Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE0476

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatti soċjali tal-leġislazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-governanza ekonomika” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 143, 22.5.2012, p. 23–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatti soċjali tal-leġislazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-governanza ekonomika” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 143/05

Relatur: is-Sinjura Gabriele BISCHOFF

Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-impatti soċjali tal-leġislazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-governanza ekonomika (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Jannar 2012.

Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’232 vot favur, 8 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-Ewropa jeħtieġ li titkellem b’vuċi waħda, taġixxi b’mod iktar rapidu u iktar ċert u ssegwi s-soluzzjonijiet it-tajba għal rispons konvinċenti lejn l-iktar kriżi serja tas-settur finanzjarju, tal-ekonomija u tal-fiduċja li qatt esperjenzat l-UE sa mill-bidu tagħha.

1.2   Il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-gvernijiet sabiex jirranġaw l-iżbalji li saru fil-bidu taż-żona tal-euro u sabiex joħolqu l-elementi għal struttura ġdida ta’ governanza ekonomika Ewropea. Dan pass importanti għax l-istrumenti u l-proċeduri eżistenti ma wasslux għat-tnaqqis mixtieq fid-dejn u fl-iżbilanċi makroekonomiċi. Madanakollu, l-istruttura l-ġdida tal-governanza ekonomika tal-Ewropa jeħtieġ li tħares id-drittijiet demokratiċi tal-Istati Membri tagħha u tal-parlamenti eletti b’mod ħieles tagħhom, kif ukoll l-awtonomija tal-imsieħba soċjali u l-libertà tagħhom li jwettqu negozjar kollettiv.

1.3   Il-governanza l-ġdida ser tpoġġi fuq quddiem il-politika ekonomika iżda ser tolqot prinċipalment l-istrutturi soċjali billi tisforza lill-Istati Membri, permezz tat-theddida ta’ sanzjonijiet (semi)awtomatiċi, li jwettqu ċerti riformi. Il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm konsolidazzjoni baġitarja intelliġenti u sostenibbli li tiżgura l-investimenti soċjali meħtieġa sabiex jiġi evitat in-nuqqas ta’ simmetrija soċjali.

1.4   Uħud mill-miżuri ta’ awsterità li ġà ġew implimentanti jew li huwa pjanat li jiġu implimentati, ser ikollhom konsegwenzi negattivi pereżempju fuq il-persuni u l-intrapriżi jekk jonqos l-għoti ta’ servizzi soċjali jew jonqsu l-miżuri fil-qasam tal-politika tas-suq tax-xogħol għall-gruppi vulnerabbli u tiġi eliminata l-infrastruttura soċjali neċessarja bħal pereżempju s-servizzi tal-kura tat-tfal jew tat-taħriġ. Dan ser ikollu riperkussjonijiet negattivi fuq l-aċċess għas-servizzi u l-kwalità tagħhom u b’hekk tkun qed tiġi mhedda b’mod serju l-kwalità tal-ħajja tal-gruppi vulnerabbli.

1.5   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-kunflitti intrinsiċi bejn l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-governanza ekonomika tal-Ewropa. L-implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew u tas-“six-pack” m’għandhiex tikkomprometti l-għanijiet, bħat-tnaqqis tal-faqar, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-miżuri kollha għandhom jiġu eżaminati biex jiġi determinat jekk dawn iżidux il-faqar.

1.6   Il-KESE jafferma li huwa importanti ħafna li jiġu evalwati l-konsegwenzi soċjali tal-leġislazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-governanza ekonomika u jitlob b’mod partikolari:

1)

“patt dwar l-investiment soċjali”

2)

l-involviment f’waqtu u sħiħ tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili, b’mod speċjali l-imsieħba soċjali minħabba d-dmirijiet u l-kompetenzi speċifiċi tagħhom, fil-miżuri kollha;

3)

it-twaqqif ta’ konvenzjoni li taħdem fuq strateġija li tiżgura l-progress soċjali fil-bidliet li mistennija jsiru fit-Trattat;

4)

il-ħolqien ta’ “pjan ta’ salvataġġ soċjali” permezz ta’ “governanza soċjali” ekwivalenti;

5)

l-iżgurar u l-appoġġ tan-negozjar kollettiv tal-imsieħba soċjali;

6)

il-ftuħ ta’ sorsi ġodda ta’ dħul li jsaħħu l-baġits pubbliċi;

7)

iż-żieda fl-effiċjenza fil-qasam kif ukoll il-pertinenza fejn jidħol l-infiq pubbliku u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa.

2.   Struttura ġdida biex tingħeleb il-kriżi

2.1   It-Trattat ta’ Lisbona saħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, ħoloq l-ekonomija soċjali tas-suq bħala l-għan, stabbilixxa d-drittijiet soċjali fundamentali bħala legalment vinkolanti u ħoloq l-obbligu li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt għall-proġetti u l-inizjattivi kollha tal-UE. Il-KESE ilu żmien jisħaq li l-ekonomija soċjali tas-suq fl-Ewropa għandha tgħaqqad il-kompetittività mal-ġustizzja soċjali. Ma hemm l-ebda kunflitt bejn ekonomija dinamika u progress soċjali. Għall-kuntrarju, dawn iż-żewġ elementi huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin (1).

2.2   Il-KESE laqa’ l-fatt li fl-Istrateġija l-ġdida Ewropa 2020, l-UE qablet li toħloq tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

2.3   L-Unjoni Ewropea bħalissa tinsab fl-iktar kriżi serja li qatt esperjenzat sa minn twelidha. F’ħafna pajjiżi, il-kriżi finanzjarja ħadet ix-xejra ta’ kriżi kbira fl-ekonomija, fid-dejn u fis-soċjetà. Barra minn hekk għandna wkoll kriżi ta’ azzjoni u ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej. L-Ewropa jeħtieġ li titkellem b’vuċi waħda, taġixxi b’mod iktar rapidu u ċert u ssegwi s-soluzzjonijiet it-tajba.

2.3.1   Il-programmi ta’ awsterità u l-pjani ta’ salvataġġ jinsabu fiċ-ċentru tal-attenzjoni filwaqt li l-miżuri li hemm bżonn għal titjib fil-governanza ekonomika u għal iktar tkabbir għadhom frammentati u ftit li xejn trasparenti u ma hemm l-ebda ħjiel ta’ dibattitu dwar l-aspetti pożittivi u negattivi ta’ integrazzjoni iktar mill-qrib ta’ dawn l-aspetti.

2.3.2   Qed ikompli jiżdied it-tħassib ġenerali dwar il-possibbiltà li din il-kriżi ta’ fiduċja tiżviluppa fi kriżi fid-demokrazija, b’mod partikolari minħabba l-biża’ mis-sanzjonijiet. Il-KESE jenfasizza li l-parlamenti nazzjonali eletti mill-poplu għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu b’mod ħieles dwar il-baġits u l-istruttura tal-gvernijiet tagħhom skont il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tagħhom.

2.3.3   Il-KESE diġà enfasizza f’bosta opinjonijiet tiegħu li din il-kriżi hija eżami kbir għall-Ewropa. Il-politika tal-awsterità qed tiġġenera problemi soċjali f’bosta pajjiżi u qed twassal għal sentimenti anti-Ewropej u/jew nazzjonalisti.

2.4   Ir-reazzjoni tal-politika tal-UE u tal-gvernijiet nazzjonali għal dik li qed tissejjaħ kriżi fid-dejn, li fost affarijiet oħra ġejja minn nuqqas kbir ta’ regolazzjoni tas-swieq finanzjarji li rriżulta minn kriżi finanzjarja matul dawn l-aħħar snin, ħadet il-forma tal-impożizzjoni ta’ programmi ta’ awsterità li permezz tagħhom il-gvernijiet fittxew li jikkalmaw is-swieq finanzjarji. Il-Kumitat bosta drabi laqa’ l-fatt li minkejja reżistenza minn bosta bnadi, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjari u l-bonds ta’ stabbiltà (2).

2.5   Fl-istess waqt saru sforzi sabiex jiġu kkoreġuti l-iżbalji li saru fil-bidu taż-żona tal-euro u biex jiġu stabbiliti elementi għal struttura ġdida ta’ governanza ekonomika Ewropea. Fil-futur dan għandu jwassal għal koordinazzjoni aħjar tal-politika tal-ekonomija, għal politika u kontroll tal-baġit iktar stretti u għat-tisħiħ tal-kompetittività (3). Fil-ħarifa 2011, il-Parlament Ewropew adotta ħames regolamenti u diretttiva li jirriformaw il-governanza ekonomika Ewropea (magħrufa bħala s-six-pack).

2.5.1   Dan is-six-pack għall-governanza ekonomika huwa bbażat fuq tliet pilastri:

It-tisħiħ tal-Patt attwali ta’ Stabbiltà u Tkabbir – Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tipprovdi regoli addizzjonali u iktar stretti sabiex jitnaqqas id-defiċit pubbliku u d-dejn pubbliku u titlob lill-Istati Membri li matul l-20 sena li ġejjin iġibu l-livelli attwali ta’ dejn tagħhom għal-limitu ta’ 60 % stabbilit fit-Trattat ta’ Maastricht, irrispettivament miċ-ċirkustanzi taċ-ċiklu kummerċjali. Dan huwa pass proċikliku u jista’ jkollu effett ħażin fuq it-tkabbir u l-impjieg.

It-twaqqif ta’ “proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv” – Dan hu proċess ta’ politika kompletament ġdid li ser jitwettaq fil-livell Ewropew. L-għan tal-proċedura huwa li tidentifika u tikkoreġi l-iżbilanċi makroekonomiċi li jistgħu jheddu l-istabbiltà tal-munita unika.

L-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u tal-“proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv” permezz ta’ sanzjonijiet li verament jinħassu: rakkomandazzjonijiet tal-UE għat-titjib tad-deċiżjonijiet ta’ politika li jittieħdu fil-livell nazzjonali ilhom jeżistu minn meta ġie ffirmat it-Trattat ta’ Maastricht. L-element ġdid, madanakollu, huwa l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet issa ser ikunu akkumpanjati minn sanzjonijiet kważi awtomatiċi fuq l-Istati Membri taż-żona tal-euro. Dan qed isir bl-introduzzjoni ta’ “votazzjoni ta’ maġġoranza bil-maqlub”, sors ta’ tħassib peress li hija proċedura kompletament ġdida li sa issa mhix koperta mit-Trattat. Fi ftit kliem, il-proposta tal-Kummissjoni li timponi sanzjonijiet annwali ta’ minn 0,1 sa 0,2 % tal-PDG tal-Istati Membri li ma jsegwux ir-rakkomandazzjonijiet tagħha ser tiġi adottata sakemm il-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi ma jivvotax kontriha b’maġġoranza kwalifikata fi żmien għaxar t’ijiem. Dan jintroduċi livell għoli ta’ awtomatiċità fil-proċess tas-sanzjonijiet u jisforza lill-Istati Membri biex iqisu b’mod serju r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika li joħorġu fil-livell Ewropew.

2.5.2   Fit-23 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni żiedet żewġ regolamenti ġodda fis-six-pack: l-ewwel wieħed iżid is-sorveljanza tal-Istati Membri li għandhom problemi serji ta’ stabbiltà finanzjarja, it-tieni jinvolvi l-monitoraġġ u l-korrezzjonijiet tal-abbozz tal-pjani baġitarji tal-Istati Membri. L-ewwel wieħed ser iwessa’, isaħħaħ u jtejjeb ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika speċifiċi għall-pajjiżi fi programm ta’ aġġustament makroekonomiku. Jekk dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma jiġux rispettati ser ikun hemm aġġustament tal-ħlas li jingħata mill-fondi strutturali u soċjali tal-UE. It-tieni wieħed iżid is-setgħa tal-Kummissjoni fis-superviżjoni tal-proċeduri baġitarji nazzjonali u jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli numeriċi vinkolanti dwar id-defiċit baġitarju. Iż-żewġ regolamenti ser iżidu l-pressjoni u jsaħħu l-proċikliċità interna b’konsegwenzi li nafu x’inhuma.

2.5.3   L-hekk imsejjaħ Semestru Ewropew, li jkun mifrux fuq perjodu ta’ sitt xhur fis-sena, inħoloq sabiex jiġu evitati talbiet baġitarji kontradittorji mill-Istati Membri u sabiex tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. B’hekk għandu jiġi żgurat li l-Istati Membri jqisu l-għanijiet prinċipali tal-UE fiż-żmien opportun fl-ippjanar baġitarju tagħhom u qabel ma ssir il-votazzjoni dwar il-baġit tas-sena ta’ wara fil-parlamenti nazzjonali. Il-governanza l-ġdida ser tpoġġi fuq quddiem il-politika ekonomika iżda ser tolqot prinċipalment is-sistemi soċjali billi tisforza lill-Istati Membri, permezz tat-theddida ta’ sanzjonijiet (semi)awtomatiċi, li jwettqu ċerti riformi.

3.   L-impatti soċjali tar-regoli l-ġodda

3.1   Fir-raba’ sena tal-kriżi ekonomika u soċjali, il-prospetti ekonomiċi u tal-impjieg fl-Ewropa qed ikomplu jiddeterjoraw. 23 miljun persuna huma qiegħda u, skont l-aħħar statistiċi (4) dwar il-qgħad, f’Settembru 2011 il-qgħad fl-UE 27 u ż-żona tal-euro kien 9,7 % u 10,2 % rispettivament. Dan jindika żieda meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ żdiedet minn 15,5 % għal 21,4 % bejn l-2008 u l-2011, filwaqt li l-inattività żdiedet minn 55,6 % għal 56,9 %. Fil-Greċja u Spanja kważi żagħżugħ wieħed minn kull tnejn jinsab mingħajr xogħol (5). Dan jirrappreżenta iktar minn ħames miljun żagħżugħ li la għandhom impjieg u lanqas mhuma qed isegwu xi tip ta’ taħriġ. Iż-żieda ta’ 1.5 miljun fl-impjiegi sa nofs l-2011 għal 1,5 miljun ftit li xejn taffiet it-telf kbir ta’ matul il-kriżi meta ntilfu sitt miljun impjieg. Iż-żieda fl-impjieg ġejja prinċipalment minn żieda fil-kuntratti temporanji u impjieg part-time.

3.2   Barra minn hekk it-tbassir ekonomiku juri li r-rati ta’ tkabbir mistennija jkomplu neżlin u l-Kummissjoni Ewropea fir-rapport ta’ tbassir tal-ħarifa li ppubblikat reċentement għall-2011-2013 qalet li “l-irkupru tal-ekonomija tal-UE waqaf” u mhux mistenni jitjieb f’dawn il-livelli ta’ qgħad (6)

3.3   Il-kriżi bankarja dinjija mill-2007-2009 wasslet naturalment għall-kriżi attwali tad-dejn sovran għax il-gvernijiet poġġew riżorsi konsiderevoli biex isalvaw il-banek u għall-garanziji statali li jżommu s-sistema monetarja fil-wiċċ. Sussegwentement, il-livelli medji ta’ dejn żdiedu minn 60 għal 80 % tal-PDG u b’hekk tnaqqas b’mod konsiderevoli l-flessibbiltà biex ikunu jistgħu jaħdmu l-istabilizzanti atwomatiċi u l-politiki kontraċikliċi oħra. Dan ifisser li s-suq tax-xogħol u l-politiki soċjali ser iġorru l-piż tal-aġġustament. Fost l-inizjattivi ta’ politika Ewropej, il-punt komuni hu li l-pagi ser isiru strument prinċipali ta’ aġġustament billi jsir rikors għat-tnaqqis u d-diflazzjoni tagħhom.

3.4   Il-Kumitat jemmen li dan l-iżvilupp jista’ jkollu konsegwenzi perikolużi kemm fuq il-benesseri tal-ekonomija ġenerali kif ukoll fuq in-nisġa soċjali tal-Ewropa. Kif enfasizza l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali fir-rapport tiegħu dwar l-impatti soċjali tal-kriżi ekonomika, il-miżuri ta’ awsterità li ġà ġew implimentati jew li huwa pjanat li jiġu implimentati ser ikollhom impatt fuq l-inklużjoni soċjali għax ser jirriżultaw fi qtugħ tas-servizzi u l-offerti għall-gruppi vulnerabbli pereżempju l-persuni b’diżabilità. Dan ser ikollu impatt negattiv fuq l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u l-kwalità tagħhom b’konsegwenzi negattivi għall-persuni u l-intrapriżi (7). Ir-rati għoljin ta’ interess jagħmluha kważi impossibbli għall-Istati Membri li jnaqqsu d-defiċit baġitarju u d-dejn nazzjonali tagħhom. Il-Greċja, pereżempju, ilha b’eċċess primarju fil-baġit statali mir-rebbiegħa tal-2011, iżda d-defiċit qed ikompli jiżdied minħabba l-piż ta’ rati ta’ interess inaċċettabbli.

3.5   Il-miżuri ta’ awsterità li jheddu l-investimenti soċjali li hemm bżonn ser ikomplu jwasslu għat-triq tan-niżla. Mingħajr sorsi ġodda ta’ tkabbir, it-tnaqqis fl-infiq iġib miegħu żviluppi negattivi fid-dħul tal-baġits, bħal tnaqqis fid-dħul mit-taxxi u żieda fl-ispiża soċjali tal-benefiċċi tal-qgħad. Id-defiċits baġitarji mistennija jkomplu jiżdiedu b’effetti potenzjali diżastrużi fuq is-swieq finanzjarji, li jsegwu mill-qrib it-tendenzi fl-Istati Membri kollha.

3.5.1   Barra minn hekk, il-miżuri ta’ awsterità li jnaqqsu d-domanda finali fi Stat Membru wieħed jista’ jkollhom effetti diżastrużi f’pajjiżi oħra u dan iwassal għat-triq tan-niżla. Dan jista’ jseħħ jew fil-katina ta’ valur miżjud fis-suq uniku jew fil-katina kummerċjali tal-prodotti finali. Is-soluzzjoni li jiġu implimentati bosta programmi simultanji ta’ awsterità f’bosta pajjiżi ser tkompli tixħet dawl ikrah fuq il-prospetti koroh tat-tkabbir u tista’ toħloq ċirku vizzjuż ta’ inċertezza għall-investiment, inkluż l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-impjieg u l-konsum.

3.6   Fil-fehma tal-KESE, it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-governanza tal-UE għandhom jinkludu eżaminazzjoni mill-qrib ta’ jekk l-iżviluppi ekonomiċi negattivi fl-Istati Membri u r-reġjuni humiex marbuta u sa liema punt mal-iżbilanċi fis-suq, il-proċessi ta’ konċentrazzjoni tas-suq u l-abbuż tas-suq minn gruppi kummerċjali kbar. Il-Kumitat iħoss li miżuri effettivi kontra dan, pereżempju miżuri koordinati ta’ taxxa politika, għandhom jittieħdu fil-livelli kollha u jiġu inklużi fil-miżuri ta’ konsolidazzjoni. Dan għandu jtejjeb il-kompetittività tal-SMEs u fl-istess waqt dik tal-produzzjoni industrijali orjentata lejn l-esportazzjoni u għandu jiġi akkumpanjat mill-miżuri strutturali meħtieġa biex jiżguraw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjieg.

3.7   Il-Kumitat jiddispaċih li l-proċessi ta’ politika relatati kollha huma bbażati fuq nuqqas ta’ simetrija u jintroduċu preferenza strutturali: ittra tal-Kummissarju Olli Rehn tesprimi l-fehma tal-Kummissjoni dwar l-iżbilanċi fiż-żona tal-euro u tidentifika l-problemi li jista’ jikkawża defiċits esterni kbar filwaqt li tqis li bilanċ eċċessiv fuq il-kont kurrenti mhuwiex problema għall-koeżjoni tal-munita unika (8). Definizzjoni ġdida tat-termini tal-pożizzjonijiet kompetittivi timplika li l-problema tinsab fost dawk li qed jidħlu f’dejn sabiex jiffinanzjaw id-defiċit estern filwaqt li l-pajjiżi li qed jirreġistraw bilanċi eċċessivi huma mħeġġa li jkomplu jagħmlu dan.

3.8   Fit-tabella tagħha tal-iżbilanċi makroekonomiċi, il-Kummissjoni qed tiddefinixxi l-indikaturi b’tali mod li l-iżviluppi dinamiċi fejn jidħlu l-pagi fis-setturi ekonomiċi differenti huma immedjatament indikati u skrutinizzati filwaqt li l-Istati Membri li jidħlu għal strateġija ta’ staġnar tal-pagi sempliċiment jiġu injorati. L-idea hija wkoll li jsir tqabbil “relattiv” fejn l-iżviluppi fl-ispiża tal-pagi jiġu mqabbla mal-kompetituri prinċipali. Dan it-tip ta’ tqabbil huwa meħtieġ biex jingħaraf l-iżvilupp diverġenti tal-kompetittività iżda m’għandux iwassal biex iż-żieda fil-pagi titqies awtomatikament bħala negattiva u l-pagi baxxi jew l-iffissar ta’ pagi baxxi bħala awtomatikament pożittiva. Minflok, l-iżvilupp tal-produttività u l-inflazzjoni għandhom jintużaw biex jorjentaw iż-żieda fil-pagi u s-salarji.

3.9   Il-Kumitat jesprimi b’mod partikolari t-tħassib tiegħu li l-gvernijiet impenjaw ruħhom favur miżuri u mġiba li mhumiex kapaċi jlaħħqu magħhom u li huma barra mill-ambitu ta’ influwenza tagħhom. Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi għandu mekkaniżmu ta’ allarm bikri li l-parti prinċipali tiegħu hi tabella ta’ indikaturi (Art. 3). Dawn l-indikaturi jiddeskrivu kemm il-limiti minimi kif ukoll massimi tal-iżbilanċi makroekonomiċi interni u esterni li mistennija jniedu l-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv. Dawn l-indikaturi jaġixxu b’mod negattiv fuq il-kost ta’ unità lavorattiva minkejja l-fatt li dan ġej primarjament minn negozjar kollettiv awtonomu fost l-imsieħba soċjali u ma jaqax taħt il-politika ekonomika statali.

3.10   Il-Kumitat għalhekk jemmen li l-imsieħba soċjali għandu jkollhom parti fl-implimentazzjoni tar-Regolament kemm fil-livell taż-żona tal-euro kif ukoll fil-livell nazzjonali. Il-Kumitat jenfasizza li tkun xi tkun il-forma li tieħu l-istituzzjonalizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni, l-awtonomija tal-imsieħba soċjali m’għandhiex tiġi mhedda u l-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ. Barra minn hekk, l-osservazzjoni tal-għanijiet ġenerali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-progress soċjali u l-avvanz fl-armonizzazzjoni tal-politika soċjali tal-UE, għandhom ikunu parti essenzjali minnha u għandhom jitqiesu d-drittijiet soċjali fundamentali li jirriżultaw mill-Karta tad-Drittijiet Fundamental tal-UE (Art. 51 (1)).

3.11   Fi żminijiet ta’ diffikultà u bidla ekonomika u soċjali huwa importanti li l-organizzazzjonijiet soċjali jiġu inklużi fil-proċessi kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ governanza u konsolidazzjoni. Dawn jagħtu kontribut ta’ valur fl-oqsma tat-taħriġ u l-prevenzjoni, l-impjieg u l-paċi soċjali mibnija fuq rispett lejn id-dinjità tal-bniedem u s-solidarjetà soċjali.

4.   L-impatt soċjali tal-azzjonijiet fl-Istati Membri

4.1   Il-KESE jinsab imħasseb bil-kbir dwar il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi attwali, liema konsegwenzi issa huma viżibbli b’mod ċar f’bosta Stati Membri u jirrakkomanda li r-riformi strutturali li jsiru jippromovu t-tkabbir u l-impjieg. L-iżgurar u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-impjegati u d-drittijiet soċjali fundamentali ser ikollhom impatt pożittiv fuq il-produttività ekonomika ġenerali. Jeħtieġ li bħala prinċipju jiġi żgurat li l-gvernijiet għandhom id-dħul mit-taxxi li jirrikjedu sabiex joperaw tajjeb u li l-evażjoni tat-taxxa tiġi eradikata b’mod sħiħ.

4.1.1   Il-KESE jinnota bi tħassib li qed jiżdiedu d-differenzi nazzjonali u reġjonali. Dawn jheddu bil-kbir l-integrazzjoni Ewropea għax għall-ewwel darba qed inaqqsu b’mod sinifikanti l-koeżjoni ekonomika u soċjali li teżisti fl-Unjoni. Fil-passat, żieda fid-disparitajiet soċjali u ekonomiċi dejjem kienet temporanja u marbuta mal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda.

4.2   Fir-rapport tiegħu “L-impatt soċjali tal-kriżi”, il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali kkonkluda li l-qagħda soċjali ta’ parti kbira mill-popolazzjoni, b’mod partikolari taż-żgħażagħ, il-ħaddiema b’kuntratti temporanji u l-immigranti ddeterjorat minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika, u fl-Istati Membri l-qiegħda huma wieħed mill-gruppi li jinsabu fl-iktar riskju ta’ faqar (9). Il-problemi soċjali u l-protesti fil-Greċja, Spanja u bosta Stati Membri oħra huma riżultati ta’ dan.

4.3   Anki l-isħarriġ reċenti tal-Eurostat 2011 juri li ċ-ċittadini tal-UE huma mħassba dwar dan u jinnota li l-faqar qed ikompli jiżdied:

Maġġoranza kbira u li qed tkompli tikber tal-Ewropej huma tal-fehma li l-faqar ser ikompli jiżdied. Meta ġew mistoqsija jekk il-faqar żdiedx jew naqasx matul dawn l-aħħar tliet snin, 87 % tal-Ewropej kollha rrispondew li l-faqar żdied. Il-fehma li l-faqar żdied matul dawn l-aħħar tliet snin hija iktar b’saħħitha issa milli kienet fil-ħarifa 2010. Huma biss 22 % tal-persuni fl-Ewropa li jemmnu li qed issir biżżejjed kontra l-faqar (10).

4.4   Il-KESE jinsab ferm inkwetat li b’riżultat tal-konsegwenzi soċjali tal-ġestjoni tal-kriżi, l-Ewropa ser tkompli tinqasam u b’hekk titlef l-appoġġ tal-poplu. Jeħtieġ li l-Ewropa tirbaħ lura l-fiduċja taċ-ċittadini tagħha.

4.5   Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jsir kollox sabiex jiġi żgurat li l-miżuri ta’ awsterità ma jżidux ir-riskju tal-faqar. Jeħtieġ li ssir valutazzjoni effettiva tal-impatt soċjali li tanalizza jekk l-għan li matul dawn l-għaxar snin li ġejjin jiġu megħjuna mill-inqas 20 miljun ruħ sabiex joħorġu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali għadux jista’ jintlaħaq fid-dawl taċ-ċirkustanzi l-ġodda u x’miżuri jkun jirrikjedi dan. Iż-żieda fil-faqar għandha wkoll l-antiteżi tagħha li tieħu l-forma ta’ żieda fil-ġid u l-profitti, li f’ċerti Stati Membri tiġi appoġġjata minn strateġiji fiskali u baġitarji inadegwati. L-istruttura tal-governanza ekonomika Ewropea u l-implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew m’għandhomx iwasslu għal sitwazzjoni fejn ma tintlaħaqx il-mira tat-tnaqqis tal-faqar stabbilita fl-Istrateġija ġenerali Ewropa 2020.

5.   Il-bżonn ta’ valutazzjonijiet komprensivi tal-impatt soċjali

5.1   Fl-2011 il-KESE ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-klawżola soċjali orizzontali (HSC, Artikolu 9, TFUE) ġabet magħha innovazzjoni fundamentali li tobbliga lill-UE fl-implimentazzjoni tal-politiki tagħha (11).

5.2   B’rabta ma’ dan il-KESE diġà ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-HSC għandha tiġi applikata fl-oqsma l-kbar u l-istruttura kollha tal-governanza soċjali u ekonomika fil-livell tal-UE fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, li l-Kunsill Ewropew laħaq ftehim dwarha fl-2010 (12). Dan jiġbor fih ukoll kemm is-Semsestru Ewropew u s-six-pack kif ukoll il-Patt Euro Plus u l-pjani ta’ salvataġġ.

5.3   Il-KESE jisħaq li l-miżuri ta’ kontra l-kriżi fl-ebda każ m’għandhom iwasslu għal ksur tad-drittijiet garantiti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Jeħtieġ li jiġi stabbiliti ukoll liema miżuri jeħtieġ li jittieħdu fi żmien sena sabiex jiggarantixxu dawn id-drittijiet fundamentali (13).

5.4   Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u l-Kummissjoni Ewropea flimkien ikkritikaw il-fatt li s’issa ftit kienu l-Istati Membri li wettqu valutazzjoni tal-konsegwenzi soċjali tal-miżuri għat-tisħiħ tal-baġit (14).

5.5   Il-KESE jisħaq li l-valutazzjonijiet tal-konsegwenzi soċjali tal-leġislazzjoni l-ġdida tal-governanza ekonomika huma importanti ħafna. L-UE ħadet l-impenn li tippromovi l-inklużjoni soċjali u dan l-impenn ma rabtitux biss ma’ għanijiet kwantitattivi iżda ankratu fit-Trattat billi rabtitu anki ma’ drittijiet soċjali fundamentali. Dan jolqot direttament il-kwalità tal-ħajja tal-persuni u jeħtieġ li jiġi kkunsidrat u preżentat f’termini kwalitattivi u kwantitattivi fil-valutazzjoni tal-impatt. Dwar il-leġislazzjoni proposta saru biss valutazzjonijiet tal-impatt sporadiċi fejn l-impatt soċjali ħafna drabi ġie kkunsidrat biss b’mod limitat u barra minn hekk ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet ħafna drabi ma ġewx ikkunsidrati (15).

6.   L-Ewropa teħtieġ patt dwar l-investiment soċjali

6.1   Fid-dawl tal-fatt li s’issa għadha mhix magħrufa n-natura tal-atti diretti u indiretti ta’ interferenza fid-drittijiet soċjali, l-istrutturi u l-acquis soċjali, hemm bżonn ta’ kunċett ġenerali abbażi tal-valutazzjonijiet soċjali komprensivi u indipendenti li jorbot u jsaħħaħ dawn l-elementi:

6.1.1   Parteċipazzjoni f’waqtha u komprensiva tal-imsieħba soċjali fil-miżuri kollha

6.1.1.1

Il-miżuri kollha li ttieħdu u li huma pjanati għall-ġejjieni għandhom jiġu implimentati biss wara konsultazzjoni sħiħa mal-imsieħba soċjali. Dan huwa evidenti fl-Artikolu 152 TFUE. Dan jgħodd b’mod partikolari wkoll għall-miżuri ta’ awsterità li ġew preżentati bħala sempliċiment aġġustamenti purament ekonomiċi u baġitarji li madanakollu jimmiraw li jiddeterjoraw il-qasam soċjali. Bħala eżempju tal-parteċipazzjoni bżonjuża tal-imsieħba soċjali nistgħu nsemmu t-twaqqif tat-task force tal-UE għall-Greċja. Barra minn hekk l-organizzazzjonijiet soċjali u l-NGOs għandhom jipparteċipaw fil-miżuri fiż-żmien stabbilit u b’mod sħiħ.

6.1.2   “Patt dwar l-investiment soċjali”

6.1.2.1

B’mod ġenerali l-KESE huwa tal-fehma li mhuwiex possibbli li noħorġu minn kriżi bħal din billi jsir kif sar fil-Greċja u fi Stati Membri oħra, jiġifieri billi nwarrbu l-flus, iżda għall-kuntrarju billi nikbru minnha. Fil-qafas tal-governanza ekonomika, il-KESE jissuġġerixxi għalhekk li jsiru invsestimenti sostenibbli fil-kwalifiki, l-infrastruttura u l-produzzjoni u investimenti fl-ekonomija soċjali, l-intrapriża soċjali (16) u s-servizzi soċjali.

6.1.2.2

Dan ser jitwettaq permezz ta’ patt dwar l-investiment soċjali. Il-KESE għalhekk huwa favur it-talba identika ta’ Vandenbroucke, Hemerijk u Palier. Huwa jqis li l-kompitu prinċipali ta’ dan għandu jkun li, fil-livell tal-UE kif ukoll fl-Istati Membri, jingħata appoġġ reċiproku għal investiment soċjali fuq perjodu twil u għal miżuri għat-tisħiħ baġitarju fuq perjodu qasir. L-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 jistgħu jservu ta’ qafas għal dan. Il-prerekwiżit għal dan huwa li l-patt dwar l-investiment soċjali tal-UE jkun ankrat fil-politika baġitarja orjentata lejn it-tkabbir u r-regoli finanzjarji. Dan jimplika li l-monitoraġġ makroekonomiku u baġitarju ġdid irid jiġi akkumpanjat minn patt dwar l-investiment soċjali (17).

Il-Kumitat jinsab inkwetat ħafna dwar l-impatt soċjali li ser ikun hemm meta fil-qafas tal-miżuri kontra l-kriżi jinqatgħu b’mod partikolari l-pensjonijiet iż-żgħar. Huwa jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu l-ewwel passi biex tiżviluppa definizzjoni adegwata tal-pensjonijiet fil-livell tal-UE (18).

6.1.3   Il-ħolqien ta’ sorsi ġodda ta’ dħul għall-baġits pubbliċi

6.1.3.1

Il-baġits pubbliċi ma jistgħux jintużaw għal kollox, minn salvataġġ finanzjarju, żieda fin-nefqa fil-qasam tal-benefiċċji soċjali, investimenti innovattivi għall-appoġġ tal-intrapriżi. Huwa essenzjali għall-gvern li jsib sorsi ġodda ta’ dħul. Dan irid jiġi akkumpanjat minn żieda fl-effiċjenza u l-pertinenza tal-infiq pubbliku. Il-KESE huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-bażi għat-taxxa tal-Istati Membri tirrikjedi fost elementi oħra l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, l-eliminazzjoni tar-rifuġji fiskali, it-tneħħija tal-kompetizzjoni fiskali u miżuri kontra l-evażjoni tat-taxxa. Fl-istess waqt jeħtieġ li l-kwalità tal-investimenti titpoġġa iktar fiċ-ċentru billi l-Istati Membri jieħdu impenn favur l-investiment soċjali u jsaħħu l-baġits tagħhom permezz tat-tkabbir u r-riforma. Barra minn hekk, hemm bżonn li ssir reviżjoni ġenerali tas-sistemi fiskali, b’attenzjoni mistħoqqa għall-kwistjoni tal-kontributi tat-tipi differenti ta’ dħul u patrimonju (19).

6.1.4   Il-ħolqien ta’ “pjani ta’ salvataġġ soċjali” permezz ta’ “governanza soċjali” ekwivalenti

6.1.4.1

Mingħajr “pjani ta’ salvataġġ soċjali” (Jean-Claude Juncker) l-istruttura tal-UE mhux ser tkun kompleta u l-Ewropa ser tmur pass lura. L-Ewropa ser ikollha tmur lura għal stat ta’ unjoni ekonomika u baġitarja, stat lil hinn mill-impenn favur ekonomija soċjali tas-suq. Il-KESE jwissi kontra dan il-pass.

6.1.4.2

Il-KESE jsejjaħ għal azzjoni statali responsabbli fil-forma ta’ governanza ekonomika u soċjali. Il-konsolidazzjoni fuq perjodu qasir għandha tintrabat b’mod iktar b’saħħtu mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 li ssaħħaħ it-tkabbir intelliġenti, il-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali.

6.1.4.3

Barra minn hekk l-UE għandha tkompli tiżgura li l-miżuri ta’ politika ekonomiċi u baġitarji li jittieħdu jikkonformaw b’mod sħiħ mal-għanijiet soċjali stabbiliti fil-liġi primarja u mad-drittijiet soċjali fundamentali inkluż b’mod partikolari d-dritt tan-negozjar kollettiv u li jitwettaq strajk u li l-acquis soċjali ma jmurx għall-agħar.

6.1.5   Konvenzjoni għal strateġija li tiżgura l-progress soċjali fil-bidliet li mistennija jsiru fit-Trattat

6.1.5.1

Il-KESE jinsisti li għandha tiġi organizzata konvenzjoni. Fid-dawl tal-ammont ta’ emendi fuq it-Trattat li jinsabu fuq l-aġenda hemm bżonn kemm ta’ dibattitu mifrux kif ukoll ta’ leġittimazzjoni demokratika. Hekk kif sar fil-każ tal-aħħar konvenzjoni, il-parlamenti nazzjonali, il-Parlament Ewropew, l-imsieħba soċjali u l-KESE ser jieħdu sehem. Fir-rapport interim u l-pjan direzzjonali jeħtieġ li jiġi żgurat li l-emendi fuq it-Trattat jiġu akkumpanjati mid-dispożizzjonijiet soċjali ekwivalenti u li r-riżultat jiġi inkluż fir-rapport mistenni li jiġi ppubblikat f’Marzu dwar l-implimentazzjoni tal-azzjoni li fuqha ntlaħaq ftehim.

6.1.6   Il-garanzija u l-promozzjoni tal-libertà tan-negozjar kollettiv tal-imsieħba soċjali

6.1.6.1

Il-KESE jisħaq fuq il-pożizzjoni tiegħu li l-obbligi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali japplikaw għall-korpi u l-istituzzjonijiet tal-UE kollha u li għalhekk ir-restrizzjonijiet fuq in-negozjar kollettiv assolutament mhumiex aċċettabbli. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li tieħu azzjoni immedjata f’dan ir-rigward. Hija m’għandha fl-ebda każ tagħti rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri li jimplikaw ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għall-kuntrarju, hija għandha tagħmel kull ma tista’ sabiex mhux biss tħares id-drittijiet fundamentali iżda anki tippromovihom. Din il-kriżi ser tkun eżami dwar kemm il-kultura tad-drittijiet fundamentali hija tassew ankrata fl-Ewropa (20).

Brussell, 22 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar l-“Aġenda Soċjali”, ĠU C 182, 4.8.2009, p. 65.

(2)  Opinjonijiet tal-KESE dwar it-“Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji”ĠU C 44, 11.2.2011, p. 81, u dik dwar l-“Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir”, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26.

(3)  Ara l-lista fl-opinjoni tal-KESE l-“Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir”

(4)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/3-31102011-BP/EN/3-31102011-BP-EN.PDF.

(5)  Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2011, COM(2011) 815 finali, p. 2 u 4.

(6)  http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/11/1331&format=HTML&aged=0&language=DE&guiLanguage=de.

(7)  Valutazzjoni konġunta mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u l-Kummissjoni Ewropea, tal-Impatt Soċjali tal-Kriżi Ekonomika u Risposti ta’ Politika 2010, p. 9-10.

(8)  Ittra tal-4 ta’ Novembru 2011 lil Jan Vincent Rostowski dwar it-trattament tad-defiċit u ta’ bilanċi eċċessivi fuq il-kontijiet kurrenti fil-qafas tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv.

(9)  Ara Aġġornament għall-2010 tal-Valutazzjoni Konġunta mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u l-Kummissjoni Ewropea tal-impatt soċjali tal-kriżi ekonomika u tar-reazzjonijiet ta’ politika, 26 ta’ Novembru 2010 (16905/10, SOC 793, ECOFIN 786), p. 2.

(10)  Eurobarometer Speċjali 377.

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar “It-tisħiħ tal-koeżjoni tal-UE u tal-koordinazzjoni tal-politika soċjali tal-UE”, ĠU C 24, 28.1.2012, p. 29.

(12)  Ibid.

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar “Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 74.

(14)  Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.

(15)  Skont il-valutazzjoni tal-EAPN 2011.

(16)  L-intrapriża soċjali hija parti essenzjali tal-mudell soċjali Ewropew. Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni introduċiet qafas politiku u pjan ta’ azzjoni għall-promozzjoni tal-intrapriża soċjali fl-Ewropa u jqis li l-implimentazzjoni tagħhom kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livelli nazzjonali hija importanti. Opinjoni tal-KESE dwar “L-intraprenditorija soċjali u l-intrapriża soċjali”, ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1.

(17)  Vandenbroucke, Frank, et al., The EU needs a social investment pact, OSE Nru 5, 2011, p. 5.

(18)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Green Paper – Lejn sistemi ta’pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri”, ĠU C 84, 17.3.2011, p. 38.

(19)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Riżultati tas-Summit dwar l-Impjiegi” Punt 3.4.2, ĠU C 306, 16.12.2009, p. 70.

(20)  Ara n-nota 13 f’qiegħ il-paġna.


Top