EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0295

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

/* COM/2012/0295 final - 2012/0156 (NLE) */

52012PC0295

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet /* COM/2012/0295 final - 2012/0156 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Sabiex jiġi żgurat ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali u l-omoġenità tas-Suq Intern, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jintegra l-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE kollha fil-Ftehim taż-ŻEE mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni tiegħu.

L-Artikolu 78 tal-Ftehim taż-ŻEE jipprevedi li l-Partijiet Kontraenti għandhom isaħħu u jwessgħu l-kooperazzjoni fil-qafas tal-attivitajiet tal-Unjoni, fost l-oħrajn fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mal-proposta ta' Deċiżjoni tal-Kunsill) għandu l-għan li jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet sabiex il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti tiġi estiża u tinkludi l-kooperazzjoni fil-qafas tal-programm Ewropew ta' Monitoraġġ tad-Dinja (GMES).

Dan jikkonċerna r-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-Programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013)[1].

(a) Il-Liechtenstein la għandu jipparteċipa u lanqas għandu jikkontribwixxi finanzjarjament għall-programm tal-GMES,

(b) Il-parteċipazzjoni tal-Islanda fil-programmi tal-GMES għandha tiġi sospiża temporanjament, minħabba restrizzjonijiet ekomomiċi.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni għal tali Deċiżjonijiet, wara li ssir proposta mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tissottometti l-Abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għal adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mill-aktar fis possibbli.

2012/0156 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE  dwar emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 189, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[3] ("il-Ftehim taż-ŻEE") daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)       Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim taż-ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li, fost l-oħrajn, jemenda l-Protokoll 31 tiegħu.

(3)       Il-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE fih dispożizzjonijiet u arranġamenti dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jaqgħux taħt l-erba’ libertajiet.

(4)       Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim taż-ŻEE tiġi estiża u tinkludi r-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar il-Programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013).

(5)                   Għaldaqstant, il-Protokoll 31 għall-Ftehim taż-ŻEE għandu jiġi emendat f'konformità ma' dan.

(6)       Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni li jinsab mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 għall-Ftehim taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jistgħu jaqblu fuq tibdil minuri għall-abbozz tad-Deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

Anness

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru

ta'

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim", u b'mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1) Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ġie emendat mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru .../... ta' …[4].

(2) Is-sistema komprensiva ta' monitoraġġ tad-dinja hija ta' importanza kbira għall-ġestjoni sostenibbli tat-Tramuntana tal-Ewropa u l-Artiku.

(3) In-Norveġja kkontribwixxiet għall-iżvilupp tal-programm Ewropew ta' Monitoraġġ tad-Dinja (GMES), kemm fil-kuntest tas-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013) kif ukoll bħala membru tal-Aġenzija Spazjali Ewropea.

(4) Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim taż-ŻEE tiġi estiża u tinkludi r-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar il-Programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013)[5].

(5) Għaldaqstant, il-Protokoll 31 tal-Ftehim għandu jiġi emendat sabiex din l-estensjoni ta’ kooperazzjoni tkun tista’ sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2012,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim jiġi emendat kif ġej:

1.           It-test fil-paragrafu 6 għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

‘L-evalwazzjoni u l-għoti ta' direzzjoni maġġuri lil attivitajiet fil-programmi qafas tal-attivitajiet tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku msemmija fil-paragrafi 5, 8a, 8c, 9 u 10 għandhom jiġu rregolati bil-proċedura msemmija fl-Artikolu 79(3) tal-Ftehim.’

2.           Il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal wara l-paragrafu 8b:

‘8c.   (a)     Mill-1 ta’ Jannar 2012, l-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet li jistgħu jirriżultaw mill-Att tal-Unjoni li ġej:

-        32010 R 0911: Ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1).

(b)     L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-attivitajiet msemmijin taħt (a) skont l-Artikolu 82(1)(a) tal-Protokoll 32 tal-Ftehim.

(c)     L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ, mingħajr id-dritt tal-vot, fil-kumitati kollha tal-Unjoni li jgħinu lill-Kummissjoni Ewropea fil-ġestjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija f’(a), jiġifieri l-Kumitat tal-GMES, il-Bord tas-Sigurtà u l-Forum tal-Utent.

(d)     Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal-Liechtenstein.

(e)     Fir-rigward tal-Islanda, dan il-paragrafu għandu jiġi sospiż sakemm jiġi deċiż mod ieħor mill-Kumitat Konġunt taż-ZEE.’

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim*.

Din għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2012.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu.

Magħmul fi Brussell,

            Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

            Il-President                                                 Is-Segretarji             tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE            

[1]               ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1.

[2]               ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

[3]               ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

[4]               ĠU L …

[5]               ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1.

*               [L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.] [Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.]

Top