Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0489

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport annwali dwar il-Politiki dwar l-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2011

/* COM/2012/0489 final */

52012DC0489

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport annwali dwar il-Politiki dwar l-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2011 /* COM/2012/0489 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport annwali dwar il-Politiki dwar l-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2011

1.           Introduzzjoni

Meta jseħħ diżastru, ikun hemm bżonn ta’ għajnuna, u b’mod veloċi. Li tgħin l-iktar popolazzjonijiet vulnerabbli tad-dinja f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi hija kwistjoni morali imperattiva għall-komunità internazzjonali u tista’ tagħmel differenza bejn ħajja jew mewt. B'rispons għal din l-imperattiva, l-Unjoni Ewropea u s-27 Stat Membru tagħha hija l-ikbar donatriċi umanitarja fid-dinja li tipprovdi madwar nofs il-finanzjament globali ta’ sokkors ta' emerġenza għall-vittmi ta’ diżastri kkawżati mill-bniedem u dawk naturali. L-UE tippromwovi wkoll rispett għal, u aderenza lejn, id-dritt umanitarju internazzjonali.

Dan ir-rapport annwali jiffoka fuq l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili tal-Kummissjoni Ewropea fl-2011. L-għan ta' dawn l-azzjonijiet huwa li jiġu salvati u mħarsa l-ħajja ta’ kwalunkwe persuna li tkun fil-bżonn ta' għajnuna u li tittaffa s-sofferenza umana, filwaqt li jiġu ppreservati l-integrità u d-dinjità tal-popolazzjonijiet milquta minn diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem.

L-Uffiċċju għall-Għajnuna Umanitarja tal-Komunità Ewropea (ECHO) nħoloq fl-1992 bħala espressjoni ta’ solidarjetà Ewropea mal-persuni fil-bżonn madwar id-dinja kollha. Fl-2004, sar id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Għajnuna Umanitarja qabel l-integrazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili fl-2010 biex jipprovdi koordinazzjoni u rispons aħjar għal diżastri ġewwa u barra l-UE. Sa mill-ħolqien tiegħu, il-Kummissjoni, permezz ta’ ECHO allokat madwar EUR 14-il biljun mill-Baġit tal-UE għal vittmi ta’ kunflitti u diżastri f'aktar minn 140 pajjiż madwar id-dinja. Għal dawn l-aħħar ħames snin, medja ta’ EUR biljun ġew provduti annwalment, li jgħinu kważi 150 miljun tal-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli tad-dinja milquta minn diżastri naturali u kriżijiet ikkawżati mill-bniedem.

L-għajnuna umanitarja hija waħda minn żewġ strumenti ewlenin għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) li tipprovdi għajnuna ta’ sokkors lil persuni barra mill-UE ffaċċjati bil-konsegwenzi immedjati tad-diżastri.

L-assistenza umanitarja tal-UE hija bbażata fuq il-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza. Kull deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni għandha tkun skont dawn l-erba’ prinċipji li huma fil-qalba tal-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja. L-għajnuna umanitarja tal-UE hija mqassma mingħajr rigward għal kwalunkwe aġendi politiċi, u tfittex mingħajr eċċezzjoni biex tgħin dawk l-aktar fil-bżonn, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, ir-reliġjon, is-sess, l-oriġini etnika jew l-affiljazzjoni politika tagħhom. Dan l-impenn għal għajnuna umanitarja bi prinċipji huwa issa wkoll msejjes fit-Trattat ta' Lisbona (l-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).

L-għodda prinċipali l-oħra hija l-Protezzjoni ċivili. Tnejn u tletin pajjiż, li jinkludu l-Istati Membri kollha tal-UE, se jipparteċipaw f'mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili li jipprovdi assi bħall-iskwadri tat-tiftix u s-salvataġġ u tagħmir wara talba minn pajjiż milqut minn diżastru. Dan il-mekkaniżmu huwa mħaddem miċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) f’ECHO.

Il-ħatra ta’ Kristalina Georgieva, fl-2010, bħala l-ewwel Kummissarju Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons għall-Kriżijiet ġabet dawn l-għodod flimkien, u saħħet il-koerenza tal-operazzjonijiet tal-UE ta' rispons għal diżastri.

Il-politiki tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili juru impenn sabiex jiġu appoġġġjati dawk li huma fl-Unjoni u barra minnha li għandhom bżonn l-għajnuna meta huma fil-mument l-aktar vulnerabbli tagħhom. Għajnuna bħal din tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-objettivi strateġiċi tal-azzjoni esterna tal-UE, kif spjegat fl-Artikolu 21 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

Fl-istess ħin, hija tirċievi appoġġ wiesgħa fost il-pubbliku Ewropew: stħarriġ riċenti tal-Eurobarometer juri li appoġġ pubbliku għal għajnuna umanitarja u ta' protezzjoni ċivili tal-UE kompla jiżdied fis-snin riċenti minkejja l-kriżi ekonomika.

· Disgħa minn kull 10 ċittadini (88%) jemmnu li huwa importanti għall-Unjoni Ewropea li tkompli tiffinanzja l-għajnuna umanitarja; dan jirrappreżenta żieda ta’ disa’ punti perċentwali mill-aħħar stħarriġ fl-2010. Kważi l-istess numru, 84%, huma favur li tinżamm l-għajnuna umanitarja. · Hemm ukoll approvazzjoni b’saħħitha (71%) tar-rwol tal-Kummissjoni fil-koordinament tal-għajnuna umanitarja tal-UE, li hija żieda ta’ 13-il punt perċentwali mill-2010. Il-maġġoranza kbira ta’ min wieġeb (88%) tappoġġja wkoll inizjattiva biex iż-żgħażagħ jiġu involuti fl-operazzjonijiet umanitarji tal-UE bħala parti minn korp tal-għajnuna volontarja tal-UE . · Safejn hi kkonċernata l-protezzjoni ċivili, 82% jaqblu li azzjoni kkoordinata tal-UE f'każijiet ta' diżastri hija aktar effettiva minn azzjonijiet meħuda minn pajjiżi individwali. · L-istħarriġ dwar il-Protezzjoni Ċivili juri tħassib dwar il-possibbiltà ta’ diżastri fl-UE. 75% ta’ dawk mistoqsija qalu li kienu mħassbin dwar diżastri kkawżati mill-bniedem, bħat-tixrid taż-żejt u inċidenti nukleari. Għargħar u terremoti ġew wara dawn b'67%, filwaqt li 64% qalu li kienu l-aktar imħassba dwar attakki terroristiċi u 59% kienu mħassba dwar kunflitti armati. · 68% tal-Ewropej huma konxji li l-UE tagħti fondi f'għajnuna umanitarja. Erbgħa minn kull għaxra (38%) jafu dwar il-koordinazzjoni tal-protezzjoni ċivili tal-UE. · Madwar terz iqisu li huma infurmati tajjeb dwar l-attivitajiet ta’ għajnuna umanitarja tal-UE, livell li huwa żieda ta' 12% meta mqabbel mal-istħarriġ ta' qabel. Fl-istħarriġ tal-protezzjoni ċivili, 19% jħossu li huma infurmati tajjeb dwar l-attivitajiet tal-UE. Fiż-żewġ stħarriġ, dawk li wieġbu għażlu t-televiżjoni u l-internet bħala s-sorsi ppreferuti tagħhom ta’ informazzjoni, segwiti mill-istampa u r-radju.

2.           Il-kuntest globali li fih l-assistenza qed tkun provduta

Fl-2011, kien hemm żieda fil-livell globali ta’ kriżijiet umanitarji, fid-diżastri u fil-vulnerabbiltà. Ix-xejra tal-ħtiġijiet li kull ma’ jmur qed jiżdiedu li tmur lil hinn mir-riżorsi disponibbli tkompli. It-twassil tal-għajnuna umanitarja u tal-protezzjoni ċivili għalhekk qed isir aktar kumpless u diffiċli. Minħabba l-frekwenza u l-intensità tad-diżastri naturali, hemm iktar kriżijiet umanitarji li qed jitfaċċaw u, b'mod partikolari, aktar diżastri maġġuri, bħal dawk li seħħew fil-Qarn tal-Afrika u fil-Ġappun.

Matul l-2011, skont l-istatistika ppubblikata miċ-Ċentru għar-Riċerka dwar l-Epidemoloġija tad-Diżastri (CRED)[1] u l-Uffiċċju tan-NU għat-Tnaqqis tad-Diżastri, UNISDR[2], kien hemm 302 diżastri naturali ta’ magnitudini differenti, li qatlu kważi 30 000 ruħ u affettwaw 206 miljun oħra madwar id-dinja. Xi 106 miljun ruħ kienu milquta minn għargħar u 60 miljun minn nixfa, filwaqt li 1.6 miljun kienu affettwati minn terremoti. L-Asja kienet l-iktar reġjun milqut, b’iktar minn 45% tad-diżastri u 89% tan-numru totali tal-vittmi f'dak ir-reġjun. Il-konsegwenzi tad-diżastri huma devastanti u varjati: Telf ta’ ħajjiet, u djar, l-uċuħ u għelejjel u l-għajxien tan-nies jintilfu.

Għalkemm semmejna biss ftit minnhom bl-isem, l-impatt ta’ dawn id-diżastri poġġa tant piż kbir fuq il-komunità umanitarja internazzjonali li kemm kemm tifilħu. Fl-2011, in-Nazzjonijiet Uniti kienet obbligata li tniedi l-akbar appell ta’ finanzjament konsolidat fl-istorja tagħha (EUR 5.7 biljun) għal ħtiġijiet umanitarji. Hemm differenza dejjem tikber bejn il-ħtiġijiet umanitarji globali fuq naħa, u r-riżorsi finanzjarji dejjem aktar skarsi disponibbli għar-rispons għal dawn il-ħtiġijiet, fuq in-naħa l-oħra, speċjalment fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja li laqtet ħafna pajjiżi donaturi tal-Punent. Flimkien ma' vulnerabbiltà kronika f'ħafna partijiet tad-dinja, dan ikompli jkollu effett dirett fuq il-ħajja ta’ miljuni ta' nies li jeħtieġu għajnuna.

Dan ifisser ukoll li donaturi għandhom jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jirreaġixxu għad-diżastri b’mod iktar effiċjenti u effettiv, billi jagħmlu użu aħjar mir-riżorsi limitati tagħhom. Għall-ECHO, dan jissarraf f'li jidentifika kisbiet fl-effiċjenza meta jaħdem mal-imsieħba tiegħu u f'aktar investiment fit-tħejjija u r-reżiljenza ta' komunitajiet vulnerabbli. Fl-istess waqt, is-sinerġiji bejn l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili jeħtieġu li jiġu sfruttati bis-sħiħ. Barra minn hekk, l-UE, bħala parti mis-sistema umanitarja internazzjonali totali għandha rwol ewlieni fl-inkoraġġiment ta’ pajjiżi u reġjuni oħra biex iżidu s-sehem tagħhom fit-tħejjija u r-rispons umanitarju, bil-ħsieb li timmobilizza r-riżorsi dejjem jikbru tal-ekonomiji emerġenti għal azzjoni umanitarja u r-rispons għad-diżastri b'mod aktar effettiv.

Id-diżastri umanitarji kkawżati mill-bniedem għadhom l-iktar ikkawżati minn kunflitti interni, fejn il-popolazzjonijiet ċivili li qed ikunu dejjem iktar esposti għal vjolenza u sofferenza. Dan it-tip ta’ kunflitt huwa ħafna drabi kkaratterizzat minn nuqqas ta’ rispett min-naħa tal-partijiet involuti għad-dritt u għall-prinċipji umanitarji internazzjonali, u b'hekk jonqos l-ispazju umanitarju, jiġifieri l-oqsma li fihom l-għajnuna umanitarja tista’ tiġi pprovduta b’mod newtrali u imparzjali mingħajr xkiel. F'dan il-kuntest, l-aċċess umanitarju lin-nies fil-bżonn u s-sigurtà u l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili u tal-ħaddiema umanitarji saru iktar u iktar problematiċi. Is-sitwazzjoni ġenerali u l-ambjent tax-xogħol marru għall-agħar f'dawn l-aspetti kollha, partikolarment fis-Somalja, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), l-Afganistan u l-Korea ta’ Fuq.

B’reazzjoni għal dawn l-isfidi, qed jikber l-għarfien fi ħdan il-komunità umanitarja internazzjonali tal-ħtieġa li tagħmel iktar sforz u enfasi fuq it-tħejjija u r-reżiljenza ta’ komunitajiet vulnerabbli sabiex ikunu jistgħu jadattaw aħjar għal diżastri, u b'hekk jitnaqqas l-impatt devastanti fuq il-popolazzjonijiet milquta u l-għajxien tagħhom.

Ukoll, l-impatt fit-tul fuq il-ħajjiet u l-għajxien bħala konsegwenza ta’ kriżijiet kbar, bħat-terremot f'Ħaiti fl-2010 u l-għargħar fil-Pakistan, jipprovdu deskrizzjoni ta’ kemm huwa kruċjali li jiġu indirizzati b’mod xieraq il-ħtiġijiet tar-riabilitazzjoni u l-iżvilupp aktar fit-tul, fl-istadji l-aktar bikrin tar-rispons umanitarju. Huwa biss jekk l-umanitarji u l-atturi tal-iżvilupp jaħdmu flimkien id f'id li se jkun hemm ċans li jitnaqqas l-impatt devastanti ta’ diżastri rikorrenti fuq il-prospetti għall-iżvilupp sostenibbli. F’dan ir-rigward, ix-xogħol tkompla fl-2011 fuq il-Kollegament bejn l-Għajnuna ta' Emerġenza, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD), pereżempju bl-ipprogrammar min-naħa tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-baġits tas-sigurtà tal-ikel f'ċerti reġjuni u kooperazzjoni mill-qrib mal-Istrument għall-Istabbiltà (miżuri fuq perjodu qasir) dwar irkupru bikri. L-isforzi magħmula jinkludu l-elaborazzjoni ta’ metodoloġija komuni u l-ittestjar tagħha, l-intensifikazzjoni ta' atturi umanitarji u ta’ żvilupp ta' ħidma konġunta u għadd ta’ approċċi innovattivi f’termini ta’ implimentazzjoni prattika fuq il-post.

3.           L-attivitajiet umanitarji u ta’ protezzjoni ċivili tal-UE fl-2011

Permezz tal-Kummissjoni (DĠ ECHO), l-UE pprovdiet għajnuna umanitarja tal-UE bbażata fuq il-ħtiġijiet sostanzjali u ffaċilitat il-provvediment tal-għajnuna in natura ta’ protezzjoni ċivili fl-2011 għal total ta’ EUR 1 154 miljun, magħmulin minn:

· Għajnuna umanitarja għal madwar 117-il miljun ruħ[3] f'91 pajjiż mhux fl-UE, li tirrappreżenta spiża medja ta' EUR 10 għal kull benefiċjarju;

· Rispons rapidu għal 18-il talba għall-għajnuna mill-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili, fi ħdan u barra mill-UE.

Il-baġit umanitarju inizjali ta’ EUR 853 miljun kien miżjud bosta drabi sabiex jirrifletti l-kriżijiet u d-diżastri naturali l-ġodda li seħħew matul is-sena, jiġifieri fil-kunflitt intern fil-Libja, il-kriżi wara l-elezzjoni fil-Côte d'Ivoire, il-ġuħ ikkawżat min-nixfa u kumplikat minħabba l-kunflitt fil-Qarn tal-Afrika, il-kunflitt fis-Sudan madwar l-indipendenza tas-Sudan t'Isfel u l-għargħar fil-Pakistan. Sabiex jiġu ssodisfati dawn il-ħtiġijiet addizzjonali, aktar finanzjament kien immobilizzat permezz ta’ trasferimenti ta’ fondi mir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza tal-UE, permezz tal-użu tal-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp riżervat għal għajnuna umanitarja fil-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u tal-Paċifiku, permezz ta’ kontribuzzjonijiet tal-EFTA[4] u ta’ trasferimenti minn linji oħra tal-baġit fi ħdan l-intestatura ta’ għajnuna esterna tal-baġit tal-UE (l-Intestatura 4).

Mill-finanzjament totali tal-UE pprovdut fl-2011, madwar 42% kien allokat għal kriżijiet imtawla, 38% kien meħtieġ biex jingħata rispons għad-diżastri naturali, u 20% kienu użati għal kriżijiet u interventi ad hoc.

Diżastri naturali komplew jikkawżaw tbatija umana u ħsara serja mad-dinja kollha fl-2011. Fl-ittrattar ta’ dan it-tip ta’ diżastru, il-Kummissjoni adottat strateġija fuq żewġ binarji:

· rispons rapidu, billi tipprovdi għajnuna umanitarja u billi tiffaċilita u tikkoordina l-assistenza tal-protezzjoni ċivili pprovduta mill-Istati Membri tal-UE u Stati oħrajn (tal-UE jew pajjiżi terzi) li qed jieħdu sehem fil-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili fuq bażi volontarja mal-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu;

· tħejjija għad-diżastri, billi tidentifika dawk iż-żoni ġeografiċi u popolazzjonijiet l-iktar vulnerabbli għad-diżastri naturali u li għalihom programmi speċifiċi dwar it-tħejjija għad-diżastri huma stabbiliti.

Fl-2011, il-Kummissjoni tat għajnuna umanitarja biex ikunu ffaċċati l-konsegwenzi tad-diżastri li ġejjin:

· Id-diżastru triplu tat-terremot u t-tsunami u l-isplużjoni nukleari fil-Ġappun;

· Nixfiet fl-Afrika tal-Punent (Burkina Faso, il-Mawritanja, il-Mali, in-Niġer, iċ-Ċad), fil-Qarn tal-Afrika (Ġibuti, l-Etjopja, il-Kenja, is-Somalja) u fl-Amerika Ċentrali u l-Amerika t’Isfel (il-Paragwaj, il-Bolivja, il-Ħonduras, El Salvador u l-Gwatemala);

· Għargħar fil-Pakistan, il-Bangladexx, l-Indja, is-Sri Lanka u l-Perù;

· Ċikluni/Uragani/Maltempati tropikali fl-Asja tax-Xlokk (il-Kambodja, il-Laos PDR, il-Filippini, it-Tajlandja, il-Vjetnam), fl-Amerika Ċentrali (El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, in-Nikaragwa) u fil-Karibew (St Luċija);

· Epidemiji fil-Kamerun.

3.1.        Interventi ta’ għajnuna umanitarja

Fl-2011, kriżi umanitarja serja żviluppat fil-Qarn tal-Afrika. Taħlita ta’ prezzijiet għoljin tal-ikel, staġuni tax-xita li ma seħħewx, żieda fl-ispostamenti ta’ popolazzjonijiet (prinċipalment minħabba kunflitt vjolenti fis-Somalja), u aċċess umanitarju ristrett, wasslu għal deterjorament rapidu fl-istatus tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni ta’ popolazzjonijiet vulnerabbli. Is-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar minħabba l-faqar sottostanti u l-abbiltà mnaqqsa sabiex ilaħħqu. Fit-tieni nofs tal-2011, aktar minn 13-il miljun persuna ġiet affettwata mill-kriżi. Il-Kummissjoni wieġbet billi mmobilizzat aktar minn EUR 181 miljun biex tgħin lill-gruppi tal-popolazzjoni l-aktar vulnerabbli fir-reġjun.

Lil hinn mir-rispons għad-diżastri, il-Kummissjoni qed tirsisti wkoll biex ittejjeb il-prevenzjoni u t-tħejjija għal diżastri, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn minnha, speċjalment f'reġjuni li huma suxxettibbli għal diżastri naturali. It-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u l-adattament għat-tibdil fil-klima kienu fokus ċar għall-finanzjament fl-2011. ECHO nieda l-programmi ġodda DIPECHO fin-Nofsinhar tal-Ażja, l-Amerika t'Isfel, il-Paċifiku u l-Karibew. Huwa integra wkoll it-tnaqqis tar-riskju f’operazzjonijiet ta’ għajnuna globali.

Safejn huma kkonċernati ‘kriżijiet ikkawżati mill-bniedem’, protesti politiċi fil-Libja wasslu għal gwerra ċivili, li fl-aħħar mill-aħħar irrikjediet kampanja militari tal-ajru mmexxija min-NATO biex tiġi protetta l-popolazzjoni ċivili. Il-kunflitt fil-Libja wassal għal kriżi kbira ta’ rifuġjati fil-fruntieri mat-Tuneżija u l-Eġittu, li kienu jeħtieġu l-għajnuna tal-UE għal rispons umanitarju u r-ripatrijazzjoni ta’ persuni li kienu qed jaħdmu fil-Libja li ħarbu mill-kunflitt. Il-kriżi post-elettorali tal-Côte d'Ivoire kompliet, u dan affettwa wkoll pajjiżi ġirien. Fl-Iraq, is-sitwazzjoni tas-sigurtà ilha sejra lura mill-elezzjoni parlamentari fis-7 ta’ Marzu 2010; ir-ribelli komplew jattakkaw pulizija u suldati, kif ukoll persuni ċivili, bi splużjonijiet tal-massa, fi sforz biex jimminaw il-fiduċja fil-forzi tas-sigurtà tal-Iraq, hekk kif truppi tal-Istati Uniti kienu qed iħejju biex jitilqu mill-Iraq sa tmiem l-2011.

Addizzjonalment ma' dawn il-kriżijiet, il-Kummissjoni kompliet tintervjeni f’bosta emerġenzi mtawla u kumplessi. Eżempji jinkludu dawn li ġejjin:

Is-Sudan u s-Sudan t'Isfel is-separazzjoni formali tas-Sudan f'żewġ pajjiżi kienet inizjalment paċifika, fejn is-Sudan t’Isfel sar il-196 pajjiż fid-dinja fid-9 ta’ Lulju 2011. Madankollu, kunflitt armat tul il-fruntiera l-ġdida qed ikompli jmur għall-agħar u negozjati diffiċli għadhom pendenti biex jiġu riżolti numru ta’ nuqqasijiet ta’ qbil pendenti (eż. tqassim tad-dħul miż-żejt, id-demarkazzjoni tal-fruntiera). Sadanittant, kien hemm aktar emerġenzi ġodda li wasslu għal żieda f’daqqa tal-ħtiġijiet umanitarji kemm fis-Sudan u kif ukoll fis-Sudan t’Isfel.

It-territorju okkupat tal-Palestina, fejn il-popolazzjoni tkompli tgħix taħt l-okkupazzjoni Iżraeljana fi tbatija severa u miżerja soċjali. Kriżi soċjoekonomika fit-tul, ikkaratterizzata minn restrizzjonijiet ħorox fuq il-moviment u l-issoktar tal-qerda tal-assi fiżiċi, wasslet għal żidiet kbar fil-faqar u l-qgħad. Fix-Xatt tal-Punent, it-tkabbir fl-attvitajiet ta' insedjament Iżraeljan, il-vjolenza mill-insjedaturi kontra l-Palestinjani, u l-ostaklu tas-sigurtà ikomplu jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum. Kontrolli stretti fuq id-dħul ta’ Palestinjani lejn l-Iżrael u Ġerusalemm tal-Lvant jibqgħu fis-seħħ, u l-bdiewa qed ikollhom diffikultà biex jaċċessaw l-art tagħhom ħdejn il-barriera tas-sigurtà u l-abitazzjonijiet. Eluf mis-sidien tad-djar jibqgħu jkunu mhedda minn ordnijiet pendenti tat-twaqqigħ u żieda fin-numru ta’ tkeċċijiet.

Fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fejn hemm 1.9 miljun persuna mċaqalqa minn popolazzjoni totali ta’ madwar 71 miljun, is-sitwazzjoni umanitarja għadha prekarja f'ħafna reġjuni. Hemm telf sinifikanti ta’ ħsad minħabba problemi ta' aċċess u kunflitt. Għad hemm ħafna persuni spustati internament fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar ta’ Kivu li huma milquta, fil-Lvant tal-pajjiż. Għalkemm kien hemm stabilizzazzjoni gradwali f’xi partijiet tat-Tramuntana ta’ Kivu, is-sitwazzjoni f’partijiet oħra marret serjament għall-agħar, li tagħmel is-sitwazzjoni ġenerali instabbli ħafna. Fil-Provinċja tal-Equateur, il-kunflitt bejn il-gruppi etniċi fi tmiem l-2009, segwit minn intervent mill-armata, wassal għal żieda sinifikanti ta’ spostament u ċaqliq ta’ refuġjati fir-Repubblika tal-Kongo u r-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR). L-attakki persistenti mill-Lord's Resistance Army (LRA) wasslu għal spustar massiv fi ħdan il-Provinċja Orientale u ċaqliq sinifikanti ta' refuġjati lejn is-CAR.

Minkejja impatt ogħla tal-effetti meħuda minn emerġenżi kumplessi matul l-aħħar ftit snin, u n-nuqqas ta’ rispett lejn il-prinċipji umanitarji u s-sikurezza u s-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji, hemm ukoll każijiet fejn is-sitwazzjoni umanitarja tjiebet. Pereżempju, hemm indikazzjonijiet li l-kundizzjonijiet tjiebu meta azzjonijiet umanitarji huma segwiti mill-qrib minn azzjonijiet għall-iżvilupp immirati xierqa[5].

3.2.        Operazzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili

Fir-rigward tal-protezzjoni ċivili, il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE kien attivat 18-il darba matul is-sena[6] (4 darbiet fi ħdan l-UE u 14-il darba ‘l barra mill-UE), biex joffri rispons għal avvenimenti bħal l-isplużjoni f’bażi navali f'Ċipru, nirien fil-foresti fil-Greċja u l-Albanija, għargħar fil-Pakistan, terremot fit-Turkija, it-terremot u t-tsunami fil-Ġappun. Barra minn hekk, iċ-ċittadini tal-UE u ċittadini ta’ pajjiżi terzi ġew evakwati matul il-kriżi fil-Libja. Espert ntbagħtu fl-UE u lil hinn minnha bħala parti minn tnax-il missjoni ta' valutazzjoni u koordinazzjoni.

Il-proposta għal Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ġiet adottata[7] mill-Kummissjoni fi tmiem l-2011. Din għadha qed tiġi diskussa mill-Kunsill u l-Parlament. Aktar dettalji jinsabu fit-taqsima 4 hawn taħt.

L-għan ta’ din il-proposta leġiżlattiva huwa li ssaħħaħ l-istrumenti tal-Mekkaniżmu. Fil-preżent, l-użu tal-assi tal-protezzjoni ċivili tal-UE huwa bbażat fil-biċċa l-kbira fuq offerti volontarji ad hoc minn 32 Stat parteċipant. Il-Kummissjoni biħsiebha timxi lejn sistema li hija ppjanata minn qabel u tippermetti li tittieħed azzjoni immedjata.

3.3.        Rizorsi umani u finanzjarji

ECHO għandu aktar minn 300 ruħ jaħdmu fil-kwartieri ġenerali tiegħu fi Brussell u aktar minn 400 f'44 uffiċċji lokali li jinsabu fi 38 pajjiż madwar id-dinja. Immedjatament wara diżastru, l-esperti umanitarji jkunu fuq il-post biex jagħmlu valutazzjoni tal-ħtiġijiet, u wkoll biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ proġetti umanitarji ffinanzjati mill-UE. Dan l-approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet huwa karatteristika ewlenija tal-għajnuna umanitarja tal-UE u kif inhi mqassma għal madwar 200 imsieħeb magħmula minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, organizzazzjonijiet internazzjonali oħra (bħalma huma l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Għaqdiet tas-Salib l-Aħmar (Red Crescent Societies) u xi aġenziji speċjalizzati minn Stati Membri tal-UE.

Huwa importanti għal ECHO li jkollu firxa wiesgħa ta' msieħba, peress li dan jippermettilu jkopri lista li dejjem qed tikber ta' ħtiġijiet f'partijiet differenti fid-dinja, ħafna drabi f'sitwazzjonijiet li qed ikunu dejjem aktar kumplessi. L-għotja u l-kontribuzzjonijiet ġestiti minn ECHO jsiru bl-għażla tal-aħjar proposti rċevuti. Fl-2011, il-finanzjament tqassam fost l-imsieħba tal-ECHO kif ġej: NGOs 50%, aġenziji tan-NU 36% u Organizzazzjonijiet Internazzjonali 14%.

L-organizzazzjonijiet umanitarji qed jaffaċċaw problemi li dejjem qed jiżdiedu ta’ kisba tal-aċċess għan-nies li jeħtieġu l-għajnuna. Dan huwa minħabba n-nuqqas ta’ spazju umanitarju mill-gvernijiet u l-gruppi armati li ma jagħtux każ lanqas tal-aktar protezzjoni bażika mogħtija mid-dritt internazzjonali umanitarju fuq naħa, u minħabba nuqqas ta' sigurtà fuq in-naħa l-oħra. B’mod li qed jiżdied, gvernijiet qed jimponu restrizzjonijiet fuq l-għoti ta' għajnuna umanitarja (eż. Sri Lanka). F'bosta żoni ta' kunflitti (eż. id-DRC, is-Somalja, is-Sudan) il-ħaddiema umanitarji huma xhieda ta' metodi partikolarment brutali ta' kif issir il-gwerra, inkluż, attakki fuq persuni ċivili u frekwentement l-użu ta' vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra.

L-inċidenza ta' attakki fuq ħaddiema għall-għajnuna umanitarja, inklużi ħtif, espulsjonijiet u qtil, jidhru li qed jiżdiedu. Id-donaturi jridu jaffaċċjaw il-fatt li mhux biss is-sigurtà tal-persunal umanitarju tkun f'riskju, iżda wkoll il-finanzjament u l-infrastruttura li dawn jipprovdu. Xi gvernijiet huma disposti li jmorru sal-estrem li jesproprjaw jew ‘jissellfu’ fondi u proprjetà ffinanzjati mid-donaturi u/jew ikeċċu lill-organizzazzjonijiet għall-għajnuna umanitarja ladarba dawn tkun itteħditilhom kull proprjetà.

4.           Politika ta' għajnuna umanitarja u ta' protezzjoni ċivili

Fil-livell ta’ politika, fl-2011 il-Kummissjoni ffukat fuq l-inizjattivi strateġiċi li ġejjin:

· Il-preżentazzjoni ta’ proposti leġiżlattivi dwar il-protezzjoni ċivili tal-UE bil-għan li jissaħħu b’mod sostanzjali l-istrumenti eżistenti. Fil-preżent, l-iskjerament ta’ timijiet tal-protezzjoni ċivili tal-UE hija bbażata fil-biċċa l-kbira tagħha fuq l-assi u offerti volontarji ad hoc minn Stati parteċipanti. Għalkemm il-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili tal-UE diġà għandu rwol importanti fis-sostenn, il-koordinament u l-ikkumplimentar tal-proċess ta' għajnuna reċiproka, il-Kummissjoni qed tipproponi li dawn jiċċaqalqu għal sistema li hija ppjanata minn qabel u immedjata. F'dan il-kuntest, il-preparamenti bdew sabiex jinħoloq Ċentru ta' Rispons għall-Emerġenzi aktar effiċjenti fl-2013, li ser ikun is-suċċessur taċ-ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC). Ser ikun Ċentru ġenwin miftuħ 24/7 kompletament żviluppat li jippermetti lill-UE biex tieħu rwol aktar proattiv fl-ippjanar, it-tħejjija, il-koordinazzjoni operazzjonali u l-appoġġ loġistiku.

· Passi biex jinħolqu Korpi Volontarji Ewropej ta’ Għajnuna Umanitarja, kif meħtieġ mit-Trattat ta' Lisbona (l-Artikolu 214 (5) TFUE). Fl-2011, l-ECHO nieda konsultazzjoni pubblika u valutazzjoni tal-impatt, kif ukoll it-tnedija ta’ proġetti pilota. Ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet se jikkontribwixxu lejn proposta għal qafas leġiżlattiv li jistabbilixxi l-Korpi mistennija li tiġi adottata fl-2012.

L-ECHO poġġa wkoll enfasi partikolari fuq il-prijoritajiet tal-politika orizzontali magħżula, skont l-impenji tal-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja[8] u l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu. Dawn il-prijoritajiet ta’ politika jinkludu, pereżempju, applikazzjoni ulterjuri tal-politika ta' għajnuna umanitarja tal-ikel tal-UE. In-negozjati għall-modernizzazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari saru f’dan l-isfond. Sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività tal-isforzi konġunti biex jilħqu l-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, il-Kummissjoni ffirmat Dikjarazzjoni ta’ Intenzjoni dwar "Kooperazzjoni Programmatika fuq is-sigurtà tal-Ikel u n-Nutriment" ma’ tliet aġenziji tan-NU: L-FAO, il-WFP u l-IFAD.

Il-Kummissjoni appoġġat azzjonijiet ta’ tħejjija għad-diżastri f’reġjuni suxxettibbli għal diżastri naturali, sabiex tgħin lill-komunitajiet lokali jirreaġixxu rapidament u b’mod effċjenti meta jseħħu d-diżastri, biex b’hekk setgħu ġew salvati l-ħajjiet ta’ bosta persuni. Dan l-appoġġ huwa pprovdut permezz tal-programmi DIPECHO mnedija fl-2010 u l-programmi ġodda fin-Nofisnhar tal-Asja, il-Paċifiku, l-Amerika t’Isfel u l-Karibew. Il-Kontribuzzjoni għat-tħejjija għad-diżastri tmur ferm lil hinn mill-pjanijiet ta’ azzjoni DIPECHO minħabba li bosta deċiżjonijiet ta’ ffinanzjar umanitarju jinkludu t-tħejjija għad-diżastri jew il-mitigazzjoni tal-impatti tad-diżastri bħala għanijiet. Il-mainstreaming huwa bbażat fuq attivitajiet relatati mal-appoġġ tal-infrastruttura, il-promozzjoni u l-kuxjenza pubblika, mitigazzjoni fuq skala żgħira, l-elenkar u l-komputerizzazzjoni tad-dejta, sistemi ta’ twissija bikrija, edukazzjoni, tisħiħ istituzzjonali u attivitajiet dwar it-tibdil fil-klima.

Taħt il-mandat tiegħu tal-protezzjoni ċivili, l-ECHO nkoraġġixxa u ffaċilita l-kooperazzjoni bejn 32 Stat[9] li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili (PĊ). Billi jagħmel dan, huwa jfittex li jtejjeb l-effettività tas-sistemi għall-prevenzjoni u l-protezzjoni kontra diżastri naturali, teknoloġiċi jew ikkawżati mill-bniedem fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni bdiet ukoll tiġbor informazzjoni bħala parti minn programm ta’ prattika tajba ta’ 18-il xahar għall-prevenzjoni tad-diżastri, li jiffoka fuq diżastri speċifiċi (terremoti, tsunami, għargħar, maltempati, nixfa u temperaturi għoljin) u miżuri orizzontali (bħal ma huma l-ippjanar u d-disinn tal-infrastruttura). L-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-PĊ jiżgura li n-nies, l-ambjent, il-proprjetà u l-wirt kulturali jkunu protetti aħjar fil-każ ta’ diżastri. Fil-qasam ta’ tħejjija, l-appoġġ tal-UE jiffoka fuq sistemi ta’ twissija bikrija, moduli u l-programm ta’ taħriġ tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili (iktar minn 890 espert kienu mħarrġa fl-2011 u kienu appoġġati erba’ eżerċizzi fuq skala reali). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tat appoġġ finanzjarju lil numru ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni għat-tħejjija (bit-twaqqaf ta’ tim għall-evakwazzjoni taċ-ċittadini, l-evakwazzjoni f'każ ta' inċident nukleari, is-sensibilizzazzjoni ta’ salvataġġ f’għerien u t-tindif max-xtut imniġġsa miż-żejt).

Għajnuna bbażata fuq riżorsi li huma magħmula disponibbli mill-Istati Membri ġiet provduta fi ħdan dawk il-pajjiżi tal-UE u dawk terzi milquta minn diżastri, bħala rispons għal talba mill-gvern tal-pajjiż ikkonċernat.

[1]               www.cred.be.

[2]               www.unisdr.org.

[3]               Li minnhom 105 miljun permezz ta’ għajnuna umanitarja u l-għajnuna alimentari u 12-il miljun permezz ta’ attivitajiet ta’ tħejjija għal diżastri.

[4]               L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.

[5]               Kif spjegat aktar b’eżempji konkreti fid-dokument ta’ akkumpanjament. Ara eżempji taċ-Ċad, il-Burundi/it-Tanżanija jew, fil-Kapitolu 3.9, dwar it-tranżizzjoni u r-reżiljenza.

[6]               18-il attivazzjoni, 3 twissijiet minn qabel u 6 talbiet ta’ monitoraġġ.

[7]               COM(2011)934 finali, adottata fl-20.12.2011.

[8]               Adottat mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni fit-18 ta’ Diċembru 2007 – ĠU 2008/C/25/01, tat-30.1.2008.

[9]               Is-27 Stat Membru tal-UE, in-Norveġja, l-Islanda, il-Liechtenstein, il-Kroazja u l-fYRoM.

Top