Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012JC0021

    Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

    /* JOIN/2012/021 final - 2012/0197 (NLE) */

    52012JC0021

    Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran /* JOIN/2012/021 final - 2012/0197 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    (1) Fit-23 ta' Marzu 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (UE) Nru 961/2010.

    (2) Fejn Stat Membru jieħu azzjoni biex jiżgura li l-obbligi legali dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u l-ħarsien tal-ambjent ikunu rrispettati fejn il-kooperazzjoni ma' persuni Iranjani, entitajiet Iranjani jew korpi Iranjani tista’ tiġi affettwata b'dan ir-Regolament, f'każijiet urġenti, Stat Membru għandu jitħalla jieħu din l-azzjoni mingħajr notifika minn qabel sakemm dan jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni kemm jista' jkun malajr wara.

    (3) Meta Stat Membru ikun ta liċenzja għal involviment f’attivitajiet tal-esplojtazzjoni tal-idrokarburi lil xi persuna, entità jew korp innominati (jiġifieri elenkati fl-Anness IX li l-assi tagħhom għandhom jiġu ffriżati), qabel ma’ dik il-persuna, entità jew korp ikunu ġew hekk innominati, l-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru tista' tawtorizza deroga minn ċerti projbizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament, fejn deroga bħal din hija meħtieġa biex tkun evitata l-ħsara ambjentali jew biex ma jitħassarx b'mod permanenti l-valur tal-liċenzja.

    2012/0197 (NLE)

    Proposta Konġunta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran[1],

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)       Ir-Regolament (UE) Nru 267/2012[2] ipoġġi fis-seħħ il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2012/35/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Iran[3].

    (2)       Sabiex jipproteġu l-ambjent u s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, huwa meħtieġ li jkun stipulat li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jieħdu l-azzjoni kollha li jidhrilhom hija meħtieġa sabiex jiżguraw li l-obbligi legali dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent ikunu rispettati. F’każijiet urġenti, Stat Membru għandu jitħalla jieħu din l-azzjoni mingħajr ma jinnotifikaha minn qabel, sakemm jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni kemm jista’ jkun malajr wara.

    (3)       Meta Stat Membru ikun ta liċenzja ta’ involviment f’attivitajiet tal-esplojtazzjoni tal-idrokarburi lil xi persuna, entità jew korp innominati, qabel ma dik il-persuna, entità jew korp ikunu ġew innominati, l-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru tista' tawtorizza deroga minn ċerti projbizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 267/2012, fejn deroga bħal din hija meħtieġa biex tkun evitata l-ħsara ambjentali jew biex ma jitħassarx b'mod permanenti l-valur tal-liċenzja,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 267/2012 huwa emendat kif ġej:

    (1) L-Artikolu 43, paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

    “3. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifka lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-ħsieb tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni mill-inqas għaxart ijiem tax-xogħol qabel l-awtorizzazzjoni. F'każ ta' theddida għall-ambjent u/jew għas-saħħa u għas-sigurtà tal-ħaddiema fl-Unjoni li teħtieġ azzjoni urġenti, l-Istat Membru kkonċernat jista' jagħti awtorizzazzjoni mingħajr notifika minn qabel u għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien tlett ijiem tax-xogħol wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni."

    (2) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 43a li ġej:

    "Artikolu 43a

    1. Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 8, 9, l-Artikolu 17(1) rigward persuna, entità jew korp Iranjani msemmija fl-Artikolu 17(2)(b), l-Artikolu 23(2) u (3) sakemm dawn jirreferu għal persuni, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness IX, l-Artikolu 30 u 35, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw, skont dawk il-kundizzjonijiet li jkun jidhrilhom adattati, l-attivitajiet relatati mal-esplorazzjoni jew l-esplojtazzjoni tal-idrokarburi fl-Unjoni, imwettqa skont liċenzja għal din l-esplorazzjoni jew l-esplojtazzjoni maħruġa minn Stat Membru lil persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness IX, jekk jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a) il-liċenzja għall-esplorazzjoni jew l-esplojtazzjoni tal-idrokarburi fl-Unjoni tkun inħarġet qabel id-data li fiha jkunu ġew innominati l-persuna, l-entità jew il-korp elenkati fl-Anness IX;

    (b) l-awtorizzazzjoni hija meħtieġa sabiex tkun evitata ħsara ambjentali fl-Unjoni jew biex ma jitħassarx b'mod permanenti l-valur tal-liċenzja, fil-każ li Stat Membru jieħu l-kontroll temporanju tal-ġestjoni amministrattiva tal-liċenzja u/jew tal-pipeline u l-infrastruttura użati b'rabta mal-attività liċenzjata, fuq bażi temporanja skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

    2. Id-deroga f'paragrafu 1 għandha tingħata biss għal perjodu bħal dan kif meħtieġ, u l-validità tagħha ma għandhiex taqbeż il-validità tal-liċenzja maħruġa lill-persuna, l-entità jew il-korp elenkati fl-Anness IX. Fil-każ li l-awtorità kompetenti tqis li hija meħtieġa surroga kuntrattwali jew dispożizzjoni ta’ indennità, il-perjodu għall-validità tad-deroga ma għandux jaqbeż il-ħames snin.

    3. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifka lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni li jkun bi ħsiebu jagħti awtorizzazzjoni mill-inqas għaxart ijiem tax-xogħol qabel l-awtorizzazzjoni. F'każ ta' theddida għall-ambjent fl-Unjoni li teħtieġ azzjoni urġenti biex tkun evitata ħsara lill-ambjent, l-Istat Membru kkonċernat jista' jagħti awtorizzazzjoni mingħajr notifika minn qabel u għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien tlett ijiem tax-xogħol wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni."

    (3) Ir-referenza għall-Artikolu 43a hija miżjuda fit-Titolu tal-Anness X.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39.

    [2]               ĠU L 88, 24.3.2012, p. 1.

    [3]               ĠU L 19, 24.1.2012, p. 22.

    Top