontroll || || 5 034

    Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG || || 136 712

    Total stmat tal-ispejjeż || || 2 109 093

    Kontribuzzjoni tal-FEG (65 % tal-ispejjeż totali) || || 1 370 910

    37.         Id-Danimarka tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq jikkumplimentaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li l-mekkaniżmi neċessarji qegħdin fis-seħħ sabiex jiġi evitat il-finanzjament doppju mill-fondi tal-UE.

    Id-data/i meta nbdew jew meta huwa maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

    38.         Fil-21 ta’ Marzu 2012, id-Danimarka bdiet is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett ikkoordinat propost lill-FEG għall-kofinanzjament. Din id-data, għalhekk, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kwalunkwe għajnuna li tista' tingħata mill-FEG.

    Il-proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

    39.         Wara li ġie mħabbar l-għeluq fil-futur ta’ Flextronics Denmark, iċ-Ċentru tal-Impjiegi ta bidu għat-twaqqif ta' task force. Ir-rappreżentanti tal-kumpanija, l-impjegati, iċ-Ċentru tal-Impjiegi u t-Trejdjunjin F3 iltaqgħu regolarment u kkoordinaw l-abbozzar tal-applikazzjoni li ngħata bidu mit-task force u ċ-Ċentru tal-Impjiegi. Iċ-Ċentru tal-Impjiegi kien jinsab ukoll bi djalogu kontinwu mal-imsieħba soċjali dwar il-kwalità u r-rilevanza tas-servizzi offruti.

    40.         L-awtoritajiet Daniżi kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew issodisfati.

    Informazzjoni dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi

    41.         Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Daniżi fl-applikazzjoni tagħhom:

    · ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

    · urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ lil ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

    · ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE.

    Sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll

    42.         Id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet li jiġġestixxu u jikkontrollaw il-ġbir ta' fondi għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fid-Danimarka.

    Finanzjament

    43.         Abbażi tal-applikazzjoni mid-Danimarka, il-kontribuzzjoni proposta mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati (inkluża n-nefqa biex jiġi implimentat il-FEG) hija ta’ EUR 1 370 910, li tirrappreżenta 65 % tal-kost totali. L-allokazzjoni proposta mill-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mid-Danimarka.

    44.         Filwaqt li tqis l-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll il-kamp ta' applikazzjoni tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

    45.         L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-FEG jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    46.         Permezz tal-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-FEG, il-Kummissjoni qed tibda l-proċedura ssemplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tiżgura l-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-FEG u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja biex taqbel mal-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, fuq livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, tissejjaħ laqgħa formali tat-trijalogu.

    47.         B'mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2012 iddaħħal approprjazzjonijiet speċifiċi ta’ impenn, kif mitlub fil-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

    Sors tal-approprjazzjonijiet ta' pagamenti

    48.         L-ammont ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagamenti mdaħħal inizjalment fil-linja baġitarja 04 05 01 fl-2012 se jintuża kompletament wara l-adozzjoni miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja tal-proposti mressqa s'issa għall-mobilizzazzjoni tal-FEG u għaldaqstant mhux biżżejjed biex ikopri l-ammont meħtieġ għal din l-applikazzjoni. Se jintalab rinfurzar tal-approprjazzjonijiet ta’ pagamenti tal-linja baġitarja tal-FEG jew permezz ta’ trasferiment, f’każ li jkun jista’ jiġi identifikat sors ta' approprjazzjonijiet disponibbli, jew baġit ta’ Emenda. Approprjazzjonijiet minn din il-linja baġitarja se jintużaw biex ikopru l-ammont ta' EUR 1 370 910 meħtieġ għal din l-applikazzjoni.

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni FEG/2011/013 DK/Flextronics mid-Danimarka)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[8], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[9], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[10],

    Billi:

    (1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni u sabiex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    (2)       Il-kamp ta' applikazzjoni tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet ippreżentati mill-1 ta’ Mejju 2009 sat-30 ta' Diċembru 2011 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

    (3)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG fil-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

    (4)       Id-Danimarka ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji fl-intrapriża Flextronics International Denmark A/S fil-21 ta' Diċembru 2011 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sat-23 ta' Awwissu 2012. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, ressqet proposta biex timmobilizza ammont ta' EUR 1 370 910.

    (5)       Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mid-Danimarka.

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 370 910 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew,                          Għall-Kunsill,

    Il-President                                                    Il-President

    [1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [3]               B'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    [4]               http://www.circuitsassembly.com/cms/component/content/article/159/10901-ems-top-50

    [5]               http://investors.flextronics.com/phoenix.zhtml?c=98555&p=irol-irhome

    [6]               http://www.electronics.ca

    [7]               http://www.newinsight.dk/en/projekter/vis/projectName/analyse-af-virksomhedernes-kompetencebehov-i-holstebro-skive-struer-og-lemvig

    [8]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [9]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [10]             ĠU C […], […], p. […].

    Top