Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012JC0014

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inwettqu politika ġdida Ewropea tal-Viċinat

/* JOIN/2012/014 final */

52012JC0014

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inwettqu politika ġdida Ewropea tal-Viċinat /* JOIN/2012/014 final */


KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Inwettqu politika ġdida Ewropea tal-Viċinat

Introduzzjoni

It-tibdil li sar is-sena l-oħra fil-Viċinat, u b'mod partikolari fin-Nofsinhar tal-Mediterran kif ukoll fil-Lvant tal-Ewropa, wassal biex l-UE tirreaġixxi b'ħeffa. Fi żmien ftit ġimgħat, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea ħarġu Komunikazzjoni konġunta dwar is-Sħubija għal Demokrazija u Prosperità Kondiviża li tispjega r-reazzjoni immedjata għall-avvenimenti storiċi li qed iseħħu. Flimkien mar-reviżjoni tal-politika tal-viċinat, dan irriżulta fi “Strateġija Ġdida għal Viċinat Ewropew li qed jinbidel”[1]. Dan bagħat messaġġ ċar ta’ solidarjetà u appoġġ lill-popli tan-Nofsinhar tal-Mediterran. L-Ewropa se tappoġġja l-ġlieda tagħhom għad-demokrazija, id-dinjità, il-prosperità u s-sikurezza mill-persekuzzjoni. L-Ewropa se tikkontribwixxi wkoll bl-esperjenza u bl-għarfien tagħha biex tgħinhom jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mit-tranżitu minn stat ta' awtoritarjaniżmu lejn id-demokrazija. Dan kien l-ewwel prijorità għas-Servizz Ewropew għal Azzjoni Esterna (SEAE) u għall-Kummissjoni Ewropea. B’mod li jibni fuq ir-riżultati tas-Sħubija mal-Lvant, il-politika l-ġdida kienet ukoll tweġiba għall-istedina tas-sħab tal-UE fil-Lvant tal-Ewropa biex ikun hemm assoċjazzjoni politika iktar mill-qrib u integrazzjoni eknomika iktar fil-fond mal-UE. Is-Samit tas-Sħubija mal-Lvant, li seħħ b’suċċess f’Varsavja, u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-istess Samit, taw iktar spinta lill-implimentazzjoni tal-metodu l-ġdid.

Din il-politika hija msejsa fuq elementi ġodda, inkluż il-metodu “iktar għal iktar” (“more for more”), l-importanza tar-responsabilità reċiproka bejn l-UE u s-sħab tagħha, il-ħtieġa li jkun hemm sħubijiet mhux biss mal-gvernijiet iżda anki mas-soċjetà ċivili (pereżempju OMG, in-negozji, l-akkademja, il-medja, il-unions u l-gruppi reliġjużi) u r-rikonoxximent tar-rwol speċjali tan-nisa biex jissawru mill-ġdid il-politika u s-soċjetà.

Il-metodu l-ġdid tal-PEV irrikonoxxa wkoll l-importanza tad-divrenzjar u jfassal ir-relazzjonijiet skont il-livell ta’ ambizzjoni tal-pajjiżi sħab. Għalhekk, huwa msejjes fuq ir-rispett għall-ispeċifiċitajiet ta’ kull pajjiżi sieħeb u għall-mixja tiegħu lejn ir-riforma. Il-politika l-ġdida daħħlet iktar flessibilità u stipulat qafas għal reazzjonijiet imfassla skont il-bżonn, li jaqblu mar-rekwiżiti speċifiċi tal-pajjiżi, tal-progress tagħhom fir-riformi u tan-natura tas-sħubija li jfittxu li jkollhom mal-UE.

Sena wara, din il-Komunikazzjoni mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni tagħti valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-metodu l-ġdid. Din il-Komunikazzjoni, akkumpanjata minn sensiela ta' dokumenti ta' Ħidma Konġunta tal-Persunal[2], turi li l-UE ħaffet biex tħejji l-pedamenti tal-politika l-ġdida, u li ħafna mill-pajjiżi sħab irrispondew b’mod pożittiv. Dan jindika li huma lesti jwettqu riforma politika u ekonomika b’iktar determinazzjoni u jimpenjaw ruħhom iktar mal-UE.

Għadd ta’ innovazzjonijiet kienu ta’ importanza partikolari:

· F’Lulju 2011, il-Kunsill ħatar Rappreżenant Speċjali tal-UE għar-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran. B’ħidma flimkien mal-Kummissjoni u s-SEAE, ir-RSUE l-ġdida kkontribwixxiet għar-reazzjoni tal-UE billi tejbet l-effikaċja u l-viżibilità tal-Unjoni permezz ta’ djalogu politiku u koperazzjoni ekonomika mal-partijiet kollha involuti fil-proċess ta’ trasformazzjoni demokratika fir-reġjun. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, it-Task Force hija mfassla biex taħdem flimkien mal-pajjiżi sħabna biex twassal għarfien u riżorsi speċifiċi għal kull pajjiż mingħand l-UE, l-Istati Membri tagħha, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew tar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp kif ukoll mingħand l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u s-settur privat. It-Task Forces tal-UE-Tuneżija u tal-UE-Ġordan wrew li huma strumenti effettivi għall-bidla demokratika, biex iħaffu l-għoti tal-appoġġ u tal-għajnuna finanzjarja billi jinvolvu medda wiesgħa ta’ istituzzjonijiet. Bir-rwol ta’ katalist li għandha, it-Task Force tippermetti li jkun hemm relazzjoni iktar profonda bejn l-UE u l-pajjiżi b’mod iktar orjentat lejn ir-riżultati, imfassal skont il-bżonn u divrezjat.

· Il-Kummissjoni pproponiet programmi finanzjarji “ġenerali” (SPRING għan-Nofsinhar u EaPIC għal-Lvant) sabiex il-fondi addizzjonali mħabbra fl-2011 ikunu disponibbli iktar malajr, sabiex tagħti appoġġ lit-trasformazzjoni demokratika, lill-bini ta’ istituzzjonijiet u biex ikun hemm iktar tkabbir fil-pajjiżi sħab.

· Fil-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika impenjattiva fl-Ewropa, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni ħadu passi deċiżivi biex jimmobilizzaw l-għajnuna finanzjarja għat-tranżitu fil-viċinat minnbarra l-baġit tradizzjonali tal-komunità. Dan inkluda żieda fil-limiti massimi tas-self ta’ EUR 1.15 biljun lill-pajjiżi sħab[3] mingħand il-Bank Ewropew tal-Investiment u estensjoni tal-mandat tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp biex jiġu koperti l-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran.

· F’Settembru tnediet Faċilità għas-Soċjetà Ċivili li tkopri l-viċinat kollu, b’baġit inizjali ta’ EUR 26 miljun għall-2011 u b’ammonti simili ppjanati għall-2012.

Filwaqt li ma sarx progress b’mod universali, minn l-aħħar tas-sena 'l hawn ħafna pajjiżi sħab ħadu passi deċiżi biex jaċċelleraw il-proċessi ta' demokratizzazzjoni u riforma tagħhom. Saru elezzjonijiet iktar ħielsa u ġusti u kien hemm ħarsien aħjar tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem. Hemm ukoll iktar lok biex isir dibattitu pubbliku, biex b'hekk tisssaħħaħ ir-responsabilità tal-gvernijiet.

“More for more”

Fil-qalba tal-politika l-ġdida hemm il-prinċipju “more for more”: l-aspetti l-iktar ambizzjużi tal-politika tal-UE, jiġifieri l-integrazzjoni ekonomika (stabbilita fuq it-twaqqif ta’ Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi (Deep and Comprehensive Free Trade Areas) – DCFTAs), il-mobilità tal-persuni (sħubijiet favur il-mobilità) kif ukoll appoġġ finanzjarju ikbar min-naħa tal-UE, ġew offruti biss lil dawk is-sħab li jkunu determinati li jwettqu riformi politiċi u li jirrispettaw il-valuri universali kondiviżi tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt. Bl-istess mod, l-UE rrispondiet għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards tad-demokrazija billi naqqset l-involviment tagħha.

Il-metodu “More for more” fil-prattika · Biex tirrifletti l-passi deċiżivi li saru fil-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika fit-Tuneżija, l-UE rduppjat l-għajnuna finanzjarja tagħha minn EUR 80 miljun fl-2010 għal EUR 160 miljun fl-2011 u pprovdiet għajnuna teknika biex tgħin fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet għall-Assemblea Kostitwenti · In-negozjati għad-DCFTA nbdew mar-Repubblika tal-Moldova u mal-Ġeorġja, u waslu biex jinbew mal-Armenja. Il-Kunsill adotta direttivi dwar in-negozjati għad-DCFTAs mal-Eġittu, il-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija Dawn il-ftehimiet se jtejbu l-integrazzjoni ekonomika tas-sħab fis-suq intern tal-UE. · Bi tweġiba għad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni fis-Sirja, l-UE ddeċidiet li tissospendi l-għajnuna finanzjarja lill-gvern u li timponi sanzjonijiet. Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni appoġġjaw b’mod attiv l-isforzi ta’ medjazzjoni min-naħa tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Lega Għarbija, filwaqt li l-Kummissjoni qed tipprovdi għajnuna umanitarja. · Reċentement, l-UE kkonkludiet sħubija dwar il-mobilità mal-Armenja u għandha l-ħsieb li tikkonkludi sħubijiet ta’ mobilità mal-Marokk u mat-Tuneżija · Bil-għan li jingħata iktar appoġġ lill-pajjiżi sħab fl-isforzi tagħhom fir-riforma qed jiġu allokati EUR 670 miljun biex jissupplimentaw il-programmi eżistenti fil-pajjiżi. Qegħdin jitqassmu permezz ta’ żewġ programmi ġenerali (SPRING għan-Nofsinhar u EaPIC għal-Lvant)[4] u qed jiġu allokati lil dawk il-pajjiżi sħab li l-iktar jagħmlu progress lejn demokrazija sostenibbli. Diġà tħabbru allokazzjonijiet għall-Alġerija, għall-Ġordan, għall-Marokk u għat-Tuneżija. · Ingħata bidu għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Ukraina. Il-prestazzjoni tal-Ukraina, notevolment f’dak li jirrigwarda r-rispett għall-valuri komuni u l-istat tad-dritt, se jkollha importanza kruċjali biex jitħaffu l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tagħha mal-UE, anki fil-kuntest tal-iffirmar tal-Ftehim u l-implimentazzjoni sussegwenti tiegħu. F’dan il-kuntest, il-proċessi quddiem il-qrati kriminali u l-verdetti kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni jqajmu tħassib serju dwar ir-rispett għar-regoli ta’ smigħ xieraq u ta’ indipendenza tal-ġudikatura. · It-tkomplija tat-taħdidiet uffiċjali 5+2 dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt tat-Transnistrija fir-Repubblika tal-Moldova kienu akkumpanjati minn koperazzjoni intensifikata mal-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova, bit-tnedija ta’ miżuri biex tiżdied il-fiduċja tal-UE fuq skala kbira u b'reviżjoni pass b'pass tas-sanzjonijiet tal-UE kontra t-Transnistrija, filwaqt li ġiet irrikonoxxuta l-attitudni kostruttiva tat-tmexxija l-ġdida. · Biex tirrifletti l-preokkupazzjoni kbira tal-UE dwar in-nuqqas kontinwu ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, l-UE ressqet sensiela ta’ miżiru restrittivi u rridirezzjonat parti kbira tal-għajnuna tagħha lejn is-soċjetà ċivili. Nediet ukoll Djalogu Ewropew dwar il-Modernizzazzjoni mal-oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili.

L-UE bdiet ukoll koperazzjoni intensa mas-sħab dwar medda wiesgħa ta’ kwistjonijiet settorjali, imsejsa fuq regoli u standards tal-UE. Jeħtieġ li s-sħab iwettqu r-riformi b’iktar ħeġġa peress li dawn isaħħu t-tkabbir soċjoekonomiku inklużiv, il-ħolqien tal-impjiegi (speċjalment għaż-żgħażagħ), it-tnaqqis tal-faqar u ż-żieda fl-investiment barrani. Permezz ta’ għajnuna finanzjarja ffukata, kapaċità ta’ bini istituzzjonali, titjib fid-djalogu dwar il-politika settorjali u l-ftuħ gradwali ta’ programmi u aġenziji, l-UE u l-pajjiżi sħab se jkun jistgħu jqisu bis-sħiħ il-kumplessitajiet ta' dan il-proċess, li jirrikjedi għażliet diffiċili u miżuri li jakkumpanjawh biex jiġu protetti ċ-ċittadini vulnerabbli.

Sħubija mas-Soċjetajiet

L-UE saħħet dejjem iżjed ir-rabtiet mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi ġirien kollha, anki f’dawk fejn imponiet sanzjonijiet u ssospendiet l-għajnuna finanzjarja. Dan l-involviment ġeneralment intlaqa’ tajjeb mill-pajjiżi sħab kif ukoll mill-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali tas-soċjetà ċivili. L-UE għandha l-intenzjoni li żżid dan l-impenn b'mod partikolari permezz tal-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija u l-monitoraġġ tal-pjanijiet ta’ azzjoni jew ta’ dokumenti simili.

Il-passi konkreti biex tiġi stabbilita sħubija mas-soċjetà ċivili · F’Settembru 2011 tnediet Faċilità għas-Soċjetà Ċivili li tkopri l-viċinat kollu b’baġit inizjali ta’ EUR 26 miljun għall-2011 u ammonti addizjonali simili pjanifikati għas-snin 2012 u 2013 · Id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem mas-sħubija mal-Lvant intemmew b'seminars konġunti tas-soċjetà ċivili u l-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant sar membru permanenti tal-erba' pjattaformi multilaterali. · Fil-Viċinat tan-Nofsinhar, l-UE żiedet l-appoġġ tagħha lill-Fondazzjoni Anna Lindh bħala parti mill-isforsi tagħha biex timmobilizza u tagħti nifs ġdid lis-soċjetà ċivili fir-reġjun. · Il-Kunsill tal-Ewropa intensifika l-involviment tiegħu fir-reġjun tal-viċinat. Wara li ġiet stabbilita l-ewwel faċilità għall-appoġġ tal-ħidma tal-Kunsill fil-Viċinat tal-Lvant, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar fond ta' EUR 4.8 miljun ddedikat għall-attivitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran. · Biex tippromwovi l-libertà tal-espressjoni, l-UE nediet strateġija “no disconnect” biex tgħin lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u liċ-ċittadini individwali jegħlbu t-twaqqif arbitrarju tat-teknoloġiji tal-komunikazzjonijiet elettroniċi · F’Diċembru 2011 kien hemm ftehim fil-Kunsill dwar il-prinċipji ġenerali għat-twaqqif ta’ Fond Ewropew għad-Demokrazija. Il-Fond Ewropew għad-Demokrazija (European Endowment for Democracy, EED) fil-bidu se jiffoka, għalkemm mhux b’mod esklużiv, fuq il-Viċinat tal-UE. · B’mod parallel mas-sospensjoni jew ir-ridirezzjonament tal-għajnuna, l-UE żiedet l-appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi fejn jippersisti l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. · L-UE offriet ukoll li tinnegozja faċilitazzjoni dwar il-viża u ftehim għad-dħul mill-ġdid mal-Bjelorussja biex tiffaċilita l-kuntatti bejn il-persuni. S'issa l-awtoritajiet Bjelorussi naqsu milli jirrispondu għall-offerta tal-UE. L-Istati Membri tal-UE jistinkaw biex jużaw bl-aħjar mod possibbli l-flessibilitajiet li joffri l-Kodiċi dwar il-Viżi, biex inaqqsu t-tariffi tal-viżi għal ċerti kategoriji ta' ċittadini Bjelorussi jew f'każijiet individwali. · L-UE qed iżżid l-opportunitajiet għall-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni ogħla, għall-mobilità akkademika u l-iskambji bejn iż-żgħażagħ. Fl-2012 u fl-2013 se jiġu rduppjati l-fondi għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ġirien fil-programmi ogħla tagħha dwar il-koperazzjoni fl-edukazzjoni, se jinfetħu opportunitajiet ġodda għal skambji bejn iż-żgħażagħ u netwerks għal ħaddiema żgħażagħ. Indew ukoll, jew waslu biex jinbdew, diversi djalogi reġjonali dwar il-politika tal-edukazzjoni, taż-żgħażagħ u tal-kultura.

Responsabbiltà reċiproka

Bħala parti mill-metodu “more for more” l-UE, f’konsultazzjoni mal-pajjiżi sħab, kienet qed tadatta l-għodod ta’ politika tagħha biex tippromwovi r-responsabilità reċiproka u biex id-djalogu dwar il-politika jsir iktar interattiv u sinċier.

L-għodod biex tissaħħaħ ir-responsabilità reċiproka · Il-kuntatti u d-djalogi formali u informali li qed isiru iktar ta' spiss fil-livell politiku jipprovdu l-possibilità għal tmexxija politika mtejba tar-riforma tal-pajjiżi sħab u tal-appoġġ relatat tal-UE. · Minn din is-sena, ir-Rapporti dwar il-Progress tal-Pajjiżi se jsiru dejjem iktar il-metodu dirett biex jiġi vvalutat il-progress, partikolarment lejn demokrazija b’sisien sodi u sostenibbli. Se jirrappreżentaw għodda biex jiġi applikat metodu msejjes fuq l-inċentivi u tiġi stabbilita rabta iktar b’saħħitha mal-aspetti kollha rilevanti tar-reazzjoni tal-UE, inkluża l-għajnuna finanzjarja. Se jinkludu rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont l-pajjiż li l-pajjiżi sħab se jkunu mistiedna jindirizzaw. · F’kull livell kien hemm żieda fil-kuntatti minn uffiċjali anzjani sa partijiet interessati u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jippermettu lir-rappreżentanti tal-pajjiżi sħab jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-metodu l-ġdid u jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom dwar ir-riżultati li qed tikseb l-UE fl-impenji tagħha. Dawn il-laqgħat se jsiru b’iktar regolarità.

1.           L-Iżviluppi fil-pajjiżi ġirien

1.1         Sena ta’ progress rapidu, iżda mhux uniformi

Wara snin ta’ staġnar relattiv, id-demokrazija qed tagħmel dejjem iktar l-għeruq fil-viċinat billi hija stimulata mir-rivoluzzjonijiet demokratiċi li saru fl-Afrika ta' Fuq is-sena l-oħra. F’għadd ta’ pajjiżi, saru elezzjonijiet ta’ sinifikat kbir bil-parteċipazzjoni ta’ partiti politiċi diversi. It-tendenza ġenerali qed ixxaqleb lejn iktar demokrazija, forma ta’ governanza iktar responsabbli u iżjed rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali. Madankollu, hemm oqsma li huma essenzjali għas-sostenibilità tar-riformi politiċi li għaddejjin, fejn il-progress li sar kien iktar limitat. F’xi pajjiżi il-progress waqaf jew qed jidhru sinjali ta’ rigressjoni.

Meta saret riforma strutturali, din għenet biex jitnaqqas il-faqar u jiġi attirat iktar investiment barrani, filwaqt li għad baqa' sfidi soċjali importanti. It-tqarrib kontinwu lejn ir-regoli u l-istandards tal-UE għen biex isir kontribut lejn rabtiet kummerċjali msaħħa, minkejja l-klima ekonomika xejn favorevoli. Il-koperazzjoni settorjali intensifikata mal-UE qed tgħin biex jiġi indirizzat il-magħlaq fit-trasport u l-enerġija u biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali u klimatiċi.

1.2         Nibnu demokraziji sostenibbli

Fl-Eġittu, fil-Ġordan, fil-Marokk u fit-Tuneżija għaddej proċess ta’ riforma kostituzzjonali li għandu l-għan li jippromwovi r-responsabilità tal-gvern lejn parlamenti eletti demokratikament, li jsaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura u li jneħħi l-ostakli l-oħrajn għal parteċipazzjoni usa' fil-ħajja politika. It-Tuneżija għażlet l-Assemblea Kostituzzjonali tagħha bl-ewwel elezzjonijiet demokratiċi u kredibbli sa mill-indipendenza tal-pajjiż. B’mod simili, l-Eġittu u l-Marokk eleġġew il-parlamentari tagħhom b’mod ġeneralment ħieles u trasparenti.

B’mod ġenerali, hemm iktar rispett għal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda milli kien hemm fil-passat. Ir-Repubblika tal-Moldova u issa anki t-Tuneżija għandhom oqfsa legali sodisfaċenti għall-protezzjoni tal-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni. Iżda għad baqa’ ħafna xi jsir fil-viċinat kollu biex jiġi żgurat li din il-libertà tkun garantita bis-sħiħ mil-liġi u fil-prattika, u biex ikun żgurat li jkun hemm l-ispazju meħtieġ biex is-soċjetà ċivili tieħu r-rwol kruċjali tagħha. Fl-Eġittu, infetaħ ftit l-ispazju politiku minkejja li l-libertà tal-espressjoni, l-attività tas-soċjetà ċivili u d-dimostrazzjonijiet paċifiċi spiss qed jiffaċċjaw ir-ripressjoni. Fl-Ażerbajġan għad hemm xkiel kbir għal-libertajiet ċivili.

L-attenzjoni qed tiffoka dejjem iżjed fuq il-problema tal-korruzzjoni, minkejja li mhux dejjem qed tittieħed azzjoni determinata wara li jsiru dikjarazzjonijiet politiċi qawwija. Meta fil-fatt tittieħed azzjoni determinata, bħal ma ġara fil-Ġeorġja, din tikkontribwixxi biex jiġi rispettat l-istat tad-dritt u tgħin biex tiġi stabbilita klima kummerċjali li tinkoraġġixxi lill-imprendituri u li tattira l-investiment barrani.

Fil-viċinat kollu, jeħtieġ li jsiru iktar sforzi biex jiġi żgurat li l-istat ta' dritt jiġi rispettat bis-sorveljanza ta' ġudikatura effiċjenti, imparzjali u indipendenti, b’garanziji ta’ aċċess ugwali għall-ġustizzja u rispett għall-protezzjoni tal-liġi u smigħ xieraq kif ukoll biex issir ir-riforma tas-settur tas-sigurtà. Għalkemm f’għadd ta’ pajjiżi ġirien bħalissa għaddej il-proċess ta’ tranżitu demokratiku u riforma kostituzzjonali, dan il-proċess għadu ma ssarrafx f’ġustizzja iktar veloċi, trasparenti u ġusta u f’sensazzjoni ta’ iktar sigurtà. Fl-Eġittu, il-popolazzjoni ċivili għandha qed tiġi pproċessata quddiem qrati militari.

Il-bini ta' demokrazija sostenibbli jfisser ukoll li jiġi żgurat li jkun hemm ugwaljanza bejn is-sessi u iktar parteċipazzjoni min-naħa tan-nisa fil-ħajja politika u ekonomika. F’xi pajjiżi, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi promulgati bl-għan li jkun żgurat li jkun hemm iktar bilanċ fil-kompożizzjoni tal-parlament, fil-prattika ffaċċjaw resistenza u għaldaqstant ma kellhomx l-effett mixtieq. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni fit-tnaqqis tad-disktakk bejn il-popolazzjoni u l-istituzzjonijiet, fil-promozzjoni ta' kultura fejn ikun hemm parteċipazzjoni politika fil-livell lokali u biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet politiċi jqisu l-ħtiġijiet lokali.

Sar progress ukoll fir-rigward tar-rispett għal drittijiet oħrajn tal-bniedem. It-Tuneżija rratifikat għadd ta' protokolli fakultattivi tal-konvenzjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-Marokk u t-Tuneżija rratifikaw il-protokoll fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura. Fl-Armenja u fil-Marokk żdied ir-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi. Madankollu, it-tortura u t-trattament degradanti u inuman għadhom qed jitwettqu mill-forzi tas-sigurtà f'għadd ta’ pajjiżi. Jirriżulta wkoll li d-diskriminazzjoni minħabba r-reliġjon jew it-twemmin, l-oriġini etnika u l-orjentazzjoni sesswali għadhom mifruxin u li t-traffikar tal-bnedemin għadu problema serja f’ħafna pajjiżi.

Fis-sena li għaddiet is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja marret għall-agħar ħafna wara li f'Diċembru l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili ġew ripressi wara li saru l-elezzjonijiet presidenzjali. L-UE kellha terġa ddaħħal u s-saħħaħ is-sanzjonijiet. L-UE għadha mħassba b’mod serju dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, fejn l-awtoritajiet ċaħdu li jilliberaw u jirrijabilitaw il-prinġunjieri politiċi kollha u li jwaqqfu l-oppressjoni tal-oppożizzjoni, tal-midja u tas-soċjetà ċivili. S’issa l-awtoritajiet tal-Bjelorussja naqsu milli jirrispondu għall-offerta tal-UE biex jiġu nnegozjati ftehimiet dwar l-iffaċilitar tal-viża u dwar ir-rijammissjoni, u b’hekk iċ-ċittadini Bjelorussi qed jiġu mċaħħda mill-benefiċċji ta’ vjaġġar iffaċilitat lejn l-UE. M’hemmx il-kundizzjonijiet li jippermettu li l-Bjelorussja tippartċipa bis-sħiħ fil-PEV. Hija tipparteċipa biss fid-dimensjoni multikulturali tas-Sħubija mal-Lvant. L-UE għadha ddeterminata li ssaħħaħ is-sħubija tagħha mal-poplu tal-Bjelorussja u li tipprovdi iktar appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

L-Alġerija bdiet proċess ta' riformi politiċi li wassal biex jadottaw għadd ta' liġijiet ġodda fil-bidu tal-2012, dwar il-kodiċi elettorali, il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-assemblej eletti, l-assoċjazzjonijiet, il-midja, il-partiti politiċi, id-deċentralizzazzjoni u l-inkompatibilità bejn il-mandati politiċi. Wara l-elezzjonijiet leġiżlattivi tal-10 ta’ Mejju mistennija ssir reviżjoni tal-Kostituzzjoni. Fid-dawl tal-iffukar ġdid tal-PEV għal fuq metodu mfassal apposta u divrenzjat, l-Alġerija ddeċidiet li tingħaqad mal-PEV u diġà nbdew id-diskussjonijiet dwar Pjan ta' Azzjoni tal-PEV.

Bil-mod il-mod is-sitwazzjoni fil-Libja qed tistabbilizza wara li spiċċat il-gwerra ċivili. L-UE qed tappoġġja l-proċess ta’ trażizzjoni u flimkien mal-awtoritajiet twettaq reviżjonijiet b’mod regolari tal-kwistjonijiet relatati mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. L-UE hija lesta tibda negozjati mal-Amministrazzjoni Libjana ġdida dwar ftehim kuntrattwali u, f’dak il-kuntest, tiddiskuti mal-Libja l-possibilità ta’ parteċipazzjoni fil-PEV, imsejsa fuq impenn kondiviż favur il-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

1.3         Il-Kunflitti

L-isfida prinċipali fil-viċinat kollu għadha s-sejba ta’ soluzzjonijiet paċifiċi għall-kunflitti li ilhom għaddejjin ħafna. Ir-responsabilità prinċipali għal din l-isfida hija f’idejn il-partijiet f’kunflitt li għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jilħqu ftehim bi spirtu ġenwin ta’ kompromess. Mingħajru, ma jistax ikun mistenni li l-isforzi kontinwi ta’ medjazzjoni internazzjonali b’metodi stabbiliti jwasslu għal żviluppi importanti. Biex jinkiseb il-potenzjal kollha tal-PEV se jkun meħtieġ li jsiru sforzi iktar kredibbli u sostnuti min-naħa tal-pajjiżi ġirien ikkonċernati biex isir progress lejni r-riżoluzzjoni tal-kunflitt. Min-naħa l-oħra, l-UE hija lesta li tagħti l-appoġġ meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet meta jintlaħaq qbil dwarhom.

Fil-każ tas-Sirja, l-UE tikkundanna bil-qawwi l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim Sirjan. L-UE stiednet lill-President Assad jirriżenja biex ikun possibbli li jsir tranżitu paċifiku u demokratiku. Flimkien mal-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-UE għamlet kull sforz biex tiżgura li l-komunità internazzjonali jkollha leħen wieħed fl-appoġġ sħiħ għall-pjan tal-mibgħut speċjali tan-NU u tal-Lega tal-Pajjiżi Għarab, Kofi Annan. Ir-Rappreżentant Għoli u s-SEAE pparteċipaw fil-laqgħat tal-Ħbieb tas-Sirja. Ir-Rappreżentant Għoli laqqgħet b’mod regolari lill-Pjattaforma tal-Kriżijiet, li tiġbor flimkien is-servizzi kollha rilevanti fis-SEAE u fil-Kummissjoni (sanzjonijiet, għajnuna umanitarja, koperazzjoni fl-iżvilupp, relazzjonijiet mad-Delegazzjonijiet u appoġġ għan-NU). Bi tweġiba għall-kriżi, l-UE ssospendiet it-tipi kollha ta' koperazzjoni, imponiet miżuri restrittivi u żammithom taħt osservazzjoni kostanti. L-UE żammet biss l-għajnuna li hija ta’ benefiċċju għall-popolazzjoni Sirjana, għall-istudenti, għal dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u għall-oppożizzjoni. L-UE tat kontribut ta’ EUR 10 miljun f’għajnuna umanitarja lis-Sirja u lill-pajjiżi ġirien milquta. L-UE ħadmet ukoll mill-qrib mal-ġirien tas-Sirja u pproponiet li jkun hemm Miżura Speċjali tal-Kummissjoni biex jiġu riservati EUR 23 miljun mill-fondi tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (European Neighbourhood and Partnership Instrument, ENPI) biex jingħata appoġġ b’mod speċifiku lis-soċjetà ċivili Sirjana kif ukoll lir-refuċjati u lill-popolazzjonijiet milquta fil-pajjiżi ġirien.

Id-delegazzjoni tal-UE f’Damasku għadha miftuħa biex tagħti l-appoġġ lill-poplu Sirjan u tgħin fil-koordinazzjoni tar-reazzjoni tal-UE għall-kriżi. Id-Delegazzjoni tal-UE tilqa’ fiha diversi diplomatiċi mill-Istat Membri li ddeċidew li jissospendu l-attività tal-ambaxxati tagħhom stess.

Fl-2011, l-UE ħadet passi b’miżura ta’ suċċess biex terġa’ tqawwi l-Kwartett u kompliet bl-isforzi tagħha biex tħeġġeġ kemm lill-Iżrael kif ukoll lill-Awtorità Palestinjana biex jerġgħu jibdew in-negozjati. Fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru, il-Kwartett appella biex jerġgħu jibdew, bla dewmien u bla kundizzjonijiet minn qabel, in-negozjati bilaterali diretti bl-għan li jintlaħaq ftehim fil-limitu ta' żmien mifthiem bejn il-partijiet, iżda mhux iktar tard mill-aħħar tas-sena 2012. Stieden ukoll lill-partijiet biex iżommu lura milli jwettqu azzjonijiet provokattivi u tenna l-obbligi stipulati fil-Pjan Direzzjonali.

Fil-Viċinat tal-Lvant, reġgħu bdew diskussjonijiet formali f’atmosfera pożittiva dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt ta’ Transnistrija, bis-saħħa tal-isfrozi konġunti tal-membri tal-5+2, inkluża l-UE. Saru għadd ta’ laqgħat ta’ livell għoli u ttieħdu għadd ta' passi biex jiġu intensifikati l-miżuri li jkattru l-fiduċja (pereżempju l-possibilità li l-kumpaniji mit-Transnistrija jirreġistraw fir-Repubblika tal-Moldova u jibbenefikaw mill-preferenzi kummerċjali awtonomi, l-eżenzjoni mit-tariffi ta’ reġistrazzjoni meta jsiru żjarat fi Transnistrija, il-ħolqien ta' grupp ta' ħidma biex jiġu diskussi miżuri ulterjuri biex titkattar il-fiduċja, diskussjonijiet mal-awtoritajiet tad-dwana u tal-ferroviji biex tiġi ffaċilitata l-esportazzjoni tal-merkanzija. Id-diskussjonijiet bejn il-Presidenti tal-Armenja u tal-Ażerbajġan dwar in-Nagorno-Karabakh, li kienu appoġġjati mill-Grupp Minsk tal-OSKE (Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa) bħala medjatur, ma wasslux għal żviluppi importanti. Saru d-diskussjonijiet Internazzjonali ta’ Ġinevra dwar l-Abkhazija u l-Ossezja tan-Nofsinhar ippreseduti mill-UE-NU-OSKE, notevolment dwar il-kwistjoni tan-nuqqas tal-użu tal-forza.

1.4.        Żvilupp ekonomiku u kummerċ inklużiv

It-tkabbir sar b'mod stabbli f'ħafna mill-ġirien tal-UE fil-Lvant, li għadhom qed jirkupraw mill-kriżi tal-2009. Dan ippermetta li pajjiżi bħall-Armenja, l-Ażerbajġan u r-Repubblika tal-Moldova jagħmlu iktar progress fit-tnaqqis tal-faqar u tal-qgħad. Ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ġeorġja wkoll wettqu riformi strutturali b'determinazzjoni, filwaqt li fl-Ukraina l-progress waqaf u l-programm tal-pajjiż mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) waqaf.

It-tkabbir fil-Viċinat tal-UE fin-Nofsinhar sar iktar bil-mod, partikolarment f'dawk il-pajjiżi fejn it-tranżizzjoni demokratika saret b'ħafna tensjoni soċjali, strajkijiet u instabbiltà politika jew batiet minħabba kunflitti fil-pajjiżi ġirien. Biex jindirizzaw iż-żieda fil-qgħad u tiġi evitata iktar tensjoni interna, ħafna pajjiżi llaxkaw il-politika fiskali, żiedu n-nefqa pubblika u, b’riżultat ta’ dan, żiedu l-iżbilanċ tal-baġit. Jeħtieġ li din it-tendenza tiġi kkoreġuta biex tinżamm l-istabbiltà makroekonomika u jiġu evitati problemi potenzjali fl-iffinanzjar tad-dejn. Fl-Iżrael, il-protesti evidenzjaw il-preokkupazzjonijiet imxerrda sew dwar l-inġustizzja soċjali u ż-żieda fl-inugwaljana fit-tqassima tal-ġid. Jeħtieġ li l-Viċinat kollu, kif ukoll l-UE, jiffukaw biex l-iżvilupp ekonomiku jsir iktar inklużiv billi jippromwovu l-koeżjoni interna u jindirizzaw l-iżbilanċi reġjonali u soċjali.

2.           Il-Koperazzjoni tal-UE mal-Pajjiżi Sħab

2.1         Sena ta’ riżultati

Ħafna mill-pajjiżi sħab laqgħu tajjeb l-enfasi l-ġdid fuq iż-żieda fid-divrenzjar u fir-responsabilità reċiproka, li jindika li huma lesti jwettqu riforma politika u ekonomika b’iktar determinazzjoni u jieħdu impenn ikbar mal-UE. Dan diġà qed jagħti r-riżultati.

Fil-Lvant, permezz tal-Komunikazzjoni ta’ Mejju li għadda, ingħata iktar momentum lill-iżvilupp tas-Sħubija mal-Lvant. Is-Samit ta’ Varsavja dwar is-Sħubija mal-Lvant qies ir-riżultati miskusba u kkonferma l-impenji politiċi tal-UE u tal-ġirien tagħha fil-Lvant biex isir progress lejn assoċjazzjoni politika ikbar u integrazzjoni ekonomika ulterjuri u rrikonoxxa l-aspirazzjonijiet Ewropej u l-għażla Ewropea ta' xi wħud mill-pajjiżi sħab. Hemm ftehim biex jitħejja “Pjan Direzzjonali tas-Sħubija mal-Lvant” li għandu jiġi adottat fl-istess żmien ta' din il-komunikazzjoni[5] u jipprovdi gwida prattika għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni sas-samit li jmiss, li għandu jsir fil-ħarifa tal-2013.

Fit-tliet snin li ilha teżisti, is-Sħubija mal-Lvant, wasslet għal progress sostanzjali. L-UE u l-pajjiżi sħab fil-Lvant intensifikaw id-djalogu tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem. Inbdew negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-pajjiżi sħab kollha (ħlief mal-Bjelorussja) u ntemmu mal-Ukraina. Qed isir progress fin-negozjati dwar iż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi (Deep and Comprehensive Free Trade Areas, DCFTA). L-għan li ’l quddiem l-ivvjaġġar isir mingħajr viża u elementi oħrajn tal-aġenda ta’ koperazzjoni tas-Sħubija mal-Lvant qed jiġu avvanzati b'suċċess.

Fil-Viċinat tan-Nofsinhar, l-UE kienet attiva ħafna biex tirreaġixxi għat-tibdil storiku. Ħadet impenn ma' organizzazzjonijiet reġjonali (b'mod partikolari l-Lega tal-Pajjiż Għarab) biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti. Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni laqgħu tajjeb ir-riżultati tal-elezzjonijiet demokratiċi u ddikjaraw li huma lesti jaħdmu mal-gvernijiet il-ġodda. L-UE pprovdiet għajnuna umanitarja immedjata fejn kienet meħtieġa, orjentat mill-ġdid l-għajnuna finanzjarja tagħha, żiditha għall-pajjiżi li l-iktar għandhom bżonnha u naqqsitha f’każijiet oħrajn. Offriet ukoll koperazzjoni ġdida u djalogu dwar il-kummerċ u l-mobilità. Saret sieħba rikonoxxuta u fdata fit-tħejjija, l-organizzazzjoni u l-monitoraġġ tal-elezzjonijiet. Fir-reġjun kollu żiedet b’mod sostanzjali l-impenji tagħha mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-appoġġ li ttihom.

Wara proposta mir-Rappreżentant Għoli, il-Kunsill ħatar Rappreżentant Speċjali għar-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran biex jiżviluppa djalogu mal-pajjiżi li qegħdin fi tranżitu, biex jiġu intensifikati l-mobilizzazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri u biex ikun żgurat li jkun hemm koordinazzjoni mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u mas-settur privat. Dan diġà wassal għal riżultati konkreti fir-reġjun. L-ewwel Task Force saret fit-Tuneżija f’Settembru 2011 u ħabbret pakkett ta' appoġġ finanzjarju internazzjonali sostanzjali, li jkopri l-għotjiet kif ukoll is-self, li fih il-Kummissjoni kkontribwixxiet EUR 400 miljun f’għotjiet għall-perjodu 2011-2013. It-tieni Task Force iltaqgħet fil-Ġordan fi Frar 2012 biex tħeġġeġ u tappoġġja l-proċess ta’ riformi politiċi u ekonomiċi fil-Ġordan. Il-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkontribwixxew fit-Task Force. F’din l-okkażjoni tħabbar ukoll pakkett finanzjarju internazzjonali sostanzjali. It-Task Forces mhumiex eżerċizzji ta’ darba iżda proċess li jinkludi laqgħat li jibqħu jsiru f'diversi livelli biex jiġu valutati l-progress u l-implimentazzjoni. Il-korpi konġunti mwaqqfa skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jissorveljaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force. Wara l-elezzjonijiet Presidenzjali u l-qalba għal tmexxija ċivili, se tiġi organizzata Task Force mal-Eġittu fl-2012.

2.2         Nibnu demokraziji sostenibbli

L-enfasi mġedded tal-UE fuq il-bini ta' demokraziji b’sisien sodi[6] u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali ġiet akkumpanjata b'azzjoni determinata.

Biex tagħti appoġġ lit-trażitu demokratiku, l-UE intensifikat il-koperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa u fittxet sinerġiji mal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa billi offriet "Status ta' Sħab fid-Demokrazija" lill-Parlamenti tal-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Dan l-istatus ingħata lill-Marokk u lill-Awtorità Palestinjana. L-UE żviluppat programm mal-Kunsill tal-Ewropa biex tappoġġja l-proċess ta’ riforma fil-pajjiżi tas-Sħubija mal-Lvant, li jkopri r-riforma ġudizzjarja u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali, fil-konformità mal-istandards Ewropej tal-elezzjonijiet, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u forom serji ta' ċiberkriminalità. Iktar tard dan ġie kkumplimentat bi programm simili mal-ġirien tal-UE fin-Nofsinhar, b'iffukar fuq ir-riforma kostituzzjonali, ir-riforma ġudizzjarja u s-sistemi elettorali.

L-UE tat għajnuna teknika lill-awtoritajiet elettorali tat-Tuneżija biex tgħinhom iħejju għall-ewwel elezzjonijiet demokratiċi u appoġġjat lis-soċjetà ċivili Tuneżija qabel dawk l-elezzjonijiet. Fit-Tuneżija bagħtet Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali (MOE) sħiħa u fil-Marokk bagħtet esperti elettorali. Wara l-istedina mill-Alġerija, bagħtet MOE sħiħa biex tosserva l-elezzjonijiet parlamentari tal-10 ta’ Mejju. Tat għajnuna teknika lill-Kummissjoni Elettorali Għolja Eġizzjata u tat appoġġ biex l-elettorat ikun edukat iktar kif ukoll appoġġjat lill-osservaturi domestiċi permezz tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili. Il-Libja stiednet lill-UE tosserva l-elezzjonijiet li ġejjin għall-elezzjoni ta' assemblea kostitwenti.

2.3         L-inkuraġġiment ta’ żvilupp ekonomiku, kummerċ u koperazzjoni settorjali inklużivi

Żvilupp ekonomiku u soċjali

Fil-kuntest ta’ diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji serji fiż-Żona tal-Ewro u fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Għarab sħab (li jirrifletti wkoll l-effetti tar-Rebbiegħa Għarbija), id-djalogi makroekonomiċi wrew li huma partikolarment utli kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi sħab tagħha. Dawn id-djalogi ppermettew li jsir skambju ta’ informazzjoni u opinjonijiet b’mod liberu u profond dwar l-isfidi ekonomiċi li qed jiġu ffaċċjati u r-reazzjonijiet politiċi li qed jittieħdu miż-żewġ partijiet, b’enfasi fuq il-ħtieġa ta’ riformi strutturali.

Biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku inklużiv, l-UE ħadet passi biex iżżid l-għajnuna finanzjarja tagħha u l-kapaċità ta' self tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej (ara t-Taqsima 2.4) u reġgħet nediet id-djalogu politiku dwar l-impjiegi u l-kwistjonijiet soċjali.

Il-kummerċ

In-negozjati għad-DCFTA intemmu mal-Ukraina u nbdew mar-Repubblika tal-Moldova u mal-Ġeorġja, filwaqt li waslu biex jinbdew mal-Armenja. Wara li fl-2012 jitwettaq eżerċizzju ta' analiżi dwar il-kapaċità tal-pajjiżi sħab li joqorbu lejn l-acquis tal-UE, jistgħu jinfetħu n-negozjati mal-Ġordan, mal-Marokk u mat-Tuneżijia qabel tmiem is-sena fuq il-bażi tad-direttivi ta' negozjar adottati mill-Kunsill f'Diċembru. Il-ftehim mal-Marokk dwar il-Prodotti Agrikoli u tas-Sajd se jidħol fis-seħħ f’Lulju u, kif spjegat fil-Kunsill Ewropew ta’ Marzu, se tingaħta prijorità lill-progress rapidu f’negozjati oħrajn li għaddejjin bħalissa, bħal perżempju ftehim simili mat-Tuneżija.

Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-Regoli tal-Oriġini pan-Ewro-Mediterranji kienet miftuħa għall-firma minn Ġunju 2011 u ġiet iffirmata mill-Ġordan u l-Marokk. Il-pajjiżi sħab l-oħrajn tan-Nofsinhar tal-Mediterran li għadhom ma ffirmawx il-Konvenzjoni għandhom ilestu b’ħeffa l-proċeduri biex jiffirmawha u jirratifikawha. Fl-2012 għandhom jinbdew iktar negozjati dwar il-Ftehimiet dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni ta’ prodotti industrijali (Agreements for Conformity Assessment and Acceptance of industrial products, ACAAs), biex jinfetħu s-swieq għall-prodotti industrijali mat-Tuneżija u iktar tard mal-Eġittu, mal-Ġordan u mal-Marokk.

Koperazzjoni Settorjali

Il-konverġenza lejn ir-regoli tal-UE u lejn swieq oħrajn li japplikaw ir-regoli tal-UE hija l-fattur prinċipali biex jiġu ffaċilitati l-kummerċ u l-iżvilupp ekonomiku. Fil-qafas tas-Sħubija mal-Lvant, din il-konverġenza hija appoġġjata minn programmi ta’ Bini Komprensiv ta’ Istituzzjonijiet u minn miżuri ta’ assistenza rilevanti oħrajn. Il-proċess ta’ tħejjija għan-negozjati tad-DCFTA mal-Armenja, mal-Ġeorġja u mar-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll il-finalizzazzjoni ta’ dawn in-negozjati mal-Ukraina, taw spinta lill-ħidma leġiżlattiva, b'mod partikolari fl-oqsma tal-istandards sanitarji u fitosanitarji u tar-regolamenti tekniċi. Dan tejjeb ukoll il-sikurezza tal-ikel u tal-prodotti interni. L-immaniġġjar tal-finanzji pubbliċi huwa qasam fejn għad irid isir titjib.

L-integrazzjoni tas-suq mal-UE u l-konverġenza regolatorja huma wkoll fatturi ewlenin li jmexxu ’l quddiem ir-riformi settorjali taħt meħtieġa. Ġeneralment, riformi bħal dawn huma ta’ natura iktar fit-tul u jirrikjedu investiment sostanzjali. Il-koperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi sħab intensifikat fl-oqsma kollha, kif evidenzjat mid-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal mehmużin ma’ din il-komunikazzjoni. Pereżempju, l-UE nediet strateġija “no disconnect” biex tgħin lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u liċ-ċittadini individwali jegħlbu t-twaqqif arbitrarju tal-aċċess għal teknoloġiji tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. L-UE nediet ukoll il-Programm tal-Viċinat Ewropew għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali li permezz tal-appoġġ għall-investiment u l-appoġġ tekniku jippermetti li l-produzzjoni agrikola fil-pajjiżi sħab tiġi modernizzata, li jinħolqu opportunitajiet fil-livell lokali u li l-pajjiż sieħeb jitħejja biex jopera b’iktar effikaċja fis-suq tal-UE.

Il-Kummissjoni hija mħeġġa wkoll biex tiżviluppa djalogu u koperazzjoni settorjali fl-oqsma reġjonali tas-Sħubija mal-Lvant u tal-Unjoni tal-Mediterran. Dawn id-djalogi se jgħinu biex jiġi stabbilit fis-sod fehim komuni dwar il-prijoritajiet settorjali u se jikkontribwixxu biex jingħata bidu għal proġetti u inizjattivi sodi.

Qed isiru Djalogi Informali mas-Sħubija mal-Lvant bħala mezz ieħor biex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-proċess biltaerali u multilaterali, biex tingħata spinta lis-sens ta’ sjieda konġuna tas-Sħubija tal-Lvant u biex titrawwem dinamika reġjonali. Dawn id-djalogi multilaterali informali, li jsiru darbtejn fis-sena bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi sħab u r-Rappreżentant Għoli tal-UE u Kummissarju responsabbli mill-PEV, se jipprovdu opportunità biex isiru diskussjonijiet fil-livell ministerjali dwar l-iżviluppi fil-pajjiżi sħab, dwar il-progress u l-proċessi ta' riforma, u jippermettu li jiġi implimentat il-Pjan Direzzjonali tas-Sħubija mal-Lvant. Il-qafas se jipprovdi wkoll sessjonijiet ta’ djalogu informali bejn il-Ministri rilevanti ta’ kull settur u l-Kummissarji tal-UE biex tissaħħaħ il-koperazzjoni settorjali multilaterali bejn l-UE u s-sħab tal-Viċinat tal-Lvant.

Fil-Kuntest tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM), u wara d-deċiżjoni tal-Kunsill li l-kopresidenza tat-tramuntana tal-UE tiġi trasferita, il-Kummissjoni għandha ħeġġa kbira biex terġa’ tibda d-djalogi settorjali fil-livell ministerjali. Għaddejjin diskussjonijiet mal-pajjiżi sħab biex jintlaħaq ftehim dwar għadd ta’ laqgħat dwar il-kummerċ, it-trasport, l-enerġija u l-ambjent u politiki settorjali oħrajn. Laqgħat ministerjali settorjali bħal dawn jidentifikaw għanijiet konġunti tal-koperazzjoni reġjonali u jgħinu wkoll biex jiġu identifikati proġetti konkreti li possibbilment jitwettqu fil-kuntest tal-UgħM.

Bħala parti mir-reazzjoni l-ġdida tagħha u l-impenn imġedded lejn il-viċinat tagħha, l-UE tejbet ulterjorment l-appoġġ tagħha biex il-pajjiżi sħab fil-PEV jipparteċipaw fil-programmi u fl-aġenziji tal-UE. Il-Protokolli li jippermettu li r-Repubblika tal-Moldova u lill-Ukraina jipparteċipaw fil-programmi tal-UE, issa daħlu fis-seħħ. Wara li ttieħed vot pożittivi fil-Parlament Ewropew, il-protokoll mal-Marokk dalwaqt se jidħol fis-seħħ. Inbdew in-negozjati dwar il-Protokoll mal-Ġordan. Qed jitħejja proġett biex jingħata appoġġ lill-miżuri preparatorji tal-Aġenziji tal-UE, bl-għan li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-aġenziji. Il-pajjiżi sħab jistgħu jużaw l-iffinanzjar tal-UE biex jikkofinanzjaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-UE.

Il-mobilità

Qed isiru avvanzi lejn l-għan li jkun hemm liberalizzazzjoni tal-viża mal-Viċinat tal-UE lejn il-Lvant. Jeżistu Sħubijiet għall-Mobilità mal-Armenja, mal-Ġeorġja u mar-Repubblika tal-Moldova. Ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina qed jimplimentaw Pjanijiet ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża. Hemm il-possibilità li qabel is-Sajf jinbeda djaolgu mal-Ġeorġja dwar il-viża. Wara l-implimentazzjoni b’suċċess tal-ftehimiet mal-Ġeorġja, mar-Repubblika tal-Molodova u mal-Ukraina dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u d-dħul mill-ġdid, inbdew negozjati dwar ftehimiet simili mal-Armenja u mal-Ażerbajġan.

Fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, l-UE offriet li tibda djalogi ta' sħubija dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-Eġittu, mal-Marokk u mat-Tuneżija. Dawn id-djalogi jkopru l-migrazzjoni regolari u irregolari, it-traffikar tal-bnedmin, ir-riammissjoni, il-kwistjonijiet dwar il-viża, l-asil u l-protezzjoni internazzjonali. Sar progress sostanzjali mal-Marokk u mat-Tuneżija, li magħhom id-djalogi bdew f’Ottubru 2011, u fix-xhur li ġejjin għandhom jiġu ffirmati dikjarazzjonijiet konġunti li jwittu t-triq għal sħubijiet dwar il-mobilità. S’issa l-Eġittu rrifjuta li jibda diskussjonijiet konkreti. Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni jipproponu li jinbeda djalogu mal-Ġordan dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà.

2.4         Appoġġ finanzjarju

Biex tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi sħab fl-isforzi li qed jagħmlu fir-riformi, l-UE ħadet azzjoni f'żewġ livelli.

L-ewwel fittxet li ssaħħaħ ir-rabta bejn il-metodu ta’ politika l-ġdid u l-programmi eżistenti ta’ għajnuna finanzjarja. Fil-Viċinat tan-Nofsinhar dan wassal biex il-fondi eżistenti ta’ EUR 600 miljun jiġu orjentati mill-ġdid lejn l-għanijiet stipulati fil-komunikazzjoni konġunta "Sħubija għal Demokrazija u Prosperità Kondiviża man-Nofsinhar tal-Mediterran[7]”. B’riżultat ta’ dan tnedew programmi ġodda għall-bini ta’ istituzzjonijiet f’oqsma bħar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Fit-tieni lok l-UE ħadmet biex ikun hemm disponibbli riżorsi finanzjarji addizzjonali mill-baġit tal-UE. Fil-komunikazzjoni konġunta “Reazzjoni ġdida għal Viċinat li qed jinbidel" ta' Mejju 2011 kien ġie propost li EUR 1.24 miljun ta’ riżorsi addizzjonali jiġu ddedikati biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-metodu l-ġdid. Miljun EUR minn dan l-ammont huma disponibbli għall-pajjiżi sħab. Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni jiddispjaċihom li għadu ma ntlaħaqx kunsens fil-Kunsill favur il-proposta tal-Kummissjoni biex ikun possibbli li jintużaw mill-ġdid ir-rimborżi tal-BEI. Dan se jwassal biex ikun hemm nuqqas ta’ mill-inqas EUR 240 miljun meta mqabbel mal-proposta oriġinali.

L-ikbar parti ta’ dawn ir-riżorsi addizzjonali (EUR 670 miljun) se tiġi ddirezzjonata permezz ta’ żewġ programmi kumplessivi, SPRING fin-Nofsinhar tal-Mediterran b’baġit ta’ EUR 540 milun għas-snin 2011-13; u EaPIC fil-Viċinat tal-Lvant b’baġit ta’ EUR 130 miljun għall-perjodu 2012-13. Iż-żewġ programmi se jiffukaw fuq il-promozzjoni tat-trasformazzjoni demokratika u l-bini ta’ istituzzjonijiet u fuq l-appoġġ għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-kumplament tal-fondi addizzjonali ġew prinċipalment allokati għall-programmi ta’ mobilità (Tempus, Erasmus Mundus, eċċ) u għall-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-atturi mhux tal-Istat.

Il-proroga tal-mandat tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) f’Ottubru twitti t-triq biex jingħata self addizzjoni ta’ EUR 1.15 biljun lill-pajjiżi sħab[8] u sa biljun EUR f'self relatat mat-tibdil fil-klima. Permezz ta’ kontribuzzjonijiet addizzjonali volontarji mill-Istati Membri għall-fond fiduċjarju stabbilit skont il-Faċilità Ewro-Mediterranja ta' Investiment u Sħubija (Facility for Euro-Mediterranean investment and Partnership, FEMIP) il-BEI se jkun jista' jeżegwixxi operazzjonijiet ta' kapital ta' riskju fil-Viċinat tan-Nofsinhar.

Il-qasam tal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) qed jiġi estiż biex ikunu jistgħu jitwettqu attivitajiet fl-Eġittu, fil-Ġordan, fil-Marokk u fit-Tuneżija. Barra minn hekk, ġew allokati sa massimu ta' EUR 100 miljun mill-baġit tal-UE biex jingħata appoġġ lill-identifikazzjoni u t-tħejjija tal-proġetti. Il-BERŻ se jattiva riżorsi ulterjuri (sa biljun EUR) mill-Fondi Speċjali tiegħu hekk kif ikun hemm biżżejjed azzjonisti li jkunu rratifikaw l-emendi neċessary tal-Ftehim li Jwaqqaf il-BERŻ[9]. L-għajnuna kontinwa li tingħata skont l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija ġiet ukoll riorjentata biex jiġi promoss l-iżvilupp tal-Impriżi Żgħar u Medji (SMEs) u jingħata appoġġ lill-inizjattivi għall-ħolqien tal-impjiegi fl-Alerġija, fl-Eġittu, fil-Ġordan u fit-Tuneżija.

Fl-aħħar tal-2011, l-allokazzjonijiet totali tal-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat (Neighbourhood Investment Facility, NIF) laħqu EUR 400 miljun (li minnhom EUR 174 miljun għal-Lvant u EUR 226 miljun għan-Nofsinhar), li ġew utilizzati għal proġetti li b’kollox sew EUR 13.6 biljun (li minnhom EUR 4.2 biljun marru għal-Lvant u EUR 9.4 biljun għan-Nofsinhar). Iż-żieda sostanzjali fl-iffinanzjar tal-għotjiet disponibbli fl-NIF għall-perjodu 2011-13 (EUR 450 miljun) għandha tiżgura li, permezz ta’ użu tajjeb, dik iż-żieda fir-riżorsi ta' self tiġi trasformata rapidament f'investimenti u infrastruttura (ambjent u bidla fil-klima, interkonnessjonijiet mal-pajjiżi sħab) u SMEs, biex b’hekk tingħata għajnuna biex jiġi indirizzat il-qgħad fil-viċinat kollu.

L-UE għandha l-għan li ssaħħaħ l-appoġġ li tagħti lill-operazzjonijiet ta' kapital ta' riskju fil-Viċinat tan-Nofsinhar permezz tal-Faċilità Ewro-Mediterranja ta' Investiment u Sħubija (Facility of Euro-Mediterranean Investment and Partnership, FEMIP) u qed tesplora possibilitajiet oħrajn biex tagħti appoġġ lill-operazzjonijiet marbuta mal-kapital ta’ riskju u tiggarantixxi skemi fil-Viċinat tan-Lvant flimkien mal-BEI, mal-BERŻ u ma' istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej oħrajn.

F'Diċembru, il-Kummissjoni adottat proposta leġiżlattiva għal strument finanzjarju ġdid, l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (European Neighbourhood Instrument, ENI) li huwa mfassal biex mill-2014 ’il quddiem jissostitwixxi l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (European Neighbourhood and Partnership Instrument, ENPI) attwali. Meta mqabbel mal-istrument attwali, l-ENI se jsaħħaħ iktar ir-rabta bejn il-politika u l-għajnuna u se jipprovdi divrenzjar fuq livell ogħla b’koperazzjoni mal-pajjiżi sħab, biex jiġi rifless l-impenn favur il-valuri universali, il-progress f’demokratizzazzjoni profonda u l-objettivi li fuqhom intlaħaq ftehim komuni. Se jiffoka l-attivitajiet ta’ koperazzjoni fuq inqas għanijiet ta' politika prinċipali biex b'hekk jiżidied l-impatt. Se jnaqqas il-kumplessità u t-tul tal-proċess ta’ programmazzjoni u jissimplifika l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet, inklużi dawk relatati mal-koperazzjoni transkonfinali fuq il-fruntieri esterni tal-UE. Il-pakkett finanzjarju propost tiegħu ta’ EUR 18.2 biljun għal seba’ snin jirrappreżenta żieda ta’ 22% f’termini reali f’dak li jirrigwarda l-prospettiva finanzjarja attwali. Il-Istrument tal-Viċinat Ewropew se jikkontribwixxi fl-għan tal-UE li żżid il-proporzjon tal-baġit tal-Unjoni relatat mal-klima sa mill-inqas 20% skont l-aħħar intenzjoni ddikjarata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2011 dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014 - 2020[10].

2.5         Metodu li jinvolvi iktar ħidma f’koperazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE

Ir-reviżjoni tal-PEV fl-2011 wasslet għal dibattitu kbir fost l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u għal kunsens ġenerali dwar il-ħtieġa ta’ impenn iktar b'saħħtu tal-UE fil-viċinat. B’mod partikolari, f’Diċembru l-Parlament Ewropew adotta rapport importanti dwar il-PEV. Kien hemm żieda konsiderevoli fil-frekwenza tal-interazzjoni bejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli dwar ir-relazzjonijiet tal-PEV mal-pajjiżi sħab individwali.

Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew żied il-kuntatti u l-koperazzjoni mal-assembej eletti tal-pajjiżi sħab fil-PEV, bħala sforz biex jittejjeb id-djalogu politiku u tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jibqgħu jżommu lill-gvernijiet responsabbli. L-Euronest u l-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran żviluppaw l-attivitajiet tagħhom. Anki l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni żiedu l-involviment tagħhom (b’mod partikolari permezz tal-assemblej ARLEM u CORLEAP).

2.6         Metodu li jinvolvi ħidma f’koperazzjoni mal-pajjiżi donaturi l-oħrajn u mal-istituzzjonijiet internazzjonali

L-UE qed tikkopera mill-qrib ma' pajjiżi donaturi oħrajn u mal-istituzzjonijiet internazzjonali biex tirrispondi għall-kriżijiet umanitarji, tippromwovi t-tranżizzjoni demokratika u tinkoraġġixxi żvilupp ekonomiku fil-pajjiżi sħab.

Matul il-kriżi Libjana, l-UE kienet fuq quddiem fir-reazzjoni umanitarja internazzjonali billi aġixxiet b’koordinazzjoni mill-qrib ma’ donaturi oħrajn u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali biex tiżgura li l-ħtiġijiet jiġu identifikati mill-ewwel u l-għajnuna tingħata malajr u b’mod effikaċi.

L-UE tat kontribut deċiżiv fit-twaqqif tal-inizjattiva tal-G-8 tas-Sħubija Deauville li tikkoordina l-isforzi internazzjonali fl-appoġġ tat-tranżitu demokratiku fin-Nofsinhar tal-Mediterran u tikkopera mill-qrib mal-ogranizzazzjonijiet internazzjonali li wegħdu l-appoġġ tagħhom lis-Sħubija Deuville waqt il-Laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi tal-G-8 f'Settembru. Permezz tal-istrument tagħha ta’ Għajnuna Makrofinanzjarja, l-UE tikkopera wkoll mill-qrib mal-Fond Monetarju Internazzjonali u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn fl-għoti ta' għajnuna lill-pajjiżi sħab ikkonċernati[11] biex jindirizzaw l-iżbilanċi makroekonomiċi tagħhom u biex iwettqu riforma strutturali orjentata lejn it-tkabbir.

Pajjiżi bħar-Russja u t-Turkija għandhom potenzjal biex jagħtu kontribut importanti fl-istabilità reġjonali. L-Isvizzera pparteċipat fl-ogħla livell fil-laqgħa tat-Task Force ta’ bejn l-UE u t-Tuneżija.

Barra minn hekk, fil-kuntest tas-Sħubija mal-Lvant, hemm Grupp ta’ Informazzjoni u Koordinazzjoni, li jinkludi pajjiżi mhux tal-UE u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali interessati, li jippromwovi l-koordinazzjoni bejn id-donaturi u, b’mod iktar ġenerali, jinkuraġġixxi l-iżvilupp tas-Sħubija mal-Lvant.

3.           Inħarsu lejn il-Futur

Is-sena 2011 kienet waħda ta' bidla fil-viċinat tal-UE. Minkejja li l-ewwel sinjali jqawwu l-qalb, huwa meħtieġ li jsiru sforzi kontinwi biex dan il-progress jiġi kkonsolidat. Ħafna soċjetajiet fil-pajjiżi sħab tagħna għaddejjin minn bidla radikali. Huwa fundamentali li jkun hemm komprensjoni u rispett tar-ritmu tal-proċess ta' rifoma ta' kull soċjetà. Dan jitlob djalogu kontinwu, attenzjoni bir-reqqa u monitoraġġ mill-qrib mill-UE. Hemm għadd ta’ kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom il-pajjiżi sħab jeħtiġilhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom fir-riformi u hemm aspetti tal-offerta tal-UE fejn jeħtieġ li tagħti r-riżultati iktar malajr.

3.1.        L-isfidi li ġejjin

Demokrazija sostenibbli

B’riżultat tat-trasformazzjoni demokratika f’għadd ta’ pajjiżi ġirien fin-Nofsinhar, fil-qalba tax-xena politika qed jitfaċċaw partiti politiċi ġodda, b'mod partikolari, iżda mhux esklużivament, partiti li għandhom għeruq Iżlamiċi. Jeħtieġ li l-UE tiżviluppa d-djalogu tagħha ma’ dawn il-partiti kif ukoll mal-gvernijiet eletti demokratikament, u hija lesta biex tagħmel dan. L-għodod eżistenti u anki l-Fond Ewropew għad-Demokrazija, ladarba jiġi stabbilit, jistgħu jinkuraġġixxu d-djalogu u jippromwovu l-iskambju ta' esperjenzi mal-partiti politiċi tal-UE.

Sas-Samit li jmiss, il-pajjiżi sħab fil-Lvant tal-Ewropa se jkomplu jimplimentaw l-aġenda wiesgħa u sostantiva tas-Sħubija mal-Lvant kif stipulat fil-Pjan Direzzjonali. F’dan ir-rigward, il-konsolidazzjoni tad-demokrazija għadha essenzjali, u l-elezzjonijiet li se jsiru dalwaqt fl-Armenja, fil-Ġeorġja u fl-Ukraina huma stadji fundamentali għal dawn il-pajjiżi. Fil-viċinat tan-Nofsinhar, l-elezzjonijiet li se jsiru dalwaqt fl-Alġerija, fil-Ġordan, fil-Libja u fit-Tuneżija se jkunu importanti ħafna wkoll biex il-proċess ta' demokratizzazzjoni jiġi ankrat iktar fil-fond.

Jeħtieġ li l-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda tiġi ggarantita kompletament mil-liġi u fil-prattika, u li tiġi stabbilita kultura b’saħħitha ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem kullimkien, b'mod partikolari ta' protezzjoni kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fil-politika kif ukoll fil-ħajja ta' kuljum. Għal dak il-għan, il-pajjiżi sħab huma mistiedna jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi li sarulhom dwar dawn il-kwistjonijiet fir-Rapporti dwar il-Progress tal-Pajjiżi li huma mehmużin ma’ din il-Komunikazzjoni. Dan jiżgura li jkun hemm żona fiż-żgur fejn is-soċjetà ċivili tkun tista' tiżvolġi r-rwol tagħha ta' aġent għad-demokratizzazzjoni u tiżgura li l-proċess ta’ riforma jkun sostenibbli u inklużiv. Fil-viċinat tan-Nofsinhar, il-Fondazzjoni Anna Lindh għandha tikkontribwixxi biex isir avvanz fid-djalogu interkulturali bejn l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili billi tidentifika l-atturi biex issir bidla u tgħaqqad lill-organizzazzjonijiet li normalment ma jinteraġixxux bejniethom biex b’hekk tippromwovi d-djalogu mal-organizzazzjonijiet tal-UE.

In-nisa kellhom rwol ċentrali fir-Rebbiegħa Għarbija, u m'għandhomx jitilfuh fit-trasformazzjonijiet li jsiru sussegwentement. L-UE se tkompli tintensifika l-isforzi tagħha biex tappoġġja d-drittijiet tan-nisa fir-reġjun, tiżgura li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiddaħħal fl-attivitajiet rilevanti kollha ta’ koperazzjoni u tippromwovi azzjoni effikaċi kontra t-traffikar fil-viċinat kollu.

Jeħtieġ li jsiru iktar sforzi fil-viċinat kollu biex tinbena ġudikatura effiċjenti u indipendenti, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jingħataw id-dritt għal smigħ xieraq u li jkun hemm ċertezza legali għan-negozji u għall-investituri permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji imparzjali. Ir-riforma fil-qasam tas-sigurtà hija wkoll fattur ċentrali biex ikun hemm demokratizzazzjoni sostenibbli. Bl-użu tar-riżorsi addizzjonali li saru disponibbli wara r-reviżjoni politika tas-sena l-oħra, l-UE lesta tappoġġja l-isforzi tagħhom billi tintensifika l-appoġġ tekniku u finanzjarju tagħha fil-kuntest ta' strateġiji nazzjonali komprensivi.

Żvilupp ekonomiku inklużiv u kummerċ

Il-qgħad, l-esklużjoni soċjali, l-inugwaljanza u l-faqar huma l-qalba tal-preokkupazzjonijiet tan-nies f’dak li jirrigwarda l-futur. Huma fost il-kawżi prinċipali tal-instabbilità u ferment u jeħtieġ li jiġu indirizzati biex id-demokratizzazzjoni tkun iktar sostenibbli. Jeħtieġu li l-pajjiżi sħab jirriformaw u jadottaw metodu integrat b’taħlita ta’ politiki eknomiċi, fiskali, tax-xogħol, soċjali u edukattivi. L-UE diġà tappoġġja dawn ir-riformi permezz ta’ miżuri ffukati fuq il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u tax-xogħol (b’mod partikolari taż-żgħażagħ).

Sabiex jiġu promossi l-investimenti tal-UE fil-pajjiżi sħab, l-UE inkudiet il-protezzjoni tal-investiment fl-ambitu tad-DCFTA li għandu jiġi negozjat mal-Eġittu, mal-Ġordan, mal-Marokk u mat-Tuneżija. Għandha l-intenzjoni li bil-mod il-mod tinnegozja dispożizzjonijiet simili ma’ pajjiżi oħra ġirien, bħala ftehimiet separati jew fil-kuntest ta' DCFTA futuri. Bi sħubija mal-OECD u mal-Bank Dinji, f’Ġunju li ġej il-Kummissjoni se tniedi skema biex tnaqqas l-ispejjeż tal-assigurazzjoni ta’ investimenti fuq skala kbira fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran, sabiex iżżid l-investiment dirett barrani fir-reġjun. Sar progress ukoll fil-ħidma biex titħejja l-bażi għal mekkaniżmu ta' garanzija fl-UE kollha li jipprovdi kopertura kontra riskji politiċi għall-investiment magħmul minn SMEs tal-UE f'SMEs f’pajjiżi sħab. Din l-iskema, li se tkopri l-viċinat kollu, għandha titnieda sal-aħħar tas-sena. Fl-aħħar nett, minn konsultazzjonijiet li saru ġie konfermat li huwa rakkomandat li l-medda ġeografika tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) tiġi estiża biex tkopri b’mod espliċitu lill-pajjiżi ġirien. Iktar tard din is-sena l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipproponi li l-Bord tal-FEI jemenda l-istatut tiegħu għal dak il-għan. Fost oħrajn, dan se jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab fi programmi tal-UE fil-futur bħall-Programm għall-Kompetittività, l-Intraprenditorija u l-SMEs (COSME).

Il-konverġenza regolatorja implikata mid-DCFTA f’oqsma daqstant differenti bħas-sanità u l-kwistjonijiet fitosanitarji, ir-regolamenti tekniċi, il-proċeduri doganali, l-akkwisti pubbliċi u l-kompetizzjoni se jirrikjedu sforzi sostanzjali ħafna min-naħa tal-pajjiżi sħab biex jirriformaw il-leġiżlazzjoni tagħhom u jiżviluppaw mezzi biex jimplimentawha u jinfurzawha. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi u t-tisħiħ tal-ġestjoni tal-finanzji pubbliċi huma parti minn dawn l-isforzi. L-UE hija impenjata li żżid l-appoġġ għal dawn l-isforzi billi tipprovdi iktar għajnuna fil-bini ta' istituzzjonijiet.

Il-mobilità

jeħtieġ li l-aġenda dwar il-mobilità titmexxa ’l quddiem. Fil-każ tal-ġirien fil-Lvant dan ifisser li jiġu konklużi ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-viża u ta' riammissjoni mal-Armenja, mal-Ażerbajġan u mal-Bjelorussja, kif ukoll li jitnidew djalogi dwar il-viża l-ewwel mal-Ġeorġja u mbagħad mal-Armenja u mal-Ażerbajġan. L-Ukraina u r-Repubblika tal-Molodva se jkunu jixtiequ jagħmlu iktar progress lejn l-implimentazzjoni kompleta tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tagħhom dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża. L-Ażerbajġan esprima interess li jinnegozja sħubija dwar il-mobilità li ssegwi l-linji ta’ dawk konklużi mal-ġirien fil-Lvant. Għall-ġirien tal-UE fin-Nofsinhar dan ifisser li jiġu stabbiliti sħubijiet dwar il-mobilità mal-Marokk u mat-Tuneżija u li jinbdew djalogi dwar il-mobilità mal-Eġittu u l-Ġordan.

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet fil-qasam tal-edukazzjoni, jiġu promossi l-kuntatti kummerċjali, l-iskambji kulturali u l-kuntatti bejn il-persuni, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni jistiednu lill-Istati Membri tal-UE jużaw b’mod iktar sistematiku l-possibilitajiet ipprovduti mill-Kodiċi Ewropew dwar il-Viża. B’mod partikolari, il-viżi bi dħul multiplu għandhom jingħataw lil persuni li jkunu jistgħu jiġġustifikaw il-ħtieġa ta' vjaġġar b'mod regolari u bona fide fl-UE minħabba rabtiet kummerċjali jew familjari, kif ukoll lil rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċiivli u lil studenti li jipparteċipaw fi programmi ffinanzjati mill-UE. Żgħażagħ taħt il-25 sena li jipparteċipaw f'seminars, konferenzi, attivitajiet sportivi, u avvenimenti kulturali u edukattivi organizzati minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u t-tfal taħt it-12-il sena għandhom ikunu eżentati mill-ħlas tat-tariffi għall-viża.

Koperazzjoni Settorjali

Il-valuri tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt jirfdu lill-UE u jiddefinixxu l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri tagħha; huma riflessi wkoll fil-liġijiet, fir-regoli u fl-istandards tal-UE. Billi jiġu adottati r-regoli u l-istandards tal-UE permezz ta’ koperazzjoni settorjali se tingħata tweġiba għax-xewqa tal-pajjiżi sħab li jersqu iktar qrib l-UE u, b'mod kruċjali, se jiġu promossi dawn il-valuri. Għaldaqstant, ir-riforma u l-koperazzjoni settorjali jikkontribwixxu għal tmexxija politika u ekonomika aħjar, trasparenza u responsabilità politika u amministrattiva, żvilupp soċjoekonomiku, il-prevenzjoni tal-kunflitti u r-riżoluzzjoni tagħhom, il-bini ta’ stat u l-involviment tas-soċjetà ċivili.

F’ħafna setturi, notevolment tat-trasport u l-enerġija, il-Kummissjoni qed tiżviluppa fokus speċjali fuq ir-reġjun tal-PEV u għandha l-ħsieb li tiżviluppa dan il-metodu b'mod iktar wiesa'[12]. B’dan l-ispirtu, u mingħajr ma tipprova tkun komprensiva, fil-paragrafi li ġejjin din il-Komunikazzjoni konġunta tissottolinea għadd ta’ kwistjonijiet settorjali fejn l-UE u l-pajjiżi sħab jistgħu jikkoperaw iktar mill-qrib bl-għan li jintlaħqu riżultati konkreti fis-snin li ġejjin.

· Dwar l-enerġija, il-Kummissjoni se tkompli tagħti l-appoġġ lill-iżvilupp tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinahr. Se tkompli ukoll il-ħidma mal-ġirien fil-Lvant tal-Ewropa dwar is-sigurtà tat-tranżitu tal-enerġija, imsejsa fuq tħaddim trasparenti tan-netwerk. Barra minn hekk, fl-2012 se tikkonsulta lis-sħab fin-Nofsinhar tal-Mediterran biex tistabbilixxi sħubijiet dwar l-enerġija li jkunu l-ewwel pass lejn l-integrazzjoni ta’ suq reġjonali tal-elettriku u tal-enerġija rinnovabbli, bi prospettiva fit-tul għall-istabbiliment ta’ Komunità tal-Enerġija bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Mediterran.

· Fil-qasam tal-politika industrijali u intraprenditorjali, il-Karta Ewro-Mediterranja għall-Intrapriżi għandha tiġi aġġornata biex issir Att dwar l-Impriżi ż-Żgħar Ewro-Mediterranji u n-netwerks u l-azzjonijiet tal-UE intersettorjali u f'setturi speċifiċi għandhom jiġu estiżi lejn il-pajjiżi sħab fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Għandhom jiġu skambjati informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar it-turiżmu sostenibbli.

· Fil-qasam tat-trasport bl-ajru, in-negozjati dwar il-konklużjoni ta’ ftehimiet komprensivi dwar is-servizzi tal-ajru għandhom jitħaffu mal-Ukraina, jinbdew mill-ġdid mat-Tuneżija u jitnedew mal-Ażerbajġan fl-2012.

· L-UE se tkompli tippromwovi prattiki u proċeduri doganali moderni biex il-kummerċ jiġi ffaċilitat kemm jista' jkun, anki permezz tal-implimentazzjoni tal-Oqfsa Strateġiċi għall-Koperazzjoni Doganali mal-pajjiżi sħab fil-Lvant u tan-negozjati DCFTA li għaddejjin bħalissa u li se jsiru fil-futur.

· L-UE se tagħti appoġġ lill-pajjiżi sħab fil-kapaċitajiet tagħhom biex tiġi indirizzata d-degradazzjoni ambjentali u jiġi promoss l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, anki fl-oqsma tal-ilma, tat-tniġġis industrijali, tal-kwalità tal-arja, tal-immaniġġjar tal-iskart, tal-konservazzjoni ambjentali u l-immaniġġjar tal-foresti u biex jissaħħu s-sistemi ta' informazzjoni ambjentali u ta' tmexxija. L-UE se tgħin lill-pajjiżi sħab jintegraw aħjar il-kunsiderazzjonijiet ambjentali f’politiki settorjali oħrajn biex jiġi promoss it-tranżitu lejn ekonomija iktar ekoloġika, anki permezz ta’ konsum u produzzjoni iktar sostenibbli. L-UE se ssaħħaħ ukoll il-koperazzjoni mas-sħab tal-PEV fil-Konferenza Dinjia tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2012.

· It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki ambizzjużi dwar il-klima huma sfida prinċipali li l-UE lesta tikkopera mill-qrib dwarha mal-pajjiżi sħab. L-UE se tagħti appoġġ lit-tranżitu tal-pajjiżi sħab lejn żvilupp b'livell baxx ta' karbonju u reżiljenza klimatika permezz tal-bini tal-kapaċità, il-kondiviżjoni ta' informazzjoni u investimenti. Dan se jgħin lill-pajjiżi sħab jimplimentaw il-ftehimiet ta’ Kankun u ta’ Durban u b’mod partikolari jfasslu strateġiji ta’ żvilupp b'emissjonijiet baxxi, li jtejbu r-reżiljenza tagħhom fil-qasam klimatiku u li jipprovdu informazzjoni aġġornata dwar miri u l-azzjonijiet li jkunu se jimplimentaw.

· Il-politika dwar is-Soċjetà Informatika fil-PEV għandha l-għan li tiżgura li jkun hemm suq ġust, modern, miftuħ u trasparenti għat-telekomunikazzjonijiet, użu liberu u dinamiku tal-internet għal kulħadd u ambjent tal-midja divrenzjat. Li jiġi żgurat li jkun hemm sigurtà, stabilità u reżiljenza tal-internet u ta’ teknoloġiji oħrajn ta’ komunikazzjoni elettronika huwa fattur fundamentali biex tinbena d-demokrazija u biex tinħoloq klima kummerċjali dinamika u innovattiva. Sabiex tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tat-tkabbir u l-produttività tas-Soċjetà Informatika, il-Kummissjoni se tappoġġja riformi regolatorji ulterjuri, anki permezz ta’ netwerks tar-regolaturi. In-netwerk tar-regolaturi tal-Mediterran se jissaħħaħ u se jitwaqqaf netwerk tal-Lvant. Il-Kummissjoni se tappoġġja wkoll it-titjib tal-ambjent tal-komunikazzjonijiet elettroniċi f’oqsma li jkopru min-netwerks ta' interkonnessjoni sas-saħħa elettronika. Bl-istess mod, se ttejjeb il-konettività b’veloċità għolja tal-infrastrutturi elettroniċi reġjonali għar-riċerka u l-edukazzjoni. Se jiġu promossi wkoll l-użu attiv u demokratiku tal-ICT u tal-internet, kif ukoll passi ’l quddiem lejn ambjent regolatorju awdjoviżiv u tal-midja li jkun trasparenti u effiċjenti.

· Fir-rigward tal-iżvilupp lejn “Spazju Komuni għall-Għarfien u l-Innovazzjoni” il-Kummissjoni se tintensifika l-koperazzjoni mal-pajjiżi sħab u tappoġġja netwerking u koordinazzjoni aħjar bejn il-pajjiżi sħab u l-UE biex jiġu stabbiliti u sinkronizzati l-prijoritajiet tar-riċerka. Bil-għan li tippromowvi iktar involviment tal-komunitajiet ta’ riċerka tal-PEV, fis-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tat-Teknoloġija (is-7 PQ), il-Kummissjoni se tappoġġja lill-pajjiżi sħab biex jibnu kapaċità ta’ riċerka, jippromwovu żieda fil-kollaborazzjoni bejn ir-riċerkaturi tal-PEV u tal-UE u l-organizzazzjoni ta’ riċerka, u tgħin biex jissaħħu l-Punti ta’ Kuntatt tan-netwerk tas-7 PQ. Il-Kummissjoni se tappoġġja avvenimenti speċjali ta’ informazzjoni dwar l-opportunitajiet li joffri s-7 PQ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni lesta tinnegozja mas-sħab tal-PEV dwar memoranda ta’ ftehim għall-assoċjazzjoni tagħhom mal-programm ta’ wara s-7 PQ.

· Il-Programm Ewropew tal-Viċinat il-ġdid għall-Iżvilupp Agrikolu u Reġjonali (European Neighbourhood Programme for Agriculture and Rural Development, ENPARD) se jgħin lill-pajjiżi sħab joperaw b’iktar effiċjenza fi swieq barranin, biex jibbenefikaw bis-sħiħ mid-DCFTA fil-futur u biex jistimulaw il-biedja tagħhom fil-livell nazzjonali. F’dak il-qafas, il-Kummissjoni se tibda djalogi politiċi mill-qrib mal-pajjiżi sħab biex tippromwovi strateġiji ta’ żvilupp agrikolu u rurali fit-tul b’koperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti kollha.

· F’dak li jirrigwarda l-istatistika, l-UE se tagħti l-appoġġ tagħha għal kodiċi ta’ mġiba Ewropew dwar l-istatistika, inkluż il-prinċipju tal-indipendenza ta' min jipproduċi l-istatistika; il-produzzjoni u t-tixrid ta’ statistika ta’ kwalità tajba li tkopri l-oqsma soċjoekonomiċi prinċipali, li tkun kompatibbli mal-istandards u l-metodoloġiji tal-UE; u l-użu tal-istatistika biex jittieħdu deċiżjonijiet imsejsa fuq il-provi, li huwa fattur prinċipali tat-tmexxija tajba. L-UE se ssaħħaħ l-għajnuna bejn il-pari fil-qasam u d-dimensjoni reġjonali tal-appoġġ għal din il-ħidma.

· Fil-qasam tal-politika marittima, l-UE se ssaħħaħ il-koperazzjoni mal-ġirien tagħha bil-għan li tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ miri komuni biex ikun hemm tkabbir sostenibbli u impjiegi fis-setturi tradizzjonali u dawk emerġenti, proġetti pilota fl-oqsma ta’ interess reġjonali u biex f’dan ir-rigward twassal għal iktar konsistenza fl-azzjonijiet iffinanzjati minn strumenti finanzjarji interni u esterni tal-UE. B’mod speċifiku, fir-reġjun tal-Mediterran, il-Kummissjoni flimkien mal-BEI u l-FMI se tniedi inizjattiva konġunta biex tinfluwenza l-investiment mis-settur privat u tinvolvi l-istituzzjonijiet finanzjarji fis-setturi marittimi, notevolment fl-oqsma tal-infrastruttura, tat-taħriġ u tas-sorveljanza marittima. Se tintensifika wkoll il-koperazzjoni mal-pajjiżi sħab li jinsabu mal-kosta fil-kuntest tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd, sabiex jiġi promoss użu iktar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, tissaħħaħ is-sorveljanza tas-sajd u jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux dikjarat jew mhux regolat.

Il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-PEV (jew dokumenti ekwivalenti) li qed jiġu negozjati ma' ħafna pajjiżi sħab se jipprovdu qafas ta’ politika aġġornat li għandu jiżgura li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jikkoordinaw aħjar l-għajnuna finanzjarja u teknika. Il-proċess ta’ programmazzjoni li se jibda fit-tieni nofs ta' din is-sena skont l-Istrument Ewropew tal-Viċinat jipprovdi opportunità reali lill-Istati Membri interessati biex jipprogrammaw l-għajnuna tagħhom b’mod konġunt mal-UE.

Il-kooperazzjoni reġjonali

Ir-Rebbiegħa Għarbija toffri opportunitajiet ġodda għal koperazzjoni reġjonali fil-Viċinat tan-Nofsinhar. Ħafna mill-isfidi li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi sħab jistgħu jiġu indirizzati b'mod effikaċi biss fil-livell reġjonali jew sottoreġjonali. L-UE ħadet f’idejha l-Kopresidenza tat-Tramuntana tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM). Dan se jtejjeb il-kumplimentarjetà tal-UgħM mal-PEV u l-effikaċja tal-appoġġ tal-UE lill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran. L-UE se tkompli tagħti l-appoġġ tagħha lis-Segretarjat tal-UgħM biex iservi ta' katalist għal proġetti li jwasslu għal benefiċċji tanġibbli għall-popli fil-Mediterran kollu. Il-Kummissjoni hija ddeterminata wkoll li tagħti spinta ġdida lid-djalogi settorjali fl-ambitu tal-UgħM.

L-UE żviluppat ukoll djalogu iktar stutturat mal-Lega tal-Pajjiżi Għarab (LPGħ), billi inkludiet laqgħat regolari bejn ir-Rappreżentant Għoli u s-Segretarjat Ġenerali tal-LPGħ, u bdiet koperazzjoni konkreta li tinkludi l-ħolqien ta' Sala ta' Kontroll tal-LPGħ u taħriġ għad-diplomatiċi u għal dawk li jissorveljaw l-elezzjonijiet.

Diġà jidhru sinjali inkoraġġanti ta' djalogu mtejjeb bejn l-Alġerija u l-Marokk, li jwitti t-triq għal koperazzjoni sottoreġjonali msaħħa mal-Magreb, anki fil-kuntest tal-grupp 5+5. L-UE lesta tagħti l-appoġġ lil dan u anki lil koperazzjoni reġjonali u sottoreġjonali oħra u proċessi ta' integrazzjoni oħrajn, u tikkopera mal-organizzazzjonijiet u l-proċessi reġjonali rilevanti. F’dan il-kuntest, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni għandhom il-ħsieb li fil-komunikazzjoni konġunta li se titħejja fix-xhur li ġejjin jagħmlu proposti biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Magreb, sakemm il-pajjiżi sħab tal-Maghreb juru sinjali ċari ta' progress fl-isforz tagħhom favur il-koperazzjoni reġjonali.

Bi tweġiba għall-istedina tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu biex ikun hemm pjan direzzjonali li jiddefinixxi l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE fir-rigward tas-sħab tagħha fil-Mediterran tan-Nofsinhar, u li jservi ta' gwida għaliha, ir-rapport dwar id-dokument ta’ ħidma konġunt tal-persunal dwar l-implimentazzjoni tas-Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni, li huwa mehmuż ma’ din il-Komunikazzjoni, jagħti ħarsa lejn l-għanijiet li jridu jintlaħqu, l-istrumenti li jridu jiġu attivati u l-azzjonjiet li għandhom jiġu implimentati sal-aħħar tas-sena 2013.

Fil-Viċinat tal-Lvant kien hemm żieda fil-koperazzjoni reġjonali dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, fil-kuntest tal-Missjoni tal-UE ta’ Assistenza fil-Fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina (EU Border Assistance Mission, EUBAM) u fil-proġett ta’ Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri tal-Kawkażu tan-Nofsinhar (Southern Caucasus Integrated Border Management, SCIBM). Il-Komunikazzjoni konġunta dwar il-Pjan Direzzjonali tas-Sħubija mal-Lvant tagħti iktar dettalji dwar l-attivitajiet previsti fil-qafas tas-Sħubija mal-Lvant.

Konklużjonijiet

F’Mejju li għadda l-UE temmet ristrutturazzjoni kbira tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tagħha. Dan għamlitu biex twieġeb għal diversi sfidi: il-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-proċess ta’ demokratizzazzjoni li qed jinfirex fil-Viċinat kollu tal-UE fin-Nofsinhar; l-aspirazzjonijiet Ewropej ta’ xi wħud mill-Pajjiżi Sħab fl-Ewropa tal-Lvant u l-ħtieġa li tiġi approfondita iktar is-Sħubija mal-Lvant; u l-opportunitajiet il-ġodda offruti bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Sena wara, din il-valutazzjoni tagħtina stampa inkoraġġanti. F’ħafna aspetti, il-viċinat tal-UE llum huwa iktar demokratiku u iktar miftuħ għall-bidla meta mqabbel ma’ sena ilu. Il-metodu ta’ politika l-ġdid tal-UE huwa stabbilit fis-sod. Ħafna mill-pajjiżi sħab laqgħuh tajjeb u għadd minnhom lesti jwettqu riforma politika u ekonomika b’iktar determinazzjoni u jieħdu impenn ikbar mal-UE.

Madankollu, dan huwa żmien ta’ tranżitu. Il-pajjiżi qed ifasslu kostituzzjonijiet ġodda, jistabbilixxu istituzzjonijiet ġodda, jibnu kunsens intern li jappoġġja t-trasformazzjoni demokratika u jeleġġu mexxejja ġodda. Dan se jkun proċess li se joffri sfida kbira u f’xi każijiet se jkun mimli diffikultajiet. Huwa komprensibbli li xi pajjiżi se jkunu jeħtieġu li jmexxu iktar ’il quddiem dawn il-proċessi interni qabel jerġgħu jibdew bis-sħiħ id-djalogu mal-UE dwar ir-riformi u n-negozjati li jistgħu jwittu t-triq għal rabtiet kummerċjali iktar b’saħħithom, għal intergrazzjoni ekonomika u settorjali iktar profonda u għal iktar mobilità.

F’din is-sitwazzjoni huwa importanti ħafna li l-UE tonora l-impenji tagħha għall-Viċinat tan-Nofsinhar u żżid l-impenji tagħha għall-Viċinat tal-Lvant. Dan se jikkontribwixxi wkoll għas-sigurtà u l-prosperità tal-UE nnifisha. Il-kredibilità tal-UE bħala attur globali se tiddependi fil-parti l-kbira fuq il-kapaċità tagħha li taġixxi b’mod deċiżiv mal-ġirien tagħha. Għal din ir-raġuni, u minkejja d-diffikultajiet ekonomiċi tagħha, jeħtieġ li l-UE tibqa’ miftuħa u tħares ’il quddiem, issaħħaħ dejjem iktar ir-relazzjonijiet mal-ġirien tagħha u tappoġġja b’mod sod l-isforzi ta’ sħabha biex pajjiżhom isir wieħed demokratiku, jipprospera iktar u, hekk, isir iktar stabbli.

[1]               COM (2011) 303 tal-25.05.2011

[2]               Din il-Kommunikazzjoni Konġunta hija akkumpanjat minn: tnax-il Rapport dwar il-Progress tal-Pajjiżi li jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) fl-2011 fi tnax-il pajjiż ġirien li magħhom intlaħaq ftehim dwar Pjan ta' Azzjoni dwar il-PEV jew dwar dokument ekwivalenti għalih; żewġ rapport ta’ progress reġjonali li jirrevedu l-progress li sar fl-2011 fl-implimentazzjoni tas-Sħubija mal-Lvant u s-Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviza; u anness li fih statistika.

[3]               Biljun EUR għall-Viċinat tal-UE fin-Nofsinhar u EUR 150 biljun għall-Viċinat tal-UE fil-Lvant.

[4]               SPRING (Support for Partnership, Reform and Inclusive Growth); EaPIC (Eastern Partnership Integration and Cooperation Programme).

[5]               COM (2012) … tal-15.05.2012, Sħubija mal-Lvant: Pjan Direzzjonali sas-Samit tal-Ħarifa 2013”.

[6]               L-elementi li jikkaratterizzaw demokrazija b’sisien sodi u sostenibbli jinkludu: elezzjonijiet ħielsa u ġusti; il-libertà tal-assoċjazzjoni, l-espressjoni u l-għaqda kif ukoll il-libertà tal-istampa u tal-midja; l-istat tad-dritt li jkun amministrat minn ġudikatura indipendenti u d-dritt għal smigħ xieraq; il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; is-sigurtà u r-riforma tal-qasam tal-infurzar tal-liġi (inkluża l-pulizija); u l-preżenza ta’ kontroll demokratiku fuq il-forzi armati u fuq il-forzi tas-sigurtà.

[7]               COM(2011)200 tat-08.03.2011

[8]               Biljun EUR għall-Viċinat tal-UE fin-Nofsinhar u EUR 150 miljun għall-Viċinat tal-UE fil-Lvant.

[9]               F’Diċembru 2011 il-Kumissjoni adottat il-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-ratifikazzjoni min-naħa tal-UE tal-emendi COM (2011) 905 tal-21.12.2011).

[10]             COM (2011) 500 final tad-29.6.2011, "Baġit għall-Ewropa 2020".

[11]             L-Armenja, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukraina u possibilment fil-futur, l-Eġittu u l-Ġeorġja.

[12]             Ara b’mod partikolari l-Komunikazzjonjiet tal-Kummissjoni: “L-UE u r-reġjuni ġirien tagħha: approċċ imġedded għall-koperazzjoni tat-trasport” COM (2011) 415 tas-07.07.2011 u “L-politika tal-enerġija tal-UE: Koperazzjoni ma’ pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħha”, COM (2011) 539 tas-07.09.2011.

Top