Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0522

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Ewwel Rapport dwar l-Applikazzjoni tal-Artikoli 13, 16 u 17 tad-Direttiva 2010/13/UE għall-perjodu 2009-2010 Promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej fis-servizzi tal-midja awdjoviżiva fuq talba u skedati tal-UE

    /* COM/2012/0522 final */

    52012DC0522

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Ewwel Rapport dwar l-Applikazzjoni tal-Artikoli 13, 16 u 17 tad-Direttiva 2010/13/UE għall-perjodu 2009-2010 Promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej fis-servizzi tal-midja awdjoviżiva fuq talba u skedati tal-UE /* COM/2012/0522 final */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    L-Ewwel Rapport dwar l-Applikazzjoni tal-Artikoli 13, 16 u 17 tad-Direttiva 2010/13/UE għall-perjodu 2009-2010 Promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej fis-servizzi tal-midja awdjoviżiva fuq talba u skedati tal-UE

    I. INTRODUZZJONI

    Dan ir-rapport, magħmul minn żewġ partijiet, huwa mfassal skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2010/13/UE (minn hawn 'il quddiem imsejħa 'id-Direttiva dwar l-AVMS')[1]

    Dan huwa l-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 13, rigward il-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej fis-servizzi fuq talba tal-UE, mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-AVMS, u jkopri l-perjodu 2009-2010. Skont l-Artikolu 13 ir-rapport huwa bbażat kemm fuq id-dejta li kellha tiġi pprovduta mill-Istati Membri sa Diċembru 2011 kif ukoll fuq studju indipendenti li twettaq fl-2011[2] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ 'l-Istudju'). Ir-rapport li jmiss dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 huwa dovut fi żmien erba’ snin.

    Dan id-dokument fih ukoll rapport dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 16 u 17[3] tad-Direttiva dwar l-AVMS dwar il-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej u produzzjonijiet indipendenti fis-servizzi televiżivi tal-UE għall-perjodu 2009-2010. Dan ir-rapport huwa biennali.

    B’kuntrarju ta’ rapporti preċedenti dwar l-Artikoli preċedenti 4 u 5 tad-Direttiva 89/552/KE (id-Direttiva dwar it-"Televiżjoni mingħajr Fruntieri")[4], dan ir-rapport ma jkoprix il-pajjiżi taż-ŻEE[5] minħabba d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-AVMS fl-'acquis' taż-ŻEE. Għalhekk dawn il-pajjiżi ma kinux mistiedna biex jissottomettu d-dejta tagħhom għal dan ir-rapport.

    II RAPPORTI

    1. RAPPORT TAL-KUMMISSJONI DWAR L-APPLIKAZZJONI TAL-ARTIKOLU 13

    1.1. Rimarki ġenerali

    Ir-reviżjoni tad-Direttiva 89/552/KEE b’rispons għall-konverġenza tal-midja awdjoviżiva kollha wessgħet il-kamp ta' applikazzjoni tagħha biex tinkludi s-servizzi mhux lineari. Id-Direttiva dwar l-AVMS tiddikjara li s-servizzi fuq talba għandhom jippromwovu wkoll ix-xogħlijiet Ewropej u d-diversità kulturali Ewropea. Kif inhuwa fil-każ tal-Artikoli 16 u 17, l-Artikolu 13 huwa mfassal biex jilħaq kemm għan ekonomiku kif ukoll wieħed kulturali, waqt li jimmira li jsaħħaħ l-industrija awdjoviżiva Ewropea. L-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li s-servizzi fuq talba li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jippromwovu, fejn huwa prattikabbli u b’mezzi xierqa, il-produzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej u l-aċċess għalihom. Minħabba n-natura speċifika u li għadha qed tiżviluppa tas-servizzi fuq talba, l-Artikolu 13 huwa flessibbli rigward liema metodi għandhom jintużaw għall-promozzjoni ta’ xogħliijet Ewropej. L-Artikolu 13(1) jipprovdi eżempji ta’ mezzi ta’ tali promozzjoni: kontribuzzjoni finanzjarja għall-produzzjoni u l-akkwist ta’ drittijiet ta’ xogħlijiet Ewropej jew is-sehem u/jew il-prominenza ta’ xogħlijiet Ewropej fil-katalgi offruti mill-fornituri tas-servizzi.

    Il-promozzjoni u l-aċċessibbiltà tal-ipprogrammar Ewropew huma fost il-kwistjonijiet imqajma fil-kuntest tal-introduzzjoni ta’ apparati konnessi u l-fenomenu tal-konverġenza. Għal għadd ta’ snin diġà rajna kontenut awdjoviżiv distribwit u kkunsmat permezz tal-Internet. Dan jista’ jinkludi kontenut li jilħaq telespettaturi barra mill-influwenza tal-operaturi tal-kejbil, il-Fornituri tas-Servizzi tal-Internet, jew ix-xandara. Bl-introduzzjoni tas-settijiet tat-televiżjoni u l-kaxex set-top b’konnettività tal-Internet miżjuda u ż-żieda fl-użu tal-kompjuters tablet u l-ismartphones, il-konverġenza hija parti dejjem tikber mir-realtà ta’ kuljum.

    1.1.1. L-Artikolu 13 fil-kuntest tas-settur fuq talba Ewropew

    Matul il-perjodu ta' referenza l-istat ta’ żvilupp tas-suq tas-servizzi fuq talba kien irregolari ħafna fl-UE.

    Skont l-Istudju msemmi hawn fuq, fl-2009 l-għadd ta’ servizzi fuq talba kien stmat li jlaħħaq l-435[6] Aktar minn kwart minnhom kienu servizzi tar-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni u s-sistema predominanti ta' kunsinna kienet l-internet, segwit mill-IPTV. Franza kellha l-ogħla għadd ta’ servizzi disponibbli fuq talba fl-2009 (73 servizz), segwita mir-Renju Unit (66) u l-Ġermanja (47). Fil-maġġoranza tal-Istati Membri l-għadd ta’ servizzi fuq talba kien bejn 10 u 20. Ħafna minnhom kienu liberament disponibbli, mingħajr ebda abbonament. Ġeneralment kienu ffinanzjati mir-reklamar jew permezz ta' finanzjamenti pubbliċi.

    Kif spjegat hawn isfel, taħt 1.1.2, mhux ir-rapporti nazzjonali kollha ipprovdew informazzjoni dwar servizzi fuq talba. L-14-il rapport nazzjonali bid-dejta juru stat diverġenti ħafna tal-iżvilupp tas-suq. Ħames Stati Membri[7] rrappurtaw għadd totali ta’ servizzi fuq talba akbar minn 10 fl-2010. L-ogħla ċifri jinsabu fir-Renju Unit (82) u s-Slovakkja (36) u l-aktar baxxi fl-Irlanda u Spanja (3), il-Komunità Franċiża tal-Belġju (2) u l-Awstrija (1). Ċipru ma kellu l-ebda servizz fuq talba.

    It-tqassim tas-servizzi fuq talba[8] ivarja ħafna wkoll minn Stat Membru għall-ieħor u huwa diffiċli li tiddentifika xejra li tikkonċerna t-tip ippreferit ta' servizz. sitt Stati Membri[9] rrappurtaw maġġoranza ta’ servizzi VOD, ġenerlament b'aċċess kundizzjonali; sitta oħra[10] rrappurtaw maġġoranza ta’ servizzi tar-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni liberament aċċessibbli, wieħed[11] irrapporta kombinazzjoni ta’ servizzi tar-repetizzjonijiet u dawk mħallta fuq it-televiżjoni, aċċessibbli mingħajr ħlas, u ieħor[12] irrapporta maġġoranza ta’ servizzi mħallta.

    L-Istudju u r-rapporti nazzjonali jiżvelaw xi differenzi fl-għadd ta’ servizzi fuq talba f’ċerti Stati Membri. Dan jista' jinbet minn differenzi fl-interpretazzjoni tat-tip ta’ servizzi li għandhom jitqiesu. Skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(1)(g) tad-Direttiva dwar l-AVMS, ma għandhomx jiġu rrappurtati s-servizzi li joffru kontenut awdjoviżiv biss bħala element anċillari. B’kuntrast is-servizzi tar-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni jikkostitwixxu servizzi fuq talba u għandhom jiġu rrappurtati, sakemm il-programmi li joffru ma jkunux eżatt bħal dawk imxandra fuq it-televiżjoni[13] Għalkemm it-test tal-Artikolu 13 ma jirreferix speċifikament għat-tip ta’ kontenut offrut minn servizzi fuq talba, l-għan tal-Artikolu 13 huwa l-istess bħal dak tal-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva dwar l-AVMS. Għalhekk is-servizzi fuq talba li joffru esklussivament l-aħbarijiet, l-isport, il-logħob jew il-komunikazzjonijiet kummerċjali għandhom jiġu esklużi mir-rapporti nazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 13. Bl-istess mod il-perċentwal ta’ xogħlijiet Ewropej, meta applikabbli, għandu fil-prinċipju jiġi kkalkulat bħala l-perċentwal tas-sigħat ta’ kwalifikazzjoni[14]

    1.1.2. Metodoloġija applikata mill-Kummissjoni

    L-għan tal-Istudju mwettaq fl-2011 kien li tiġi analizzata l-qagħda preżenti f’termini ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Istati Membri tal-UE fi tmiem l-2010 kif ukoll il-kontenut tas-servizzi mhux lineari tal-UE. Immira ukoll biex jipprovdi l-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex tistabbilixxi indikaturi ta’ prestazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13.

    Billi beda mit-tliet eżempji tal-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej fir-rigward tas-servizzi mhux lineari mogħtija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva, l-Istudju eżamina d-diversi modalitajiet ta’ monitoraġġ kif ukoll il-prattikabbiltà tagħhom.

    Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni identifikat serje ta’ indikaturi li kienu ddefiniti fil-kwestjonarji li ntbagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali. Partikolarment fir-rigward tal-prominenza, issemmew diversi opzjonijiet: deskrizzjoni tax-xogħlijiet inkluż il-pajjiż ta’ oriġini, il-brawżer bl-oriġini tiegħu, għodod ta’ rakkomandazzjoni dwar xogħlijiet Ewropej, taqsimiet mis-servizz iddedikati għal xogħlijiet Ewropej, trejlers li jippromwovu xogħlijiet Ewropej u promozzjonijiet ta’ xogħlijiet Ewropej. Dawn l-indikaturi jista' ikun hemm bżonn li jiġu rfinati għal rapporti futuri.

    1.1.3. Metodi ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ mill-Istati Membri

    a) Il-qagħda preżenti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali

    Sejbiet tal-Istudju dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 13

    Fi tmiem l-2010, 14-il Stat Membru kienu pproduċew mill-ġdid il-kliem tad-Direttiva dwar l-AVMS mingħajr ma mponew obbligi konkreti li jikkonċernaw il-fornituri tas-servizzi fuq talba. F’ċerti każijiet, jitħalla f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji biex aktar tard jispeċifikaw il-metodi xierqa għall-promozzoni ta’ xogħlijiet Ewropej.

    Rigward il-monitoraġġ, l-Istudju juri li l-maġġoranza tal-Istati Membri jiddependu fuq l-informazzjoni sottomessa minn fornituri tas-servizzi fuq talba mingħajr l-ebda verifika. Il-monitoraġġ indipendenti jitwettaq biss f’żewġ Stati Membri u l-informazzjoni fornuta minn fornituri tas-servizzi fuq talba tiġi verifikata f’erbgħa oħra.

    Rapporti nazzjonali

    Disa’ rapporti nazzjonali ma kienx fihom informazzjoni dovuta għat-traspożizzjoni tard tad-Direttiva dwar l-AVMS jew infurzar tard tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva. Ħames Stati Membri rrappurtaw in-nuqqas ta’ servizzi reġistrati [15]jew rikonoxxuti [16]fuq talba matul il-perjodu ta' referenza.

    Fost l-Istati Membri li kienu implimentaw id-Direttiva (jiġifieri imponew l-obbligu biex jippromwovu x-xogħlijiet Ewropej f'servizzi fuq talba), sitt rapporti biss[17] indikaw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tispeċifika miżuri konkreti.

    Dawn il-miżuri jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor: fir-Repubblika Ċeka, Spanja, l-Italja u l-Awstrija, is-servizzi fuq talba huma soġġetti għall-obbligu li jirriservaw proporzjon mill-katalgi tagħhom għal xogħlijiet Ewropej (10 %, 30 %, 20 % u 50 % rispettivament[18]). L-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ xogħlijiet Ewropej kien irrappurtat mill-Komunità Franċiża tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Spanja u l-Italja (sa 2.2 % u minimu ta' 1 % u 5 % tal-fatturat, rispettivament)[19] L-obbligu biex ix-xogħlijiet Ewropej jingħataw prominenza fil-katalgi tinsab fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità Franċiża tal-Belġju, il-Bulgarija u l-Awstrija (għal servizzi privati fuq talba). Modi kif isir dan jinkludu b’mod partikolari inserzjonijiet ta’ reklamar, tabs separati, artikli f’rivisti u programmi promozzjonali kif ukoll identifikazzjoni adegwata ta’ xogħlijiet Ewropej jew indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini.

    b) Metodi ta’ monitoraġġ tal-awtoritajiet nazzjonali

    Għalkemm ftit huma r-rapporti nazzjonali li pprovdew informazzjoni dwar din il-kwistjoni, id-dejta dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 inġabret l-aktar mill-awtoritajiet nazzjonali direttament mingħand fornituri tas-servizzi fuq talba.

    Ċerti Stati Membri kkummentaw dwar kif huma qajmu jew beħsiebhom iqajmu kuxjenza fost il-fornituri tas-servizzi fuq talba dwar il-ħtieġa li jirreġistraw u/jew ikunu konformi mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 13[20] L-Awtorità Regolatorja Franċiża CSA infurmat dwar il-verifiki fuq il-post fir-rigward tas-sehem u l-prominenza tax-xogħlijiet Ewropej fil-katalgi. Fil-Belġju (Komunità Franċiża) fejn ġie stipulat obbligu ġenerali ta’ prominenza, ġiet ipprovduta informazzjoni dettaljata dwar il-monitoraġġ imwettaq mill-awtorità regolatorja dwar il-proporzjon ta’ ‘okkorrenzi promozzjonali’ iddedikati lix-xogħlijiet Ewropej fis-servizzi fuq talba[21]

    Il-Kummissjoni tisħaq fuq l-importanza li jitwettaq monitoraġġ effiċjenti li jiżgura l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 13. Għalkemm id-Direttiva dwar l-AVMS ma fiha l-ebda obbligu biex tistabbilixxi sistemi konkreti ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni titlob lil dawk l-awtoritajiet nazzjonali li għadhom ma għamlux hekk, biex iwaqqfu sistemi li jippermettu l-verifika tad-dejta pprovduta mill-fornituri tas-servizzi fuq talba.

    1.2. Applikazzjoni tal-Artikolu 13 – Servizzi fuq talba tal-midja awdjoviżiva

    Sejbiet tal-Istudju[22]

    Il-proporzjon ta’ xogħlijiet Ewropej fuq servizzi tar-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni kien ħafna ogħla (96.2 % tas-sigħat totali) mill-proporzjon tax-xogħlijiet Ewropej offruti mis-servizzi tal-VOD (li jkopru 45.1 % biss tas-sigħat totali). Il-katalgi tar-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni huma marbuta mill-qrib mal-kontenut imxandar mis-servizzi tat-televiżjoni. Ix-xogħlijiet Ewropej kienu sinifikament aktar prominenti fil-katalgi offruti mix-xandara (81.1 % tas-sigħat) milli f’dawk indipendenti (46.7 % tas-sigħat) u l-operaturi tat-telekomunikazzjoni (31.2 %). Kienu wkoll sinifikament aktar prominenti fil-katalgi offruti mis-servizzi pubbliċi (99.1 % tas-sigħat) b'kuntrast ma' dawk kummerċjali (55.8 % tas-sigħat). Is-servizzi bl-aktar proporzjon baxx ta’ xogħlijiet Ewropej kienu ġeneralment atturi ġodda[23] (10-20 %). Kumplessivament, il-proporzjonijiet tax-xogħlijiet Ewropej f’termini ta’ ‘sigħat ta’ kwalifikazzjoni’[24] (64.5 %) kienu qrib dawk ipprovduti fil-katalgi (65.1 %).

    Rapporti nazzjonali

    Id-dejta pprovduta mir-rapporti nazzjonali mhix kompluta u mhix rappreżentattiva biżżejjed biex tiġbed konklużjonijiet affidabbli fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 13.

    Minkejja n-nuqqas ta’ obbligi speċifiċi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ ċerti pajjiżi, 14-il rapport nazzjonali ipprovdew xi dejta – f’livelli differenti – dwar il-modalitajiet tal-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej imqiegħda fil-prattika minn fornituri tas-servizzi fuq talba. Dawn ir-rapporti indikaw sehem pjuttost għoli ta' xogħlijiet Ewropej fil-katalgi. Il-medji kienu jvarjaw minn 40% (Spanja[25]) għal 88.9% (id-Danimarka) fl-2009 u minn 36.4 % (il-Portugall) għal 100 % (l-Awstrija[26]) fl-2010. Minħabba l-għadd limitat ta’ rapporti u l-għadd baxx ħafna ta' servizzi fuq talba (tnejn jew tlieta) irrappurtati f'ċerti Stati Membri, kwalunkwe kalkolu ta' medji tal-UE ma tkunx tagħmel sens. Tqabbil bejn il-perċentwali rrappurtati dwar il-konsum tax-xogħlijiet Ewropej u tax-xogħlijiet Ewropej offruti ma jippermettix anqas li wieħed jiġbed konklużjonijiet affidabbli. Ħames Stati Membri[27] rrappurtaw ukoll kontribuzzjonijiet finanzjarji għal produzzjonijiet Ewropej, u sitt rapporti nazzjonali[28] indikaw l-użu ta’ ċerti għodod ta’ prominenza[29]

    Il-Kummissjoni tista’ tilqa' biss il-preżenza ta’ sehem relattivament għoli ta’ xogħlijiet Ewropej f’servizzi fuq talba.

    2. OPINJONI TAL-KUMMISSJONI DWAR L-APPLIKAZZJONI TAL-ARTIKOLI 16 U 17

    2.1. Rimarki ġenerali

    2.1.1. L-Artikoli 16 u 17 fil-kuntest tax-xena awdjoviżiva Ewropea

    Is-suq awdjoviżiv Ewropew kompla jikber b’mod kostanti tul il-perjodu 2009-2010. Ċifri juru xejra ta' żieda aċċellerata fil-kanali. Skont l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, f’Diċembru 2010 kien hemm 7 622 kanal tat-televiżjoni fl-UE-27 – li minnhom 3 126 kienu kanali lokali – meta kkumparati mas-6 067 fl-2008. Din tirrappreżenta żieda ta’ 25.6%, ogħla minn dik reġistrata bejn l-2006 u l-2008.

    Matul l-istess perjodu, ġie rreġistrat tnaqqis fl-għadd totali ta’ kanali koperti [30]meta kkumparat mal-perjodu preċedenti: l-għadd tagħhom niżel minn 1 679 fl-2008 għal 1 313 fl-2009 u tela’ għal 1 390 fl-2010 għax-xogħlijiet Ewropej[31], minħabba l-bidla fil-metodoloġija u b’hekk ippermetta l-eżenzjoni ta’ kanali żgħar ħafna mill-obbligu ta’ rappurtar, kif imsemmi taħt 2.1.2.1 hawn taħt. Madanakollu, meta tintuża l-metodoloġija applikata għar-rapport preċedenti – jiġifieri jitqiesu l-kanali eżenti mill-obbligu tar-rappurtar – iċ-ċifri juru li l-għadd ta’ kanali koperti żdied b’21.8% bejn l-2008 (1 679) u l-2010 (2 045), b’rata ta’ tkabbir kemxejn iktar baxxa minn dik reġistrata fis-suq.

    2.1.2. Metodi ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ mill-Istati Membri

    2.1.2.1. Tibdil fil-metodoloġija

    Minħabba l-introduzzjoni ta’ kanali b’sehem baxx ħafna ta’ udjenza (taħt il-0.3%) kien ġie deċiż li tingħatalhom il-possibbiltà li jitolbu eżenjoni individwali mill-obbligu ta’ rappurtar taħt l-Artikoli 16 u 17. Il-kundizzjonijiet dettaljati għall-għoti ta’ tali eżenzjonijiet huma stabbiliti fil-‘Linji gwida Riveduti għall-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tal-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva dwar l-AVMS’ li ser tiġi eżaminata wara l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom prevista fl-2014[32]

    Kumplessivament, ikkumparat mal-perjodu preċedenti, l-għadd ta’ rapporti nazzjonali li jipprovdu d-dejta għall-kanali koperti kollha żdied. Ħmistax-il rapport minn 27 ipprovdew dejta statistika dwar ix-xogħlijiet Ewropej għall-kanali kollha fl-2009 u l-2010 (12 u 11 rispettivament fl-2007 u l-2008). Għall-produzzjonijiet indipendenti, 14 u 15-il rapport nazzjonali ipprovdew id-dejta għall-kanali kollha fl-2009 u l-2010 rispettivament (11 fl-2007 u l-2008). Il-Kummissjoni tilqa’ din ix-xejra li tirrifletti monitoraġġ aktar effiċjenti mill-awtoritajiet regolatorji internazzjonali. Madankollu dan jista' jiġi spjegat ukoll, anke jekk parzjalment, mill-eżenzjoni ta' kanali żgħar ħafna mill-obbligu ta' rappurtar billi dawn il-kanali normalment jaffrontaw aktar diffikultajiet biex jipprovdu dejta statistika..

    2.1.2.2. Monitoraġġ

    Kif ġie ddikjarat fir-rapporti preċedenti, ma hemm l-ebda metodoloġija uniformi ta' monitoraġġ fl-UE. F’Ċipru l-awtorità kompetenti setgħet timmonitorja biss il-kanali li jxandru permezz ta' teknoloġija analoga tul il-perjodu ta’ referenza skont il-leġiżlazzjoni[33] Il-Greċja u s-Slovenja rrappurtaw diffikultajiet fil-ġbir tad-dejta mill-kanali reġjonali kollha[34]

    B’kuntrast, it-titjib ġie rreġistrat fi tliet Stati Membri. L-awtorità regolatorja tas-Slovenja bdiet tivverifika d-dejta sottomessa minn xi xandara. L-inklużjoni tad-dejta li tikkonċerna l-kanali pubbliċi reġjonali fir-rapport Ġermaniż għandha titqies ukoll bħala titjib fil-monitoraġġ. Fl-Isvezja l-isforzi tal-awtorità ta’ superviżjoni biex iżżid il-kuxjenza tax-xandara dwar l-importanza tal-implimentazzjoni korretta tal-Artikoli 16 u 17 tidher li bdiet tħalli l-frott minħabba li l-proporzjon ta’ xogħlijiet Ewropej, li kien aktar baxx mill-kwota meħtieġa matul il-perjodu preċedenti, qabeż il-limitu ta’ 50 % fl-2009 u l-2010.

    Madankollu, xorta għad hemm lok għall-progress. Il-Kummissjoni ttenni l-importanza tal-immonitorjar biex tassigura l-applikazzjoni korretta tal-Artikoli 16 u 17. Għalkemm id-Direttiva dwar l-AVMS ma fiha l-ebda obbligu biex tistabbilixxi sistemi konkreti ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni titlob lil dawk l-awtoritajiet nazzjonali li għadhom ma għamlux hekk, biex iwaqqfu sistemi li jippermettu l-verifika tad-dejta pprovduta mix-xandara.

    2.2. Applikazzjoni tal-Artikolu 16 –Proporzjon ta’ maġġoranza tax-xogħlijiet Ewropej

    Il-ħin medju ta' trasmissjoni ddedikat għax-xogħlijiet Ewropej mill-kanali kollha rrapportati fl-UE-27 kien 63.8% fl-2009 u 64.3% fl-2010[35] Iċ-ċifri juru xejra 'l fuq kif indikat fit-tabella hawn taħt li parzjalment tikkumpensa għat-tnaqqis reġistrat bejn l-2006 u l-2007.

    2009-2010: żieda ta’ 0.5 punti perċentwali 2007-2010: żieda ta’ 1.7 punti perċentwali

    Mill-2007 sal-2010 iż-żieda kienet aktar qawwija fl-‘Istati Membri l-ġodda’[36]

    UE-15: tnaqqis ta’ 1.7 punti perċentwali (65.8 % fl-2007, 64.1 % fl-2010) UE-12: żieda ta’ 5.9 punti perċentwali (58.7 % fl-2007, 64.6 % fl-2010)

    Il-Kummissjoni tilqa' il-progress reġistrat mill-UE-12 li ppermettielhom jaqbżu bi ftit il-livell li nkiseb mill-UE-15.

    Fil-livell tal-Istati Membri, is-sehem medju tal-ħin tax-xandir iddedikat għal xogħlijiet Ewropej matul il-perjodu ta' referenza varja bejn 44 % (l-Irlanda) u 83 % (l-Ungerija) fl-2009 u bejn 47.4 % (is-Slovenja u r-Renju Unit) u 81 % (l-Ungerija) fl-2010. Tul l-istess perjodu, ix-xejra kienet pożittiva fi 12-il Stat Membru, negattiva fi 12 u baqgħet stabbli fi tlieta.

    Ix-xejriet fil-ħin tax-xandir riservat għal xogħlijiet Ewropej matul il-perjodu 2007-2010 f’kull Stat Membru ġew riprodotti f’tabelli[37]

    Ir-regola dwar il-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej f’servizzi lineari ġeneralment qed taħdem sew għalkemm għandha effett limitat fuq iċ-ċirkolazzjoni ta’ programmi madwar l-UE għax ma tiżgurax id-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej mhux domestiċi. Ix-xogħlijiet mhux domestiċi Ewropej jammontaw għal 8.1 % tas-sigħat totali tax-xandir li jikkwalifikaw, filwaqt li ħafna xogħlijiet mhux Ewropej huma Amerikani[38]. Ċerti xogħlijiet awdjoviżivi ta’ suċċess bħal 'Borgen' jew il-koproduzzjoni 'Borgia' qasmu l-fruntieri nazzjonali iżda dawn il-każijiet jibqgħu limitati ħafna. Huwa importanti ħafna li jkun hemm xogħlijiet Ewropej li jappellaw għal udjenzi bejn il-fruntieri. Dan jista’ jinkiseb pereżempju permezz ta’ koproduzzjonijiet li jappellaw għal udjenza Ewropea wiesgħa.

    Ir-rati medji ta’ konformità tal-UE rigward xogħlijiet Ewropej kienu pjuttost stabbli tul il-perjodu ta’ rappurtar iżda rreġistraw żieda konsiderevoli tul il-perjodu 2007-2010, b'żieda minn 59.6 % għal 69.6 % bi tkabbir notevoli fl-UE-15 (11.3 punti perċentwali).

    Ta’ min jinnota li r-rati ta’ konformità jirriflettu mhux biss is-suċċess tal-kanali fir-rigward tal-proporzjoni ta' xogħlijiet Ewropej, iżda wkoll il-livell ta' dejta komunikata/mhux komunikata. It-titjib reġistrat matul il-perjodu ta’ referenza rigward id-dejta komunikata (ara t-Taqsima 2.1.2.1) kellu sehem importanti għal rati ta’ konformità aħjar.

    It-tliet Stati Membri[39], tul il-perjodu kollu ta’ referenza, iltaqgħu ma' diffikultajiet biex jilħqu il-proporzjoni meħtieġ ta’ xogħlijiet Ewropej. Fl-istess ħin żewġ Stati Membri li rreġistraw medji taħt il-50 % matul il-perjodu preċedenti, fl-2010, kienu kapaċi jilħqu l-proporzjon meħtieġ ta’ xogħlijiet Ewropej[40] Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri kkonċernati biex jappoġġjaw l-isforzi tal-kanali li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex itejbu jew isostnu l-prestazzjoni tagħhom tul is-snin li ġejjin.

    2.3. Applikazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar l-AVMS – Xogħlijiet Ewropej li nħolqu minn produtturi indipendenti (produzzjonijiet indipendenti) u xogħlijiet riċenti

    Il-proporzjon medju tal-UE riservat għal produzzjonijiet indipendenti mxandra fuq il-kanali kollha rrappurtati fl-Istati Membri kollha kien ta' 34.1 % fl-2009 u 33.8 % fl-2010, minħabba li naqas daqsxejn matul il-perjodu ta’ rappurtar.

    2009-2010: tnaqqis ta’ 0.3 punti perċentwali (34.1 % fl-2009, 33.8 % fl-2010) 2007-2010: tnaqqis ta’ 1.5 punti perċentwali (35.3 % fl-2007, 33.8 % fl-2010)

    Din ix-xejra 'l isfel kienet diġà ġiet identifikata fid-disà rapport[41] L-Istati Membri għalhekk huma mistiedna biex jirriflettu dwar modi kif tista’ tinbidel din ix-xejra .

    Fil-livell tal-Istati Membri, is-sehem medju tal-ħin tax-xandir iddedikat għal produzzjonijiet indipendenti kien ivarja minn 14.5 % (is-Slovenja) għal 59.7 % (il-Belġju) fl-2009 u minn 14.8 % (l-Italja) għal 61.7 % (il-Belġju) fl-2010. L-istess bħal fil-perjodu preċedenti l-Istati Membri kollha kisbu l-proporzjoni ta' 10 % ta' xogħlijiet indipendenti. 21 Stat Membru fl-2009 u 19 fl-2010 irreġistraw riżultati li jaqbżu il-25 % tal-ħin totali ta’ xandir li jikkwalifika riservat għal produzzjonijiet indipendenti.

    L-UE-12 kważi eliminaw id-distakk minn mal-UE-15:

    UE-15: tnaqqis ta’ 4 punti perċentwali (38.5 % fl-2007, 34.5 % fl-2010) UE-12: tnaqqis ta’ 1.7 punti perċentwali (31.2 % fl-2007, 32.9 % fl-2010)

    Għalkemm l-UE-12 irreġistraw żviluppi aħjar mill-UE-15, il-propozjon ta’ produzzjonijiet indipendenti li kisbu fl-2010 baqa’ inferjuri għal dak miksub mill-UE-15.

    Ir-rati medji ta' konformità tal-UE rigward xogħlijiet indipendenti jsegwu xejra simili bħal dik għax-xogħlijiet Ewropej, b’żieda moderata fuq il-perjodu ta’ rappurtar u waħda konsiderevoli matul il-perjodu 2007-2010 (11.5 punti perċentwali), speċjalment fl-UE-15 (15.4 punti perċentwali).

    Rigward xogħlijiet Ewropej riċenti minn produtturi indipendenti (xogħlijiet riċenti[42]), il-figuri medji tal-UE wkoll juru xejra 'l isfel:

    2009-2010: tnaqqis ta’ 0.3 punti perċentwali (62.1 % fl-2009, 61.8 % fl-2010) 2007-2010: tnaqqis ta’ 1.2 punti perċentwali (63 % fl-2007, 61.8 % fl-2010)

    Meta wieħed jikkunsidra ż-żewġ gruppi differenti ta’ Stati Membri[43], is-sejbiet għall-perjodu 2007-2010 huma kif ġej:

    UE-15 żieda ta’ 0.6 punti perċentwali (65.4 % fl-2007, 66 % fl-2010) UE-12: tnaqqis ta’ 4 punti perċentwali (60 % fl-2007, 56 % fl-2010)

    Għalkemm ir-riżultati kumplessivi rigward xogħlijiet riċenti huma sodisfaċenti, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri, b’mod partikolari l-UE-12, biex jagħmlu sforz sabiex jippromwovu x-xandir ta’ xogħlijiet indipendenti riċenti fil-pajjiżi tagħhom.

    3. KONKLUŻJONI

    Dan l-ewwel rapport ma jipprovdix dejta suffiċjenti biex tkun tista’ tintlaħaq xi konklużjoni dwar il-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej minn fornituri ta’ servizzi fuq talba (l-Artikolu 13). It-traspożizzjoni tard tad-Direttiva fl-Istati Membri u l-iżvilupp irregolari ħafna tas-swieq tas-servizzi fuq talba jagħmlu kwalunkwe analiżi u tqabbil diffiċli. Il-mod li bih l-Artikolu 13 ġie traspost ivarja wkoll minn Stat Membru għall-ieħor. F'ċerti pajjiżi l-leġiżlazzjoni timponi għodod speċifiċi għall-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej, filwaqt li f’oħrajn ma ġiet speċifikata l-ebda miżura konkreta biex tiġi applikata minn fornituri tas-servizzi fuq talba. Skont l-Artikolu 13(3), il-Kummissjoni ser tqis l-iżviluppi teknoloġiċi, u ser tanalizza dawn il-materji fil-kuntest tal-introduzzjoni tal-apparat konness u l-fenomenu ta’ konverġenza. Il-Kummissjoni ser timpenja ruħha f’diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar il-modi xierqa għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 13.

    Rigward l-Artikolu 16 tad-Direttiva, id-dejta pprovduta mill-Istati Membri kienet turi li l-prestazzjoni kumplessiv tjiebet matul il-perjodu ta’ referenza. Il-medja ta’ 64.3 % ta’ xogħlijiet Ewropej li nkisbet fl-2010, ’il fuq sew mill-proporzjon stabbilit fl-Artikolu 16, tirrifletti applikazzjoni ġeneralment tajba ta’ din id-dispożizzjoni madwar l-UE. Madankollu, il-parti l-kbira tax-xogħlijiet Ewropej tikkonsisti minn xogħlijiet domestiċi. L-Istati Membri huma mistiedna jimmonitorjaw mill-qrib is-suċċessi tal-kanali kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u jħeġġu lil kanali li sejrin lura biex jilħqu l-proporzjon meħtieġ tax-xogħlijiet Ewropej.

    Fl-2010, b’medja ta’ 33.8 %, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17 intlaqgħu sew f’termini ta' xandir ta’ produzzjonijiet indipendenti. Madankollu, ir-riżultati wrew xejra 'l isfel fir-rigward tal-livell li nkiseb fl-2007 għal xogħlijiet indipendenti u riċenti. Għalkemm l-UE-12 irreġistraw prestazzjoni aħjar mill-UE-15 rigward produzzjonijiet indipendenti, l-Istati Membri kollha huma mitluba jimmonitorjaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 17 bix-xandara u jħeġġu biex isir aktar sforz immirat lejn ix-xandir ta’ proporzjon ogħla ta’ produzzjonijiet Ewropej indipendenti u xogħlijiet riċenti. Żieda fil-proporzjon tagħhom ser tgħin biex tappoġġja u ssaħħaħ l-industrija indipendenti tal-produzzjoni tal-UE kif ukoll biex tagħti spinta lill-impjegar f’dak is-settur.

    Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jqisu ċ-ċirkulazzjoni ta' xogħlijiet Ewropej mhux domestiċi u fejn huwa possibbli jindirizzaw din il-kwistjoni.

    L-Iżvilupp tal-Indikaturi Ewlenin mill-2007 sal-2010 (UE-27)

    || || || || || || || || || ||

    [1]               Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva). Din il-verżjoni kodifikata tissostitiwixxi d-Direttiva 89/552/KEE kif emendata mid-Direttiva 97/36/KE u d-Direttiva 2007/65/KE.

    [2]               Studju disponibbli fuq il-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/avpolicy/info_centre/library/studies/index_en.htm#promot.

    [3]               L-Artikoli 4 u 5 preċedenti tad-Direttiva 89/552/KEE.

    [4]               Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298 tas-17.10.1989, p.23).

    [5]               In-Norveġja, l-Islanda, il-Liechtenstein.

    [6]               Din iċ-ċifra ġiet ipprovduta għall-UE-30, inkluż il-pajjiżi taż-ŻEE.

    [7]               Il-Belġju (Komunità Fjaminga), ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

    [8]               Il-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni lill-Istati Membri jiddistingwi bejn servizzi tar-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni, VOD u servizzi mħallta (VOD/repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni).

    [9]               Il-Belġju (97.7%), il-Bulgarija (100%), id-Danimarka (100%), Spanja (75%), il-Lussemburgu (80%) u l-Portugall (55.6%).

    [10]             Ir-Repubblika Ċeka (86.2 %), l-Irlanda (100 %), il-Greċja (76.9 %), l-Awstrija (100 %), ir-Rumanija (100 %) u s-Slovakkja (58.3 %).

    [11]             Il-Finlandja

    [12]             l-Isvezja.

    [13]             Ara l-Premessa 27 tad-Direttiva dwar l-AVMS

    [14]             Esklużi l-aħbarijiet, l-isport, il-logħob u l-komunikazzjonijiet kummerċjali

    [15]             L-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Ungerija.

    [16]             Fi tmiem l-2010 ġew iddikjarati 23 servizz fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda l-Awtorità tal-Midja għadha ma stabbilietx kriterji biex tiddeċiedi jekk jikkwalifikawx bħala servizzi tal-midja awdjoviżiva fuq talba - ara d-Dokument tal-Ħidma tal-Persunal – Parti I – Taqsima 2.

    [17]             Il-Komunità Franċiża tal-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, l-Italja (kienet għadha mhux infurzata fl-2010) u l-Awstrija. Żewġ Stati Membri ma ġewx inklużi fil-lista: il-Latvja, fejn il-leġiżlazzjoni timponi obbligu biex toffri xogħlijiet Ewropej iżda ma tispeċifika l-ebda perċentwal konkret u l-Ungerija, fejn il-leġiżlazzjoni stabbiliet kwota għax-xogħlijiet tal-Ungerija biss (sadanittant din id-dispożizzjoni ġiet emendata).

    [18]             Għal servizzi pubbliċi fuq talba fl-Awstrija biss.

    [19]             Fir-Repubblika Ċeka u l-Italja il-kontribuzzjoni finanzjarja hija alternattiva għall-obbligu li wieħed joffri sehem speċifiku ta’ xogħlijiet Ewropej fil-katalgi.

    [20]             B’mod partikolari r-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja.

    [21]             Ara l-kummenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 fil-Komunità Franċiża-tal-Belġju - id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal – il-Parti I – it-Taqsima 2

    [22]             Għal raġunijiet tekniċi il-monitoraġġ twettaq fl-ewwel nofs tal-2011.

    [23]             iTunes minn Apple, Lovefilm, il-Ġermanja u Blinkbox fir-Renju Unit, fost l-oħrajn.

    [24]             Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna.

    [25]             Din iċ-ċifra tikkorrispondi mas-servizz uniku rrappurtat fl-2009.

    [26]             Din iċ-ċifra tikkorrispondi mas-servizz uniku tar-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni rrappurtat fl-2010.

    [27]             Il-Komunità Franċiża tal-Belġju, il-Bulgarija, il-Greċja, Spanja u l-Isvezja.

    [28]             Il-Komunità Franċiża tal-Belġju, il-Bulgarija, il-Greċja, Spanja ir-Rumanija u l-Isvezja.

    [29]             Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal – il-Parti I – it-Taqsima 2

    [30]             Kanali ‘koperti’: l-għadd totali ta' kanali li minnu jitnaqqas l-għadd ta’ kanali mhux operattivi u l-għadd ta' kanali eżenti mill-obbligu ta’ rappurtar (ara l-Paragrafu 2.1.2.1.) u kanali eżenti (minħabba n-natura tal-programmi tagħhom) jew esklużi (minħabba eċċezzjonijiet legali) - ara l-Indikatur 1 fid-Dokument ta' Ħidma tal-Perunal – il-Parti II – l-Anness 1.

    [31]             Għal xogħlijiet Indipendenti, l-għadd ta' kanali koperti niżel minn 1 585 fl-2007 għal 1 311 fl-2009 u tela’ għal 1 387 fl-2010.

    [32]             http://ec.europa.eu/avpolicy/docs/reg/tvwf/eu_works/guidelines_2011_en.pdf.

    [33]             Din is-sitwazzjoni nbidlet fl-1 ta’ Lulju 2011.

    [34]             Ara l-kummenti Griegi fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persuna – il-Parti II – it-Taqsima 3.

    [35]             Iċ-ċifri pprovduti fil-livell tal-UE jirriżultaw mill-medja matematika tal-medji nazzjonali kollha kkalkulati abbażi tad-dejta statistika komunikata mill-Istati Membri. Għadhom ma ġewx ippeżati minħabba li mhux il-parametri kollha neċessarji għal peżar korrett huma disponibbli għall-kanali kollha.

    [36]             L-Istati Membri li ssieħbu mal-UE fl-2004 u l-2007 (l-UE-12) – l-UE-15 hija komposta minn Stati Membri li ssieħbu mal-UE fi stadju aktar bikri (sal-1995).

    [37]             Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal – il-Parti I – it-Taqsima 2.

    [38]             L-Istudju – ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

    [39]             l-Irlanda, is-Slovenja u r-Renju Unit.

    [40]             Ċipru u l-Isvezja.

    [41]             Id-9 Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 89/552/KEE, kif emendata mid-Direttiva 97/36/KE u d-Direttiva 2007/65/KE għall-perjodu 2007-2008 hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/avpolicy/reg/tvwf/implementation/promotion/index_en.htm.

    [42]             Iġifieri xogħlijiet imxandra fi żmien ħames snin mill-produzzjoni tagħhom.

    [43]             Ara n-nota 36 f’qiegħ il-paġna.

    Top