EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0554

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Rapport intermedju dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar Minorenni mhux Akkumpanjati

/* COM/2012/0554 final */

52012DC0554

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Rapport intermedju dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar Minorenni mhux Akkumpanjati /* COM/2012/0554 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport intermedju dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar Minorenni mhux Akkumpanjati

I. Introduzzjoni

F'Mejju 2010, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta' Azzjoni dwar Minorenni mhux Akkumpanjati (2010-2014)[1], segwit mill-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill f’Ġunju 2010 dwar il-minorenni mhux akkumpanjati[2]. Il-Pjan ta’ Azzjoni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill iressqu approċċ komuni għall-UE kollha bbażat fuq il-prinċipju tal-aħjar interess tat-tfal. Huma identifikaw il-linji ta’ azzjoni ewlenin, bħall-prevenzjoni, l-akkoljenza u l-identifikazzjoni ta' soluzzjonijiet fit-tul li għandhom jiġu implimentati permezz ta’ serje ta' miżuri prattiċi li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea (UE), l-Istati Membri tal-UE u l-partijiet interessati għandhom jieħdu.

Il-Pjan ta’ Azzjoni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill stiednu lill-Kummissjoni sabiex tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħhom sa nofs l-2012. Dan ir-Rapport Intermedju jitfa’ dawl fuq l-iżviluppi ta’ bejn Mejju 2010 u Ġunju 2012 u jidentifika l-oqsma li jeħtieġu iktar attenzjoni u azzjoni mmirata matul is-sentejn li ġejjin. Ir-rapport huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal[3], li jipprovdi deskrizzjoni aktar iddettaljata tal-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, kif ukoll tal-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE. Jirreferi wkoll, fejn xieraq, għal attivitajiet ta’ atturi oħra. Ir-Rapport u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal huma bbażati fuq ir-riċerka, il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u d-djalogu kontinwu ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

II. Il-Qagħda Attwali

L-iżviluppi tal-aħħar sentejn juru li l-wasla ta' minorenni mhux akkumpanjati[4] mhix fenomenu temporanju, iżda karatteristika fit-tul ta’ migrazzjoni lejn l-UE, u li hemm bżonn ta' approċċ komuni mill-UE għal dan il-grupp ta’ migranti.

Ir-raġunijiet wara l-wasla ta’ tfal mhux akkumpanjati jibqgħu varjati kif ukoll relatati ma’ xulxin. Xi wħud qed jaħarbu konflitti armati, diżastri naturali, diskriminazzjoni jew persekuzzjoni. F'dan il-kuntest, avvenimenti dinjija bħall-kunflitt fl-Afganistan u l-Iraq, jew l-instabilità politika marbuta mal-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija, jistgħu jidhru bħala fatturi importanti li jikkontribwixxu għal flussi bħal dawn. L-Afganistan u l-Iraq kienu l-pajjiżi ewlenin minn fejn oriġinaw minorenni mhux akkumpanjati fl-UE fl-2009[5], u fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma komplew ikunu pajjiżi importanti bħala sors flimkien ma’ pajjiżi “fil-Qarn tal-Afrika” fl-2010[6]. Xi tfal ma jitilqux minn rajhom, iżda jiġu mibgħuta mill-familji tagħhom sabiex jevitaw il-persekuzzjoni politika, sabiex ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u l-assistenza soċjali miċħuda lilhom f'pajjiżhom, jew sempliċiment biex jaħarbu l-faqar u jsibu impjieg fl-UE[7], filwaqt li oħrajn ifittxu li jingħaqdu ma’ membri tal-familja li diġà jkunu fit-territorju tal-UE. Fl-aħħar mill-aħħar, xi minorenni mhux akkumpanjati jaslu bħala vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, iddestinati għall-isfruttament.

Kif ġie nnutat fil-Pjan ta’ Azzjoni, l-istatistiċi dwar dan il-grupp ta' migranti huma limitati u minkejja xi titjib fil-ġbir tad-dejta, dan huwa l-każ anki issa. L-aktar dejta disponibbli affidabbli hija dik dwar minorenni mhux akkumpanjati li applikaw għall-asil. Fl-2011, kien hemm madwar 12,225 applikazzjoni għall-asil fl-UE27 – numru komparabbli mas-snin preċedenti[8] – li jissuġġerixxi li din it-tip ta’ migrazzjoni għadha importanti ħafna. Fuq tipi oħra ta’ flussi ta' minorenni mhux akkumpanjati hija disponibbli inqas informazzjoni. Fl-2011, l-għadd irrappurtat ta’ permessi ta’ residenza maħruġ mill-Istati Membri għall-minorenni mhux akkumpanjati kien jilħaq l-4,406.[9] Kollox ma' kollox l-evidenza turi li ma kien hemm l-ebda tnaqqis fl-għadd ta’ tfal li jaslu l-UE, u dan mhux probabbli li se jinbidel fis-snin li ġejjin.

Il-firxa u n-natura tal-flussi għadhom qed ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. F’xi Stati Membri, il-minorenni mhux akkumpanjati jaslu fil-biċċa l-kbira bħala persuni li jfittxu l-asil. L-Iżvezja, fejn l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-asil mressqa minn tfal mhux akkumpanjati żdied minn sena għal sena b’mod konsistenti, minn 1,510 fl-2008 għal 2,655 fl-2011, huwa eżempju wieħed. Bl-istess mod, fil-Ġermanja matul l-istess perjodu, in-numru ta’ applikazzjonijiet għall-asil minn dan il-grupp ta' migranti kważi ttrippla minn 765 għal 2,125[10].

Fi Stati Membri oħra, il-flussi tal-asil huma relattivament inqas sinifikanti meta mqabbla mat-tfal li jaslu bħala migranti rregolari. Dan huwa l-każ tal-Italja u ta’ Spanja, li fl-2010 ħarġu l-ewwel permessi għal 2,278 u 819-il tifel u tifla mhux akkumpanjati li qed ifittxu l-asil[11]. Proporzjon dejjem jiżdied ta’ dawn il-flussi rregolari huwa minħabba l-inkwiet politiku fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u bnadi oħra. Pereżempju, l-Italja nnutat li, f’dawn l-aħħar snin, il-flussi ta’ minorenni mhux akkumpanjati li joriġinaw mill-pajjiżi tas-soltu, bħall-Albanija, naqsu, filwaqt li kien hemm żieda f’dawk il-flussi minn pajjiżi fl-Afrika u l-Lvant Nofsani li kienu socjalment u politikament instabbli.

L-aħħar Stati Membri huma grupp ta’ pajjiżi ta’ tranżitu, li jirċievu ftit li xejn applikazzjonijiet għall-asil minn tfal mhux akkumpanjati – tipikament anqas minn 60 fis-sena[12] – iżda li permezz tagħhom xi tfal jilħqu l-pajjiż ta’ destinazzjoni tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jaqgħu f'din il-kategorija.

III. Il-ġbir ta' dejta

Il-ġbir tad-dejta għadu waħda mill-isfidi ewlenin. Il-fatt li l-minorenni mhux akkumpanjati mhumiex grupp omoġenju, u jieħdu ħsiebhom awtoritajiet differenti, ifisser li mhux il-minorenni kollha mhux akkumpanjati huma parti mill-ġbir regolari tad-dejta tal-Istati Membri. Filwaqt li hemm dejta fi statistika affidabbli dwar it-tfal mhux akkumpanjati li qegħdin jitolbu asil, hemm inqas statistiċi dwar dawk li emigraw b’mod irregolari jew li ġew ittraffikati.

Madankollu, kien hemm titjib sinifikanti kemm fil-ġbir kif ukoll fl-iskambju ta’ dejta kwantitattiva u kwalitattiva matul l-aħħar sentejn. Ir-reviżjoni tal-Linji Gwida għall-ġbir tad-dejta skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar l-Istatistika[13] fl-2011 ppermettiet lill-Eurostat biex tiġbor dejta dwar kategorija addizzjonali ta’ permessi, l-aktar permessi ta’ residenza maħruġa lil minorenni mhux akkumpanjati li ma japplikawx għal asil jew li ma jkunux ingħataw permess ta’ residenza bħala vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, li tagħti idea tal-iskala u d-dinamika ta’ migrazzjoni relatata ma’ dawk li ma jfittxux asil[14]. F’Settembru 2010, il-Frontex ippubblikat valutazzjoni tar-riskju bil-mira li tanalizza l-għadd, in-nazzjonalitajiet, ir-rotot u modi kif tista’ tiġi ffaċilitata l-migrazzjoni ta’ dawk il-minorenni mhux akkumpanjati li jkunu qed ifittxu l-asil[15]. In-Netwerk Ewropew ta’ Migrazzjoni (EMN) kompla jkollu rwol importanti fl-iskambju tad-dejta dwar it-tfal mhux akkumpanjati. Inkesta ad hoc mwettqa fl-ewwel kwart tal-2012 pprovdiet statistiċi aġġornati u tagħrif dwar prattiki li jirrigwardaw dawk li japplikaw għall-asil[16].

L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO)[17] li għadu kif twaqqaf, hu involut ukoll fil-qsim u l-monitoraġġ tad-dejta. Il-Programm ta’ Ħidma tal-2012 jipprevedi t-twaqqif ta' sistema għall-qsim u l-monitoraġġ tal-informazzjoni tal-EASO dwar it-tfal mhux akkumpanjati, u l-ġbir tad-dejta kif ukoll l-iżvilupp ta’ Informazzjoni dwar il-Pajjiż ta' Oriġini (COI).[18]

It-Triq 'il quddiem

Sforzi addizzjonali investiti fil-ġbir u l-iskambju ta’ dejta kwantitattiva u kwalitattiva — inklużi l-istatistiċi li jagħmlu distinzjoni bejn is-sessi — għandhom jitwettqu mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji tal-UE, kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi u internazzjonali. Jeħtieġ li tkompli titjieb il-komparabilità tad-dejta miġbura madwar l-UE. L-Istati Membri huma mħeġġa jibqgħu jiġbru d-dejta dwar il-minorenni mhux akkumpanjati li jkunu qed ifittxu l-asil, iżda wkoll dwar dawk li huma migranti rregolari jew vittmi tat-traffikar. B'mod partikolari, id-dejta dwar it-traffikar tal-minorenni għandha tkun maqsuma ulterjorment sabiex tikseb informazzjoni dwar minorenni mhux akkumpanjati li huma vittmi tat-traffikar.

Il-ġbir tad-dejta m'għandux ikun limitat għall-ġabra tal-bidu, jiġifieri fil-mument meta t-tfal mhux akkumpanjati jidħlu fi Stat Membru. Huwa meħtieġ ukoll li jitjieb l-għarfien ta’ x’jiġri minnhom ġaladarba jkunu fit-territorju tal-UE. Kull meta jkun possibbli, l-Istati Membri għandhom jiġbru dejta kwantitattiva u kwalitattiva dwar l-għadd ta’ minorenni mhux akkumpanjati li jaħarbu minn faċilitajiet ta' indukrar, it-tipi ta’ servizzi u l-appoġġ ipprovduti fl-istadji differenti tal-proċeduri applikabbli (bħal proċeduri mgħaġġla, proċeduri tal-fruntiera, il-valutazzjonijiet tal-età, it-traċċar tal-familji, il-ħatra ta' gwardjani, eċċ.). Fl-aħħarnett, għandha wkoll tiġi miġbura dejta fi statistika dwar l-għadd ta’ minorenni mhux akkumpanjati li jiġu mibgħuta lura.[19]

Fl-2013-14, il-Kummissjoni se twettaq studju biex tiġbor dejta mill-UE kollha dwar l-involviment tat-tfal fil-proċeduri ġudizzjarji kriminali, ċivili u amministrattivi bħala parti minn proġett pilota appoġġjat mill-Parlament Ewropew. F'dan il-kuntest, se tiġbor statistika bbażata fuq indikaturi relevanti u tipprovdi ħarsa ġenerali tal-involviment ta' minorenni mhux akkumpanjati fil-proċeduri amministrattivi ġudizzjarji fl-UE.

L-EASO se tiffaċilita aktar skambju tal-informazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ tagħrif permezz ta' laqgħat tal-esperti ddedikati għat-tfal mhux akkumpanjati. Sa tmiem l-2012, l-EASO se tipproduċi r-Rapport tas-COI dwar l-Afganistan , li se jinkludi kwistjonijiet rilevanti speċifiċi dwar gruppi vulnerabbli, inklużi t-tfal mhux akkumpanjati.

IV. Il-prevenzjoni tal-migrazzjoni mhux sikura u t-traffikar

Il-pjan ta’ Azzjoni jirrikonoxxi li l-prevenzjoni tal-migrazzjoni mhux sikura u tat-traffikar tat-tfal hija l-ewwel pass sabiex tkun ittrattata b’mod effettiv il-kwistjoni tal-migrazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati. Għal dan il-għan, l-UE u l-Istati Membri tagħha komplew jintegraw il-migrazzjoni, u b’mod partikolari l-migrazzjoni tat-tfal, mal-koperazzjoni għall-iżvilupp. Huma impenjaw ruħhom wkoll li jissensibilizzaw u jħarrġu sabiex jiġu identifikati aħjar mill-ewwel il-vittmi tat-traffikar, u sabiex jinfurmaw lit-tfal u lill-familji tagħhom dwar ir-riskji tal-emigrazzjoni rregolari. L-aħħar qasam ta’ attività kien l-iżvilupp ta’ sistemi integrati għall-ħarsien tat-tfal.

Taħt il-Programm Tematiku dwar il-Migrazzjoni u l-Asil, il-Programm Tematiku Investiment fin-Nies, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp[20], l-UE ffinanzjat proġetti għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni mhux sikura u tat-traffikar, biex titqajjem kuxjenza favur it-tfal li jinsabu f’riskju, u biex tħarreġ persunal speċjalizzat biex jiġu individwati sitwazzjonijiet ta' riskju. L-UE kompliet ukoll tappoġġja lil pajjiżi terzi sabiex isaħħu l-kapaċità leġiżlattiva u amministrattiva tagħhom biex jidentifikaw lit-tfal li jkunu qed ifittxu l-asil u lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin[21].

Ċentri ta’ finanzjament nazzjonali u tal-UE fil-pajjiżi ta' oriġini, bħas-Senegal, il-Marokk, il-Moldova, l-Eġittu, il-Kenja, il-Gwatemala u l-Bolivja, li jipprovdu kenn u edukazzjoni lill-minorenni, kellhom riżultati inkoraġġanti[22]. Qed jiġu wkoll varati kampanji ta’ informazzjoni, u qed isiru attivitajiet għall-bini tal-kapaċitajiet għall-awtoritajiet nazzjonali u l-gwardjani tal-fruntiera[23].

Parti importanti għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni mhux sikura u t-traffikar kien l-impenn kontinwu ma' pajjiżi terzi. Il-minorenni mhux akkumpanjati kienu diskussi fil-kuntest tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem[24]. L-UE kompliet timplimenta l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal[25]. Huwa mistenni li r-reviżjoni tal-2012 tal-Linji Gwida se tagħmel iktar enfasi fuq dawk l-aktar vulnerabbli, bħal fil-każ ta’ tfal mhux akkumpanjati.

Il-kwistjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati hija indirizzata fil-qafas ta’ djalogi dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità, bħas-sħubija bejn l-UE u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni, il-Mobilità u l-Impjiegi kif ukoll bħall-Proċess ta’ Rabat dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp. Ġiet diskussa f'Marzu 2011 fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Affarijiet Soċjali u ta’ Migrazzjoni mal-Marokk, kif ukoll fid-Djalogu dwar il-Migrazzjoni, il-Mobilità u s-Sigurtà varat f'Ottubru 2011 mat-Tuneżija u l-Marokk. Azzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw minorenni mhux akkumpanjati huma elenkati wkoll fil-Pjan ta’ Azzjoni 2012-2016 tal-proċess ta’ Praga[26].

Prattiki u esperjenzi dwar kif se jiġi ttrattat dan il-grupp ta’ migranti kienu kondiviżi mill-pajjiżi li jirċevuhom fil-kuntest tal-G8 u tal-Pjattaforma bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-Koperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ Migrazzjoni u Refuġjati. Fl-2011, Spanja organizzat seminar dwar minorenni mhux akkumpanjati bħala parti mill-pjattaforma ta’ bejn l-UE u l-Istati Uniti, li ppermettiet skambju ta’ opinjonijiet u prattiki fost l-Istati Membri tal-UE u l-Istati Uniti[27].

Sabiex titjieb l-informazzjoni għall-migranti prospettivi, il-Kummissjoni inkludiet referenza speċifika għal tfal mhux akkumpanjati fil-Portal tal-UE dwar l-Immigrazzjoni, imniedi f’Novembru 2011[28].

It-triq 'il quddiem

L-UE u l-Istati Membri għandhom ikomplu jindirizzaw il-kwistjoni tal-migrazzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati fil-kuntest ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp. Iktar qsim ta’ informazzjoni dwar l-inizjattivi li qed jittieħdu u dwar l-azzjonijiet ippjanati huwa vitali sabiex jiġi massimizzat l-użu tar-riżorsi disponibbli. Id-diskussjonijiet dwar il-qafas tal-baġit tal-UE għall-2014-2020 għandhom jirriżultaw f’koordinazzjoni aħjar tal-fondi esterni.[29]

Hemm ukoll il-ħtieġa ta’ impenn kontinwu ma’ pajjiżi ta' oriġini u ta’ tranżitu. Koperazzjoni stabbli ma’ pajjiżi terzi se tgħin lill-UE u lill-Istati Membri sabiex jifhmu aħjar il-bżonnijiet tagħhom, li min-naħa tagħhom se jappoġġjaw it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti futuri. Huwa importanti li din il-koperazzjoni ma tkunx limitata għal miżuri ta' prevenzjoni, iżda għandha tindirizza ukoll kwistjonijiet oħra relevanti billi jerġgħu jissawru r-rabtiet familjari, jiġi żgurat ir-ritorn sikur tat-tfal, u jiġi evitat ir-riskju tat-traffikar mill-ġdid. Dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest ta’ sħubiji dwar mobilità u fi djalogi mal-pajjiżi ewlenin tal-oriġini.

Aktar skambji ma’ pajjiżi destinatarji mhux tal-UE għal minorenni mhux akkumpanjati għandhom ikunu mħeġġa, mhux biss sabiex ikun hemm il-qsim ta’ esperjenzi u ta’ prattika tajba, iżda wkoll sabiex jinstabu soluzzjonijiet konkreti fir-rigward ta’ prevenzjoni, traċċar tal-familja u ritorn sikur.

V. L-akkoljenza u l-garanziji proċedurali fl-UE

Il-Pjan ta’ Azzjoni rrikonoxxa l-importanza ta' miżuri ta’ akkoljenza sabiex ikun żgurat li l-indukrar u l-għajnuna xierqa jingħataw lill-minorenni mhux akkumpanjati li jsibu ruħhom fit-territorju tal-UE. Għaldaqstant l-UE kompliet issaħħaħ il-miżuri ta’ akkoljenza u aċċess għall-garanziji proċedurali relevanti għal dawn it-tfal.

Ġew proposti emendi għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-Konvenzjoni li timplimenta il-Ftehim ta' Schengen sabiex jittejjeb it-trattament ta’ minorenni mhux akkumpanjati fil-fruntieri. Dawn se jintroduċu l-modulu ta’ taħriġ dwar il-minorenni mhux akkumpanjati għall-gwardjani tal-fruntieri u formalment se tiġi stabbilita lista ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali għal skopijiet ta’ konsultazzjoni dwar minorenni, li l-użu tagħha se jkun obbligatorju. L-Operazzjoni Konġunta Hammer immexxija mill-FRONTEX tat linji gwida operattivi dwar kif għandhom jiġu ttrattati t-tfal, inklużi t-tfal mhux akkumpanjati, fil-fruntieri esterni. Seminar bit-titlu “Minorenni mhux Akkumpanjati: it-tfal li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE għall-protezzjoni”, li ġie organizzat waqt il-Presidenza Belġjana, ta sett ta' rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-atturi transnazzjonali[30].

Rigward il-minorenni mhux akkumpanjati li jkunu qed ifittxu l-asil, l-UE qiegħda fil-proċess li tiffinalizza n-negozjati dwar ir-reviżjoni tal-acquis dwar l-asil li hu mistenni jsaħħaħ il-protezzjoni ta’ dan il-grupp ta' migranti. F'Diċembru 2011, ġiet adottata d-Direttiva dwar il-Kwalifika[31]. Id-Direttiva ssaħħaħ id-dispożizzjoni dwar it-traċċar tal-membri tal-familja u, għall-ewwel darba, tipprovdi lista indikattiva ta’ kunsiderazzjonijiet li għandhom jitqiesu meta jiġu ddeterminati l-aħjar interessi tat-tfal.

F'April 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (id-Direttiva dwar it-Traffikar tal-Bnedmin).[32] Id-Direttiva tinkludi dispożizzjonijiet ġodda, appoġġ u protezzjoni lil tfal mhux akkumpanjati li huma vittmi tat-traffikar. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li jiġu adottati azzjonijiet speċifiċi sabiex it-tfal vittma tat-traffikar tal-bnedmin jiġu assistiti u appoġjati wara valutazzjoni individwali taċ-ċirkostanzi speċjali ta’ dak it-tifel jew dik it-tifla partikolari li jkunu vittma, filwaqt li jitqiesu l-fehmiet tat-tfal, il-bżonnijiet u t-tħassib sabiex tinstab soluzzjoni dejjiema għal dak it-tifel jew dik it-tifla. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ukoll jaħtru kustodju jew rappreżentant mill-mument li t-tifel jew tifla jkun/tkun identifikat(a) mill-awtoritajiet.

Il-Kummissjoni waqqfet grupp ta’ esperti dwar minorenni mhux akkumpanjati fil-proċess ta’ migrazzjoni sabiex jiskambjaw opinjonijiet u prattiki dwar diversi kwistjonijiet f'dan il-qasam[33]. L-ewwel laqgħa tematika li saret nhar il-21 ta’ Ġunju 2011 kienet fuq il-kustodja. Il-laqgħa kkonfermat li l-kustodja hija waħda mill-elementi kruċjali tal-protezzjoni tat-tfal u li, anke jekk m’hemmx mudell uniku ta’ kustodja, hemm sfidi komuni fi ħdan l-UE, bħall-bżonn li jiġu mħarrġa l-kustodji. Sabiex ikunu appoġġjati netwerks ta’ kustodja, il-Kummissjoni ffinanzjat il-proġett “Netwerk Ewropew tal-Istituzzjonijiet ta' Kustodja: il-Kustodja fil-prattika”, li qed tiġi implimentata mill-Fondazzjoni NIDOS[34]. Hija ffinanzjat ukoll proġett immexxi minn Defence for Children-il-Pajjiżi l-Baxxi, li rriżulta fil-formulazzjoni ta’ standards prinċipali għall-kustodji ta' tfal mhux akkumpanjati[35] kif ukoll fi proġett immirat lejn titjib fil-kwalità tal-kustodja u l-indukrar ta’ minorenni mhux akkumpanjati li jkunu qed ifittxu l-asil fl-Ewropa Ċentrali[36].

Fl-2012, l-EASO poġġa bħala prijorità t-twaqqif ta' grupp ta’ ħidma dwar il-kalkolu tal-età, billi wassal dokumentazzjoni teknika u manwal dwar il-kalkolu tal-età[37]. Fir-rebbiegħa tal-2012, l-EASO bagħat kwestjonarju lill-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jivvalutaw il-politiki u l-prattiki attwali fl-UE. Ir-riżultati se jappoġġaw ix-xogħol futur tal-grupp ta’ ħidma tal-EASO u se jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ linji gwida.

Il-grupp tal-esperti dwar il-minorenni mhux akkumpanjati eżamina bir-reqqa t-traċċar tal-familja.[38] Il-konklużjoni tiegħu kienet li mingħajr l-involviment tal-pajjiżi tal-oriġini, il-familji, il-kustodji legali jew l-entitajiet adattati għall-indukrar tal-minuri ma jkunux jistgħu jinstabu, u l-minorenni ma jkunux jistgħu imorru lura f’ambjent sikur. Spanja u Franza ppreżentaw il-modi li bihom dawn jikkoperaw mal-pajjiżi tal-oriġini, u l-Italja spjegat kif it-traċċar huwa mwettqa mill-IOM. Minkejja l-approċċi diverġenti adottati mill-Istati Membri dwar il-kwistjoni ta’ traċċar tal-familja, xi regoli u prattiki żviluppati fil-livell nazzjonali jistgħu jinqasmu fost l-Istati Membri biex ikunu ta’ użu. Għalhekk ġie propost li kwestjonarju jitfassal sabiex l-informazzjoni tkun ikkatalogata u l-aħjar prattiki dwar it-traċċar tal-familji jkunu kondiviżi.

Ir-rapport Komparattiv tal-2010 tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) fuq it-Tfal Mifrudin li qed ifittxu Asil fl-Istati Membri tal-UE ħares lejn il-prospetti u l-esperjenzi tat-tfal mhux akkumpanjati fi 12-il Stat Membru tal-UE. Dan identifika prattiki tajbin u n-nuqqasijiet fis-sistemi eżistenti fir-rigward ta’ aspetti bħall-akkomodazzjoni, l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-rappreżentanza legali, l-irwol tal-ħaddiema soċjali, il-kalkolu tal-età, it-traċċar tal-familji u r-riunifikazzjoni[39].

Fi Frar 2011 il-Kummissjoni adottat l-Aġenda tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal, li tindirizza l-protezzjoni tat-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi t-tfal mhux akkumpanjati. Azzjonijiet li qed jiġu kkunsidrati jinkludu l-promozzjoni tal-użu tal-Linji Gwida tal-2010 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja adattata għat-tfal, li fihom dispożizzjonijiet dwar tfal mhux akkumpanjati. L-Aġenda tappoġġja u tinkoraġġixxi wkoll l-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ taħriġ għall-imħallfin u professjonisti oħrajn fil-livell Ewropew fir-rigward tal-aħjar mod kif it-tfal jipparteċipaw fi proċedimenti ġudizzjarji.

Matul l-2011, l-EASO aġġorna l-modulu dwar il-Kurrikulu Ewropew dwar l-Asil fuq “L-intervisti lit-tfal”. Dan il-modulu jindirizza t-taħriġ neċessarju għall-uffiċjali fil-qasam tal-asil dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi, ta’ trawma u ta’ età. Jiżgura wkoll li l-intervisti mal-minorenni jsiru b'mod li jifhmuhom it-tfal. [40]

Il-finanzjament jibqa’ parti importanti mill-iżvilupp prattiku tal-approċċ komuni tal-UE dwar it-tfal mhux akkumpanjati. Fl-2011, il-Parlament Ewropew approva Proġett Pilota, li hemm previst li jipprovdi l-finanzjament ta’ EUR 1 000 000 għal proġetti dwar il-prevenzjoni, l-akkoljenza, il-protezzjoni u l-politiki ta’ integrazzjoni għal tfal mhux akkumpanjati[41]. Bir-rikonoxximent tal-limiti tal-approċċ “settorjali”, il-proposta tal-2011 għal Regolament dwar il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil[42] ġġib flimkien l-appoġġ finanzjarju għall-integrazzjoni, il-migrazzjoni, l-asil u l-ġestjoni tar-ritorn kif ukoll tindirizza l-ħtiġijiet ta’ gruppi differenti fil-mira ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi t-tfal mhux akkumpanjati, b'mod aktar komprensiv u kkoordinat.

It-triq 'il quddiem

L-UE hija impenjata li tirrevedi l-acquis dwar l-asil sa tmiem l-2012. Il-Kummissjoni pproponiet standards ogħla għall-protezzjoni tat-tfal mhux akkumpanjati. Għandha tingħata attenzjoni lit-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar dan il-grupp ta’ migranti. Safejn ikun possibbli, is-seminars organizzati sabiex jiġu diskussi t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar it-Traffikar tal-Bnedmin u d-Direttiva dwar il-Kwalifika, kif ukoll Direttivi oħra futuri fil-qasam tal-asil, għandhom jinkludu diskussjonijiet dwar il-kwistjoni tat-tfal mhux akkumpanjati.

Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE li taffettwa lill-minorenni mhux akkompanjati hija implimentata b'mod korrett u li jiġu indirizzati l-lakuni potenzjali fil-protezzjoni.

F'koperazzjoni mal-FRONTEX, l-EASO se tikkunsidra possibbiltajiet addizzjonali fit-taħriġ dwar it-trattament tal-każijiet li jinvolvu tfal fil-fruntieri esterni tal-UE, li jkunu jinkludu proċeduri għall-valutazzjoni tal-età u tal-evidenza. Se jiġi ffaċilitat ukoll l-skambju ulterjuri tal-informazzjoni u l-qsim tal-għarfien permezz ta’ diversi laqgħat ta’ esperti dwar it-tfal mhux akkumpanjati.

Il-Kummissjoni, appoġġata mill-EASO u mill-Istati Membri, se tkompli taħdem fuq it-traċċar tal-familji kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi, bil-ħsieb li tidentifika u tippromwovi l-aħjar prattika. L-UE u l-Istati Membri għandhom ukoll ikomplu jinkoraġġixxu aktar koperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-minorenni mhux akkumpanjati.

Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel disponibbli r-riżorsi finanzjarji għall-proġetti li jirrigwardaw lit-tfal mhux akkumpanjati. Madankollu, jeħtieġ li jiġu msaħħa l-isforzi sabiex jintużaw il-fondi. L-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma mistiedna jressqu proposti mmirati li jippromwovu l-implimentazzjoni tal-approċċ komuni tal-UE dwar il-minorenni mhux akkumpanjati. Kontribut importanti jista’ jsir permezz ta’ proġetti ġodda ffukati fuq l-aħjar prattika biex jiġi evitat l-għajbien tat-tfal miċ-ċentri ta’ indukrar, jitjiebu l-istandards ta’ akkomodazzjoni u biex huma jkunu jafu jaffrontaw is-sitwazzjonijiet li jinħolqu fl-età ta' 18-il sena. Fl-aħħarnett, huwa meħtieġ li tiġi żgurata d-disponibilità tar-riżorsi finanzjarji lil hinn mill-2013. Il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil tal-ġejjieni għandu jiffaċilita l-finanzjament ta’ proġetti dwar minorenni mhux akkumpanjati.

VI. Is-sejba ta' soluzzjonijiet dejjiema

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE ttrasponew id-Direttiva dwar ir-Ritorn[43] fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan wassal għal titjib sinifikanti fil-protezzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati f'diversi Stati Membri. Matul it-traspożizzjoni tad-Direttiva, dawn it-tfal kienu s-suġġett ta’ attenzjoni speċifika waqt il-laqgħat fuq id-Direttiva dwar ir-Ritorn tal-Kumitat ta’ Kuntatt.

Taħt il-Fond għar-Ritorn, il-Kummissjoni ffinanzjat il-Pjattaforma Ewropea għar-Ritorn tal-Minorenni mhux Akkumpanjati, u l-Proġett Ewropew dwar Strument ta’ Riintegrazzjoni, mmexxi mis-Servizz għar-Ripatrijazzjoni u t-Tluq Nederlandiż, li jinkludi tfal mhux akkumpanjati fost il-gruppi fil-mira tiegħu. L-Istudju dwar il-Prattiki fil-Qasam tar-Ritorn tal-Minorenni, li huwa ffinanzjat mill-Kummissjoni, jipprovdi lill-Istati Membri b’lista ta’ kontroll sabiex ikun hemm prattika tajba meta jkun qed jiġi kkunsidrat ir-ritorn tat-tfal lejn pajjiżi terzi.[44] Il-Programm ta' Ħidma tal-Fond għar-Ritorn tal-2011 ried proġetti għat-traċċar tal-familji, il-monitoraġġ fuq minorenni li reġgħu lura u fuq iċ-ċentri ta’ akkoljenza għall-minorenni mhux akkumpanjati li jirritornaw.

Il-Fond Ewropew għar-Refuġjati u l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi jagħtu prijorità lil dan il-grupp ta’ migranti, sakemm l-attivitajiet rilevanti jikkwalifikaw għal kofinanzjament ogħla.[45]

L-emenda f'Marzu tal-2012 għall-Fond Ewropew għar-Refuġjati[46] li ħolqot “il-Programm Konġunt tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni” issaħħaħ l-irwol tal-UE biex tingħata protezzjoni internazzjonali lil minorenni mhux akkumpanjati. Permezz ta’ inċentivi finanzjarji, il-programm il-ġdid jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jieħdu sehem fir-risistemazzjoni fl-UE ta’ tfal mhux akkumpanjati li ngħataw status ta’ refuġjat f'pajjiż mhux fl-UE.

It-triq 'il quddiem

Ir-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn li għandu jitħejja mill-Kummissjoni sa Diċembru 2013, fost affarijiet oħrajn, se jeżamina mill-qrib l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw minorenni mhux akkumpanjati.

Il-Fond għar-Ritorn ser ikompli jagħmel disponibbli fondi għal attivitajiet li jirrigwardaw dan il-grupp ta’ migranti. L-Istati Membri u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma mistiedna jużaw il-potenzjal sħiħ tar-riżorsi finanzjarji disponibbli taħt il-Fond.

Il-Kummissjoni se tkompli tmexxi ’l quddiem l-inklużjoni ta’ tfal mhux akkumpanjati fil-prijoritajiet ta’ risistemazzjoni tal-Programm tal-Unjoni dwar ir-Risistemazzjoni, kif ippjanat għall-2014-2020 mill-Fond tal-Migrazzjoni u l-Asil.

VII. Konklużjonijiet

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar Minorenni mhux Akkumpanjati u l-konklużjonijiet tal-Kunsill kienu passi importanti fit-tiswir ta’ approċċ komuni tal-UE, ibbażat fuq id-drittijiet, għal dan il-grupp ta’ tfal migranti.

L-approċċ komuni tal-UE ppermetta riflessjonijiet aktar effettivi dwar politika transversali fuq kif għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tat-tfal, ikun x’ikun l-istatus ta’ migrazzjoni tagħhom, u ffaċilita diskussjonijiet fost l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet intergovernattivi u mhux governattivi f’oqsma ta’ politika differenti, li ppermetta skambju msaħħaħ ta' għarfien u prattiki li jikkonċernaw minorenni mhux akkumpanjati. L-approċċ komuni tal-UE żgura li tingħata aktar prominenza lill-miżuri ta' finanzjament sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ dawn it-tfal. Ir-rikonoxximent espliċitu tal-aħjar interessi tat-tfal bħala l-prinċipju ta’ gwida kkontribwixxa għal dispożizzjonijiet li jiżguraw li tiżdied il-protezzjoni fl-istrumenti leġiżlattivi ġodda tal-UE għal dan il-grupp partikolarment vulnerabbli ta’ migranti.

Il-wasla ta’ tfal mhux akkumpanjati fit-territorju tal-UE mhuwiex żvilupp temporanju, iżda karatteristika fit-tul tal-migrazzjoni fl-UE. Hemm, u se tkompli tinħass il-ħtieġa għal approċċ komuni tal-UE dwar il-minorenni mhux akkumpanjati sabiex tkompli tirrispondi b'mod effettiv u b'rispett sħiħ għad-drittijiet tat-tfal quddiem din l-isfida kumplessa u transnazzjonali, kemm f’livell nazzjonali kif ukoll Ewropew.

Matul l-aħħar sentejn, il-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni u konsistenza aħjar bejn id-diversi strumenti leġiżlattivi, finanzjarji u politiċi relatati mat-tfal mhux akkumpanjati. L-azzjonijiet implimentati kkontribwew għal titjib fil-ġbir tad-dejta, il-prevenzjoni ta’ migrazzjoni mhux sikura u tat-traffikar tal-bnedmin, il-protezzjoni tat-tfal ġaladarba jkunu fl-UE u l-identifikazzjoni ta' soluzzjonijiet fit-tul.

Madankollu, l-iżvilupp ta’ approċċ komuni tal-UE għal tfal mhux akkumpanjati huwa proċess li għadu għaddej u li dejjem qed jikber. Dan jitlob sforzi ulterjuri f'termini ta’ qsim tal-għarfien dwar il-fenomenu, u t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni adegwata tat-tfal u, b’mod partikolari, it-titjib fil-metodi ta’ kif jinstabu soluzzjonijiet dejjiema. F'dan il-kuntest, il-konferenza dwar il-Minorenni mhux Akkumpanjati, organizzata mill-Presidenza tal-UE Daniża u Save the Children f’Ġunju 2012, tat kontribut importanti ħafna għat-tieni fażi tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli tagħti prijorità lill-finanzjament ta’ proġetti li jinvolvu tfal mhux akkumpanjati. L-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u dawk mhux governattivi huma mħeġġa jużaw ir-riżorsi finanzjarji disponibbli sal-ogħla potenzjal possibbli tagħhom. Ukoll, ġaladarba jiġi adottat, l-istrument finanzjarju futur – il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil – għandu jiżgura finanzjament koerenti għall-attivitajiet ta’ dan il-grupp ta’ migranti. L-UE se tkompli tiffinanzja inizjattivi f’pajjiżi u reġjuni terzi permezz tal-istrumenti tagħha għall-għajnuna esterna dwar kwistjonijiet relatati ma’ minorenni mhux akkumpanjati.

Atturi istituzzjonali oħra tal-UE huma wkoll mistiedna jikkunsidraw liema kapaċità jistgħu jiddedikaw biex jipparteċipaw fl-iżvilupp ta' implimentazzjoni aktar effettiva. L-organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi internazzjonali, bħala l-partijiet interessati u l-atturi importanti fix-xena, huma mħeġġa jkomplu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ approċċ komuni tal-UE.

L-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jsaħħu l-isforzi li qed jagħmlu biex jikkollaboraw ma’ pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni li mhumiex fl-UE, sabiex jitmexxa ’l quddiem approċċ komuni tal-UE għal tfal mhux akkumpanjati. Is-sitwazzjoni ta’ dawn it-tfal għandha tibqa’ tiġi indirizzata fil-kuntest ta’ politika ta’ migrazzjoni esterna kif prevista fl-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità. Progress fi kwistjonijiet bħal li terġa’ tiġi stabbilita l-unità tal-familja jew li jkun żgurat ir-ritorn sikur ma jistgħux jinkisbu mingħajr l-involviment tal-pajjiżi ta' oriġini. Fl-aħħarnett, il-ħidma ma' pajjiżi terzi għall-prevenzjoni ta’ migrazzjoni mhux sikura teħtieġ koordinazzjoni mal-għajnuna għall-iżvilupp u l-koperazzjoni.

[1]               COM (2010) 213 finali.

[2]               Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar minorenni mhux akkumpanjati, it-3018-il laqgħa tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, il-Lussemburgu, tat-3 ta’ Ġunju 2010.

[3]               Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, SWD(2012)281

[4]               Id-definizzjoni ta’ “minorenni mhux akkumpanjati” ġejja mill-Artikolu 2(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE.

[5]               Fl-2009, l-Afganistan, is-Somalja u l-Iraq kienu l-aktar tliet pajjiżi minn fejn oriġinaw minorenni mhux akkumpanjati fl-UE. Frontex (2010) 'Minorenni mhux akkumpanjati fil-proċess ta' Migrazzjoni".

[6]               "Inkjesta Ad-Hoc dwar Minorenni mhux akkumpanjati – fatti u statistiċi aġġornati”, EMN, http://www.emn.europa.eu  disponibbli taħt 'EMN Ad-Hoc Queries/Protection' (nru 367).

[7]               B’mod partikolari fi Franza. Frontex (2010) “Minorenni mhux akkumpanjati fil-proċess ta' Migrazzjoni”.

[8]               10,845 fl-2010, 12,245 fl-2009 u 11,715 fl-2008 rispettivament. l-Eurostat

[9]               Eurostat.

[10]             Eurostat

[11]             In-numri korrispondenti għal minorenni mhux akkumpanjati li applikaw għall-asil fl-2010 kienu 15 fi Spanja u 305 fl-Italja. Eurostat

[12]             Pereżempju, fl-2011 kien hemm 10 applikazzjonijiet għall-asil mressqa minn tfal mhux akkumpanjati fir-Repubblika Ċeka u l-Litwanja, 20 fis-Slovakkja, 25 fil-Bulgarija, 55 fir-Rumanija, 60 fl-Ungerija u fis-Slovenja. Ma kienu rreġistrati l-ebda applikanti fl-Estonja u fil-Latvja. Eurostat

[13]             Regolament (KE) Nru 862/2007.

[14]             Eurostat, l-Ewwel permessi maħruġa għal raġunijiet oħra skont ir-raġuni, it-tul tal-validità u ċ-ċittadinanza http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=migr_resoth

[15]             Frontex (2010) “Minorenni mhux akkumpanjati fil-proċess ta' Migrazzjoni”.

[16]             “Inkjesta Ad-Hoc_Minorenni mhux Akkumpanjati - fatti u statistiċi aġġornati” Ref. Nru 367. Il-websajt tal-EMN, http://emn.intrasoft-intl.com/html/index.html

[17]             Regolament (UE) Nru 439/2010 tad-19 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil.

[18]             Programm ta’ Ħidma tal-EASO tal-2012, http://ec.europa.eu/home-affairs/policies/asylum/docs/easo/EASO_2011_00110000_EN_TRA.pdf

[19]             Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Interni tal-Kummissjoni Ewropea “Studju Komparattiv dwar Prattiki fil-Qasam tar-Ritorn tal-Minorenni” HOME/2009/RFXX/PR/1002; Ir-Rapport Finali, ta’ Diċembru 2011, huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/home-affairs/doc_centre/immigration/immigration_studies_en.htm p 27.

[20]             Għal-lista sħiħa tal-proġetti ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, hawn fuq nru 3.

[21]             Ibid.

[22]             L-informazzjoni ġiet ipprovduta minn AT, BE, ES, IT, NL u SE.

[23]             L-informazzjoni ġie pprovduta minn BG, EL, ES, FI, IE, HU, IT, LT, PO, SI, SK u UK.

[24]             Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem mal-Unjoni Afrikana, il-Bangladexx, il-Bjelorussja, il-Kambodja, il-Kanada, il-pajjiżi Kandidati (il-Kroazja, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija), iċ-Ċina, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Indja, l-Iżrael, il-Ġappun, il-Ġordan, il-Kazakistan, il-Kirgiżistan, il-Laos u l-Libanu.

[25]             Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, il-Kunsill tal-UE, Linji Gwida dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Liġi Umanitarja Internazzjonali, 2009.

[26]             Pjan ta’ Azzjoni tal-proċess ta’ Praga għall-perjodu 2012-2016 , Anness Punt I.3 u II. 4.

[27]             Seminar “Nifhmu aħjar is-sitwazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati fl-Istati Uniti u l-UE u naqsmu l-aħjar prattiki fiż-żewġ reġjuni”, il-31 ta’ Mejju 2011, Madrid.

[28]             Ara http://ec.europa.eu/immigration, is-sezzjoni “Kif jiġu evitati r-riskji”, bit-titlu “It-tfal li jkunu qed jivvjaġġaw waħidhom”: http://ec.europa.eu/immigration/tab3.do?subSec=17&language=7$en#anchor3.

[29]             "Baġit għall-Ewropa 2020", Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, COM(2011) 500 finali.

[30]             Seminar tal-Presidenza Belġjana dwar 'Minorenni mhux Akkumpanjati: it-tfal li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE għall-protezzjoni', li sar fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2010 fi Brussell. Il-konferenza kienet ikkofinanzjata mill-Kummissjoni (il-Fond għall-Fruntieri Esterni) u mill-ewwel laqgħa kienet iffukata fuq il-protezzjoni tat-tfal, u rriżultat f’sett ta’ rakkomandazzjonijiet.

[31]             Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni). Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 337/9, l-20 ta’ Diċembru 2011, http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:337:0009:0026:MT:PDF

[32]             Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 101/1, il-15 ta’ April 2011, http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:101:0009:0026:MT:PDF

[33]             Grupp ta’ esperti dwar minorenni mhux akkumpanjati fil-proċess ta’ migrazzjoni (E02402) http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/detailGroup.cfm?groupID=2402 Il-laqgħat jattendu għalihom esperti mill-Istati Membri tal-UE, minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, minn organizzazzjonijiet internazzjonali, mill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE.

[34]             Azzjonijiet tal-Komunità dwar il-Fond Ewropew tar-Refuġjati tal-2011.

[35]             Il-proġett “Nagħlqu l-lakuna tal-protezzjoni: Standards Prinċipali għall-kustodji tat-tfal mifrudin fl-Ewropa” immexxi mid-Defence for Children-il-Pajjiżi l-Baxxi kien iffinanzjat mill-programm Daphne III u ġie ffinalizzat fl-2011. Disponibbli fuq http://www.defenceforchildren.nl/images/69/1632.pdf

[36]             “Titjib fil-kwalità tal-kurazija u l-indukrar ta’ minorenni mhux akkumpanjati li jfittxu asil f'Pajjiżi tal-Ewropa ċentrali”, implimentat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni,

[37]             Il-Programm ta’ Ħidma tal-2012 tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/home-affairs/policies/asylum/docs/easo/EASO_2011_00110000_EN_TRA.pdf

[38]             Il-laqgħa tas-26 ta’ Marzu 2012. http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/detailGroup.cfm?groupID=2402

[39]             http://fra.europa.eu/fraWebsite/attachments/SEPAC-comparative-report_EN.pdf

[40]             http://www.asylum-curriculum.eu/eacweb/Specialised-learning/61-interviewing-children.html

[41]             Intestatura tal-Baġit 18 03 18: “Proġett pilota – Analiżi tal-akkoljenza, il-protezzjoni u l-politiki ta’ integrazzjoni għall-minorenni mhux akkumpanjati”.

[42]             Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil, COM(2011) 751 finali.

[43]             Id-Direttiva 2008/115/KE, Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 348/98, l-24 ta’ Diċembru 2012, http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2008:348:0098:0098:EN:PDF

[44]             Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Interni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istudju Komparattiv dwar Prattiki fil-Qasam tar-Ritorn tal-Minuri HOME/2009/RFXX/PR/1002; Ir-Rapport Finali, ta’ Diċembru 2011, huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/home-affairs/doc_centre/immigration/immigration_studies_en.htm p 160.

[45]             75% minflok 50%.

[46]             Id-Deċiżjoni Nru 281/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Marzu 2012 li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu bejn l-2008 u l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi Migratorji”.

Top