Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0497

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni: Approċċ strateġiku.

/* COM/2012/0497 final */

52012DC0497

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni: Approċċ strateġiku. /* COM/2012/0497 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni: Approċċ strateġiku.

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Dinja li qed tinbidel

L-Unjoni Ewropea tinsab fuq quddiem nett fir-riċerka u l-innovazzjoni, u hija responsabbli għal 24 % tan-nefqa dinjija għar-riċerka, 32 % tal-pubblikazzjonijiet li għandhom impatt għoli u 32 % tal-applikazzjonijiet għal privattivi, filwaqt li tirrappreżenta biss 7 % tal-popolazzjoni[1]

Madankollu, matul l-aħħar deċennju, ix-xenarju nbidel malajr ħafna. Sa ftit snin ilu, ir-riċerka u l-innovazzjoni dinjija kienu ddominati mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti u l-Ġappun. Madankollu, hekk kifekonomiji emerġenti jkomplu jsaħħu s-sistemi tar-riċerka u tal-innovazzjoni tagħhom, qed tiżviluppa sistema multipolari li fiha pajjiżi bħall-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja u l-Korea t’Isfel qed ikollhom dejjem aktar influwenza. Is-sehem tal-pajjiżi BRICs (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina) fin-nefqa dinjija fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp irdoppja bejn l-2000 u l-2009. L-Unjoni għandha wkoll interess ċar fil-pajjiżi ġirien li qed jiżviluppaw il-kapaċità tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħhom.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma dejjem iktar relatati fuq livell internazzjonali, mgħejjuna mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni li qed jiżviluppaw b’mod rapidu. L-għadd ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi internazzjonali miktuba minn diversi awturi u l-mobbiltà tar-riċerkaturi qed jiżdiedu. L-organizzazzjonijiet tar-riċerka qed jistabbilixxu uffiċċji barra mill-pajjiż u l-kumpaniji qed jinvestu barra mill-pajjiżi tad-domiċilju tagħhom, b’mod partikolari l-ekonomiji emerġenti.

L-isfidi globali iservu ta’ sfidi importanti għar-riċerka u l-innovazzjoni. Ir-riżorsi tal-pjaneta mhumiex infiniti u għalhekk għandna nieħdu ħsiebhom b’mod sostenibbli ; it-tibdil fil-klima u l-mard infettiv ma jiqfux fuq il-fruntieri nazzjonali, u jeħtieġ li s-sigurtà tal-ikel tiġi żgurata għad-dinja kollha. L-Unjoni teħtieġ li ssaħħaħ id-djalogi tagħha mal-imsieħba internazzjonali biex tibni massa kritika sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

Hekk kif tkompli tiżdied ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-pajjiżi terzi[2], l-Unjoni jeħtieġ li jkollha aċċess għal dan l-għarfien. Sabiex tibqa’ parteċipant dinji ewlieni, l-Unjoni għandha tippromwovi ruħha bħala lokalità attraenti għar-riċerka u l-innovazzjoni u jirnexxilha tikseb l-aħjar talenti fid-dinja, filwaqt li fl-istess ħin tippreserva l-interessi ekonomiċi tagħha, pereżempju fir-rigward tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali.

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-isfond istituzzjonali għall-azzjoni tal-Unjoni fuq livell internazzjonali inbidel. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika dwar is-Sigurtà, u l-Viċi President tal-Kummissjoni, jiżguraw il-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. Ir-Rappreżentant Għoli huwa assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Peress li r-riċerka hija kompetenza parallela, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet rispettivi tagħhom, sabiex jiżguraw li l-politiki nazzjonali u l-politika tal-Unjoni huma konsistenti b’mod reċiproku.

Abbażi ta’ dan il-kuntest li jevolvi, l-impenji taħt il-programm Unjoni tal-Innovazzjoni[3], il-Qafas taż-Żona Ewropea tar-Riċerka[4] u r-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni interim tas-Seba’ Programm ta’ Qafas (FP7)[5], il-Kummissjoni qed tipproponi approċċ strateġiku li jsaħħaħ u jiffoka l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-Unjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari bl-għan tal-preparazzjoni għall-implimentazzjoni tal-programm Orizzont 2020[6].

2.           Niżnu s-sitwazzjoni

L-Ewropa għandha storja twila f'dak li għandu x'jaqsam mal-promozzjoni tal-kooperazzjoni fir-riċerka madwar il-fruntieri. L-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari (CERN), stabbilita fl-1954, hija ċentru ta’ riċerka ta’ eċċellenza u l-ikbar laboratorju dinji tal-fiżika tal-partiċelli, li jattira l-aħjar xjentisti.

Mill-1986, it-Trattati identifikaw b’mod espliċitu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi bħala attività ewlenija tal-politika tal-Unjoni dwar ir-riċerka. Ġew żviluppati attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali skont it-TFUE u t-Trattat tal-Euratom. Il-Programmi ta’ Qafas infetħu gradwalment għall-parteċipazzjoni minn pajjiżi terzi, fejn l-appoġġ għall-kooperazzjoni internazzjonali ġie integrat b’mod sħiħ fis-Seba’ Programm Kwadru (FP7) (inkluż l-FP7 tal-Euratom). L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (European Institute of Innovation and Technology (EIT)) huwa wkoll miftuħ għall-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Konsegwentement, 6 % tal-parteċipanti fl-FP7 huma minn pajjiżi terzi.

Sar progress fl-ottimizzazzjoni tal-iskala u l-ambitu tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali. Pereżempju:

– Is-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw (EDCTP) hija sħubija bejn 14-il Stat Membru, l-Isvizzera, in-Norveġja u l-pajjiżi tal-Afrika sub-Saħarjana, li għandha l-għan li tittratta l-mard tal-HIV/AIDS, it-tuberkolożi u l-malarja;

– Il-Euratom, iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, ir-Russja, il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti, ingħaqdu flimkien fil-proġett ITER (appoġġjati mill-Ftehim ta’ Approċċ Usa’ bejn il-Euratom u l-Ġappun) biex juru li l-fużjoni nukleari hija sors ta’ enerġija vijabbli tal-futur;

– L-azzjonijiet Marie Curie għandhom dimensjoni internazzjonali qawwija. Il-parteċipanti f’dawn l-azzjonijiet ġejjin minn 80 pajjiż differenti;

– Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni jikkoopera mal-imsieħba internazzjonali fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet;

– L-interkonnessjoni dinjija tan-netwerks tar-riċerka u l-edukazzjoni, ipprovduta min-netwerk GEANT, hija ffinanzjata fil-biċċa l-kbira mill-Unjoni (parzjalment permezz tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha);

– L-Unjoni, flimkien ma’ 13-il pajjiż ieħor, tappoġġja l-Programm Xjentifiku Fruntiera Umana biex tiffinanzja kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka bażika.

Filwaqt li dan il-progress huwa milqugħ tajjeb, f’ħafna każijiet hemm nieqsa massa kritika u l-istrateġija li tiggwida l-iżvilupp tal-azzjonijiet mhux dejjem hija ċara. Din kienet waħda mill-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni interim tal-FP7, li ddikjarat li jeħtieġ li jkun hemm attivitajiet ta’ “intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali” iffukati fuq “l-impenn mal-imsieħba barra mill-Ewropa fuq termini ugwali u fi programmi u attivitajiet ta’ interess reċiproku”. L-istess rapport jirrakkomanda ‘l-iżvilupp strateġiku koerenti’ tal-politika tal-Unjoni għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni.

3.           Objettivi tal-kooperazzjoni internazzjonali

Il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni tikkontribwixxi għall-politiki usa’ tal-Unjoni, kif riflessi fl-istrateġija Ewropa 2020[7], bħala appoġġ għall-objettivi li ġejjin:

(a) It-tisħiħ tal-eċċellenza u l-attrazzjoni tal-Unjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll il-kompetittività ekonomika u industrijali tagħha – billi jinħolqu sitwazzjonijiet vantaġġużi biss u kooperazzjoni abbażi ta’ benefiċċju reċiproku; billi jkun hemm aċċess għal sorsi esterni ta’ għarfien; billi jkun attirat it-talent u l-investiment lejn l-Unjoni; billi jkun iffaċilitat l-aċċess għal swieq ġodda u emerġenti; kif ukoll billi jkun hemm ftehim dwar prattiki komuni għat-twettiq tar-riċerka u għall-isfruttar tar-riżultati;

(b) L-indirizzar tal-isfidi globali għas-soċjetà – billi jkunu żviluppati u implimentati soluzzjonijiet effettivi b’mod iktar mgħaġġel u billi jkun ottimizzat l-użu tal-infrastrutturi tar-riċerka; kif ukoll,

(c) L-appoġġ għall-politiki esterni tal-Unjoni – permezz ta’ koordinazzjoni mill-qrib mal-politiki tat-tkabbir, il-viċinat, il-kummerċ, il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), l-għajnuna umanitarja u l-politiki għall-iżvilupp u billi r-riċerka u l-innovazzjoni jsiru parti integrali ta’ pakkett komprensiv ta’ azzjoni esterna.

“Id-diplomazija tax-xjenza” se tuża kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni bħala strument ta’ setgħa moderata u mekkaniżmu għat-titjib tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi u reġjuni ewlenin. Relazzjonijiet internazzjonali tajbin jistgħu, min-naħa tagħhom, jiffaċilitaw kooperazzjoni effettiva fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Din il-Komunikazzjoni tipproponi t-tisħiħ u l-iffukar tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-Unjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni billi jintuża l-approċċ doppju ta’ ftuħ ikkumplimentat minn attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali mmirati, żviluppati abbażi ta’ interess komuni u benefiċċju reċiproku, l-aħjar skala u ambitu, sħubija u sinerġija.

4.           Intejbu u niffukaw l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali

4.1.        Ftuħ għall-kooperazzjoni internazzjonali

L-Unjoni se tkompli timpenja ruħha ma’ pajjiżi u reġjuni madwar id-dinja. Dan se jippermetti lir-riċerkaturi u lill-innovaturi tal-Unjoni biex jimpenjaw ruħhom mal-kontrapartijiet tagħhom madwar id-dinja skont il-ħtiġijiet tal-partijiet interessati:

– Il-programm Orizzont 2020 se jkun miftuħ b’mod sħiħ għall-parteċipazzjoni mid-dinja kollha[8];

– Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka u l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie se joperaw fuq bażi mmexxija minn riċerkaturi biss, miftuħa għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi.

– L-attività Infrastrutturi għar-Riċerka se jkollha fokus speċifiku fuq il-kooperazzjoni internazzjonali. Il-komponent tal-infrastrutturi elettroniċi tagħha għandu dimensjoni internazzjonali inerenti billi jappoġġja l-kollaborazzjoni permezz ta’ mezzi diġitali.

– Madankollu, mhux il-parteċipanti kollha minn pajjiż terzi se jkunu awtomatikament eliġibbli għall-finanzjament[9]. Il-lista tal-pajjiżi eliġibbli għall-finanzjament awtomatiku se tkun ristretta billi l-kriterju kurrenti tal-għażla ibbażat biss fuq Introjtu Nazzjonali Gross (ING) per capita jiġi kkumplimentat bi kriterju addizzjonali ibbażat fuq il-Prodott Gross Domestiku (PGD), li jeskludi pajjiżi li jaqbżu limitu minimu definit. Dan se jindirizza l-fatt li xi pajjiżi stabbilixxew il-massa kritika meħtieġa biex jikkooperaw fuq bażi reċiproka fl-Unjoni. B’mod simili għall-pajjiżi industrijalizzati, il-finanzjament għall-parteċipanti minn dawn il-pajjiżi, ikompli jkun possibbli f’każijiet eċċezzjonali;

– L-approċċ iktar restrittiv għall-finanzjament awtomatiku se jkun kontrobilanċjat b’iktar sforzi biex ikun iffaċilitat il-finanzjament ta' parteċipanti permezz tal-kanali nazzjonali tagħhom;

– L-Unjoni se tkompli tinkoraġġixxi aċċess reċiproku għall-programmi ta’ pajjiżi terzi. Il-proposti tal-programm Orizzont 2020 jippermettu li jkun limitat il-kuntest ġeografiku tas-sejħiet, pereżempju meta l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet ġuridiċi mill-Istati Membri fil-programmi tal-pajjiż terz, ikunu meqjusa li jippreġudikaw l-interessi tal-Unjoni jew li ma jistgħux ikunu pprovduti garanziji sodisfaċenti ta' sigurtà [10].

– L-Appoġġ għall-COST u l-EUREKA se jinkoraġġixxi n-netwerks Ewropej tar-riċerkaturi biex jikkooperaw mal-kontrapartijiet tagħhom f’pajjiżi terzi.

4.2.        Attivitajiet immirati ta' kooperazzjoni internazzjonali

Il-massimizzazzjoni tal-impatt ta’ riċerka internazzjonali u attivitajiet ta’ innovazzjoni, filwaqt li tevita frammentazzjoni tal-isforzi li tiswa ħafna flus, tirrikjedi li l-Unjoni tikkumplimenta l-ftuħ tal-programm Orizzont 2020 b’azzjonijiet immirati sabiex ikunu żgurati l-aħjar skala u ambitu.

4.2.1.     Nidentifikaw oqsma għall-kooperazzjoni internazzjonali

Il-programm Orizzont 2020 jiffoka l-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni fuq għadd limitat ta’ sfidi soċjetali u teknoloġiji ta’ abilitazzjoni u industrijali.

Fit-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma għall-implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020 (il-programm Euratom huwa parti minn dan), il-kooperazzjoni internazzjonali se tkun kunsiderazzjoni ewlenija. Oqsma ta' impenn ma' pajjiżi terzi se jkunu identifikati b'mod sistematiku u koerenti abbażi ta' analiżi tal-Unjoni vis-à-vis il-bqija tad-dinja f'konformità mas-sett ta' kriterji li ġej:

– il-kapaċità tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż l-investiment, l-output (pubblikazzjonijiet, privattivi, ċitazzjonijiet u ħruġ ta’ liċenzji), ir-riżorsi umani u l-infrastruttura;

– ir-riskji tal-aċċess għal swieq eżistenti, ġodda jew emerġenti u l-opportunitajiet għalihom u l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività tal-Unjoni;

– il-kontribuzzjoni għall-impenji internazzjonali tal-Unjoni, kif riflessi fl-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju, il-qafas għall-iżvilupp wara l-2015, Rio+20, il-G20 u l-objettivi internazzjonali tal-politiki settorjali; kif ukoll,

– l-oqfsa ġuridiċi u amministrattivi stabbiliti, fost l-imsieħba internazzjonali u fejn xieraq l-Istati Membri, biex jikkooperaw flimkien, li jinkludu wkoll il-lezzjonijiet li ttieħdu minn kooperazzjoni preċedenti.

Filwaqt li hija disponibbli informazzjoni oġġettiva suffiċjenti sabiex tkun appoġġjata l-analiżi tal-ewwel kriterju, il-kriterji l-oħra jirrikjedu valutazzjoni u deċiżjoni kwalitattivi. Il-ġbir sistematiku ta’ informazzjoni se jkun element essenzjali għall-approċċ strateġiku, li b'mod partikolari jiddependi fuq l-Osservatorju l-ġdid għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li qed jiġi żviluppat mill-Kummissjoni. Se jinkludi konsultazzjonijiet fil-fond mal-partijiet interessati, inkluż mal-industrija.

Dimensjoni msaħħa tal-innovazzjoni se tinvolvi l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet adegwati u ekwi għall-qafas, inklużi attivitajiet li jvarjaw mill-ġbir tal-informazzjoni, it-tagħlim tal-politiki, l-iskambju tal-esperjenza, l-identifikazzjoni ta’ prattika tajba, il-forniment ta’ informazzjoni u assistenza u netwerking bejn l-atturi tar-riċerka u l-innovazzjoni, sas-sostenn tal-adattament u l-użu ta' teknoloġija eżistenti fi swieq ġodda, u f’każijiet limitati – proġetti ta’ dimostrazzjoni u proġetti pilota. Se jkun hemm fokus iktar b’saħħtu fuq attivitajiet qrib is-suq u attivitajiet oħra relatati mal-innovazzjoni. Dan se jirrikjedi li jinstab bilanċ xieraq bejn il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi biex flimkien isir progress fl-għarfien xjentifiku u jkunu indirizzati l-isfidi globali filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-kumpaniji tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, se jkun żgurat trattament ġust u ekwitabbli tal-IPR sabiex ikun evitat telf mhux ikkontrollat tal-ħiliet tal-Unjoni.

B’mod iktar ġenerali, kundizzjonijiet tajbin għall-qafas relatat mal-innovazzjoni huma tal-ikbar importanza għall-Unjoni biex timpenja ruħha b’mod effettiv fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell internazzjonali. Pereżempju, it-tneħħija ta’ ostakli kummerċjali speċifiċi tibqa’ l-bażi tar-relazzjoni tal-Unjoni ma' pajjiżi terzi[11].

4.2.2.     L-iżvilupp ta’ pjanijiet direzzjonali multiannwali għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi u reġjuni msieħba ewlenin

Abbażi tal-kriterji ta’ hawn fuq, l-identifikazzjoni ta’ oqsma għal azzjonijiet immirati ta’ kooperazzjoni internazzjonali se tkun il-punt tat-tluq tal-approċċ strateġiku. Differenzazzjoni flessibbli ta’ pajjiżi u reġjuni msieħba se tippermetti fokus addizzjonali – speċjalment meta jkunu meqjusa opzjonijiet ta’ finanzjament – filwaqt li jkun ikkunsidrat li pajjiż speċifiku jista’ jaqa’ fi grupp wieħed jew aktar, skont is-saħħiet tiegħu fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-gruppi ta’ pajjiżi li ġejjin huma inklużi fil-proposti tal-programm Orizzont 2020:

· Il-pajjiżi tal-EFTA, il-pajjiżi tat-tkabbir tal-UE u l-pajjiżi koperti mill-politika Ewropea tal-Viċinat, fejn il-fokus se jkun fuq it-trawwim tal-integrazzjoni fil-Qasam Ewropew tar-Riċerka – jew allinjament miegħu, inkluż permezz tal-assoċjazzjoni possibbli tagħhom ma’ Orizzont 2020. Għall-Viċinat dan se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' ‘Spazju Komuni ta’ Għarfien u Innovazzjoni’, inkluż it-titjib tal-kompetenzi tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi. Il-kooperazzjoni se tkun ikkoordinata mill-qrib mal-istrumenti tat-tkabbir u l-politiki tal-viċinat, kif enfasizzat waqt konferenza riċenti dwar sħubija Ewro-Mediterranja mġedda fir-riċerka u l-innovazzjoni. Fil-każ tal-aħħar, qed titħejja azzjoni ta’ segwitu speċifika.

· Il-pajjiżi industrijalizzati u l-ekonomiji emerġenti, fejn l-objettiv ewlieni se jkun li tiżdied il-kompetittività tal-Unjoni, biex ikunu indirizzati b’mod komuni l-isfidi globali permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi komuni, u li jkunu żviluppati teknoloġiji ta’ abilitazzjoni li jaċċessaw sorsi ġodda ta’ għarfien. Dan se jipprovdi lis-settur privat tal-Unjoni b’opportunitajiet ta’ negozju u aċċess għal swieq ġodda. Se jkun hemm ukoll dimensjoni msaħħa tal-innovazzjoni, bħal ma huwa l-każ pereżempju permezz tas-Sħubija Transatlantika għal Azzjoni għall-Innovazzjoni jew is-Sħubija Indo-Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

· Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn l-enfasi se tkun fuq l-ikkomplimentar tal-politiki u l-istrumenti esterni tal-Unjoni permezz tal-bini ta’ sħubijiet – b’mod partikolari sħubijiet bireġjonali – bħala kontribut għall-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn ir-reġjuni u sabiex ikunu indirizzati sfidi bħall-ekonomija ekoloġika, l-azzjoni dwar il-klima, agrikoltura mtejba, is-sigurtà tal-ikel u s-saħħa. Dan jinkludi l-appoġġ għall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju – u s-suċċessuri possibbli tagħhom- li jsaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp immexxija mid-domanda, u l-implimentazzjoni tal-eżitu tal-konferenza Rio+20, pereżempju permezz tat-trasferiment tat-teknoloġiji tal-klima.

L-identifikazzjoni sistematika ta’ opportunitajiet ikkombinati ma’ differenzazzjoni skont il-gruppi ta’ pajjiżi se tappoġġja l-iżvilupp ta’ pjanijiet direzzjonali multiannwali ma’ pajjiżi u reġjuni msieħba ewlenin.

5.           Sett ta’ strumenti idonei

5.1.        Djalogu ta’ politika

L-Unjoni għandha Ftehimiet dwar Kooperazzjoni Xjentifika u Teknika ma’ 20 pajjiż skont it-TFUE u ma’ 15-il pajjiż skont it-Trattat tal-Euratom. Ix-xjenza u t-teknoloġija ħafna drabi huma wkoll parti importanti mid-djalogi usa’ ta’ politika, bħall-Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u ftehimiet oħra ta’ qafas internazzjonali.

Il-ftehimiet tax-xjenza u t-teknoloġija se jkunu veikoli importanti għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet direzzjonali multiannwali. Fejn xieraq, se jkunu żviluppati fi sħubijiet strateġiċi għal tul ta’ żmien twil, inkluż ftehim dwar il-prijoritajiet li għandhom ikunu indirizzati. Għandhom jippromwovu wkoll trattament ġust u ekwitabbli tal-proprjetà intellettwali u t-trasferiment tal-għarfien. Approċċ simili se jkun segwit fuq bażi reġjonali, pereżempju għas-sħubijiet mal-pajjiżi tal-Mediterran, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, u l-pajjiżi tal-Amerika Latina u tal-Karibew.

5.2.        Ġbir ta’ informazzjoni

Sabiex ikun implimentat approċċ strateġiku jeħtieġ informazzjoni oġġettiva. Għaldaqstant jeħtieġ li tingħata iktar attenzjoni għall-ġbir ta' informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva, bħal[12]:

– attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali ffinanzjati mill-Unjoni, u l-impatt tagħhom;

– politiki u programmi ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati, kif ukoll is-saħħiet u d-dgħufijiet tas-sistemi ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom, fejn l-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati se jkunu mħeġġa jaqsmu bejniethom, permezz tal-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fix-Xjenza u t-Teknoloġija (SFIC), informazzjoni miksuba permezz ta’ eżerċizzji ta’ mmappjar nazzjonali;

– politiki u programmi tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż il-komponent internazzjonali tagħhom, ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll is-saħħiet u d-dgħufijiet tas-sistemi tagħhom;

– attivitajiet ta’ previżjoni, biex jiġu identifikati l-isfidi emerġenti u s-swieq u x-xejriet futuri.

Il-ġbir tal-informazzjoni se jagħmel użu mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u kunsillieri xjentifiċi u l-EEAS, kif ukoll l-Osservatorju l-ġdid tar-Riċerka u l-Innovazzjoni .

5.3.        Strumenti ta’ finanzjament

Il-programm Orizzont 2020 se jkun l-istrument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni għall-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni, ikkumplimentat fejn xieraq b’finanzjament nazzjonali adegwat.

L-attivitajiet immirati li jużaw l-istrumenti li ġejjin se jimplimentaw il-pjanijiet direzzjonali multiannwali:

– proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fejn il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet ta’ pajjiżi terzi hija meħtieġa u/jew ikkunsidrata matul l-evalwazzjoni;

– forom inqas riġidi ta’ kooperazzjoni bħan-netwerking bejn proġetti, clusters u/jew maniġers ta’ programmi;

– inizjattivi konġunti li jinvolvu lill-Unjoni u l-imsieħba internazzjonali:

· sejħiet ikkoordinati: imnidija u evalwati b’mod parallel fl-Unjoni u l-pajjiż terz;

· sejħiet konġunti: imnidija u evalwati, magħżula u ffinanzjati b’mod konġunt mill-Unjoni u l-pajjiż terz;

· kontribuzzjonijiet mill-Unjoni għall-programmi ta’ finanzjament ta’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali biex ikopru l-parteċipazzjoni tal-entitajiet tal-Unjoni f’dawk il-programmi; kif ukoll,

· inizjattivi speċifiċi li jirrikjedu finanzjament konġunt mill-Unjoni, mill-Istati Membri, mill-Pajjiżi Assoċjati u/jew pajjiżi terzi li jiżguraw l-aħjar skala u ambitu, implimentati permezz tal-ERA-NETs, l-Artikolu 185 jew strumenti oħra.

Il-proposti tal-programm Orizzont 2020 jinkludu dispożizzjonijiet[13] għall-iżvilupp u l-preżentazzjoni ta’ attivitajiet trażversali, bħall-kooperazzjoni internazzjonali, b’mod koerenti. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tirrifletti dawn id-dispożizzjonijiet fil-programm ta’ ħidma u l-istruttura tal-komitoloġija tal-programm Orizzont 2020.

5.4.        Koordinazzjoni ma’ politiki oħra u fora internazzjonali

5.4.1.     Politiki u strumenti tal-Unjoni

Se jkunu żviluppati, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-politiki u l-istrumenti esterni tal-Unjoni, attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni[14]. Dan se jinkludi wkoll l-integrazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni f’politiki oħra b’dimensjoni internazzjonali qawwija, bħall-kummerċ, il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), l-ambjent u l-enerġija, u l-isfruttar ta' sinerġiji b'kooperazzjoni internazzjonali f'edukazzjoni ogħla propost taħt il-Programm Erasmus għal Kulħadd (Erasmus for All)[15] L-iżvilupp ta’ pjanijiet direzzjonali multiannwali għal kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni, għandu għaldaqstant ikun ikkoordinat mill-qrib mal-istrateġiji tal-pajjiż esterni ġenerali u d-dimensjoni esterna tal-politiki interni tal-Unjoni.

Il-politiki esterni tal-Unjoni se jgħinu biex tinbena l-kapaċità tar-riċerka fil-pajjiżi tat-tkabbir, tal-viċinat u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni se jiffoka fuq l-eċċellenza, u b’hekk jikkontribwixxi biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi li jaffaċċjaw dawn il-pajjiżi. Meta dan isir, ikun qed jikkontribwixxi għall-objettivi tal-politiki ta’ żvilupp tal-Unjoni, pereżempju permezz ta’: attivitajiet progressivi u riċerka soċjoekonomika biex jiġu identifikati sfidi speċifiċi; riċerka u innovazzjoni avvanzati biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet applikabbli lokalment; jew il-provvediment ta’ appoġġ għall-adattament u t-transferiment ta’ teknoloġiji eżistenti. Dan se jkun ikkumplimentat mill-finanzjament ipprovdut mill-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp.

5.4.2.     Organizzazzjonijiet internazzjonali u fora multilaterali

L-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-fora multilaterali għandhom rwol ewlieni fl-indirizzar tal-isfidi globali. L-Organizzazzjoni għall-Kumitat tal-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) dwar il-Politika tax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-Forum Dinji għax-Xjenza jiffukaw fuq it-titjib tal-governanza tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni globali. In-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet oħra bħall-UNESCO, il-Grupp Intergovernattiv ta’ esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Pjattaforma Intergovermentali dwar il-Bijodiversità u s-servizzi tal-Ekosistema, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, għandhom rwol ewlieni fit-tfassil tal-aġendi globali tar-riċerka.

L-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija u l-Aġenzija għall-Enerġija Nukleari (taħt il-qafas tal-OECD), l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika u l-Forum Internazzjonali Ġenerazzjoni IV u l-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER jippromwovu l-kooperazzjoni internazzjonali fl-enerġija nukleari. Istituzzjonijiet globali u reġjonali bħall-Grupp Konsultattiv dwar ir-Riċerka Agrikola Internazzjonali, il-Forum Dinji għar-Riċerka Agrikola u l-Forum għar-Riċerka Agrikola fl-Afrika huma attivi fil-qasam tal-agrikoltura. Il-Grupp Carnegie, imwaqqaf taħt l-awspiċi tal-G8/G20 jipprovdi forum uniku għal diskussjonijiet f’livell għoli dwar kwistjonijiet dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li żżid l-impenn tagħha ma’ dawn l-organizzazzjonijiet, kemm biex tippermetti lill-Unjoni biex tagħmel influwenza ikbar fuq l-attivitajiet tagħhom, b’mod partikolari fejn l-Unjoni hija donatur ewlieni, kif ukoll biex ikollhom leħen iktar qawwi fit-tfassil tal-aġenda tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-Unjoni għandha tipprova tiżgura li l-parteċipazzjoni tagħha tkun proporzjonata mar-responsabbiltajiet assenjati lilha mit-Trattati. Żvilupp ulterjuri tas-sħubija mal-inizjattivi intergovernattivi Ewropej, bħall-EUREKA u COST, u organizzazzjonijiet bħall-EIROForum[16], se jikkontribwixxu għal użu koordinat aħjar u aktar effettiv tar-riżorsi Ewropej.

6.           Promozzjoni ta’ prinċipji komuni għat-twettiq tal-kooperazzjoni internazzjonali

Iggwidata mill-prinċipji tagħha għal azzjoni esterna (l-Artikolu 21 tat-TUE), l-Unjoni tinsab f’pożizzjoni tajba biex tmexxi l-promozzjoni tal-prinċipji komuni għat-twettiq ta’ attivitajiet internazzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni sabiex toħloq kundizzjonijiet ekwi biex ir-riċerkaturi u l-innovaturi minn madwar id-dinja jħossuhom kunfidenti li jimpenjaw ruħhom ma’ xulxin. Dawn il-prinċipji se jitrattaw kwistjonijiet bħal riċerka u innovazzjoni responsabbli, l-integrità tar-riċerka; analiżi bejn il-pari tal-proposti; il-promozzjoni tar-rwol tan-nisa fix-xjenza u d-dimensjoni tal-ġeneru fir-riċerka, u fir-riċerka u l-innovazzjoni; il-karrieri fir-riċerka (nibnu fuq il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta’ Kondotta għar-Reklutaġġ ta’ Riċerkaturi)[17]; it-trattament ġust u ekwitabbli tal-IPR; u l-aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet ta’ riċerka ffinanzjati mill-pubbliku.

Sar pass permezz tat-twaqqif tal-Kunsill Dinji tar-Riċerka, forum volontarju mwaqqaf biex jaqsam l-aħjar prattika u jistabbilixxi prinċipji komuni fil-kooperazzjoni internazzjonali. Inizjattivi oħra jinsabu għaddejjin fil-livell tal-Unjoni u l-livell dinji. Il-Grupp Carnegie ħadem biex jistabbilixxi prinċipji komuni għall-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tar-riċerka fuq skala kbira. Fir-rigward ta’ aċċess miftuħ, fl-2007, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni[18] u, iktar riċenti Komunikazzjoni u Rakkomandazzjoni ta’ segwitu[19].

Dawn il-kwistjonijiet kienu dibattuti ħafna fil-livell internazzjonali f’fora kemm bilaterali kif ukoll multilaterali. Il-pass lejn aċċess miftuħ huwa sforz dinji, muri permezz tal-kontribuzzjoni tal-UNESCO għall-promozzjoni tiegħu[20] u d-dikjarazzjoni tal-OECD dwar aċċess għad-dejta tar-riċerka mill-finanzi pubbliċi[21] B’mod simili, id-Dikjarazzjoni ta’ Singapore dwar l-integrità tar-riċerka tippreżenta l-ewwel sforz internazzjonali li jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ politiki globali, linjigwida u kodiċi ta’ kondotta biex titrawwem iktar integrità fir-riċerka[22].

7.           Insaħħu s-sħubija bejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati ewlenin

L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri jeħtieġ li jkunu konsistenti u jikkumplimentaw lil xulxin. L-approfondiment u t-tisħiħ tas-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għaldaqstant se jibqgħu element importanti tal-approċċ strateġiku.

Se jkun importanti wkoll li tkun żviluppata interazzjoni iktar b’saħħitha u iktar sistematika mal-partijiet interessati ewlenin. Dan se jinkludi allinjament aħjar mal-prijoritajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali ta’ atturi bħall-industrija, l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, iżda wkoll il-prijoritajiet tal-inizjattivi ta’ Programmar Konġunt, il-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija u s-Sħubijiet Ewropej tal-Innovazzjoni.

Il-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika Internazzjonali (Strategic Forum for International S&T Cooperation (SFIC)) għamel progress fl-allinjament ta’ prijoritajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-Istati Membri u speċjalment organizzazzjonijiet ta’ finanzjament nazzjonali u reġjonali, permezz tal-iżvilupp ta’ programm pilota mal-Indja u l-esplorazzjoni ta’ prijoritajiet ta’ kooperazzjoni mal-Istati Uniti u ċ-Ċina.

Dawn l-isforzi jeħtieġ li jiżdiedu peress li l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-Istati Membri jkomplu jkunu mmexxija minn kunsiderazzjonijiet nazzjonali iktar milli mill-prijoritajiet u l-istrateġiji tal-iżvilupp kondiviżi mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Għaldaqstant:

– L-Istati Membri se jkunu involuti fl-identifikazzjoni ta’ oqsma għall-kooperazzjoni internazzjonali u l-iżvilupp ta’ pjanijiet direzzjonali multiannwali;

– L-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet annwali se tinvolvi t-tħejjija ta’ aġendi strateġiċi ta’ riċerka u innovazzjoni b’mod konġunt bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, u se tinvolvi lill-Istati Membri mill-qrib fl-implimentazzjoni tagħhom;

– L-impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni biex tiżviluppa linjigwida komuni sabiex timpenja ruħha fi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi, dwar kwistjonijiet bħall-visas xjentifiċi, IPR, prinċipji etiċi fir-riċerka, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ kampjuni u tagħmir xjentifiċi, reċiproċità u tassazzjoni, se jkun segwit. Dan se jinkludi progress fuq il-linjigwida tal-ERA dwar l-immaniġġjar tal-IP fi ftehimiet internazzjonali ta’ kollaborazzjoni kif adottat mill-Grupp tal-ERA għat-Trasferiment tal-Għarfien.

8.           Implimentazzjoni, governanza, monitoraġġ u evalwazzjoni

8.1.        Implimentazzjoni u governanza

L-implimentazzjoni tal-istrateġija se tkun allinjata mill-qrib mal-proċess tal-ipprogrammar tal-programm Orizzont 2020, inkluż billi jkunu ppreżentati pjanijiet direzzjonali multiannwali b’mod koerenti fil-programmi ta’ ħidma.

Filwaqt li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet direzzjonali multiannwali għal kull waħda mill-isfidi soċjetali u t-teknoloġiji ta’ abilitazzjoni u industrijali se tkompli taqa’ taħt il-mandat tal-konfigurazzjonijiet tal-kumitat rispettiv, il-konfigurazzjoni tal-kumitat tal-programm orizzontali Orizzont 2020 se jkollha l-kompitu li tmexxi, timmonitorja u tevalwa l-approċċ kumplessiv għall-kooperazzjoni internazzjonali. L-SFIC se jżomm ir-rwol tiegħu li jippromwovi iktar koerenza bejn il-politiki tal-Istati Membri u tal-Unjoni.

Il-komunikazzjoni tal-valur tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni għal pubbliku iktar wiesa’, se tkun ukoll punt ta’ attenzjoni kontinwa. Il-Kummissjoni qed tipproponi li torganizza Sena tax-Xjenza kull sentejn, li talterna bejn pajjiż u reġjun imsieħba, abbażi tal-esperjenza pożittiva tas-Sena tax-Xjenza UE-ASEAN fl-2012.

8.2.        Monitoraġġ u evalwazzjoni

Il-Kummissjoni se tirrapporta kull sentejn dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Dan ir-rapport se jippreżenta kif il-pjanijiet direzzjonali multiannwali kienu żviluppati u implimentati. Se tivvaluta l-progress u l-impatt abbażi tal-lista ta’ indikaturi pprovduta fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah. L-ewwel rapport għandu jkun ippreżentat fil-bidu tal-2014.

9.           Konklużjoni

L-appoġġ strateġiku ġdid għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni se jkun ikkaratterizzat minn:

– il-programm Orizzont 2020 jkun miftuħ b’mod sħiħ għal parteċipanti minn pajjiżi terzi, fattur li jippermetti lir-riċerkaturi Ewropej biex jikkooperaw mal-aħjar imħuħ minn madwar id-dinja;

– attivitajiet immirati ta’ kooperazzjoni internazzjonali bl-iskala u l-ambitu neċessarji sabiex l-impatt ikun massimizzat;

– l-iżvilupp ta’ pjanijiet direzzjonali multiannwali għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi u reġjuni msieħba ewlenin;

– it-tisħiħ tas-sħubija bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti;

– il-promozzjoni ta’ prinċipji komuni għat-twettiq tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni;

– it-tisħiħ tar-rwol tal-Unjoni fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u fora multilaterali;

– it-tisħiħ tal-implimentazzjoni, governanza, monitoraġġ u evalwazzjoni.

[1]               Aktar informazzjoni tinsab disponibbli fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah.

[2]               F’din il-Komunikazzjoni, ‘pajjiż terz' huwa pajjiż li la hu Stat Membru u lanqas pajjiż assoċjat mal-programmi ta’ qafas dwar ir-riċerka, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor.

[3]               COM (2010) 546

[4]               COM (2012) 392

[5]               http://ec.europa.eu/research/evaluations/index_en.cfm?pg=fp7

[6]               COM (2011) 809

[7]               COM (2010) 2020

[8]               COM(2011)810 Art 6(1)

[9]               COM(2011) 810 Art 9

[10]             COM(2011)810 Art 6(2), 6(3) u 8(5)

[11]             COM (2012) 70

[12]             Aktar informazzjoni tinsab disponibbli fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah.

[13]             L-Artikolu 13 tar-Regolament Orizzont 2020 u l-Artikolu 5(6) tal-Programm Speċifiku.

[14]             COM(2011) 865.

[15]             COM(2011) 788.

[16]             http://www.eiroforum.org

[17]             C(2005) 576 finali.

[18]             COM(2007) 56.

[19]             COM(2012) 401 u COM(2012) 4890

[20]             http://www.unesco.org/new/en/media-services/single-view/news/open_access_to_scientific_information_policy_guidelines_for_open_access_released/

[21]             http://www.oecd.org/dataoecd/9/61/38500813.pdf

[22]             http://www.singaporestatement.org/

Top