Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0033

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Evalwazzjoni interim tal-Programm multiannwali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal fl-użu tal-Internet u teknoloġiji oħrajn tal-komunikazzjoni.

/* COM/2012/033 final */

52012DC0033

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Evalwazzjoni interim tal-Programm multiannwali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal fl-użu tal-Internet u teknoloġiji oħrajn tal-komunikazzjoni. /* COM/2012/033 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni interim tal-Programm multiannwali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal fl-użu tal-Internet u teknoloġiji oħrajn tal-komunikazzjoni.

1. Daħla

Din il-Komunikazzjoni tikkonċerna l-evalwazzjoni interim tal-Programm Safer Internet (Internet Aktar Sikur) 2009-2013, li f'din il-komunikazzjoni jissejjaħ "il-programm". It- Technopolis Group ingħata l-inkarigu biex iwettaq l-evalwazzjoni. L-għan ewlieni tal-evalwazzjoni kien li ssir valutazzjoni tal-programm fir-rigward tar-rilevanza, l-effettività u l-effiċjenza flimkien mal-impatti u s-sostenibbiltà aktar mifruxa bbażati fuq evidenza minn kwestjonarji, konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u rapporti annwali.

L-għanijiet ewlenin tal-programm huma li:

– Titkattar is-sensibilizzazzjoni pubblika          

– Il-pubbliku jiġi pprovdut b’netwerk ta’ punti ta’ kuntatt għar-rappurtar ta' kontenut u mġiba illegali u ta’ ħsara, b’mod partikolari fuq materjal li jikkonċerna l-abbuż tat-tfal, il-grooming u l-ibbulijar ċibernetiku.

– Jitrawmu inizjattivi ta’ awtoregolazzjoni f’dan il-qasam u t-tfal jiġu involuti fil-ħolqien ta’ ambjent online aktar sikur.

– Tiġi stabbilita bażi tal-għarfien dwar xejriet ġodda fl-użu tat-teknoloġiji online u l-konsegwenzi tagħhom f’ħajjet it-tfal.

Meta mqabbla ma' programmi preċedenti l-ambitu ġenerali tal-programm attwali ġie estiż biex jinkludi teknoloġiji online emerġenti, il-kopertura ta’ kuntatt u mġiba ta' ħsara (bħall-grooming u l-ibbulijar ċibernetiku) u għandu l-għan li jistabbilixxi bażi tal-għarfien f’dan il-qasam.

Il-mekkaniżmu ewlieni għall-implimentazzjoni tal-programm huwa l-kofinanzjament ta’ proġetti magħżula abbażi ta’ sejħiet pubbliċi għall-proposti. Dan wassal għall-finanzjament ta’ firxa wiesgħa ta’ proġetti fid-diversi linji ta' azzjoni, ikkumplimentat fejn jixraq minn attivitajiet mingħajr finanzjament. Il-proġetti għandhom l-għan li joħolqu ambjent online aktar sikur għaż-żgħażagħ u l-inizjattivi mingħajr finanzjament li jvarjaw minn appoġġ għall-Jum tal-Internet Aktar Sikur (Safer Internet Day), l-organizzazzjoni ta’ Forum dwar Internet aktar Sikur (Safer Internet Forum), il-promozzjoni u l-appoġġ tal-awtoregolamentazzjoni tal-industrija u l-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali ma’ organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn.

Bħala parti mill-azzjonijiet tiegħu, il-programm jikkofinanzja ċ-Ċentri tal-Internet Aktar Sikur (Safer Internet Centres), li huma ċentrali fil-ħidma biex titkattar is-sensibilizzazzjoni[1]. Iċ-ċentri huma preżenti fl-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll fl-Islanda, in-Norveġja u r-Russja. Iċ-Ċentri kollha, minbarra l-Portugall, joperaw linji tat-telefown tal-għajnuna (helplines) li l-ġenituri u l-ulied jistgħu jirċievu pariri mingħandhom dwar kwistjonijiet relatati mal-użu tat-teknoloġiji online mit-tfal. Iċ-Ċentri u l-linji ta' għajnuna huma tan-netwerk INSAFE[2]. F’ħafna pajjiżi iċ-Ċentri tal-Internet Aktar Sikur għandhom ukoll linji tal-emerġenza (hotlines); il-kompitu prinċipali tagħhom huwa li jirċievu r-rapporti mingħand il-pubbliku dwar kontenut online illegali . Meta jiġi identifikat kontenut illegali l-linja tal-emerġenza tirreferi dan lill-aġenziji kompetenti tal-infurzar tal-liġi fil-pajjiż u/jew il-fornitur tas-servizzi tal-Internet (ISP - Internet Service Provider) u titlob li dan il-kontenut jitneħħa, jew lil membru tan-netwerk tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ Linji tal-Emerġenza tal-Internet (INHOPE - International Association of Internet Hotlines) jekk il-kontenut huwa ospitat f'pajjiż ieħor. Il-linji tat-telefown tal-emerġenza huma kkoordinati mill-Assoċjazzjoni INHOPE[3]. It-titjib tal-għarfien dwar l-użu tat-teknoloġija miż-żgħażagħ huwa mira ċentrali tal-ħidma fil-programm. Il-programm jappoġġa diversi proġetti ta' riċerka li jkopru firxa ta' suġġetti u oqsma. L-iżvilupp tal-għarfien permezz ta’ diversi proġetti rilevanti, minbarra li jtejjeb il-profil tar-riċerka tal-kwistjonijiet relatati mal-Internet aktar sikur, ikattar il-bażi tal-għarfien għall-attivitajiet kollha fil-programm. Il-proġetti attwali għat-titjib tal-għarfien jinkludu:

– Il-proġett EU Kids Online II (Tfal tal-UE Online II) (magħżul taħt il-programm preċedenti) għandu l-għan li jsaħħaħ il-bażi tal-għarfien fir-rigward tal-esperjenzi u l-prattiki tar-riskju u s-sikurezza tat-tfal u l-ġenituri fl-użu tagħhom tal-Internet u t-teknoloġiji ġodda fl-Ewropa. Il-proġett huwa l-ewwel wieħed li jinvestiga l-atTitudnijiet u l-azzjonijiet lejn is-sikurezza online kemm tat-tfal kif wkoll tal-ġenituri madwar il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri Ewropej. Il-proġett jibni fuq EU Kids Online I (Tfal tal-UE Online I) preċedenti, iżda żied l-għadd ta' pajjiżi parteċipanti minn 21 għal 25 pajjiż.

– Il-Proġett Ewropew dwar il-Grooming Online (POG - Online Grooming Project) (magħżul taħt il-programm preċedenti) għandu l-għan li jinvestiga l-prattiki, mmirati lejn il-vittmi, ta’ dawk li jinstabu ħatja ta’ grooming online. POG huwa l-ewwel proġett Ewropew tar-riċerka li jistudja l-karatteristiċi u l-imġiba tal-ħatjin li użaw l-Internet biex jimmiraw vittmi ta' età żgħira. Il-proġett huwa kooperazzjoni mwettqa minn 6 imsieħba li jirrappreżentaw erba’ pajjiżi: Ir-Renju Unit, l-Italja, il-Belġju u n-Norveġja. Ix-xogħol jinkludi studju ta' identifikazzjoni li jirrevedi l-fajls tal-każijiet tal-grooming online. Il-proġett se jipprovdi rapporti tad-dokumentazzjoni tar-riċerka u l-politika mill-pajjiżi msieħba fil-proġett. Barra minn hekk il-proġett jinkludi intervisti ma’ partijiet interessati strateġiċi dwar il-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-grooming online.

– ROBERT – Risk taking Online Behaviour – Empowerment through Research and Training (Imġiba online riskjuża - Għoti ta' Setgħa permezz tar-Riċerka u t-Taħriġ) għandu l-intenzjoni li jagħmel l-interazzjoni online sikura għat-tfal u ż-żgħażagħ billi jitgħallem mill-esperjenzi ta’ proċessi u fatturi ta’ abbuż online li jagħmlu liż-żgħażagħ vulnerabbli, kif ukoll dawk li joffru protezzjoni.[4] L-istrateġiji ta' dawk li jikkomettu r-reat fir-rigward tal-grooming tat-tfal online huma wkoll esplorati flimkien mal-iżvilupp ta’ fehim dwar kif l-abbuż jista' jiżviluppa fl-ambjent online. It-tfal u ż-żgħażagħ se jkollhom is-setgħa jipproteġu aħjar lilhom infushom online. Gruppi ta’ tfal li jidhru li jinsabu iktar f’riskju se jibbenefikaw speċifikament minn opportunitajiet ta’ awtoprotezzjoni mtejba.

Taħt l-azzjoni għall-ġlieda kontra l-kontenut illegali, il-programm jikkofinanzja inizjattivi li jappoġġaw l-entitajiet tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-materjal tal-abbuż sesswali fuq it-tfal.

– Il-proġett FIVES - Forensic Image and Video Examination Support (Appoġġ għall-Eżamijiet Forensiċi tar-Ritratti u l-Vidjow) ġie magħżul taħt il-programm preċedenti u dam għaddej mill-01/02/2009 sal-31/01/2011. L-għan tal-proġett kien li jiġu żviluppati għodod ġodda tal-ICT mfassla biex jinvestigaw ritratti u vidjows tal-abbuż sesswali fuq it-tfal biex jitjiebu l-possibbiltajiet għall-pulizija li jridu jittrattaw ammont kbir ta' tagħmir maqbud.

– Il-Bażi tad-Dejta Internazzjonali tal-Immaġini tal-Isfruttament Sesswali tat-Tfal tal-INTERPOL (ICSEDB - International Child Sexual Exploitation Image Database) huwa proġett immirat biex iżid l-għadd tat-tfal identifikati u salvati mill-abbuż. Għodda ċentrali hija software sofistikat għat-tqbbil tar-ritratti li jista’ jagħmel il-konnessjonijiet bejn il-vittmi u l-postijiet. Jippermetti wkoll utenti awtorizzati f'pajjiżi membri tal-INTERPOL biex jaċċessaw il-bażi tad-dejta direttament u fil-ħin reali. L-għan huwa li eventwalment 30 pajjiż ieħor ikollhom aċċess għal din is-sistema.

Biex jiżguraw l-involviment tas-soċjetà ċivili ċ-Ċentri tal-Internet Aktar Sikur stabbilixxew panels nazzjonali taż-żgħażagħ li huma jikkonsultaw regolarment. F’Ottubru tal-2010, il-Panel Ewropew taż-Żgħażagħ INSAFE għat-tieni darba ġabar flimkien żgħażagħ minn 30 pajjiż Ewropew. Id-diskussjonijiet tagħhom dwar opinjonijiet u suġġerimenti fuq is-sikurezza online iddaħħlu f’dibattitu aktar mifrux waqt il-Forum tal-Internet Aktar Sikur fl-2010. Mod ieħor li jinvolvi lis-soċjetà ċivili huwa n-netwerk tal-Alleanza Ewropea tal-NGOs għas-Sikurezza Online tat-Tfal II (eNASCO - European NGO Alliance for Child Safety Online II). Dan huwa ffinanzjat sal-31/08/2012 u jikkonsisti f’organizzazzjonijiet tad-drittijiet tat-tfal Ewropej impenjati fis-sikurezza online għat-tfal. In-netwerk jippromwovi l-istrateġiji konġunti u rakkomandazzjonijiet tiegħu għall-bidla lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali u partijiet interessati rilevanti oħrajn.

Il-programm jimmira wkoll li jiffaċilita l-użu ta’ softwer tal-filtrazzjoni, it-tikkettar tal-kontenut u s-servizzi. Studju ta' valutazzjoni komparattiva – l-istudju SIP-Bench – li beda fl-2010 sal-2012 jipprovdi lista ta’ klassifikazzjoni li tgħin lill-ġenituri Ewropej jagħżlu l-għodda tal-kontroll li hija l-aktar adattata għall-ħtiġijiet tagħhom. L-ewwel riżultati kienu disponibbli f'Diċembru tal-2010. L-ewwel studju SIP-Bench (2006-2008) wera li ġeneralment l-għodod tjiebu u saru eħfef biex jiġu installati matul dan il-perjodu ta’ tliet snin.

It-teknoloġiji tal-internet u tal-mowbajl jiżviluppaw b'rata mgħaġġla u biex wieħed jirreaġixxi malajr fir-rigward ta’ żviluppi ġodda dwar l-użu u r-riskji tat-tfal, hija importanti l-awtoregolazzjoni tal-industrija. Il-programm jappoġġa żewġ inizjattivi ta’ awtoregolazzjoni meħuda mill-industrija fil-livell Ewropew. Fl-2007 ġie ffirmat Qafas Ewropew għal Użu Aktar Sikur tal-Mowbajls minn Żgħażagħ Minuri u Tfal minn operaturi tal-mowbajls u fornituri tal-kontenut ewlenin. Fl-2009 netwerks soċjali kbar attivi fl-Ewropa ffirmaw il-Prinċipji għal Netwerking Soċjali Aktar Sikur għall-UE.

Il-programm jappoġġa avvenimenti u kampanji bħall-Jum tal-Internet Aktar Sikur u l-Forum tal-Internet Aktar Sikur.

2. GĦANIJIET TAL-EVALWAZZJONI

L-evalwazzjoni tkopri l-ewwel parti tal-Programm tal-Internet Aktar Sikur 2009-2013 u l-fokus ewlieni huwa għalhekk li tevalwa kif il-programm qed jevolvi. L-evalwazzjoni, madankollu, se tieħu wkoll mir-rakkomandazzjonijiet għal kwalunkwe inizjattiva ta’ segwitu.

Evalwazzjoni tal-programm f’dan l-istadju, bħala valutazzjoni interim, tagħti analiżi tar-rilevanza tal-programm fir-rigward tad-disinn, l-effiċjenza u l-effettività tiegħu. Minbarra dan, tindika s-sostenibbiltà u l-impatt li l-programm kellu b'enfasi speċjali fuq il-koerenza tal-programm. Biex tikkunsidra r-rilevanza tal-programm l-evalwazzjoni indirizzat il-mistoqsijiet li ġejjin:

– Il-problemi indirizzati fil-Programm tal-Internet Aktar Sikur evolvew?

– Iċ-ċirkostanzi, it-teknoloġija, il-fatturi soċjali jew ekonomiċi nbidlu minn meta beda l-programm?

– L-attivitajiet fokali u l-oqsma fil-mira huma l-aktar rilevanti? Għadhom rilevanti biex jintlaħaq l-għan ġenerali tal-programm? L-għanijiet attwali għadhom rilevanti għall-ġejjieni?

– Kemm huma rilevanti l-għanijiet għall-utenti tal-Internet, il-ġenituri, l-għalliema, it-tfal u l-industrija? Kien hemm valur miżjud għall-gruppi fil-mira?

L-effiċjenza tal-programm ġiet evalwata skont il-mistoqsijiet li ġejjin:

– L-implimentazzjoni tal-Programm kienet sodisfaċenti? Il-proċeduri huma sempliċi biżżejjed?

– L-attivitajiet tal-programm twettqu b’mod effiċjenti u kienu kost-effettivi?

– Il-livelli ta' finanzjament u riżorsi oħra disponibbli kienu adegwati?

Biex tingħata ħarsa lejn l-effettività tal-programm ġew indirizzati l-mistoqsijiet li ġejjin:

– Ir-riżultati tal-programm kif ikkontribwixxew għall-protezzjoni aħjar tat-tfal fuq l-internet u fl-ambjent diġitali aktar mifrux?

– Il-programm għamel differenza? Ħeġġeġ lill-parteċipanti biex iwettqu attivitajiet li fin-nuqqas tal-programm ma kinux jitwettqu?

– Hemm attivitajiet oħrajn li jistgħu jiksbu riżultati b’mod aktar effettiv? X’inhuma l-ostakli u l-opportunitajiet ewlenin għall-effettività imtejjba tal-programm?

L-impatt u s-sostenibbiltà tal-programm ġew indirizzati skont il-mistoqsijiet li ġejjin:

– Jirriżulta tagħlim minn din il-valutazzjoni li jista’ jintuża fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe programm ta’ segwitu?

– Il-programm kemm irnexxielu jikkumplimenta programmi u inizjattivi oħrajn tal-UE sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġi massimizzat l-impatt?

– L-attivitajiet urew probabbiltà li jiġġeneraw impatti sostenibbli?

– Kemm kienu jseħħu l-bidliet pożittivi introdotti mill-programm mingħajr ebda intervent tal-UE?

Metodoloġija għall-evalwazzjoni

L-evalwazzjoni tax-xogħol ġiet maqsuma fi tliet fażijiet mrikkbin; il-fażi tal-bidu, il-fażi tal-ġbir/analiżi u l-fażi tal-evalwazzjoni interim/rapport finali. Il-metodu prinċipali tal-ġbir tad-dejta kien magħmul minn żewġ stħarriġijiet online; stħarriġ wieħed dwar il-parteċipanti tal-proġett u l-istħarriġ l-ieħor dwar il-partijiet interessati aktar mifruxa. Il-mistoqsijiet f’dawn l-istħarriġiet irriflettew il-mistoqsijiet ewlenin tal-evalwazzjoni. L-istħarriġiet kienu kkumplimentati b'konsultazzjonijiet fuq firxa usa’ ta’ kwistjonijiet ma’ 25 parti interessata li jirrappreżentaw il-parteċipanti tal-proġett, l-industrija, dawk li jfasslu l-politika, DĠs oħra u l-NGOs.

3. SEJBIET TAL-EVALWAZZJONI

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni huma pożittivi. Juru li l-programm evolva biex ilaħħaq mal-kunsiderazzjonijiet teknoloġiċi u soċjoloġiċi li jirrivolvu madwar l-użu aktar sikur tal-Internet mill-minuri. Iwieġeb sew għall-bidliet fid-domanda fl-ambjent estern kif tixhed l-enfasi attwali fuq il-midja soċjali u l-ibbulijar ċibernetiku. Madankollu, biex jiżgura l-inklużjoni ta’ kwistjonijiet ġodda, il-programm jeħtieġ li jkompli jesplora kwistjonijiet ġodda u jkollu viżjoni strateġika fit-tul.

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni ikomplu juru li l-programm huwa influwenti fir-rigward ta’ attivitajiet nazzjonali u internazzjonali oħrajn; id-dokumentazzjoni, ir-riċerka u r-riżultati mill-programm jintużaw u huma kkwotati ħafna. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet mill-aħħar evalwazzjonijiet tal-programm kienu ġeneralment inkorporati fil-programm.

Il-programm tmexxa b'mod effiċjenti. Hemm livelli tajbin ta’ komunikazzjoni bejn il-programmi relatati tal-UE fil-livell tal-politika. Il-programm huwa wkoll effettiv skont l-evalwazzjoni. Il-kisbiet tal-programm fir-rigward tal-eżistenza ta’ linji tal-emerġenza, linji tal-għajnuna u ċ-ċentri ta’ sensibilizzazzjoni fil-maġġoranza tal-Istati Membri huma enfasizzati fl-evalwazzjoni. L-evalwazzjoni tikkonkludi wkoll li l-fokus kurrenti u l-istruttura tal-programm huma xierqa u ma titlobx li jsir tibdil sinifikanti fil-perjodu li jmiss. L-appoġġ u l-finanzjament mill-programm huma kruċjali għal proġetti biex jeżistu, speċjalment meta jitqiesu r-restrizzjonijiet ekonomiċi attwali.

L-istampa ġenerali tal-programm hija pożittiva ħafna; madankollu hemm lok għal titjib dwar xi kwistjonijiet skont is-sejbiet tal-evalwazzjoni. Skont uħud mill-partijiet interessati għad hemm il-ħtieġa li jsir aktar xogħol biex ikun żgurat li hemm involviment dirett tat-tfal. Il-proġetti jeħtieġu perjodi itwal ta’ finanzjament biex jiżguraw kontinwazzjoni aħjar u perjodi ta’ riflessjoni. Hemm ħtieġa biex il-programm jibqa' aġġornat mal-avvanzi teknoloġiċi – permezz ta' informazzjoni dwar is-suq, il-proġetti ta’ titjib tal-għarfien u l-iskambju ġenerali tal-għarfien. Il-programm għandu jkun ukoll jista’ jsegwi l-iżviluppi f'kuntesti nazzjonali fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-leġiżlazzjoni. Ir-riskju minħabba l-qtugħ baġitarju nazzjonali u bidla sussegwenti tal-prijoritajiet jimplika li hemm bżonn li jkun żgurat li l-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali huma koerenti ma’ prijoritajiet Ewropej sabiex jimmassimizzaw l-effett fiż-żmien li ġej.

4. RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-EVALWAZZJONI

Ġew identifikati għadd ta’ rakkomandazzjonijiet permezz tal-evalwazzjoni interim sabiex jitkompla l-impatt tal-inizjattivi tal-ġejjieni.

Skont ir-rakkomandazzjonijiet dwar ir-rilevanza, il-Programm tal-Internet Aktar Sikur għandu jkompli l-isforzi tiegħu biex jiżgura li jirriċerka u jiffinanzja l-aktar attivitajiet pertinenti għall-protezzjoni tal-minuri fuq l-internet. Il-programm ma għandux iwessa' l-għanijiet tiegħu iżda jżomm dawk attwali. Qed jiġi rrakkomandat li tinżamm viżjoni strateġika fit-tul dwar il-programm u l-kwistjonijiet tiegħu. Il-bażi tal-għarfien tista’ titjieb permezz tal-ħolqien ta' konnessjonijiet ma’ atturi prinċipali tal-industrija, organizzazzjonijiet internazzjonali, fornituri tal-kontenut u produtturi tat-teknoloġija. Bosta konnessjonijiet minn partijiet interessati eżistenti jistgħu jiġu sfruttati aħjar. Għandhom jiġu kkunsidrati t-titjib tal-parteċipazzjoni tat-tfal u l-involviment fil-programm; inkluż metodi, attivitajiet, areni, eċċ.

L-effiċjenza tal-programm tista’ titjib permezz ta' perjodi itwal ta' finanzjament għall-proġetti u inqas restrizzjonijiet dwar l-allokazzjoni interna tal-fondi. Għandha tkompli tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni tal-programm flimkien ma’ proġetti oħrajn imwettqa mill-Kummissjoni. In-netwerks tal-linji tal-emerġenza, il-linji tal-għajnuna u ċ-ċentri tas-sensibilizzazzjoni għandhom ikomplu jiġu kkoordinati permezz ta’ avvenimenti u gruppi ta' ħidma konġunti. Il-kollaborazzjoni ta’ INHOPE u INSAFE għandha tkompli tiġi mħeġġa. L-INTERPOL huwa favur aktar kooperazzjoni ma’ proġetti ta’ Internet Aktar Sikur.

Fir-rigward tal-effettività se jkun rakkomandabbli li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tax-xogħol tal-Programm tal-Internet Aktar Sikur biex jiġi indirizzat it-tnaqqis potenzjali fl-appoġġ politiku nazzjonali/reġjonali. Il-programm għandu jħares ukoll lejn miżuri biex iżid impenn aktar konsistenti mill-industrija u jżid id-dibattitu dwar kwistjonijiet legali li jirrivolvu madwar il-protezzjoni tal-minuri. F'rabta man-netwerking internazzjonali, huwa rrakkomandat li pajjiżi tal-adeżjoni u r-Russja / l-Ewropa tax-Xlokk jiġu involuti kemm fil-kontribut għall-bażi tal-evidenza u bħala riċevituri ta’ għarfien / l-aħjar prattiki minn partijiet interessati bl-esperjenza. Il-programm għandu jiżgura li l-bażi tal-għarfien titjieb permezz ta' kontribuzzjonijiet tar-riċerka iffurmati u infurmati mil-livell dejjem jiżdied ta' informazzjoni diġà ppubblikata. Ir-rapporti annwali tal-proġetti għandhom jitjiebu fir-rigward tar-riżultati u l-impatti. Il-programm għandu jiżgura wkoll li l-għarfien jilħaq aktar l-iskejjel u l-kurrikul .

Ir-rapport tal-evalwazzjoni jissuġġerixxi xi inizjattivi għat-titjib tal-impatt u s-sostenibbiltà tal-programm. L-ewwel nett, jista' jkun rakkomandabbli li wieħed jikkunsidra t-twaqqif ta’ żewġ tipi ta’ fora; wieħed biex jiddiskuti kwistjonijiet teknoloġiċi li jinqalgħu fir-rigward tal-programm u l-għanijiet tiegħu; u l-ieħor biex jiddiskuti kwistjonijiet leġiżlattivi rilevanti li jinqalgħu fil-pajjiżi individwali. It-tieni nett, qed jiġi ssuġġerit li jiġu żviluppati aktar l-indikaturi għall-kejl tal-impatt ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni. Il-programm għandu jtejjeb ukoll l-opportunitajiet għal proġetti ffinanzjati minn programmi differenti tal-Kummissjoni għall-iskambju tal-għarfien u d-diskussjoni ta’ kwistjonijiet komuni.

5. KUMMENTI U KONKLUŻJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

L-evalwazzjoni interim tikkonferma li l-attivitajiet u l-inizjattivi tal-Programm tal-Internet Aktar Sikur kellhom suċċess skont l-indikaturi tal-evalwazzjoni. Huwa aspett partikolarment pożittiv li l-programm irnexxielu jevolvi skont in-natura li qed tinbidel malajr tad-dominju li jinkludi kunsiderazzjonijiet kemm teknoloġiċi kif ukoll soċjoloġiċi.

Il-Kummissjoni tqis bis-sħiħ is-sejbiet u se tqis ir-rakkomandazzjonijiet fl-attivitajiet u l-istrateġiji attwali u futuri tal-programm.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni sabiex:

(1) Jieħdu nota li l-programm ġie implimentat b’suċċess sa nofs il-mandat;

(2) Jgħinu lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha biex iżżid il-viżibbiltà, tistimula d-djalogu kontinwu u tappoġġa ż-żieda ta' atturi u partijiet interessati fil-qasam tal-Internet Aktar Sikur.

[1]               Ċentri ta’ Internet Aktar Sikur: http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/projects/centres/index_en.htm

[2]               Ċentri tan-Netwerk Ewropew tas-Sensibilizzazzjoni http://www.saferinternet.org/web/guest/home;jsessionid=CFCEC3A1AE9934CF71917E6C207ABB2C

[3]               Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Linji tat-Telefown tal-Emerġenza tal-Internet INHOPE http://www.inhope.org/GNS/Home.aspx

[4]              

Top