Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0446

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Protezzjoni Soċjali fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea

    /* COM/2012/0446 final */

    52012DC0446

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Protezzjoni Soċjali fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea /* COM/2012/0446 final */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Il-Protezzjoni Soċjali fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea

    1.           Għaliex hija importanti l-protezzjoni soċjali

    Il-faqar persistenti u vulnerabilità dejjem tiżdied

    L-Aġenda għall-Bidla[1] tfisser il-politika tal-UE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-futur. Issejjaħ, fost affarijiet oħra, għal approċċ iktar komprensiv fejn jidħol l-iżvilupp uman, is-sostenn ta’ access aħjar għal servizzi ta’ kwalità ta’ saħħa u ta’ edukazzjoni kif ukoll għal protezzjoni soċjali msaħħa b’appoġġ għal tkabbir inklużiv ikkaratterizzat mill-“abilità tal-persuni biex jipparteċipaw u jibbenefikaw mill-ġid u mill-ħolqien tal-impjiegi”.

    Fis-snin riċenti l-ekonomija dinjija rat tkabbir impressjonanti f’xi pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fl-Asja. Ħames pajjiżi b’popolazzjoni kbira laħqu l-istatus ta’ pajjiżi bi dħul medju (PDM). Madankollu, żewġ terzi mill-popolazzjoni dinjija fost l-ifqar 1.5 biljun persuna llum jgħixu f’pajjiżi bi dħul medju. Barra minn hekk, il-globalizzazzjoni ġiet assoċjata, b’mod aktar estiż, ma’ vulnerabilità akbar, mat-tħarbit tas-sistemi tradizzjonali ta’ solidarjetà u, f’xi każijiet, ma’ żieda fil-polarizzazzjoni soċjali. Għadd kbir ta’ ħaddiema każwali, informali u migranti m’għandhom l-ebda aċċess għal xi assikurazzjoni soċjali relatata mal-impjieg, jew xi forma oħra ta’ protezzjoni soċjali.

    Filwaqt li aktarx tintlaħaq l-mira tal-Għan ta’ Żvilupp tal-Millenju li l-proporzjon ta’ persuni li jgħixu fil-faqar estrem jonqos bin-nofs, ħafna unitajiet domestiċi għadhom vulnerabbli, u qed jgħixu kemm kemm 'l fuq mil-linja tal-povertà[2]. Fejn hemm faqar persistenti dan qed jiġi dejjem aktar assoċjat mal-esklużjoni u l-marġinalizzazzjoni bħala riżultat ta’ fatturi speċifiċi bħal ma huma l-iżolament ġeografiku, id-diżabilità, is-sess jew l-etniċità. Fil-pajjiż bi dħul baxx (PDB), b’mod partikolari, in-nuqqas ta' saħħa u l-mard, in-nutrizzjoni mhux adegwata, speċjalment fejn jidħlu t-tfal, in-nuqqas ta' ħiliet, b’mod partikolari għal żgħażagħ, in-nuqqas ta’ riżorsi xierqa u l-esponiment għal diversi skossi fil-mod kif jaqilgħu l-għajxien tagħhom ma jħallix lil miljuni ta’ persuni fqar li jipparteċipaw b’mod effettiv fis-suq tax-xogħol jew bħala imprendituri sabiex jaħarbu l-faqar. Il-kriżijiet globali fejn jidħol l-ikel, il-karburanti u dik finanzjarja komplew għarrqu dawn l-impatti fuq il-kwalità u s-sigurtà tal-għajxien u tal-impjieg tal-foqra.

    Il-protezzjoni soċjali b’sostenn għall-iżvilupp inklużiv

    Il-protezzjoni soċjali jista’ jkollha rwol kruċjali fit-tnaqqis tal-faqar u tal-vulnerabbiltà. Biż-żieda tal-ekwità – pereż. permezz ta’ trasferimenti soċjali u aktar aċċess għal servizzi soċjali bażiċi – u bl-għoti ta’ protezzjoni kontra r-riskji, il-protezzjoni soċjali tista’ tkun ta’ sostenn għat-tnaqqis tal-faqar u għat-tkabbir inklużiv, kif ukoll tkun ta’ sostenn għall-koeżjoni u l-istabbiltà soċjali. Madankollu, l-istess profili differenti ħafna tal-ekonomiji li qed jiżviluppaw, kif ukoll il-livelli għolja ta' informalità fis-swieq tax-xogħol tagħhom jippreżentaw xenarju differenti ħafna minn dak li fih kienu ġew stabbiliti l-biċċa l-kbira tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali fid-dinja żviluppata, u dan jitlob soluzzjonijiet innovattivi u mfassla apposta, ibbażati fuq ħtiġijiet u prijoritajiet speċifiċi għall-pajjiż.

    Il-protezzjoni soċjali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE fil-futur

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u s-soċjetà ċivili sejħu lill-Kummissjoni biex iħejju proposta dwar il-protezzjoni soċjali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE[3]. Ir-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2010 jappella biex il-protezzjoni soċjali ssir parti integrali tal-politika ta’ żvilupp tal-UE[4]. Fl-2011 il-Kummissjoni nediet proċess ta' konsultazzjoni li kkonferma r-relevanza u t-tempestività tal-iżvilupp ta’ qafas ta’ politika għal appoġġ futur tal-UE għall-protezzjoni soċjali.

    Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tispjega r-rwol tal-protezzjoni soċjali fl-irfid tal-iżvilupp inklużiv u sostenibbli u r-rwol tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE fis-sostenn tat-tisħiħ tal-linji ta’ politika u tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali.

    2.           X’Inhi il–Protezzjoni Soċjali u għal xiex tiswa?

    Id-definizzjoni ta’ ‘Protezzjoni Soċjali’

    Id-definizzjonijiet ta’ ‘Protezzjoni Soċjali’ jvarjaw ħafna madwar id-dinja. Xi approċċi huma normattivi ħafna, ibbażati fuq il-kunċett tal-protezzjoni soċjali bħala dritt kif stipulat fi strumenti tan-NU, inklużi l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), filwaqt li oħrajn jiffukaw aktar fuq il-funzjonijiet tal-protezzjoni soċjali fit-tkabbir ekonomiku u t-tnaqqis tal-faqar. Xi strateġiji għall-protezzjoni soċjali jenfasizzaw il-funzjonijiet tagħha biex jgħinu nies foqra jaħarbu mill-faqar, filwaqt li oħrajn jenfasizzaw ir-rwol tagħha fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġustizzja soċjali u mal-iżgurar ta’ sigurtà ta’ dħul, kwalità tal-edukazzjoni u kura tas-saħħa għal kulħadd. Il-protezzjoni soċjali tista’ tiġi ddefinita għalhekk bħala politiki u azzjonijiet li:

    · jsaħħu l-kapaċità tan-nies kollha, imma l-aktar tal-foqra u ta’ gruppi vulnerabbli, biex jaħarbu mill-faqar, jew biex jevitaw li jaqgħu fil-faqar, u jimmaniġġjaw aħjar ir-riskji u x-xokkijiet

    kif ukoll

    · għandhom l-għan li jipprovdu livell ogħla ta’ sigurtà soċjali permezz ta’ sigurtà tad-dħul u aċċess għal servizzi essenzjali (partikolarment, is-saħħa u l-edukazzjoni) matul perijodi attivi kif ukoll dawk mhux attivi u perjodi ta’ bżonn matul iċ-ċiklu tal-ħajja.

    L-obbligu għall-gvernijiet biex jipprovdu kopertura ta’ protezzjoni ċivili joħroġ mid-dritt għas-sigurtà soċjali mnaqqax fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948. L-istandards tas-sigurtà soċjali huma definiti mill-ILO, partikolarment fil-Konvenzjoni tas-Sigurtà Soċjali (Standards Minimi) tal-1952 (Nru 102), li ġiet kompletament jew parzjalment ratifikata minn sebgħa u erbgħin pajjiż, prinċipalment ta’ dħul għoli.

    Kif il-Protezzjoni Soċjali ssostni l-iżvilupp inklużiv

    Il-protezzjoni soċjali għandha l-potenzjal li tippromwovi l-iżvilupp inklussiv f’għadd ta’ modi:

    · Il-protezzjoni soċjali żżid l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, b’mod li ttejjeb is-saħħa, l-edukazzjoni u n-nutriment tan-nies tax-xogħol u t-tfal tagħhom, issostni l-parteċipazzjoni tal-foqra fl-ekonomija u tkattar il-produttività ta' min jaħdem.

    · Il-protezzjoni soċjali tista’ tipprovdi l-għodod għall-ġestjoni tar-riskju għal individwi u l-assi tagħhom, b’mod li tippermettilhom jiddefendu l-potenzjal tagħhom li jiġġeneraw id-dħul għat-tul kif ukoll li jagħmlu l-investimenti.

    · Il-protezzjoni soċjali tippromwovi l-istabilità tad-dħul u tista’ tistimula d-domanda għal prodotti u servizzi lokali, mhux l-anqas billi taġixxi bħala stabilizzatur makroekonomiku fi żminijiet ta’ taqlib ekonomiku.

    · Il-protezzjoni soċjali tnaqqas l-inugwaljanza, li tikkontribwixxi kemm għal tkabbir sostenibbli u inklużiv kif ukoll tista’ tgħin fit-tisħiħ tal-kuntratt bejn iċ-ċittadini u l-istat u tippromwovi l-inklużjoni soċjali, il-koeżjoni u responsabbiltà akbar.

    · Il-protezzjoni soċjali tista’ tipprovdi ekwità interġenerazzjonali billi tqassam il-benefiċċji soċjali tul iċ-ċiklu tal-ħajja mill-ġenerazzjoni li hija produttiva fil-preżent għal fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u l-anzjani. Dan jikkontribwixxi lejn is-sigurtà, l-istabilità fis-soċjetà u l-prevedibbiltà għall-individwu.

    Ir-rwol tal-politiki u miżuri ta’ protezzjoni soċjali fl-appoġġ għal tkabbir inklużiv u t-tnaqqis tal-faqar fil-livell nazzjonali huwa rifless fil-kontribut tagħhom lejn il-kisba tal-MDGs.

    Il-Protezzjoni Soċjali bħala sostenn għall-MDGs MDG 1: Faqar u ġuħ estrem             L-Għotja ta' Għajnuna għat-Tfal fl-Afrika ta’ Isfel kienet ta' kontribut biex id-diskrepanza tal-faqar tonqos b’47 fil-mija[5].       L-MDGs 2 u 3: Titjib fir-riżultati edukattivi anki skont is-sessi             Bejn l-1996 u l-2002/3, id-dħul nett ta’ bniet fl-iskejjel primarji fil-Bangladexx żdied minn 48% għal 86%. Ħafna riċerkaturi jattribwixxu dan fil-parti għall-programm ta’ stipendju għall-edukazzjoni tal-bniet, li kien appoġġjata minn fondi tal-UE[6].               L-MDGs 4, 5 u 6: Kura tas-saħħa mtejba u tnaqqis fil-mard      Il-programm Oportunidades fil-Messiku ikkombina trasferimenti ta’ flus u servizzi tas-saħħa b’xejn ma’ titjib fil-provvista ta’ servizzi tas-saħħa, li wassal għal tnaqqis ta’ 17% fil-mortalità tat-trabi fl-inħawi rurali fil-Messiku fuq medda ta' tliet snin[7].

    3.           Il-Protezzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea

    Impenn komuni iżda approċċi differenti

    Il-protezzjoni soċjali tinsab fil-qalba tal-mudell soċjali Ewropew. Il-politika tal-protezzjoni soċjali hija ġeneralment ir-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Madankollu, fil-livell tal-UE ġie stabbilit il-‘Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni’, proċess volontarju għal kooperazzjoni politika bbażat fuq ftehim dwar għanijiet komuni u indikaturi komuni. Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jvarjaw ħafna madwar l-Unjoni. Madankollu, l-Istati Membri tal-UE kollha huma fil-prinċipju impenjati li jipprovdu aċċess universali għall-protezzjoni soċjali kontra r-riskji ewlenin tal-ħajja, f’konformità mal-garanzija li hemm fl-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali Ewropej servew ta’ lqugħ importanti kontra l-faqar ġej mir-riskji u mid-dħul, kif ukoll illimitaw l-inugwaljanza fl-Ewropa, iżda d-diffikultajiet ekonomiċi persistenti minħabba l-kriżi finanzjarja qajmu mistoqsijiet diffiċli dwar kemm huma sostenibbli u effiċjenti. Bi tweġiba, l-UE qed tipprova tiżviluppa modi ġodda ta’ kif jitwasslu livelli għolja ta’ protezzjoni soċjali b’anqas spejjeż, inkluż b’enfasi akbar fuq l-attivazzjoni ta’ żgħażagħ u anzjani. ‘Ewropa 2020’, l-istrateġija tal-UE għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, tnediet fl-2010 immirata lejn żieda fl-impjieg u tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Dawn huma s-suġġett ta’ monitoraġġ u analiżi dettaljati permezz tas-Simestru Ewropew, li nbeda fl-2011 sabiex tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politiki għall-irkupru u t-tkabbir.

    4.           Il-protezzjoni soċjali fl-ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw

    L-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu spiss ikkaratterizzati minn livelli għolja ta’ informalità, ta’ bażi baxxa tat-taxxa fuq id-dħul, allokazzjonijiet baġitarji relattivament baxxi fejn tidħol il-protezzjoni soċjali u sistemi ta’ assigurazzjoni soċjali frammentati ħafna li ġeneralment ikunu ta’ benefiċċju għal minoranza żgħira biss fis-settur formali. Bħala medja, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jonfqu madwar kwart ta’ dak li jonfqu l-ekonomiji avvanzati fejn tidħol il-protezzjoni soċjali. Konsegwentement madwar id-dinja huwa biss madwar 20% tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol li għandu aċċess għal protezzjoni soċjali komprensiva.

    Fil-pajjiżi ta’dħul medju, l-isfidi huma li titwessa’ l-kopertura u li tittejjeb l-effiċjenza.

    F’ħafna pajjiżi ta’ dħul medju, l-elementi ta’ sistema moderna ta’ protezzjoni soċjali diġà ġew stabbiliti hekk kif iddaħħlu xi elementi tal-assigurazzjoni soċjali. Madankollu, il-kopertura – partikolarment ta’ skemi kontributorji – hija ġeneralment tant baxxa li hija parti relattivament ċkejkna tal-popolazzjoni li tibbenefika, prinċipalment dawk li jaħdmu fl-ekonomija formali. F’dawn il-kuntesti, l-isfida ewlenija hija li tiġi estiża l-kopertura, partikolarment għal dawk fl-ekonomija informali.

    Il-pajjiżi bi dħul medju għandhom it-tendenza wkoll li jħaddmu għadd ta’ programmi diskreti ta’ assistenza soċjali mfassla biex jilħqu gruppi speċifiċi, bħall-fqar, u jżidu l-aċċess tagħhom għal servizzi bażiċi. L-effettività ta’ dawn l-iskemi tvarja ferm, għalkemm l-evidenza kemm mill-Asja kif ukoll mill-Amerika Latina tindika li programmi mfassla tajjeb jistgħu jkunu ferm effettivi biex jintlaħqu l-foqra u gruppi vulnerabbli oħrajn.

    Barra minn hekk, il-gvernijiet komunement użaw sussidji għall-enerġija u/jew kontrolli tal-prezzijiet bħala mezz biex jipprovdu protezzjoni tad-dħul nozzjonali għal partijiet tal-popolazzjoni. Madankollu, huwa fatt li dawn il-politiki huma għalja, rigressivi u ineffiċjenti.

    Fil-pajjiżi ta’ dħul baxx, il-finanzjament u l-kapaċità istituzzjonali huma x-xkiel ewlieni

    Fil-pajjiżi bi dħul baxx, l-għoti tal-protezzjoni soċjali huwa ħafna drabi saħansitra aktar ristrett minħabba n-nuqqas relattiv ta’ riżorsi u, kritikament, id-dgħufija tal-istituzzjonijiet pubbliċi. F’kuntest ta’ industrijalizzazzjoni limitata u ta’ popolazzjonijiet rurali kbar, ħafna miċ-ċittadini jibqgħu mhux koperti minn metodi organizzati ta’ protezzjoni soċjali u huma vulnerabbli għal xokkijiet, għalkemm il-familja u n-netwerks informali oħra jistgħu jipprovdu kumpens parzjali. Programmi ta’ trasferiment soċjali – sew jekk immirati sew jew le, kundizzjonali jew mhux kundizzjonali – jibqgħu l-forma dominanti ta’ protezzjoni soċjali bid-donaturi sikwit jaqdu rwol importanti fit-tfassil u l-finanzjament tagħhom. Programmi bħal dawn ikunu spiss frammentati u ħafna naqsu milli jiżviluppaw f’sistemi sostenibbli, tal-gvern. Konsegwentement, l-esklużjoni totali u inugwaljanza kbira fejn jidħol aċċess għall-protezzjoni soċjali jibqgħu fatturi ewlenin.

    L-isfida komuni: finanzjament sostenibbli, estensjoni tal-kopertura, il-bini tal-kapaċità

    Minkejja dawn il-limitazzjonijiet, tinsab għaddejja bidla importanti fl-attitudnijiet. Fejn kibru l-ekonomiji, id-domanda miċ-ċittadini għall-protezzjoni soċjali żdiedet ukoll u l-gvernijiet huma taħt pressjoni biex jirrreaġixxu. Madankollu l-isfida għalihom hija kemm dik li jfasslu programmi ta’ protezzjoni soċjali li jkollhom kopertura aħjar - u għalhekk jindirizzaw kwistjonijiet ta’ ekwità - iżda wkoll li jħaddmuhom b’aktar effiċjenza u b’modi li jkunu fiskalment fattibbli u sostenibbli. Barra minn dan, il-mod li bih il-gvernijiet ikunu jistgħu jirreaġixxu jiddependi mhux biss fuq l-iffinanzjar – u l-abbiltà għall-ġenerazzjoni tad-dħul mit-taxxi jew li jiġu mmobilizzati l-kontribuzzjonijiet aktar milli jistrieħu fuq id-dejn jew l-iffinanzjar mid-donaturi – iżda wkoll fuq il-kapaċità istituzzjonali ta’ pajjiż u l-faċilità li biha din tkun tista’ tintuża għall-protezzjoni soċjali.

    Impenn imġedded mill-komunità internazzjonali

    Bi tweġiba għal dawn l-isfidi kien hemm imbuttatura ġdida biex jissaħħaħ l-impenn tal-komunità internazzjonali fil-promozzjoni tal-protezzjoni soċjali. Dan huwa rifless fl-inizjattiva dwar il-Protezzjoni Soċjali Bażika (Social Protection Floors –SPF) żviluppata b’inizjattiva tat-tmexxija tal-ILO, li ngħata appoġġ qawwi mill-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol (ILC) tal-2011 u fil-Laqgħat Għolja tal-G20 tal-2011 u tal-2012. Fl-2012 il-mexxejja tal-G20 qablu wkoll li jgħinu lill-pajjiżi ta’ dħul baxx fil-bini tal-kapaċità għall-implimentazzjoni ta’ SPFs nazzjonali permezz ta’ koerenza politika, kordinazzjoni, koperazzjoni u l-qsim tal-għarfien. Ir-‘Rakkomandazzjoni dwar is-Sistemi Nazzjonali ta’ Protezzjoni Soċjali Bażika’, li tipprovdi gwida dwar l-implimentazzjoni progressiva ta’ protezzjoni soċjali bażika bħala element fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali inklużivi, ġie adottat fl-ILC tal-2012.

    Filwaqt li l-SPF hija inizjattiva globali u hija bbażata fuq sett ta’ prinċipji, li huma espressi bħala garanziji, mhix approċċ li jixraq f’kull sitwazzjoni. It-tfassil u l-implimentazzjoni tal-SPFs hija kwistjoni għal kull pajjiż skont strutturi speċifiċ-nazzjoni istituzzjonali, limitazzjonijiet ekomomiċi, dinamiċi politiċi u aspirazzjonijiet soċjali.

    Protezzjoni Soċjali Bażika Il-protezzjoni soċjali bażika tikkomprendi sett bażiku ta’ garanziji soċjali għal kulħadd (id-dimensjoni orizzontali) u l-implimentazzjoni gradwali ta’ standards ogħla (id-dimensjoni vertikali) bħala sett integrat ta’ politiki soċjali mfasslin biex jiggarantixxu s-sigurtà tad-dħul u l-aċċess għal servizzi soċjali essenzjali għal kulħadd, b’attenzjoni partikolari għal gruppi vulnerabbli u l-protezzjoni u l-ogħti tas-setgħa lin-nies tul iċ-ċiklu tal-ħajja[8]. Ir-rakkomandazzjoni dwar il-Protezzjoni Soċjali Bażika adottata fl-ILC tal-2012 tiddikjara li l-protezzjoni soċjali bażika għandha tinkludi għall-inqas il-garanziji ta’ sigurtà soċjali bażiċi li ġejjin: (a) aċċess għal sett ta’ prodotti u servizzi definit nazzjonalment, li jikkostitwixxi kura tas-saħħa essenzjali, inkluża l-kura tal-maternità, li tissodisfa l-kriterji ta’ disponibilità, aċċessibilità, aċċettabilità u kwalità; (b) sigurtà ta’ dħul bażiku għat-tfal, għall-inqas sa livell minimu definit nazzjonalment, li jipprovdi aċċess għan-nutriment, l-edukazzjoni, il-kura u u kwalunkwe prodott u servizz ieħor neċessarju; (c) sigurtà ta’ dħul bażiku, għall-inqas sa livell minimu definit nazzjonalment, għal persuni f’età attiva li ma jkunux f’pożizzjoni li jaqilgħu dħul biżżejjed, b’mod partikolari f’każijiet ta’ mard, qgħad, maternità u diżabilità; kif ukoll (d) sigurtà ta’ dħul bażiku, għall-inqas sa livell minimu definit nazzjonalment, għal persuni anzjani[9].

    5.           Id-direzzjoni futura tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE b’sostenn għall-protezzjoni soċjali fil-pajjiżi msieħba.

    L-ekwità, l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni soċjali

    L-għan tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE fis-sostenn tal-protezzjoni soċjali huwa li jtejjeb l-effiċjenza u l-ekwità fl-għoti tagħha, filwaqt li tiġi appoġġjata l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni, bħala l-bażi essenzjali ta’ tkabbir sostenibbli, inklużiv, u t-tnaqqis tal-faqar. Dawn l-għanijiet joħorġu b’mod naturali mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    It-tqegħid tal-protezzjoni soċjali fiċ-ċentru tal-istrateġiji ta’ djalogu dwar strateġiji nazzjonali għall-iżvilupp

    L-UE tfittex li tinkludi protezzjoni soċjali fid-djalogi ta’ politika tagħha ma’ pajjiżi msieħba dwar l-istrateġiji ta’ żvilupp nazzjonali tagħhom u għandha tkompli tippromwovi u tassisti l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali speċifiċi għall-kuntest li huma effiċjenti, ġusti u sostenibbli.

    Id-djalogi ta’ politika ma’ gvernijiet sħab għandhom jiżguraw li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jkunu sostnuti minn prinċipji li jimmiraw li jiksbu aċċess ugwali u universali għall-protezzjoni soċjali tul ħajjet in-nies, b’attenzjoni partikolari għall-aktar nies vulnerabbli u żvantaġġjati, bħal tfal u persuni b’diżabbiltà.

    L-appoġġ tal-politiki u l-programmi nazzjonali

    L-UE għandha tappoġġja l-iżvilupp ta’ politiki u programmi ta’ protezzjoni soċjali b’responsbilità nazzjonali, inkluża protezzjoni soċjali bażika, filwaqt li tfittex li tippromwovi prattika tajba fit-tfassil tal-politika u t-tfassil u l-iżvilupp tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali. Prattika tajba tista’ tipikament tinkludi manuvri biex jiġu razzjonalizzati u unifikati sistemi maħsuba sabiex itejbu l-effiċjenza u tiġi żviluppata bażi aħjar biex tiġi stabbilita kopertura usa’ u aktar effettiva, inkluż permezz ta’ moviment minn xbieki protettivi selettivi li jiswew għal żmien qasir lejn sistemi komprensivi. Il-politiki għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet speċifiċi u l-prijoritajiet ta’ pajjiżi sħab individwali.

    Riforma tad-dħul għal spazju fiskali

    Protezzjoni soċjali effettiva u sostenibbli għandha finalment tkun ibbażata fuq ridistribuzzjoni tal-ġid intern aktar milli internazzjonali. Is-Sħubija ta’ Busan għal Koperazzjoni Effettiva fl-Iżvilupp[10] tappella biex l-introjti tal-gvernijiet sħab stess jaqdu rwol akbar fl-iffinanzjar tal-ħtiġijiet ta’ żvilupp sabiex jitnaqqas il-faqar u jseħħ progress lejn il-kisba tal-MDGs, filwaqt li tissaħħaħ is-sostenibbiltà permezz ta’ anqas dipendenza fuq l-għajnuna barranija. F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-2010 dwar it-Tassazzjoni u l-Iżvilupp[11] u mal-prinċipji tal-governanza tajba fil-qasam tat-tassazzjoni, l-UE se tappoġġa miżuri effettivi sabiex tiżviluppa sistemi ta’ taxxa effikaċji, ġusti u sostenibbli, skont il-kapaċitajiet ta’ pajjiżi sħab individwali, sabiex jiżdied l-ispazju fiskali li jiffinanzja l-protezzjoni soċjali. Dan jista’ jinkludi l-bini tal-kapaċità għal riforma fl-amministrazzjoni tat-taxxa u s-sistemi tad-dħul biex tittejjeb il-bażi tat-taxxa kif ukoll is-sostituzzjoni ta’ sussidji rigressivi b’miżuri ta’ protezzjoni soċjali aktar effettivi.

    Bini ta’ kapaċità għal istituzzjonijiet b’saħħithom

    It-twaqqif ta’ qafas legali u istituzzjonali xieraq hija sfida ewlenija biex ikun hemm l-għoti ta’ kopertura effettiva u effiċjenti ta’ protezzjoni soċjali. L-UE għandha tissokta bl-appoġġ tagħha lil pajjiżi sħab permezz ta’ kooperazzjoni teknika, fit-twaqqif tal-qafas strateġiku, politiku, legali u istituzzjonali, ibbażat fuq l-analiżi lokali u l-prijoritajiet tagħhom. L-UE għandha wkoll tkompli tappoġġja l-bini ta’ kapaċitajiet istituzzjonali fil-livelli kollha (nazzjonali, provinċjali, lokali; tal-gvern u mhux tal-gvern) sabiex jiġu żviluppati u msaħħa l-kapaċitajiet amministrattivi u implimentattivi tal-gvernijiet, tal-aġenziji implimentattivi, tal-imsieħba soċjali u ta’ atturi mhux tal-istat.

    Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali jistgħu jbatu minn livelli għolja ta’ ħela. Għaldaqstant, l-appoġġ se jkollu wkoll jindirizza kwistjonijiet ta’ governanza tajba u ġestjoni finanzjarja pubblika, mhux l-anqas sabiex titnaqqas il-frodi, il-prattika ħażina u l-ħela, kif ukoll titmexxa ’l quddiem ir-responsabbiltà.

    Il-valur miżjud tal-UE f’kooperazzjoni teknika

    L-UE akkumulat minjiera ta’ esperjenzi u strateġiji fil-qasam tal-protezzjoni soċjali. Id-differenzi bejn l-Istati Membri tal-UE fejn jidħlu l-iffinanzjar tal-protezzjoni soċjali, il-livelli ta’ kopertura, is-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ konsenja, joffru firxa wiesgħa ta’ esperjenzi u għarfien li jistgħu jipprovdu bażi soda għall-bini tal-kapaċità u konsulenza politika f’appoġġ għall-pajjiżi sħab. Fejn ikun rilevanti, l-UE għandha wkoll tiffaċilita l-koperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar, bil-kondiviżjoni ta’ esperjenzi u riċerka.

    Il-Kummissjoni se tagħmel aktar użu ta’ għodod eżistenti, bħal TAIEX, u tiżviluppa għodod ġodda biex tippermetti mobilitazzjoni rapida ta’ prattikanti esperti kemm mill-Ewropa kif ukoll minn pajjiżi terzi rilevanti f’paradigma ta’ koperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar jew trijangolari.

    Appoġġ għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol u għall-impjiegi

    Il-protezzjoni soċjali effettiva għandha ukoll tinkludi jew tkun mill-qrib assoċjata ma’, miżuri li jippermettu lill-benefiċjarji li jipparteċipaw f’attività ekonomika u f’impjiegi produttivi. Ir-rwol essenzjali ta’ impjiegi produttivi u xogħol deċenti fit-tnaqqis tal-faqar huwa mniżżel ċar fl-ewwel MDG, kif ukoll fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Promozzjoni tal-Impjieg permezz tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp tal-UE[12].

    L-UE għandha tappoġġja lill-gvernijiet nazzjonali fl-iżvilupp ta’ programmi ta’ impjiegi, ta’ skemi ta’ ħolqien tal-impjiegi, u ta’ appoġġ għall-imprenditorija. Għandha wkoll tappoġġja d-djalogu soċjali u l-istandards tax-xogħol skont l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti[13] u l-provvista ta’ protezzjoni soċjali fil-kuntest ta’ swieq tax-xogħol informali ħafna, inklużi approċċi innovattivi bħall-iskemi ta’ mikroassigurazzjoni. L-UE għandha tappoġġja wkoll programmi nazzjonali sabiex jittejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg ta’ gruppi vulnerabbli u marġinalizzati, bħall-persuni b’diżabbiltajiet.

    Jiddaħħlu s-soċjetà ċivili u s-settur privat

    Filwaqt li l-gvernijiet għandhom ir-responsabbiltà ewlenija għall-politika u l-għoti tal-protezzjoni soċjali, hemm xi sitwazzjonijiet li fihom l-iskemi ta’ protezzjoni soċjali jkunu jistgħu l-aħjar jiġu kkonsenjati permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati. Fl-appoġġ tagħha għall-iżvilupp tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali l-UE għandha tirrikonoxxi r-rwol importanti li għandhom fornituri tas-servizz tas-settur privat u ta’ entitajiet mhux governattivi. L-inizjattiva tal-UE fir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tistà tappoġġja s-settur privat f’pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jimplimentaw linji gwida internazzjonali rilevanti sabiex jiksbu tkabbir aktar inklussiv u sostenibbli u aktar żvilupp.

    Is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandhom jingħataw is-setgħa u jiġu mħeġġa biex jissieħbu mal-Istat fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Il-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tgħin fil-promozzzjoni tal-effiċjenza fil-forniment kif ukoll għal konsultazzjoni u inklużjoni usa’. Dawn jistgħu jaqdu rwol kruċjali bħala sostenituri tal-protezzjoni soċjali kif ukoll billi jirresponsabilizzaw lill-komunitajiet u lill-individwi, partikolarment l-iżvantaġġjati u lill-esklużi, billi jitqajjem l-għarfien u tittejjeb l-informazzjoni. F’xi każijiet, jistgħu wkoll jgħinu fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-iskemi ta’ protezzjoni soċjali.

    Appoġġ għal Protezzjoni Soċjali Trasformattiva

    L-approċċi trasformattivi jestendu l-kunċett tal-protezzjoni soċjali biex tkun tinkludi ‘żoni bħalma huma l-ekwità, ir-responsabbilizzazzjoni u d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, aktar milli tillimita l-ambitu tal-protezzjoni soċjali għal trasferimenti mmirati ta’ dħul u ta’ konsum’[14]. Din jallinja sew mal-valuri li jirfdu l-iżvilupp tal-protezzjoni soċjali fl-UE u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE għandha għalhekk tappoġġja strateġiji bħal dawn. Kien hemm, madankollu, ftit riċerka dwar l-effettività tagħhom u għalhekk l-UE għandha tikkunsidra l-appoġġ għal riċerka operattiva li tiddokumenta l-prattika tajba u tiġġenera xhieda dwar l-impatti tal-protezzjoni soċjali trasformattiva sabiex tinbena bażi ta’ għarfien sod għall-azzjoni.

    Is-sessi fil-Protezzjoni Soċjali

    ‘In-nisa u l-irġiel jiffaċċjaw riskji u vulnerabiltajiet differenti, xi wħud speċifiċi għas-sess tagħhom u oħrajn aggravati minn inugwaljanzi u diskriminazzjoni bejn is-sessi’[15]. Biex jiġi żgurat li l-irġiel u n-nisa jibbenefikaw bl-istess mod, is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jridu jindirizzaw ir-riskji assoċjati maċ-ċiklu tal-ħajja tan-nisa u l-piz ta’ kura li jkollhom, kif ukoll l-ostakoli li n-nisa jaffaċċjaw biex ikollhom aċċess għax-xogħol. L-UE għandha tassigura li l-preokkupazzjonijiet relatati mas-sess ta’ persuna jkunu indirizzati fil-politika tal-protezzjoni soċjali u fit-tfassil tal-programmi.

    6.           L-Ipprogrammar tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Modalitajiet

    Il-modalitajiet kollha tal-għajnuna huma rilevanti għall-appoġġ tal-iżvilupp, skont il-kuntest u l-għan tal-appoġġ. F’konformità tal-Aġenda għall-Bidla, il-protezzjoni soċjali tista’ tintgħażel bħala wieħed mis-setturi ta’ kooperazzjoni f’programmi individwali reġjonali jew għall-pajjiż kollu, jew tkun preżenti bħala dimensjoni fi programmi settorjali oħra (eż. l-impjiegi, is-saħħa, l-edukazzjoni, is-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura u l-iżvilupp tas-settur privat, eċċ). Il-protezzjoni soċjali tista’ wkoll tiġi appoġġata permezz ta’ programmi tematiċi, li għandhom jikkomplementaw il-programmi ġeografiċi.

    L-approċċi settorjali[16] jistgħu jkunu modalità partikolarment xierqa għall-appoġġ tal-protezzjoni soċjali, minħabba l-użu tagħhom ta’ sistemi u proċessi ta’ pajjiżi msieħba u l-fatt li huma msejsa fuq id-djalogu politiku.

    L-appoġġ baġitarju[17], akkumpanjat minn djalogu ta’ politika, jista’ jkun ta’ għajnuna fl-inċentivar ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jkunu integrati bis-sħiħ fil-proċssi nazzjonali ta’ ppjanar tal-baġit u ta’ ppjanar f’qafas ta’ responsabbiltà mill-gvern lejn il-parlament u l-poplu.

    7.           Sħubijiet ta’ Zvilupp differenzjati

    L-Aġenda għall-Bidla tipproponi approċċ tal-UE differenzjat biex jgħin fl-allokazzjoni u fit-tisħib. L-appoġġ għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali huwa relevanti kemm għall-pajjiż bi dħul baxx kif ukoll medju, iżda l-pajjiżi bi status ta’ dħul medju se jkollhom kapaċità fiskali u istituzzjonali akbar minn dik ta’ dawk bi dħul baxx. Xi wħud minn dawn il-pajjiżi se jkunu għaddew minn iffinanzjar fuq skala kbira ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE li jkun ingħata permezz ta’ programmi ġeografiċi bilaterali. Madankollu, l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali f’dawn il-pajjiżi, partikolarment fejn tidħol l-assistenza teknika, l-iskambji u r-riċerka operattiva kollaborattiva, jista’ jingħata permezz ta’ programmi reġjonali u tematiċi.

    Minħabba r-rwol kritiku li l-protezzjoni soċjali tista’ taqdi fl-indirizzar tal-livelli għoljin ta’ faqar u vulnerabilità li għadhom jeżisti f’ekonomiji emerġenti huwa wkoll essenzjali li l-protezzjoni soċjali tibqa’ punt ewlieni fid-djalogu politiku u ta’ politika tal-UE ma’ dawn is-sħab.

    Il-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tista’ tintuża biex jiġi ffinanzjat it-twaqqif u t-tisħiħ ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali, inkluż f’sitwazzjonijiet li jitolbu l-iżvilupp ta’ sistemi li jkunu jistgħu jiġu mwessa’ malajr biex jindirizzaw diżastri naturali rikorrenti. L-iffinanzjar ta’ benefiċċji jew trasferimenti ta’ protezzjoni soċjali jista’ jiġi ġġustifikat fi stati fraġli u f’sitwazzjonijiet ta’ wara l-kunflitt f’każijiet partikolari fejn il-protezzjoni soċjali tista’ taqdi rwol kritiku fl-għajnuna lil popli affettwati sabiex jirkupraw l-assi. Madankollu, l-UE għandha taħdem lejn l-iżvilupp ta’ sistemi bbażati fuq finanzjament domestiku.

    8.           Azzjoni kkoordinata tal-UE

    L-Aġenda għall-bidla ssejjaħ għal sforzi mġedda biex l-għajnuna tal-UE ssir iktar effettiva, inkluż permezz ta’ pprogrammar konġunt u l-iżvilupp ta’ qafas armonizzati ta’ riżultati. Konsultazzjonijiet mal-pajjiżi msieħba, l-Istati Membri tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali, imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u l-pubbliku inġenerali kollha taw l-appoġġ tagħhom għal koordinazzjoni ikbar mill-UE fl-appoġġ tal-protezzjoni soċjali fl-iżvilupp. Il-koordinazzjoni għandha sseħħ fuq il-livell lokali fil-pajjiżi msieħba.

    L-UE esprimiet l-appoġġ għall-kunċett ta’ limiti minimi ta’ protezzjoni soċjali li jitfasslu fuq bażi nazzjonali, kif adottati mill-100 sessjoni tal-ILC fl-2011, u kkontribwiet biex dan tħaddan mill-G20. Hija kkontribwiet lejn u sostniet l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar Protezzjoni Soċjali Bażika fl-ILC tal-2012. Il-kunċett ta’ SPF jista’ jipprovdi bażi definita sewwa biex fuqha jinbena appoġġ koordinat u, fejn possibbli, konġunt tal-UE għall-protezzjoni soċjali ma’ pajjiżi sħab li jiddeċiedu li jiżviluppawhom.

    L-UE tista’ wkoll tfittex li tipparteċipa f’inizjattivi globali, bħall-Bord bejn l-Aġenziji tal-Protezzjoni Soċjali li ġie propost mill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Iżvilupp tal-G20.

    9.           Koerenza mtejba fost il-politiki tal-UE.

    F’ekonomija globalizzata, il-koerenza fost il-politiki hija essenzjali. Id-dimensjoni esterna tal-politiki tal-UE jista’ jkollha impatt fuq il-protezzjoni soċjali f’pajjiżi msieħba. L-UE għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-politiki ta’ appoġġ għall-protezzjoni soċjali fil-politiki ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp u fil-politiki tal-UE rilevanti l-oħra kollha.

    L-UE hija impenjata li tippromwovi l-ftuħ għall-kummerċ u l-integrazzjoni fis-swieq dinjin bħala bażi għal tkabbir ekonomiku u żvilupp inklussiv u sostenibbli[18]. Aktar trasparenza tista’ twassal għal żieda fil-vulnerabbiltà għal dawk impjegati f’setturi li jistgħu ma jibqgħux kompetittivi, effett li jista' jittaffa jekk ikun hemm sistema effettiva ta’ protezzjoni soċjali. L-UE hija wkoll impenjata li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiżviluppaw approċċ aktar koerenti lejn il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma’ pajjiżi terzi[19].

    It-tranżizzjoni b’suċċess minn għajnuna umanitarja lejn koperazzjoni għal-iżvilupp se tkun tiddependi wkoll b’mod kritiku fuq it-twaqqif ta’ sistemi effettivi ta’ protezzjoni soċjali. L-integrazzjoni effettiva tal-għajnuna umanitarja u ta’ żvilupp għandha tiġi promossa f’konformità mal-Komunikazzjoni dwar ‘L-irbit bejn is-Solljev, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp”[20] biex jiġi żgurat li s-sistema internazzjonali ta’ għajnuna tkun topera b’mod konsistenti, koerenti u trasparenti biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet. Sistema ta’ protezzjoni soċjali effettiva għandha tiffaċilita l-mobilità tax-xogħol billi tassigura l-portabilità tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali għal ħaddiema migranti. Il-protezzjoni soċjali u l-miżuri ta’ adattament għall-bidla fil-klima wkoll għandhom jintrabtu mill-qrib sabiex inaqqsu l-vulnerabilità tal-foqra għall-effetti tat-tibdil fil-klima.

    [1]               COM (2011) 637, Konklużjonijiet tal-Kunsill 9316/12

    [2]               S. Chen u M. Ravallion, The developing world is poorer than we thought, but no less successful in the fight against poverty, WB, 2008

    [3]               Konklużjonijiet tal-Kunsill 11068/07, Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew 2011/2047.

    [4]               Ir-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2010, Social Protection for Inclusive Development, A new perspective in EU cooperation with Africa.

    [5]               DFID, Cash Transfers Evidence Paper, 2011.

    [6]               Unicef, Accelerating the MDGs with Equity, 2010.

    [7]               DFID, Cash Transfers Evidence Paper, 2011.

    [8]               ILO, Protezzjoni soċjali bażika għal globalizzazzjoni ġusta u inklużiva. Rapport tal-Grupp Konsultattiv għall-Protezzjoni Soċjali Bażika, 2011.

    [9]               ILO, l-Artikolu 5 tar-Rakkomandazzjoni dwar sistemi nazzjonali ta' Protezzjoni Soċjali Bażika, 2012.

    [10]             Ir-raba’ Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, Busan, il-Korea, Novembru 2011.

    [11]             COM(2010) 163, Konklużjonijiet tal-Kunsill 10349/10

    [12]             SEC(2007)495.

    [13]             COM (2006) 249, Konklużjonijiet tal-Kunsill 11068/07.

    [14]             S. Devereux u R. Sabates-Wheeler, Transformative social protection, IDS, 2004

    [15]             Promoting pro-poor growth: social protection, OECD 2009

    [16]             Approċċ skont is-settur huwa mod ta’ involviment fil-koperazzjoni għall-iżvilupp ibbażat fuq il-prinċipju ta’ appoġġ ikkoordinat għal programm ta’ żvilupp b’responsabbiltà lokali, bħal ma tkun strateġija nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar, jew programm għal xi settur.

    [17]             COM (2011) 638 Konklużjonijiet tal-Kunsill 9323/12

    [18]             COM (2012) 22 u l- Konklużjonijiet tal-Kunsill 7412/12

    [19]             COM(2012) 153.

    [20]             COM(2001) 153

    Top