Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0529

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa.

/* COM/2012/0529 final */

52012DC0529

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa. /* COM/2012/0529 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa.

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

Fi kliem sempliċi l-'cloud computing' huwa l-ħżin, l-ipproċessar u l-użu ta' dejta fuq kompjuters remoti u li wieħed jista' jaċċessahom permezz tal-internet. Dan ifisser li l-utenti jistgħu jikkontrollaw qawwa komputazzjonali kważi bla limitu fuq talba, li jistgħu ma jagħmlux investimenti kapitali ewlenin biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom u li jistgħu jaċċessaw id-dejta tagħhom minn kullimkien permezz ta’ konnessjoni tal-internet. Il-cloud computing għandu l-potenzjal li jnaqqas ħafna n-nefqa tal-utenti tal-IT u jippermetti l-iżvilupp ta' ħafna servizzi ġodda. Bl-użu tal-cloud, saħansitra l-iżgħar ditti jistgħu jilħqu swieq dejjem akbar filwaqt li l-gvernijiet jistgħu jagħmlu s-servizzi tagħhom aktar attraenti u effiċjenti filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż.

Waqt li l-World Wide Web tagħmel l-informazzjoni disponibbli kullimkien u għal kulħadd, il-cloud computing jagħmel il-qawwa komputazzjonali disponibbli kullimkien u għal kulħadd. Il-cloud computing, bħall-web, huwa żvilupp teknoloġiku li ilu għaddej għal ftit żmien mhux ħażin u ser ikompli jiżviluppa. Għall-kuntrarju tal-web, il-cloud computing għadu fi stadju relattivament bikri, b’hekk l-Ewropa għada fiċ-ċans li taġixxi b'mod li tiżgura li tkun fuq quddiem nett fl-iżvilupp tagħha u fiċ-ċans li tibbenefika minn dan, fuq livell ta’ domanda u provvista, permezz ta’ użu mifrux tal-cloud u l-provvista tas-servizzi cloud.

Il-Kummissjoni għalhekk timmira li tippermetti u tiffaċilita adozzjoni aktar mgħaġġla tal-cloud computing u b'hekk tkun tista’ tnaqqas l-ispejjeż tal-ICT fis-setturi kollha tal-ekonomija, u meta tingħaqad ma’ prattiki ġodda tan-negozju diġitali[1], tista’ tagħti spinta lill-produttività, it-tkabbir u l-impjiegi. Dan id-dokument jistabbilixxi l-aktar azzjonijiet addizzjonali importanti u urġenti abbażi ta’ analiżi tax-xenarji politiċi, regolatorji u teknoloġiċi inġenerali u konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati, imwettqa biex tidentifika x'għandu jsir biex jinkiseb dak il-għan. Iwettaq waħda mill-azzjonijiet ewlenin previsti fil-Komunikazzjoni dwar il-kummerċ elettroniku u s-servizzi onlajn,[2] jirrappreżenta impenn politiku tal-Kummissjoni u jservi bħala sejħa għall-partijiet interessati kollha biex jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, li jista’ ifisser EUR 45 biljun addizzjonali ta’ infiq dirett fuq il-Cloud Computing fl-UE fl-2020 kif ukoll impatt kumulattiv kumplessiv fuq il-PDG ta’ EUR 957 biljun, u 3.8 miljun impjieg, sal-2020[3]

Diversi azzjonijiet minn fost dawk identifikati huma mfassla sabiex jindirizzaw il-ħsieb ta' ħafna utenti potenzjali tal-cloud computing, li l-użu ta’ din it-teknoloġija jista’ iġib miegħu riskji addizzjonali.[4] Għalhekk, l-għan ta’ tali azzjonijiet huwa li jkun hemm aktar ċarezza u aktar għarfien rigward il-qafas legali applikabbli (e.ż. permezz ta’ standards u ċertifikazzjonijiet) u billi jiġi żviluppat aktar (e.ż. permezz ta’ inizjattiva leġiżlattiva li qed titħejja dwar iċ-ċibersigurtà).

L-indirizzar tal-isfidi speċifiċi tal-cloud computing ikun ifisser adozzjoni aktar mgħaġġla u armonizzata tat-teknoloġija min-negozji, mill-organizzazzjonijiet u mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Ewropa, li fil-livell tad-domanda, iwasslu għal tkabbir aċċellerat fil-produttività u żieda fil-kompetittività fl-ekonomija kollha u fil-livell tal-provvista, iwasslu għal suq akbar li fih l-Ewropa ssir attur globali importanti. Hawnhekk, is-settur Ewropew tal-ICT jista’ jibbenefika minn opportunitajiet importanti ġodda, kuntest xieraq, il-punti ta’ saħħa tradizzjonali tal-Ewropa fit-tagħmir tat-telekomunikazzjoni, in-netwerks u s-servizzi jistgħu jitħaddmu b'mod effettiv ħafna għall-infrastrutturi tal-cloud. Lil hinn minn dak, l-iżviluppaturi Ewropej tal-applikazzjonijiet, kbar u żgħar, jistgħu jibbenefikaw minn domanda dejjem tikber.

2.           In-natura u l-benefiċċji tal-cloud computing

Il-cloud computing għandu firxa ta’ karatteristiċi li jiddefinixxuh (u li ma jippermettux definizzjoni ġenerali tiegħu[5]), fosthom:

· il-hardware (kompjuters, apparat għall-ħżin) huwa proprjetà tal-fornitur tal-cloud computing, mhux tal-utent li jinteraġġixxi miegħu permezz tal-internet;

· isir l-aħjar użu tal-hardware b’mod dinamiku permezz ta' netwerk ta’ kompjuters, sabiex il-lok preċiż tad-dejta jew tal-proċessi, kif ukoll l-informazzjoni dwar liema hardware qed jaqdi utent partikolari f’mument partikolari, ma għandux, fil-prinċipju, jikkonċerna lill-utent, anke jekk ikollu impatt importanti fuq l-ambjent legali applikabbli;

· il-fornituri tal-cloud iċaqilqu x-xogħol tal-utenti tagħhom minn post għal ieħor (eż. minn kompjuter għal ieħor jew minn ċentru tad-dejta għal ieħor) biex isir l-aħjar użu mill-hardware disponibbli;

· il-hardware imbiegħed jaħżen u jipproċessa d-dejta u jagħmilha disponibbli, eż. permezz ta' applikazzjonijiet (sabiex kumpanija tkun tista' tuża l-informatika fil-cloud bl-istess mod li konsumaturi llum diġà qed jużaw il-kontijiet tal-webmail tagħhom);

· organizzazzjonijiet u individwi jistgħu jaċċessaw il-kontenut tagħhom, u jużaw is-software tagħhom meta u fejn ikollhom bżonnu e.ż. fuq kompjuters desktop, laptops, tablets u smartphones;

· struttura ta’ cloud tikkonsisti minn livelli: il-hardware, il-middleware jew il-pjattaforma, u software tal-applikazzjoni. L-istandardizzazzjoni hija importanti speċjalment fil-livell intermedjarju għax tippermetti lill-iżviluppaturi li jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ konsumaturi potenzjali u tagħti għażla lill-utenti;

· l-utenti normalment iħallsu skont kemm jużaw, b’hekk wieħed jevita spejjeż inizjali kbar u fissi meħtieġa għat-twaqqif u t-tħaddim ta' tagħmir sofistikat tal-kompjuter;

· fl-istess ħin, l-utenti jistgħu jimmodifikaw b'mod faċli għall-aħħar l-ammont ta' hardware li jużaw (eż permezz ta' ftit klikkjiet bil-maws, fi ftit sekondi, jiksbu kapaċità supplimentari ta' ħżin onlajn).

Il-konsumaturi jistgħu jużaw is-servizzi cloud biex jaħżnu l-informazzjoni (e.ż. stampi jew posta elettronika) u biex jużaw software (e.ż. netwerks soċjali, vidjos u mużika trażmessi, u logħob). L-organizzazzjonijiet, inkluż l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jużaw is-servizzi cloud biex jissostitwixxu suċċessivament ċentri tad-dejta mmexxija internament u dipartimenti tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT). Il-kumpaniji jistgħu jużaw is-servizzi cloud biex jittestjaw u jżidu malajr dak li joffru lill-konsumaturi tagħhom għax jistgħu jagħmlu dan mingħajr ma jinvestu f'infrastrutturi fiżiċi jew mingħajr ma jibnuhom. Fuq kollox, il-cloud computing, jirrappreżenta aktar industrijalizzazzjoni (standardizzazzjoni, żieda, disponibbiltà mifruxa) tal-provvista tal-qawwa komputazzjonali (“informatika skont il-bżonn”) bl-istess mod li l-impjanti tal-enerġija industrijalizzaw il-provvista tal-enerġija elettrika. Permezz tal-interfaċċi standardizzati (l-istess bħall-plakek tal-elettriku) l-utenti jistgħu jħallu d-dettalji (fir-rigward tal-bini, tal-forniment tal-enerġija, tal-operat u tal-protezzjoni ta' ċentru tad-dejta) lill-esperti li jiksbu ekonomiji ta’ skala ħafna aħjar (billi jaqdu ħafna utenti) milli kieku qatt jistgħu jiksbu utenti individwali. Barra minn hekk, is-servizzi cloud joffru ekonomiji ta’ skala kbar ħafna, u dan ifisser li x'aktarx sforzi magħmula fuq bażi individwali f’livell nazzjonali ma rnexxilhomx ikunu tant kosteffiċjenti. Il-benefiċċji tal-adozzjoni tal-cloud computing jistgħu jintwerew permezz ta’ sondaġġ tal-2011 li sar għall-Kummissjoni u li juri li bħala riżultat tal-adozzjoni tal-cloud computing, 80% tal-organizzazzjonijiet inaqqsu l-ispejjeż b’10 sa 20%. Benefiċċji oħra jinkludu mobbiltà tax-xogħol (46%), produttività (41%), standardizzazzjoni (35%) imtejba, kif ukoll opportunitajiet ġodda ta' negozju (33%) u swieq (32%)[6] L-istudji ekonomiċi kollha disponibbli jikkonfermaw ukoll l-importanza tal-cloud computing li mistennija tikber b'rata mgħaġġla mad-dinja kollha[7]

Iż-żieda bla preċedent tal-fluss tad-dejta u tal-ipproċessar tal-informazzjoni fuq l-Internet għandha impatt ambjentali sinifikanti permezz tal-konsum tal-enerġija u l-ilma, u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-cloud computing jista’ jgħin biex itaffi dawn il-problemi permezz ta’ użu aktar effiċjenti ta’ hardware kif ukoll, b’mod aktar speċifiku, bil-bini ta’ ċentri tad-dejta li jużaw servers b’konsum baxx ta' enerġija u enerġija ekoloġika[8] Pereżempju, skont ċerti estimi, kumpaniji kbar fl-Istati Uniti jistgħu jiffrankaw $12.3 biljun kull sena f’konsum ta' enerġija jekk jadottaw il-cloud computing[9]

Għalhekk, bl-adozzjoni tal-cloud min-negozji u organizzazzjonijiet oħra, speċjalment l-SMEs, huwa mistenni titjib sostanzjali fl-effiċjenza tal-ekonomija ġenerali. Il-cloud tista' tkun speċjalment importanti għal negozji żgħar f’ekonomiji f’diffikultà jew reġjuni maqtugħa u rurali biex dawn ikunu jistgħu jisfruttaw swieq aktar dinamiċi. Pereżempju, bl-użu tal-infrastrutturi tal-broadband biex tingħeleb it-"tirannija tad-distanza", il-firxa sħiħa ta' impriżi li għadhom jibdew u li jużaw teknoloġija avvanzata sa negozjanti żgħar jew artiġjani, jistgħu jibbenefikaw mill-cloud biex jisfruttaw swieq remoti. Din toħloq opportunitajiet ġodda ta' żvilupp ekonomiku fi kwalunkwe reġjun li għandu l-ideat, it-talent, u infrastruttura tal-broadband b'veloċità għolja. Minbarra dan, il-cloud minflok teqred ix-xogħol, tista’ toħloq impjiegi għal ħaddiema li huma midħla sew tal-ICT u b’hekk tipprovdi impjiegi u flus lil reġjuni anqas vantaġġjati. Ħafna prodotti u servizzi li apparentement huma lokali jistgħu jiksbu diffużjoni globali, iżidu l-preżenza tagħhom fuq l-internet (u ċ-ċans li jiġu skoperti permezz ta’ magni tat-tiftix tal-Internet) u jiksbu l-massa kritika meħtieġa biex jiġu nnegozjati termini preferenzjali ma’ imsieħba importanti tan-negozju (e.ż. kunsinna/trasport, operaturi turistiċi u kumpaniji finanzjarji), partikolarment fejn azjendi żgħar jingħaqdu flimkien. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu wkoll jibbenefikaw b’mod sostanzjali mill-adozzjoni tal-cloud f’termini ta’ ffrankar tal-effiċjenza u f’termini ta’ servizzi li huma aktar flessibbli u adattati għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tan-negozju. L-aktar iffrankar immedjat ikun f’termini ta’ anqas spejjeż fl-IT billi titnaqqas in-nefqa tal-kapital u dik operazzjonali u jiżdiedu r-rati ta' użu tal-hardware li llum il-ġurnata, xi drabi ma jaqbżux l-10% fl-infrastrutturi tas-settur pubbliku[10] Ir-ristrutturar tal-proċessi jwassal għal aktar benefiċċji permezz ta’ spejjeż aktar baxxi u possibbiltajiet għal aġġornament aktar frekwenti u l-għan biex ikunu kondiviżi l-infrastrutturi bejn aġenziji.

Lil hinn minn sempliċi ffrankar tal-ispejjeż, il-cloud computing jista' jippermetti l-bidla għal servizzi pubbliċi tal-21 seklu li huma interoperabbli, skalabbli u konformi mal-ħtiġijiet ta' popolazzjoni mobbli u negozji li jridu jibbenefikaw mis-suq uniku diġitali Ewropew. L-ewwel passi lejn il-progress għandhom ikunu jikkonsistu f'titjib fil-prestazzjoni tas-servizzi bħal sigurtà mtejba, f'servizzi aktar faċli għall-utenti, fil-kapaċità li jkunu introdotti servizzi ġodda mingħajr spejjeż żejda, malajr u bi flessibbiltà, fil-faċilità relattiva ta’ użu tal-cloud computing għall-ħolqien ta’ pjattaformi għal interazzjoni soċjali jew għal kampanji speċifiċi u f’mezzi biex ir-riżultati jiġu mmonitorjati aħjar. Iżda fi żmien għaxar snin il-cloud tista’ tkun għenet biex titwettaq il-viżjoni “Kull Ewropew Diġitali”, fejn kull Ewropew ikun jista’ igawdi minn servizzi pubbliċi kompletament elettroniċi minflok burokrazija abbażi tal-karti. Il-cloud computing jista' jippermetti li l-ispejjeż pubbliċi jonqsu u li jżid il-benefiċċji pubbliċi filwaqt li jipprovdi bażi aktar wiesgħa għall-attività ekonomika u b'hekk jinvolvi l-popolazzjoni kollha.

3.           passi li għandhom jittieħdu

Ix-xogħol preparatorju li sar mill-Kummissjoni juri l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ li tittieħed azzjoni:

•           Il-frammentazzjoni tas-suq uniku diġitali, minħabba d-diversità ta' oqfsa legali nazzjonali u l-inċertezzi fir-rigward tal-liġi applikabbli, il-kontenut diġitali u l-lok tad-dejta, kienet waħda mill-preokkupazzjonijiet prinċipali tal-utenti u l-fornituri potenzjali tal-cloud computing. Dan huwa relatat, b’mod partikolari, mal-kumplessitajiet tas-servizzi ta’ ġestjoni u l-mudelli ta’ użu mifruxa tul ġurisdizzjonijiet multipli u marbuta mal-fiduċja u s-sigurtà f'oqsma bħall-protezzjoni tad-dejta, kuntratti u l-protezzjoni tal-konsumatur jew il-liġi kriminali.

•           Problemi b’kuntratti kienu relatati ma’ tħassib dwar l-aċċess u l-portabbiltà tad-dejta, it-tibdil tal-kontroll u s-sjieda tad-dejta. Pereżempju, hemm tħassib dwar kif ir-responsabbiltà għal fallimenti ta’ servizzi bħall-ħin ta' waqfien (downtime) jew it-telf ta’ dejta ser tkun ikkompensata, dwar kif id-drittijiet tal-utenti fir-rigward ta' aġġornamenti ta’ sistemi jiġu deċiżi unilateralment mill-fornitur, dwar kif tinħoloq is-sjieda tad-dejta f'applikazzjonijiet tal-cloud jew dwar kif jista’ jiġi riżolt it-tilwim.

•           Konfużjoni ta’ standards tiġġenera konfużjoni, fuq naħa minħabba proliferazzjoni ta' standards u fuq oħra minħabba inċertezza fir-rigward ta' liema standards jipprovdu livelli adegwati ta’ interoperabbiltà ta’ formats tad-dejta li jippermettu portabbiltà; kemm is-salvagwardji huma disponibbli biex jipproteġu dejta personali; jew il-problema tal-ksur tad-dejta u l-protezzjoni kontra attakki ċibernetiċi.

Din l-istrateġija ma tipprevedix il-bini ta’ “Super-Cloud Ewropea", jiġifieri infrastruttura tal-hardware li għandha l-għan li tipprovdi servizzi ġeneriċi tal-cloud computing lill-utenti tas-settur pubbliku madwar l-Ewropa. Madanakollu, wieħed mill-għanijiet huwa li jkun hemm offerti ta’ servizzi cloud disponibbli għall-pubbliku (“cloud pubblika”[11]) li jilħqu l-istandards Ewropej mhux biss f’termini regolatorji iżda f’termini ta' kompetittività, ftuħ u sigurtà. Dan ma jwaqqafx lill-awtoritajiet pubbliċi milli jistabbilixxu clouds privati ddedikati għat-trattament ta' dejta sensittiva, iżda b'mod ġenerali anke s-servizzi cloud użati mis-settur pubbliku għandhom - sakemm ikun possibbli - ikunu soġġetti għal kompetizzjoni fis-suq biex ikun assigurat l-aqwa valur għall-flus, waqt li jkunu konformi mal-obbligi regolatorji jew ma' għanijiet ta' politika pubblika aktar wiesgħa fir-rigward ta’ kriterji operazzjonali ewlenin bħas-sigurtà u l-protezzjoni ta' dejta sensittiva.

3.1.        Il-cloud computing u l-Aġenda Diġitali (is-Suq Uniku Diġitali)

Minħabba li l-cloud computing igawdi minn libertà inerenti u mhux marbut ma’ post wieħed, jista’ itejjeb is-suq uniku diġitali. Iżda dan iseħħ biss jekk aħna niksbu implimentazzjoni effettiva tar-regoli tas-suq uniku. Il-qligħ huwa potenzjalment kbir ħafna. L-istudju preparatorju li sar mill-Kummissjoni jikkalkula li l-cloud pubblika għandha tiġġenera EUR 250 biljun ta' PDG fl-2020 b’politiki li jiffavorixxu l-cloud fis-seħħ b’kuntrast mat-EUR 88 biljun fix-xenarju tal-“ebda intervent”, u li dan ser iwassal għal impatti kumulattivi addizzjonali ta’ EUR600 biljun mill-2015 sal-2020. Dan ifisser il-ħolqien ta’ 2.5 miljun impjieg addizzjonali.[12]

Ħafna mill-passi meħtieġa għal Ewropa li tiffavorixxi l-cloud kienu diġà identifikati bħala azzjonijiet tal-Pilastru tas-Suq Uniku tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa u l-Att dwar is-Suq Uniku[13] Ħafna minn dawn l-azzjonijiet tressqu quddiem il-leġiżlaturi filwaqt li inizjattiva li għandha l-għan li tadotta u timplimenta dawn il-proposti mill-aktar fis possibbli, se sservi ta’ kontribuzzjoni ewlenija għall-qligħ ekonomiku tal-cloud computing.

Azzjonijiet tal-Aġenda Diġitali dwar “il-ftuħ tal-aċċess għall-kontenut"

Fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-Kummissjoni stabbilixxiet għaliha nnifisha l-għan li "tissimplifika l-approvazzjoni u l-ġestjoni tad-dritt tal-awturi u l-għoti ta' liċenzji transfruntieri."[14] L-azzjonijiet ewlenin identifikati fl-Aġenda Diġitali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet bdew jitħaddmu u ser isaħħu l-kapaċità tal-Ewropa li tisfrutta l-opportunitajiet ġodda u eċċitanti tal-cloud computing għall-produtturi u għall-konsumaturi tal-kontenut diġitali.

Biex il-cloud tiffunzjona tajjeb bħala pjattaforma għal servizzi ta’ kontenut diġitali, inkluż servizzi mobbli, jinħtieġu mudelli għad-distribuzzjoni tal-kontenut li jsaħħu l-aċċess għal kull tip ta’ kontenut (mużika, awdjoviżwali jew kotba) u l-użu tagħhom f'apparati u territorji differenti. Il-fornituri u d-detenturi tad-drittijiet tas-servizzi cloud jistgħu jaqblu fuq termini kummerċjali għal-liċenzji u b'hekk jippermettu lill-konsumaturi li jaċċessaw il-kont personali tagħhom minn diversi apparati, irrispettivament mit-territorju li minnu jiġi aċċessat il-kont. Tali ftehimiet flessibbli tal-liċenzjar diġà qed jintlaħqu fis-suq, għalkemm, f’ċerti każijiet, qed ikun aktar diffiċli li jintlaħaq ftehim. Il-fornituri jeħtieġu modi faċli biex jakkwistaw liċenzji għal tali servizzi. Il-konsumaturi, bil-liġi, għandhom ikunu jistgħu jikkunsmaw kontenut 'il bogħod minn darhom madwar l-UE kollha mingħajr ma jitilfu l-aċċess għal servizzi li ħallsu għalihom fi kwalunkwe Stat Membru ieħor. Għad-detenturi tad-drittijiet tali ftehimiet ta' liċenzjar ikunu qed jiffavorixxu l-innovazzjoni tas-servizzi u b’hekk joħolqu flussi ġodda ta’ dħul. Adozzjoni rapida tal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-Immaniġġjar Kollettiv tad-Drittijiet ser tindirizza ħafna mill-ħtiġijiet tal-għoti ta' liċenzji transfruntieri għall-kontenut tal-cloud fir-rigward tal-mużika. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll azzjonijiet ulterjuri bħala segwitu għall-Green Paper dwar is-settur Awdjoviżiv[15], pereżempju billi tippromwovi u tiffaċilita l-liċenzjar ta’ xogħlijiet awdjoviżwali għal distribuzzjoni onlajn, partikolarment dak transfruntier. Servizz tal-cloud computing jista’ jippermetti wkoll ħżin ta’ kontenut fil-cloud. Il-konsumatur jista' juża l-cloud bħala loker diġitali għall-kontenut, u bħala għodda ta’ sinkronizzazzjoni għall-aċċess għall-kontenut minn apparat differenti. Għalhekk jinbtu mistoqsijiet dwar il-ġabra possibbli ta' levis tal-ikkuppjar privat għal kwalunkwe ikkuppjar privat tal-kontenut lejn il-cloud, minnha jew fiha.

Dawn il-mistoqsijiet, fost oħrajn, qed jiġu eżaminati fi proċess ta’ medjazzjoni kontinwa mmexxi mis-Sur Antonio Vitorino.[16] Abbażi tar-riżultat ta’ dan il-proċess il-Kummissjoni inter alia ser tivvaluta jekk hemmx bżonn li jiġi ppreċiżat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-ikkuppjar privat u l-applikabbiltà tal-levis u, b'mod partikolari, kemm is-servizzi tal-cloud computing li jippermettu rimunerazzjoni diretta tad-detenturi tad-drittijiet huma esklużi mir-reġim tal-levis tal-ikkuppjar privat.

Azzjonijiet tal-Aġenda Diġitali “Għal Tranżazzjonijiet Onlajn u Transfruntieri aktar sempliċi”

L-eżaminazzjoni riċenti tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku li saret fil-kuntest tal-Aġenda Diġitali kkonfermat ir-rwol tagħha bħala pedament essenzjali tat-tkabbir tas-servizzi diġitali fl-Ewropa permezz tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni meta dawn jilqgħu jew jittrażmettu informazzjoni illegali li tkun ġiet ipprovduta minn parti terza. Ħafna minn dawn is-servizzi onlajn issa qed jersqu lejn l-infrastrutturi tal-cloud; pass li jiffaċilita l-offerta ta’ aktar servizzi integrati. Dan joħloq katini ta' valur aktar kumplessi li ħafna drabi jkopru ġurisdizzjonijiet multipli u li mbagħad iqanqlu mistoqsijiet relatati mad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli (eż it-twaqqif) u l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ notifika rigward informazzjoni u attivitajiet (allegatament) illegali għal dawn is-servizzi emerġenti. Dawn il-kwistjonijiet qed jiġu indirizzati fl-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ notifika u azzjoni; segwitu tal-Komunikazzjoni dwar is-Suq Uniku Diġitali għall-kummerċ elettroniku u s-servizzi onlajn.[17]

Metodi sikuri ta' awtentikazzjoni elettronika għal tranżazzjonijiet tal-internet huma wkoll essenzjali għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali. Il-katini ta’ valur aktar kumplessi u l-interkonnessjoni ta’ bosta servizzi tal-cloud computing jagħmlu l-awtentikazzjoni affidabbli meħtieġa kemm għall-assigurazzjoni tal-fiduċja u kemm għas-simplifikazzjoni tal-użu tas-servizzi. Pereżempju proċeduri ta’ sign-on uniku jiffaċilitaw l-użu ta’ grupp ta’ servizzi, iżda jeħtieġu metodi ta’ awtentikazzjoni aktar sofistikati u affidabbli minn sempliċi kodiċi ta’ aċċess li jinħoloq mill-utent innifsu, biex tissaħħaħ il-fiduċja fil-grupp ta’ fornituri kkonċernati. L-adozzjoni tal-istandards komuni li jippermettu użu sikur iżda bla xkiel tas-servizzi li jeħtieġu awtentikazzjoni u awtorizzazzjoni affidabbli għandha tkun ta' benefiċċju kbir għall-adozzjoni tal-cloud. Il-provvediment ta’ tali soluzzjonijiet se jissaħħaħ ħafna bl-adozzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettronika.[18]

Fix-xhur li ġejjin, fl-Istrateġija tagħha għaċ-Ċibersigurtà, il-Kummissjoni se tindirizza l-isfidi ġenerali taċ-ċibersigurtà L-istrateġija se tindirizza l-fornituri kollha tas-soċjetà tal-informazzjoni inkluż il-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing. Se tindika, inter alia, il-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa li għandhom jittieħdu biex jiġu mmaniġġati r-riskji tas-sigurtà u tirrapporta l-obbligi lill-awtoritajiet kompetenti ta' inċidenti sinifikanti.

Azzjonijiet tal-Aġenda Diġitali dwar il-Bini ta’ Kunfidenza Diġitali

Il-protezzjoni tad-dejta nibtet mill-konsultazzjoni u l-istudji mnedija mill-Kummissjoni bħala qasam ewlieni ta’ tħassib li jista’ jimpedixxi l-adozzjoni tal-cloud computing. B’mod partikolari, fil-konfront ta' 27 qafas leġiżlattiv nazzjonali parzjalment diverġenti, huwa ferm diffiċli li jkunu pprovduti soluzzjonijiet kosteffiċjenti tal-cloud fil-livell tas-suq uniku diġitali. Barra minn hekk, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni globali tal-cloud, kien hemm talba għal kjarifika dwar kif se jkunu rregolati t-trasferimenti tad-dejta internazzjonali. Hekk kif twettqet Azzjoni oħra tal-Aġenda Diġitali, dan it-tħassib ġie indirizzat permezz tal-proposta mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Jannar 2012 ta' qafas legali qawwi u uniformi li jipprovdi ċertezza legali rigward il-protezzjoni tad-dejta. Ir-regolament propost jindirizza l-kwistjonijiet imqanqla mill-cloud. Prinċipalment, jikkjarifika l-kwistjoni importanti tal-liġi applikabbli, billi jassigura li sett uniku ta’ regoli jkunu japplikaw direttament u b’mod uniformi fis-27 Stati Membri kollha. Ser ikun ta’ benefiċċju għan-negozji u għaċ-ċittadini billi jassigura kundizzjonijiet indaqs u jnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż tal-konformità għan-negozji madwar l-Ewropa, filwaqt li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-individwi u jagħtihom aktar kontroll fuq id-dejta tagħhom. Iż-żieda fit-trasparenza tal-ipproċessar tad-dejta ser tgħin ukoll biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur. Il-proposta tiffaċilita t-trasferimenti tad-dejta personali lejn pajjiżi 'l barra mill-UE u miż-ŻEE waqt li tiżgura l-kontinwità tal-protezzjoni tal-individwi kkonċernati. Il-qafas legali l-ġdid ser jipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotti u standards għall-cloud, fejn il-partijiet interessati jaraw il-ħtieġa li jkun hemm skemi ta’ ċertifikazzjoni li jivverifikaw li l-fornitur ikun implimenta l-istandards u s-salvagwardji ta’ sigurtà xierqa tal-IT għat-trasferimenti tad-dejta.

Minħabba li t-tħassib dwar il-protezzjoni tad-dejta kien identifikat bħala wieħed mill-aktar ostakli serji għall-adozzjoni tal-cloud computing, huwa ferm aktar importanti li l-Kunsill u l-Parlament, fl-2013, jaħdmu sabiex l-adozzjoni tar-regolament propost issir malajr kemm jista' jkun.

Sadanittant, minħabba li l-cloud computing tinvolvi katini ta’ fornituri u atturi oħra bħall-fornituri tal-infrstruttura jew tal-komunikazzjonijiet, hija meħtieġa gwida dwar kif għandha tiġi applikata d-Direttiva eżistenti tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, speċjalment biex tidentifika u tiddistingwi d-drittijiet u l-obbligi tal-protezzjoni tad-dejta ta' kontrolluri u proċessuri tad-dejta fir-rigward ta' fornituri tas-servizz cloud, jew atturi fil-katina tal-valuri tal-cloud computing. Barra minn hekk, minħabba n-natura speċifika tal-cloud, inqalgħu kwistjonijiet rigward il-liġi applikabbli f'każ li jkun diffiċli li wieħed jiddetermina l-post relevanti ta’ twaqqif ta’ fornitur tas-servizz cloud, eż. f'każ ta' utent mhux fl-UE ta’ fornitur mhux fl-UE u li qed jopera t-tagħmir fl-UE. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa’ l-gwida dwar kif għandha tkun applikata d-Direttiva eżistenti tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, li ngħatat fl-Opinjoni tal-grupp ta’ ħidma dwar il-protezzjoni tad-dejta, l-hekk imsejjaħ “Artikolu 29 Grupp ta’ Ħidma" dwar il-cloud computing fl-1 ta’ Lulju 2012.[19] Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 29 tal-Opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma jipprovdi bażi tajba għat-tranżizzjoni mid-Direttiva attwali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għar-Regolament il-ġdid tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u li għandu jiggwida l-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali u tan-negozji, u b'hekk joffri kjarifika massima u ċertezza legali abbażi tal-qafas legali eżistenti.

Barra minn hekk, ladarba r-regolament propost jiġi adottat, il-Kummissjoni ser tagħmel użu mill-mekkaniżmi l-ġodda stabbiliti fih biex, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta, tipprovdi kwalunkwe gwida addizzjonali meħtieġa għall-applikazzjoni tal-liġi Ewropea tal-protezzjoni tad-dejta fir-rigward tas-servizzi cloud.

Il-liġi kuntrattwali ukoll kienet qed toħloq tħassib minħabba li kienet qed taffettwa b’mod negattiv il-kunfidenza diġitali tal-konsumaturi li ma kinux ċerti dwar id-drittijiet tagħhom u kellhom nuqqas ta' protezzjoni, u kummerċjanti li kienu jeħtieġu qafas li jagħmilha aktar faċli għalihom li joffru l-prodotti tagħhom onlajn. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni diġà pproponiet Regolament fuq Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.[20]

3.2.        Azzjonijiet Speċifiċi Ewlenin dwar il-Cloud Computing

It-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali, permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni malajr kemm jista’ jkun tal-proposti tal-Aġenda Diġitali li ġew ippreżentati, huwa l-ewwel pass essenzjali lejn Ewropa li tiffavorixxi l-cloud. Iżda biex isir avvanz biex insiru attivi fil-cloud, għandha tiġi żviluppata aktar il-klima ta' ċertezza u fiduċja u b'hekk tkun stimulata l-adozzjoni attiva tal-cloud computing fl-Ewropa.

Sabiex tinbena l-fiduċja fis-soluzzjonijiet tal-cloud, jeħtieġ li jittieħdu sensiela ta' passi maħsuba għal dan il-għan. Il-katina tibda bl-identifikazzjoni ta’ sett xieraq ta’ standards li jistgħu jiġu ċċertifikati sabiex jippermettu lill-prokuraturi pubbliċi u privati jkunu kunfidenti li ssodisfaw l-obbligi ta’ konformità tagħhom u li għandhom soluzzjoni xierqa biex il-ħtiġijiet tagħhom jiġu ssodisfati meta jadottaw is-servizzi cloud. Imbagħad, tista' ssir referenza għal dawn l-istandards u ċertifikati fit-termini u l-kundizzjonijiet sabiex il-fornituri u l-utenti jħossuhom kunfidenti li l-kuntratt huwa ġust. Ix-xogħol preparatorju msemmi hawn fuq jindika l-ħtieġa għal oqfsa speċifiċi għall-Cloud Computing b'rabta kemm mal-istandards u ċ-ċertifikazzjoni kif ukoll mat-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali.

L-awtoritajiet pubbliċi għandhom rwol fil-ħolqien ta' ambjent affidabbli tal-cloud fl-Ewropa. Għandhom opportunità li jużaw il-piż tal-akkwist tagħhom biex jippromwovu l-iżvilupp u l-użu tal-cloud computing fl-Ewropa, abbażi ta' teknoloġiji miftuħa u pjattaformi sikuri. L-istabbiliment ta’ qafas ċar u protettiv għall-adozzjoni mis-settur pubbliku ser jassigura li din it-teknoloġija tipprovdi aċċess affidabbli għall-utenti internazzjonali u jagħmel l-Ewropa punt ċentrali għall-innovazzjoni fis-servizz cloud. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet affidabbli tal-cloud min-naħa ta' akkwirenti pubbliċi, tista’ tħeġġeġ lill-SMEs jadottawhom ukoll.

Hemm ukoll tħassib li sakemm it-teknoloġija ma tiġix adottata mill-awtoritajiet pubbliċi u l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), l-impatt ekonomiku tal-cloud computing ma jilħaqx il-potenzjal sħiħ tiegħu. Fiż-żewġ każijiet l-adozzjoni sa issa għadha marġinali minħabba d-diffikultà fil-valutazzjoni tar-riskji tal-adozzjoni tal-cloud.

Għalhekk, biex twettaq dawn l-għanijiet il-Kummissjoni Ewropea se tniedi tliet azzjonijiet speċifiċi għall-cloud:

(1) Azzjoni Ewlenija 1: Tinġieb l-Ordni fil-Konfużjoni tal-Istandards

(2) Azzjoni Ewlenija 2: Termini u Kundizzjonijiet Kuntrattwali Sikuri u Ġusti

(3) Azzjoni Ewlenija 3: It-twaqqif ta' Sħubija Ewropea tal-Cloud biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u t-tkabbir mis-settur pubbliku.

3.3.        Azzjoni Ewlenija 1 – Tinġieb l-Ordni fil-Konfużjoni tal-Istandards

Użu aktar wiesgħa ta’ standards, iċ-ċertifikazzjoni tas-servizzi cloud biex jintwera li dawn jilħqu l-istandards imsemmija u l-approvazzjoni ta' tali ċertifikati mill-awtoritajiet regolatorji minħabba li l-indikazzjoni ta' konformità mal-obbligi legali se tgħin fil-bidu tal-cloud.

Bħalissa, il-bejjiegħa individwali għandhom l-inċentiv li jiġġieldu għad-dominanza billi jorbtu l-konsumaturi tagħhom, jimpedixxu approċċi standardizzati u mifruxin mal-industrija. Minkejja għadd numeruż ta' sforzi ta' standardizzazzjoni, li ħafna minnhom huma mmexxija mill-fornituri, il-clouds jistgħu jiżviluppaw b’tali mod li jkunu neqsin mill-interoperabbiltà, mill-portabbiltà u mir-riversibbiltà tad-dejta, li lkoll huma kruċjali biex jiġi evitat l-irbit tal-klijenti.

L-istandards fil-cloud ser jaffettwaw ukoll il-partijiet interessati lil hinn mill-industrija tal-ICT, b'mod partikolari l-SMEs, l-utenti tas-settur pubbliku u l-konsumaturi. Tali utenti rari jkunu kapaċi jivvalutaw x’qed jgħidu l-fornituri rigward l-implimentazzjoni tagħhom tal-istandards, l-interoperabbiltà tal-clouds tagħhom jew is-sempliċità li biha d-dejta tista' tiġi trasferita minn fornitur wieħed għall-ieħor. Għal dan, hija meħtieġa ċertifikazzjoni indipendenti u fdata.

L-istandardizzazzjoni u l-azzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni għall-cloud computing diġà qegħdin fis-seħħ. L-Istitut Nazzjonali għall-Istandards u t-Teknoloġija (NIST) tal-Istati Uniti ippubblika serje ta’ dokumenti inkluż sett ta’ definizzjonijiet aċċettat minn ħafna. L-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) waqqaf Grupp tal-Cloud biex iqis il-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni tal-cloud u l-konformità mal-istandards ta’ interoperabbiltà. Huwa evidenti li se jkunu meħtieġa standards addizzjonali. Madanakollu, il-prijorità issa hija li jintużaw l-istandards eżistenti għall-iżvilupp ta’ kunfidenza fil-cloud computing permezz ta’ ġabra ta’ servizzi komparabbli kif ukoll permezz ta’ offerti interoperabbli u differenti. Barra mill-identifikazzjoni tal-istandards ikkonċernati, hemm ukoll il-ħtieġa ta' ċertifikazzjoni ta’ konformità.

Bosta organizzazzjonijiet, u ċertament dawk kollha li huma akbar, jeħtieġu ċertifikazzjoni tal-konformità tas-sistemi tal-IT tagħhom mar-rekwiżiti legali u awditjarji u jeħtieġu wkoll li l-applikazzjonijiet u s-sistemi jkunu interoperabbli. Il-Kummissjoni ser:

· tippromwovi offerti fdati u affidabbli billi tqabbad lill-ETSI biex tikkoordina mal-partijiet interessati b’mod trasparenti u miftuħ b'mod li sal-2013 tkun identifikat mappa tal-istandards meħtieġa (għas-sigurtà, l-interoperabbiltà, il-portabbiltà tad-dejta u r-riversibbiltà fost l-oħrajn)

· issaħħaħ il-fiduċja fis-servizzi tal-cloud computing billi fil-livell tal-UE tirrikonoxxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni għall-protezzjoni tal-informazzjoni personali skont ir-Regolament il-ġdid dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea[21].

· taħdem biex tgħin fl-iżvilupp ta’ skemi volontarji ta’ ċertifikazzjoni madwar l-UE fil-qasam tal-cloud computing (inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta) u tistabbilixxi lista ta' tali skemi sal-2014, bl-appoġġ tal-ENISA u korpi relevanti oħra.

· tindirizza l-isfidi ambjentali taż-żieda fl-użu tal-cloud billi flimkien mal-industrija taqbel dwar parametri armonizzati għall-konsum tal-enerġija, il-konsum tal-ilma u l-emissjonijiet tal-karbonju tas-servizzi cloud sal-2014[22]

3.4.        Azzjoni Ewlenija 2: Termini u Kundizzjonijiet Kuntrattwali Sikuri u Ġusti

L-arranġamenti tradizzjonali ta' esternalizzazzjoni tal-IT normalment kienu jiġu nnegozjati u kienu relatati mal-ħżin tad-dejta, ma' faċilitajiet għall-ipproċessar u mas-servizzi ddefiniti u deskritti fid-dettall u b'mod diretti. Min-naħa l-oħra l-kuntratti tal-Cloud computing, essenzjalment joħolqu qafas li fih l-utent ikollu aċċess għal ammont infinit ta’ kapaċitajiet skalabbli u flessibbli tal-IT, skont il-bżonnijiet tiegħu. Madanakollu, bħalissa l-flessibbiltà akbar li joffri l-cloud computing meta mqabbel mal-esternalizzazzjoni tradizzjonali ħafna drabi tiġi żbilanċjata b'ċertezza mnaqqsa għall-konsumatur minħabba kuntratti li mhumiex speċifiċi u bbilanċjati biżżejjed mal-fornituri tal-cloud.

Il-kumplessità u l-inċertezza tal-qafas legali għall-fornituri tas-servizzi cloud ifissru li ħafna drabi huma jużaw kuntratti jew ftehimiet ta' livell ta' servizz kumplessi[23] b'dikjarazzjonijiet ta' ċaħda tar-responsabbiltà estensivi. Il-fornitur jista’ jiffranka l-ispejjeż bl-użu ta’ kuntratti standard “jew hekk jew xejn" iżda ħafna drabi dawn mhumiex mixtieqa mill-utent, inkluż il-konsumatur finali. Tali kuntratti jistgħu wkoll jimponu l-liġi applikabbli jew jimpedixxu l-irkupru tad-dejta. Anke kumpaniji akbar għandhom ftit setgħa fl-innegozjar, u l-kuntratti ħafna drabi ma jipprevedux ir-responsabbiltà għall-integrità tad-dejta, il-kunfidenzjalità u l-kontinwità fis-servizz[24].

Fir-rigward tal-utenti professjonali, l-iżvilupp tal-klawsoli mudell għall-cloud computing tal-ftehimiet ta' livell ta' servizz għal utenti professjonali kienu wieħed mill-aktar kwistjonijiet importanti li ġew indirizzati matul il-proċess ta’ konsultazzjoni. Il-ftehimiet ta' livell ta' servizz jiddeterminaw ir-relazzjoni bejn il-fornitur tal-cloud u l-utenti professjonali, u għalhekk essenzjalment jipprovdu l-bażi tal-fiduċja li l-utenti jista' jkollhom fl-abbiltà tal-fornitur tal-cloud li jipprovdi s-servizzi.

Fir-rigward tal-konsumaturi u kumpaniji żgħar, il-proposta tal-Kummissjoni, bħala azzjoni li għandha l-għan li tibni l-kunfidenza diġitali fil-kuntest tal-Aġenda Diġitali, għal Regolament dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ[25], tindirizza ħafna mill-ostakli li jinbtu minn regoli diverġenti tal-liġijiet nazzjonali tal-bejgħ billi tipprovdi sett uniformi ta' regoli lill-partijiet kuntrattwali. Il-proposta tinkludi regoli adattati għall-provvista tal-“kontenut diġitali" li jkopru ċerti aspetti tal-cloud computing[26]

Huwa meħtieġ xogħol speċifiku komplementari għal dawk il-kwistjonijiet li jmorru lil hinn mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ biex ikun żgurat li kwistjonijiet kuntrattwali oħra rilevanti għas-servizzi tal-cloud computing jistgħu jkunu koperti wkoll, minn approċċ tal-istrument simili u mhux obbligatorju. Dan ix-xogħol komplementari għandu jkopri tali kwistjonijiet bħall-preservazzjoni tad-dejta wara li jintemm il-kuntratt, id-divulgazzjoni u l-integrità tad-dejta, il-lok tad-dejta u t-trasferiment tad-dejta, responsabbiltà diretta u indiretta, is-sjieda tad-dejta, il-bidla tas-servizz mill-fornituri tal-cloud u s-sottokuntrattar.

Għalkemm il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE tipproteġi lill-utenti tas-servizzi cloud, ħafna drabi l-konsumaturi ma jkunux konxji tad-drittijiet relevanti tagħhom inkluż tal-liġi applikabbli u l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, partikolarment meta jiġu għal kwistjonijiet dwar il-liġi kuntrattwali[27] L-iżvilupp ta’ klawsoli kuntrattwali mudell kien identifikat fil-konsultazzjoni[28] bħala soluzzjoni mixtieqa biex jinegħlbu dawn il-problemi. L-utenti u l-fornituri industrijali sejħu għal ftehimiet awtoregolatorji jew għal standardizzazzjoni. Għal kuntratti ma’ konsumaturi u ditti żgħar, jista' jkun meħtieġ li jiġu stabbiliti klawsoli u kundizzjonijiet kuntrattwali mudell fil-livell Ewropew u bbażati fuq strument fakultattiv tal-liġi kuntrattwali, biex jinħolqu kuntratti għal servizzi cloud trasparenti u ġusti.

L-identifikazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prassi fir-rigward tal-klawsoli kuntrattwali mudell ser iħaffu l-adozzjoni tal-cloud computing billi jżidu l-fiduċja ta’ konsumaturi prospettivi.

Azzjonijiet xierqa rigward termini kuntrattwali jistgħu jkunu ta’ għajnuna wkoll fil-qasam kruċjali tal-protezzjoni tad-dejta. Kif imsemmi hawn fuq, ir-Regolament propost dwar il-Protezzjoni personali tad-Dejta ser jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-individwi billi jassigura kontinwità ta’ protezzjoni meta d-dejta tiġi trasferita ’l barra mill-UE u ż-ŻEE, jiġifieri permezz ta’ klawsoli kuntrattwali standard li jirregolaw it-trasferimenti internazzjonali tad-dejta u t-twaqqif tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-adozzjoni ta' regoli korporattivi vinkolanti li jiffavorixxu lill-cloud. Dawn il-bidliet ser jassiguraw li r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta jindirizzaw ir-realtajiet ġeografiċi u tekniċi tal-cloud computing. Il-Kummissjoni sa tmiem l-2013 ser:

· tiżviluppa klawsoli kuntrattwali mudell għal ftehimiet ta' livell ta' servizz mal-partijiet interessati, għal kuntratti bejn il-fornituri tal-cloud u l-utenti professjonali tal-cloud, waqt li tqis l-acquis tal-UE li qed jiżviluppa f’dan il-qasam.

· f’konformità mal-Komunikazzjoni dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ[29],tipproponi lill-konsumaturi u ditti żgħar termini tal-klawsoli kuntrattwali mudell Ewropej u kundizzjonijiet għal dawk il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-proposta tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. L-għan huwa li tistandardizza t-termini u kundizzjonijiet kuntrattwali ewlenin, waqt li tipprovdi l-aħjar termini kuntrattwali ta’ prattika għas-servizzi cloud fir-rigward ta' aspetti relatati mal-provvista tal-“kontenut diġitali”.

· tqabbad grupp ta’ esperti mwaqqaf għal dan il-għan u tinkludi l-industriji biex qabel tmiem l-2013 tidentifika termini u kundizzjonijiet kuntrattwali sikuri u ġusti għall-konsumaturi u d-ditti ż-żgħar, abbażi ta' approċċ tal-istrument fakultattiv simili, għal dawk il-kwistjonijiet relatati mal-cloud li ma jaqgħux taħt il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

· tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-Ewropa fit-tkabbir globali tal-cloud computing billi: teżamina l-klawsoli kuntrattwali standard applikabbli għat-trasferiment ta' dejta personali għal terzi pajjiżi u tadattahom, kif meħtieġ, għas-servizzi cloud, u billi titlob lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta biex japprovaw Regoli Korporattivi Vinkolati għas-fornituri tal-cloud[30]

· Taħdem mal-industriji biex taqbel dwar kodiċi ta' kondotta għall-fornituri tal-cloud computing biex tappoġġa applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta li jistgħu jiġu sottomessi lill-Artikolu 29 Grupp ta' Ħidma għall-approvazzjoni sabiex tkun assigurata ċertezza legali u koerenza bejn il-kodiċi ta’ kondotta u l-liġi tal-UE.

3.5.        Azzjoni Ewlenija 3 – Il-Promozzjoni tar-Rwol Ewlieni Komuni tas-Settur Pubbliku permezz ta’ Sħubija Ewropea tal-Cloud

Is-settur pubbliku għandu rwol qawwi fl-iffurmar tas-suq tal-cloud computing. Bħala l-akbar xerrej tas-servizzi tal-IT tal-UE, jista’ jistabbilixxi rekwiżiti stretti għall-elementi karatteristiċi, il-prestazzjoni, is-sigurtà, l-interoperabbiltà u l-portabbiltà u l-konformità tad-dejta mar-rekwiżiti tekniċi. Jista’ wkoll jistabbilixxi rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni. Diversi Stati Membri taw bidu għal inizjattivi nazzjonali bħal Andromede fi Franza, G-Cloud fir-Renju Unit u Trusted Cloud fil-Ġermanja[31] Iżda bis-suq tas-settur pubbliku frammentat, ir-rekwiżiti tiegħu ftit għandhom impatt, l-integrazzjoni tas-servizzi finanzjarji hija baxxa u ċ-ċittadini ma jiħdux l-aħjar valur għal flushom. Il-ġbir flimkien ta’ rekwiżiti pubbliċi jista’ jġib miegħu effiċjenza ogħla u rekwiżiti settorjali komuni (eż. is-saħħa elettronika, il-kura soċjali, l-għajxien megħjun, uservizzi tal-gvern elettroniku bħad-dejta miftuħa[32]) inaqqas l-ispejjeż u jippermetti l-interoperabbiltà.

Is-settur privat jista' jibbenefika wkoll minn servizzi ta’ kwalità ogħla, aktar kompetizzjoni, standardizzazzjoni rapida u interoperabbiltà aħjar flimkien ma' opportunitajiet tas-suq għal SMEs ta’ teknoloġija avvanzata.

Għalhekk, din is-sena, il-Kummissjoni beħsiebha twaqqaf Sħubija Ewropea tal-Cloud (ECP) biex tkopri l-inizjattivi komparabbli fil-livell tal-Istati Membri. L-ECP ser tlaqqa’ lill-esperti tal-industrija u l-utenti tas-settur pubbliku biex flimkien jaħdmu fuq rekwiżiti komuni ta' akkwist għall-cloud computing b’mod trasparenti miftuħ u sħiħ. L-ECP ma għandhiex il-mira li toħloq infrastruttura fiżika tal-cloud computing. L-għan tagħha huwa pjuttost dak li, permezz ta’ rekwiżiti ta’ akkwist li ser ikunu promossi minn Stati Membri u awtoritajiet pubbliċi parteċipanti għall-użu madwar l-UE, tassigura li l-offerta kummerċjali fl-Ewropa tiġi adattata għall-ħtiġijiet Ewropej. L-ECP ser tkun ukoll strumentali biex tiġi evitata l-frammentazzjoni u biex ikun żgurat li l-użu pubbliku tal-cloud huwa interoperabbli, mingħajr periklu, sikur u li jiffavorixxi aktar l-ambjent kif ukoll konformi mar-regoli Ewropej, e.ż. fl-oqsma tal-protezzjoni tad-dejta u s-sikurezza. L-ECP, taħt il-gwida tal-bord ta’ tmexxija, ser tlaqqa’ flimkien awtoritajiet pubbliċi li jikkooperaw flimkien u li jkunu qed jaħdmu ma’ konsorzji tal-industriji u b'hekk jimplimentaw azzjoni ta' akkwist prekummerċjali biex:

· tidentifika r-rekwiżiti tal-cloud tas-settur pubbliku; tiżviluppa speċifikazzjonijiet għall-akkwist tal-IT u takkwista implimentazzjonijiet ta’ referenza biex turi l-konformità u l-prestazzjoni[33]

· tavvanza lejn akkwisti konġunti ta’ servizzi tal-cloud computing minn korpi pubbliċi bbażati fuq ir-rekwiżiti tal-utent komuni emerġenti.

· tistabbilixxi u tesegwixxi azzjonijiet oħra li jeħtieġu koordinazzjoni mal-partijiet interessati kif deskritt f’dan id-dokument.

4.           Stadji Addizzjonali tal-Politika

Il-Kummissjoni ser timplimenta wkoll serje ta’ azzjonijiet ta’ akkumpanjament biex tappoġġa t-tliet azzjonijiet ewlenin. Inizjattivi oħra, bħal fir-rigward tal-aċċess għall-broadband, ir-roaming jew id-dejta miftuħa wkoll jikkontribwixxu għal ambjentli jwassal għal adozzjoni aktar mgħaġġla tal-cloud, b'mod partikolari għall-konsumaturi u l-SMEs.

4.1.        Miżuri ta’ stimolu

Il-Kummissjoni ser tinvestiga kif tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti l-oħra disponibbli tagħha, partikolarment permezz ta' appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp fil-kuntest tal-Orizzont 2020 fil-konfront ta' sfidi fit-tul speċifiċi għall-cloud computing, kif ukoll permezz ta' għajnuna għall-bidla għal soluzzjonijiet fil-cloud, e.ż. software għat-tibdil minn sistemi eżisteni għall-cloud, għall-ġestjoni ta’ servizzi ibridi (li jgħaqqdu s-sistemi fil-cloud u dawk li mhumiex) u għall-evitar tal-irbit[34].

Fl-2014 il-Kummissjoni beħsiebha tniedi Infrastrutturi ta’ Servizz Diġitali skont il-proposta Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa[35] bħala servizzi pubbliċi fil-cloud li jkunu disponibbli kullimkien, e.ż. it-ħolqien ta’ negozji onlajn; l-akkwist transfruntier u s-servizzi elettroniċi fil-qasam tas-saħħa; u l-aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku. Ser timplimenta wkoll il-pjan tal-cloud tagħha skont l-istrateġija eCommission, inkluż programm ta’ azzjonijiet biex servizzi pubbliċi implimentati fil-kuntest ta’ programmi oħra tal-Komunità jitmexxew fil-cloud.

Fl-aħħar nett se tieħu azzjoni (l-istudji, skemi ta' konsulenza u mentoring u t-tqanqil ta’ kuxjenza fost l-oħrajn) biex tippromwovi l-ħiliet elettroniċi u l-intraprenditorija diġitali fir-rigward tal-cloud computing

4.2.        Djalogu internazzjonali

Mingħajr xkiel tekniku li jwaqqaf is-servizzi cloud mal-fruntieri ġeografiċi, mhux biss hemm bżonn li wieħed jisfrutta l-opportunitajiet tas-Suq Uniku Diġitali b'mod sħiħ, iżda wkoll li jħares lil hinn mill-UE lejn is-sitwazzjoni internazzjonali b'mod ġenerali kemm fir-rigward tal-qafas legali (e.ż. dwar il-liġi applikabbli) u kemm tal-miżuri li jappoġġaw l-adozzjoni.

Il-cloud computing, minħabba li beda fuq livell globali, jirrikjedi djalogu internazzjonali aktar b'saħħtu fir-rigward tal-użu transfruntier sikur u sħiħ. Pereżempju, id-djalogi internazzjonali dwar il-kummerċ, l-infurzar tal-liġi, is-sigurtà u ċ-ċiberkriminalità kollha jeħtieġu li jirriflettu bis-sħiħ l-isfidi l-ġodda li tfaċċaw permezz tal-cloud computing[36]

Aktar pajjiżi terzi qed jirrikonoxxu l-importanza tal-cloud computing. L-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġappun, il-Kanada, l-Awstralja u l-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ażja bħall-Korea, il-Malasja u Singapor għandhom strateġiji tal-cloud computing jew qed jiżviluppawhom. L-assi ewlenin huma sħubiji li jixprunaw l-adozzjoni minn korpi pubbliċi; il-promozzjoni ta’ żviluppi teknoloġiċi u l-istandardizzazzjoni; u djalogu u koordinazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet legali u tekniċi. L-UE għalhekk teħtieġ li tapprofondixxi l-kollaborazzjoni strutturata tagħha ma' msieħba internazzjonali mhux biss biex tikkondividi l-esperjenzi u tagħmel żvilupp teknoloġiku konġunt iżda wkoll biex tipproċedi għal aġġustamenti legali u b'hekk tippromwovi introduzzjoni aktar effiċjenti u effettiva tal-cloud[37] Dawn id-djalogi ser isiru f'fora multilaterali bħall-WTO u l-OECD biex jiġu ppreżentati għanijiet komuni għas-servizzi tal-cloud computing u biex jiġu inklużi kwistjonijiet relatati mal-cloud computing fin-negozjati tal-kummerċ ħieles tagħha mal-Indja, Singapor eċċ.

Il-Kummissjoni ser tibni wkoll fuq id-djalogi internazzjonali tagħha li għadhom għaddejjin mal-Istati Uniti, l-Indja, il-Ġappun u pajjiżi oħra, fir-rigward ta’, inter alia, temi ewlenin relatati mas-servizzi cloud diskussi hawn fuq, bħall-protezzjoni tad-dejta; l-aċċess għal dejta minn aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-użu tal-Ftehimiet dwar l-Assistenza Legali Reċiproka biex tevita konfronti ma' kumpaniji b'talbiet konfliġġenti minn awtoritajiet pubbliċi; il-koordinazzjoni tas-sigurtà tad-dejta fuq livell globali; iċ-ċibersigurtà, ir-responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizzi intermedjarji; l-istandards u r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà, b’mod partikulari għas-servizzi pubbliċi; l-applikazzjoni tal-liġi fiskali għas-servizzi cloud u l-kooperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku

5.           Konklużjoni

Il-cloud computing jaffettwa firxa sħiħa ta’ oqsma ta’ politika. L-inizjattivi ta' politika li għaddejjin bħalissa, bħar-riforma tal-protezzjoni tad-dejta u l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, u li jnaqqsu l-ostakli għall-applikazzjoni tal-cloud computing fl-UE għandhom jiġu adottati malajr.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ser twettaq ħafna mill-azzjonijiet ewlenin identifikati f’din il-Komunikazzjoni fl-2013, b’mod partikolari fir-rigward tal-azzjonijiet dwar l-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni għall-cloud computing, l-iżvilupp ta' termini u kundizzjonijiet kuntrattwali sikuri u ġusti u t-tnedija tal-Isħubija Ewropea tal-Cloud.

Il-Kummissjoni ser tkun viġilanti fir-rigward ta' kwistjonijiet emerġenti ta' politika li aktarx jaffettwaw il-potenzjal ekonomiku u soċjali tal-cloud computing f'oqsma bħat-tassazzjoni, l-akkwist pubbliku, ir-regolamentazzjoni finanzjarja jew l-infurzar tal-liġi, fejn in-natura transfruntiera inerenti tal-cloud computing tqanqal mistoqsijiet rigward l-obbligi tal-konformità u r-rappurtaġġ.

Il-Kummissjoni sal-aħħar tal-2013, ser tirrapporta l-progress li jkun twettaq fil-konfront tas-sett sħiħ ta’ azzjonijiet f’din l-Istrateġija u tippreżenta aktar inizjattivi ta' proposti ta’ politika u proposti leġiżlattivi, skont il-ħtieġa.

Is-sentejn li jmiss, li matulhom l-azzjonijiet elenkati hawn fuq ser jiġu żviluppati u jidħlu fis-seħħ, se jservu ta' pedament għall-Ewropa biex din issir ċentru dinji tal-cloud computing. Il-progress xieraq matul din il-fażi ta’ preparazzjoni ser jipprovdi bażi stabbli għal fażi inizjali rapida mill-2014-2020 li matulha l-użu ta' offerti pubblikament disponibbli tal-cloud computing jista’ jilħaq rata komposta ta’ tkabbir annwali ta’ 38% (madwar id-doppju tar-rata li tista’ tinkiseb li kieku ma jiġux implimentati l-istadji deċisivi tal-politika).

Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jisfruttaw il-potenzjal tal-cloud computing. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw l-użu tal-cloud fis-settur pubbliku abbażi ta' approċċi komuni li jsaħħu l-prestazzjoni u l-fiduċja, filwaqt li jbaxxu l-ispejjeż. Il-parteċipazzjoni attiva fis-Sħubija Ewropea tal-Cloud u l-użu tar-riżultati tagħha ser ikunu kruċjali.

Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-industrija biex tikkoopera mill-qrib fir-rigward tal-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ interoperabbiltà u standards komuni.

[1]               Kretschmer, T. (2012), “Information and Communication Technologies and Productivity Growth: A Survey of the Literature”, OECD Digital Economy Papers, No. 195, OECD Publishing. http://dx.doi.org/10.1787/5k9bh3jllgs7-en

[2]               Komunikazzjoni, “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u s-servizzi online", COM (2011) 942 finali.

[3]               IDC (2012) Quantitative Estimates of the Demand for Cloud Computing in Europe and the Likely Barriers to Take-up”; għal aktar dettalji ara wkoll it-Taqsima 3.1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. L-importanza tal-cloud computing rigward il-ħolqien tal-impjiegi hija rikonoxxuta wkoll f’"Sett ta’ Azzjonijiet Ewlenin għall-Impjiegi fis-settur tal-ICT”, Anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi”. COM(2012) 173 finali.

[4]               Pereżempju, l-organizzazzjonijiet jistgħu jinkwetaw fil-każ ta’ waqfien mis-servizz, filwaqt li individwi jista’ jkollhom tħassib dwar x'iseħħ mill-informazzjoni personali tagħhom. Tali tħassib jista’ inaqqas il-pass li tkun qed tiżdied bih l-adozzjoni tal-cloud computing.

[5]               Ħafna minn dawn id-definizzjonijiet huma astratti ħafna: Definizzjoni magħrufa ħafna titkellem dwar “mudell li jippermetti aċċess konvenjenti u fuq talba, permezz ta' netwerk għal ġabra kondiviża ta’ riżorsi konfigurabbli tal-kompjuter ... li jistgħu jiġu fornuti malajr, u rilaxxati bi sforz jew interazzjoni minima mal-fornitur tas-servizz" NIST (2009), Istitut Nazzjonali tal-US għall-Istandards u t-Teknoloġija.

[6]               IDC (2012) Quantitative Estimates of the Demand for Cloud Computing in Europe and the Likely Barriers to Take-up.

[7]               E.ż. studju wieħed jipprevedi li sal-2014 is-suq tal-cloud se jittriplika fid-daqs. Studju ieħor jara li sa dak iż-żmien l-ekonomija se tikber bi 11-il miljun impjieg. Ara d–Dokument tal-Ħidma tal-Persunal, it-Taqsima 4.1.

[8]               Ara: Greenpeace (2012) How clean is your cloud?

[9]               Ara: http://www.broadbandcommission.org/net/broadband/Documents/bbcomm-climate-full-report-embargo.pdf

[10]             HM Government (2011) L-Istrateġija tal-Cloud tal-Gvern, www.cabinetoffice.gov.uk

[11]             B'kuntrast, il-cloud privata hija servizz jew infrastruttura ddedikata għal klijent partikolari u li mhux disponibbli għall-użu minn oħrajn.

[12]             Il-pubblikazzjoni tal-IDC (2012) “Quantitative Estimates of the Demand for Cloud Computing in Europe and the Likely Barriers to Take-up” (2012), tikkalkula li fix-xenarju “Ibbażat fuq il-politika” l-impjegati relatati mal-cloud jistgħu jaqbżu t-3.8 miljuni b’kuntrast ma’ xi 1.3 miljuni fix-xenarju tal-“ebda intervent”, jiġifieri bil-politika jista' jinħolqu 2.5 miljun impjieg addizzjonali.

[13]             Komunikazzjoni: L-Att dwar is-Suq Uniku COM(2011) 206 finali

[14]             L-azzjonijiet kostitwenti twettqu biex jipproponu Direttiva dwar l-Immaniġġar Kollettiv tad-Drittijiet COM(2012) 372 finali ; Direttiva dwar Xogħlijiet Orfni COM(2011) 289 finali u biex jirrevedu d-Direttiva dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Informazzjoni dwar is-Settur Pubbliku, COM(2011) 877 finali, li saru kollha kemm huma.

[15]             Green Paper dwar it-tqassim tax-xogħlijiet awdjoviżivi onlajn fl-Unjoni Ewropeaopportunitajiet u l-isfidi biex nimxu lejn suq diġitali uniku, COM(2011) 427

[16]             Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Propjetà Intellettwali" COM(2011) 287 – L-Azzjoni 8 – li nediet il-proċess ta’ medjazzjoni sabiex "tesplora approċċi possibbli bil-ħsieb li tiġi armonizzata l-metodoloġija użata għall-imposti tal-levis [....]" u ddikkjarat li "Sforz koordinat fuq in-naħat kollha sabiex jiġu riżolti kwistjonijiet prinċipali għandu jkun il-pedament ta' azzjoni leġiżlattiva komprensiva fil-livell tal-UE". Il-Komunikazzjoni dwar il-kummerċ elettroniku, COM(2011) 942 finali, tipprevedi inizjattiva leġiżlattiva dwar l-ikkuppjar privat fl-2013.

[17]             Il-Komunikazzjoni dwar il-kummerċ elettroniku, COM(2011) 942 finali, p. 15.

[18]             Proposta għal Regolament dwar identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern COM(2012)238/2.

[19]             Ara: L-Artikolu 29 Grupp ta’ ħidma dwar il-protezzjoni tad-dejta, WP196 – Opinjoni 05/2012 dwar il-Cloud Computing, adottata fl-1 ta’ Lulju 2012, http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/index_en.htm#h2-1

[20]             COM (2011) 635 finali

[21]             Ġie adottat fil-11 ta’ Settembru 2012 abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, COM (2011) 315, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013.

[22]             http://www.ict-footprint.eu

[23]             FLS jispeċifika l-kundizzjonijiet tekniċi tal-kunsinna tas-servizz, eż. il-firxa ta’ disponibbiltà garantita bħala perċentwal.

[24]             Ara l-opinjoni tal-Artikolu 29 Grupp ta’ Ħidma dwar il-cloud computing, http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/index_en.htm#h2-1.

[25]             COM(2011) 635 finali

[26]             Il-proposta għal Regolament dwar il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tapplika għal ċerti kuntratti tal-konsumaturi għall-forniment ta’ kontenut diġitali, jiġifieri "dejta li tiġi prodotta u fornuta f’format diġitali, kemm jekk skont l-ispeċifikazzjonijiet tax-xerrej u kemm jekk le, inkluż vidjo, awdjo, stampi jew kontenut diġitali miktub, logħob diġitali, softwer u kontenut diġitali li jagħmilha possibbli li tippersonalizza l-ħardwer jew is-softwer eżistenti” (kontenut diġitali) li jista' jinħażen jew jiġi aċċessat, u użat mill-ġdid iżda jeskludi s-"servizzi u n-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u faċilitajiet u servizzi assoċjati" kif ukoll il-"ħolqien ta' kontenut diġitali ġdid u l-emenda tal-kontenut diġitali eżistenti".

[27]             Ara: Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), ĠU L 177, 4.7.2008 u r-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonixximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 12, 16.1.2001.

[28]             http://ec.europa.eu/information_society/activities/cloudcomputing/docs/ccconsultationfinalreport.pdf

[29]             Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej - Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir", COM (2012) 225 finali.

[30]             L-għażliet relevanti tal-Artikolu 29 Grupp ta’ Ħidma (Ara: WP 195 u WP 153) ser iservu bħala bażi għal abbozz tal-Kummissjoni. Ir-Regoli Korporattivi Vinkolanti huma mod wieħed kif tippermetti trasferimenti legali tad-dejta internazzjonali: dawn ir-Regoli, b'mod inforzabbli, jirregolaw kif il-partijiet differenti ta’ korporazzjoni, ikun fejn ikun il-lok internazzjonali tagħha, jittrattaw id-dejta personali.

[31]             http://www.economie.gouv.fr/cloud-computing-investissements-d-avenir; http://www.cabinetoffice.gov.uk/sites/default/files/resources/government-cloud-strategy_0.pdf;

http://www.trusted-cloud.de/documents/aktionsprogramm-cloud-computing.pdf

[32]             Komunikazzjoni dwar “Dejta Miftuħa. Mezz għall-Innovazzjoni, it-tkabbir u l-governanza trasparenti”. COM(2011) 882 finali.

[33]             Din l-azzjoni ser tkun iffinanzjata mis-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7) fl-2013, is-sejħa relevanti għall-proposti ġiet ippubblikata fid-9 ta' Lulju 2012.

[34]             Ara: Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti tal-Cloud "The Future of cloud computing. Opportunities for European cloud computing beyond 2010 : http://cordis.europa.eu/fp7/ict/ssai/docs/cloud-report-final.pdf u r-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti tal-Cloud "Advances in Clouds": http://cordis.europa.eu/fp7/ict/ssai/docs/future-cc-2may-finalreport-experts.pdf

[35]             Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, COM(2011) 665

[36]             COM(2011)163 dwar il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni tidentifika l-iżvilupp tal-fiduċja fil-cloud bħala prijorità u titlob li "jissaħħu d-diskussjonijiet dwar l-aqwa strateġiji ta’ governanza".

[37]             Tali djalogu beda fil-kuntest tad-Djalogu bejn l-UE u l-US dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni, tal-European America Business Council u d-Djalogu bejn l-UE u l-Ġappun dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni. Il-Cloud jista’ jkun ikkunsidrat ukoll mill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku u l-Kooperazzjoni tal-SME UE-US.

Top