Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0279

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2011

    /* COM/2012/0279 final */

    52012DC0279

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2011 /* COM/2012/0279 final */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2011

    1.           Sfond għar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-RTD

    Ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea jitħejja skont l-Artikolu 190 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    Għalkemm formalment mhix fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rapport, ġiet inkluża xi informazzjoni relatata mat-Trattat Euratom.

    2.           Il-kuntest politiku aktar mifrux fl-2011

    Fil-laqgħa tal-4 ta’ Frar tal-Kunsill Ewropew, il-kapijiet tal-Istati u tal-gvernijiet urew l-impenn tagħhom li jpoġġu r-riċerka u l-innovazzjoni fil-quċċata tal-aġenda politika għat-tkabbir u l-impjiegi. Matul żminijiet ekonomiċi ibsin, l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni huwa kruċjali biex tingħata spinta lill-investimenti li joħolqu l-impjieġi. Il-mexxejja tal-UE ħadu deċiżjoni kollettiva biex iżommu jew iżidu l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE.

    Il-Kunsill Ewropew sejjaħ ukoll għall-ħtieġa li jiġu indirizzati malajr l-ostakli li fadal biex tkun żgurata żona tar-riċerka unifikata fl-Ewropa biex tattira t-talent u l-investiment. It-tlestija taż-Żona Ewropea tar-Riċerka sal-2014 tkun tfisser il-ħolqien ta’ suq uniku ġenwin għall-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

    Barra minn hekk, il-kapijiet tal-Istat u l-gvernijiet appoġġaw il-kunċett ta’ Qafas Strateġiku Komuni għal finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE sabiex jiżguraw li l-firxa sħiħa tal-istrumenti ta’ finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni jaħdmu flimkien u sabiex titjieb l-effiċjenza fil-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE[1].

    Fil-Komunikazzjoni tagħha ‘Baġit għall-Ewropa 2020’[2] mid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) li jmiss għall-perjodu 2014-2020. Il-programmi u l-istrumenti inklużi fil-proposta tfasslu mill-ġdid sabiex jiġi żgurat li r-riżultati li joħroġ minnhom u l-impatti tagħhom ikunu qed imexxu ’l quddiem il-prijoritajiet ewlenin tal-politika tal-UE.

    Fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi Qafas Strateġiku Komuni uniku li jkopri l-oqsma tas-Seba' Programm Kwadru (FP7) preżenti u l-parti tal-innovazzjoni tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, kif ukoll l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT). Dan sabiex tindirizza sistematikament id-distakk sinifikanti fl-innovazzjoni li l-UE qed taffaċċa u sabiex isservi l-mira tal-istrateġija Ewropa 2020 li jiżdied l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp sa 3 % tal-PDG sal-2020.

    Il-kunċett ta’ qafas strateġiku komuni kien sussegwentement appoġġat mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2011[3].

    3.           Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

    Fit-30 ta’ Novembru 2011 il-Kummissjoni adottat il-pakkett Orizzont 2020[4] b'baġit ta’ investiment ta’ EUR 80 biljun[5] fir-riċerka u l-innovazzjoni biex jagħti spinta lit-tkabbir u l-impjiegi ġodda fl-Ewropa. Imfassal kompletament skont il-proposta MFF, Orizzont 2020 jappoġġa kompletament l-istrateġija Ewropa 2020, li identifikat ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala l-ixprunaturi ewlenin biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-programm ser ikun qed jopera bejn l-2014 u l-2020.

    Billi jlaqqa’ flimkien għall-ewwel darba l-finanzjament kollu tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE taħt programm uniku, Orizzont 2020 se jiffoka l-fondi fuq tliet għanijiet ewlenin. Dan ser:

    · Issaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE bħala mexxejja dinjija fix-xjenza. Dan se jipprovdi spinta għal riċerka tal-ogħla livell fl-Ewropa, inkluża żieda sinifikanti fil-finanzjament tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (KER);

    · Issaħħaħ l-innovazzjoni fit-tmexxija industrijali. Dan jinkludi investiment kbir f’teknoloġiji ewlenin, aċċess akbar għall-kapital u appoġġ għall-SMEs;

    · Jgħin jindirizza t-tħassib kbir kondiviż bejn iċ-ċittadini Ewropej kollha, madwar sitt temi ewlenin: Is-saħħa, it-tibdil demografiku u l-benesseri; Is-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura sostenibbli, ir-riċerka marittima u tal-baħar, u l-bijoekonomija; L-enerġija sigura, nadifa u effiċjenti; It-trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat; L-azzjoni klimatika, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-materja prima; u s-soċjetajiet inklussivi, innovattivi u siguri.

    Permezz ta’ firxa sħiħa ta’ appoġġ li huwa integrat madwar iċ-ċiklu tar-riċerka u l-innovazzjoni, Orizzont 2020 se jkun l-istrument ewlieni li jimplimenta l-Unjoni tal-Innovazzjoni, l-inizjattiva emblematika tal-Ewropa 2020 immirata li tisgura l-kompetittività globali tal-Ewropa. Se jiġi pprovdut appoġġ għall-istadji kollha fil-katina tal-innovazzjoni, speċjalment attivitajiet aktar qrib is-suq, inkluż strumenti finanzjarji innovattivi, kif ukoll innovazzjoni mhux teknoloġika u soċjali, u jimmira li jiżgura l-użu l-aktar mifrux possibbli u d-disseminazzjoni tal-għarfien iġġenerat mill-attivitajiet appoġġati sal-isfruttament kummerċjali tiegħu.

    Barra minn hekk, għadd ta’ miżuri konkreti se jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni qawwija tal-SMEs f’Orizzont 2020. Dan jinkludi strument ġdid tal-SME, li jibni fuq mudell tar-Riċerka tal-Innovazzjoni fin-Negozji ż-Żgħar, li jippermetti lill-SMEs biex iressqu l-iżjed ideat innovattivi tagħhom u jagħmilha aktar faċli għall-SMEs biex jaċċessaw il-programm.

    Il-kooperazzjoni internazzjonali wkoll se tiġi promossa aktar f’Orizzont 2020, u l-programm se jkun ikkumplimentat minn miżuri ulterjuri biex titlesta ż-Żona Ewropea tar-Riċerka sal-2014.

    Element ewlieni ieħor huwa simplifikazzjoni kbira. Il-finanzjament ta’ Orizzont 2020 se jkun aktar faċli biex wieħed jaċċessah minħabba l-arkitettura sempliċi tal-programm, sensiela unika ta’ regoli u anqas burokrazija. F'termini prattiċi, il-miżuri ta’ simplifikazzjoni ġew imfassla biex jonqsu l-ispejjeż amministrattivi tal-parteċipanti, biex jiġu aċċellerati l-proċessi kollha tal-amministrazzjoni tal-proposta u tal-għotja u biex jonqsu r-riskju tal-iżbalji. Dawn ir-regoli ta’ finanzjament sempliċi u l-istrateġija ta’ kontroll riveduta se jiksbu bilanċ ġdid bejn il-fiduċja u l-kontroll, kif mitlub mill-partijiet interessati kollha, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew.

    Bil-għan li jinkiseb l-akbar impatt possibbli tal-fondi tal-Unjoni, Orizzont 2020 se jiżviluppa sinerġiji mill-qrib ma’ programmi oħrajn tal-Unjoni bħal Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, ma’ programmi tar-riċerka u l-innovazzjoni nazzjonali u reġjonali, kif ukoll mas-settur privat f'oqsma ewlenin għall-benefiċċju tal-Ewropa.

    3.1.        Tħejjija tal-Orizzont 2020

    It-tħejjija tal-pakkett Orizzont 2020 ikkunsidrat b’mod sħiħ ir-reazzjonijiet għal konsultazzjoni pubblika estensiva bbażata fuq il-Green Paper, "Il-bidla ta’ sfidi f’opportunitajiet: lejn qafas strateġiku komuni għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE”[6]. L-Istati Membri u firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati mill-industrija, l-akkademja u s-soċjetà ċivili esprimew l-opinjonijiet tagħhom matul ir-rebbiegħa tal-2011.

    Is-sensiela ta’ proposti isserraħ ukoll fuq żewġ valutazzjonijiet tal-impatt profondi li jisħqu li l-għażla ta’ Orizzont 2020 tkun qed iġġib magħha aktar ċarezza fl-iffukar, tkun l-aħjar biex tikseb il-massa kritika neċessarja, u twassal għall-ikbar impatt fuq l-għanijiet tal-politika u l-kompetittività ekonomika downstream, u benefiċċji soċjali, filwaqt li fl-istess ħin tgħin tissimplifika l-affarijiet.

    4.           L-Unjoni tal-Innovazzjoni, inklużi l-kisbiet politiċi taż-ŻER

    Imnedija mill-Kummissjoni f’Ottubru 2010, l-Unjoni tal-Innovazzjoni timmira li ttejjeb il-kundizzjonijiet u l-aċċess għall-finanzjament fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa sabiex jiġi żgurat li l-ideat innovattivi jistgħu jiġu ttrasformati fi prodotti u servizzi li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi.

    4.1.        Monitoraġġ tal-progress fl-innovazzjoni

    L-ewwel sena tal-Unjoni tal-Innovazzjoni rat kriżi ekonomika u finanzjara tilħaq fażi ġdida fejn l-irkupru qiegħed f’riskju, il-fiduċja pubblika qed tiddeterjora u hemm pressjoni għolja biex jonqsu l-investimenti fis-sorsi futuri tat-tkabbir ekonomiku.

    Fl-istess ħin, iċ-ċaqliq fil-poter ekonomiku mill-Punent għal-Lvant qiegħed jaċċellera. Il-messaġġ kemm mit-Tabella tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u mir-Rapport dwar il-Kompetittività tal-Unjon tal-Innovazzjoni huwa ċar. Il-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa naqset matul l-aħħar snin u qed tikkawża twessigħ fid-distakk fl-innovazzjoni diġà mdaqqas meta mqabbla mal-Istati Uniti tal-Amerka u l-Ġappun, filwaqt li pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, qegħdin jilħqu lill-UE b’pass mgħaġġel. Barra minn hekk, id-diviżjoni fl-innovazzjoni fl-UE qed tiżdied ukoll. F’dan l-isfond, il-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni b’hekk saret aktar importanti u urġenti.

    Kien hemm progress tajjeb fl-2011 bi tnedija ta’ 30 minn 34 impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Inħareġ rapport komprensiv tal-progress mill-Kummissjoni f’Diċembru 2011[7].

    4.2.        Titjib tal-kundizzjonijiet qafas

    Tressqu wkoll miżuri importanti sabiex jinħolqu kundizzjonijiet li se jwittu t-triq mill-idea għas-suq u jgħinu jżidu l-investimenti privati fir-riċerka u l-innovazzjoni:

    – F’April 2011, il-Kummissjoni ressqet proposti leġiżlattivi għall-protezzjoni ta’ privattiva unitarja li se tnaqqas l-ispejjeż tat-traduzzjonijiet u oħrajn relatati mal-privattivi fl-Ewropa sa 80 %;

    – F’Ġunju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta' standardizzazzjoni li jimmira li jimmodernizza l-iffissar tal-istandardizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-isfidi preżenti u futuri. Il-mira hija li jitħaffu l-proċessi tal-iffissar tal-istandards sa 50 % sal-2020;

    – F’Diċembru 2011, il-Kummissjoni pproponiet skema ġdida għal fondi kapitali ta’ riskju sabiex il-kapital ikun jista’ jiżdied aktar faċilment madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, tressqu miżuri konkreti ġodda sabiex tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni fil-kuntest tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku tal-UE. Dawn jinkludu proċedura ġdida biex jinxtraw prodotti u servizzi innovattivi u jiġu ffaċilitati akkwisti konġunti fuq livelli transkonfinali;

    – Fil-prospettiva għall-ġejjieni, il-Kummissjoni investigat għażliet biex itejjeb l-isfruttament tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u fl-2012 se tiddiskuti x’se jiġri ’il quddiem.

    4.3.        Titjib tal-aċċess għall-finanzjament;

    F’Diċembru 2011, il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) wieġbu għat-talbiet tal-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew sabiex jiżviluppaw u jtejbu l-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF). Bil-għan li jipprovdu self lill-promoturi fis-settur pubbliku u privat ta’ kull daqs u sjieda, il-ftehim tal-RSFF ġie emendat, biex b’hekk jippermetti l-faċilità li jittieħed riskju ogħla għal effett ta’ multiplikazzjoni ogħla tal-kontribuzzjoni tiegħu. Tnieda wkoll l-Istrument tal-Kondiviżjoni tar-Riskji għall-SMEs, faċilità ġdida ta’ garanzija għall-SMEs sabiex tgħinhom ikollhom aċċess għall-finanzjamenti mill-banek. B'baġit ta' EUR 120 miljun, l-għan ta’ dan l-istrument il-ġdid huwa li jintlaħqu sa 500 benefiċjarju b’total ta’ volum ta’ self ta’ mill-inqas EUR 1 biljun.

    L-istrumenti finanzjarji innovattivi se jiġu żviluppati aktar għal Orizzont 2020 biex jittejjeb l-aċċess għal finanzjament ta’ riskju għar-riċerka u l-innovazzjoni, partikolarment għall-SMEs innovattivi. Dawn se jinkludu l-ekwità u l-istrumenti ta’ finanzjament tad-djun, imwaqqfa flimkien mal-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs. Dan se jibni fuq kisbiet attwali, notevolment fuq is-suċċess tal-RSFF.

    4.4.        Indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà: Sħubiji Ewropej għall-Innovazzjoni

    Il-Kummissjoni ppilotat l-ewwel Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) fil-qasam tat-tixjiħ attiv u b'saħħtu bil-għan li żżid sentejn ta’ ħajja b’saħħitha għaċ-ċittadin Ewropew medju sal-2020. Il-Pjan tal-Implimentazzjoni Strateġika tas-sħubija pilota ġie ppreżentat f’Novembru 2011.

    L-EIP huwa kunċett ġdid biex titħaffef l-innovazzjonijiet li jindirizzaw mira definita sew fi sfida speċifika tas-soċjetà. Jipprovdi pjattaforma li timmobilizza l-partijiet interessati madwar l-oqsma tal-politika, is-setturi u l-fruntieri biex jimpenjaw u jikkontribwixxu għall-miżuri tal-provvista u d-domanda madwar iċ-ċiklu tar-riċerka u l-innovazzjoni. L-esperjenza miksuba fl-istabbiliment tas-sħubija pilota se twitti t-triq għal oħrajn.

    4.5.        Promozzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT)

    F’Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għall-Aġenda Strateġika għall-Innovazzjoni tal-EIT li tiddefinixxi l-qafas għall-operazzjonijiet tal-Istitut fis-snin li ġejjin. il-proposta tiffoka fuq il-konsolidazzjoni ta’ tliet Komunitajiet tal-Għarfien u Innovazzjoni (KICs) eżistenti u gradwalment twaqqaf oħrajn ġodda bil-għan li tindirizza sfidi tas-soċjetà kbar f’konformità mal-għanijiet tal-Orizzont 2020.

    4.6.        Inizjattivi relatati

    Intlaħqu passi ewlenin fuq ħafna impenji oħrajn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni matul l-2011. L-inizjattiva Ewropa tal-Innovazzjoni Soċjali tnediet f'Marzu u l-“Pjattaforma tal-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti" ġiet rilaxxata f'Ġunju. Ġie stabbilit Bord ta’ Tmexxija tad-Disinn Ewropew u tnieda proġett pilota għall-Alleanzi tal-Għarfien bejn in-negozji u l-akkademja. Il-Kummissjoni ppilotat ukoll appoġġ fil-livell tal-UE għall-akkwistaturi pubbliċi permezz ta' proġetti kollaborattivi dwar l-akkwist għal prodotti u servizzi innovattivi.

    L-2011 rat ukoll l-ewwel Konvenzjon tal-Innovazzjoni, avveniment kbir relatat mal-innovazzjoni fl-Ewropa, li seħħ bejn il-5 u s-6 ta’ Diċembru fi Brussell. F’din il-Konvenzjoni, ingħataw l-ewwel Premjijiet lin-Nisa Innovaturi tal-UE bil-għan li titqajjem sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-bżonn għal aktar innovazzjoni u aktar nisa innovaturi.

    4.7.        Tlestija taż-Żona Ewropea tar-Riċerka

    L-attivitajiet u l-politiki tar-riċerka fl-Ewropa għadhom jbatu minn frammentazzjoni, livelli subottimali ta’ koerenza u koordinazzjoni u minn restrizzjonijiet fuq il-moviment ħieles tal-għarfien. It-tlestija taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) għandha l-għan li tegħleb dawn in-nuqqasijiet. Bħala waħda mill-attivitajiet taħt l-inizjattiva Unjoni tal-Innovazzjoni, il-preparazzjoni dettaljata tal-Komunikazzjoni ŻER kienet waħda mill-ħidmiet ewlenin fl-2011.

    4.7.1.     Riċerkaturi

    Filwaqt li titkompla l-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għar-Riċerkaturi, il-Grupp ta’ Tmexxija għar-Riżorsi Umani u l-Mobilità kkontribwixxa wkoll lejn it-tħejjija tal-elementi importanti għall-Komunikazzjoni ŻER fl-oqsma ta’ karriera, it-taħriġ u l-mobilità fir-riċerka. F’Mejju 2011, il-Grupp adotta wkoll Qafas Ewropew għal Karrieri fir-Riċerka bħala strument volontarju tat-trasparenza li jiffaċilita l-mobbiltà u l-komparabbiltà fuq l-iżvilupp tal-karriera.

    Azzjonijiet ewlenin oħrajn kienu t-twaqqif ta’ grupp espert dwar il-professjoni tar-riċerka li jagħti ħarsa lejn kwistjonijiet ta’ reklutaġġ miftuħ u t-tnedija ta’ studju ta’ fattibilità dwar infrastruttura futura tar-Riċerkaturi Ewropej dwar l-informazzjoni u d-dejta.

    4.7.2.     Programmazzjoni Konġunta

    Il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2011 dwar Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni[8], tgħallmet mil-lezzjonijiet li ħadet s’issa fir-rigward ta’ Sħubiji Pubbliċi-Pubbliċi[9] u Sħubiji Pubbliċi-Privati[10] u definixxiet x’għandha tkun it-triq’il quddiem biex inkomplu niżviluppaw dawk l-isħubiji.

    Il-konklużjonijiet ewlenin irrikonoxxew li l-attivitajiet ta’ sħubija taw prova tal-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ Ewropa 2020 u għaldaqstant se jkomplu jkunu element importanti tal-politika Ewropea tar-riċerka u l-innovazzjoni futura. Fl-istess ħin, hemm ħtieġa għal iktar impenn fit-tul akbar għal sħubija mill-partijiet interessati kollha, inklużi l-Istati Membri u l-industrija, u l-isfond tal-istrument ta’ sħubija jeħtieġ li jiġi ssimplifikat.

    Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-Konklużjonijiet relatati tal-Kunsill, ġew adottati fl-2011, fejn tnedew sitt Inizjattivi ta’ Programmazzjoni Konġunta (JPIs) oħra. B’kollox, s’issa twaqqfu u qed joperaw 10 JPIs.

    4.7.3.     Infrastrutturi tar-Riċerka

    F’Mejju 2011, il-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI) ppubblika r-Rapport Strateġiku u l-Aġġornament tal-Pjan Direzzjonali tiegħu. Il-pjan direzzjonali fih sitt proġetti ġodda tal-infrastruttura f’oqsma bħall-provvista tal-enerġija, is-saħħa, it-tibdil fil-klima, u l-provvisti tal-ikel. L-ESFRI għandu l-intenzjoni li jniedi programm ambizzjuż, billi jipprova jimplimenta kemm jista’ jkun possibli l-infrastrutturi tar-riċerka li jinsabu fuq il-Pjan Direzzjonali. Għal dan il-għan, l-ESFRI waqqaf Grupp ta’ Ħidma tal-Implimentazzjoni f’Ġunju 2011 li se jkollu rwol vitali fl-iffaċilitar tal-proċess ta’ implimentazzjoni.

    Ir-Regolament li jistabbilixxi qafas legali għal Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta' Riċerka (ERIC) kien imfassal biex jiffaċilita l-istabbiliment u l-operat ta’ infrastrutturi kbar tar-riċerka li jinvolvu bosta pajjiżi Ewropej. Għalkemm l-implimentazzjoni uniformi u f’waqtha ta’ dan ir-Regolament f’diversi Stati Membri tibqa' sfida, l-ewwel ERIC, ix-SHARE ERIC (Stħarriġ dwar is-Saħħa, it-Tixjiħ u l-Irtirar fl-Ewropa), twaqqaf f’Marzu 2011 u minn dak iż-żmien ’l hawn il-proġetti CLARIN, ECRIN u EURO-AGRO lkoll applikaw biex jiġu stabbiliti bħala ERICs.

    4.7.4.     Dimensjoni Esterna taż-ŻER

    Is-Sħubija Ewropea għax-Xjenza Internazzjonali u l-Kooperazzjoni Teknoloġika għandha l-għan li tiżviluppa aktar koerenza bejn l-UE u l-attivitajiet tal-Istati Membri. Il-progress kien żgurat permezz tal-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika Internazzjonali (SFIC) fl-oqsma li ġejjin:

    – L-'India Pilot Initiative' kienet ferm avvanzata bl-iżvilupp ta’ Aġenda Strateġika tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Istati Membri tal-UE li tidentifika l-isfidi komuni, l-għanijiet kondiviżi, l-oqsma ta’ prijorità u l-istrumenti ta’ kooperazzjoni bejn l-Ewropa u l-Indja għas-snin li ġejjin. Intgħażlu ħames oqsma strateġiċi: l-ilma, il-bijoriżorsi, l-enerġija, is-saħħa u l-ICT;

    – Iċ-'China Pilot Initiative' kienet ukoll żviluppata aktar, notevolment permezz ta’ żewġ sessjonijiet ta’ ħidma;

    – Taħt il-"U.S. Pilot Initiative', fl-2011 ġew ippreparati żewġ avvenimenti ta’ informazzjoni u ilħiq.

    4.7.5.     Trasferiment tal-Għarfien

    Matul l-2011, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka dwar it-Trasferiment tal-Għarfien ipproduċa gwida dwar il-proprjetà intellettwali u l-ġestjoni tat-trasferiment tal-għarfien tal-partijiet interessati għal kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Ipprovda gwida u rispons għall-istudju li segwa l-progress tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-proprjetà intellettwali mill-2008, studju li kompla fl-2011 u rreġistra progress tajjeb. Barra minn hekk, ġie ppubblikat rapport espert dwar it-trasferiment internazzjonali tal-għarfien, fejn ippreżenta prospett tal-prattiċi Ewropej.

    4.7.6.     Universitajiet: Aġenda ta' Modernizzazzjoni

    Tnieda studju ta’ fattibilità dwar mekkaniżmu ta’ akkreditazzjoni Ewropew għal ġestjoni tajba tar-riżorsi umani f’Universitajiet u istituzzjonijiet ta' riċerka pubblika li jibbażaw il-politika tagħhom fuq il-prinċipji tal-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi għar-Reklutaġġ tagħhom. Tlesta studju tal-fattibilità ieħor dwar l-iskejjel ta’ Dottorati Innovattivi, biex jipprogressaw lejn approċċ komuni madwar iż-ŻER li jkun qed iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet biex jissodisfaw ċerti prinċipji bħal: l-eċċellenza fir-riċerka, ir-riċerka interdixxiplinarja, l-esponiment industrijali, il-kundizzjonijiet eċċellenti tax-xogħol u l-iżvilupp tal-karrieri inklużi l-kwistjonijiet dwar is-sessi.

    5.           Is-Seba’ Programm Kwadru

    5.1.        Implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma tal-2011

    Fl-2011, ġew konklużi 46 sejħa għall-proposti għal baġit indikattiv totali ta' EUR 4.4 biljun. Kien hemm total ta' 14 567 proposta eliġibbli, li 2 813 minnhom kienu miżmuma għall-finanzjament[11] biex b’hekk irriżultaw f'rata ta' suċċess ta' 19.3 % abbażi ta' proposta.

    Total ta' 59 955 applikant ħadu sehem fil-proposti eliġibbli kollha, għal spiża totali tal-proġett ta' EUR 23.1 biljun u kontribuzzjoni totali tal-UE mitluba ta' EUR 17.9 biljun. Total ta' 12 932 applikant spiċċaw fil-proposti miżmuma, għall-ispejjeż totali tal-proġett ta' EUR 4.9 biljun u għall-kontribuzzjoni totali mitluba tal-UE ta' EUR 3.7 biljun. Ir-rata ta' suċċess kumplessiva kienet ta’ 21.6 % f'termini ta' applikanti

    5.2.        Programmi ta' ħidma tal-2012

    Adottati f’Lulju 2011, is-sejħiet għall-proposti tal-2012 li jiswew kważi EUR 7 biljun kienu l-akbar pakkett ta’ finanzjament tal-Kummissjoni sal-lum biex tingħata spinta għar-riċerka u l-innovazzjoni. Dawn is-sejħiet għall-proposti kienu wkoll l-ewwel li ġew imfassla biex jidħlu kompletament fil-qafas tal-politika l-ġdida stabbilit mal-inizjattiva tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Il-programmi ta’ ħidma jinkludu wħud mill-karatteristiċi li ġejjin:

    – EUR 220 miljun mill-EUR 656 miljun disponibbli għar-riċerka dwar is-saħħa u EUR 192 miljun mill-EUR 1.1 biljun f’finanzjament għall-ICT se jiġu allokati għall-ħidma mmirata lejn l-indirizz tal-isfida li jkun hemm providementi għal popolazzjoni li qed tixjieħ u b’hekk jiġi appoġġat l-EIP pilota dwar it-tixjiħ attiv u b’saħħitu;

    – Il-KER se jagħti kważi EUR 1.6 biljun lill-aħjar riċerkaturi żgħażagħ u anzjani li jaħdmu fl-Ewropa. Sabiex jonqos id-distakk bejn ir-riżultati u l-kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien, ġiet introdotta inizjattiva ta' "Prova tal-Kunċett" fuq skala żgħira.

    – Madwar EUR 900 miljun f'appoġġ għall-mobbiltà u l-karrieri tar-riċerkaturi se jiġu pprovduti permezz tal-'Azzjonijiet Marie Curie', lil madwar 10 000 riċerkatur bi kwalifiki għolja. Dan se jinkludi proġett pilota biex jiffinanzja Dottorati Industrijali Ewropej, biex jistimola l-imprenditorjat u l-kooperazzjoni bejn l-akkademija u l-industrija;

    – Minbarra r-regoli simplifikati ġodda, il-pakkett tal-investiment ta’ kważi EUR 1 biljun għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) jipprovdi inċentivi speċjali biex fih jipparteċipaw l-SMEs;

    – Bi tweġiba għad-domanda dejjem tikber għal ikel aktar sikur u ta’ ġid għas-saħħa u bijoriżorsi sostenibbli, se jiġu investiti EUR 307 miljun fil-bini ta’ bijoekonomija soda li se ttejjeb il-metodi tal-produzzjoni, u toħloq impjiegi u industriji ġodda;

    – EUR 365 miljun ġew allokati għal tliet sħubiji pubbliċi-privati xprunati minn sfida: Il-European Green Cars Initiative, Factories of the Future, u Energy Efficient Buildings;

    – EUR 40 miljun se jintefqu fuq 'Smart Cities Initiative' sabiex jgħinu biex jinstabu modi aktar effiċjenti għall-użu tal-enerġija u l-forniment tat-trasport urban.

    5.3.        Inizjattivi relatati

    F’Ottubru 2011, il-ħames Inizjattivi tat-Teknoloġija Konġunti Ewropej – l-ARTEMIS (sistemi integrati tal-kompjuter), il-Clean Sky (l-ajrunawtika u t-trasport bl-ajru), l-IK ENIAC (nanoelettronika), l-IK FCH (ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu) u l-IMI (mediċini innovattivi) – flimkien ppreżentaw l-ewwel kisbiet tal-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom ta’ EUR 10 biljun fil-Parlament Ewropew. Mill-baġit totali, madwar terz ġej mill-Unjoni biex tappoġġa dawn is-sħubiji pubbliċi-privati bil-għan li jingħaqdu flimkien it-talent u l-investiment pubbliċi u privati.

    Kisba importanti oħra kienet l-adozzjoni mill-Kunsill fid-19 ta’ Diċembru 2011 tal-Programm Qafas tal-Euratom għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet tat-taħriġ għas-snin 2012-2013, li tinkludi finanzjament supplimentari għall-ITER ta’ EUR 1.3 biljun. Il-Kummissjoni pproponiet li tiffinanzja l-ITER barra mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss għall-perjodu 2014-2020 permezz ta’ Programm Supplimentari tar-Riċerka.

    L-informazzjoni dwar l-azzjonijiet diretti tal-FP7 għas-sena 2011 tinstab fir-rapport annwali taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni[12].

    5.4.        Punti ewlenin

    5.4.1.     Innovazzjoni

    Il-programmi ta’ ħidma tal-2012 isaħħu ħafna aspetti tal-innovazzjoni, b’mod partikolari it-tnedija fis-suq tal-innovazzjoni, u jippromwovu azzjonijiet għal tranżizzjoni mingħajr xkiel lejn Orizzont 2020.

    Diversi temi taħt il-Programm ta’ Kooperazzjoni Speċifika jagħmlu enfasi dejjem akbar fuq attivitajiet bħall-ħolqien ta’ prototipi, l-ittestjar u d-dimostrazzjoni. Għadd ta’ temi għamlu aċċenn fuq l-orjentazzjoni tal-applikazzjoni, it-tlaħħiq ’il fuq u piloti, mhux biss permezz tal-għażla ta’ suġġetti ta’ prijorità, iżda wkoll permezz ta’ baġits allokati.

    Xi temi jagħtu attenzjoni partikolari lejn it-traduzzjoni tar-riżultati ta’ proġett iffinanzjat f’applikazzjonijiet innovattivi, u wħud inkludew azzjonijiet ta’ appoġġ biex jippromwovu t-trasferiment tat-teknoloġija u l-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali. Qed jingħata wkoll aktar appoġġ fuq miżuri xprunati mid-domanda li se jgħinu t-tnedija tal-innovazzjoni fi swieq pubbliċi u privati, notevolment permezz ta’ attivitajiet relatati mal-istandardizzazzjoni u iktar appoġġ għall-akkwisti prekummerċjali.

    Qed jiġu introdotti wkoll approċċi ġodda biex jistimolaw u jħaffu l-innovazzjonijiet. Premju ta’ tħajjir qed jitnieda mit-tema tas-Saħħa biex iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji cold-chain (prodotti li huma sensittivi għat-temperatura) alternattivi ġodda għall-formulazzjoni tat-tilqim, il-preservazzjoni u t-trasportazzjoni.

    B’mod ġenerali, il-programm ta’ ħidma tal-2012 japplika approċċ aktar mifrux lejn l-innovazzjoni. Minbarra r-riċerka u t-teknoloġija u l-innovazzjoni tal-prodott, qed jiġu appoġġati wkoll l-innovazzjoni tas-servizz inkluż l-innovazzjoni tal-proċess u l-organizzazzjoni. Tipi oħra ta’ innovazzjoni huma inklużi wkoll, notevolment l-innovazzjoni soċjali, l-esplorazzjoni ta’ mudelli tan-negozju ġodda, u l-innovazzjoni fid-disinn b’involviment mill-qrib tal-utent.

    Għadd ta’ temi dwar il-Kooperazzjoni jħeġġu aktar industrija u partikolarment il-parteċipazzjoni tal-SMEs. Xi wħud qegħdin jimplimentaw dan permezz ta’ baġits allokati, oħrajn qed jagħmluh parti mill-kriterji tal-evalwazzjoni, u xi ftit temi japplikaw approċċ minn isfel għal fuq sabiex ikabbru l-kamp ta’ applikazzjoni għall-SMEs biex jipproponu soluzzjonijiet tal-għażla tagħhom. It-tema tas-Saħħa tappoġġa skema speċifika skont l-SME li tindirizza proġetti għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji żgħar viċin tas-suq bl-SMEs fuq quddiem.

    5.4.2.     Disseminazzjoni

    Id-disseminazzjoni ta’ riżultati ta’ riċerka ffinanzjata mill-UE għandha rwol ċentrali fit-twassil taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, billi tippromwovi l-ftuħ u l-kapitalizzazzjoni tal-potenzjal kreattiv tal-Ewropa. Il-Kummissjoni tappoġġa d-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka billi tipprovdi finanzjament fi ħdan il-proġetti biex jiddisseminaw ir-riżultati b’mod attiv. Il-Kummissjoni wkoll tqajjem sensibilizzazzjoni pubblika b’mod attiv dwar ir-riżultati tar-riċerka ffinanzjati u tipprovdi aċċess onlajn għar-riżultati permezz tal-CORDIS[13], is-Servizz ta’ Informazzjoni tar-R&Ż tal-Komunità tal-Kummissjoni, u l-Arkivju tal-Pubblikazzjonijiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka[14].

    F’Awwissu 2008, il-Kummissjoni nediet Aċċess Miftuħ Pilota fl-FP7, li jkopri seba’ oqsma tar-riċerka li jirrappreżentaw kważi 20 % tat-total tal-baġit tal-FP7. Dan sabiex tiżdied id-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka permezz ta’ aċċess bla ħlas. Skont l-istħarriġ tal-2011 dwar il-pilota, il-maġġoranza tar-rispondenti jsibuha faċli biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-aċċess miftuħ u tliet kwarti tar-rispondenti jaqblu ma’ mandat ta’ aċċess miftuħ għal dejta fil-qasam tar-riċerka tagħhom.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tinvestiga biex tmur lil hinn mill-attivitajiet attwali u tkompli ttejjeb id-disseminazzjoni, il-komunikazzjoni u l-isfruttar tar-riżultati tar-riċerka ffinanzjati mill-UE.

    5.4.3.     Simplifikazzjoni

    L-attivitajiet fl-2011 bnew fuq l-impetus mogħti permezz tal-Komunikazzjoni ta’ April 2010 dwar is-simplifikazzjoni[15] u d-dibattitu li segwa. Sensiela ta’ miżuri li jirċievu appoġġ ġenerali ġew implimentati fil-prattika. Fost dawn, pakkett ta’ tliet miżuri ġie adottat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-24 ta’ Jannar[16], li jinkludu:

    – Il-possibbiltà li jintużaw spejjeż medji tal-persunal, mingħajr ċertifikazzjoni minn qabel, għall-benefiċjarji kollha fejn dan huwa l-prattika tal-kontabbiltà attwali tagħhom;

    – Il-possibbiltà għas-sidien amministraturi tal-SMEs, u persuni naturali li ma jħallsux salarju lilhom infushom, biex jiċċarġjaw l-ispejjeż tal-persunal lill-proġetti tal-FP7 abbażi ta’ skala ta’ spejjeż għal kull unità;

    – Il-ħolqien ta’ kumitat ta’ approvazzjoni tar-riċerka bejn id-Direttorati Ġenerali tal-amministrazzjoni tal-għotjiet tal-FP7, biex tkun żgurata interpretazzjoni konsistenti u l-implimentazzjoni tar-regoli tal-FP7.

    L-iżvilupp tal-Portal tal-Parteċipant tar-Riċerka u l-Innovazzjoni kompla jiġi segwit bit-tnedija ta’ servizzi ġodda għall-parteċipanti u titjib ulterjuri biex is-sistema tkun faċli għall-utent.

    Ir-riżultat tad-dibattitu dwar is-simplifikazzjoni daħal ukoll fid-diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju. Id-dispożizzjonijiet għall-finanzjament għal għotjiet tal-UE qed jiġu ċċarati u ssimplifikati, u dan se jippermetti, ladarba l-leġiżlatur jadotta r-Regolament il-ġdid għall-aċċettazzjoni mifruxa tal-prattiċi normali tal-kontabbiltà tal-benefiċjarji, soġġett għal kundizzjonijiet minimi tal-ostakli. Dan għandu jinkludi wkoll:

    – Regoli riveduti relatati mal-eliġibbiltà tal-VAT. Dan ikun qed jissimplifika l-immaniġġjar finanzjarju tal-għotjiet tar-riċerka u l-innovazzjoni eż. għall-universitajiet u korpi pubbliċi oħrajn tar-riċerka;

    – It-tneħħija tal-obbligu li wieħed irid joħloq u jirrapporta l-interessi. Dan l-obbligu jeżisti llum, u ħoloq sforzi u spejjeż amministrattivi konsiderevoli f’termini ta’ ftuħ u ġestjoni ta’ kontijiet separati, u għall-ġestjoni ta’ reġistru ta’ eċċezzjonijiet għal organizzazzjonijiet li minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali ma jistgħux jiftħu kontijiet li jrendu imgħax.

    6.           Prospetti għall-2012

    Wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni u l-preżentazzjoni ta’ Orizzont 2020, il-pakkett għandu jiġi diskuss mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew matul l-2012 u iktar 'il quddiem, bil-ħsieb li jiġi adottat qabel tmiem l-2013. In-negozjati qegħdin iseħħu matul wieħed mill-iktar żminijiet diffiċli l-UE qatt iffaċċat. Filwaqt li l-Ewropa qed tirkupra bil-mod mill-kriżi, issa qed taffaċċa kriżi tad-dejn pubbliku u l-biża’ ta' riċessjoni ġdida. Il-mexxejja Ewropej u l-awtoritajiet pubbliċi għalhekk jeħtieġu li jaġixxu b’mod deċiżiv biex jiżguraw tkabbir sostenibbli u impjiegi ġodda li finalment huwa t-tema ewlenija tal-Orizzont 2020. Fl-istess ħin, il-proposta għall-baġit kumplessiv tal-UE qed tiġi nnegozjata, inkluż l-ammont kumplessiv għar-riċerka u l-innovazzjoni. Apparti milli tappoġġa n-negozjati, il-Kummissjoni se tkun qed taħdem ħafna biex iddaħħal fis-seħħ l-arranġamenti kollha neċessarji għal bidu bla xkiel u l-implimentazzjoni tal-programm.

    Fl-2012, il-Kummissjoni se tkompli tagħti r-riżultati dwar l-azzjonijiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, notevolment billi tippreżenta tnejn mill-inizjattivi li fadal: il-komunikazzjoni dwar ż-ŻER, li t-tlestija tagħha sal-2014 ġiet mitluba mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2012, u mill-indikatur tal-intestatura tal-innovazzjoni l-ġdid. Barra minn hekk, se tkompli tmexxi ’l quddiem l-innovazzjoni fi sfidi oħrajn tas-soċjetà billi tressaq proposti għal EIPs dwar "Agricutural Productivity and Sustainability", "Raw Materials", "Water", u possibbilment “Smart Cities”.

    Permezz tal-programmi ta’ ħidma tal-2013, l-aħħar snin tal-implimentazzjoni tal-FP7 intlaħqu wkoll. Allinjati mal-istrateġija tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tal-Ewropa 2020, dawn il-programmi ta' ħidma se jkunu l-akbar pakkett ta’ finanzjament tal-Kummissjoni biex tingħata spinta għar-riċerka u l-innovazzjoni, u fl-istess ħin se jipprovdu għal tranżizzjoni mingħajr xkiel lejn l-Orizzont 2020.

    7.           Sorsi għal aktar informazzjoni

    Għal aktar informazzjoni, dawn li ġejjin huma disponibbli għall-pubbliku:

    · Ir-Rapporti Annwali ta' Monitoraġġ għall-Programm Qafas u l-Programmi Speċifiċi tiegħu[17];

    · Rapporti taċ-Ċifri Ewlenin tax-Xjenza Regolari, it-Teknoloġija u l-Kompetittività[18];

    · Statistika dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija fl-Ewropa[19];

    · Studji u analiżi ppubblikati b'rabta mal-attivitajiet ta' riċerka u l-politiki tal-Unjoni Ewropea[20];

    · Ir-Rapporti Annwali dwar l-Attività tad-Direttorat Ġenerali għar-riċerka[21];

    · L-Istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni[22];

    · Ir-Rapport dwar il-Kompetittività tal-Unjoni tal-Innovazzjoni[23];

    · It-Tabella dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni[24];

    · Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni bbażat fuq ir-riżultati miskuba[25]

    Ħafna minn dawn id-dokumenti jistgħu jinkisbu jew jiġu ordnati mis-siti tal-internet li ġejjin:

    · Is-sit elettroniku dwar ir-Riċerka u l-innovazzjoni tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/research;

    · Is-sit elettroniku taż-ŻER: http://ec.europa.eu/research/era;

    · Is-sit elettroniku Investing in European Research: http://ec.europa.eu/invest-in-research;

    · Il-sit elettroniku ERAWATCH: http://erawatch.jrc.ec.europa.eu/

    [1]               EUCO 2/1/11

    [2]               COM(2011)500

    [3]               P7 TA(2011)0401

    [4]               http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm?pg=home

    [5]               Fi prezzijiet kostanti tal-2011

    [6]               COM(2011)48

    [7]               COM(2011)849 – għall-istat tal-proċediment tal-34 impenn kollha, ara s-Sistema tal-Informazzjoni u l-Intelliġenza tal-Unjoni tal-Innovazzjoni: http://i3s.ec.europa.eu/home.html.

    [8]               COM(2011)572

    [9]               ERA-NETs, inizjattivi tal-Artikolu 185, Inizjattivi tal-Programmazzjoni Konġunta, eċċ.

    [10]             Inizjattivi Konġunti tat-Teknoloġija, Pjan ta’ Rkupru tal-PPPs, eċċ.

    [11]             Għaddew mil-livelli limiti tal-evalwazzjoni kollha u ġew elenkati fil-lista ewlenija fil-proċedura tal-għażla

    [12]             http://ec.europa.eu/dgs/jrc/index.cfm?id=2530

    [13]             http://cordis.europa.eu/

    [14]             http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/

    [15]             COM(2010)187

    [16]             COM(2011)174

    [17]             http://ec.europa.eu/research/evaluations/index_en.cfm?pg=fp7-monitoring

    [18]             http://ec.europa.eu/research/era/facts/figures/key_figures_en.htm

    [19]             http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/science_technology_innovation/introduction

    [20]             http://ec.europa.eu/research/evaluations/index_en.cfm

    [21]             http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/index_en.htm

    [22]             http://ec.europa.eu/research/innovation-union/pdf/state-of-the-union/2011/state_of_the_innovation_union_2011_en.pdf

    [23]             http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm?section=competitiveness-report&year=2011

    [24]             http://ec.europa.eu/enterprise/policies/innovation/files/ius-2011_en.pdf

    [25]             http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2012:0040:FIN:MT:PDF

    Top