This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012PC0144
Proposal for a COUNCIL DECISION on the conclusion of the Agreement between the European Union and Canada on customs cooperation with respect to matters related to supply chain security
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista
/* COM/2012/0144 final - 2012/0073 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista /* COM/2012/0144 final - 2012/0073 (NLE) */
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI 1. Il-kuntest tal-proposta Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada fil-qasam
doganali huma bbażati fuq il-Ftehim dwar kooperazzjoni doganali u
assistenza reċiproka fi kwistjonijiet doganali[1] (is-CMAA) li daħal
fi-seħħ fl-1 ta' Jannar 1998. F'Diċembru 2005, l-aġenzija
għas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada (is-CBSA) uriet l-interess
tagħha biex nimxu 'l quddiem b'kooperazzjoni eqreb bejn l-UE u l-Kanada
dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista. Wara serje ta' skambji ta' fehmiet,
intlaħaq ftehim bejn il-Kummissjoni u s-CBSA dwar il-kamp ta'
applikazzjoni possibbli tal-Ftehim il-ġdid dwar l-espansjoni
tal-kooperazzjoni doganali bejn l-UE u l-Kanada. Fis-26 ta' Novembru 2009,
il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex
tiftaħ negozjati mal-Kanada. In-negozjati tnedew f'Mejju 2011. In-negozjati rriżultaw fl-abbozz tal-Ftehim
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward
kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista (l-abbozz
tal-Ftehim) li jibni fuq u jespandi s-CMAA. L-abbozz tal-ftehim se
jistabbilixxi bażi legali għall-kooperazzjoni doganali bejn l-UE u
l-Kanada dwar kwistjonijiet tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u
l-ġestjoni tar-riskji, inkluż it-tisħiħ tal-aspetti relatati
mad-dwana għall-garanzija tal-katina loġistika tal-kummerċ
internazzjonali filwaqt li fl-istess ħin jiffaċilita l-kummerċ
leġittimu; jistabbilixxi standards minimi, safejn huwa prattikabbli,
għal tekniki tal-ġestjoni tar-riskji u r-rekwiżiti relatati u
programmi; jaħdem lejn u, fejn xieraq, jistabbilixxi rikonoxximent
reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni tar-riskji, standards tar-riskji,
kontrolli tas-sigurtà, sigurtà tal-kontejners u programmi ta' sħubija
kummerċali inklużi miżuri ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ
ekwivalenti; jiskambja informazzjoni għas-sigurtà tal-katina tal-provvista
u l-ġestjoni tar-riskji soġġetta għall-kunfidenzjalità
tar-rekwiżiti tal-informazzjoni u l-protezzjoni tad-dejta personali
stabbiliti fl-Artikolu 16 tas-CMAA u fil-leġiżlazzjoni rilevanti
tal-Partijiet Kontraenti; jistabbilixxi punti ta' kuntatt għal dan
il-għan; jintroduċi, fejn xieraq, interfaċċja
għall-iskambju tad-dejta, inkluż dejta għal qabel il-wasla jew
qabel it-tluq; jiżviluppa strateġija li tippermetti lill-awtoritajiet
doganali jaħdmu f'kooperazzjoni fil-qasam tal-ispezzjoni tal-merkanzija;
jippermetti kollaborazzjoni, safejn prattikabbli, fi kwalunkwe fora
multilaterali fejn kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista
jistgħu adegwatament jitqajjmu u jiġu diskussi. L-abbozz tal-ftehim
jikkostitwixxi espansjoni tas-CMAA skont l-Artikolu 23 tas-CMAA, li
jistipula li l-Partijiet Kontraenti jistgħu jespandu s-CMAA bil-ħsieb
li jżidu l-livelli tal-kooperazzjoni doganali u jissupplimentawhom permezz
ta' ftehim fuq setturi jew affarijiet speċifiċi. Is-CMAA se jibqa'
l-kappa ġenerali għall-kooperazzjoni doganali bejn il-Partijiet
Kontraenti u l-istruttura istituzzjonali tas-CMAA huwa propost li jiġi
estiż biex ikopri wkoll l-abbozz tal-Ftehim. Fil-prattika, il-Kumitat
Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali UE-Kanada (KKKD), stabbilit taħt
l-Artikolu 20 tas-CMAA, se jamministra ż-żewġ Ftehimiet u
se jingħata s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet
implimentattivi meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni domestika
rispettiva tal-Partijiet Kontraenti[2],
eż. dwar l-għarfien reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni
tar-riskji, standards tar-riskji, kontrolli tas-sigurtà u programmi
tas-sħubija kummerċjali. 2. Riżultati
tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u valutazzjonijiet tal-impatt L-Istati Membri ġew ikkonsultati fil-qafas
tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Unjoni Doganali. M'hemmx bżonn ta' valutazzjoni tal-impatt. 3. Elementi legali tal-proposta Il-Kunsill hu mitlub li jadotta
deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-abbozz tal-Ftehim
ibbażata fuq l-Artikolu 207(4) l-ewwel subparagrafu, flimkien
mal-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea. Il-proposta taqa' taħt il-politika komuni
tal-kummerċ, li hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk,
il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. 4. Implikazzjonijiet
baġitarji Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni
baġitarja għall-baġit tal-Unjoni. 5. Kwistjoni oħra L-abbozz tal-Ftehim huwa konsistenti
mal-għanijiet u l-azzjonijiet identifikati mill-Kummissjoni
għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE[3]. Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-abbozz ta' Ftehim hija ppreżentata
fl-istess waqt li qed titressaq din il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill
fuq il-konklużjoni tal-abbozz tal-Ftehim. 2012/0073 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn
l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward
kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b' mod partikolari l-ewwel subparagrafu
tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament
Ewropew, Billi: (1) L-Unjoni Ewropea u l-Kanada
għandhom jespandu l-kooperazzjoni doganali tagħhom biex tkopri
materji tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskji
relatata bil-ħsieb li jżidu s-sigurtà tat-totalità tal-katina
loġistika u fl-istess ħin jiffaċilitaw il-kummerċ
leġittimu. (2) Skont id-Deċiżjoni
tal-Kunsill […/…] ta' [...][4],
il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali
rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista ġie
ffirmat fil-[ ], soġġett għall-konklużjoni tiegħu
f'data aktar tard. (3) Il-Ftehim għandu jkun
approvat f'isem l-Unjoni Ewropea, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada
dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà
tal-katina tal-provvista huwa hawnhekk approvat f'isem l-Unjoni. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din
id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu
jaħtar il-persuna bis-setgħa li tipproċedi, f'isem l-Unjoni
Ewropea, skont l-avviż previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, sabiex
tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim. Artikolu 3 Din
id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil- [....] [5]. Magħmula fi Brussel, Għall-Kunsill Il-President ANNESS ABBOZZ TA' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar
il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina
tal-provvista L-UNJONI EWROPEA u l-KANADA,
("il-Partijiet Kontraenti"), Jirrikonoxxu l-ħtieġa biex
iżidu s-sigurtà fit-totalità tal-katina loġistika għall-Kanada u
l-Unjoni Ewropea u fl-istess ħin jiġi ffaċilitat il-kummerċ
leġittimu; Jirrikonoxxu r-relazzjonijiet fit-tul,
mill-qrib u produttivi bejn l-awtoritajiet doganali tal-Kanada u tal-Unjoni
Ewropea; Jirrikonoxxu li dawn ir-relazzjonijiet
jistgħu jittejbu permezz ta' kooperazzjoni eqreb dwar is-sigurtà
tal-kontejners u kwistjonijiet oħra relatati mas-sigurtà tal-katina
tal-provvista bbażati, safejn prattikabbli, fuq ir-rikonoxximent
reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni tar-riskji, standards tar-riskji,
kontrolli tas-sigurtà u programmi ta' sħubija kummerċali; Jimmiraw li jipprovdu qafas biex jiġu
esplorati mezzi kooperattivi futuri sabiex jissaħħu l-prattiċi
tas-sigurtà tal-katina tal-provvista li għandu jżid l-effiċjenzi
relatati mad-dwana sabiex tkun żgurata s-sigurtà fit-totalità tal-katina
loġistika u biex jitħaffef il-kummerċ leġittimu
għall-benefiċċju tal-komunitajiet kummerċjali rispettivi
tagħhom; Bil-għan li jiżviluppa strateġija
li tippermetti lil-Kanada u lill-Unjoni Ewropea jikkooperaw fil-qasam ta'
spezzjoni tal-merkanzija; Il-Ftehim ser jibni fuq l-elementi tal-qalba
tal-Qafas ta' Standards li Jiżguraw u Jiffaċilitaw il-Kummerċ
Globali (SAFE) tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana. B'referenza għall-Ftehim bejn il-Kanada u
l-Komunità Ewropea dwar il-Kooperazzjoni Doganali u l-Għajnuna
Reċiproka f'Affarijiet Doganali, li daħal fis-seħħ
fl-1 ta' Jannar 1998 ("is-CMAA"), u bix-xewqa li
jespandu l-kamp ta' applikazzjoni ta' dak il-Ftehim permezz ta' ftehim fuq
kwistjoni speċifika, skont l-Artikolu 23 tas-CMAA; Waqt li jagħrfu li l-Kumitat Konġunt
tal-Kooperazzjoni Doganali (KKKD) ġie stabbilit skont l-Artikolu 20
tas-CMAA biex jiżgura l-funzjonament tas-CMAA u, fost oħrajn,
jieħu l-miżuri meħtieġa għall-kooperazzjoni doganali
skont l-għanijiet tas-CMAA u għall-espansjoni tas-CMAA bil-ħsieb
li jiżdied il-livell tal-kooperazzjoni doganali u li jiġi
ssupplimentat f'setturi jew materji speċifiki; FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 Għall-għan ta' dan il-Ftehim,
"Awtorità Doganali" tfisser: - fl-Unjoni Ewropea: is-servizzi kompetenti
tal-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni
Ewropea; - fil-Kanada: l-Amministrazzjoni governattiva
maħtura mill-Kanada bħala responsabbli għall-amministrazzjoni
tal-liġijiet doganali tagħha. Artikolu 2 Il-Partijiet Kontraenti għandhom
jikkooperaw dwar kwistjonijiet ta' sigurtà tal-katina tal-provvista u
ġestjoni tar-riskji relatati. Artikolu 3 Il-Partijiet Kontraenti għandhom
jamministraw din il-kooperazzjoni permezz tal-Awtoritajiet Doganali rispettivi
tagħhom. Artikolu 4 Il-Partijiet Kontraenti għandhom
jikkooperaw billi: (a)
jsaħħu l-aspetti relatati mad-dwana
għar-rinfurzar tal-katina loġistika tal-kummerċ internazzjonali
filwaqt li fl-istess ħin jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu; (b)
jistabbilixxu standards minimi, safejn huwa prattikabbli,
għal tekniki tal-ġestjoni tar-riskji u r-rekwiżiti u programmi
relatati; (c)
jaħdmu lejn u, fejn xieraq, jistabbilixxu
rikonoxximent reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni tar-riskji,
standards tar-riskji, kontrolli tas-sigurtà, sigurtà tal-kontejners u programmi
ta' sħubija kummerċjali inklużi miżuri ta'
faċilitazzjoni tal-kummerċ ekwivalenti; (d)
jiskambjaw informazzjoni għas-sigurtà
tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskji; kwalunkwe skambju ta'
informazzjoni taħt dan il-Ftehim għandu jkun soġġett
għar-rekwiżit tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u l-protezzjoni
tad-dejta personali stabbiliti fl-Artikolu 16 tas-CMAA kif ukoll kwalunkwe
rekwiżiti tal-kunfidenzjalità u l-privatezza stipulati
fil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet Kontraenti; (e)
jistabbilixxu punti ta' kuntatt għall-iskambju
ta' informazzjoni għas-sigurtà tal-katina tal-provvista; (f)
jintroduċu, fejn xieraq, interfaċċja
għall-iskambju tad-dejta, inkluż dejta għal qabel il-wasla jew
qabel it-tluq; (g)
jiżviluppaw strateġija li tippermetti
lill-awtoritajiet doganali jikkooperaw fil-qasam ta' spezzjoni tal-merkanzija; (h)
jikkollaboraw, safejn prattikabbli, fi kwalunkwe
fora multilaterali fejn kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina
tal-provvista jistgħu adegwatament jitqajmu u jiġu diskussi. Artikolu 5 Il-KKKD, stabbilit
taħt l-Artikolu 20 tas-CMAA, għandu jara li dan il-Ftehim
jaħdem kif jixraq u għandu jeżamina l-kwistjonijiet kollha li
jinħolqu mill-applikazzjoni tiegħu. Għandu jingħata
s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet li jimplimentaw dan il-Ftehim
skont il-leġiżlazzjoni domestika rispettiva tal-Partijiet Kontraenti,
dwar aspetti, bħal trażmissjoni tad-dejta u l-benefiċċji
miftiehma reċiprokament, ta': rikonoxximent reċiproku ta' tekniki
tal-immaniġġjar tar-riskji, standards tar-riskji, kontrolli
tas-sigurtà u programmi ta' sħubija kummerċjali. Artikolu 6 Il-KKKD
għandu jwaqqaf mekkaniżmi tax-xogħol xierqa, inkluż gruppi
ta' ħidma, sabiex jappoġġjaw il-ħidma tiegħu
għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim u biex jindirizza partikolarment
l-aspetti li ġejjin: a) jidentifika kwalunkwe bidliet
regolatorji jew leġiżlattivi meħtieġa
għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim; b) jidentifika u jistabbilixxi
miżuri għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-iskambju
tal-informazzjoni; c) jidentifika u jistabbilixxi l-aħjar
prattiki, inklużi l-aħjar prattiki għall-armonizzazzjoni
tar-rekwiżiti tal-informazzjoni elettronika bil-quddiem dwar il-merkanzija
ma' standards internazzjonali dwar merkanzija li tkun dieħla,
ħierġa jew fi transitu. d) jiddefinixxi u jistabbilixxi standards
tal-analiżi tar-riskju għall-informazzjoni meħtieġa biex
ikunu identifikati merkanziji li jkunu ser jiġu impurtati, trasbordati
minn, jew fi transitu mil-Kanada u l-Unjoni Ewropea; e) jiddefinixxi u jistabbilixxi
miżuri biex jiġu armonizzati l-istandards ta' valutazzjoni
tar-riskju; f) jiddefinixxu standards minimi u
metodi ta' kontroll li bihom dawk l-istandards jistgħu jiġu
sodisfatti; g) itejjeb u jistabilixxi standards
għal programmi ta' sħubija kummerċjali mfassla biex itejbu
s-sigurtà tal-katina tal-provvista u jiffaċilitaw il-moviment
tal-kummerċ leġittimu; h) jiddefinixxi u jwettaq passi
konkreti biex jistabbilixxi rikonoxximent reċiproku ta' tekniki
tal-ġestjoni tar-riskji, standards tar-riskju, kontrolli tas-sigurtà u
programmi ta' sħubija kummerċjali inklużi miżuri ta'
faċilitazzjoni tal-kummerċ ekwivalenti. Artikolu 7 1. Jekk jirriżultaw diffikultajiet jew xi
tilwim bejn il-Partijiet Kontraenti fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dan
il-Ftehim, l-Awtoritajiet Doganali tal-Partijiet Kontraenti għandhom
jippruvaw isolvu l-kwistjoni permezz ta' konsultazzjoni u diskussjoni. 2. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu wkoll
jagħtu l-kunsens għal forom oħra ta' riżoluzzjoni
tat-tilwim. Artikolu 8 1. Dan il-Ftehim jista' jkun emendat bi ftehim
bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. 2. Emenda għandha tidħol
fis-seħħ 90 jum wara d-data li fiha t-tieni notifika hija
mibgħuta, permezz ta' skambju ta' noti permezz ta' mezzi diplomatiċi,
li jindikaw li l-Partijiet Kontraenti jkunu temmew il-proċeduri interni
rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul
fis-seħħ tiegħu. Artikolu 9 Dan il-Ftehim għandu jidħol
fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xhar li jsegwi d-data li fiha l-Partijiet
Kontraenti jkunu nnotifikaw lill-xulxin bit-twettieq tal-proċeduri
meħtieġa biex dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ. Artikolu 10 1. Dan il-Ftehim għandu jibqa'
fis-seħħ għal perjodu indefinit. 2. Kull Parti Kontraenti tista' ttemm dan
il-Ftehim billi tagħti avviż ta' terminazzjoni permezz ta' mezzi
diplomatiċi lill-Parti Kontraenti l-oħra. 3. Din it-terminazzjoni għandha ssir
effettiva fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta' perjodu ta' sitt xhur
wara d-data ta' meta l-Parti Kontraenti l-oħra taslilha din in-notifika
ta' terminazzjoni. 4. Jekk dan il-Ftehim jiġi tterminat,
kwalunkwe deċiżjonijiet tal-KKKD se jibqgħu fis-seħħ,
sakemm il-Partijiet Kontraenti ma jiddeċidux mod ieħor. B'Xiehda ta' dan, is-sottoskritti,
b'awtorizzazzjoni dovuta, iffirmaw dan il-Ftehim. Magħmul fi , f'żewġ kopji
oriġinali, fi ….. fi ….. jum ta' ….. , 201 … bil-Bulgaru,
iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż,
il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż,
l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż,
il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan, u
l-Ungeriża, b'kull verżjoni awtentika ndaqs. GĦALL-UNJONI EWROPEA GĦALL-KANADA [1] ĠU L 7, tat-13.01.98, p.38 [2] Il-pożizzjoni tal-UE dwar
id-deċiżjonijiet legalment vinkolanti tal-KKKD huwa stabbilit
mill-Kunsill li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. [3] Ara b' mod partikolari l-Għan Nru 4,
Azzjoni 3 (Ġestjoni komuni ta' riskju għal moviment ta'
oġġetti fil-fruntieri esterni) tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-Istrateġija għas-Sigurtà
Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura; COM
(2010) 673 finali. [4] ĠU L , , p. . [5] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se
tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat
Ġenerali tal-Kunsill.