Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0301

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro

/* COM/2012/0301 final - 2012/ () */

52012DC0301

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro /* COM/2012/0301 final - 2012/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[1],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[2],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Sa mill-ħolqien tiegħu, il-Grupp tal-Euro kellu rwol ċentrali u responsabbiltà speċjali fil-governanza ekonomika taż-żona tal-euro. Il-kriżi ekonomika indikat b'mod ċar l-interrelazzjonijiet mill-qrib fiż-żona tal-euro, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa għal qagħda aggregata koerenti ta' politika li tirrifletti r-riperkussjonijiet qawwija bejn il-pajjiżi li l-munita tagħhom hija l-euro u l-ħtieġa għal arranġamenti effettivi tal-koordinazzjoni fil-politika biex ikun hemm rispons rapidu għall-bidliet fl-ambjent ekonomiku.

(2)       Il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull wieħed mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi fil-livell nazzjonali u fl-istess ħin jikkostitwixxu element ċentrali biex jiġu ddeterminati l-istabbiltà u t-tkabbir fiż-żona tal-euro bħala entità sħiħa. L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro kkommettew rwieħhom ukoll li jwettqu sensiela ta' riformi politiċi estensivi addizzjonali taħt il-Patt Euro Plus, bil-għan li jħeġġu l-kompetittività, jippromwovu x-xogħol, jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u jsaħħu l-istabbiltà finanzjarja. Fit-2 ta' Marzu 2012, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u tmien Stati Membri oħra ffirmaw Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fejn qablu li jkun żgurat li jiddiskutu ex ante r-riformi kollha l-kbar tal-politika ekonomika li huma jkun beħsiebhom iwettqu u li, fejn ikun xieraq, jikkoordinawhom bejniethom. Il-koordinazzjoni ex ante fil-kuntest taż-żona tal-euro se tikkontribwixxi, kemm permezz tal-preżentazzjoni ta' abbozzi ta' pjanijiet tal-baġit kif ukoll permezz tad-diskussjoni dwar il-pjanijiet ta' riformi kbar tal-politika ekonomika, biex jitqiesu r-riperkussjonijiet li jirriżultaw mill-azzjonijiet nazzjonali fuq iż-żona tal-euro bħala entità sħiħa.

(3)       L-eżistenza ta' oqfsa baġitarji mfassla sew li jsaħħu l-governanza fiskali domestika hija element ewlieni fil-ġestjoni soda tal-finanzi pubbliċi, u tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fiż-żona tal-euro bħala entità sħiħa. F'Lulju u f'Ottubru 2011, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern taż-żona tal-euro, daħlu għall-impenn li diġà qabel tmiem l-2012, se jintroduċu oqfsa fiskali nazzjonali kif previst fid-Direttiva dwar l-oqfsa baġitarji nazzjonali, jiġifieri qabel l-iskeda prevista fid-Direttiva, u li se jisbqu r-rekwiżiti li jissemmew fiha. Barra minn hekk, permezz tal-iffirmar tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja fit-2 ta' Marzu 2012, l-Istati Membri taż-żona tal-euro flimkien ma' tmien Stati Membri li ma jagħmlux parti miż-żona tal-euro, daħlu għall-impenn li jsaħħu ulterjorment il-governanza fiskali nazzjonali tagħhom, notevolment billi jintroduċu regoli vinkolanti sabiex il-pożizzjoni baġitarja tal-gvern tilħaq l-objettiv għat-terminu medju.

(4)       Il-kisba tal-konsolidazzjoni fiskali tikkostitwixxi element ċentrali fl-istrateġija biex tingħeleb il-kriżi fiż-żona tal-euro. Il-qafas fiskali tal-UE jippermetti li jkun hemm differenzazzjoni fir-ritmu tal-konsolidazzjoni bejn l-Istati Membri skont l-ispazju fiskali u l-kundizzjonijiet makroekonomiċi tagħhom. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja jikkonċentraw fuq il-bilanċi strutturali u għaldaqstant dan jippermetti li jitqiesu l-effetti taċ-ċiklu u tal-miżuri ta' darba fuq il-bilanċi tal-baġit nominali. L-effikaċja tal-azzjonijiet adottati b'rispons għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-korrezzjoni tal-pożizzjonijiet ta' defiċit eċċessiv, se tiġi vvalutata f’termini strutturali. Kompożizzjoni adattata tal-konsolidazzzjoni hija kruċjali biex tissaħħaħ il-fiduċja fin-natura permanenti tal-konsolidazzjoni fiż-żona tal-euro u biex jiġi limitat l-impatt negattiv tagħha għal żmien qasir fuq it-tkabbir. Jeħtieġ li tingħata prijorità lin-nefqa li tiffavorixxi t-tkabbir, partikolarment in-nefqa fuq l-investimenti; f'diversi Stati Membri taż-żona tal-euro jistgħu jiġu identifikati proġetti ta' investiment produttiv fejn kemm ir-redditi privati kif ukoll dawk soċjali jkunu jeċċedu r-rati tal-imgħax baxxi li hemm bħalissa. Jeħtieġ li jiġu riformati b'mod urġenti d-drittijiet fuq tul ta' żmien, notevolment is-saħħa, biex dawn jirfdu s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Politika tat-taxxa xierqa, bħal pereżempju t-tneħħija tal-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol, l-estensjoni tal-bażijiet għat-taxxa u azzjoni aktar effettiva għal kontra l-evażjoni tat-taxxa, tista' tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni filwaqt li żżid il-kompetittività u toħloq kundizzjonijiet aħjar għat-tkabbir.

(5)       L-istabbiltà u l-funzjonament tajjeb tas-sistema finanzjarja huma prerekwiżiti biex jiġi evitat "xenarju ta' deċennju mitluf" ta' tkabbir bil-mod fiż-żona tal-euro u biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri. Huwa importanti li jiġi żgurat li d-diżingranar ulterjuri meħtieġ tal-karti tal-bilanċ tal-banek, jipproċedi b'mod regolarizzat u jkun konsistenti maż-żamma ta' fluss adegwat ta' kreditu għall-ekonomija reali. Sabiex jinħoloq kuntrast max-xejra emerġenti tal-frammentazzjoni finanzjarja, jeħtieġ li jsir progress ulterjuri fl-integrazzjoni tal-istrutturi u tal-prattiki superviżorji kif ukoll tal-ġestjoni tal-kriżijiet transkonfinali.

(6)       Ix-xoljiment regolarizzat tal-iżbilanċi makroekonomiċi fiż-żona tal-euro huwa kruċjali għal tkabbir u stabbiltà sostenibbli fiż-żona tal-euro. Il-proċess ta' tnaqqis fl-iżbilanċi beda, iżda dan jeħtieġ li jkompli għaddej b'ritmu kostanti. L-urġenza li jittieħdu azzjonijiet maħsuba biex jikkoreġu l-iżbilanċi, tinħass aktar fil-pajjiżi b'defiċit, fejn jeħtieġ li jsiru riformi li jtejbu l-kompetittività u li jiffaċilitaw ir-riallokazzjoni tar-riżorsi lejn setturi negozjabbli. Fl-istess ħin, il-pajjiżi li għandhom bilanċ favorevoli jistgħu jikkontribwixxu biex jibbilanċjaw mill-ġdid it-tneħħija ta' rabtiet regolatorji żejda u ta' rabtiet oħra li jillimitaw id-domanda domestika, l-attivitajiet mhux negozjabbli u l-opportunitajiet ta' investiment.

(7)       Prerekwiżit għall-iżvilupp ulterjuri tal-unjoni ekonomika huwa r-rikonoxximent tal-interdependenza bejn l-ekonomiji ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u tal-benefiċċji li jistgħu jirriżultaw mill-istabbiltà f'din l-unjoni monetarja għall-membri tagħha u għall-UE b'mod ġenerali. Għall-ġejjieni, jeħtieġ li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, japprofondixxu l-integrazzjoni tagħhom biex jiksbu unjoni ekonomika u monetarja sħiħa[3].

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu azzjoni, individwalment u kollettivament, mingħajr ħsara għall-kompetenzi tal-Kunsill fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, iżda b'mod partikolari fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-qafas tal-Grupp tal-Euro, fil-perjodu 2012-2013 biex:

1.           Isaħħu l-metodi ta' ħidma tal-Grupp tal-Euro illi jippermettulu li jassumi r-responsabbiltà għal qagħda aggregata ta' politika fiż-żona tal-euro, li jirreaġixxi malajr għall-bidliet fl-ambjent ekonomiku, u li jmexxi l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-kuntest tal-qafas imsaħħaħ ta' sorveljanza li japplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.           Jikkommettu rwieħhom għal kooperazzjoni politika ġenwina fil-Grupp tal-Euro billi jaqsmu l-informazzjoni bejniethom u billi jiddiskutu l-abbozzi tal-baġits u l-pjanijiet tar-riformi l-kbar li jkollhom riperkussjonijiet potenzjali fuq iż-żona tal-euro. Jiżguraw li jittieħdu r-riformi meħtieġa biex iż-żona tal-euro tkun stabbli u soda, inkluża l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li l-Kunsill ikun indirizza lil Stati Membri individwali li l-munita tagħhom hija l-euro u li, minbarra li jindirizzaw l-isfidi fil-livell nazzjonali, ikollhom impatt fuq iż-żona tal-euro bħala entità sħiħa.

3.           Isaħħu d-dixxiplina fiskali u l-istituzzjonijiet fiskali kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'dak sub-nazzjonali, li jwasslu biex tissaħħaħ il-fiduċja tas-suq fis-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fiż-żona euro għat-terminu medju u fit-tul. B'segwitu għall-ftehim li ntlaħaq bejn il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern taż-żona tal-euro f'Lulju u f'Ottubru 2011 u fit-2 ta' Marzu 2012, imexxu 'l quddiem it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-oqfsa baġitarji nazzjonali għall-aħħar tal-2012 u jsaħħu ulterjorment il-governanza fiskali, notevolment billi jintroduċu r-regoli għal baġit ibbilanċjat f’termini strutturali u l-mekkaniżmi awtomatiċi ta' korrezzjoni, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri kollha fiż-żona tal-euro.

4.           Jiggarantixxu qagħda fiskali aggregata koerenti ta' politika fiż-żona tal-euro billi jiksbu l-konsolidazzjoni fiskali kif stipulat fir-rakkomandazzjonijiet u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill, f’konformità mar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni makrofinanzjarja speċifika għall-pajjiż. L-Istati Membri affettwati minn premja tar-riskju għoljin u li jistgħu jiżdiedu għandhom jillimitaw id-devjazzjonijiet fir-rigward tal-miri tal-bilanċ nominali, anke f'kundizzjonijiet makroekonomiċi li jkunu agħar milli mistenni; l-Istati Membri l-oħra għandhom iħallu l-istabilizzaturi awtomatiċi jiffunzjonaw tul il-pjan ta' aġġustament ivvalutat f’termini strutturali u jkunu lesti li jirrevedu r-ritmu tal-konsolidazzjoni, f'każ li l-kundizzjonijiet makroekonomiċi jmorru iktar għall-agħar. Il-kompożizzjoni tan-nefqa u tad-dħul tal-gvern għandha tirrifletti l-impatt tal-partiti tal-infiq u tas-sorsi ta' dħul fuq it-tkabbir. B'mod partikolari, il-marġnijiet baġitarji kollha disponibbli għandhom jintużaw sabiex jitħeġġeġ l-investiment pubbliku fiż-żona tal-euro, anke billi jitqiesu d-differenzi fil-kost tal-finanzjament bejn pajjiż u ieħor.

5.           Jieħdu azzjoni biex itejbu l-funzjonament u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fiż-żona tal-euro. Iħaffu l-proċess li jwassal għal arkitettura finanzjarja aktar integrata, li tinkludi superviżjoni bankarja u riżoluzzjoni transkonfinali tal-kriżi.

6.           Jimplimentaw riformi strutturali li – flimkien mal-qagħda fiskali differenzjata – ikunu jippromwovu x-xoljiment regolarizzat tal-iżbilanċi makroekonomiċi fiż-żona tal-euro, inklużi l-azzjonijiet fil-livell nazzjonali li jirriflettu s-sitwazzjoni speċifika għall-pajjiż u li jqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għal Stati Membri individwali taż-żona tal-euro.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               COM(2012)301.

[2]               P7_TA (2012) 0048 u P7_TA (2012) 0047

[3]               Ara t-Taqsima 2.1 tal-COM (2012) 299

Top