Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012JC0030

    Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

    /* JOIN/2012/030 final - 2012/0313 (NLE) */

    52012JC0030

    Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran /* JOIN/2012/030 final - 2012/0313 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    (1) Fit-23 ta' Marzu 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (UE) Nru 961/2010.

    (2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK tal-15 ta' Ottubru 2012 tipprovdi għal miżuri addizzjonali kontra l-Iran, fost l-oħrajn, l-inklużjoni ta’ persuni u entitajiet addizzjonali fil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi kif stipulat fl-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 961/2010. Din id-Deċiżjoni tipprovdi wkoll għal eżenzjoni skont il-miżuri restrittivi sabiex jipproteġu s-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni.

    (3) Hija meħtieġa emenda għar-Regolament (UE) Nru 267/2012 biex din l-eżenzjoni ssir effettiva.

    (4) Ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea jipproponu li jsiru l-emendi kif xieraq.

    2012/0313 (NLE)

    Proposta Konġunta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta' Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li titħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK[1],

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012[2] tat-23 ta’ Marzu 2012 ipoġġi fis-seħħ il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran. Dan ir-Regolament jipprevedi, inter alia, l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà, miżmuma jew kkontrollati mill-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Annessi VIII u IX tar-Regolament.

    (2)       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK tal-15 ta' Ottubru 2012 tipprovdi għal eżenzjoni skont il-miżuri restrittivi sabiex jipproteġu s-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni.

    (3)       Din il-miżura taqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, sabiex tiġi implimentata hemm bżonn ta’ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

    (4)       Ir-Regolament (UE) Nru 267/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 267/2012 huwa emendat kif ġej:

    (1) Il-paragrafu 23 tal-Artikolu 4 huwa sostitwit bit-test li ġej:

    "4. Bla ħsara għad-derogi previsti fl-Artikoli 24, 25, 26, 27, 28, 28a jew 29, hija pprojbita l-provvista ta' servizzi ta' messaġġi finanzjarji speċjalizzati, li jintużaw għall-iskambju ta’ dejta finanzjarja, lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Annessi VIII jew IX."

    (2) L-Artikolu 28a li ġej huwa miżjud:

    "Artikolu 28a

    Il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 23 u l-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal:

    (a) l-atti jew transazzjonijiet imwettqa fir-rigward ta' entitajiet elenkati fl-Anness II li għandhom drittijiet li jidderivaw minn aġġudikazzjoni oriġinali qabel is-27 ta' Ottubru 2010, minn Gvern sovran li mhux l-Iran fir-rigward ta' ftehim kondiviż għall-produzzjoni tal-gass, safejn tali atti u transazzjonijiet jirrigwardaw il-parteċipazzjoni ta' dawk l-entitajiet f'dak il-ftehim;

    (b) għal atti u transazzjonijiet imwettqa fir-rigward ta' entitajiet elenkati fl-Anness II safejn neċessarju għall-eżekuzzjoni, sal-31 ta' Diċembru 2014, tal-obbligi li joriġinaw minn kuntratti msemmija fl-Artikolu 12(b) dment li dawk l-atti u t-transazzjonijiet ikunu ġew awtorizzati minn qabel, każ b'każ, mill-awtorità kompetenti kkonċernata u l-awtorità kompetenti tkun infurmat lill-awtorità kompetenti l-oħra u lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħha li tagħti awtorizzazzjoni."

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39.

    [2]               ĠU L 88, 24.3.2012, p. 1.

    Top