EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0152

Il-futur tal-ajruporti reġjonali u tas-servizzi tal-ajru fl-UE Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' Mejju 2012 dwar il-futur tal-ajruporti reġjonali u tas-servizzi tal-ajru fl-UE (2011/2196(INI))

ĠU C 261E, 10.9.2013, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 261E, 10.9.2013, p. 1–1 (HR)

10.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 261/1


Il-Ħamis 10 ta’ Mejju 2012
Il-futur tal-ajruporti reġjonali u tas-servizzi tal-ajru fl-UE

P7_TA(2012)0152

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-futur tal-ajruporti reġjonali u tas-servizzi tal-ajru fl-UE (2011/2196(INI))

2013/C 261 E/01

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni 'Pjan ta' azzjoni għall-kapaċità, l-effiċjenza u s-sikurezza tal-ajruporti fl-Ewropa’ (COM(2006)0819),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Linji gwida tal-Komunità dwar l-iffinanzjar tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali” (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘L-UE u r-reġjuni ġirien tagħha: approċċ imġedded għall-kooperazzjoni tat-trasport’ (COM(2011)0415),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar applikazzjonijiet għat-trasport tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita – il-politika tal-UE għal perjodu qasir u medju ta' żmien (2),

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti”(COM(2011)0144),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0094/2012),

A.

billi attwalment m'hemmx definizzjoni aċċettata minn kulħadd għat-terminu “ajruport reġjonali”; billi l-ajruporti li ż-żona prinċipali li jaqdu hija belt kapitali mhumiex inklużi fl-ambitu ta’ dan ir-rapport; jemmen li l-ajruporti reġjonali, jiġifieri ajruporti “mhux distributuri”, għandhom jinqasmu f’ajruporti minuri u maġġuri, abbażi tat-tipi ta’ konnessjonijiet li jipprovdu, il-volum tal-passiġġieri u l-konnessjonijiet ma’ bliet kbar u ma’ ajruporti maġġuri, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji komuni biex tiffaċilita definizzjoni adegwata ta’ “ajruport reġjonali” li tqis l-elementi kollha msemmija hawn fuq; billi, madankollu, “servizz tal-ajru reġjonali” għandu jiġi definit bħala titjira li titlaq minn u/jew tasal f'ajruport reġjonali; billi fid-dibattitu li għaddej bħalissa dwar l-ajruporti reġjonali se jkun meħtieġ li jiġu determinati r-rwoli differenti tagħhom u b’mod partikulari ssir distinzjoni bejn ajruporti fuq gżejjer u ajruporti li jaqdu reġjuni inaċċessibbli jew ekonomikament dgħajfa;

B.

billi l-avjazzjoni reġjonali, bħall-mezzi l-oħra tat-trasport, tirrappreżenta waħda mill-fatturi prinċipali li tiffaċilita l-mobilità taċ-ċittadini; billi konnettività mtejba u l-mobilità intermodali effiċjenti jistgħu jikkontribwixxu bil-kbir lit-titjib tal-aċċess għar-reġjuni, lin-negozji, lit-turiżmu, u lill-iżvilupp ta’ servizzi relatati, kif ukoll lit-tifrix tal-prosperità ekonomika;

C.

billi l-istatus materjali diżugwali taċ-ċittadini u l-livelli differenti tal-iżvilupp tal-infrastruttura jwasslu għal nuqqas ta’ ugwaljanza fil-possibbiltà tal-użu ta’ konnessjonijiet b’titjiriet reġjonali fl-Istati Membri;

D.

billi l-konnettività offruta mill-avjazzjoni liċ-ċittadini u n-negozji fir-reġjuni tal-UE, u b'mod partikolari f'reġjuni u gżejjer inaċċessibbli, hija estremament importanti u tgħin biex tiżgura l-vijabilità ekonomika ta' tali żoni; billi l-ajruporti tal-Ewropa jipprovdu netwerk kbir ta' 150 000 par ta’ bliet;

E.

billi għadd konsiderevoli ta’ ajruporti reġjonali jħabbtu wiċċhom ma’ linja tal-ajru li jkollha monopolju virtwali u li tista’ tisfrutta din il-pożizzjoni biex tagħmel pressjoni billi timponi dejjem iżjed talbiet fuq l-ajruport ikkonċernat u fuq l-awtoritajiet lokali u/jew reġjonali, inter alia fir-rigward ta’ tariffi tal-ajruport u imposti għas-sikurezza tal-avjazzjoni;

F.

billi l-bejgħ bl-imnut mill-ħwienet fl-ajruporti naqas b’mod sinifikanti minħabba l-introduzzjoni minn xi linji tal-ajru ta' politiki restrittivi għall-bagalji li jinġarru mill-passiġġieri stess fuq l-ajruplan; billi l-impatt tar-regola ta' 'basket wieħed' applikata mill-kumpaniji, b'mod partikolari mil-linji tal-ajru low-cost, li joperaw prinċipalment f’dawn l-ajruporti, flimkien ma’ prattiki oħra għat-trażżin tal-ispejjeż, għamilha aktar diffiċli li wieħed jivvjaġġa u ġab tnaqqis drammatiku fil-bejgħ bl-imnut fuq l-art għal uħud mill-ajruporti reġjonali; billi terz tal-profitti mill-bejgħ bl-imnut ġewwa l-ajruporti jintuża biex il-linji tal-ajru jiġu ssusidjati billi jikkumpensaw għat-tariffi marbuta mal-inżul;

G.

jinnota li l-Gvern Spanjol ipprojbixxa lil-linji tal-ajru milli japplikaw ir-regola ta' 'baskett wieħed' meta l-ajruplani tagħhom jitilqu mill-ajruporti Spanjoli;

H.

jirrikonoxxi li ajruporti ewlenin f’xi Stati Membri tal-UE għaddejjin minn tnaqqis fil-kapaċità;

I.

jinnota li l-kriżi finanzjarja u tad-dejn sovran bidlet b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet għall-iffinanzjar tal-ajruporti fl-UE, speċjalment f'ajruporti li ma jinsabux fiż-żoni ċentrali;

J.

billi l-bini ta’ ajruporti reġjonali ġodda għandu jkun ibbażat fuq analiżi tar-relazzjoni bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż;

K.

billi l-investimenti mis-settur pubbliku fir-riforma tal-ajruporti għandu juri ċerta relazzjoni bejn l-ammont ta’ flus minfuqa u n-numru ta’ passiġġieri li jużaw l-infrastruttura;

Aspetti ekonomiċi tas-servizzi reġjonali tal-ajru

1.

Jisħaq fuq il-bżonn għal obbligu min-naħa tas-servizz pubbliku għal servizzi tal-ajru ta' interess ekonomiku u pubbliku, speċjalment dawk li jgħaqqdu reġjuni, gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi mbiegħda, minħabba l-bogħod u l-karatteristiċi fiżiċi u naturali tagħhom sabiex jiġu żgurati l-aċċessibilità u l-integrazzjoni territorjali sħaħ tagħhom; jenfasizza li għandhom jinżammu l-obbligi eżistenti tas-servizz pubbliku; jemmen li dawn is-servizzi ma jistgħux ikunu ekonomikament vijabbli mingħajr fondi pubbliċi; jenfasizza l-importanza li tiżdied il-kompetittività tar-reġjuni ultraperiferiċi u tiġi promossa l-integrazzjoni tagħhom ma’ reġjuni oħra sabiex tingħeleb il-firda ekonomika li tisseparahom mill-bqija tal-Ewropa;

2.

Jemmen li huwa mixtieq li tiġi evitata l-proliferazzjoni ta’ ajruporti reġjonali, u jinnota li l-iżvilupp ta’ ajruporti reġjonali għandu jkun immirat sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ infrastrutturi tal-ajruporti li ma jintużawx jew li jintużaw b’mod mhux effiċjenti li jirriżultaw f’piż ekonomiku għall-awtoritajiet responsabbli; jisħaq, min-naħa l-oħra, li għandhom jissaħħu l-konnessjonijiet eżistenti, b'mod partikolari fiż-żoni kollha bi żvantaġġi ġeografiċi (bħal pereżempju l-gżejjer); jilqa', għaldaqstant, kwalunkwe inizjattiva immirata għall-iżvilupp tar-rwol tat-trasport pubbliku, anki dak tat-toroq, bil-promozzjoni tal-konnessjonijiet; Jissottolinja li l-finanzi pubbliċi lill-ajruporti reġjonali għandhom ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 106 u 107 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward l-Għajnuna Statali; jemmen li għandha tkun prevista sistema ta’ sanzjonijiet li tiġi applikata għall-kumpaniji tal-ajru li jabbandunaw l-ajruporti reġjonali ffinanzjati qabel l-iskadenzi;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Deċiżjoni 2012/21/UE dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) li permezz tiegħu l-livell limitu li għalih ajruport jista’ jirċievi għajnuna mill-Istat mingħajr ma jkollu jinnotifika lill-Kummissjoni ġie mnaqqas għal 200 000 passiġġier fis-sena, filwaqt li jitqies li l-Linji Gwida Komunitarji jiddikjaraw li ajruport jista’ jsir kosteffiċjenti bi traffiku ta’ aktar minn 500 000 passiġġier fis-sena;

4.

Hu tal-fehma li l-ajruporti reġjonali, minħabba l-impatt ambjentali u ekonomiku tagħhom, għandhom jiġu appoġġati b’mod xieraq mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, u għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjoni lokali u reġjonali, u – abbażi ta’ analiżi ta' kost-benefiċċju – għandhom jitqiesu bħala eliġibbli għal finanzjament b’fondi tal-UE, kif ukoll strumenti oħra tal-inġinerija finanzjarja ffinanzjati mill-UE skont il-qafas ta' programmazzjoni l-ġdid; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra l-opportunitajiet offruti mill-ajruporti reġjonali bħala parti min-netwerk tat-trasport ċentrali Ewropew;

5.

Jitlob li l-kriterji għall-kisba ta’ sussidji u fondi pubbliċi jiġu definiti b’mod ċar u fformulati b’mod trasparenti;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu approċċ ibbilanċjat fir-reviżjonijiet futuri tal-linji gwida dwar l-avjazzjoni sabiex dawn jipprevedu żvilupp tas-servizzi reġjonali tal-ajru li jkun soċjalment u ekonomikament vijabbli, waqt li tqis l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa biex tiġi żgurata l-intermodalità filwaqt li tiżgura wkoll l-aċċessibilità għal dawk is-servizzi għaċ-ċittadini tal-UE u billi jitqiesu l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni, fl-appoġġ tagħha għall-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali u l-kostruzzjoni ta' ajruporti reġjonali ġodda (speċjalment f'pajjiżi li l-ajruporti nazzjonali tagħhom jinsabu f'żoni remoti), biex tqis b'mod partikolari l-iżvilupp territorjali bbilanċjat tar-reġjuni li jikkorrispondi għal-livelli I u II tan-Nomenklatura tal-Unitajiet Statistiċi Territorjali (NUTS) biex tiżgura l-innovazzjoni u l-kompetittività f’reġjuni li huma mbiegħda ħafna mill-belt kapitali u li m’għandhomx aċċess tajjeb għat-trasport, u biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċentri reali ekonomiċi u tat-trasport;

8.

Jissottolinja li żvilupp xieraq tal-ajruporti reġjonali jikkontribwixxi għal żvilupp parallel tas-sistema turistika, tqabbil ta’ importanza vitali għal ħafna reġjuni Ewropej;

9.

Jinnota li t-turiżmu qiegħed juri ruħu reżistenti għall-kriżi ekonomika, u li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil kwalunkwe aspett jew deċiżjoni tal-politika ekonomika li x’aktarx jistgħu jappoġġaw jew jiżviluppaw it-turiżmu, bħalma hu l-każ tat-trasport bl-ajru u l-proġetti infrastrutturali fl-ajruporti;

10.

Jisħaq li ċerti ajruporti reġjonali jistgħu jiffunzjonaw biss fi staġuni ta’ wasliet massivi ta’ turisti, ħaġa li spiss tippreżenta problema addizzjonali ta’ organizzazzjoni, prezzijiet ogħla għal kull unità, eċċ.; jitlob lill-Kummissjoni tqis il-karattru speċifiku u l-problemi ta’ dawn l-ajruporti reġjonali staġjonali waqt l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida għas-settur;

11.

Jenfasizza li l-ajruporti reġjonali qed isiru aktar u aktar importanti għal-linji tal-ajru charter kif ukoll għal-linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi (low cost carriers); jenfasizza li r-raġuni ewlenija llum għal-linji tal-ajru charter huwa li joperaw fuq distanzi twal għad-destinazzjonijiet tal-btajjel, b’inqas spazju bejn sit u ieħor u inqas servizz waqt it-titjira meta mqabbel ma’ linji tal-ajru tradizzjonali skedati, ta’ spiss minn ajruporti reġjonali li ma jifilħux għal servizz skedat u jtiru lil hinn mill-kapaċitajiet kompetittivi ta’ linji tal-ajru low cost bl-inġenji tal-ajru tagħhom għal titjiriet qosra; ifakkar li l-inġenji tal-ajru bi struttura iktar dejqa huma ppreferuti f’rotot b’distanzi qosra speċjalment fejn linji tal-ajru f’netwerk ikunu qegħdin jipprovdu servizzi għal ajruporti ewlenin minn ajruporti reġjonali u b’linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi (LCCs - low cost carriers);

12.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet soċjali u t-termini tal-impjieg tal-linji tal-ajru, biex il-persunal impjegat f’ajruport reġjonali ma jsirx vittma ta’ dumping soċjali u biex jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd fil-qasam tal-avjazzjoni; jitlob li l-persunal tal-ajruporti jibbenefika minn kundizzjonijiet kuntrattwali diċenti, b’riferiment partikolari għall-ajruporti li fihom l-akbar parti tat-traffiku tiġi minn kumpaniji low-cost;

13.

Jesprimi tħassib li ċerti prattiki ta' linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi, li ta' spiss joperaw minn ajruporti reġjonali, jwasslu għal kwalità ifqar ta' servizzi għall-passiġġieri u deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol; minħabba l-prattika aggressiva tan-negozju ta' ċerti kumpaniji tal-ajru low-cost li joperaw minn ajruporti reġjonali, li jieħdu vantaġġ mill-pożizzjoni dominanti tagħhom, u minħabba l-fatt li l-attivitajiet kummerċjali huma sors ewlieni ta' dħul għal ajruporti reġjonali, jinsab imħasseb mill-“baskett wieħed” u restrizzjonijiet oħra imposti minn ċerti kumpaniji tal-ajru rigward il-bagalji li jistgħu jinġarru mill-passiġġieri stess fuq l-ajruplan; huwa tal-opinjoni li dawn il-prattiki jirrappreżentaw ksur tal-liġi kummerċjali, u jemmen li dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu abbuż tal-pożizzjoni ta' linja tal-ajru; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu limiti massimi komuni li jridu jiġu imposti fuq il-linji tal-ajru fir-rigward ta' tali restrizzjonijiet u jqis li kwalunkwe kontroll relatat mar-restrizzjonijiet tal-piż u d-daqs tal-bagalji għandu jsir qabel il-wasla għall-'gate' tat-tluq;

14.

Jitlob biex oġġetti li jinxtraw mill-ajruport jiġu meqjusa bħala “oġġetti essenzjali”, bħal ma huwa attwalment il-każ għal oġġetti bħal kowtijiet; ifaħħar id-deċiżjoni ta' Spanja li twaqqaf il-prattiki msemmija f'paragrafu 13 milli jsiru fit-territorju tagħha (3), u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tintroduċi miżura simili għas-servizzi kollha tal-ajru li joriġinaw mill-Ewropa;

15.

Jemmen li t-trasport tal-merkanzija huwa fattur pożittiv għall-ajruporti reġjonali li kapaċi joħloq żvilupp u impjiegi anke permezz tat-tħaddim tas-servizzi relatati fuq l-art u mal-ħolqien ta’ ċentri kummerċjali marbuta mal-ajruport reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni telabora strateġija li tiffavorixxi t-trasport tal-merkanzija, u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-ajruporti reġjonali ġirien;

16.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jipproponu pjanijiet għall-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali eżistenti u biex dawn isiru aktar effiċjenti;

17.

Jemmen li l-ajruporti reġjonali m’għandhomx isaħħu l-għodod għad-defiċits pubbliċi u bħala regola ġenerali għandhom ikunu ekonomikament sostenibbli fuq perjodu ta’ żmien medju;

Ambjent u innovazzjoni

18.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jgħaġġlu l-proċess ta' żvilupp tal-Impriża Konġunta biex tiżviluppa l-ġenerazzjoni l-ġdida tas-sistema dwar il-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru Ewropea (SESAR), l-inizjattiva “Clean Sky” u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew bħala kwistjoni ta' urġenza; jinnota li, permezz tal-ħidma tas-SESAR u r-rwol importanti tas-Servizz ta' Overlay tan-Navigazzjoni Ewropea Ġeostazzjonarja (EGNOS), l-ajruporti reġjonali se jibbenefikaw minn proġetti bħal torrijiet remoti, il-ġestjoni tal-veloċità u l-konġestjoni u proċeduri operattivi mtejba;

19.

Jirrikonoxxi li l-ġestjoni tal-kapaċità mhijiex l-istess f'ajruporti li għandhom slots koordinati u dawk li għandhom slots mhux koordinati; huwa tal-fehma li hemm ħafna kapaċità żejda x'tintuża f'ħafna ajruporti reġjonali u li bl-użu ta' din il-kapaċità żejda jkunu jistgħu jitnaqqsu l-konġestjoni u l-iffullar f'ajruporti ewlenin u jiġi llimitat ukoll l-impatt ambjentali; jirrikonoxxi li konnessjonijiet tajbin bejn ajruporti ewlenin u ajruporti reġjonali fil-qrib jistgħu jgħinu biex titnaqqas il-konġestjoni;

20.

Jenfasizza r-rwol tal-ajruporti reġjonali li jaġixxu bħala xprun għall-iżvilupp ta' ċentri ta’ innovazzjoni, billi jnaqqsu l-ispejjeż ta' lokalizzazzjoni ta' negozji ġodda, speċjalment f’reġjuni ġeografikament imbiegħda;

21.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex, apparti l-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika u finanzjarja, jikkunsidraw ukoll il-fatturi ambjentali, territorjali, ġeoloġiċi u metereoloġiċi u kriterji razzjonali oħrajn meta jiddeċiedu fejn għandhom jinbnew l-ajruporti, jew meta faċilitajiet tal-ajruporti reġjonali jeħtieġu jiġu rinnovati jew estiżi; jenfasizza, fl-istess waqt, l-importanza tal-użu u tal-immodernizzar tal-istrutturi attwali qabel ma jinbnew oħrajn ġodda;

Konġestjoni u multimodalità

22.

Jinnota li studji reċenti jiddikjaraw li r-reġjuni Ewropej qed jitilfu konnessjonijiet diretti ma' xi wħud mill-iktar ajruporti konġestjonati, u jinsab diżappuntat li l-istudji magħmula mill-Kummissjoni Ewropea jittrattaw biss l-ajruporti ewlenin; għalhekk jissuġġerixxi li l-ambitu ta' kwalunkwe studju futur jiġi estiż għal ajruporti reġjonali u, sakemm dan iseħħ, iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex iħeġġu l-konnessjonijiet bejn l-ajruporti reġjonali u l-ajruporti ewlenin fl-Istati Membri, b'hekk tingħata spinta lill-ekonomija fiż-żoni madwar l-ajruporti reġjonali filwaqt li tiġi offruta wkoll soluzzjoni waħda għall-problema tal-konġestjoni tat-traffiku bl-ajru fl-Ewropa;

23.

Iħeġġeġ lill-partijiet u lill-istituzzjonijiet kollha involuti fir-reviżjoni tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 (kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 793/2004) sabiex jiffukaw fuq il-provvista ta' kapaċitàjiet ġodda fl-ajruporti minflok jitfgħu s-servizzi tal-ajru reġjonali barra mis-suq minħabba nuqqas ta' kompetittività; jikkunsidra li huwa essenzjali għall-ajruporti reġjonali li jkollhom aċċess għall-ajruporti ewlenin, u huwa tal-fehma li dan għandu jiġi kkunsidrat waqt ir-reviżjoni tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, speċjalment fil-kuntest tal-pjanijiet għal kummerċ sekondarju tas-slots u l-introduzzjoni gradwali ta' mekkaniżmi oħra tas-suq, inkluż il-kummerċ primarju, li jista' jirriżulta fil-qtugħ tal-konnessjonijiet bejn l-ajruporti reġjonali u dawk prinċipali;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ razzjonali fir-rigward tar-regolazzjoni amministrattiva u legali tal-ġestjoni ta' slots fl-ajruporti reġjonali, li n-nuqqas tiegħu jista’ jxekkel in-netwerk; billi l-ajruporti prinċipali jinsabu viċin li jilħqu l-kapaċità massima tagħhom, jistieden lill-Kummissjoni telabora strateġija għall-allokazzjoni ta’ slots ta’ ajruporti reġjonali li kapaċi tattira kumpaniji tal-ajru ġodda, u tiffavorixxi l-kompetizzjoni, id-dekonġestjoni tal-ajruporti prinċipali u l-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali;

25.

Jiddispjaċih mill-fatt li l-ajruporti reġjonali li jinsabu ’l bogħod minn ċentri urbani ħafna drabi ma jkunux konnessi man-netwerk tat-trasport fuq l-art; jitlob lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-politiki intermodali tagħhom u biex jinvestu f'dawn il-konnessjonijiet intermodali strateġikament importanti, per eżempju konnessjonijiet man-netwerk tal-ferroviji, għax netwerk aħjar tal-ajruporti reġjonali ma' partijiet oħra tan-netwerk tat-trasport, inklużi ajruporti oħrajn, iwassal għal użu akbar tal-ajruporti reġjonali f’każ ta’ konġestjonjiet tal-kapaċità f’ajruporti ċentrali;

26.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta’ azzjoni deċiżiva biex tiżdied l-aċċessibbiltà tal-ajruporti reġjonali permezz ta’ komunikazzjoni xierqa maċ-ċentri urbani, inkluż permezz ta’ investimenti fl-infrastruttura tat-trasport, qed ixekkel l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni;

27.

Jinnota l-bżonn għal integrazzjoni aħjar bejn il-modi ta' transport; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta komunikazzjoni li tinkoraġġixxi lill-industrija biex tiżviluppa biljetti multimodali bejn is-settur ferrovjarju u dak tal-ajru; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li skemi ta' dan it-tip diġà qegħdin fis-seħħ f’ċerti Stati Membri u għalhekk iħeġġeġ lill-partijiet kollha jiskambjaw l-aħjar prattika f’dan il-qasam;

28.

Jinnota l-ħtieġa urġenti li tiġi żgurata l-kapaċita tal-ajruporti fl-Unjoni Ewropea sabiex ma tintilifx il-kompetittività, meta mqabbla ma' reġjuni oħra li qed jesperjenzaw tkabbir, u biex b’dan il-mod jiġi evitat iċ-ċaqliq ta’ traffiku lejn żoni fil-qrib; huwa tal-opinjoni li l-ajruporti reġjonali jistgħu jgħinu biex titnaqqas il-konġestjoni fl-ajruporti prinċipali tal-Ewropa u jippermettu li jżommu pożizzjoni ta’ tmexxija;

29.

Jemmen li l-pjanijiet għall-iżvilupp tan-netwerk tas-settur tal-ferroviji u tat-toroq għandhom iqisu l-lok tal-ajruporti, bil-għan li l-ajruporti jiġu inklużi fin-netwerks tat-trasport bl-art li qed jinbnew; jinnota l-ħtieġa għal żvilupp ta’ netwerks ta’ ajruporti reġjonali bbażat fuq konnessjonijiet integrati mal-ajruporti ewlenin biex il-mobilità tal-persuni titjieb u biex it-trasport tal-merkanzija jsir iżjed effiċjenti;

30.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li netwerk żviluppat sew ta’ ajruporti reġjonali jtejjeb ukoll is-sigurtà tal-passiġġieri, billi jiżgura, fost affarijiet oħra, li jkun disponibbli netwerk ta’ emerġenza jew ajruporti alternattivi f’każ ta’ deterjorament tat-temp jew ċirkustanzi oħra;

31.

Iqis li hu essenzjali li tiġi inkluża l-ispeċjalizzazzjoni tat-traffiku tal-merkanzija bħala element essenzjali fil-ġestjoni tal-mappa tal-ajruporti, u li jsir l-aħjar użu tal-infrastruttura disponibbli; jinnota li użu adegwat ta’ dan il-prinċipju, flimkien ma’ maniġġ adegwat tas-slots biex jitqassam it-traffiku tal-passiġġieri u tal-merkanzija, għandu jikkontribwixxi biex tiġi evitata s-saturazzjoni fl-ajruporti ewlenin; jenfasizza l-importanza li għandhom l-ajruporti reġjonali f’din l-istrateġija;

In-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)

32.

Iqis li hu essenzjali r-rwol tal-ajruporti reġjonali għall-koeżjoni territorjali, l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tar-reġjuni, speċjalment f’reġjuni fejn jeżisti nuqqas ta’ forom oħra tat-trasport; jitlob, għaldaqstant, li l-ajruporti reġjonali jitqiesu fil-politika futura tan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport; Barra minn hekk, jemmen bis-sħiħ li l-ajruporti reġjonali ewlenin bi traffiku konsistenti matul is-sena kollha li jagħtu kontribut dimostrabbli għall-iżvilupp ekonomiku, it-tiġdid industrijali u l-impjiegi ta’ reġjun għandhom ikunu inklużi fid-diskussjonijiet tal-ippjanar għan-Netwerk TEN-T, speċjalment dawk b'konnettività ta' volum għoli ma' pajjiżi terzi u mat-traffiku intra-Ewropew, u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-multimodalità tat-trasport fiż-żona kkonċernata u dawk l-ajruporti reġjonali li jistgħu jservu sabiex tittaffa l-konġestjoni;

33.

Jenfasizza li ajruporti reġjonali f’reġjuni transkonfinali u li jinsabu viċin xulxin għandhom juru kooperazzjoni u koordinazzjoni fl-użu tal-kapaċitajiet eżistenti, bħala prekondizzjoni għall-kofinanzjament tal-UE mill-fondi tat-TEN-T, il-fondi ta’ koeżjoni u l-fondi reġjonali;

34.

Jemmen li, bħala parti mit-TEN-T, l-ajruporti reġjonali jista’ jkollhom rwol prinċipali fil-ħolqien ta' Żona Komuni Ewropea tal-Avjazzjoni iktar wiesgħa li tkun tkopri biljun persuna fl-UE u fil-pajjiżi ġirien, b’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2011)0415);

35.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tatx attenzjoni lit-talba mill-Parlament u mill-Kunsill fl-Artikolu 10(4) tad-Deċiżjoni 884/2004/KE biex l-ajruporti reġjonali jkunu konnessi man-netwerk, speċjalment fid-dawl tal-ħtieġa li s-servizzi ta' trasport bl-ajru lejn ir-reġjuni tal-Ewropa jiġu żgurati flimkien mal-iżvilupp ta’ servizzi tal-ferrovija, minħabba li f'ċerti ċirkostanzi t-trasport bl-ajru jista' jkopri distanzi ikbar u jaqdi swieq iżgħar b'mod iktar effiċjenti f'dak li jirrigwarda ħin, spejjeż u l-impatt ambjentali; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza kbira li s-servizzi ferrovjarji – speċjalment dawk b’veloċità għolja u ta’ distanza twila – jiġu kkollegati mal-ajruporti;

36.

Jemmen li inklużjoni iktar wiesgħa ta' ajruporti fil-linji gwida l-ġodda tat-TEN-T tiffaċilita l-aċċess għall-iffinanzjar privat għal proġetti infrastrutturali tal-ajruporti, u tibgħat sinjal pożittiv lis-swieq kapitali; jitlob lill-Kummissjoni biex waqt ir-reviżjoni tagħha tat-TEN-T tirrikonoxxi l-konnessjoni vitali bejn is-servizzi tal-ajru reġjonali u r-riġenerazzjoni ekonomika;

Sigurtà

37.

Jinnota li l-ispejjeż involuti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta' sigurtà f'ajruporti reġjonali iżgħar huma proporzjonalment ogħla minn dawk ta' ajruporti prinċipali, li jibbenefikaw minn ekonomiji tal-iskala; jemmen, madankollu, li kwalunkwe proposta dwar il-finanzjament tal-miżuri tas-sigurtà m’għandhiex tgħawweġ il-kompetizzjoni bejn l-ajruporti jew gruppi ta’ ajruporti;

38.

Ifakkar li d-Direttiva dwar it-tariffi tal-ajruporti (4) tkopri biss ajruporti b'iktar minn 5 miljun passiġġier u/jew l-ikbar ajruport f'kull Stat Membru; jemmen li evalwazzjoni tal-impatt dwar ajruporti żgħar u medji għandha tkun parti integrali ta' kwalunkwe reviżjoni tad-direttivi rilevanti;

39.

Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jadotta pożizzjoni dwar it-tariffi ta' sigurtà tal-avjazzjoni u jemmen li miżuri ta' sigurtà iktar stretti għandhom jitħallsu mit-taxxi ġenerali mill-Istat Membru rispettiv, minħabba li s-sigurtà tal-avjazzjoni hija kwistjoni ta' sigurtà nazzjonali; jenfasizza li regoli simili għandhom jappliaw għall-mezzi ta' trasport l-oħra kollha sabiex tkun żgurata kompetizzjoni ġusta.

40.

Jirrikonoxxi l-bżonn ta’ tagħmir għall-iskrinjar affidabbli ta’ LAG (likwidi, sprejs u ġellijiet) li jiżgura probabbilità għolja ta' detezzjoni ta' firxa wiesgħa ta' splussivi likwidi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-konsegwenzi għall-ajruporti reġjonali tal-adeżjoni ma’ rekwiżiti futuri tal-iskrinjar għal LAGs;

41.

Jiġbed l-attenzjoni fuq l-impatt tar-regolamenti l-ġodda għall-ġarr tal-merkanzija bl-ajru, b'referenza speċifika għall-fatt li ħafna ajruporti reġjonali jiddependu fuq il-ġarr tal-merkanzija; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jistudjaw il-konsegwenzi ekonomiċi ta' dawn ir-regolamenti, bl-għan li jiżguraw li dawk li jġorru l-merkanzija ma joħorġux l-operazzjonijiet tagħhom barra mill-UE;

Trasparenza

42.

Jissuġġerixxi li l-kumpaniji għandhom joffru, lir-residenti kollha tal-Istati tal-UE kollha, għażla ta’ pagament permezz ta’ karta ta’ kreditu jew ta’ debitu li tkun bla ħlas, u barra minn hekk jirrakkomanda li karta bħal din m’għandux ikollha tariffi fix-xahar jew tariffi amministrattivi abbinati magħha, anke jekk tkun offruta minn kumpanija separata mil-linja tal-ajru, u li fejn il-linji tal-ajru għandhom maġġoranza kbira tal-passiġġieri tagħhom li jħallsu tariffa żejda relatata mal-pagament, din it-tariffa għandha tiġi pprojbita u meqjusa bħala tariffa li ma tistax tiġi evitata, u għalhekk għandha tkun inkluża bħala parti mill-prezz ewlieni;

43.

Jirrimarka li, filwaqt li fuq xi ajruplani l-ispazju għall-bagalji jista' jkun limitat, ma jeżistu l-ebda linji gwida komuni, għal titjiriet fl-UE, dwar id-daqs jew il-piż tal-bagalji li l-passiġġieri jġorru f’idhom; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-industrija sabiex tfassal limiti massimi komuni għar-restrizzjonijiet, minħabba li dan jagħti iktar ċertezza lill-passiġġieri waqt li jivvjaġġaw; jemmen li sabiex arranġament bħal dan jaħdem f’suq globali, l-ICAO trid tkun involuta f'dan il-proċess;

44.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li xi tariffi mitluba minn linji tal-ajru speċifiċi għal bagalji li jitpoġġew fl-istiva tal-ajruplan jidhru li huma għolja b’mod sproporzjonat, u jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-prattiki msemmija fil-Punt 13 u tal-politika dwar ipprezzar ġust u ċar, teżamina din il-prattika;

45.

Jissuġġerixxi li l-ammont debitabbli mil-linji tal-ajru għall-bagalji żejda u għall-bagalji b’piż żejjed, għandu jkollu limitu massimu;

Aċċessibbiltà

46.

Iħeġġeġ lill-kumpaniji li jiġġestixxu l-ajruporti reġjonali biex jagħmlu l-adattamenti strutturali meħtieġa bl-iskop li jakkomodaw persuni b’diżabilità, biex jagħtuhom lok li jaslu fiż-żoni differenti tal-ajruport mingħajr assistenza u biex ikunu jistgħu jużaw is-servizzi kollha mingħajr diffikultajiet;

47.

Jisħaq li l-ajruporti reġjonali, minħabba d-daqs żgħar tat-terminals tagħhom, il-fatt li huma kompatti u t-tip ta’ organizzazzjoni li għandhom, jirrappreżentaw valur miżjud għal passiġġieri b’mobilità mnaqqsa, passiġġieri li jivvjaġġaw bil-familja, eċċ.; jistieden lill-Kummissjoni, ajruporti u partijiet oħra involuti biex jieħu eżempju mid-disinn u l-kostruzzjoni ta’ terminals li huma iżjed aċċessibbli għall-passiġġieri, u li jilqgħuhom iżjed;

*

* *

48.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0250.

(3)  Liġi 1/2011 (tal-4 ta' Marzu 2011) li tistabbilixxi l-Programm tal-Istat għas-Sikurezza fl-Avjazzjoni Ċivili, li temenda l-Liġi 21/2003 dwar is-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (tas-7 ta' Lulju 2003).

(4)  Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar it-tariffi tal-ajruporti.


Top