Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0699

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1297/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar Programm għall-Modernizzazzjoni tal-Istatistika Ewropea tal-Intrapriża u l-Kummerċ (MEETS)

/* COM/2012/0699 final */

52012DC0699

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1297/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar Programm għall-Modernizzazzjoni tal-Istatistika Ewropea tal-Intrapriża u l-Kummerċ (MEETS) /* COM/2012/0699 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1297/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar Programm għall-Modernizzazzjoni tal-Istatistika Ewropea tal-Intrapriża u l-Kummerċ (MEETS)

1.           INTRODUZZJONI

Skont it-termini tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1297/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar Programm għall-Modernizzazzjoni tal-Istatistika Ewropea tal-Intrapriża u l-Kummerċ (MEETS), (minn hawn 'il quddiem imsejħa d-Deċiżjoni MEETS), il-Kummissjoni, "sal-31 ta’ Diċembru 2010, u mbagħad kull sena sal-2013, … għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm MEETS".

Fl-ewwel rapport l-enfasi kienet dwar l-azzjonijiet li nbdew u/jew tkomplew fil-programmi annwali ta' ħidma għall-2009 u l-2010. It-tieni rapport kien ikopri r-riżultati inizjali ewlenin miksuba, kif ukoll l-inizjattivi prinċipali koperti mill-programm annwali ta' ħidma għall-2011, li ġie adottat fl-2010. Għall-2011, il-livell ta' implimentazzjoni tal-krediti operattivi ta' MEETS kien ta' 97 %[1].

Dan it-tielet rapport jipprovdi ħarsa ġenerali tal-progress li sar mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni (Eurostat) fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet skont il-Programm MEETS matul l-2012.

L-attivitajiet kollha tal-MEETS huma konformi mal-istrateġija stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-10 ta' Awwissu 2009 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-metodu ta' produzzjoni tal-istatistika tal-UE: viżjoni għall-għaxar snin li ġejjin[2].

2.           GĦANIJIET, AZZJONIJIET ANNWALI U PRIJORITAJIET

Fl-2011, ġiet ikkunsidrata l-integrazzjoni tal-Programm MEETS bħala parti mid-diskussjoni usa’ dwar prijoritajiet negattivi fis-Sistema Statistika Ewropea (ESS). Dan irriżulta fl-integrazzjoni ta' għadd ta' azzjonijiet tal-MEETS.

In-netwerks kollaborattivi fl-ESS, magħrufa bħala “ESSnets”, jibqgħu mezzi importanti ta' implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Programm MEETS. L-ESSnets huma mezz biex jiġu żviluppati proġetti ġodda fejn ftit Stati Membri interessati f’qasam speċifiku jikkollaboraw attivament f'ħidmiet komuni u mbagħad ixerrdu r-riżultati fost l-Istati Membri mhux parteċipanti. Dan jgħin biex jisfruttaw is-sinerġiji, jiffrankaw l-ispejjeż u jaqsmu l-aħjar prattiki, filwaqt li jiżviluppaw azzjonijiet speċifiċi li huma benefiċjali għall-ESS kollha kemm hi.

L-ESSnets kollha li joperaw fi ħdan il-Programm MEETS tnedew matul l-ewwel tliet snin tal-Programm. Il-programm ta' xogħol annwali għall-2012 kompla l-azzjonijiet mibdija minn dawn l-ESSnets għall-modernizzazzjoni tal-istatistika dwar l-intrapriża u l-kummerċ. Barra minn hekk, inbdiet azzjoni ulterjuri fl-2012 biex tgħin lill-Istati Membri jilħqu l-għanijiet ta’ tnaqqis ta' piż fuq in-negozji u, fl-istess ħin, tippermetti lill-ESS tirrispondi għal ħtiġijiet ġodda għall-informazzjoni dwar l-istatistika.

B'kollox, il-baġit tal-UE għall-programmi ta' ħidma tal-2012 huwa stipulat għal ftit aktar minn EUR 9 miljuni, u jkopri 17-il azzjoni annwali kif ukoll l-appoġġ tekniku u amministrattiv meħtieġ biex jimplimenta l-programm. L-għotjiet, jew permezz tal-ESSnets jew f'forma ta' għotjiet individwali (bit-82 %), jibqgħu l-aktar strument komuni għall-finanzjament tal-azzjonijiet.

2.1.        Għan 1:Ir-reviżjoni tal-prijoritajiet u l-iżvilupp ta' ġabriet ta' indikaturi fil-mira għal oqsma ġodda

L-identifikazzjoni ta’ oqsma ta' inqas importanza

Billi l-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea (ESSC) adotta approċċ ġdid misjuq mill-istrateġija f'Novembru 2010, l-oqsma b'inqas importanza fl-istatistika tan-negozju jew tal-kummerċ ġew identifikati fil-qafas tar-reviżjoni strateġika annwali tal-prijoritajiet tal-Eurostat. Ir-reviżjoni fl-2010 rriżultat fis-simplifikazzjoni tal-programm MEETS u l-identifikazzjoni ta' għadd ta' prijoritajiet negattivi li jeħtieġ jiġu żviluppati aktar fi proposti konkreti biex jemendaw l-atti legali eżistenti. Il-prijoritajiet negattivi elenkati għall-2012 jikkonċernaw l-istatistika/is-serje dwar l-Unità dwar it-Tip ta' Attività fl-Annessi 2 u 4 tar-Regolament dwar l-Istatistika Strutturali tan-Negozju (SBS)[3] u l-ordnijiet industrijali l-ġodda varjabbli tal-Anness A tar-Regolament dwar Statistika għal Żmien Qasir[4] (STS). Barra minn hekk, bdew id-diskussjonijiet dwar it-tnaqqis tal-ħtiġijiet għall-Intrastat u dwar it-tfassil mill-ġdid tal-istatistika internazzjonali tal-kummerċ għal oġġetti u servizzi favur is-servizzi.

It-tnaqqis u l-azzjonijiet l-oħra ta' simplifikazzjoni elenkati għall-2013 jinkludu s-simplifikazzjoni/l-armonizzazzjoni tar-reviżjoni politika fl-Istatistika tan-Negozju, il-kontinwazzjoni tal-ħidma għall-provvista ta’ għodod komuni, pereżempju l-EGR; Id-diskussjoni dwar is-serje ta’ reviżjoni multiannwali fl-Annessi 2-4 tar-Regolament SBS reġgħet infetħet ukoll.

Se jkun hemm reviżjoni fundamentali u integrazzjoni tal-istatistika marbuta man-negozji permezz ta’ qafas legali komuni għall-ġbir, il-kumpilazzjoni, it-trażmissjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika dwar attivitajiet ekonomiċi tas-settur tan-negozju, ir-Regolament Qafas li Jintegra l-Istatistika tan-Negozju (FRIBS). Id-denominaturi komni użati fl-oqsma kollha se jkunu n-NACE (għall-attivitajiet) u s-CPA (għall-prodotti). Ġeneralment, dan l-approċċ mistenni li jnaqqas il-piż tal-istatistika fuq in-negozji u fuq l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika. Bħala parti minn dan, l-għan tal-Eurostat huwa li jirriforma l-Intrastat[5] permezz tal-hekk imsejjaħ pakkett tal-kummerċ internazzjonali jew SIMSTAT, li jitratta s-simplifikazzjoni tal-Intrastat, it-titjib tant meħtieġ fil-kwalità tad-dejta statistika relatata u l-ħtieġa biex jiġi żviluppat il-kummerċ internazzjonali fis-servizzi tal-istatistika fl-istess waqt. Bħalissa, l-Intrastat huwa l-aktar żona statistika ta’ piż. Huwa jimponi aktar minn 50 % tat-totalità tal-piż tal-istatistika fuq in-negozji.

L-iżvilupp ta' oqsma ġodda (gruppi ta' intrapriżi, globalizzazzjoni, intraprenditorija, innovazzjoni)

Il-globalizzazzjoni u l-intraprenditorija huma żewġ oqsma ta' politika li għalihom l-istatistika għadha ma ġietx żviluppata kompletament. Se jsir aktar xogħol fuqha fl-2013 biex isegwi l-progress dwar il-metodoloġija u r-riżultati tat-test.

Bħala riżultat tar-razzjonalizzazzjoni li saret fl-2011, aktar xogħol metodoloġiku u valutazzjoni tal-metodoloġija żviluppati għall-kompilazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi dwar il-globalizzazzjoni u l-istatistika dwar gruppi ta' intrapriżi ġew imwettqa fil-qafas ta' żewġ ESSnets. Id-definizzjoni u l-iżvilupp ta’ mira stabbilita tal-indikaturi dwar il-globalizzazzjoni kienet tittratta l-ESSnet fir-rigward tal-kejl tal-ktajjen ta’ valur globali, filwaqt li l-valutazzjoni ġenerali tax-xogħol metodoloġiku dwar l-indikaturi l-ġodda bbażati fuq gruppi ta' intrapriżi sar mill-ESSnet fir-rigward tal-profiling ta' gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali kbar u kumplessi.

Il-kooperazzjoni mal-OECD dwar aktar żvilupp tal-Programm Indikatur għall-Intraprenditorjat konġunt (EIP) issuktat fl-2012. B’mod partikolari, l-enfasi kienet fuq indikaturi li jistabbilixxu potenzjal għal kumpaniji innovattivi, li joffru servizz lill-‘indikatur ewlieni tal-Unjoni għall-Innovazzjoni’ stabbilit reċentement . Fl-istess ħin, inizjattiva li tipprovdi bażi legali għad-demografija tan-negozju ta’ min iħaddem tnediet sabiex tipproduċi dejta armonizzata mill-Istati Membri kollha tal-UE skont id-dejta internazzjonai tal-EIP. Baqa' jiġi pprovdut appoġġ għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ indikaturi ġodda li jiddeskrivu l-qafas għad-determinazzjoni tal-oqsma tal-“aċċess għall-finanzi”, l-"R&D, l-innovazzjoni u t-teknoloġija", “il-kapaċitajiet/ħiliet” u “l-kultura għall-intraprenditorija”.

2.2.        Għan 2: Sabiex jinkiseb qafas issimplifikat ta’ statistika marbuta man-negozju

Integrazzjoni tal-kunċetti u l-metodi fi ħdan il-qafas ġuridiku

L-istatistika tan-negozju tinġabar skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, li żviluppat matul is-snin u li mhix neċessarjament konsistenti f’termini ta’ kunċetti, kamp ta’ applikazzjoni, tifsiriet, metodoloġija, eċċ. Kif imsemmi hawn fuq, il-Programm MEETS jipprevedi reviżjoni tal-leġiżlazzjoni sabiex jiġi rrazzjonalizzat il-qafas għal statistika tan-negozju. Din ir-reviżjoni hija meħtieġa sabiex tippermetti lill-utenti jużaw u jqabblu l-istatistika minn sorsi differenti. Xprun ieħor għal aktar leġiżlazzjoni u metodoloġija konsistenti huwa l-arkitettura emerġenti ta’ sistemi ta' produzzjoni integrati għall-istatistika tan-negozju. Mingħajr aktar armonizzazzjoni ta' kunċetti, definizzjonijiet u metodoloġiji, din l-integrazzjoni ma tistax isseħħ. Biex tittratta din il-kwistjoni, twaqqfet l-ESSnet dwar il-Konsistenza tal-kunċetti u l-metodi ta’ statistika marbuta man-negozju u l-kummerċ. Fl-2010 u l-2011, żewġ pakketti ta’ ħidma kienu mnedija sabiex janalizzaw in-nuqqas possibbli ta’ konsistenza fl-unitajiet statistiċi, resp. fl-iqfsa tal-popolazzjoni għal stħarrig differenti, il-klassifikazzjonijiet u l-applikazzjonijiet tagħhom. Il-ħidma fuq dawn il-kwistjonijiet kompliet fl-2012. Barra minn hekk, fl-2012 it-tielet pakkett ta’ ħidma tnieda sabiex janalizza l-problemi ta' konsistenza marbuta ma’ karatteristiċi u definizzjonijiet.

Żvilupp ta’ statistika dwar il-gruppi ta' intrapriża

Sar ħafna progress fil-kuntest tar-Reġistru EwroGruppi[6] (EGR), li l-għan tiegħu hu li jipprovdi iqfsa ta' stħarriġ konsistenti u kkoordinat għal statistika ta’ kwalità għolja marbuta mal-globalizzazzjoni.

L-ESSnet dwar il-metodoloġija tal-EGR twaqqfet fl-2008. Fl-2009 u l-2010, ġew prodotti l-popolazzjonijiet EGR ta’ 5000 grupp ta' intrapriżi multinazzjonali (MNEs). Fl-2011, il-popolazzjoni EGR kienet estiża sa 10 000 MNEs. Fl-2012, il-metodoloġija għal proċessi tal-EGR ċentrali u nazzjonali u l-mudell tad-dejta ġew żviluppati aktar (EGR verżjoni 2) flimkien ma' pjan għall-ġestjoni futura tal-EGR. Id-disseminazzjoni tjiebet billi nfetħet pjattaforma fuq l-internet għad-dokumentazzjoni tal-EGR. Tnediet ESSnet ġdida fl-2012 u kompliet ix-xogħol bl-għan li tinkiseb kopertura sħiħa tal-popolazzjoni EGR għall-FATS u l-FDI u l-banek ċentrali nazzjonali assoċjati fl-EGR bħala produtturi u utenti. L-għan huwa li jkollna sistema stabbli f'postha, sa tmiem l-2013, b’kopertura li sservi l-istatistika tal-FATS u l-FDI Aċċess remot għall-utenti tal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u fil-banek ċentrali nazzjonali għandhom jiġu stabbiliti wkoll. L-għan ewlieni huwa l-integrazzjoni tal-iqfsa tal-popolazzjonijiet tal-EGR, l-FATS u l-FDI.

Fi tmiem l-2009, tnediet ESSnet dwar il-profiling ta' gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali kbar u kumplessi sabiex tiżviluppa u timplimenta metodoloġija għall-profiling. Fl-2012, l-ESSnet kompliet ħidmietha dwar il-metodoloġija billi qieset ir-riżultati tat-testijiet imwettqa fl-2011. Ġew żviluppati linji gwida u dokumentazzjoni u ġiet iffinanzjata l-implimentazzjoni ta’ metodi operattivi għall-mudell ta' profiling fl-Istati Membri. Fl-2012, inbeda x-xogħol li jittestja u jevalwa l-ħidma metodoloġika dwar l-istatistika bbażata fuq gruppi ta' intrapriżi mhux tal-Istati Membri fl-ESSnet.

It-twettiq ta' stħarriġiet Komunitarji biex jitnaqqas il-piż fuq l-intrapriżi

Wara preparazzjonijiet mwettqa fl-2011, sar studju fl-2012 biex jipprovdi metodoloġiji għall-użu ta' skemi ta' ġbir ta’ kampjuni tal-UE fil-ġbir tad-dejta.

2.3.        Għan 3: Sabiex tkun appoġġata l-implimentazzjoni ta’ mod iktar effiċjenti għall-produzzjoni ta' statistika dwar l-intrapriżi u l-kummerċ

Isir użu aħjar mid-dejta li diġà teżisti fis-sistema tal-istatistika, inkluża l-possibilità tal-estimi

Ix-xogħol dwar "il-ħażna tad-dejta u t-tagħqid tad-dejta fil-produzzjoni tal-istatistika tan-negozju" qed isir minn ESSnet li ġie stabbilit fit-tieni nofs tal-2010. Fl-2011, l-ESSnet iffoka fuq l-analiżi tal-prattiki attwali f’sistemi tad-dejta tan-negozju integrati fl-Istati Membri tal-ESS u fuq l-identifikazzjoni tal-problemi komuni prinċipali f'dan il-qasam. Fl-2012 ix-xogħol iffoka fuq tliet oqsma prinċipali li fihom is-suġġetti kollha identifikati mill-Istati Membri bħala l-iktar rilevanti f’maħżen tad-dejta statistika, jiġifieri: metadejta relatata mal-maħżen tad-dejta statistika u ż-żewġ aspetti maġġuri għall-bini u l-implimentazzjoni tal-maħżen tad-dejta statistika, jiġifieri l-aspett metodoloġiku u l-aspett tal-arkitettura/tekniku. Ir-riżultati inizjali kienu ppreżentati u diskussi mal-Istati Membri f’workshop li sar f’Mejju 2012. Din il-ħidma ser tkompli fl-2013 u l-workshop li jmiss huwa skedat għal Frar 2013.

Barra minn hekk, inkiseb progress sostanzjali fit-tliet proġetti li jkopru r-rabta bejn mikrodejta għal statistika individwali:

Tkompla l-proġett dwar ir-rabta bejn il-mikrodejta dwar l-issorsjar internazzjonali mad-dejta tal-istatistika tan-negozju. L-ESSnet dwar il-ktajjen ta’ valur globali għall-kejl, li beda fl-2011, kompla l-ħidma ta’ żvilupp metodoloġiku biex jiġbor dejta dwar il-mod dejjem aktar globalizzat li n-negozji jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom u kif dan għandu impatt fuq il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli. Il-proġett għandu l-għan li jgħin lil dawk li jfasslu l-politika biex jagħmlu deċiżjonijiet aktar infurmati u biex jimmonitorjaw il-globalizzazzjoni/l-internazzjonalizzazzjoni tal-ekonomiji billi jiżviluppaw u jipprovdu indikaturi dwar il-globalizzazzjoni ekonomika. Fl-2012 il-ftehimiet dwar l-għotjiet għall-irbit tal-mikrodejta ġew iffirmati, u fl-2013 l-Istati Membri parteċipanti ser jivvalutaw u jittestjaw il-metodoloġija għall-irbit tal-mikrodejta u jipproduċu mikrosettijiet tad-dejta għall-analiżi tal-impatt ta’ ktajjen ta ’produzzjoni frammentati internazzjonalment.

– Il-proġett dwar l-irbit tad-dejta tal-istatistika tan-negozju u l-kummerċ se jinbeda mill-ġdid fl-2013. Qabel l-2011 studju estern ġie kondott biex jiżviluppa l-qafas metodoloġiku sabiex jipproduċi indikaturi tal-istatistika dwar il-kummerċ estern permezz tal-karatteristiċi tan-negozju, u sar il-ġbir ta' dejta pilota biex tittestja l-fattibilità ta’ dan.. Fl-2013, l-Istati Membri se jiżviluppaw u jikkumpilaw sett wiesa' ta' indikaturi bbażati fuq il-mikrodejta tal-kummerċ u n-negozju. Indikaturi ġodda mbagħad ikunu inklużi fil-bażi tad-dejta TEC (il-kummerċ skont il-karatteristiċi tal-intrapriża).

– L-ESSnet dwar l-irbit tal-mikrodejta dwar l-użu tal-ICT ġie ffinalizzat fl-2012, u pproduċa indikaturi statistiċi ġodda billi għaqqad id-dejta minn reġistri tan-negozju, stħarriġ statistiku dwar l-użu tal-ICT fl-intrapriżi u l-kummerċ elettroniku, l-istatistika strutturali tal-kummerċ u stħarriġ dwar l-innovazzjoni. Huwa pproduċa wkoll pakkett ta’ strumenti estiżi biex janalizzaw l-impatt tal-ICT fuq il-prestazzjoni, inkluż repożitorju għall-metadejta u softwer għall-irbit u l-analiżi tal-mikrosettijiet tad-dejta. Minbarra l-analiżi tad-dejta marbuta tan-negozji, l-ESSnet analizza s-sitwazzjoni fil-pajjiżi parteċipanti fir-rigward tal-istħarriġ u l-istrateġiji tal-kampjuni relatati mal-istatistika tan-negozju, u għamel rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb ir-rappreżentattività tal-kwalità tad-dejta marbuta. L-ESSnet fassal u qabel dwar protokoll li fih regoli u kundizzjonijiet għad-disseminazzjoni tar-rizultati tal-analiżi tad-dejta fost pubbliku usa’.

L-ESSnet dwar “Metodoloġija tal-istatistika tan-negozju moderna (kampjunar ottimali, stima bbażata fuq mudell, l-integrazzjoni tad-dejta)" ġie mniedi fl-2010 u beda t-tieni fażi tal-programm tiegħu fl-aħħar tal-2012. L-għan prinċipali tiegħu huwa li jipprovdi gwida metodoloġika biex tappoġġa l-modernizzazzjoni u l-integrazzjoni tal-istatistika tan-negozju tal-ESS. Minbarra l-iżviluppi metodoloġiċi dwar passi speċifiċi tal-produzzjoni (disinn, ġbir tad-dejta u stima), il-proġett jiġbor fil-qosor il-korp tal-metodi tal-istatistika tan-negozju fil-qafas koerenti ta’ manwal elettroniku. Il-manwal se jkun kemm xogħol ta’ referenza kif ukoll manwal tat-taħriġ. Fit-tieni u l-aħħar fażi, l-ESSnet se jislet konklużjonijiet dwar ix-xogħol magħmul fuq passi speċifiċi tal-produzzjoni u se jlesti l-manwal biex ikopri kull pass tal-proċess statistiku tal-produzzjoni, u b’hekk tikkontribwixxi lejn l-ottimizzazzjoni tal-istatistika tan-negozju tal-ESS.

Użu aħjar mid-dejta li teżisti diġà fl-ekonomija

L-ESSnet dwar l-użu ta' dejta tal-kontabbiltà u amministrattiva, li tnediet fl-2009, kompliet tinvestiga kwistjonijiet prattiċi relatati mal-użu ta’ din id-dejta għall-finijiet tal-istatistika tan-negozju. Ir-riżultati tar-riċerka u l-ħidma analitika magħmula matul it-tliet snin ta' attività ġew żviluppati aktar f’rakkomandazzjonijiet u tixrid ta' prassi tajba. Ir-riżultati ewlenin miksuba sa issa jikkonċernaw il-preparazzjoni ta' ħarsa ġenerali tal-prattiki nazzjonali dwar l-użu ta’ dejta amministrattiva, id-deskrizzjoni tal-metodi użati għall-istima ta' settijiet tad-dejta mhux kompluti meta tintuża dejta amministrattiva għall-istatistika għal żmien qasir, u l-produzzjoni ta' lista ta' indikaturi għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-istatistika tan-negozju bbażata fuq dejta amministrattiva.

Sabiex tgħin lill-Istati Membri jużaw l-informazzjoni amministrattiva bl-aktar mod effiċjenti għal skopijiet statistiċi, il-Programm MEETS kompla jipprovdi appoġġ lill-NSIs biex jiżviluppaw is-sistemi tagħhom, bl-għan li jintegra dejta minn sorsi differenti tal-proċess statistiku tal-produzzjoni. Dan għandu jwassal għal tnaqqis fil-piż tar-rappurtaġġ fuq il-kumpaniji u titjib fil-kwalità tal-informazzjoni statistika.

Fl-2012, l-Istati Membru kienu mistiedna biex jipparteċipaw fil-proġett "L-iffaċilitar tat-trasferiment tad-dejta minn intrapriżi għal istituti nazzjonali tal-istatistika”. Ġie pprovdut appoġġ għall-iżvilupp ta' sistemi tal-IT għall-ġbir ta' dejta dwar l-istatistika minn intrapriżi, l-iżvilupp ta' tassonomiji nazzjonali tal-istatistika u l-ħolqien ta' tassonomiji nazzjonali XBRL tal-istatistika.

L-iżvilupp ta’ għodod għall-estrazzjoni, it-trażmissjoni u t-trattament aktar effiċjenti tad-dejta.

Il-ftehimiet ġodda ta' għotja mal-Istati Membri kienu ffirmati fl-2012 bħala parti mill-proġett intitolat "Isir użu aħjar mid-dejta doganali fl-istatistika tal-kummerċ estern (Extrastat)". Dan l-appoġġ jgħin lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi tagħhom tal-ġbir tad-dejta għal statistika Extrastat għas-sistemi doganali l-ġodda tal-Kodiċi Doganali Modernizzat[7].

2.4.        Għan 4: Il-modernizzazzjoni tal-Intrastat

L-armonizzazzjoni ta’ metodi għat-titjib tal-kwalità taħt Intrastat issimplifikata

Bħala riżultat tal-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni, iż-żewġ proġetti "Titjib tal-kwalità tad-dejta taħt sistema ssimplifikata Intrastat" u "Tnaqqis tal-assimetriji fl-Intrastat" ingħaqdu f'wieħed fi tmiem l-2010; It-titlu ta’dan il-proġett il-ġdid kien "Armonizzazzjoni ta’ metodi għat-titjib tal-kwalità tal-istatistika tal-kummerċ intra-UE". Fl-2012 tnediet sejħa għall-offerti għal aktar żvilupp ta’ metodi u prattiki relatati mal-kumpilazzjoni tal-istatistika tal-kummerċ tal-UE. L-għan tagħha kien li taġġorna d-dokumentazzjoni relevanti u biex tidentifika prattiki rakkomandati. Barra minn hekk, ingħata appoġġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw metodi armonizzati u l-prattiki meħtieġa sabiex tittejjeb il-kwalità tal-istatistika intra-UE tal-kummerċ. Ix-xogħol biex jitnaqqsu l-assimetriji fil-livell dettaljat u aggregat tkompla billi ġie pprovdut appoġġ lill-Istati Membri biex iwettqu studji rikonċiljatorji bilaterali jew multilaterali.

L-użu aħjar ta’ dejta amministrattiva

Fl-2012, ġew iffirmati wkoll għotjiet biex jitjieb l-użu tad-dejta amministrattiva mill-Istati Membri meta jipproduċu statistika intra-UE tal-kummerċ. L-għan tagħhom huwa li jitnaqqas il-piż tar-rispons u tittejjeb il-kwalità tal-istatistiki tal-kummerċ intra-UE. Ix-xogħol huwa ffukat fuq l-użu ta’ dejta amministrattiva għall-validazzjoni tad-dejta miġbura f'sistema Intrastat u l-bdil ta’ stħarriġ statistiku, minbarra l-iżvilupp (addizzjonali) ta’ sistemi ta’ ġbir ta’ dejta konġunta f'għadd ta' Stati Membri għall-Intrastat, il-VAT u l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-VAT (VIES).

Titjib u faċilitazzjoni tal-iskambju tad-dejta fl-Intrastat

L-istudji mwettqa u l-appoġġ ipprovdut lill-Istati Membri rriżultaw f'użu akbar tal-mezzi elettroniċi u t-teknoloġiji għall-ġbir, il-produzzjoni, l-iskambju u l-validazzjoni tad-dejta permezz ta’ proċessi awtomatizzati u sikuri, u l-applikazzjoni ta' kunċetti avvanzati ta' statistika għall-individwazzjoni ta’ żbalji u awtokorrezzjoni.

3.           KONKLUŻJONI

Id-Deċiżjoni MEETS tagħti dettalji dwar l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati matul il-perjodu kopert mill-programm. Dan jissostanzja l-għadd relattivament kbir ta' inizjattivi li saru fl-ewwel sentejn tal-programm. Madankollu, wieħed mir-riżultati tal-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 kien "saturazzjoni" tal-possibilitajiet ta' finanzjament fl-NSIs minħabba nuqqas ta' riżorsi umani. Għalhekk, kien hemm il-ħtieġa li jiġi rrazzjonalizzat il-programm bl-integrazzjoni ta’ ċerti inizjattivi u/jew l-iffokar tagħhom fuq sitt oqsma ewlenin organizzati permezz tal-ESSnets, li huma: il-konsistenza tal-kunċetti u l-metodi; l-EGR; il-profiling ta’ gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali kbar u kumplessi; l-irbit mal-mikrodejta u l-ħżin tad-dejta fil-produzzjoni tal-istatistika; il-metodoloġija għall-istatistika tal-kummerċ; u l-użu ta’ dejta amministrattiva u tal-kontabbiltà.

L-ESSnets, speċjalment dawk li nbdew fl-2009 u kmieni fl-2010, wettqu xogħol siewi, partikolarment fuq il-metodoloġija tal-EGR, il-Profiling u l-Użu tad-dejta amministrattiva. Safejn il-pilastri ewlenin l-oħra tal-programm MEETS (il-konsistenza ta' atti legali, il-maħżen tad-dejta u l-inizjattivi tal-irbit tad-dejta) huma kkonċernati, dawn l-attivitajiet issa jinsabu wkoll fit-triq it-tajba. Filwaqt li fl-2011 dawn xorta kienu jittrattaw xogħol preparatorju, it-tpoġġija tal-infrastruttura bażika fis-seħħ (it-tnedija tal-ESSnets, il-ftehimiet għal għajnuna finanzjarja multibenefiċjarja, eċċ.) u l-ħolqien ta’ netwerks ta’ esperti nazzjonali, fl-2012 huma diġà bdew jipproduċu riżultati prattiċi.

Barra minn hekk, il-finanzjament permezz ta' għotjiet individwali, prinċipalment sabiex jakkumpanjaw il-progress fil-metodoloġija u biex jittestjaw ċerti rakkomandazzjonijiet metodoloġiċi, iżda wkoll biex jiżviluppaw għodod għal estrazzjoni aktar effiċjenti, trażmissjoni u pproċessar ta' dejta. Numru ta' riżultati diġà huma disponibbli, iżda ħafna mill-azzjonijiet għadhom għaddejjin.

Huwa importanti li wieħed jikkunsidra l-azzjonijiet kollha bħala inizjattivi interkonnessi, sabiex il-proċeduri nazzjonali għall-ġbir ta' statistika tal-intrapriżi u tal-kummerċ jiġi żgurat li jsiru aktar effiċjenti. Dan jeħtieġ impenn fuq medda ta' żmien twil u monitoraġġ kostanti.

Ir-rapport tal-2012 huwa l-aħħar rapport annwali tal-Programm MEETS. L-2013 se tkun l-aħħar sena operattiva ta’ dan il-programm. L-azzjonijiet kollha se jiġu finalizzati, u r-riżultati finali konkreti kollha għandhom ikunu disponibbli sal-31 ta' Diċembru 2013. Ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm MEETS li jeħtieġ li jiġi sottomess lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill sal-31 ta’ Lulju 2014 għandu għalhekk jinkludi wkoll l-azzjonijiet u r-riżultati kollha tal-2013. Barra minn hekk, ir-rapport finali huwa meħtieġ, fid-dawl tan-nefqa mġarrba mill-Komunità, biex jivvaluta l-benefiċċji tal-azzjonijiet li jirriżultaw għall-Komunità, l-Istati Membri u l-fornituri u l-utenti tal-informazzjoni statistika, biex jiġu identifikati oqsma għal titjib potenzjali.

[1]               Inkluż ikklerjar ta’ 15 % tal-baġit f’Settembru 2011.

[2]               COM(2009) 404.

[3]               Regolament (KE) Nru 295/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar statistika strutturali kummerċjali (formulazzjoni mill-ġdid). ĠU L 97, 9.4.2008, p. 13.

[4]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/98 tad-19 ta' Mejju 1998 li jikkonċerna l-istatistika għal żmien qasir. ĠU L 162, 5.6.1998, p. 1.

[5]               Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn Stati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 (ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1), emendat mir-Regolament (KE) Nru 222/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 160).

[6]               Il-bażi legali ġiet stabbilita permezz tar-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet tal-istatistika u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93 ĠU L 61, 5.3.2008, p.6.

[7]               Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat). ĠU L 145, 4.6.2008, p.1.

Top