EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0582

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali

/* COM/2012/0582 final */

52012DC0582

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali /* COM/2012/0582 final */


WERREJ

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku.............................................. Error! Bookmark not defined.

I............ Is-Sħubija għal Industrija Ewropea iktar b’saħħitha.......................................................... 3

II........... Il-kuntest ekonomiku u politiku: rwol ċentrali għall-Industrija............................................ 4

III.......... Il-pilastri għal politika industrijali msaħħa: Investiment fl-innovazzjoni, kundizzjonijiet aħjar tas-suq, aċċess għall-kapital u l-kapital uman u l-ħiliet...................................................................................... 6

A........... L-iffaċilitar tal-investiment fit-teknoloġiji ġodda u fl-innovazzjoni....................................... 7

1. Linji ta' Azzjoni Prijoritarji......................................................................................................... 8

i) Swieq għal teknoloġiji tal-manifattura avvanzati għal produzzjoni nadifa........................................ 8

ii) Is-swieq għal teknoloġiji abilitanti essenzjali................................................................................ 9

iii) Is-swieq ta' bijoprodotti.......................................................................................................... 10

iv) Il-politika sostenibbli fil-qasam tal-industrija,il-kostruzzjoni u l-materja prima........................... 10

v) Vetturi u bastimenti nodfa........................................................................................................ 12

vi) Grilji intelliġenti....................................................................................................................... 13

2. Il-miżuri ta' akkumpanjament................................................................................................... 14

B........... Aċċess għas-swieq....................................................................................................... 16

1. It-titjib tas-Suq Intern għall-prodotti........................................................................................ 16

2. It-trawwim tal-intraprenditorija biex is-Suq Intern isir aktar dinamiku........................................ 19

3. Is-Suq Intern għat-teknoloġija, il-privattiva unitarja u l-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali    20

4. Is-swieq internazzjonali........................................................................................................... 22

C........... L-aċċess għall-finanzi u s-swieq kapitali......................................................................... 24

1........... L-appoġġ tas-settur pubbliku biex jiffaċilita l-aċċess tal-industrija għall-kapital................ 25

2. L-aċċess għas-swieq kapitali................................................................................................... 26

D........... Ir-rwol kruċjali tal-kapital uman.................................................................................... 27

IV......... Konklużjoni: il-governanza u l-miri................................................................................. 30

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku

Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali

I.            Is-Sħubija għal Industrija Ewropea iktar b’saħħitha

Fi żmien meta qed jippersistu l-problemi finanzjarji, l-Ewropa teħtieġ ekonomija reali tagħha aktar minn qatt qabel biex tirfed l-irkupru tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. L-industrija tagħna tinsab f’pożizzjoni tajba biex tassumi dan ir-rwol: L-Ewropa tinsab fuq quddiem nett f'ħafna setturi strateġiċi bħal dawk tal-karozzi, l-aeronawtika, l-inġinerija, l-ispazju, il-kimiċi u l-farmaċewtiċi. L-industrija għadha tirrappreżenta 4/5 tal-esportazzjonijiet tal-Ewropa u 80 % tal-investiment tas-settur privat fir-riċerka u l-iżvilupp ġej mill-manifattura[1].

Madankollu, il-kriżi ekonomika kontinwa poġġiet lill-industrija tal-Ewropa taħt pressjoni: il-produzzjoni hija 10 % aktar baxxa minn qabel il-kriżi u fl-industrija ntilfu aktar minn 3 miljun impjieg. Il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji hija baxxa. Il-problemi fis-settur bankarju jagħmluha diffiċli biex jinkiseb aċċess għall-finanzjament. L-investimenti qed jinżammu lura u l-fabbriki jinsabu taħt pressjoni biex jagħlqu.

Dan qed jiġri fi żmien meta l-pass mgħaġġel tal-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku poġġa lid-dinja fit-tarf ta' avvanz kbir industrijali. Diversi oqsma teknoloġiċi ġodda qegħdin jikkonverġu biex jistabbilixxu s-sisien tar-rivoluzzjoni industrijali ġdida bbażata fuq enerġija ħadra, trasport nadif, metodi ġodda ta’ produzzjoni, materjali innovattivi u sistemi ta’ komunikazzjoni intelliġenti. Dawn se jbiddlu l-pajsaġġ industrijali globali u l-kompetituri tagħna fl-Istati Uniti u fl-Asja qed jinvestu ferm f'dawn l-oqsma. L-Ewropa teħtieġ investiment industrijali ġdid fiż-żmien meta n-nuqqas ta' fiduċja, l-inċertezza tas-suq, il-problemi ta' finanzjament u l-iskarsezza ta' ħiliet qed iżommuh lura.

Jeħtieġ li l-Ewropa treġġa' lura d-deterjorament tal-industrija fl-Ewropa għas-seklu 21. Dan huwa l-uniku mod biex jinkiseb tkabbir sostenibbli, jinħolqu impjiegi b'valur għoli u jissolvew l-isfidi tas-soċjetà li qed inħabbtu wiċċna magħhom. Sabiex jinkiseb dan, tinħtieġ viżjoni komprensiva, li tiffoka fuq l-investiment u fuq l-innovazzjoni, iżda li timmobilizza wkoll l-għodod disponibbli fil-livell tal-UE, partikolarment is-suq uniku, il-politika kummerċjali, il-politika tal-SMEs, il-politika tal-kompetizzjoni, il-politika ambjentali u tar-riċerka favur il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej.

Din il-Komunikazzjoni tipproponi sħubija bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-industrija biex b’mod drammatiku żżid l-investiment f'teknoloġiji ġodda u tagħti lill-Ewropa vantaġġ kompetittiv fir-rivoluzzjoni industrijali ġdida. Wara konsultazzjoni pubblika estensiva, il-Kummissjoni tipproponi li tikkonċentra l-investiment u l-innovazzjoni b'mod konġunt fuq sitt linji ta' azzjoni ta' prijorità: it-teknoloġiji tal-manifattura avvanzati, it-teknoloġiji abilitanti essenzjali, il-bijoprodotti, il-politika sostenibbli fil-qasam tal-kostruzzjoni, tal-industrija u tal-materja prima, il-vetturi nodfa, il-grilji intelliġenti.

Il-Kummissjoni tippreżenta l-approċċ li se tieħu f'kull wieħed minn dawn l-oqsma billi tistabbilixxi task forces fi sħubija speċjalizzati. Dan juri kif l-UE se tuża l-għodod politiċi sabiex tappoġġa l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa billi timmobilizza l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha b'mod integrat. L-industrija hija mistennija li tagħmel il-parti tagħha billi tipprovdi l-investimenti u l-prodotti meħtieġa filwaqt li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali għandhom jadattaw dawn il-prijoritajiet skont il-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom[2]. L-azzjoni konġunta tal-industrija u tal-awtoritajiet pubbliċi għandha tikkontribwixxi wkoll biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-kompetittività fost l-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE.

It-tieni, l-azzjonijiet proposti hawnhekk jimmiraw li joħolqu dinamiżmu mġedded f’oqsma promettenti ta' tkabbir, jiġifieri s-Suq Uniku u s-swieq internazzjonali. Mhux se jkun possibbli li jiġu stimolati investimenti ġodda jekk ikun hemm dubji dwar il-kapaċità li jinbigħu jew biża’ ta' approprjazzjoni illegali tal-għarfien teknoloġiku. Diġà sar progress sostanzjali fl-isfruttar tal-potenzjal tas-swieq interni u esterni permezz ta’ titjib tal-aċċess tal-kumpaniji għas-swieq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonċentra fuq temi magħżula fejn għad hemm lok sinifikanti għal titjib: it-tnaqqis tal-ispejjeż, iż-żieda fil-fiduċja, it-trawwim tal-intraprenditorija u l-ħarsien tal-proprjetà intelletwali.

It-tielet, il-Kummissjoni tindirizza żewġ oqsma li ddgħajfu minħabba l-kriżi ekonomika u l-pajsaġġ industrijali li qed jinbidel b'rata mgħaġġla. L-investimenti innovattivi mhumiex possibbli mingħajr finanzjament. Il-kriżi ekonomika u d-diffikultajiet fis-settur bankarju kellhom impatt negattiv fuq is-self lill-ekonomija reali u din il-Komunikazzjoni tipproponi serje ta' miżuri sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, teknoloġiji ġodda ma jistgħux jiġu żviluppati u jiddaħħlu fis-suq jekk il-forza tax-xogħol fl-Ewropa ma jkollhiex il-ħiliet meħtieġa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssaħħaħ mill-ġdid l-istrateġija tagħha permezz ta' serje ta' miżuri maħsuba biex jippreparaw lill-Ewropej għall-ġejjieni u jiffaċilitaw ir-ristrutturar industrijali.

Permezz ta' din l-istrateġija industrijali mġedda deskritta f'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tispera li treġġa' lura d-deterjorament tal-industrija fl-Ewropa mil-livell attwali tagħha ta' madwar 16 %[3] tal-PDG għal 20 % sal-2020. Din għandha tkun xprunata minn irkupru sostanzjali fil-livelli tal-investiment (formazzjoni grossa tal-kapital u investiment fit-tagħmir), espansjoni tal-kummerċ fil-prodotti fis-Suq Intern (li jilħqu 25 % tal-PDG fl-2020) u żieda sinifikanti fl-għadd ta' SMEs li jesportaw lejn pajjiżi terzi.

II.          Il-kuntest ekonomiku u politiku: rwol ċentrali għall-Industrija

Din il-Komunikazzjoni taġġorna u tibni fuq il-"Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni[4]" adottata mill-Kummissjoni fl-2010 bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020. Din tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kompetittività industrijali biex tappoġġa l-irkupru ekonomiku u tippermetti t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fir-riżorsi. L-approċċ strateġiku propost fl-2010 jibqa' kompletament validu biex jinkisbu l-miri tagħna fuq medda itwal ta' żmien, filwaqt li sar progress kbir ferm fl-implimentazzjoni tiegħu[5]. Madankollu, l-impatt aħrax tal-kriżi ekonomika fuq diversi Stati Membri, l-istaġnar ekonomiku sussegwenti fl-UE u d-deterjorament tal-perspettiva għall-ekonomija globali ħolqu urġenza ġdida għal din ir-Reviżjoni ta’ nofs it-Terminu tal-Politika Industrijali[6].

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ta' din is-sena enfasizza li l-miżuri li jtejbu t-tkabbir huma meħtieġa biex jissaħħaħ l-irkupru, biex jinżamm il-pass mal-kompetituri ewlenin tagħna u biex nersqu lejn l-objettivi tal-Ewropa 2020. Għadd ta' Kunsilli Ewropej fl-2011 u fl-2012 sejħu għal azzjoni fuq oqsma indirizzati minn din il-Komunikazzjoni, kif tħabbar fid-diskors tal-President Barroso dwar l-Istat tal-Unjoni fit-12 ta' Settembru 2012. Din l-istrateġija industrijali mġedda hija parti mir-reazzjoni għal dawn is-sejħiet, b'mod partikolari wara l-"Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi" fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2012.

L-attenzjoni politika dwar l-industrija hija msejsa fuq il-konvinzjoni li bażi industrijali soda hija essenzjali sabiex l-Ewropa tkun sinjura u tirnexxi ekonomikament. Huwa vitali li jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku, jiġu pprovduti impjiegi ta’ kwalità għolja u tissaħħaħ il-kompetittività globali. L-industrija tista' tiġġenera tkabbir qawwi fil-produttività meħtieġ biex jerġa' jingħata bidu għat-tkabbir sostenibbli: minn mindu bdew l-agħar żminijiet tal-kriżi fl-2009, il-produttività industrijali żdiedet b'35 %. Barra minn hekk, l-industrija biss tista' ttejjeb l-użu effikaċi tal-enerġija u tar-riżorsi fil-livelli kollha tal-ekonomija kollha sabiex jiġu indirizzati l-iskarsezzi tar-riżorsi globali u biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà.

Issa hemm ħtieġa urġenti ta' investiment ġdid biex jistimola l-irkupru ekonomiku u jerġa' joħloq l-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda ġewwa l-fabbriki. Jekk l-Ewropa ma żżommx il-pass mal-investiment fl-adozzjoni u t-tixrid ta’ dawn it-teknoloġiji, il-kompetittività futura tagħha se tkun kompromessa b'mod serju. Madankollu, il-perspettivi tal-investiment mhuma promettenti xejn[7]. Bejn l-2008 u l-2011, l-investiment naqas bi 2,5 punti perċentwali tal-PDG u t-tbassir ekonomiku attwali jipprevedi biss irkupru kajman. Ir-rivitalizzazzjoni tal-investiment teħtieġ il-fiduċja tan-negozju, id-domanda tas-suq, il-finanzi u l-ħiliet, l-erba’ pilastri tal-politika tagħna.

Qed isir dejjem aktar importanti l-aċċess affordabbli u affidabbli għall-enerġija u l-materja prima billi dawn jirrappreżentaw parti sinifikanti tal-ispejjeż f'ħafna industriji. Il-prezzijiet tal-enerġija għall-industrija Ewropea żdiedu b'27 % f'termini reali bejn l-2005 u l-bidu tal-2012, li hija rata ogħla minn dik irreġistrata f'ħafna pajjiżi industrijalizzati oħra, speċjalment l-Istati Uniti. Fir-rigward tal-elettriku, l-industrija Ewropea qiegħda, bħala medja, tħabbat wiċċha ma' prezzijiet ogħla minn dawk tal-industriji f'ekonomiji żviluppati oħra bħall-Istati Uniti, il-Kanada, il-Messiku u l-Korea, u din id-diskrepanza fil-prezzijiet żdiedet matul l-aħħar għaxar snin[8]. L-impatt fuq il-prezz tal-enerġija fl-Ewropa għandu jitqies bir-reqqa meta jiġu definiti l-politiki tal-enerġija fil-ġejjieni. L-implimentazzjoni effettiva ta' suq intern kompletament effiċjenti għall-enerġija, aktar investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija, aktar diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija kif ukoll żieda fl-effiċjenza tal-enerġija huma l-elementi ewlenin f'dan ir-rigward.

Il-kompetizzjoni fil-manifattura fil-ġejjieni se tnaqqas gradwalment id-dipendenza tagħha fuq id-differenzjali tal-pagi[9], u b'hekk l-industrija tagħna għandha ċans tajjeb li terġa’ tikseb lura l-attrattività tal-Ewropa bħala post għall-produzzjoni, b'kundizzjoni li tista' tikkapitalizza fuq l-opportunitajiet offruti minn teknoloġiji ġodda u d-daqs tas-suq tal-UE.

III.         Il-pilastri għal politika industrijali msaħħa: Investiment fl-innovazzjoni, kundizzjonijiet aħjar tas-suq, aċċess għall-kapital u l-kapital uman u l-ħiliet

Il-Kummissjoni tipproponi approċċ proattiv lejn il-politika industrijali bbażata fuq l-erba' elementi ewlenin li ġejjin.

1.           L-ewwel nett, l-UE għandha tipprovdi l-kundizzjonijiet ta' qafas tajbin biex jiġu stimolati l-investimenti ġodda, titħaffef l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda u tissaħħaħ l-effiċjenza tar-riżorsi. Dawn jinkludu r-regolamenti tekniċi u r-regoli tas-Suq Intern, kif ukoll il-miżuri ta' akkumpanjament bħall-infrastruttura u l-proġetti fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-innovazzjoni. Bħala l-ewwel pass, f'din il-Komunikazzjoni qed jiġu proposti sitt oqsma ta’ prijorità għal azzjoni immedjata.

2.           It-tieni, jinħtieġ titjib urġenti fil-funzjonament tas-Suq Intern. Dawn qed jiġu ppreżentati hawnhekk u fl-Att dwar is-Suq Uniku II, u huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi maħruġa lill-Istati Membri fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Dawn se jikkontribwixxu biex jerġgħu jqawwu l-kummerċ fis-Suq Intern. Il-ftuħ tas-swieq internazzjonali se jħaffu wkoll l-irkupru. L-ekonomiji emerġenti tad-dinja li qed jikbru b'rata mgħaġġla joffru opportunitajiet ġodda ta' esportazzjoni għall-kumpaniji tal-UE, speċjalment l-SMEs.

3.           L-investiment u l-innovazzjoni mhumiex possibbli mingħajr aċċess adegwat għall-finanzi. Ir-riżorsi pubbliċi diġà ġew mobilizzati biex isostnu l-investiment fl-innovazzjoni, speċjalment mill-SMEs. Madankollu, l-isfruttar tal-fondi privati biss jista' jiżgura l-livell u s-sostenibbiltà meħtieġa biex jiġi ffinanzjat l-investiment mill-kumpaniji tal-UE. Għaldaqstant, it-titjib tal-aċċess għas-swieq kapitali huwa sfida kruċjali oħra biex tiżdied il-kompetittività tagħna.

4.           Fl-aħħar nett, il-miżuri ta’ akkumpanjament biex jiżdied l-investiment fil-kapital uman u fil-ħiliet huma kruċjali għas-suċċess tal-politika industrijali. Il-politiki mmirati lejn il-ħolqien tal-impjiegi u l-għodod biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet ta' ħiliet huma meħtieġa biex jarmaw il-forza tax-xogħol għat-trasformazzjonijiet industrijali.

Dan l-approċċ jiffoka fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ qafas li jsaħħu l-potenzjal ta' tkabbir tal-industrija tal-UE. Dan jagħraf bis-sħiħ il-ħtieġa li tiġi stimolata l-kompetizzjoni għal allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u ekonomija dinamika. L-intervent pubbliku għandu joħloq l-aħjar ambjent tas-suq u jfassal rimedji għall-fallimenti tas-suq. L-industrija stess għandha tiżviluppa l-vantaġġi kompetittivi u s-saħħiet tagħha. L-objettiv tal-politika industrijali huwa li jrawwem il-kompetittività, iżda n-negozji nfushom se jkunu dejjem finalment responsabbli biex jiddeterminaw is-suċċess jew il-falliment tagħhom fis-suq globali.

A.           L-iffaċilitar tal-investiment fit-teknoloġiji ġodda u fl-innovazzjoni

Ir-riċerka u l-iżvilupp huma bil-bosta l-aktar xprun importanti għall-innovazzjonijiet tal-kumpaniji. Il-Kummissjoni tqis il-politiki tar-riċerka u l-iżvilupp bħala prijorità kif indikat fl-inizjattiva ewlenija Unjoni tal-Innovazzjoni.[10] Madankollu, minkejja l-fatt li r-riċerka Ewropea kienet eċċellenti u kienet responsabbli għal bosta teknoloġiji ġodda użati fl-industriji madwar id-dinja, mhux dejjem irnexxielna, fl-imgħoddi, niksbu vantaġġi industrijali mit-tmexxija xjentifika. Is-sitwazzjoni fil-batteriji tal-litju hija eżempju ċar ta' dan b'kumpaniji Ewropej jippossiedu aktar minn 30 % tal-privattivi rilevanti, mingħajr ma ssir ebda produzzjoni ta' tali batteriji fl-UE.

Billi tinvesti fl-istadji bikrija tal-adozzjoni u tad-diffużjoni ta’ teknoloġiji ġodda, l-Ewropa jkollha avvanz teknoloġiku li permezz tiegħu tista' tikseb profitt mill-innovazzjonijiet tagħha f'termini ta' tkabbir u impjiegi. "Il-vantaġġ tal-prekursur" tista' tistimola l-produttività, l-effiċjenza tar-riżorsi, u tal-ishma fis-suq. Sfortunatament, il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati turi li l-inċertezzi dwar l-evoluzzjoni tas-swieq ġodda fil-ġejjieni ta' spiss jolqtu ħażin il-fiduċja tan-negozji u jżommu lura l-investiment. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jitwarrbu l-inċertezzi fis-swieq ġodda permezz tal-ħolqien ta' qafas fit-tul sempliċi, stabbli u prevedibbli tas-Suq Intern ta' regoli tekniċi, standards u leġiżlazzjoni oħra.

Wara konsultazzjoni pubblika estensiva u analiżi, intgħażlu sitt oqsma inizjali li qed jiżviluppaw malajr għal azzjoni prijoritarja. Dawn l-oqsma prijoritarji jistgħu jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku fuq medda qasira kif ukoll medja ta' żmien u għandhom impatt sinifikanti fuq it-tkabbir tagħna fuq medda itwal ta' żmien. Dawn se jipprovdu l-infrastruttura industrijali meħtieġa għal dik li ġiet identifikata bħala t-"Tielet Rivoluzzjoni Industrijali".[11] It-twaqqif ta’ din l-infrastruttura għandu l-potenzjal li joħloq eluf ta' negozji ġodda u miljuni ta' impjiegi ġodda u jħejji l-bażi għal ekonomija globali sostenibbli fis-seklu 21. Il-linji ta' azzjoni prijoritarja jinkludu l-komponenti ewlenin meħtieġa għal soċjetà industrijali ġdida, fejn it-teknoloġiji ġodda fil-qasam tal-enerġija, l-informazzjoni u l-produzzjoni se jittrasformaw il-produzzjoni industrijali u s-swieq. Is-sitt oqsma prijoritarji identifikati huma dawk fejn l-impatt se jinħass l-aktar. L-investiment fit-teknoloġiji ġodda f'dawn l-oqsma se jgħin biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta' ekonomija sostenibbli u b'rata għolja ta' impjiegi.

L-oqsma prijoritarji huma relatati ħafna mal-oqsma ta' investiment għall-politika ta' Koeżjoni mill-2014 sal-2020[12]. Dawn huma kollha swieq fejn it-teknoloġiji ġodda huma lesti li joħolqu prodotti ġodda jew iżidu l-produttività. Dawn it-teknoloġiji l-ġodda se jirrivoluzzjonaw l-inġinerija (eż. materjali intelliġenti) u jittrasformaw il-produzzjoni ta' prodotti (eż. l-istampar 3D), kif ukoll jipprovdu fondazzjonijiet ġodda li jistgħu jbiddlu l-qagħda attwali għas-swieq tradizzjonali, bħall-grilji intelliġenti, il-vetturi nodfa jew il-bijoplastika. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tagħhom fil-politiki industrijali tagħhom, kif ukoll fl-istrateġiji tagħhom għall-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni tagħhom.

Naturalment, il-fatt li tingħata attenzjoni lil dawn il-prijoritajiet ma jimplikax li jiġu traskurati sforzi settorjali oħra li għaddejjin bħalissa bħala parti mill-inizjattiva ewlenija dwar il-politika industrijali tagħna definita fl-2010. Pereżempju, ir-reviżjoni tal-istrateġija LeaderSHIP 2015 se tgħin biex tittejjeb il-kompetittività tal-industrija tal-bini tal-vapuri tal-UE li tikkontribwixxi għat-trasport sostenibbli fuq il-baħar, għall-infrastruttura u għall-avvanzi f'ġenerazzjoni tal-enerġija marittima. Diskussjoni madwar mejda tonda ta' livell għoli dwar il-futur tas-settur tal-azzar fl-Ewropa se tidentifika l-fatturi li jaffettwaw il-kompetittività ta' din l-industrija u toħroġ rakkomandazzjonijiet konkreti biex iżżomm il-kompetittività tagħha. Dan l-approċċ proattiv għall-politika industrijali se jiġi estiż għal oqsma prinċipali oħra bħall-industriji kreattivi, l-ispazju, it-teknoloġiji għall-kura tas-saħħa mtejba b'mod partikolari għat-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-apparat mediku u t-turiżmu.

              1. Linji ta' Azzjoni Prijoritarji

              i) Swieq għal teknoloġiji tal-manifattura avvanzati għal produzzjoni nadifa

It-teknoloġiji tal-manifattura avvanzati li jippermettu l-produzzjoni nadifa huma parti prinċipali tar-rivoluzzjoni industrijali ġdida. Pereżempju, l-istampar 3D jippermetti l-produzzjoni fi kwantitajiet ferm iżgħar milli huwa ekonomikament fattibbli attwalment, u jagħmel possibbli l-produzzjoni adattata bi prezz baxx għal prodotti niċċa ġodda u l-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda tas-suq għal SMEs innovattivi. Il-fabbriki tal-ġejjieni se jużaw proċessi ferm effiċjenti fl-enerġija u fil-materjal, jutilizzaw materjali rinnovabbli u riċiklabbli, u jadottaw dejjem aktar mudelli ta’ negozju sostenibbli bħas-simbjożi industrijali biex jiġu rkuprati l-materjali u s-sħana u l-enerġija moħlija. Dawn it-teknoloġiji jirrappreżentaw opportunità tan-negozju importanti, b'suq globali li huwa mistenni li jirdoppja fid-daqs għal aktar minn EUR 750 biljun sal-2020. L-industrija tal-UE diġà tinsab fuq quddiem nett fid-dinja fir-rigward ta' dawn it-teknoloġiji, b'sehem tas-suq dinji ta' aktar minn 35 %[13] u sehem tal-privattivi ta' aktar minn 50 %[14].

Il-koordinazzjoni politika tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri kif ukoll l-isforzi tal-partijiet interessati jistgħu jkunu mtejba permezz ta' Task Force dedikata għat-Teknoloġiji tal-Manifattura Avvanzati għal Produzzjoni Nadifa. Din tipprovdi tmexxija u koordinazzjoni u tiżgura t-tixrid u l-kummerċjalizzazzjoni fuq skala ikbar tar-riżultati tas-sħubijiet pubbliċi u privati. Tista' wkoll tippromwovi l-miżuri tal-innovazzjoni orjentati lejn id-domanda[15], inkluż ir-regolamentazzjoni u l-istandardizzazzjoni f'waqthom tas-suq intern, u l-akkwist pubbliku innovattiv.

L-investimenti bi spiża għolja u ta' riskju għoli fi proġetti ta' dimostrazzjoni għall-prova tal-kunċett se jirrikjedu sħubijiet pubbliċi u privati (PPPs) mal-industrija fil-livell tal-UE biex tiġi żgurata l-kummerċjalizzazzjoni f'waqtha. Is-Sħubijiet Pubbliċi u Privati għandhom rwol ewlieni fil-qafas tal-inizjattiva Orizzont 2020, bħal fl-oqsma tar-robotika u tal-industriji tal-proċess sostenibbli, flimkien ma' proġetti ta' dimostrazzjoni għat-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali. Il-programm ta' finanzjament NER300 għal proġetti ta’ dimostrazzjoni fil-qasam tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju u l-iskema ta' għoti tal-Industrija Sostenibbli b'livell baxx ta' Karbonju (SILC) li ssostni l-innovazzjoni fil-qasam tat-tnaqqis tal-gass b’effett ta’ serra, se jkollhom ukoll rwol importanti.

Il-Kummissjoni se tmexxi Task Force għat-Teknoloġiji tal-Manifattura Avvanzati għal Produzzjoni Nadifa fl-2013 sabiex trawwem l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' dawn it-teknoloġiji mill-industrija Ewropea. Wara konsultazzjonijiet mal-industrija, il-Kummissjoni se tivvaluta l-impatti ta' Sħubija Pubblika u Privata potenzjali fil-qasam tal-industriji tal-proċess sostenibbli.

L-Istati Membri huma mistiedna jippromwovu l-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta' teknoloġiji tal-manifattura avvanzati u jiżviluppaw il-kollaborazzjoni transfruntiera filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet u l-ispeċjalizzazzjonijiet nazzjonali tagħhom.        

              ii) Is-swieq għal teknoloġiji abilitanti essenzjali

Is-suq globali fil-qasam tat-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali (KETs), li jinkludi l-mikroelettronika u n-nanoelettronika, il-materjali avvanzati, il-bijoteknoloġija industrijali, il-fotonika, in-nanoteknoloġija u s-sistemi ta' manifattura avvanzati, huwa previst li jiżdied b'aktar minn 50 % minn EUR 646 biljun għal aktar minn EUR 1 triljun sal-2015, li huwa ekwivalenti għal madwar 8 % tal-PDG tal-UE. L-Ewropa hija mexxejja globali fir-riċerka u l-iżvilupp għall-KETs, bis-sehem globali tal-privattivi ta' aktar minn 30 %. Madankollu, fl-imgħoddi l-UE ta' spiss ħadet aktar żmien mill-imsieħba kummerċjali tagħna biex tikkonverti r-riċerka fi prodotti u servizzi li jistgħu jiġu kkumerċjalizzati.

Komunikazzjoni[16] maħruġa f'Ġunju 2012 stabbiliet l-istrateġija tal-UE biex tħaffef l-iżvilupp u l-użu industrijali ta' prodotti bbażati fuq il-KETs. Din l-istrateġija ġdida hija bbażata fuq erba’ pilastri: l-adattament u s-simplifikazzjoni tal-istrumenti tal-politika tal-UE; koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jinkisbu sinerġiji u komplementarjetajiet; it-twaqqif ta’ strutturi ta’ governanza adegwati u dedikati fil-Kummissjoni u 'l barra minnha sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva; u l-mobilizzazzjoni tal-istrumenti tal-kummerċ eżistenti biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi fil-livell internazzjonali. Se tingħata attenzjoni wkoll għall-iżvilupp tas-Suq Intern għall-prodotti innovattivi, sabiex jiġu promossi x-xjenza u l-ħiliet relatati mat-teknoloġija u titħeġġeġ l-intraprenditorija relatata mal-KET[17]. Jeħtieġ li jiġi eżaminat kif l-aħjar tinżamm u tiġi żviluppata bażi tal-provvista Ewropea b'saħħitha għall-KETs, eż. għall-komponenti użati fis-setturi tat-telekomunikazzjonijiet u tal-IT.

Il-Kummissjoni se timplimenta l-Istrateġija Ewropea għal Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali li tiżgura koordinazzjoni aħjar tal-politiki ta' teknoloġija tal-UE u tal-Istati Membri, il-finanzjament tad-dimostrazzjoni essenzjali u l-linji pilota u l-proġetti intersettorjali tal-KET, kif ukoll l-iżvilupp f'waqtu tas-Suq Intern għall-prodotti bbażati fuq il-KET.. L-iżgurar tal-użu industrijali tal-KETs se jkun element ewlieni tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni rilevanti.

L-Istati Membri u r-reġjuni huma mistiedna li jisfruttaw l-istrateġiji tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, biex jappoġġaw ir-riċerka fl-iżvilupp inklużi l-linji pilota u l-proġetti ta’ dimostrazzjoni u biex jippromwovu l-kooperazzjoni tul il-katina tal-valur.

              iii) Is-swieq ta' bijoprodotti

Il-bijoindustriji jużaw ir-riżorsi rinnovabbli jew japplikaw il-bijoproċessi fil-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom. Il-bijoprodotti joffru bosta vantaġġi għall-kompetittività industrijali u l-ambjent. Meta mqabbla mal-proċessi tal-karburant fossili, ħafna mill-proċessi tal-bijoproduzzjoni jikkonsmaw inqas enerġija, jarmu anqas dijossidu tal-karbonju u komposti organiċi volatili, u jiġġeneraw anqas skart tossiku. It-tnejn li huma jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali. It-tkabbir tal-volum ta’ bijoprodotti kimiċi tal-UE sal-2020, inklużi l-bijoplastika, il-bijolubrikanti, il-bijosolventi, il-bijoaġenti tensjoattivi u l-bażi kimika, huwa stmat għal 5,3 % fis-sena, li jirriżulta f'suq li jiswa EUR 40 biljun u jipprovdi aktar minn 90 000 impjieg fi ħdan l-industrija bijokimika waħidha[18].

L-istabbiliment ta' Suq Intern għall-bijoprodotti jirrikjedi l-iżvilupp tal-istandards u l-aġġornament tar-regolamenti[19]. Is-CEN diġà qed jaħdem fuq il-mandati ta' standardizzazzjoni għall-bijokarburanti u għall-bijoprodotti b’mod ġenerali, kif ukoll fuq mandati speċifiċi għall-bijopolimeri, il-lubrikanti, is-solventi u l-aġenti tensjoattivi[20].

Sħubija pubblika u privata istituzzjonali bbażata fuq l-approċċ tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fuq il-Bijoindustriji għat-Tkabbir tista’ timmobilizza l-investiment mis-settur privat, tiffaċilita ż-żieda effiċjenti u sostenibbli tal-provvista tal-bijomassa, tappoġġa proġetti ta' dimostrazzjoni tal-bijoraffinerija fuq skala kbira, tippromwovi l-akkwist pubbliku ekoloġiku, u tiżviluppa bijoprodotti u bijomaterjali ġodda. Il-proċessi innovattivi u t-teknoloġiji jistgħu jiffaċilitaw l-isfruttar ta' residwi tal-għelejjel u tal-bijomassa tal-baħar attwalment mhux użati.

Il-Kummissjoni se timplimenta l-istrateġija dwar il-bijoekonomija u se trawwem is-swieq għall-bijoprodotti, filwaqt li tħaffef l-iżvilupp tal-istandards u r-rikonoxximent internazzjonali tagħhom, tippromwovi l-ittikkettar u l-akkwist pubbliku ekoloġiku, u se taħdem mal-industrija biex tiżviluppa proposti dettaljati għall-bijoekonomija PPP (mill-2013 u l-2014 'il quddiem).

iv) Il-politika sostenibbli fil-qasam tal-industrija,il-kostruzzjoni u l-materja prima

It-tnaqqis tal-ispejjeż, iż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi u t-tnaqqis tal-iskart se jagħtu spinta lill-kompetittività tas-settur tal-kostruzzjoni. L-enerġija użata fil-bini residenzjali, kummerċjali u pubbliku tammonta għal 40 % tal-konsum tal-enerġija finali fl-UE u tikkontribwixxi għall-emissjonijiet tas-CO2 u għat-tniġġis tal-arja. Investimenti ġodda fl-effiċjenza tal-enerġija f’bini residenzjali u pubbliku u fl-infrastruttura għandhom potenzjal qawwi ta' tkabbir u huma mistennija li jammontaw għal madwar EUR 25-35 biljun fis-sena sal-2020[21]. Barra minn hekk, huwa propost li sehem sinifikanti tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni se jappoġġa l-bidla għal ekonomija b'livell baxx ta' karbonju.

L-istandards Ewropej ġodda huma meħtieġa għal prodotti, proċessi u ħidmiet sostenibbli fil-qasam tal-kostruzzjoni sabiex tinżamm il-koerenza tas-Suq Intern kemm għall-prodotti kif ukoll għas-servizzi. Il-kompetittività internazzjonali tas-servizzi tal-bini tal-UE tista' tittejjeb inter alia billi tiġi żgurata l-adozzjoni tal-istandards tal-kostruzzjoni Eurocodes fil-livell internazzjonali. Is-sħubijiet pubbliċi u privati tal-Bini b'Użu Effiċjenti tal-Enerġija għandhom jaċċelleraw it-tranżizzjoni mir-riċerka għas-suq.

Id-Direttiva ġdida dwar l-Ekodisinn[22] stabbiliet ir-rekwiżiti għal għadd ta' prodotti relatati mal-enerġija, inklużi l-muturi, il-pompi, il-fannijiet u ċ-chillers. Il-miżuri għal oġġetti oħra tad-dar u apparat industrijali qegħdin jitħejjew. Għalkemm l-enerġija kienet ir-riżors ewlieni fil-mira s'issa, id-Direttiva tipprevedi t-titjib relatat mal-aspetti ambjentali kollha, inkluża, inter alia, l-effiċjenza fl-użu tal-materjal Din se tiġi applikata gradwalment għal firxa usa’ ta’ prodotti industrijali li jkollhom effetti ambjentali sinifikanti.

Jeħtieġ ukoll li tittieħed azzjoni sabiex jiġu żviluppati aktar is-swieq fl-UE kollha għar-riċiklaġġ tal-iskart u biex tiġi implimentata ekonomija b'ċirku magħluq. L-istandards Ewropej ġodda għall-kwalitajiet gradati ta’ materjali riċiklati (eż. il-metalli, l-injam u t-tessuti) irawmu wkoll l-iżvilupp tas-suq. Proġetti ta’ dimostrazzjoni addizzjonali għat-teknoloġiji tar-riċiklaġġ, iż-żarmar, u l-issortjar jinħtieġu b'mod urġenti għal applikazzjonijiet speċifiċi, bħall-proġett pilota RECAP dwar riċiklaġġ aħjar ta’ plastik imħallat. Teknoloġiji innovattivi għall-ġestjoni tal-iskart u tar-riżorsi jistgħu jiġu promossi wkoll permezz tal-iskambju ta’ prattiki tajbin. Il-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni u fondi pubbliċi, skemi ta' inċentivi u sinjali tal-prezzijiet oħrajn jistgħu jippromwovu dejjem aktar ir-riċiklaġġ, ir-rikondizzjonar, u l-użu mill-ġdid bi preferenza għall-inċinerazzjoni.

Il-materja prima mhux tal-enerġija u mhux agrikola hija vitali għall-kompetittività tal-industrija tal-UE. L-innovazzjoni tista' tgħin biex jitnaqqsu l-pressjonijiet fil-qasam tal-provvista. Dan jista' jinkiseb, pereżempju, billi jiġu żviluppati metodi avvanzati ta’ estrazzjoni (inklużi l-minjieri f'qiegħ il-baħar) u ta' pproċessar, jiġu ddisinjati prodotti biex jiffaċilitaw ir-riċiklaġġ ta' kwalità għolja, u billi jiġu permessi il-"minjieri urbani". L-UE għandha ttejjeb il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar materja prima biex tinkiseb il-massa kritika meħtieġa biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet b'ċirku magħluq għall-katini ta’ valur tal-materja prima. Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima[23] se tlaqqa’ flimkien il-partijiet interessati rilevanti kollha biex iħaffu d-disponibbiltà ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi u soluzzjonijiet oħrajn għas-suq. Il-Kummissjoni mbagħad se tittraduċi dan il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Strateġika fi programm operattiv.

Se jiġu żviluppati standards Ewropej ġodda għall-kriterji ta' sostenibbilità relatati mal-prodotti u mal-proċessi tal-kostruzzjoni u l-adozzjoni tal-Eurocodes fil-livell internazzjonali se tkun promossa bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Kompetittività Sostenibbli tas-Settur tal-Kostruzzjoni b'kooperazzjoni mal-Forum Strateġiku Tripartitiku[24] (2013-14).

Sabiex titħaffef it-tranżizzjoni mir-riċerka għas-suq, se jiġu proposti azzjonijiet konkreti fil-qafas tas-sħubijiet pubbliċi u privati tal-Bini b'Użu Effiċjenti tal-Enerġija u permezz ta’ Komunikazzjoni dwar il-Bini Sostenibbli (2013).

Il-Kummissjoni se timplimenta regolamenti speċifiċi dwar l-ekodisinn ta' prodotti industrijali, inklużi b'mod partikolari dawk li għandhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; se tappoġġa b'mod aktar mgħaġġel u orħos it-twettiq tal-objettivi tal-politika tal-ekodisinn permezz ta' ftehimiet volontarji settorjali; se tirrevedi b'mod konġunt id-Direttiva dwar l-ittikkettar tal-enerġija u ċerti aspetti tad-Direttivi dwar l-ekodisinn biex timmassimizza l-effettività tagħhom; se tappoġġa s-servizzi konsultattivi tal-ekodisinn permezz tan-Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tal-SMEs (mill-2012 'il quddiem).

Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa swieq tar-riċiklaġġ stabbli kif ukoll iżżid ir-rati tal-ġbir permezz ta' reviżjoni ppjanata ta' aspetti speċifiċi tal-politika dwar l-iskart tal-UE (fl-2014) u permezz ta' analiżi tal-iskemi eżistenti tar-responsabbiltà estiża tal-produttur bl-għan li jiġu identifikati l-aktar skemi kosteffiċjenti u jiġu definiti l-aħjar prassi u linji gwida (2013/14).

Wara t-tnedija tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-materja prima f'Novembru 2012, il-Kummissjoni se tiżviluppa programm operattiv dwar il-materja prima bbażat fuq il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Strateġika (Settembru 2013).

L-Istati Membri huma mistiedna jiżviluppaw strateġiji adattati għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali tagħhom sabiex jippromwovu r-riċiklaġġ u jiżviluppaw bini b'konsum enerġetiku baxx.

              v) Vetturi u bastimenti nodfa

Il-vetturi bil-mogħdija tas-saħħa tal-magna alternattiva u/jew li jużaw fjuwils alternattivi huma pass importanti lejn il-ħolqien ta’ mobilità sostenibbli. Vetturi tal-elettriku li jiċċarġjaw u vetturi ibridi huma mistennija li jirrappreżentaw madwar 7% tas-suq sal-2020. Il-vetturi b'magni ta' kombustjoni wkoll se jużaw dejjem aktar l-enerġija elettrika. Minbarra li jistimolaw it-tkabbir u l-impjiegi, l-investimenti fil-mobilità nadifa jistgħu joħloqu benefiċċji addizzjonali, inklużi t-titjib fil-kwalità tal-arja u t-tnaqqis fl-impatti fuq is-saħħa.

Hija meħtieġa koordinazzjoni wiesgħa sabiex jiġu żviluppati swieq għal vetturi u vapuri nodfa. B'mod partikolari, l-użu tal-mobilità elettrika se jirrikjedi adattamenti kbar tal-katini tal-valur industrijali, il-mudelli tan-negozju, il-ħiliet, u l-attitudnijiet tal-konsumatur, kif ukoll it-twaqqif ta' infrastrutturi ta' ċċarġjar mill-ġdid. L-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni li għaddejjin għall-interoperabbiltà u l-konnettività jeħtieġ li jiġu konklużi malajr u segwiti minn aktar standards għall-vetturi u l-infrastrutturi. Ir-rekwiżiti ta' sikurezza tan-NU/KEE għall-komponenti u s-sistemi kollha (inklużi l-batteriji) u r-regolamenti ambjentali tal-UE jeħtieġ li jiġu adattati. Il-ftehimiet internazzjonali dwar l-istandards u r-regolamenti, b’mod partikolari fil-qafas tan-NU/KEE se jgħinu biex jiffrankaw l-ispejjeż u jħaffu t-tkabbir tas-suq. Il-kooperazzjoni mal-akbar sħab kummerċjali tagħna dwar l-istandards, ir-riċerka u l-aspetti regolatorji se tgħin ukoll biex jiġi applikat, eż. il-Pjan ta' Ħidma bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-mobilità elettronika adottat fil-qafas tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku.

Il-proposti leġiżlattivi dwar il-grilji intelliġenti, in-netwerk tat-trasport Trans-Ewropew[25] u dwar l-infrastrutturi tal-fjuwil alternattiv għandhom jiffaċilitaw it-tnedija ta' infrastrutturi ta' ċċarġjar mill-ġdid/alimentazzjoni, b' mod partikolari fil-bliet. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom ukoll rwol biex jinkoraġġixxu l-penetrazzjoni fis-suq, eż. permezz tal-iżvilupp tal-infrastruttura, l-akkwist pubbliku, u l-inċentivi mhux finanzjarji bħall-aċċess prijoritarju għaċ-ċentri tal-ibliet. Bl-istess mod bħall-proġett Green eMotion, il-proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp u tad-dimostrazzjoni għandhom jiġu żviluppati taħt l-inizjattiva Orizzont 2020, bl-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni, u mill-Istati Membri, flimkien ma' self mill-BEI.

B'segwitu għar-Rapport Finali tal-Grupp CARS21, il-Kummissjoni se tikkoordina l-azzjonijiet politiċi kollha li jappoġġaw l-introduzzjoni fis-suq ta’ vetturi nodfa, inkluż l-użu ta’ vetturi tal-elettriku li jiċċarġjaw u vetturi ibridi billi tiżgura r-regolamentazzjoni u l-istandards f'waqthom, tiffaċilita l-applikazzjoni tal-infrastruttura ta' ċċarġjar mill-ġdid, u tipprovdi potenzjalment finanzjament inizjali għall-proġetti ewlenin tar-riċkerka u l-iżvilupp u tad-dimostrazzjoni (Komunikazzjoni dwar CARS 2020 sa Novembru 2012)..

Kif imħabbar fil-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport[26], il-Kummissjoni se toħroġ strateġija alternattiva tal-fjuwils, li se tindirizza wkoll l-infrastruttura xierqa ta' ċċarjġar mill-ġdid/alimentazzjoni.

Filwaqt li tibni fuq il-konsultazzjonijiet attwali mal-industrija, il-Kummissjoni se teżamina l-proposti dettaljati biex tagħti segwitu għall-PPP dwar l-Idroġenu u ċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-PPP dwar il-Karozzi Ekoloġiċi.

Filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet nazzjonali, l-Istati Membri huma mistiedna biex jappoġġaw il-proġetti ta' dimostrazzjoni u jiżviluppaw infrastrutturi xierqa għall-vetturi u l-bastimenti nodfa li jkunu adattati għall-ħtiġijiet tagħhom u jsegwu r-rakkomandazzjonijiet fis-Semestru Ewropew.

L-Istati Membri u r-reġjuni huma mistiedna li jisfruttaw l-istrateġiji tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, biex jappoġġaw ir-riċerka fl-iżvilupp inklużi l-linji pilota u l-proġetti ta’ dimostrazzjoni u biex jippromwovu l-kooperazzjoni tul il-katina tal-valur.

              vi) Grilji intelliġenti

Tinħtieġ infrastruttura adegwata (inklużi soluzzjonijiet fil-qasam tal-grilja intelliġenti, tal-ħżin u tal-kapaċità ta' bbilanċjar) sabiex tintegra l-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku, tikkontribwixxi għall-effiċjenza tal-enerġija, u tiffaċilita domandi ġodda, eż. għall-vetturi tal-elettriku. It-Tielet Pakkett tal-Liberalizzazzjoni tas-settur tal-Enerġija stabbilixxa r-rekwiżiti għall-istallazzjoni ta’ sistemi ta’ metraġġ intelliġenti f'mill-anqas 80 % tal-unitajiet domestiċi sal-2020 bħala l-ewwel pass lejn l-użu tal-grilji intelliġenti fl-UE, filwaqt li Komunikazzjoni dwar il-Grilji Intelliġenti[27] tistabbilixxi l-qafas ta' politika ġenerali biex jixpruna l-mobilizzazzjoni tagħhom. B'mod ġenerali, sal-2020, l-UE se jeħtiġilha tinvesti madwar EUR 60 biljun f’dawn il-grilji, li se jiżdiedu għal madwar EUR 480 biljun sal-2035.

Huwa essenzjali li jiġu stabbiliti l-aħjar kundizzjonijiet ta’ qafas għall-industrija biex din tiżviluppa t-teknoloġiji u l-kapaċitajiet ta' produzzjoni meħtieġa biex jinkiseb dan l-investiment[28]. B'mod parallel, l-UE għandha timplimenta l-istandards meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-grilji intelliġenti transfruntiera, kif ukoll sett minimu komuni ta’ standards għall-miters u infrastrutturi avvanzati tal-metraġġ. Il-Kummissjoni diġà ħarġet il-mandat M/490 fl-2011 lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw l-ewwel sett ta’ standards tal-Grilji Intelliġenti sa tmiem l-2012. L-iskambju regolari ta' informazzjoni jseħħ ma' atturi internazzjonali bħall-Istitut Nazzjonali għall-Istandards u t-teknoloġija tal-Istati Uniti sabiex jiġu żviluppati standards kompatibbli meta jkun possibbli. Jeħtieġ li jiġi implimentat qafas ġenerali għall-introduzzjoni usa' tal-apparati intelliġenti, inkluż għal użu aktar effiċjenti ta' apparat b'vultaġġ baxx. Abbażi tal-analiżi tal-kost u l-benefiċċju, għandhom jiġu kkompilati indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-akkwist pubbliku sabiex jiġi żgurat ir-rikonoxximent tal-benefiċċji potenzjali. Il-potenzjal għall-istallazzjonijiet żgħar ta' kombustjoni integrati, effiċjenti u flessibbli jista' jinkiseb permezz tal-istabbiliment f'waqtu ta' standards ta' emissjonijiet xierqa. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġu żviluppati l-proġetti xierqa tar-riċerka u l-iżvilupp u tad-dimostrazzjoni permezz tal-Inizjattivi Industrijali Ewropej dwar il-Grilji tal-Elettriku, tal-pjan SET, u tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Bliet u l-Komunitajiet Intelliġenti[29].

Abbażi tar-rapport li jmiss tat-Task Force dwar il-Grilji Intelliġenti, il-Kummissjoni se tiddefinixxi miri ulterjuri għall-użu ta' komponenti tal-grilji intelliġenti, se tirrevedi u twessa' l-mandati tal-istandardizzazzjoni, se tiżviluppa gwida dwar l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, u se tidentifika Proġetti ta’ Interess Komuni[30] għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (tmiem l-2012).

2. Il-miżuri ta' akkumpanjament

Il-korpi ta' koordinazzjoni deskritti hawn fuq, jew it-task forces speċjalisti ġodda fejn xieraq, se jkollhom bżonn jikkoordinaw mill-qrib l-isforzi mal-industrija u mal-Istati Membri sabiex iwettqu l-aġendi politiċi tagħhom. Dawn ir-raggruppamenti se jkollhom struttura u tul ta' żmien differenti skont il-ħtiġijiet tal-qasam tal-attività. Madankollu, kollha se jlaqqgħu flimkien il-partijiet interessati u l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti biex jiddefinixxu l-azzjonijiet meħtieġa biex jitħaffef l-użu ta' teknoloġiji u investimenti ġodda.[31]

· L-ewwel nett, qafas regolatorju tas-Suq Intern simplifikat, prevedibbli u stabbli għall-prodotti u s-servizzi ġodda, inklużi l-istandards u ċ-ċertifikazzjoni xierqa, għandu jiġi miftiehem u mħabbar kemm jista' jkun malajr. Ir-regolaturi u l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni tal-UE għandhom bżonn jiżviluppaw regolamenti u standards f'waqthom għal teknoloġiji ġodda qabel l-ewwel introduzzjoni tagħhom fis-suq - il-mandati ta' standardizzazzjoni CEN għall-vetturi tal-elettriku u għall-bijoprodotti huma eżempji tajba. It-task forces se jirrakkomandaw simplifikazzjonijiet għall-ambjent regolatorju u amministrattiv f'oqsma tas-suq rispettivi tagħhom, speċjalment biex jgħinu lill-SMEs. Ġie wkoll irrakkomandat lill-Istati Membri biex jissimplifikaw l-ambjent regolatorju fis-Semestru Ewropew.

· L-iżvilupp tal-infrastruttura għandu jiġi kkoordinat u sinkronizzat b'żidiet fil-kapaċità tal-produzzjoni. Pereżempju, l-investiment f'infrastrutturi tal-enerġija ewlenin fl-UE bħall-grilji intelliġenti u l-ħżin tal-enerġija huwa essenzjali sabiex jiġu adottati fuq skala kbira l-enerġija rinnovabbli, l-ICT, u l-użu ta' vetturi elettriċi u ibridi. Il-provvista ta' infrastrutturi tat-trasport adegwati u effiċjenti, ta' loġistika interoperabbli u ta' netwerks broadband ta' veloċità għolja, hija prekundizzjoni għall-iżvilupp industrijali. Bl-istess mod, il-kapaċitajiet industrijali ġodda fit-teknoloġiji tal-produzzjoni għandhom jiġu żviluppati fi żmien opportun, b'investimenti f'makkinarju u tagħmir b'użu effiċjenti tal-enerġija u tar-riżorsi.

· It-tielet, huwa essenzjali li l-isforzi fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-innovazzjoni jiġu kkoordinati mal-UE kollha sabiex jiġi żgurat l-użu u l-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġiji fi żmien opportun. B'mod partikolari, il-proġetti ta' dimostrazzjoni għall-prova tal-kunċett u l-linji pilota tal-manifattura huma prekundizzjonijiet għall-użu tat-teknoloġiji fuq skala industrijali. L-imsieħba pubbliċi u privati jistgħu jipprovdu l-finanzjament għal dawn l-inizjattivi permezz tal-fondi Strutturali jew fil-qafas tal-inizjattiva Orizzont 2020 u permezz ta' programmi Komunitarji oħra. Jista' jintuża wkoll il-finanzjament tal-kapital ta' riskju mill-pubbliku u b'mod aktar sinifikanti minn sorsi privati.

· Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tieħu miżuri kumplimentari biex tiżgura li l-ħiliet neċessarji jkunu disponibbli għall-iżvilupp ta' dawn is-swieq u biex tistimola d-domanda għall-adozzjoni ta’ innovazzjonijiet ġodda.

Il-prattiki tax-xogħol ġodda se jgħinu lill-kumpaniji biex jimpjegaw ħaddiema li qed jikbru fl-età u jattiraw persuni tas-sengħa lejn il-manifattura. It-teknoloġiji ġodda qegħdin ibiddlu l-kombinazzjoni ta' impjiegi u ħiliet meħtieġa. Il-Kummissjoni se tippromwovi t-trasformazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol li jistimolaw forom ġodda ta’ "impjiegi attivi" u se tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda, inklużi l-ħiliet elettroniċi.

L-użu akbar tad-disinn, kif ukoll ta' innovazzjonijiet oħra mhux teknoloġiċi, huwa wieħed mill-ixpruni ewlenin għall-iżvilupp ta' prodotti ta’ valur għoli, filwaqt li jżid il-produttività u jtejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi. Sabiex isaħħaħ ir-rwol tad-disinn fl-innovazzjoni, il-Bord Ewropew ta' Tmexxija fid-Disinn żviluppa sett ta' proposti li jinkludu: titjib tal-aċċess tal-kumpaniji għad-disinn; il-promozzjoni tal-innovazzjoni bbażata fuq id-disinn għas-sistemi tal-manifattura; il-promozzjoni tal-kompetenzi fid-disinn; il-valorizzazzjoni tad-disinn fis-sistema tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE; l-applikazzjoni usa’ tad-disinn fis-settur pubbliku; u d-differenzazzjoni tad-disinn Ewropew f'livell globali.

Il-politika tal-innovazzjoni tista' żżid l-impatt tagħha fuq it-tkabbir ekonomiku billi tikkombina b’mod koerenti l-introduzzjoni ta' teknoloġiji u prattiki tax-xogħol ġodda ma' miżuri orjentati lejn id-domanda bħalma huma l-istandardizzazzjoni, il-promozzjoni tal-adozzjoni ta' innovazzjonijiet fil-katini tal-provvista dinjija jew id-dħul fis-seħħ ta' inċentivi regolatorji. L-Ewropa għandha esperjenza f'politiki orjentati lejn id-domanda, bħall-Inizjattiva tas-Suq Pilota li kellha suċċess u li żviluppat pjanijiet direzzjonali speċifiċi għas-suq u strumenti ta' politika orjentati lejn id-domanda. Reċentement, tħabbru ħames Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni sabiex jikkoordinaw l-istrumenti ta' politika orjentati lejn id-domanda u r-riċerka u l-iżvilupp.

Wara s-sejħa tal-Kunsill Ewropew f'Marzu 2012, huwa importanti li tiġi promossa aktar l-innovazzjoni mmexxija mid-domanda u li jinħoloq l-aħjar ambjent possibbli għall-imprendituri li jikkummerċjalizzaw l-ideat tagħhom fis-suq. Sa mill-bidu tal-2012, il-Kummissjoni bdiet timplimenta pjan ta’ azzjoni orizzontali bi tliet fażijiet konsekuttivi sabiex tiżdied id-domanda għal prodotti u servizzi innovattivi Ewropej. L-ewwel fażi sservi biex tidentifika s-swieq, is-settijiet tal-għodod u l-mudelli skont id-domanda. Fil-fażi li ġejja, il-Kummissjoni se tiżviluppa, flimkien mal-partijiet interessati, pjanijiet direzzjonali strateġiċi għal azzjonijiet orjentati lejn id-domanda. Fil-fażi finali, se jiġu implimentati l-azzjonijiet stabbiliti fil-pjanijiet direzzjonali strateġiċi tat-tieni fażi. B’mod parallel, sistema ġdida ta’ monitoraġġ se tkejjel l-impatt ta’ politiki orjentati lejn id-domanda u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet direzzjonali strateġiċi.

Il-Kummissjoni se tiżviluppa u timplimenta pjan ta’ azzjoni orizzontali sabiex tixpruna d-domanda għal prodotti u servizzi innovattivi Ewropej (mill-2012 'il quddiem).

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi netwerk ta’ tagħlim dwar l-innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol fl-Ewropa, sabiex tippromwovi l-produttività tax-xogħol u l-kwalità tal-impjiegi (2013) u se timplimenta pjan ta’ azzjoni biex taċċellera l-adozzjoni tad-disinn fil-politika tal-innovazzjoni (mill-2012 'il quddiem).

Fl-2013, il-Kummissjoni se tniedi reviżjoni indipendenti biex tivvaluta jekk is-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea hijiex kapaċi tadatta għall-ambjent li qed jevolvi malajr kif ukoll tikkontribwixxi għall-objettivi interni u esterni strateġiċi tal-Ewropa.

B.           Aċċess għas-swieq

1. It-titjib tas-Suq Intern għall-prodotti

Is-Suq Intern għall-prodotti jirrappreżenta 75 % tal-kummerċ intra-UE u jippreżenta potenzjal kbir mhux sfruttat li jistimola l-kompetittività u t-tkabbir fl-UE. Din hija għodda ewlenija biex tinkiseb ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ferm. B'mod partikolari, il-globalizzazzjoni, l-ispeċjalizzazzjoni u l-innovazzjoni qed ikollhom impatti profondi fuq il-proċessi tal-manifattura, filwaqt li d-distinzjoni bejn il-"prodotti" u "servizzi" qiegħda dejjem tonqos. Madankollu, dan il-proċess jista' jkun qed joħloq xkiel u ostakli ġodda. Għalhekk, jeħtieġ li r-regoli u l-proċeduri tas-suq uniku jżommu l-pass ma' dawn l-iżviluppi. Għoxrin sena wara l-istrateġija tal-1992, firxa wiesgħa ta' prodotti għadha mhijiex armonizzata u l-klawżoli ta’ rikonoxximent reċiproku fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri mhumiex dejjem applikati b’mod korrett. Is-sena d-dieħla, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni kritika tal-acquis għall-prodotti industrijali, inkluż studju u konsultazzjoni estensiva, u se tipproduċi Pjan direzzjonali għar-riforma tas-Suq Intern għall-prodotti industrijali.

Jeħtieġ li jsir aktar progress lejn l-integrazzjoni sħiħa ta' ċerti setturi fis-suq intern, bħas-sigurtà u d-difiża. Minkejja l-implimentazzjoni tal-pakkett ta' Difiża, is-settur tad-difiża għadu jsostni bil-qawwa d-dimensjoni nazzjonali u għalhekk ma jistax jibbenefika mill-ekonomiji ta' skala potenzjali li huma meħtieġa biex jitjiebu l-kompetittività u l-profittabbiltà. Fil-qasam tas-sigurtà ċivili, qegħdin jitħejjew aktar inizjattivi ta' riċerka u innovazzjoni fil-livell tal-UE. Task Force dwar id-Difiża qed tgħin biex tiżviluppa strateġija komprensiva għal industrija tad-difiża minn ta' quddiem fid-dinja li hija kompetittiva kemm fl-Ewropa kif ukoll 'il barra minnha. Bl-istess mod, il-prodotti u s-servizzi msejsa fuq dejta satellitari għandhom potenzjal għoli għat-tkabbir ekonomiku, u l-iżvilupp tas-suq tagħhom għandu jiġi mħeġġeġ u sostnut.

Fl-2010, bħala parti mill-istrateġija tagħha ta' Regolamentazzjoni Intelliġenti[32], il-Kummissjoni żviluppat Verifiki tal-Adegwatezza sabiex tivvaluta l-qafas regolatorju ġenerali f'qasam ta' politika partikolari. Dawn il-verifiki tfasslu biex jiġu identifikati l-piżijiet amministrattivi eċċessivi, jiġu eżaminati d-duplikazzjonijiet regolatorji, il-lakuni u l-inkonsistenzi u jiġi vvalutat l-impatt kumulattiv tal-leġiżlazzjoni. Is-sejbiet tagħhom iservu bħala bażi għal deċiżjonijiet ta' politika dwar il-ġejjieni tal-qafas regolatorju rilevanti. Qegħdin jitwettqu verifiki tal-adegwatezza f’oqsma speċifiċi tal-politika, bħall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur u l-politika ambjentali tal-UE dwar l-ilma ħelu. Madankollu, l-ambizzjoni li tinkiseb ħarsa ġenerali lejn il-politiki prinċipali li jaffettwaw is-settur ekonomiku uniku, għadha ma ntlaħqitx fil-konkret. Għalhekk, il-Kummissjoni se twettaq il-verifiki tal-adegwatezza pilota settorjali u orizzontali. L-ewwel tnejn se jirrigwardaw ir-raffinar taż-żejt u s-setturi tal-aluminju. Iż-żewġ setturi huma essenzjali fil-katina tal-valur industrijali tal-UE, iżda jirrikjedu b'mod urġenti investiment ġdid li jrid isir fid-dawl tal-kompetizzjoni internazzjonali qawwija. Il-verifiki tal-adegwatezza se jiffokaw fuq l-implimentazzjoni u l-interazzjoni ta' dawk il-politiki li huma l-aktar importanti għall-kompetittività ta' dawn is-setturi[33]. Dawn se jiġu segwiti mill-verifiki tal-adegwatezza futuri fi prodotti industrijali oħra.

L-ostakli għas-Suq Intern fir-rigward tal-governanza u r-regolamentazzjoni jinħolqu wkoll minn oqsma ta' politika li huma rregolati mill-Istati Membri, pereżempju r-regoli tekniċi, ir-rifjuti li jiġu applikati r-rikonoxximent reċiproku u n-nuqqas ta' taqbil bejn is-27 sett differenti tar-regoli tat-tassazzjoni. Analiżi upstream tal-abbozzi tar-regoli tekniċi tista' tipprevjeni li jitfaċċaw ostakli regolatorji. Dan huwa preċiżament l-objettiv tal-proċedura ta' notifika 98/34[34], li tirrikjedi abbozz ta' leġiżlazzjoni li jinkludi regoli tekniċi dwar prodotti u servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jridu jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu adottati. In-natura preventiva ta' din il-proċedura evitat għadd kbir ta' kontravenzjonijiet tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-prodotti. Madankollu, din il-proċedura ta' notifika tista' tintuża wkoll, biex ittejjeb il-leġiżlazzjoni nazzjonali b konformità mal-prinċipji ta' "Regolazzjoni Mtejba" u permezz ta' valutazzjoni komparattiva. Il-potenzjal tagħha jista' jiġi sfruttat iktar billi l-Istati Membri jiġu rrakkomandati biex jużaw l-ittestjar tal-kompetittività fil-kuntest tal-valutazzjonijiet nazzjonali tal-impatt.

"Il-prodotti u s-servizzi ekoloġiċi" jirrappreżentaw suq dinamiku, innovattiv u li qed jikber. Madankollu, l-iżvilupp b'mod parallel ta’ skemi tal-ittikkettar u regoli tekniċi differenti u ta' spiss inkonsistenti fl-Istati Membri u permezz ta' inizjattivi privati jista' joħloq konfużjoni għall-konsumaturi, u ostakli għall-moviment liberu ta' dawn il-prodotti u s-servizzi fis-suq intern. Il-Kummissjoni qed teżamina l-aħjar modi possibbli biex tintegra "l-prodotti u s-servizzi ekoloġiċi" fis-Suq Intern, inkluż l-impatt ambjentali[35].

In-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-metodoloġiji u l-kriterji għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar/ir-rimborż tal-prodotti mediċinali jikkawża inkoerenzi u d-dewmien fl-aċċess għal mediċini innovattivi. Filwaqt li dan qed jiġi indirizzat parzjalment permezz tad-Direttiva dwar it-Trasparenza u l-ħidma dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa, jinħtieġu aġenda għal strateġija politika usa' kif ukoll pjan direzzjonali sabiex jiġu żgurati l-kompetittività u l-vijabbiltà fit-tul tal-industrija farmaċewtika tal-UE.

Hemm lok għal titjib tal-qafas tal-UE għas-Sorveljanza tas-Suq. Id-Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti (GPSD) tapplika għall-prodotti tal-konsumatur kollha, kemm dawk armonizzati kif ukoll dawk li mhumiex, filwaqt li d-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tas-suq li attwalment jinsabu fir-Regolament 765/2008 u fil-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur japplikaw għal prodotti armonizzati, kemm jekk ikunu industrijali kif ukoll għall-konsumatur. Għalhekk, jista' jinħoloq konfużjoni kemm fost l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll l-operaturi ekonomiċi li għalihom tapplika s-sistema. Qiegħda titfassal proposta ġdida għas-sorveljanza tas-suq u din tikkombina dawn id-dispożizzjonijiet kollha tas-sorveljanza tas-suq u tindirizza n-nuqqasijiet tal-qafas leġiżlattiv preżenti.

Is-sorveljanza tas-suq tipproteġi liċ-ċittadini Ewropej minn prodotti mhux konformi (eż. ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza) u tiżgura kundizzjonijiet ta' kummerċ ġust. Iż-żamma tal-ordni fis-Suq Intern issir fil-livell nazzjonali, bl-Istati Membri jkunu responsabbli kemm għas-sorveljanza kif ukoll għall-infurzar. Is-sorveljanza, b'mod partikolari, hija kompitu enormi. Hemm evidenza ta’ sorveljanza dgħajfa tas-suq għal xi prodotti, bħall-prodotti kapitali mmanifatturati mill-industrija mekkanika Ewropea[36]. Jinħtieġ pjan ta' azzjoni multiannwali għas-sorveljanza tas-suq biex jipprovdi dinamiżmu għas-sorveljanza tas-suq fil-livell pan-Ewropew u biex isaħħaħ il-kooperazzjoni u l-għajnuna reċiproka. Dan se jagħmel il-ħajja aktar diffiċli għal kummerċjanti illegali, u jgħin biex ikompli jintegra s-suq uniku għall-prodotti konformi u sikuri. Għaldaqstant, l-operaturi responsabbli mhux se jibqgħu jsibu ruħhom fi żvantaġġ kompetittiv.

Hekk kif il-linja ta' diviżjoni bejn is-servizzi u l-prodotti qed issir inqas definita b'mod ċar, l-ostakli għall-kummerċ tas-servizzi qegħdin dejjem aktar ifixklu l-kummerċ tal-prodotti. Is-servizzi tan-negozji, b'mod partikolari, huma kruċjali għall-innovazzjoni u l-kompetittività industrijali. Dawn huma partikolarment rilevanti għall-SMEs, li jiddependu fuq is-servizzi tax-xiri mis-suq aktar milli mill-kumpaniji l-kbar.

Sa tmiem l-2012, il-Kummissjoni se tadotta Pakkett dwar is-Sikurezza tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq li jkun jikkonsisti f'Direttiva riveduta dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti, Regolament ġdid dwar is-Sorveljanza tas-Suq u Komunikazzjoni dwar pjan ta' azzjoni multiannwali għas-sorveljanza tas-suq mill-2012 sal -2015.

Il-Kummissjoni se tevalwa l-istat tal-"acquis" fil-qasam tal-prodotti industrijali kollu kemm hu, bil-ħsieb li tħejji Pjan Direzzjonali għal Riforma tas-Suq Intern għall-prodotti industrijali (2013).

Il-Kummissjoni se twettaq verifiki tal-adegwatezza tas-setturi tal-aluminju u r-raffinar taż-żejt filwaqt li tiffoka fuq l-implimentazzjoni u l-interazzjoni ta' dawk il-politiki l-aktar importanti għall-kompetittività.

Il-Kummissjoni se tiżviluppa strateġija komprensiva biex tappoġġa l-kompetittività tal-industrija tad-difiża u ttejjeb l-effiċjenza tas-suq tad-difiża. Mistennija li tiġi ppubblikata Komunikazzjoni sa April 2013.

Il-Kummissjoni se tressaq inizjattivi addizzjonali biex trawwem l-integrazzjoni tas-suq intern fl-oqsma tas-sigurtà u l-ispazju.

Il-Kummissjoni se tisfrutta aktar il-potenzjal tal-proċedura 98/34 bħala strument għall-politika industrijali u bħala gwida għall-prijoritajiet leġiżlattivi futuri tal-UE, partikolarment biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-ittestjar tal-kompetittività fl-istadju tal-abbozzar tal-proċessi leġiżlattivi nazzjonali tagħhom.

Il-Kummissjoni se tniedi aġenda għal strateġija politika biex issaħħaħ il-kompetittività tal-industrija farmaċewtika.

Fi tmiem l-2012 se jinħoloq Grupp ta' Livelli Għoli dwar is-Servizzi tan-Negozji. Wara r-rapport ta' dan il-Grupp, il-Kummissjoni se tiżviluppa, sal-2014, programm ta' ħidma futur bir-rakkomandazzjonijiet ta' politika.

2. It-trawwim tal-intraprenditorija biex is-Suq Intern isir aktar dinamiku

Għalkemm aktar minn terz tal-impjiegi l-ġodda kollha ġejjin minn kumpaniji żgħar u bi tkabbir għoli, il-kumpaniji żgħar tal-UE ma jikbrux malajr daqs dawk fl-Istati Uniti[37]. Filwaqt li jibni fuq l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Intraprenditorija se jrawwem it-tkabbir tal-bidu tan-negozji, jiffaċilita t-trasferiment tan-negozji, jipprovdi appoġġ għan-negozji fi stadju bikri, u jiżviluppa proċeduri effiċjenti tal-falliment li jagħtu t-tieni ċans lill-intraprendituri.

Jeħtieġ ukoll li l-intraprendituri jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku diġitali fl-UE li huwa mistenni li jikber b’10% fis-sena sal-2016[38]. Il-Kummissjoni poġġiet l-iżvilupp tal-internet u t-teknoloġiji diġitali fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020 permezz tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[39] u l-Inizjattivi Ewlenin tal-Politika Industrijali. Il-politika tal-UE tipprovdi l-kundizzjonijiet ta' qafas għas-suq uniku diġitali, inkluża l-bażi leġiżlattiva għall-kummerċ elettroniku (id-Direttiva 2000/31/KE)[40]. Fil-ġejjieni, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ se toffri regoli uniformi għall-bejgħ onlajn transfruntier u d-dimensjoni diġitali hija parti ewlenija tal-istrateġija għall-Aġenda tal-Konsumaturi Ewropej[41].

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jridu jikkontribwixxu biex titħaffef l-implimentazzjoni sħiħa tas-Suq Uniku Diġitali. L-Istati Membri jridu jissimplifikaw il-proċeduri ta' reġistrazzjoni tal-VAT u joħolqu punt uniku għar-reġistrazzjoni elettronika biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ diġitali transfruntier min-negozji żgħar. In-Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi se jipprovdi taħriġ u jinforma lil dawk l-SMEs li jixtiequ jiżviluppaw negozju onlajn dwar l-obbligi tagħhom fil-kuntest tal-bejgħ transfruntier. Linji gwida u tikketti tal-kwalità għall-ħiliet elettroniċi jistgħu jipprovdu sett ta' ħiliet għal dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri. L-istandards u l-linji gwida huma essenzjali għall-interoperabilità diġitali fil-ktajjen tal-provvista.

Madankollu, mhuwiex biżżejjed li jiġu żviluppati sempliċiment il-kundizzjonijiet ta’ qafas u li jitħeġġu l-intraprendituri biex jisfruttaw is-suq uniku diġitali. L-Ewropa teħtieġ ukoll li titqanqal l-intraprenditorija fl-ekonomija diġitali nnfisha sabiex tirnexxi.

Il-Kummissjoni se tipproponi Pjan ta’ Azzjoni tal-Intraprenditorija li jistabbilixxi r-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet ta' qafas u miżuri ta’ appoġġ għall-intraprenditorija (Novembru 2012) u li jieħu wkoll miżuri addizzjonali biex iħeġġeġ lin-negozji ġodda u lin-negozji żgħar stabbiliti biex jadottaw teknoloġiji diġitali u kummerċ elettroniku. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll azzjonijiet immirati fl-ewwel trimestru tal-2013 biex tappoġġa l-intraprendituri tal-web fl-UE.

3. Is-Suq Intern għat-teknoloġija, il-privattiva unitarja u l-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs) huma vitali għall-innovazzjoni u t-tkabbir billi jipprovdu l-protezzjoni għal dawk il-kumpaniji li jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp. Billi jiġu ppremjati l-kreattività u l-ħila inventiva u jitħarsu l-kumpaniji u l-innovazzjoni mill-approprjazzjoni u l-użu mhux xierqa tal-għarfien teknoloġiku, l-IPRs huma fil-qalba tas-sistema tal-innovazzjoni u jifformaw il-bażi tat-trasferimenti kollha tat-teknoloġija. Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-qafas tal-IP iservi l-ħtiġijiet tal-ekonomija l-ġdida, b'mod partikolari għal innovazzjoni miftuħa u ta’ kollaborazzjoni.

L-introduzzjoni tal-privattiva unitarja u l-iżvilupp ta’ sistema unifikata ta’ litigazzjoni dwar il-privattivi fl-Ewropa se jnaqqsu l-ispejjeż[42] u l-frammentazzjoni tal-protezzjoni tal-privattivi fis-Suq Uniku, u b'hekk jeliminaw l-ispejjeż ta' litigazzjoni bla bżonn u jsaħħu ċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, se tkun disponibbli għodda tat-traduzzjoni awtomatika mingħajr ħlas[43] għal-lingwi Ewropej kollha sa tmiem l-2014. L-inventuri li qed ifittxu l-protezzjoni tal-privattivi għandhom għodod disponibbli sabiex titħaffef il-proċedura sa meta tingħata privattiva. L-inizjattivi bbażati fuq l-użu tax-xogħol ta’ uffiċċji oħra kif ukoll l-armonizzazzjoni internazzjonali tal-liġi sostantiva dwar il-privattivi (li tinkludi perjodu ta' konċessjoni armonizzat fil-livell dinji li jrid jiġi elaborat flimkien mal-kwistjonijiet kollha marbuta miegħu), jistgħu jkomplu jsaħħu s-sistema tal-privattivi fit-tul u jikkontribwixxu biex ikomplu jitnaqqsu l-ispejjeż.

Jistgħu jintużaw strumenti oħra biex jikkomplementaw is-sistema tal-privattivi. Wieħed minnhom huwa l-perfezzjonament tal-użu u tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali. Mhux l-istadji kollha tal-innovazzjoni huma suġġetti għall-privattivi, iżda r-riżultati tagħhom jista' jistħoqqilhom protezzjoni kontra l-miżapproprjazzjoni. Filwaqt li xi invenzjonijiet jistgħu jkunu suġġetti għall-privattivi, il-kumpaniji jistgħu jqisu li huma protetti aħjar permezz tas-segretezza. Għalhekk, l-innovaturi jistgħu xi drabi jagħżlu li jħarsu l-innovazzjonijiet (u r-redditu tal-innovazzjoni) billi sempliċiment ma jiżvelawx is-sigriet kummerċjali tagħhom. Ma hemm l-ebda liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u dan il-qasam huwa rregolat fil-livell nazzjonali. Madankollu, hemm differenzi sinifikanti fil-liġijiet nazzjonali dwar in-natura u l-ambitu tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, kif ukoll dwar il-mezzi ta' rimedju. Il-Kummissjoni qed teżamina jekk id-differenzi eżistenti fl-approċċi nazzjonali jistgħux joħolqu ostakli u spejjeż tat-tranżazzjonijiet għall-kumpaniji li joperaw b'mod transfruntier, mhux l-inqas għall-SMEs.

Il-kumpaniji mhux elenkati huma suġġetti għar-regoli nazzjonali tal-kontabilità li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tar-Raba' Direttiva tal-Kontabilità. Għalkemm din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri biex jiżviluppaw regoli f’dak is-sens, bħalissa ma hemm l-ebda rikonoxximent mifrux tal-valur tal-privattivi u IPRs oħrajn, speċjalment fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-SMEs. Se jittieħdu passi biex jiġu esplorati modi li jistgħu jippermettu lill-kumpaniji biex jiksbu r-rikonoxximent effettiv tal-valur tal-privattivi tagħhom, inkluż fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom u biex jesploraw il-benefiċċji potenzjali tat-tisħiħ tal-iżvelar f'termini tal-aċċess għall-finanzi. Barra minn hekk, l-iskemi tal-assigurazzjoni kontra l-litigazzjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali qegħdin isiru dejjem aktar sinifikanti.        

Sistema effettiva tal-IPR jeħtieġ li tinkludi salvagwardji ex-ante u ex-post ta’ infurzar kontra dawk li ma jirrispettawx ir-regoli. L-imbuskati għall-privattivi, il-hold-ups għall-privattivi, it-tilwim dwar il-privattivi u l-ksur ta' dawn id-drittijiet (bħall-falsifikazzjoni u l-piraterija) jagħmlu ħsara diretta lill-vittmi u jimminaw il-fiduċja fis-sistema tal-IPR.

Il-progress teknoloġiku rapidu fl-industriji ta' importanza fil-livelli kollha tal-ekonomija wassal għal riskji li jistgħu jirriżultaw minn għoqod ta' privattivi[44] u imbuskati għall-privattivi[45]. L-istudji identifikaw għoqod ta' privattivi f'9 minn 30 qasam tat-teknoloġija. Sistema regolatorja effiċjenti u proporzjonata tista' trawwem forom ta' arranġamenti prokompetittivi li jippermettu l-konċessjoni reċiproka tal-liċenzji jew it-twaqqif ta' komunità ta' privattivi bħala strumenti effettivi bbażati fuq is-suq u maħsuba biex itaffu dawk ir-riskji. Bħala parti minn dik is-sistema regolatorja, il-Kummissjoni se taġġorna r-regoli tagħha rigward il-ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija. Barra minn hekk, il-ħidma dwar is-salvagwardji eżistenti bħall-għoti ta' liċenzji f'termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND), tista' tiġi approfondita. Flimkien mas-salvagwardji, kooperazzjoni eqreb u skambju tal-informazzjoni bejn l-uffiċċji tal-privattivi u l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni jistgħu jwasslu għal titjib sinifikanti fi żmien qasir.

L-IPRs huma mhedda minn livelli li dejjem jiżdiedu tal-iffalsifikar u l-piraterija tal-prodotti. Ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar is-sekwestri doganali fil-fruntieri tal-UE juru li l-għadd ta' sekwestri u każijiet żdiedu b'mod sinifikanti sa mill-2000. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li ma jistgħux jiġu infurzati huma bla sens. Għalhekk, qafas komuni minimu li jirregola l-infurzar ċivili tal-IPRs ilu fis-seħħ mill-2004 (id-Direttiva 2004/48/KE), li jippermetti mhux biss azzjoni kontra l-kontraventuri diretti iżda wkoll kontra l-intermedjarji (onlajn u offlajn) li s-servizzi tagħhom jintużaw minn partijiet terzi għal finijiet ta' ksur. Dan il-qafas, li bħalissa jinsab taħt reviżjoni, jippermetti lid-detenturi tad-drittijiet li jieħdu azzjoni jekk jinkisru d-drittijiet tagħhom tal-proprjetà intellettwali.

Flimkien mal-miżuri, ir-rimedji u s-sanzjonijiet previsti mil-liġi, l-approċċi kollaborattivi volontarji jistgħu jsaħħu b'mod prammatiku ferm il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija bħall-Osservatorju tal-UE dwar il-ksur tal-IPRs[46]. Barra minn hekk, il-Memorandum ta’ Qbil dwar il-bejgħ ta' prodotti ffalsifikati fuq l-internet[47] wera li hu metodu ta' suċċess biex jitnaqqas il-bejgħ ta’ prodotti foloz permezz tal-internet.

-           Il-Kummissjoni qed teżamina l-qafas legali frammentat ħafna għall-ħarsien ta' sigrieti kummerċjali u qed taħdem fuq għażliet possibbli sabiex dan ikun effiċjenti u jiswa inqas għan-negozji u l-korpi tar-riċerka sabiex jinvestu fih, jagħtu l-liċenzji, jittrasferixxu u jaqsmu l-għarfien u l-informazzjoni ta’ valur madwar is-Suq Intern.

-           Il-Kummissjoni se tqis il-metodi ta' stima l-aktar adegwati kif ukoll ir-relazzjoni bejn is-suq tal-IPRs u l-istima u l-iżvelar xierqa tal-IPRs fil-kontabilità, wara l-konklużjonijiet ta’ grupp espert dwar dawn il-kwistjonijiet fl-2013.

-           Il-Kummissjoni se tqis il-miżuri li jistgħu jikkontribwixxu biex tiżdied it-trasparenza u jittejjeb it-trattament tal-IPRs fl-istandardizzazzjoni.

-           Il-Kummissjoni se trawwem il-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji tal-privattivi u l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni inklużi l-inizjattivi bħall-kartografija tal-privattivi u l-ħolqien ta' konnessjonijiet bejn il-bażijiet ta' dejta.

-           Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandhom jadottaw b'mod urġenti r-reviżjoni tar-Regolament (1383/2003/KE) dwar l-infurzar doganali.

4. Is-swieq internazzjonali

L-Unjoni Ewropea hija potenza kummerċjali ewlenija fid-dinja, iżda l-ekonomija dinjija qed tinbidel rapidament u qed issir dejjem aktar multipolari. L-ekonomiji emerġenti ewlenin (partikolarment il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina) qed ikomplu jikbru malajr, u ħafna minnhom daħħlu fis-seħħ politiki industrijali ambizzjużi b'enfasi qawwija fuq it-teknoloġiji u l-innovazzjoni industrijali sabiex "jitilgħu l-iskala tal-kwalità" u jimxu lejn produzzjoni aktar ekoloġika. Hemm ukoll tendenza inkwetanti li wieħed jirrikorri għal miżuri protezzjonisti u prattiki diskriminatorji[48].

Il-Kummissjoni taħdem biex tiftaħ is-swieq u toħloq konnessjoni bejn l-Ewropa u r-reġjuni u s-sorsi ewlenin ta' tkabbir globali. Il-Kummissjoni se tissokta ssegwi aġenda ambizzjuża fil-qasam tal-kummerċ u l-investiment[49], fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku kif ukoll aġenda komprensiva ta' infurzar, filwaqt li tiffoka b'mod partikolari fuq l-aċċess għas-suq, it-tneħħija tal-ostakli, il-ftuħ tal-akkwist pubbliku, l-iżgurar ta' infurzar effettiv tar-regoli tal-kummerċ (eż. relatati mas-sussidji), l-aħjar standards ta’ protezzjoni għall-investimenti internazzjonali u l-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-applikazzjoni konsistenti tal-ittestjar tal-kompetittività fil-valutazzjonijiet tal-impatt fil-bidu tan-negozjati tal-kummerċ u l-investiment, u l-preżentazzjoni ta' analiżi komprensiva għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill ladarba jkunu konklużi n-negozjati, se jgħinu biex jottimizzaw l-impatt tal-FTAs fuq l-industrija u fuq l-ekonomija tal-UE.

Il-proċedura tan-notifika tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT) hija għodda b’saħħitha biex ittejjeb l-aċċess għas-suq, iżda l-partijiet interessati, speċjalment l-SMEs, ma jużawhiex biżżejjed. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-informazzjoni dwar it-TBT fir-rigward tar-rekwiżiti tal-aċċess għas-suq issir aktar aċċessibbli u se tagħmel il-proċedura aktar viżibbli u aċċessibbli għall-partijiet interessati.

B’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona, qed tiġi żviluppata politika komprensiva għall-investiment internazzjonali[50] permezz ta' kombinazzjoni ta' negozjati bilaterali, djalogi mal-imsieħba ewlenin u l-parteċipazzjoni attiva fil-fora internazzjonali. Dan għandu jwassal għal aċċess aħjar għas-swieq ewlenin, standards għoljin ta' protezzjoni tal-investimenti tal-UE fil-pajjiżi terzi u jipprovdi kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE. B’mod parallel, huwa essenzjali li jinżamm ambjent miftuħ u mhux diskriminatorju sabiex tkompli tiżdied l-attrazzjoni tal-investiment fl-UE[51], b'mod partikolari għal investimenti diretti barrani ġodda li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi u jtejbu, fejn meħtieġ, it-trasparenza tal-FDI fl-UE.

Sabiex ikun assigurat l-aċċess għall-materja prima, kif ukoll għall-inizjattivi fil-qasam tal-politika kummerċjali[52], il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa d-"diplomazija tal-materja prima" tagħha[53] u ttejjeb l-immirar tal-kooperazzjoni regolatorja f’dan il-qasam. Ir-reġjuni u l-pajjiżi fil-mira jinkludu l-Groenlandja[54], il-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, il-pajjiżi tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, l-Amerika Latina, l-Afrika u l-Asja.

Jeħtieġ li l-kumpaniji tal-UE jkunu appoġġati aħjar u akkumpanjati fil-proċess ta' internazzjonalizzazzjoni tagħhom, sabiex jiżdied is-sehem tal-SMEs tal-UE attivi internazzjonalment (bħalissa stmat għal 13 %). Il-"Missjonijiet għat-Tkabbir" immexxija mill-Kummissjoni fil-pajjiżi terzi ma' rappreżentanti tal-industrija tal-UE u l-SMEs, li ma għandhomx jiġu mħawda mal-attivitajiet tradizzjonali tal-promozzjoni kummerċjali, jista' jkollhom rwol pożittiv biex jipprovdu qafas komuni għall-kooperazzjoni politika fil-qasam tal-industrija u tal-SMEs u jgħinu biex jitrawmu r-relazzjonijiet tan-negozji.

L-UE qed taħdem fuq reviżjoni tal-istrateġija għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi bħala komponent ewlieni tal-inizjattivi tagħha kontra l-iffalsifikar. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tappoġġa direttament lill-SMEs biex tipproteġi l-assi intellettwali tagħhom fi swieq barranin ewlenin bis-saħħa tal-Helpdesks tal-IPRs għall-SMEs u l-għodod ibbażati fuq l-internet faċli għall-utent, bħall-Portal TransAtlantiku tal-IPRs konġunt tal-UE u tal-Istati Uniti. L-effettività tal-istrutturi ta’ appoġġ għan-negozji tal-UE fil-pajjiżi terzi se tissaħħaħ ukoll.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se takkumpanja l-azzjonijiet esterni b'inizjattivi interni u tfittex l-appoġġ reċiproku bejn il-politiki u l-inizjattivi regolatorji fis-Suq Uniku u l-prijoritajiet esterni, filwaqt li tevita approċċi regolatorji li jgħawġu l-kummerċ.

Il-Kummissjoni se:

– Tieħu azzjonijiet biex iżżid il-viżibbiltà tal-proċedura ta' notifika tat-TBT u tagħmilha aktar aċċessibbli għall-industrija, b’mod partikolari l-SMEs.

– Tkompli tiżviluppa d-"diplomazija fil-materja prima" b’mod immirat u tiġi implimentata b'mod sħiħ l-istrateġija ta' internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs[55].

– Tappoġġa l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi u testendi l-għodod biex tiżgura l-IPRs tal-SMEs fis-swieq internazzjonali, inklużi l-inizjattivi tal-Helpdesk tal-IPRs għall-SMEs fir-reġjuni tal-ASEAN u tal-Mercosur u ttejjeb l-effikaċja ta’ strutturi ta’ appoġġ għan-negozji tal-UE f'pajjiżi terzi billi toħloq rabta bejniethom u n-Netwerk għall-Ewropew għall-Intrapriżi.

– Tippromwovi aktar il-kooperazzjoni u l-konverġenza regolatorji internazzjonali, speċjalment vis-à-vis l-pajjiżi ġirien, sabiex takkumpanja l-ħolqien tas-swieq għal prodotti u teknoloġiji ġodda u bil-ħsieb li tiżgura l-appoġġ reċiproku bejn l-inizjattivi tas-Suq Uniku u l-prijoritajiet esterni.

C.           L-aċċess għall-finanzi u s-swieq kapitali

L-irkupru u t-tkabbir futur tal-industrija Ewropea jiddependu fuq id-disponibbiltà tal-kapital biex jitwettqu l-investimenti meħtieġa għall-adozzjoni ta' teknoloġiji u apparati ġodda sabiex tiżdied il-kompetittività tagħna. Sfortunatament, il-konsultazzjoni tagħna mal-partijiet interessati u l-istħarriġ tagħna juru biċ-ċar li l-aċċess għas-swieq kapitali u għall-krediti jikkostitwixxi problema prinċipali għan-negozju Ewropew.

Id-domanda dgħajfa għall-kreditu tispjega parzjalment il-livelli attwalment baxxi tas-self bankarju, iżda r-restrizzjonijiet marbuta mal-provvista huma importanti ħafna wkoll[56]. It-tnaqqis fl-ingranaġġ u r-ristrutturar meħtieġa tas-settur bankarju x'aktarx li joħolqu dewmien għall-irkupru tas-self bankarju. Il-problema hija partikolarment serja għall-SMEs. Skont l-"Istħarriġ dwar l-Aċċess għall-Finanzjament tal-SMEs" imwettaq f'April mill-BĊE, l-SMEs irrapportaw rati ta' rifjut ogħla tal-applikazzjonijiet tagħhom għas-self (13 %, minn 10 % preċedentement).

Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji industrijali Ewropej jiddependu ħafna fuq is-self mill-bank. Fl-Istati Uniti, kemm it-titoli ta' dejn kif ukoll il-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-ekwità jaqbżu l-volum totali tal-assi tal-banek. Il-kontijiet tad-dejn fis-suq kapitali għall-finanzjament tal-intrapriżi huma biss 7 % tal-PDG fl-Ewropa meta mqabbla ma' 35 % fl-Istati Uniti[57]. Din il-karatteristika strutturali tal-ekonomija tal-UE tagħmel l-industrija tal-UE aktar sensittiva għall-impatt tal-kriżi bankarja, minħabba d-disponibbiltà limitata ta’ sorsi alternattivi ta’ finanzjament.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni qed tipproponi għadd ta' miżuri biex ittejjeb l-aċċess tal-industrija għall-kapital. L-ewwel grupp ta' miżuri jiddependi fuq l-appoġġ tas-settur pubbliku, filwaqt li t-tieni grupp jinkludi miżuri li jistgћu jiffaċilitaw l-aċċess għas-swieq kapitali.

1.           L-appoġġ tas-settur pubbliku biex jiffaċilita l-aċċess tal-industrija għall-kapital

L-ipprogrammar ġdid għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali mill-2014 sal-2020 se jissemplifika u jsaħħaħ l-effettività tal-istrumenti finanzjarji biex jappoġġaw l-attivitajiet innovattivi. Il-possibbiltà li jintużaw ir-riżorsi allokati għall-Orizzont 2020 flimkien mal-programm COSME se tiffaċilita t-tranżizzjoni mill-iżvilupp teknoloġiku għall-isfruttament tat-teknoloġiji ġodda mill-industrija u mis-suq. L-espansjoni tal-faċilità tal-finanzjament bil-qsim tar-riskju se tgħin biex tnaqqas ir-riskji għall-kumpaniji potenzjal ta' tkabbir għoli.

Il-Politika ta’ Koeżjoni tipprovdi approċċ integrat biex jiġu indirizzat l-ħtiġijiet tal-SMEs, li jkopri l-fażijiet kollha ta' ħolqien u żvilupp tan-negozju, u hija l-akbar sors ta' appoġġ tal-UE għall-SMEs b'volum totali ta' EUR 25 biljun immirati direttament lejn l-SMEs fil-perjodu finanzjarju attwali (2007-13) mill-EUR 55 biljun għall-appoġġ lin-negozji fil-Politika Reġjonali. Il-kompetittività tal-SMEs hija wkoll prijorità ċara li fuqha se jikkonċentra l-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni fil-ġejjieni. Il-miżuri ta’ appoġġ jikkombinaw l-appoġġ finanzjarju dirett, kemm fil-forma ta' għotjiet kif ukoll ta' strumenti finanzjarji rotattivi, b’servizzi ta' pariri u appoġġ, inkluż għat-taħriġ vokazzjonali u l-intraprenditorija. L-għan tagħha huwa li tgħin lill-SMEs jibbenefikaw minn netwerking u ragruppament u biex jiżviluppaw mudelli ġodda tan-negozju u jġibu ideat ġodda aktar malajr fis-swieq lokali u globali.

Il-Kummissjoni se tikkoopera mal-BEI u mal-EIF sabiex tiżgura l-implimentazzjoni ta' strumenti finanzjarji aktar effiċjenti u effettivi għall-investiment tar-riżorsi allokati fl-inizjattiva Orizzont 2020 u fil-programmi COSME.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-użu effettiv tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni msaħħa mill-kunċett ta’ "speċjalizzazzjoni intelliġenti" se jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi billi jtejjeb il-kompetittività industrijali (2013).

Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi[58], il-Kummissjoni se tniedi portal uniku li jipprovdi informazzjoni dwar kif jinkiseb l-aċċess għall-finanzi mill-programmi differenti tal-UE f’kull pajjiż.[59]

Minbarra dawn il-miżuri fuq medda medja u twila ta' żmien, iż-żieda fil-kapital tal-Bank Ewropew tal-Investiment ta’ EUR 10 biljun hija stmata li tiġġenera EUR 60 biljun ta' kapaċità ta' self addizzjonali fil-futur qarib. Fil-prinċipju, se jiġu allokati bejn EUR 10 biljun u EUR 15 il-biljun għall-SMEs, ammont simili għall-innovazzjoni u bejn EUR 15-il biljun u EUR 20 biljun għall-użu effiċjenti tar-riżorsi[60].

Sabiex jitħaffu l-irkupru u t-tkabbir:

– Iż-żieda fil-kapacità ta' self li tirriżulta miż-żieda fil-kapital tal-BEI se ssir disponibbli sa mill-2013, bl-użu tal-faċilitajiet ta' self attwali tal-BEI. Wara l-2014, se jiġu implimentati l-istrumenti ġodda żviluppati għall-qafas finanzjarju l-ġdid.

– L-Istati Membri għandhom jeżaminaw fil-kuntest tal-perjodu ta' programmar attwali tal-fondi strutturali għall-2007-2013 l-opportunitajiet kollha biex jidderieġu r-riżorsi li fadal lejn is-sitt linji prijoritarji definiti f'din il-Komunikazzjoni u fi proġetti li għandhom l-għan li jżidu l-kompetittività, b'mod partikolari dik tal-SMEs.

– L-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Aċċess għall-Finanzi tibqa' prijorità għolja fil-livell Ewropew biex ittejjeb l-aċċess tan-negozji għall-finanzi. L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu azzjoni biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali.

– L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu azzjoni biex jiġi ffaċilitat l-ambjent ta' finanzjament fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali b'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

2. L-aċċess għas-swieq kapitali

Il-kriżi kompliet tnaqqas l-għadd diġà limitat ta' għażliet ta' finanzjament disponibbli għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja. Is-suq tat-titolizzazzjoni għal self lill-SMEs għadu baxx. Tiġdid ta’ dan is-suq f'ambjent ta' regolamentazzjoni u superviżjoni prudenzjali aktar effettivi biex tiġi ppreżervata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jista' jikkontribwixxi għal finanzjament fit-tul ta' proġetti.

Il-perspettiva ekonomika li qed tiddeterjora kellha wkoll effett negattiv fuq id-disponibbiltà tal-kapital ta' riskju. Bosta fondi ta' kapital tar-riskju qed jieħdu ħsieb il-portafoll tal-kumpaniji tagħhom mingħajr ma jfittxu kuntratti ġodda. Il-fondi Ewropej tal-kapital ta' riskju għadhom fil-biċċa l-kbira ta' karattru nazzjonali, żgħar wisq u ta’ spiss ma jkunux kapaċi jiżguraw il-fluss tal-operazzjonijiet billi l-kundizzjonijiet ta' qafas għadhom mhux favorevoli biżżejjed.

L-iffaċilitar tal-aċċess tal-SMEs għas-swieq kapitali sar objettiv importanti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali. F'Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat pjan ta' azzjoni biex ittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi.[61] Fost miżuri oħra, dan il-pjan ta' Azzjoni jinkludi proposti biex jinħoloq Suq verament Uniku għall-fondi tal-Kapitali ta' Riskju fl-Ewropa u għal sistema ta' Fondi tal-Intraprenditorija Soċjali Ewropej ġdid ippreżentata mill-Kummissjoni f'Diċembru 2011. Il-Ftehim dwar dawn il-proposti mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew għandu jintlaħaq b'mod urġenti minħabba l-importanza ta' dawn il-miżuri għall-SMEs li qed jikbru malajr.

Minbarra l-ekwità, jistgħu jitqiesu tipi oħra tal-mezzi ta' finanzjament[62]. L-aktar tradizzjonali fosthom hija s-sistema privata ta' kollokament - stabbilita sewwa fl-Istati Uniti, li permezz tagħha s-settur tal-assigurazzjoni u tal-fondi tal-pensjoni jista' jipprovdi l-kapital direttament lin-negozji mingħajr intermedjazzjoni bankarja. Mezzi oħra jinkludu l-finanzjament tal-katina tal-provvista, fil-finanzjament ibbażat fuq l-assi, il-fatturament jew l-iskontar tal-fatturi, il-leasing, l-investituri provvidenzjali (business angels), u s-self peer-to-peer.

Il-progress fl-iżvilupp ta' dawn l-għażliet finanzjarji se jieħu ż-żmien u jeħtieġ kunsiderazzjoni prudenzjali mir-regolatur. Il-kategoriji tas-swieq tal-SMEs li ġew proposti reċentement fir-reviżjoni għad-Direttiva dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) jistgħu jkunu utli ferm biex tissaħħaħ il-protezzjoni għall-investitur. Sadanittant, jistgħu jiġu previsti xi soluzzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien, bl-għan li jegħlbu l-ostakli kurrenti għall-attivitajiet transfruntiera. Pereżempju, jistgħu jiġu pprovduti linji gwida biex jarmonizzaw in-notazzjoni tal-SMEs madwar l-UE. Dawn jiffaċilitaw l-operazzjonijiet transfruntiera mill-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja.

Fil-Green Paper li se tiġi ppreżentata lejn tmiem l-2012 rigward il-finanzjament ta' investiment fit-tul fl-UE, il-Kummissjoni se tkompli teżamina kif tista' tiffaċilita u tiddiversifika l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs u għall-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja.

Il-Kummissjoni se trawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar mezzi alternattivi ta' finanzjament tal-SMEs u tal-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja. Il-pajjiżi fejn is-swieq tal-kapital ta’ riskju għadhom serjament sottożviluppati għandhom jirrevedu l-ambjent operattiv tal-fondi tal-kapital ta' riskju sabiex jevalwaw l-azzjoni xierqa li ttejjeb l-aċċess għall-kapital tal-ekwità ta' kumpaniji b’potenzjal ta’ tkabbir għoli. Bl-istess mod għandu jkun hemm inċentivi adegwati għall-investituri provvidenzjali biex jagħmlu attraenti din il-forma ta' investiment.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jadottaw malajr il-proposta għal Regolament dwar il-Fondi Ewropej tal-Kapital ta' Riskju[63].

Fl-2012, il-Kummissjoni se tlesti l-eżami tal-ostakli fiskali għall-investimenti transfruntiera tal-kapital ta' riskju u tippreżenta l-proposti, fejn meħtieġ biex tiffaċilita dawn l-investimenti, filwaqt li fl-istess ħin tipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

D.          Ir-rwol kruċjali tal-kapital uman

1.         Jiġu indirizzati l-isfidi attwali: il-ħolqien tax-xogħol

L-aġġustamenti tas-suq matul il-kriżi u fil-perjodu ta' warjaha jirrikjedu koordinazzjoni mill-qrib tal-politiki rilevanti tal-UE u għal sforzi konġunti min-naħa tal-UE u tal-Istati Membri. Għal dak il-għan, l-Istati Membri ġew mistiedna mill-Kummissjoni[64] biex tagħmel aktar enfasi fuq il-politiki tal-ħolqien tal-impjiegi, kif indikat fil-Pakkett dwar l-Impjiegi propost f'April mill-Kummissjoni Ewropea. L-Istati Membri għandhom jenfasizzaw il-politiki għall-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment fl-isfruttar tal-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda u l-ekonomija ekoloġika u biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ. It-trasformazzjoni tal-ekonomija f'dan is-sens se żżid il-kompetittività u tipprovdi sorsi importanti ta' ħolqien tal-impjiegi, li huma indispensabbli biex tinkiseb il-mira ta' 75 % ta' impjiegi fl-UE sal-2020 permezz ta' 17,6 miljun impjieg ġdid li jridu jinħolqu.

Il-politika industrijali kompetittiva u effiċjenti tiddependi wkoll fuq is-swieq tax-xogħol dinamiċi u l-mobilità tax-xogħol hija fattur varjabbli ta' aġġustament ewlieni f'dan il-proċess. It-trasformazzjoni tal-għodda tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES) f’għodda Ewropea ta' kollokament u rekltuaġġ hija mfassla biex tiffaċilita t-tqabbil, il-kollokament u r-reklutaġġ fl-UE.

Il-kriżi wriet li, fi żminijiet ta' tnaqqis ekonomiku, il-flessibbiltà interna tista' tkun effettiva ħafna bħala mezz biex jinżammu l-impjiegi u jitnaqqsu l-ispejjeż ta' aġġustament, kif ġie kkonfermat fil-konsultazzjoni rigward il-Green Paper dwar ir-Ristrutturar[65], iżda dan jeħtieġ miżuri biex jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet professjonali bla xkiel kemm mill-imsieħba soċjali kif ukoll mill-awtoritajiet pubbliċi. L-Istati Membri għandhom iqisu r-riformi adattati u bbilanċjati fil-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-impjiegi sabiex jirrimedjaw is-segmentazzjoni jew biex iwaqqfu l-użu eċċessiv ta' kuntratti mhux standard u l-abbuż ta’ impjiegi indipendenti foloz. It-titjib tal-kwalità tal-apprendistati fl-Ewropa se jgħin biex jiffaċilita t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u jżid l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ.

Karatteristika komuni tal-pajjiżi fejn is-swieq tax-xogħol kienu l-iżjed resiljenti għall-kriżi hija l-importanza li tingħata lid-djalogu soċjali. Huwa importanti, għalhekk, li jiġu involuti l-imsieħba soċjali Ewropej u nazzjonali fi skambji ta' fehmiet aktar konsistenti.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ ambizzjuż u l-politiki għall-ħolqien tal-impjiegi bħala parti mill-Pjanijiet Nazzjonali tagħhom għall-Impjiegi.

Ir-riforma tan-netwerk tas-servizzi Ewropej għall-impjieg fiż-ŻEE (EURES) se tgħin fl-immaniġġar tal-ħtiġijiet tal-ħiliet u t-tranżazzjonijiet professjonali.

Fl-2012 għandu jiġi finalizzat qafas biex jinvolvi l-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-politiki tal-impjiegi, inklużi l-ħiliet u t-taħriġ, fis-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika.

Il-Kummissjoni qed taħdem favur Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati, li għandu jħeġġeġ lill-kumpaniji biex joffru apprendistati li jipprovdu kontenut ta’ tagħlim ta’ kwalità tajba, kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u kontribuzzjoni siewja għad-dħul fis-suq tax-xogħol.

2. L-investimenti fil-ħiliet u t-taħriġ biex jakkumpanjaw il-bidla strutturali

Is-suċċess tal-industrija Ewropea se jiddependi fuq il-kapaċità tagħha li tivvalorizza l-potenzjal eżistenti u futur tal-kapital uman fl-Ewropa, b'enfasi speċjali fuq is-sitt linji ta' azzjoni prijoritarji kif definiti f'din il-Komunikazzjoni. Il-konsultazzjoni tagħna enfasizzat l-importanza li l-industrija tagħti lill-ħiliet għall-kompetittività. Il-grupp ta' esperti dwar Ħiliet ġodda għal Impjiegi Ġodda[66] wera b' mod ċar il-ħtieġa li jgħaqqad flimkien l-edukazzjoni u t-taħriġ mal-industrija sabiex tiġi antiċipata aħjar id-domanda futura għall-ħiliet.

Il-ħiliet huma mutur ewlieni għat-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività: dawn jistabbilixxu s-sisien għall-produttività u l-innovazzjoni. Madankollu, l-Ewropa qed tħabbat wiċċha ma' sfidi serji relatati mal-provvista tal-ħiliet. Illum, diġà hemm nuqqasijiet ta' taqbil – u f''xi Stati Membri saħansitra nuqqasijiet ta' ħiliet – li jxekklu t-tkabbir u l-impjiegi. Is-sistema edukattiva għandha tipprovdi l-aħjar sett ta' ħiliet biex jintużaw fl-industrija, partikolarment għal dawk li jispiċċaw l-iskola u għall-gradwati. L-investiment fit-taħriġ huwa wkoll investiment fl-innovazzjoni, billi ħafna tibdil tekniku huwa l-frott ta' innovazzjonijiet li jsiru progressivament minn ħaddiema tas-sengħa u inġiniera fil-fabbrika[67]. Madankollu, prerekwiżit għal investiment f'ħiliet ġodda u t-taħriġ huwa l-ħtieġa li jkomplu jiġu żviluppati għodod biex jissorveljaw u jantiċipaw il-ħtiġijiet u l-ispariġġ fil-qasam tal-ħiliet. Fil-livell Ewropew, bħalissa qegħdin jiġu żviluppati bosta għodod għal dan il-għan.

3. L-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet fir-rigward tal-impjiegi u l-ħiliet u l-ġestjoni tar-ristrutturar fin-negozji

L-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet fir-rigward tal-impjiegi u l-ħiliet hija rikonoxxuta bħala essenzjali għas-suċċess ta' kull negozju; din tinfluwenza l-kompetittività u l-perspettiva fit-tul tal-kumpaniji irrispettivament mis-setturi industrijali li fihom huma attivi. F'dan il-kuntest, antiċipazzjoni tajba u ristrutturar ippreparat sewwa jista' jkollhom impatt pożittiv mhux biss fuq il-kompetittività sostnuta tan-negozji, iżda jistgħu jipproduċu riperkussjonijiet pożittivi fuq swieq u setturi oħra, filwaqt li jżidu l-impjegabbiltà ġenerali tal-forza tax-xogħol u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tagħhom lejn impjiegi ġodda. It-tweġibiet għall-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-"Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: X’tgħallimna mill-esperjenza reċenti" jikkonfermaw li l-antiċipazzjoni hija essenzjali għall- investimenti fil-kapital uman, filwaqt li waħda mill-isfidi ewlenin tibqa' d-definizzjoni tal-ħtiġijiet fir-rigward tal-impjiegi u l-ħiliet u l-investiment skont dan. B'mod partikolari, il-kapaċità tan-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju li jantiċipaw il-ħtiġijiet fir-rigward tal-impjiegi u l-ħiliet hija ħafna aktar limitata meta mqabbla ma' kumpaniji kbar u għalhekk huwa importanti li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jantiċipaw u jagħmlu għażliet xierqa f'termini ta' investimenti fil-kapital uman, anki bl-għan li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom li jmexxu 'l quddiem l-innovazzjoni u t-tkabbir fl-Ewropa.

Sabiex tqabbel l-ħiliet u l-impjiegi, il-Kummissjoni se:

1. tiżviluppa klassifikazzjoni multilingwi Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi u l-Impjiegi;

2. tippromwovi l-ħolqien tal-Kunsilli ta' Ħiliet Settorjali Ewropej u Alleanzi għall-Għarfien u l-Ħiliet Settorjali u tappoġġa l-iżvilupp ta' sħubijiet bejn għadd ta' partijiet interessati fis-settur tal-ICT sabiex tirranġa n-nuqqas ta' ħiliet fis-settur tal-ICT.

Il-Kummissjoni se tippromwovi l-adozzjoni ta' skemi ta' ċertifikazzjoni tal-ħiliet standardizzati permezz tal-Programm għall-Enerġija Intelliġenti fl-Ewropa fl-2013/2014.

Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fir-"reviżjoni tal-ħiliet" billi tipprovdilhom gwida tal-politika f'Komunikazzjoni f'Novembru dwar l-implimentazzjoni ta' riformi effiċjenti u l-iżvilupp tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ effettivi li se jwasslu għal provvista ta' ħiliet aħjar.

IV.         Konklużjoni: il-governanza u l-miri

L-industrija tista’ tikkontribwixxi ferm biex toħroġ l-ekonomija tal-UE mill-kriżi. Din il-Komunikazzjoni enfasizzat il-politika industrijali proattiva li tista' tkabbar il-kompetittività tagħna u tistabbilixxi s-sisien għall-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa. Il-miżuri proposti jservu biex isaħħu u jirfdu l-approċċ strateġiku għall-politika industrijali propost fl-2010.

Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa ta' dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib għadd ta' fatturi varjabbli ewlenin.

1. L-investiment

– Il-formazzjoni gross tal-kapital fiss bħala sehem tal-PDG kienet ta' 18,6 % fl-2011. Qabel il-kriżi, din laħqet 21,25 % tal-PDG fl-2007. L-isforz tal-investiment meħtieġ biex titjieb il-produttività tagħna jkun jeħtieġ livelli ta' investiment kif kienu qabel il-kriżi fl-2015 u livelli medji ta' aktar minn 23 % sal-2020. L-investiment fl-apparat bħalissa jammonta bejn 6 u 7 % tal-PDG. Sabiex titjieb il-produttività u jiġu introdotti teknoloġiji ġodda, jeħtieġ li dan l-investiment jirkupra l-livelli ta' qabel il-kriżi u jikber b'mod stabbli b'rati 'l fuq minn 9 % tal-PDG sal-2020.

2. Il-kummerċ fis-suq intern

– Il-kummerċ tal-prodotti fis-Suq Intern bħalissa jammonta għal ftit inqas minn 21 % tal-PDG[68]. F'suq intern imsaħħaħ mill-ġdid, din ir-rata għandha tkun ta' 25 % sal-2020.

3. L-SMEs

– B'konformità mal-aspirazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Inizjattiva ewlenija għall-Aġenda Diġitali, l-għadd ta' kumpaniji żgħar involuti f’bejgħ elettroniku għandu jiżdied biex jilħaq it-33 % sal-2015. Il-proporzjoni ta' SMEs li jesportaw fis-Suq Intern kien ta' 25 % skont l-istħarriġ tal-2009[69]. L-objettiv fuq medda medja ta' żmien huwa li l-SMEs ikunu involuti fis-suq barra mill-UE daqskemm huma involuti fis-suq intern.

Billi tikseb dawn il-miri, l-Unjoni se tkun tista' tindustrijalizza ruħha mill-ġdid, filwaqt li żżid is-sehem tal-industrija fil-PDG mil-livell attwali ta' madwar 16 % għal 20 % fl-2020.

Is-suċċess tal-politika industrijali jiddependi ferm fuq il-kapaċità tagħna li nisfruttaw is-sinerġiji. Il-politiki Komunitarji għandhom jiġu kkoordinati u sinkronizzati kif xieraq. L-attivitajiet tal-UE f’oqsma ewlenin li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ewropa 2020, bħall-investimenti fl-infrastrutturi, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-Aġenda Diġitali tagħna għall-Ewropa, l-azzjonijiet ta' politika għall-ħiliet u l-impjiegi, il-politika tagħna għall-kummerċ u l-investiment, il-politiki tagħna għas-suq intern, il-politika tagħna tal-kompetizzjoni, il-politika marittima u tat-trasport, il-politika tagħna għall-enerġija, l-ambjent u l-klima, se jiġu kkoordinati mill-qrib mal-iżviluppi fil-politika industrijali. Il-miżura tas-suċċess tagħna se tiddependi ħafna fuq il-kapaċità tagħna li nipproduċu bl-effettività konġunta massima f'dawn l-oqsma kollha.

Għandhom jittejbu s-sinerġiji bejn l-azzjonijiet immexxija mill-UE u l-politiki industrijali tal-Istati Membri. L-istrumenti ġodda tal-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020 se jgħinu lill-Istati Membri biex iżidu l-kompetittività tagħhom. Strateġija għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti hija meħtieġa bħala prekundizzjoni għall-użu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali bl-objettiv tematiku tat-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, speċjalment fl-SMEs, li jkopri ħafna mill-prijoritajiet għall-investiment proposti bħala linji ta' azzjoni prijoritarji f'din il-Komunikazzjoni. L-Istati Membri għandhom isegwu r-riformi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi approvati mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju.

L-implimentazzjoni tal-politika industrijali teħtieġ ukoll struttura ta’ governanza Ewropea aktar effettiva. Diġà sar progress f'dan ir-rigward fil-Komunikazzjoni tal-2010:

· Kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Membri nkisbet permezz tal-iżvilupp tas-Semestru Ewropew u l-monitoraġġ regolari tal-prestazzjoni tal-kompetittività u l-politiki fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 173 tat-Trattat ta' Lisbona. L-ewwel waħda minn serje ġdida ta' proġetti għal prattiki aħjar tlestiet fuq it-teknoloġiji abilitanti essenzjali, u għandha tkun segwita bi proġett ulterjuri dwar l-investiment dirett barrani.

· L-ittestjar tal-kompetittività tal-proposti ġodda tal-Kummissjoni ġew inkorporati b’suċċess fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt.

Madankollu, hemm ħafna lok għal titjib ulterjuri fil-governanza.

· Megħjun mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività u t-Tkabbir, il-Kunsill tal-Kompetittività se jivvaluta kull sena l-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u dwar l-effettività tal-miżuri tal-politika industrijali sabiex isaħħaħ il-kompetittività, filwaqt li jiżgura li dawn jikkonformaw mas-Semestru Ewropew.

· Ir-rappreżentanti tal-SMEs se jirrapportaw kull sena dwar l-effettività tal-miżuri nazzjonali u tal-UE biex itejbu l-kompetittività tal-SMEs f'pajjiżhom stess u jikkontribwixxu għas-Semestru Ewropew.

· It-task forces differenti għal-linji ta' azzjoni prijoritarji se jitwaqqfu kemm jista' jkun malajr. Dawn se jirrappurtaw darba fis-sena lill-Kunsill tal-Kompetittività. Dawn se jinkludu fil-ħidma tagħhom l-informazzjoni li tirriżulta mill-ipprogrammar tal-fondi strutturali.

· Il-Kummissjoni tistieden lir-reġjuni biex jibnu fuq l-istrateġiji tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti biex jikkontribwixxu għall-miri ta’ din il-Komunikazzjoni b'konsultazzjoni mill-qrib mas-settur privat u mal-atturi fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jidentifikaw oqsma ta' prijorità strateġika għall-investimenti bbażati fuq l-għarfien.

· Jinħtieġu sforzi ulterjuri biex tiġi żgurata l-kombinazzjoni tal-użu tal-istrumenti tal-Komunità bħalma huma l-inizjattiva Orizzont 2020 u COSME, mal-Fondi Strutturali u mal-fondi proprji tal-Istati Membri, b'mod partikolari għall-finanzjament ta' proġetti kbar ta' investiment, inklużi l-proġetti ta' dimostrazzjoni u l-linji pilota.

Anness: Il-miżuri ewlenin tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali

|| Għodda || Azzjoni Ewlenija || Proposta mill-Kummissjoni

L-iffaċilitar tal-investiment fit-teknoloġiji ġodda u fl-innovazzjoni

1 || Linji ta' azzjoni prijoritarji || Jittieħdu, b'kooperazzjoni mal-industrija u mal-Istati Membri, miżuri għall-iżvilupp rapidu tal-produzzjoni u s-swieq. -swieq għal teknoloġiji tal-manifattura avvanzati għal produzzjoni nadifa -swieq għal teknoloġiji abilitanti essenzjali -swieq ta' bijoprodotti -politika sostenibbli fil-qasam tal-industrija,il-kostruzzjoni u l-materja prima -vetturi nodfa -grilji intelliġenti || Se jinħolqu task forces iddedikati qabel tmiem l-2012 sabiex jiġu definiti pjanijiet direzzjonali għal kull linja ta' azzjoni.

2 || Il-miżuri ta' akkumpanjament || Jiġi żgurat qafas regolatorju simplifikat, prevedibbli u stabbli għall-prodotti u s-servizzi ġodda, inklużi l-istandards u ċ-ċertifikazzjoni xierqa. || Se jittieħdu azzjonijiet ulterjuri fil-qasam tal-istandardizzazzjoni, filwaqt li jitrawmu l-infrastrutturi u s-suq diġitali fl-2013

Aċċess għas-swieq

3 || It-titjib tas-Suq Intern għall-prodotti || Simplifikazzjoni u governanza aħjar tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Intern sabiex dan isir aktar stabbli u prevedibbli. Protezzjoni aħjar taċ-ċittadini kontra prodotti mhux konformi u kundizzjonijiet tas-suq imparzjali. || Jiġi adottat Pakkett dwar is-Sikurezza tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq sa tmiem l-2012 li jkun jikkonsisti f'Direttiva riveduta dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti, Regolament ġdid dwar is-Sorveljanza tas-Suq u Komunikazzjoni dwar pjan ta' azzjoni multiannwali għas-sorveljanza tas-suq mill-2012 sal-2015. Fl-2013 se jiġi definit pjan direzzjonali għar-riforma tas-Suq Intern għall-Prodotti

4 || Verifiki tal-adegwatezza || Titjieb il-konsistenza fl-implimentazzjoni u l-interazzjoni ta' dawk il-politiki l-aktar importanti għall-kompetittività. || Jitwettqu verifiki tal-adegwatezza tas-setturi tar-raffinar taż-żejt u tal-aluminju qabel tmiem l-2012.

5 || L-intraprenditorija || Titjib fil-kundizzjonijiet ta' qafas u l-miżuri ta' appoġġ għall-intraprenditorija kif ukoll azzjonijiet biex jistimolaw l-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali u kummerċ elettroniku. || Jiġi propost Pjan ta' Azzjoni għall-Intraprenditorija li jistabbilixxi r-rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri. Novembru 2012.

6 || Il-Proprjetà Intellettwali || Jitqiesu l-miżuri biex tiżdied it-trasparenza u jittejjeb it-trattament tal-IPRs fl-istandardizzazzjoni. L-SMEs jiġu appoġġati biex iħarsu u jużaw b'mod effettiv id-drittijiet tal-proporjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi inklużi l-pajjiżi tal-ASEAN u tal-Mercosur. || Fl-2013 se jiġu stabbiliti u se jsiru operazzjonali helpdesks ġodda tal-IPRs biex jappoġġaw lill-SMEs.

7 || Il-materja prima || Tiġi żviluppata aktar id-"diplomazija tal-materja prima" u jiġu promossi l-kooperazzjoni u l-konverġenza regolatorji internazzjonali, speċjalment vis-à-vis l-pajjiżi ġirien, sabiex takkumpanja l-ħolqien tas-swieq għal prodotti u teknoloġiji ġodda. || L-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' ftehimiet iffirmati f'missjonijiet preċedenti u f'missjonijiet ġodda li se jibdew f'Novembru 2012 mal-Marokk u mat-Tuneżija;

L-aċċess għall-finanzi u s-swieq kapitali

8 || L-SMEs || Tiġi ssimplifikata u msaħħa l-effettività tal-istrumenti finanzjarji biex jappoġġaw l-attivitajiet innovattivi mill-SMEs. Jitjieb u jiġi diversifikat l-aċċess tal-ekonomija reali għall-finanzi. || Faċilitajiet addizzjonali biex tiżdied il-kapaċità ta' self se jirriżultaw miż-żieda kapitali tal-BEI li se tkun disponibbli fl-2013. Il-proposti se jibnu fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-Green paper dwar il-finanzjament tal-investiment fit-tul fl-UE li hija mistennija sa tmiem l-2012.

9 || "Speċjalizzazzjoni intelliġenti" || L-Istati Membri se jkunu jistgħu jużaw b'mod effettiv il-fondi strutturali u ta' koeżjoni msaħħa mill-kunċett ta’ "speċjalizzazzjoni intelliġenti" biex jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Fil-kuntest tal-perjodu attwali tal-ipprogrammar tal-fondi strutturali bejn l-2007 u l-2013, dawn għandhom jisfruttaw l-opportunitajiet kollha biex jidderieġu r-riżorsi li fadal lejn l-investiment fl-innovazzjoni. || Dispożizzjonijiet ġodda tal-politika ta' koeżjoni għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali bejn l-2014 u l-2020 u l-iżvilupp tal-programmi COSME u Orizzont 2020.

Ir-rwol kruċjali tal-kapital uman    

10 || Ħiliet u taħriġ || Tlaqqigħ tal-ħiliet mal-impjiegi billi tiġi żviluppata klassifikazzjoni multilingwi Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi u l-Impjiegi. || Il-ħolqien tal-Kunsilli ta' Ħiliet Settorjali Ewropej u Alleanzi għall-Għarfien u l-Ħiliet Settorjali u jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' sħubijiet bejn għadd ta' partijiet interessati fis-settur tal-ICT sabiex jiġi rranġat in-nuqqas ta' ħiliet fis-settur tal-ICT. (2013) Jiġi żviluppat l-EURES f'għodda pan-Ewropea ta' kollokazzjoni u reklutaġġ Jiġi stabbilit Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati sabiex iħeġġeġ lill-kumpaniji joffru apprendistati għaż-żgħażagħ

[1]               L-attivitajiet industrijali jħallu wkoll riperkussjonijiet importanti fuq il-produzzjoni u l-impjieg f'setturi oħra. Għal kull 100 impjieg maħluqa fl-industrija, huwa stmat li jinħolqu bejn 60 u 200 impjieg ġdid fil-bqija tal-ekonomija, skont is-settur industrijali. Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff mehmuż.

[2]               Ara r-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jakkumpanjaw l-"Azzjoni għall-Istabbiltà, għat-Tkabbir u għall-Impjiegi" COM(2012) 299 tat-30 ta' Mejju 2012.

[3]               Perċentwal tal-manifattura fil-PDG skont il-kost tal-fattur, 2011: Eurostat (nama_nace_10_c)

[4]               COM(2010)614.

[5]               Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal SWD(2012) 297 għal rapport ta’ implimentazzjoni dettaljat dwar dawn l-azzjonijiet.

[6]               Dokument ta' ħidma li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2010 u jippreżenta evidenza b’appoġġ għall-azzjonijiet ta' politika inklużi f'din il-Komunikazzjoni. Appoġġ ulterjuri huwa pprovdut mir-rapport dwar il-Kompetittività tal-2012 u r-"Rapport dwar il-Prestazzjoni u l-Politiki tal-Kompetittività fl-Istati Membri" bbażati fuq l-Artikolu 173 tat-TFUE. Din il-Komunikazzjoni bbenefikat minn diskussjonijiet estensivi mal-Istati Membri, il-partijiet interessati u konsultazzjoni pubblika. Il-konferenza dwar l-innovazzjoni industrijali "Missjoni Tkabbir", li saret fid-29 ta' Mejju 2012 fi Brussell, tat kontribuzzjoni addizzjonali.

[7]               Ara t-tbassir tal-ECFIN għar-rebbiegħa tal-2012 http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/european_economy/2012/ee1upd_en.htm

[8]               L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija: Energy Prices and Taxes, it-Tieni Trimestru 2012

[9]               Ara Boston Consulting Group: "US manufacturing nears the tipping point", Marzu 2012.

[10]             L-inizjattiva ewlenija "Unjoni tal-Innovazzjoni", COM(2010) 546, tas-6 ta’ Ottubru 2010.

[11]             Ara Rifkin J. “The Third Industrial Revolution: How Lateral Power Is Transforming Energy, the Economy, and the World » Palgrave McMillan, New York 2011.

[12]             Il-Politika ta' Koeżjoni 2014-2020: Investiment fit-tkabbir u l-impjiegi COM(2011) 614 tas-6 ta’ Ottubru 2011

[13]             Roland Berger "GreenTech Made in Germany: update 2012"

http://www.rolandberger.com/media/pdf/Roland_Berger_Umbau_Energiesystem_20120208.pdf

[14]             "Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2010" SEC(2010) 1272

[15]             Dwar dan il-kunċett ara “Trends and challenges in demand-side innovation policies in Europe » fuq http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=5532&lang=en&tpa_id=135

[16]             "Strateġija Ewropea għal Teknoloġiji Ewlenin ta' Appoġġ – Pont għat-tkabbir u l-impjiegi" COM(2012) 341

[17]             Il-KETs ġew identifikati wkoll bħala qasam ta' prijorità għas-self awtorizzat permezz taż-żieda tal-kapital tal-BEI.

[18]             Ir-rapport tal-Europe Innova "Assessment of the Bio-based Products Market Potential for Innovation" 2010

[19]             "Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa" COM(2012) 60 tat-13 ta' Frar 2012.

[20]             http://www.cen.eu/cen/Sectors/Sectors/Biobased/Pages/default.aspx

[21]             "Valutazzjoni tal-Impatt tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija" SEC(2011) 779 tat-22 ta' Ġunju 2011.

[22]             http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sustainable-business/ecodesign/index_en.htm

[23]             "Il-materja prima ssir disponibbli għall-benesseri tal-Ewropa fil-ġejjieni - proposta għal Sħubija Ewropea tal-Innovazzjoni dwar il-materja prima" COM(2012) 82.

[24]             Imħabbar fil-Komunikazzjoni "L-Istrateġija tal-Kompetittività Sostenibbli fis-Settur tal-Kostruzzjoni u tal-Intrapriżi tiegħu" COM(2012) 433.

[25]             "Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew, COM(2011)650/3"

[26]             Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti. COM(2011) 144

[27]             COM(2011) 202 tat-12 ta' April 2011.

[28]             Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2011) 202 "Grilji intelliġenti: nimxu mill-innovazzjoni għall-użu tagħhom".

[29]             L-investiment fl-infrastrutturi huwa wkoll qasam ta' prijorità għal self li huwa possibbli permezz taż-żieda fil-kapital tal-BEI.

[30]             Proposta għal Regolament dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea COM(2011) 658

[31]             Dawn se jitwaqqfu b'rispett sħiħ għar-regoli dwar il-gruppi ta' esperti u korpi oħra stabbiliti mill-Kummissjoni (C(2010) 7649 u SEC(2010) 1360).

[32]             "Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea" COM(2010) 543 tat-8 ta' Ottubru 2010.

[33]             Eż. il-valutazzjonijiet mill-Istati Membri ppreżentati waqt il-Mejda Tonda tal-UE dwar ir-raffinar tal-Kummissjoni fil-15 ta' Mejju 2012 dwar l-impatt ikkombinat tal-politiki tal-UE dwar ir-raffinar.

[34]             Id-Direttiva COM(98/34)/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni.

[35]             Il-proposta dwar l-impatt ambjentali mħabbra fl-Att dwar is-Suq Uniku se titnieda fl-2013 f'Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

[36]             Il-konferenza tad-DĠ ENTR dwar is-Sorveljanza tas-Suq u l-Makkinarju, l-24 ta’ Novembru 2011:

http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/mechanical/machinery/market-surveillance/index_en.htm

[37]             Albert Bravo-Biosca "The dynamics of Europe's industrial structure and the growth of innovative firms" il-konferenza ta' JRC f'Seville, Ottubru 2011.

[38]             Boston Consulting Group "The internet economy in the G-20" Marzu 2012.

[39]             COM(2010)245.

[40]             COM(2011) 942 "Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online". Ara wkoll COM(2011) 942 finali "Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online".

[41]             COM(2012) 225 "Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej – Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir".

[42]             Ir-reġistrazzjoni u l-ispejjeż tat-traduzzjoni għall-ksib ta’ protezzjoni tal-privattivi fl-Ewropa se jonqsu b'massimu ta' 80 %.

[43]             Ara "Patent Translate", http://www.epo.org/searching/free/patent-translate.html.

[44]             L-"għoqod ta' privattivi" jseħħu fejn għadd sinifikanti ta’ privattivi jikkonċernaw prodott partikolari u jinżammu minn sidien ta' privattivi differenti. L-akkumulazzjoni tad-drittijiet dovuti għall-użu ta' propjetà tirriżulta mill-ipprezzar indipendenti ta' dawn il-privattivi komplementari. L-għoqod ta' privattivi huma prevalenti fit-teknoloġija tal-komunikazzjoni, is-semikundutturi l-ottika, il-makkinarju elettriku u teknoloġija medika.

[45]             L-"imbuskati għall-privattivi" jseħħu meta l-parteċipant fi proċedura ta' standardizzazzjoni jiżvela li hu jżomm il-privattivi jew l-applikazzjonijiet għall-privattivi rigward teknoloġija inkluża fl-istandard biss ladarba l-istandard jiġi adottat u mbagħad jirrifjuta li jagħti liċenzja għal dawn il-privattivi jew jagħtiha biss fuq kundizzjonijiet inġusti, mhux raġonevoli jew diskriminatorji.

[46]             Ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tad-19.04.2012; ĠU L 129, 16.05.2012, p. 1

[47]             http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/stakeholders/index_en.htm#maincontentSec2

[48]             COM(2012)70, "Ir-Rapport tal-2012 dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment".

[49]             COM(2010) 612, Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija". Ara wkoll SWD(2012)219.

[50]             COM(2010)343, "Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew".

[51]             Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-attrazzjoni tal-investiment fl-Ewropa.

[52]             Id-DĠ KUMMERĊ, "Il-Politika Kummerċjali tal-UE għall-Materja prima. It-Tieni Rapport ta' Attività".

[53]             F'dan il-qasam il-Kummissjoni qed tiżviluppa wkoll inizjattivi oħra bħalma huwa 'l hekk imsejjaħ rappurtar pajjiż pajjiż.

[54]             Ittra ta' intenzjoni dwar il-kooperazzjoni fiż-żona tar-riżorsi minerali mal-Groenlandja ġiet iffirmata f'Ġunju 2012 - L-iżvilupp ta’ Politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-Reġjun Artiku, JOIN(2012) 19 finali

[55]             COM(2011)702, "Negozju Żgħir, Dinja Kbira— sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali".

[56]             Ir-Rapport tal-integrazzjoni finanzjarja tal-BĊE għall-2012 jiddikjara li "l-indeboliment u l-frammentazzjoni tas-sorsi ta' finanzjament tal-banek taż-żona tal-euro affettwaw ukoll, permezz tat-trażmissjoni, il-kundizzjonijiet tas-self disponibbli għall-ekonomija reali". BĊE, Financial Integration Report, April 2012, paġna 57.

[57]             Standard & Poors, "The Credit Overhang", RatingsDirect, 31 ta' Lulju 2012, paġna 5.

[58]             COM(2011) 870 finali

[59]             Sabiex tikseb aċċess għall-istrumenti finanzjarji tal-UE, jekk jogħġbok żur il-websajt li ġejja biex issir taf dwar il-banek jew il-fondi tal-kapital ta' riskju li jipprovdu finanzjament f'pajjiżek: http://access2finance.eu

[60]             EIB Lending Priorities Associated with a Capital Increase: A joint European Commission and European Investment Bank report to the European Council: http://www.eib.org/attachments/lending-policy-associated-with-a-capital-increase-final.pdf

[61]             COM(2011) 870 finali

[62]             Bosta Stati Membri diġà jipprovdu lill-SMEs u lill-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja b’mezzi alternattivi ta’ finanzjament. Fil-Ġermanja, ħames Boroż wettqu 50 ħarġa ta' bonds għal kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja b'volumi individwali li normalment ivarjaw bejn EUR 30 miljun u EUR 100 miljun. Żewġ swieq alternattivi ġodda se jitniedu fil-ħarifa fi Franza u fl-Isvezja. Fl-Italja, is-suq bi dħul fiss se jwessa' l-possibbiltjiet għall-kummerċ biex jinkludi titoli mhux ikkwotati minn qabel. Id-Dipartiment għan-Negozju, l-Innovazzjoni u l-Ħiliet fir-Renju Unit nieda reviżjoni komprensiva tal-mezzi alternattivi ta' finanzjament, inklużi s-swieq bi dħul fiss.

[63]             COM(2011) 860 finali

[64]             COM (2012) 173 finali, Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi, COM(2012) 299 finali, Azzjoni għall-Istabilità, għat-Tkabbir u għall-Impjiegi.

[65]             "Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: X'tgħallimna mill-esperjenza reċenti?" COM(2012)7.

[66]             Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda: Azzjoni Issa Rapport mill-Grupp ta' Esperti dwar Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda ppreparat għall-Kummissjoni Ewropea, Frar 2010 disponibbli fuq           http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=568&langId=en

[67]             L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) għandu rwol fundamentali fit-trawwim tat-talenti minn pajjiż għall-ieħor u tal-innovazzjoni mmexxija min-nies permezz tal-integrazzjoni tar-riċerka, l-edukazzjoni ogħla u n-negozju - it-Trijangolu tal-għarfien. Permezz tal-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI), l-EIT jipprovdi toroq ġodda fil-karriera bejn l-edukazzjoni ogħla u s-settur privat, u skemi innovattivi għall-iżvilupp professjonali. L-intraprenditorija hija komponent ewlieni tal-programmi tal-KICs tal-EIT, li permezz tagħha l-istudenti u r-riċerkaturi ta' klassi dinjija jkunu mgħammra bl-għarfien u l-attitudnijiet li jittrasformaw l-ideat f'opportunitajiet ġodda tan-negozju.

[68]             Sors: L-Istatistika tal-Eurostat fil-Fokus 3/2012

[69]             Id-DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija, "Stħarriġ dwar l-Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs", 2010.

Top