Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0022

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżviluppIt-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn

/* KUMM/2012/022 finali */

52012DC0022

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżviluppIt-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn /* KUMM/2012/022 finali */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn

1. Għan

Ix-xena ekonomika dinjija nbidlet drammatikament fl-aħħar deċennju, b’implikazzjonijiet profondi għall-kummerċ, l-investiment u l-iżvilupp tal-politiki. Storikament it-tariffi baxxi u r-riorganizzazzjoni tal-kummerċ internazzjonali tul il-katina tal-provvista globali qegħdin dejjem aktar jiffokaw fuq kwistjonijiet politiċi kummerċjali ta' wara l-fruntiera. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għaddew minn bidliet radikali. Xi wħud minnhom, bħaċ-Ċina, l-Indja jew il-Brażil, irnexxielhom igawdu l-benefiċċji ta' swieq dinjin miftuħa u dejjem aktar integrati u issa huma fost l-akbar ekonomiji globali u kompetittivi filwaqt li oħrajn għadhom lura u fir-riskju ta' emarġinazzjoni ulterjuri. Il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) b’mod partikolari, prinċipalment fl-Afrika, qed ikomplu jiffaċċjaw ħafna diffikultajiet u huma l-aktar li baqgħu lura fil-kisba tal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju.

B'riżultat ta' dan il-kunċett ta' '"pajjiżi li qed jiżviluppaw" bħala grupp qed jitlef r-rilevanza tiegħu u l-politiki tal-kummerċ, l-investiment u l-iżvilupp issa għandhom bżonn jiġu adattati sabiex jirriflettu dan. Il-kwistjoni tal-iżvilupp, madankollu, u r-rwol speċifiku tal-kummerċ għall-iżvilupp, għadhom urġenti. L-UE għandha responsabbiltà partikolari bħala l-akbar setgħa kummerċjali tad-dinja, l-akbar imsieħba kummerċjali ta’ ħafna LDCs u pajjiżi oħra bi dħul baxx jew bi dħul medju għal baxx, u l-akbar fornitur ta' għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja (inkluż għal programmi relatati mal-kummerċ).

B'segwitu għall-Komunikazzjoni tal-2010 dwar it-Tkabbir, il-Kummerċ u l-Kwistjonijiet Dinjija[1], il-komunikazzjoni preżenti qiegħda taġġorna l-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp[2] biex tirrifletti t-tibdil fir-realtajiet ekonomiċi, tevalwa l-mod kif l-UE wettqet l-impenji tagħha u tfassal id-direzzjoni li l-politiki tal-UE għall-kummerċ u l-investiment għall-żvilupp għandhom jieħdu fid-deċennju li jmiss. Filwaqt li tikkonferma l-prinċipji ewlenin iddikjarati fl-2002, din il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li ssir dejjem aktar differenzazzjoni fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tiffoka fuq dawk l-aktar fil-bżonn, kif ukoll biex jitjieb il-mod kif l-istrumenti tagħna jaslu għar-riżultati. Tenfasizza wkoll il-ħtieġa għall-imseħbin tagħna fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iwettqu riformi domestiċi u għall-ekonomiji emerġenti u żviluppati oħra biex jilħqu l-istess inizjattivi tagħna għas-swieq miftuħa għall-pajjiżi l-aktar fil-bżonn.

Din il-Komunikazzjoni tipproponi mezzi konkreti biex jissaħħu s-sinerġiji bejn il-politiki tal-kummerċ u tal-iżvilupp. Politika kummerċjali effettiva hija kruċjali fit-titjib tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa u lil hinn minnha u fil-projezzjoni tal-valuri u l-interessi tal-UE fid-dinja. Tista’ wkoll tkun mutur b'saħħtu għall-iżvilupp, konsistentement mal-prinċipju tal-UE ta’ Koerenza Politika għall-Iżvilupp[3]. Il-politika għall-iżvilupp effikaċi hija essenzjali biex tgħin li jinħolqu kundizzjonijiet aħjar għall-kummerċ u l-investiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll li tiżgura distribuzzjoni ugwali tal-benefiċċji tagħhom għall-eradikazzjoni tal-faqar. Il-komunikazzjoni "Aġenda għall-Bidla"[4] twiegħed appoġġ akbar biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju, biex tiġi promossa l-integrazzjoni reġjonali u biex tgħin tisfrutta l-opportunitajiet li joffru s-swieq dinjija, bħala mutur għal tkabbir inklużiv u żvilupp sostenibbli. L-UE hija ggwidata fl-azzjoni esterna kollha tagħha mill-valuri bażiċi li jirfdu l-eżistenza tagħha stess, inkluż ir-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet umani[5].

2. Dinja li qed tinbidel 2.1. Ir-ridistribuzzjoni kbira fl-ordni ekonomika dinjija

L-ekonomija dinjija qed tinbidel b’rata mingħajr preċedent. Ħafna pajjiżi rnexxielhom jiġġestixxu l-potenzjal ta' sistema kummerċjali miftuħa biex iżidu l-esportazzjonijiet tagħhom tal-oġġetti manifatturati u s-servizzi relatati mal-esportazzjonijiet tal-prodotti bażiċi tagħhom u biex igawdu rati sostnuti tat-tkabbir tal-PDG. Iċ-Ċina saret l-akbar esportatur fid-dinja wara l-UE u t-tielet l-akbar ekonomija wara l-UE u l-Istati Uniti. L-Indja, il-Brażil u ekonomiji emerġenti oħra qegħdin isegwu triq simili. Irnexxielhom jattiraw l-Investiment Barrani Dirett (IBD) u issa huma stess huma investituri globali ewlenin. L-ekonomiji emerġenti qed imexxu t-tkabbir dinji u huma rikonoxxuti bħala atturi ekonomiċi u politiċi kbar internazzjonalment. Huma qed isaħħu l-preżenza tagħhom fil-pajjiżi l-fqar u r-rabtiet tagħhom magħhom. Għall-ewwel darba fl-istorja reċenti, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala entità sħiħa jammontaw għal aktar minn nofs il-kummerċ dinji. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali aċċellerat iċ-ċaqliq fil-poter ekonomiku lil hinn mill-pajjiżi żviluppati lejn ekonomiji emerġenti, li issa qed jidhru bħala parti mis-soluzzjoni għall-kriżi.

Il-prestazzjoni kummerċjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Sors: IMF

Filwaqt li dawn il-bidliet għenu biex jeħilsu mijiet ta' miljuni ta' nies mill-faqar, mhux il-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw gawdew. L-LDCs b'mod partikolari ġew emarġinati iktar [6]. Minkejja dan, il-PDG u l-kummerċ kibru b’mod sinifikanti f’xi wħud minnhom, prinċipalment bis-saħħa taż-żieda fiż-żejt u l-esportazzjonijiet tal-prodotti bażiċi globali b'riżultati limitati fit-tnaqqis tal-faqar. Ħafna LDCs saru dejjem iktar dipendenti fuq għadd żgħir ta’ prodotti għall-esportazzjoni, partikolarment il-prodotti bażiċi primarji[7]. Madankollu, xi LDCs, bħall-Bangladexx u l-Kambodja, irreġistraw progress tajjeb, xprunati mill-ispeċjalizzazzjoni tagħhom fil-manifatturi tat-teknoloġija baxxa, primarjament it-tessuti. Xi pajjiżi Afrikani li ma jesportawx żejt/prodotti bażiċi wkoll marru tajjeb tul l-aħħar għaxar snin u kabbru wkoll is-settur tas-servizzi. Parzjalment bħala riżultat ta' programm biex jistimula l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, bħall-kafè, u biex jiġbed it-turisti, iż-żieda fl-esportazzjoni annwali medja tar-Rwanda, mill-2001 kienet ta' 19%, akkumpanjata minn rati għoljin ta' tkabbir ekonomiku u titjib kontinwu fl-indikaturi tal-iżvilupp tal-bniedem. Eżempju ieħor huwa l-Cape Verde, li ggradwa minn status ta' LDC u laħaq livell ta' dħul fil-faxxa tan-nofs lejn il-baxx fl-2007, bis-saħħa tal-ġestjoni makroekonomika u governanza tajba inkluż il-ftuħ progressiv tal-kummerċ u l-integrazzjoni fl-ekonomija dinjija.

Bejn l-LDCs u l-pajjiżi emerġenti, il-prestazzjoni tal-pajjiżi varjat, notevolment fir-rigward tal-ambitu tar-riformi domestiċi u l-integrazzjoni tagħhom fl-ekonomija dinjija.

2.2. Tagħlimiet għall-politiki tal-kummerċ u tal-investiment għall-iżvilupp

Il-ftuħ għall-kummerċ kien element ewlieni biex jirnexxu l-istrateġiji tat-tkabbir u l-iżvilupp. L-ebda pajjiż ma qatt kien kapaċi jsostni t-tkabbir fit-tul mingħajr ma integra fl-ekonomija dinjija. L-aċċess għas-swieq barra mill-pajjiż jippermetti ekonomiji ta’ skala ikbar u speċjalizzazzjoni, filwaqt li l-aċċess għal inputs orħos u aktar varjati, inkluż servizzi aktar effiċjenti, jiftaħ possibbiltajiet ġodda għall-produzzjoni. L-IBD wkoll sar kontributur essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni (pereżempju l-affiljati barranin illum jgħoddu għal 75% tal-kummerċ taċ-Ċina). Il-ftuħ għall-mobilità tan-nies jista' jikkontribwixxi għat-trasferimenti tal-ħiliet kif ukoll għal investimenti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment jekk wieħed iqis ir-rwol tal-komunitajiet dijaspora[8].

Madankollu, filwaqt li l-kummerċ huwa kundizzjoni neċessarja għall-iżvilupp, dan mhuwiex suffiċjenti. Il-kummerċ jista' jrawwem it-tkabbir u t-tnaqqis tal-faqar, skont l-istruttura tal-ekonomija, sekwenzi xierqa ta' miżuri tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u politiki komplimentari. Ir-riformi domestiċi huma essenzjali biex isostnu t-tkabbir xprunat mill-kummerċ u l-investment. Il-prestazzjoni ekonomika tal-LDCs ħafna drabi tkun imxekkla mhux biss minn ekonomiji u bażijiet ta' esportazzjoni ddiversifikati b'mod inadegwat, infrastruttura u servizzi inadegwati jew nuqqas ta' ħiliet adegwati iżda wkoll minn fatturi politiċi marbuta ma' governanza, korruzzjoni u frodi, nuqqas ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u trasparenza, kapaċità amministrattiva dgħajfa, politiki ineffiċjenti ta' tassazzjoni u evażjoni tat-taxxa fuq skala kbira, strumenti insuffiċjenti ridistributtivi, oqfsa dgħajfa ta' politika soċjali u ambjentali, esplojtazzjoni tar-rizorsi naturali, theddid ta' sigurtà u nuqqas ta' stabbiltà.

Biex il-kummerċ jaħdem għall-iżvilupp, jeħtieġ ħafna iktar milli jitbaxxew it-tariffi. Jeħtieġ li l-politiki kummerċjali moderni u favur l-iżvilupp jindirizzaw firxa ta' kwistjonijiet, li jvarjaw mill-iffaċilitar tan-negozju fil-livell lokali u reġjonali għal regolamenti tekniċi, soċjali u ambjentali, il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-miżuri ta' appoġġ għall-investiment, ir-regolamentazzjoni tas-servizzi, il-politiki dwar il-kompetizzjoni u t-trasparenza u l-aċċess għas-suq fl-akkwisti tal-gvern. Il-progress fuq dawn il-kwistjonijiet jista' jtejjeb it-trasparenza, il-prevedibbiltà u r-responsabbiltà, li huma essenzjali għall-izvilupp inklużiv u t-tnaqqis tal-faqar li t-tnaqqis fit-tariffi biss ma jistgħux jipprovdu. Fl-aħħarnett, huma meħtieġa politiki attivi biex jimminimizzaw l-effetti negattivi tal-ftuħ tal-kummerċ.

Id-diversità li dejjem qed tikber ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw titlob għal aktar differenzjazzjoni fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE. L-ekonomiji emerġenti u dawk iktar fqar għandhom potenzjali, ħtiġijiet u objettivi differenti, u b'hekk jeħtieġu approċċ ta' politika differenti. Il-politika trid tiġi mfassla bir-reqqa biex tirrifletti sitwazzjonijiet differenti. Għandhom jingħataw prijorità dawk il-pajjiżi li għandhom prospetti limitati ta' tkabbir fit-tul u ta' żvilupp sostenibbli mingħajr assistenza esterna, b'mod partikolari l-LDCs u pajjiżi oħra l-aktar fil-bżonn, skont dak li jkun ġie propost fil-qasam tal-politika tal-iżvilupp[9]. B'mod parallel, qed intejbu l-impenn tagħna mal-ekonomiji emerġenti, kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-2010 dwar il-Kummerċ, it-Tkabbir u l-Affarijiet Dinjija. Iżda, ir-relazzjoni tagħna magħhom qed tinbidel fin-natura tagħha, u qed tiffoka inqas fuq l-iżvilupp u iktar fuq forom oħra ta' sħubija bbażata fuq interessi u benefiċċji konġunti, kif ukoll fuq responsabbiltajiet globali kondiviżi b'mod ekwu[10].

3. Dak li għamilna s’issa

Il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp għamlet impenji biex tagħti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw aċċess akbar għas-suq tal-UE, biex jingħataw fondi xierqa għal għajnuna relatata mal-kummerċ, u biex il-kummerċ isir parti ċentrali tal-istrateġiji tal-iżvilupp. L-impenji inkludew l-użu ta' ftehimiet kummerċjali biex jiġi promoss aċċess akbar għas-swieq, tiġi appoġġjata l-integrazzjoni reġjonali u biex jittejbu r-regoli tal-kummerċ biex jgħinu fil-promozzjoni tal-iżvilupp. Is-suq tal-UE huwa dak l-aktar miftuħ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Minbarra fil-każ tal-fjuwil, aħna nimportaw aktar mil-LDCs milli mill-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun u ċ-Ċina flimkien. Aħna wettaqna l-impenji tagħna filwaqt li ħafna drabi wittejna t-triq fil-livell globali. Aktar progress huwa, madankollu, meħtieġ.

3.1. Skemi awtonomi innovattivi

Stabbilixxejna żewġ skemi preferenzali ġodda bħala parti mis-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SPG)[11]:

· Fl-2001, l-inizjattiva “Kollox Ħlief l-Armi (EBA)" kienet radikali billi fetħet is-suq tal-UE għal-LDCs mingħajr kwalunkwe tariffa jew kwota. Għaxar snin wara, l-EBA wriet li kienet magna effettiva biex issaħħaħ l-esportazzjonijiet tal-LDC lejn s-suq tagħna. L-importazzjonijiet mill-pajjiżi anqas żviluppati tal-UE kibru 25% aktar malajr mill-importazzjonijiet minn reġimi preferenzjali nonbenefiċjarji (l-esportazzjonijiet tat-tessuti tal-Bangladexx huma eżempju importanti)[12]. Min-naħa l-oħra, l-impatt fuq d-diversifikazzjoni tal-esportazzjoni huwa mħallat. Ir-rati ta' utilizzazzjoni għadhom jistgħu jitjiebu. Il-pressjoni kompetittiva mill-imsieħba preferenzjali aktar avvanzati (li jassorbu aktar minn 40% tal-esportazzjonijiet preferenzjali tal-SPG) u l-erożjoni tal-preferenza saru aktar b'saħħithom, u b'hekk jindikaw il-ħtieġa għal riforma għas-sistema SPG (ara 4.1.1).

· L-iskema SPG+ stabbilita fl-2006 hija għodda ferm innovattiva tal-politika tal-kummerċ tal-UE li tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli, speċifikament immirat lejn pajjiżi vulnerabbli li qed jiżviluppaw. Il-preferenzi addizzjonali tagħha jirrappreżentaw inċentiv qawwi għall-pajjiżi impenjati li jimplimentaw konvenzjonijiet internazzjonali prinċipali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, il-ħarsien tal-ambjent u l-governanza tajba. L-iskema SPG+ attwalment tikkonċerna 16-il benefiċjarju[13]. Hi tat spinta lill-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE, u kważi kollha gawdew minn benefiċċji sinifikanti fir-rigward tal-introjtu. Sfida għall-futur hija li jitwessaw il-kriterji tal-aċċess u l-inċentivi, u li jissaħħaħ il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali prinċipali.

Aħna wkoll għamilna sforzi sostanzjali biex niffaċilitaw l-użu ta' skemi preferenzjali eżistenti:

· Ir-regoli ta' oriġini tal-SPG il-ġodda applikabbli sa mill-2011[14] jindirizzaw il-kritika li r-regoli riġidi tal-oriġini jinibixxu pajjiżi li qed jiżviluppaw milli jagħmlu użu sħiħ mill-preferenzi tal-UE. Ir-regoli l-ġodda huma aktar sempliċi u eħfef biex wieħed jikkonforma magħhom. Huma joffru possibilitajiet estiżi għall-akkwisti, permezz ta' opportunitajiet ġodda għal kumulazzjoni reġjonali u transreġjonali bejn il-pajjiżi. L-LDCs jibbenefikaw minn flessibbiltajiet ulterjuri, lil hinn minn livelli offruti minn ħafna pajjiżi żviluppati oħrajn fl-iskema tal-SPG tagħhom stess. Ġew ukoll proposti regoli mtejba fi Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) (ara 3.3).

· Fl-2004, il-Kummissjoni fetħet servizz onlajn għal esportaturi potenzjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar aspetti prattiċi għall-ksib tal-aċċess għas-suq tal-UE – il-Helpdesk għall-Esportazzjoni[15]. Is-servizz jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar it-tariffi ta' importazzjoni tal-UE, ir-regoli tal-oriġini, il-proċeduri doganali, ir-rekwiżiti tekniċi, eċċ. Dan huwa strument uniku madwar id-dinja, għalkemm l-użu f’LDCs jistgħu jiżdiedu.

3.2. L-Għajnuna għall-Kummerċ (AfT)

· L-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin jixprunaw l-isforzi globali għall-Għajnuna għall-Kummerċ (AfT), li jammontaw għal aktar minn terz tal-flussi totali. Fl-2007, l-UE adottat strateġija konġunta mal-Istati Membri tal-UE. Fl-2009, aħna rduppjajna l-isforzi tagħna, u lħaqna €10,5bn - 'l fuq mill-miri tagħna. Aktar minn terz tal-għajnuna tal-UE issa tappoġġja l-ħtiġijiet relatati mal-kummerċ. Madankollu, ninsabu mħassba li l-LDCs jirċievu biss parti limitata mill-AfT (22%). Ħdimna biex inżidu l-effettività billi ħeġġiġna l-adattazzjoni aħjar għall-opportunitajiet tal-kummerċ, inkluż permezz ta' koerenza u monitoraġġ internazzjonali aħjar, għalkemm nagħrfu li hawn ukoll għadu meħtieġ aktar progress.

Għajnuna tal-UE Kollettiva għall-Kummerċ (UE u l-Istati Membri tal-UE)

3.3. Sforzi mġedda bilaterali u reġjunali

B'segwitu tal-ftehim tal-Cotonou, fl-2002 bdew negozjati ma' pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) biex jikkonkludu Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE). FSE reġjonali komprensiv, ġie ffirmat u applikat proviżorjament mal-grupp ta’ Stati tal-CARIFORUM fil-Karibew. Aħna nnegozjajna FSE interim ma' pajjiżi u reġjuni oħra biex niżguraw il-kontinwità fil-kummerċ tal-oġġetti ladarba l-preferenzi ta' Cotonou skadew fl-aħħar tal-2007. Negozjati għal ftehimiet imsaħħa issa qed jissoktaw mar-reġjuni kollha. Sakemm isseħħ ir-ratifika tal-FSE interim, ġew adottati miżuri temporanji f’Diċembru tal-2007[16]. F’Settembru 2011, il-Kummissjoni pproponiet li żżomm dawn l-arranġamenti għall-aċċess tas-suq wara l-2013 biss għal dawk il-pajjiżi li qegħdin jieħdu l-passi meħtieġa lejn ir-ratifika tal-FSE rispettivi tagħhom[17].

Fl-2006, il-Komunikazzjoni Ewropa Globali[18] nediet serje ġdida ta' negozjati ta' Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTA) ma' pajjiżi u reġjuni li qed jiżviluppaw aktar avvanzati. Għaddejjin taħdidiet mal-India u l-Mercosur. Minħabba l-progress kajman li rriżulta fl-approċċ interreġjonali mal-ASEAN, issa qed isiru negozjati bilaterali mas-Singapor u l-Malasja. Aħna kkonkludejna wkoll negozjati fuq FTAs komprensivi mal-Perù, il-Kolumbja u l-Amerika Ċentrali kif ukoll mal-Ukraina.

L-UE konsistentement fittxet li tippromwovi l-integrazzjoni reġjonali, notevolment bħala mezz sabiex jingħelbu l-iżvantaġġi ta' swieq żgħar u frammentati, biex il-pajjiżi isiru aktar attraenti għall-IBD u biex tixpruna t-tkabbir ekonomiku. Il-ftehimiet tagħna mal-Amerika Ċentrali u l-CARIFORUM appoġġjaw bis-sħiħ proċessi ta' integrazzjoni reġjonali, iżda aħna rrealizzajna l-ħtieġa li naġġustaw l-approċċ tagħna fejn ir-rieda politika jew il-kapaċità reġjonali ma kinux b'saħħithom biżżejjed. F’xi każijiet, irridu nimxu 'l quddiem fuq bażi bilaterali bħala pass intermedjarju lejn l-għan fit-tul tal-ftehimiet bejn ir-reġjuni b'mezzi li ma jwaqqfux imsieħba reġjonali oħra milli jingħaqdu meta dawn ikunu lesti li jagħmlu dan. Aħna ddedikajna fondi sostanzjali għall-integrazzjoni reġjonali, għalkemm ir-riżultati ta' spiss ma laħqux l-aspettattivi. Diffikultà ewlenija hija l-kapaċità limitata ta' organizzazzjonijiet reġjonali biex jifformulaw proposti għall-proġetti li huma vijabbli u appoġġjati mill-membri tagħhom.

3.4. Stampa globali mħallta

L-UE kienet strumentali biex tniedi n-negozjati kummerċjali multilaterali ta' Doha fl-2001. Madankollu, għaxar snin ta' negozjati ma wasslux għal ftehim. Anke ftehim interim fuq pakkett ta' miżuri għall-ifqar pajjiżi qed jidher prekarju. Għamilna sforzi konsiderevoli biex mmexxu 'l quddiem in-negozjati, inkluż permezz ta' tressiq ta' prospetti bla preċedent b'vantaġġi sinifikanti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jew f'termini ta' aċċess għas-suq jew f'dixxiplini fuq sussidji agrikoli. Aħna repetutament għamilna proposti ta' kompromess. Iżda diffikultajiet strutturali marbuta ma' nuqqas ta' impenn min-naħa tal-membri tad-WTO fissru li ma kienx possibbli li naslu għal ftehim fuq xi parametri ewlenin.

L-impenn mill-bidu tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali biex jiġi evitat il-protezzjoniżmu, li l-UE ħaddnet bil-qawwa, kien aktar ta' suċċess, għalkemm għad hemm bżonn ta' viġilanza[19]. L-UE appoġġjat l-integrazzjoni ta’ bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw fid-WTO (eż. reċentement is-Samoa u l-Vanuatu).

4. Kompiti għad-diċennju li jmiss

B'segwitu tal-isforzi u r-riżultati riċenti iżda wkoll permezz tat-tagħlim mill-esperjenza meta l-progress ma kienx ta' suċċess kif kien mixtieq, l-UE se żżid l-isforzi biex tgħin lil dawk il-pajjiżi li l-iktar għandhom bżonn li jgawdu l-benefiċċji mis-swieq dinjija dejjem iktar integrati. Madankollu, dan is-suċċess se jiddependi l-iktar fuq is-sjieda tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u r-rieda li jimpenjaw rwieħhom għar-riformi domestiċi meħtieġa. Hemm ħafna xi jsir fil-qafas multilaterali, fejn l-isforzi tagħna f'isem il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn għad iridu jintlaħqu minn poteri kummerċjali ewlenin oħrajn.

4.1. Dak li tista' toffri l-Ewropa

L-UE għandha tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq l-iktar pajjiżi fqar u vulnerabbli u tiżgura li dawk l-isforzi jitfasslu skont il-bżonnijiet u r-restrizzjonijiet tagħhom, filwaqt li jkunu żgurati l-koerenza u l-komplementarjetà bejn il-kummerċ, l-iżvilupp u politiki oħra.

4.1.1.   Aktar preferenzi ffukati

Il-Kummissjoni pproponiet riforma tal-iskema tal-SPG sabiex tiżgura li l-preferenzi korrispondenti jibbenefikaw dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn[20]. Ir-reviżjoni tqis id-differenzi li dejjem qegħdin jikbru bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-bżonnijiet differenti tagħhom, u tissuġġerixxi li jiġu riveduti l-kriterji tal-eliġibilità u l-mekkaniżmi ta' gradwazzjoni biex jiżguraw li l-LDCs, il-pajjiżi bi dħul baxx u l-pajjiżi bi dħul medju għall-baxx biss jibbenefikaw mis-sistema fis-setturi fejn hi meħtieġa l-għajnuna.l Il-prevedibbiltà għall-operaturi ekonomiċi se tissaħħaħ ukoll, u tiġi bbażata fuq skema miftuħa u passi proċedurali aktar trasparenti għal aġġustamenti meħtieġa, b’perjodi ta' tranżizzjoni xierqa.

Pakkett għall-promozzjoni tal-kummerċ għal operaturi żgħar f'pajjiżi li qed jiżviluppaw

In-negozji żgħar jiffurmaw is-sinsla għall-ekonomiji ta' ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fis-settur informali kbir u dawn isofru sproporzjonalment minn proċeduri amministrattivi kumplessi, u nuqqas ta’ informazzjoni, taħriġ, konnessjonijiet jew aċċess għall-finanzi. Sabiex jiġi indirizzat dan it-tħassib, se jitqiesu l-inizjattivi li ġejjin:

· Tiġi estiża l-informazzjoni prattika dwar il-politiki tal-kummerċ u t-tagħrif dwar is-suq. Bħala komplement għall-Helpdesk tal-Esportazzjoni tal-UE, aħna se nappoġġjaw inizjattiva multilaterali dwar it-trasparenza fil-kummerċ biex tiġi pprovduta informazzjoni simili fis-swieq kollha. Din hija speċjalment utli għall-kummerċ reġjonali u l-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar.

· Jiġi faċilitat l-użu tal-għodod tal-proprjetà intellettwali minn produtturi u bdiewa żgħar biex jiġu megħjuna jimmassimizzaw il-valur ekonomiku tal-prodotti tagħhom, permezz tal-iżvilupp u l-protezzjoni tal-identità u l-kwalità tal-prodott, bl-użu ta' trade marks, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-disinji[21].

· Netwerks tal-ferrovija ta' kummerċjanti żgħar dijaspora fl-UE (eż. dwar proċeduri tal-kummerċ, l-istandards, l-aċċess għall-finanzi) biex isir kontribut pożittiv għall-iżvilupp fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom.

· Jiġi promoss djalogu mal-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju fi ħdan il-Forum tal-Finanzi tal-SMEs dwar l-Afrika stabbilit fl-2011 u l-Memorandum ta' Ftehim iffirmat mal-Kummissjoni tal-Unjoni għall-Afrika fit-30 ta’ Novembru 2011.

· Jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi għall-esportaturi/kummerċjanti żgħar minn pajjiżi li qed jiżviluppaw. Ninsabu lesti biex nappoġġjaw il-ħidma tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali f’dan il-qasam kif ukoll ir-reviżjoni tal-ħtiġijiet li l-G20 qed jimpenja ruħu li jagħmel fil-pajjiżi bi dħul baxx[22].

· Tiġi estiża proċedura ssimplifikata sabiex tiġi akkwistata prova tal-oriġini. Il-preferenzi kummerċjali jintużaw relattivament inqas għal transazzjonijiet żgħar, parzjalment minħabba r-relazzjoni għolja bejn l-ispejjeż u l-benefiċċju meta wieħed jikseb ċertifikat tal-oriġini. Ir-riforma tal-2011 tar-regoli tal-oriġini għall-SPG tippermetti għal proċedura ssimplifikata bbażata fuq l-awtoċertifikazzjoni għall-konsenji kollha, ibbażata fuq reġistrazzjoni minn qabel mill-esportatur. Jekk din is-sistema taħdem tajjeb, se nqisu li nestenduha għal arranġamenti preferenzjali oħra.

· Tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni tan-negozji ż-żgħar fi skemi ta' kummerċ li jassiguraw valur miżjud għall-prodotturi, inklużi dawk li jirrispondu għas-sostenibbilità (eż. kummerċ ġust, etiku jew organiku) Dan jista' jkun mod effettiv biex il-produtturi jiddifferenzjaw il-prodotti tagħhom, ikollhom poter ta' negozju ikbar fuqhom u jiksbu prezzijiet bi primjums.

4.1.2.   Għajnuna għall-Kummerċ immirata aħjar

Se nkomplu nħeġġu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinkludu l-kummerċ fl-istrateġiji tal-iżvilupp tagħhom. F'dan il-kuntest, l-AfT tista' tkun strumentali u aħna se nkomplu bl-isforzi tagħna biex inkomplu ntejbu l-programmazzjoni u t-twettiq tagħha.

· Titjieb il-kumplimentarjetà bejn il-politiki tal-kummerċ u tal-iżvilupp: Meta l-miżuri tal-politika tal-kummerċ joħolqu iktar opportunitajiet għall-imsieħba ta' żvilupp tagħna (eż. l-FSE, il-PSG il-ġdida, ir-regoli ġodda ta' oriġini), aħna se nkunu lesti li noffru l-AfT biex ngħinuhom jieħdu vantaġġ minnhom. Strumenti bħal programmi settorjali jew appoġġ għall-baġit jistgħu jassistu riformi ekonomiċi meħtieġa biex ikunu kapaċi jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet tal-kummerċ u tal-investiment[23]. Minbarra programmi ġeografiċi, jistgħu jintużaw programmi tematiċi ġodda biex jakkumpanjaw il-ftuħ tal-kummerċ[24].

· Il-fokus fuq l-LCDs. Aħna għandna nżommu appoġġ effettiv biex insaħħu l-kapaċitajiet għall-indentifikazzjoni, il-prijoritazzjoni u l-implimentazzjoni tal-AfT, li tibni fuq il-Qafas Integrat Imsaħħaħ żviluppat mill-multidonaturi, li jappoġġja l-LDCs biex jiżviluppaw il-kummerċ.

· Il-fokus fuq l-operaturi ż-żgħar Aħna għandna niżguraw li l-operaturi ż-żgħar, inkluż il-bdiewa ż-żgħar, ikollhom aċċess xieraq għall-AfT biex jiġi ffaċilitat l-involviment tagħhom fis-swieq esterni.

· Jissaħħu s-sħubijiet ekonomiċi, id-djalogi regolatorji u l-kooperazzjoni kummerċjali. It-taqsim tal-esperjenzi tal-UE jistgħu jgħinu lill-pajjiżi msieħba tagħna jamministraw ir-riformi domestiċi tagħhom (ara 4.2) u l-aċċess għas-suq tal-UE. L-Istrument tas-Sħubija il-ġdid, li l-Kummissjoni pproponiet, se jappoġġja tali inizjattivi partikolarment f'ekonomiji emerġenti u jgħin biex irawwem forom ġodda ta’ kooperazzjoni fil-pajjiżi li tejbu l-qagħda tagħhom permezz tal-assistenza bilaterali fl-iżvilupp.

· Reviżjoni tal-approċċ tagħna tal-appoġġ għall-integrazzjoni reġjonali. Filwaqt li nkomplu niffokaw fuq il-bini tal-kapaċitajiet kemm tal-amministrazzjonijiet reġjonali kif ukoll dawk nazzjonali responsabbli mill-integrazzjoni, għandna nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b’mod aktar strateġiku fid-djalogu politiku mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Jistgħu jitfasslu programmi reġjonali AfT speċifiċi biex jiġu ffaċilitati l-kummerċ u l-konnettività. Meta l-organizzazzjonijiet reġjonali jissimplifikaw il-kompożiżżjoni tagħhom sabiex jirriflettu aħjar ir-realtajiet ekonomiċi u politiċi, aħna se nkunu hemm lesti biex nappoġġjawhom.

· Il-popolazzjoni titħejja għall-bidla: Il-politiki marbuta mal-ħiliet u l-edukazzjoni, id-drittijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali huma partikolarment rilevanti għas-segmenti l-iktar fqar u vulnerabbli tal-popolazzjoni, inklużi n-nisa u t-tfal, b'mod partikolari fir-rigward tar-riformi tal-kummerċ. Din id-dimensjoni għalhekk għandha tiġi integrata bis-sħiħ fil-kooperazzjoni tal-iżvilupp tal-UE, f'konformità mal-appoġġ kontinwu tagħha għal xogħol deċenti, id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni soċjali[25].

· Tittejjeb l-effettività tal-għajnuna: L-għoti tal-AfT għandu jsegwi l-prinċipji u l-obbligi miftiehma f’Fora ta’ Livell Għoli dwar l-effettività tal-għajnuna[26]. Kif miftiehem waqt il-forum Busan, l-AfT għandha tiffoka fuq ir-riżultati u l-impatt, biex tibni kapaċitajiet produttivi, tgħin tindirizza l-fallimenti tas-suq, issaħħaħ l-aċċess għal swieq kapitali u tippromwovi approċċi li jittaffu r-risku ffaċjat minn atturi tas-settur privat. Il-koordinazzjoni aħjar fost id-donaturi tal-UE hija essenzjali. It-titjib tal-kooperazzjoni ma' donaturi mhux tradizzjonali jew emerġenti se tkun meħtieġa wkoll. Kif miftiehem ukoll f'Busan, aħna se niffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-impenji fil-livell tal-pajjiż u nappoġġjaw is-Sħubija Globali l-ġdida u inklużiva għal- Kooperazzjoni tal-Iżvilupp Effettiv[27].

4.1.3.   Strumenti komplementari li jixprunaw l-IBD

Filwaqt li l-Investiment Barrani Dirett (IBD) fi jew min-naħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kiber f'dan l-aħħar deċennju, fil-biċċa l-kbira evita l-pajjiżi l-aktar fil-bżonn minħabba il-prospetti ekonomiċi mwiegħra u l-kundizzjonijiet ta' investiment sfavorevoli. L-investituri jeħtieġu ambjenti regolatorji stabbli, trasparenti u prevedibbli. L-UE tista' tgħin ittejjeb l-ambjent tan-negozju permezz tal-AfT u firxa ta' strumenti rrelatati mal-Investiment Barrani Dirett, issa estiżi permezz tat-Trattat ta' Liżbona, li ppermettiet li jsiru investimenti fil-qafas tal-politika kummerċjali tal-UE; kompetenza esklużiva tal-UE[28].

· Id-dispożizzjonijiet fl-FTA tal-UE jagħtu lill-investituri ċertezza legali akbar fir-rigward tal-aċċess tas-suq u l-kondizzjonijiet li fihom huma permessi li joperaw. Aħna ninkludu setturi (pereżempju t-telekomunikazzjoni, it-trasport, il-qasam bankarju, l-enerġija, is-servizzi ambjentali, il-kostruzzjoni u s-servizzi tad-distribuzzjoni) li jgħinu jibnu ambjent favorevoli għan-negozju u l-iżvilupp tal-infrastruttura. L-UE turi flessibiltà u sensittività għall-ħtiġijiet tal-imsieħba tagħha f'dawn in-negozjati: is-setturi elenkati espliċitament biss huma koperti, u d-dritt ta' pajjiżi biex jirregolaw u biex idaħħlu limitazzjonijiet u restrizzjonijiet huwa ppreservat.

· Il-ħarsien tal-investiment mogħti minn Trattati Bilaterali fuq l-Investiment (BIT) jista' wkoll itejjeb il-potenzjal tal-IBD, billi protezzjoni bħal din tipprovdi garanziji addizzjonali u żżid iċ-ċertezza legali għall-investituri. L-Istati Membri tal-UE diġà għandhom netwerk kbir ta' BITs mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Aħna biħsiebna nużaw ftehimiet dwar il-protezzjoni tal-investimenti fil-livell tal-UE b'mod progressiv, jew bħala parti min-negozjati tal-FTA għaddejjin bħalissa jew bħala ftehimiet awtonomi. Aħna lesti neżaminaw talbiet minn pajjiżi imsieħba li qed jiżviluppaw interessati f'din il-possibbiltà.

· Il-mekkaniżmi ta' taħlit tal-UE jistgħu jintużaw għall-ingranaġġ tal-investiment domestiku u barrani fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw[29]. L-għotjiet se jingħaqdu ma' pereżempju self jew kapital ta’ riskju biex isostnu l-vijabbiltà finanzjarja ta' investimenti strateġiċi. Aħna se nimmiraw li jitwassal sehem akbar ta' għajnuna permezz ta' għodod finanzjarji innovattivi bħal dawk taħt l-istrumenti finanzjarji l-ġodda koperti mill-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020[30]. L-użu ta' strumenti finanzjarji bħal dawn ser jiġi vvalutat każ b'każ f' pajjiżi fejn is-sostenibbiltà tad-dejn hija fraġli. Strumenti oħra li se jitqiesu jinkludu l-garanziji, l-ekwità privata u l-isħubiji pubbliċi-privati. Ser titfittex il-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Istati Membri jew aġenziji finanzjajri oħra tal-iżvilupp. Koerenza ikbar hija meħtieġa wkoll għall-ftehimiet tal-kummerċ u l-investiment.

4.1.4.   Ftehimiet bilaterali/reġjonali mmodulati u komprensivi

B'segwitu għall-aġenda tal-Ewropa Globali[31], aħna se nimmiraw għal FTA komprensivi u se nkomplu nikkunsidraw il-livell ta' żvilupp tal-imsieħba tagħna, li joffru strateġiji flessibbli mfassla skont il-bżonnijiet tagħhom u l-kapaċitajiet ta' kull pajjiż.

Aħna se nfittxu li nikkonkludu n-negozjati tal-FSE mal-pajjiżi u r-reġjuni AKP interessati kollha, f'konformità mal-objettiv tal-Ftehim ta' Cotonou biex tiġi appoġġjata l-integrazzjoni reġjonali iktar profonda, tiġi mmodernizzata r-relazzjoni ekonomika tagħna u jintuża l-kummerċ biex jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku. Imma ż-żmien qed jagħfas biex fl-aħħar jiġu pprovduti ċ-ċertezza u l-prevedibbiltà għall-operaturi. Iktar ma' dawn il-ftehimiet isiru malajr, aktar ma jibdew jingħataw malajr il-benefiċċji ta’ żvilupp[32]. Jekk il-pajjiżi tal-AKP jagħżlu dan, l-FSE se jinkludu impenji dwar is-servizzi, l-investiment u l-oqsma relatati mal-kummerċ, identifikati fil-Ftehim tal-Cotonou bħala muturi importanti tat-tkabbir. Jekk ma jkunux jistgħu jintlaħqu xi ftehimiet komprensivi u reġjonali, jistgħu jiġu introdotti l- ftehimiet ta' ġeometrija varjabbli jew ta' veloċità multipla. Aħna nikkonfermaw l-offerta tagħna ta' aċċess ħieles għas-suq tal-UE u regoli mtejba ta' oriġini għal dawk il-pajjiżi tal-AKP li fil-passat irċevew preferenzi kummerċjali minn Cotonou; il-pajjiżi tal-AKP jistgħu jipproċedu għal-liberalizzazzjoni parzjali u gradwali. Aħna pproponejna soluzzjonijiet pragmatiċi għall-ostakoli li fadal fin-negozjati u ninsabu lesti li nirfinaw dawn is-soluzzjonijiet, iggwidati mill-prinċipju fundamentali li l-FSE li jirriżultaw jridu juru li huma tal-istess livell ta' filosofija tal-ftehim ta’ Cotonou li jipprevedi li jippromwovi l-iżvilupp fil-pajjiżi u r-reġjuni tal-AKP. Pajjiżi mhux lesti li jassumu l-obbligi tal-ftehimiet kummerċjali kompatibbli mad-WTO jistgħu jagħżlu biex jibbenefikaw mill-SPG, jekk ikunu eliġibbli. Madankollu, din ma toffrix l-istess potenzjal ta' żvilupp bħall-FSE partikolarment f'termini ta' integrazzjoni reġjonali, l-investiment imsaħħaħ u l-ambjent tan-negozju mtejjeb.

B'rispons għar-Rebbiegħa Għarbija, l-UE ħabbret ukoll sħubija għad-demokrazija u prosperità konġunta li jmorru ħafna lil hinn mill-aċċess għas-suq, biex iktar japprofondixxu l-integrazzjoni mal-pajjiżi fil-Mediterran t'Isfel u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u r-riformi demokratiċi[33]. Aħna se niftħu n-negozjati għal FTA profondi u komprensivi mal-Eġittu, t-Tuneżija, il-Ġordan u l-Marokk. Aħna se nibnu wkoll rabtiet kummerċjali iktar mill-qrib mal-Armenja, il-Ġorġja u l-Moldova fil-Viċinat tal-Lvant tagħna. L-għan aħħari huwa li tingħata l-għajnuna biex tiġi stabbilita żona ta' prosperità komuni, li toffri lill-pajjiżi fiż-żewġ reġjuni l-prospett li jipparteċipaw fis-suq intern tal-UE hekk kif jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet[34].

4.1.5.   Aġenda bbażata fuq il-kummerċ biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli

Wieħed mill-għanijiet bażiċi tal-UE huwa li tiżgura li t-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp jimxu id f’id mal-ġustizzja soċjali, inklużi l-istandards fundamentali tax-xogħol, u l-prattiki ambjentali sostenibbli, inkluż permezz ta' politiki esterni. Sforzi bħal dawn huma partikolarment rilevanti f'kuntest ta' żvilupp, li fih il-pajjiżi jiffaċċjaw sfidi sinifikanti.

L-iskema SPG+ hija l-istrument ewlieni tal-politika tal-kummerċ tal-UE li tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-Kummissjoni pproponiet li tagħmilha aktar attraenti billi telimina l-gradwazzjoni għall-benefiċjarji tagħha, tirrilassa l-kriterji għad-dħul ekonomiku u tippermetti lill-pajjiżi japplikaw fi kwalunkwe ħin. Fl-istess ħin, il-mekkaniżmi tal-monitoraġġ u l-irtirar se jkunu rinfurzati sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-impenji li daħlu għalihom il-pajjiżi benefiċjarji.

L-FTAs tal-UE reċenti sistematikament jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. L-għan huwa li pajjiżi msieħba jiġu impenjati li jinvolvu rwieħhom fi proċess koperattiv tas-soċjetà ċivili kif ukoll li tissaħħaħ il-konformità mal-istandards domestiċi u internazzjonali tax-xogħol u tal-ambjent. Id-dispożizzjonijiet jippermettu wkoll reviżjoni imparzjali u indipendenti. Hekk kif dawn il-ftehimiet jidħlu fis-seħħ, se jkollna niżguraw li dawn il-mekkaniżmi jiġu użati b'mod effettiv u jipprovdu appoġġ xieraq għall-koperazzjoni għall-iżvilupp tagħna.

Aħna impenjati li nivvalutaw aħjar l-impatt tal-inizjattivi tal-kummerċ fuq l-UE u l-imsieħba kummerċjali tagħha, inklużi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw[35]. Se niżguraw li l-analiżijet imwettqa meta tiġi żviluppata politika ġdida (il-valutazzjonijiet tal-impatt), filwaqt li jkun qed jiġi nnegozjat ftehim (il-valutazzjonijiet tal-impatt tas-sostenibilità) jew implimentat (analiżijiet ex-post), jindirizzaw l-impatti kollha sinifikanti ekonomiċi, soċjali, ambjentali u dawk fuq id-drittijiet tal-bniedem, u jibnu fuq konsultazzjoni wiesgħa ta' partijiet interessati relevanti. Tali analiżijiet għandhom jgħinu wkoll it-tfassil ta' miżuri tal-AfT li jakkumpanjaw.

Aħna addottajna miżuri biex nippromwovu l-ġestjoni sostenibbli ta' xi riżorsi naturali ewlenin bħall-injam u l-ħut innegozjati fl-UE[36]. Aħna se nassistu lill-imsieħba tagħna li qed jiżviluppaw fl-implimentazzjoni ta' dawn l-iskemi sabiex ikunu jistgħu jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir sostenibbli. Se nikkoperaw ukoll ma' pajjiżi oħra li huma swieq importanti għar-riżorsi naturali biex jiġu promossi standards simili.

Se nippromwovu l-eliminazzjoni ta' ostakoli tariffarji u mhux tariffarji fuq oġġetti u servizzi li jistgħu jwasslu għal benefiċċji ambjentali. Dan għandu jappoġġja l-isforzi tagħna biex niżguraw aċċess aħjar għal teknoloġija ekoloġika għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

L-inċentivi tal-kummerċ jiġu mhux biss minn azzjoni tal-gvern, iżda wkoll minn trasferiment fis-suq lejn prodotti iktar sostenibbli. Skemi privati marbuta mas-sostennibilità (pereżempju, il-kummerċ ġust, etiku jew bioloġiku) jistgħu jkunu mod effettiv biex jitrawwem it-tkabbir sostenibbli u inklużiv f'pajjiżi li qed jiżviluppaw[37]. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jippromwovu dawn l-inizjattivi. Aħna se nsaħħu l-appoġġ tagħna għall-produtturi ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw li qed jieħdu sehem fi skemi ta' kummerċ sostenibbli billi tiġi mmobilizzata iktar il-kooperazzjoni, inklużi l-miżuri AfT, billi ntejbu l-monitoraġġ ta' attivitajiet relatati u nkomplu ninkoraġġixxu l-pajjiżi msieħba tagħna biex jippromwovu kummerċ etiku u ekwu. Beħsiebna wkoll niffaċilitaw aktar għażliet ta' xiri ġust u etiku mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Ewropa fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tad-direttivi dwar ix-xiri pubbliku.

Ir-responsabbilità soċjali korporattiva għandha rwol dejjem akbar fil-livell internazzjonali billi l-kumpaniji jistgħu jikkontribwixxu għal iktar tkabbir inklużiv u sostenibbli billi jitqies aktar l-impatt soċjali u ambjentali tal-attivitajiet tagħhom. Aħna nħeġġu l-kumpaniji u l-imsieħba kummerċjali biex isegwu l-linji ta' gwida u l-prinċipji rikonoxxuti internazzjonalment f’dan il-qasam[38], bħal-Linji ta' Gwida għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-OECD. Aħna ninkludu wkoll dispożizzjonijiet fil-ftehimiet tagħna biex nippromwovu imġieba kummerċjali responsabbli mill-investituri.

4.1.6.   Tingħata għajnuna lill-pajjiżi vulnerabbli biex itejbu r-reżiljenza u r-rispons tagħhom għal kriżi

L-LDCs u pajjiżi oħra vulnerabbli huma iktar suxxettibbli għall-kriżijiet, u dan jista' jipperikola l-isforzi fit-tul tagħhom b'mod partikolari għal dawk bi strateġija ta' tkabbir primarjament immexxija mill-esportazzjoni, billi xokkijiet fil-prezzijiet ta' prodotti bażiċi globali jew diżastri naturali domestiċi jistgħu jwasslu għal diffikultajiet gravi għall-bilanċ ta' ħlas jekk jikbru l-ispejjeż tal-importazzjonijiet jew jinżel id-dħul tal-esportazzjonijiet. Aħna nistgħu ngħinuhom sabiex isaħħu r-reżiljenza tagħhom għax-xokkijiet esterni u jżidu l-kapaċitajiet tagħhom ta' rispons:

· Id-diżastri naturali jistgħu jkollhom impatti ta' diżordni maġġuri fuq il-katini tal-provvista, il-kummerċ u l-attività ekonomika. Wara l-għargħar f’Lulju 2010, l-UE pproponiet li tagħti preferenzi addizzjonali lill-Pakistan, iżda l-esperjenza wriet li dan l-approċċ ma qajjimx reazzjoni rapida biżżejjed. Dan ikkawża wkoll tħassib dwar l-impatt possibbli tad-devjazzjoni tal-kummerċ fuq pajjiżi fqar oħra. Fil-futur, se nippruvaw nużaw derogi temporanji għar-regoli ta' rekwiżiti ta' oriġini għal pajjiżi affettwati minn kriżijiet fir-regoli l-ġodda ta' oriġini tal-SPG. Biex tittejjeb it-tħejjija għal diżastri naturali, se nippruvaw inqisu d-dgħufijiet f'valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet meħuda fil-kuntest ta' politika għall-għajnuna umanitarja tal-UE. L-UE qed tgħin ukoll biex fil-pajjiżi imsieħba tiġi żviluppata assigurazzjoni innovattiva kontra r-riskji tat-temp ibbażata fuq l-indiċi. Aħna nistgħu nitgħallmu wkoll mill-eżempji ta' suċċess tat-trasferiment tar-riskji marbuta mat-temp għas-suq finanzjarju, pereżempju permezz tal-użu ta' bonds katastrofiċi biex wieħed jiħħeġġja kontra r-riskju finanzjarju għall-baġit tal-gvern marbut ma' terremot.

· Bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw huma effettwati minn kunflitti, li ta' spiss huma marbuta mal-kontroll tar-riżorsi naturali. Il-Kummissjoni ressqet abbozz ta’ Direttivi għall-promozzjoni tal-iżvelar ta' pagamenti lill-gvernijiet għall-industriji estrattivi u forestali kemm għall-kumpaniji elenkati fil-borża tal-UE[39]. kif ukoll għal kumpaniji oħra tal-UE[40] Dan huwa l-ewwel pass lejn aktar ambjent ta' investiment trasparenti li jista’ jnaqqas ir-riskju ta' korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxa. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-proċess ta' Kimberley, l-Inizjattiva ta' Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI), l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ (FLEGT) u r-Regolament tal-Injam, aħna se nesploraw ukoll il-mezzi kif tista' tittejjeb it-trasparenza fil-katina tal-provvista kollha, inklużi l-aspetti ta' 'diliġenza raġjonevoli'. Fl-istess waqt, aħna se nippromwovu l-utilizzazzjoni ta' u ż-żieda fl-appoġġ kemm għal-Linji Gwida aġġornati għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-OECD kif ukoll għar-rakkomandazzjonijiet tal-OECD fuq il-ġestjoni tal-katina ta' provvista diliġenti u responsabbli - xi ħaġa li għandna nippromwovu anki f'pajjiżi li mhumiex fl-OECD. F'parallel, aħna se nkomplu nikkoperaw mal-pajjiżi msieħba li qed jiżviluppaw u nipprovdu appoġġ għalihom għat-tħaffir sostenibbli tal-minjieri, l-għarfien ġeoloġiku u l-governanza tajba fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali[41].

· Il-volatilità tal-prezz tal-prodotti bażiċi għandha implikazzjonijiet għall-baġit tal-gvern tal-pajjiżi msieħba. Aħna nistgħu ngħinu lill-pajjiżi msieħba jagħmlu użu minn mekkaniżmi ta' assigurazzjoni bbażati fuq is-suq, bħas-suq tal-futuri tal-prodotti bażiċi, biex jiħħeġġjaw kontra t-tnaqqis fid-dħul. B'segwitu tal-Mekkaniżmu Flex ta' Vulnerabbiltà (V-FLEX) stabbilit fl-2009 biex jgħin biex jittaffew l-effetti tal-kriżijiet globali tal-ikel u ta' finanzi fil-pajjiżi tal-AKP, aħna se naħdmu biex nistabbilixxu skema ġdida li tassorbi x-xokkijiet li tiffoka fuq xokkijiet eżoġeni ikbar b'dimensjoni transkonfinali[42].

4.2. Riformi domestiċi u governanza tajba huma ċ-ċavetta għal tkabbir xprunat mill-kummerċ

L-impuls ewlieni għat-tkabbir ekonomiku huwa l-ewwel u qabel kollox domestiku. Il-governanza tajba hija vitali għall-iżvilupp tas-settur privat u għal kwalunkwe tkabbir sosnut immexxi mill-kummerċ u l-investiment. Din tibda permezz ta' istituzzjonijiet politiċi u prattiki stabbli, il-ġudikatura indipendenti, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, it-trasparenza tal-finanzi pubbliċi, ir-regoli u l-istituzzjonijiet u pożizzjoni qawwija kontra l-frodi u l-korruzzjoni. Il-politiki, ir-regolamenti u l-istituzzjonijiet li jappoġġjaw l-iżvilupp tas-settur privat, l-impjiegi deċenti u l-kompetittività fl-esportazzjoni huma wkoll kruċjali. Jinħtieġu riformi domestiċi sabiex tittejjeb il-kapaċità għall-provvista u l-kapital inizjali (inkluż il-kapital uman), sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport, biex tiżdied il-produttività tal-irziezet u tal-industriji, jittejjeb ir-rekord tal-implimentazzjoni ta' ċerti standards tax-xogħol u ambjentali u biex tittejjeb il-klima għall-investiment. Huma essenzjali biex jiġi llimitat telf potenzjali fid-dħul mit-tariffi u biex jippermettu l-aġġustamenti meħtieġa permezz tal-għodod ta' tassazzjoni u ridistribuzzjoni u x-xbieki tas-sigurtà effikaċi. Huma essenzjali biex jittrasformaw il-qligħ ta' tkabbir ekonomiku f'eradikazzjoni tal-faqar effettiva.

Il-ftehimiet kummerċjali u l-għajnuna esterna jistgħu jappoġġaw dan il-proċess. Ir-riformisti f’bosta pajjiżi attwalment qed ifittxu li jikkonkludu ftehimiet kummerċjali bilaterali jew reġjonali biex jistabbilixxu l-aġenda domestika tagħhom stess u jankraw b'mod solidu r-riformi domestiċi tagħhom. Biex ikunu effettivi, dawn il-ftehimiet iridu jinkludu regoli li jippromwovu t-trasparenza, il-prevedibbiltà u r-responsabbilità.

Is-sjieda hija kondizzjoni kritika għas-suċċess. Is-soluzzjonijiet ma jistgħux jiġu imposti minn barra. Fl-aħħar mill-aħħar, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jagħmlu l-għażliet tagħhom stess. Il-Kolombja, il-Perù u l-Amerika Ċentrali u pajjiżi tal-CARIFORUM marru għal bidla kwalitattiva u konkludew ftehimiet ambizzjużi mal-UE li jwasslu għal bidliet strutturali fl-ekonomiji tagħhom pjuttost milli wieħed jistrieħ biss fuq preferenzi kummerċjali unilaterali. Dawn il-ftehimiet se jgħinu biex jiġu kkonsolidati uħud mill-iktar riformi importanti li xi pajjiżi fl-Amerika Latina wettqu minn żmien il-politiki ta' sostituzzjoni tal-importazzjoni. Dan huwa eżempju ċar tal-influwenza tar-rieda politika fuq il-livell ta' żvilupp billi l-Ħonduras, in-Nikaragwa jew Ħaiti mhumiex fost l-aktar pajjiżi sinjuri.

4.3. L-aġenda multilaterali sal-2020

Sistema kummerċjali multilaterali b'saħħitha hija vitali għall-iżvilupp tal-interessi fit-tul tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kemm minħabba l-ktieb tar-regoli tagħha kif ukoll minħabba l-aċċess għas-suq li tiggarantixxi fis-swieq ewlenin kollha. Is-swieq qed jinsabu dejjem aktar fil-pajjiżi infushom li qed jiżviluppaw. Tabilħaqq, għall-ewwel darba fl-istorja reċenti, il-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar għeleb il-kummerċ Tramuntana-Nofsinhar, għalkemm l-ostakoli għal kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar huma sinifikament ogħla minn dawk għall-aċċess tas-swieq tal-pajjiżi żviluppati[43]. In-negozjati multilaterali għalhekk huma essenzjali. Għandna bżonn li niżguraw li dawn n-negozjati li għaddejjin bħalissa jagħtu l-frott, jistabbilixxu bażi soda għal negozjati futuri u jirfinaw is-sistema multilaterali biex jagħmlu l-kummerċ jaħdem b'mod iżjed effettiv għall-iżvilupp.

4.3.1.   Jinżammu l-impenji fir-rigward tad-dimensjoni tal-iżvilupp tal-Aġenda tal-Iżvilupp ta' Doha (DDA)

L-aġenda multilaterali tibqa' prijorità għall-UE. Id-DDA tinsab f'qagħda ta' nuqqas ta' qbil serju iżda tippossjedi wisq potenzjal għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw in ġenerali u għal-LDCs b’mod partikolari biex tkun abbandunata. L-UE se tibqa' impenjata mad-DDA u mal-pakkett speċifiku għal LDCs. Aħna nemmnu li s-sħubija tad-WTO għandha tkompli n-negozjati meta dan huwa fattibbli fl-2012 u wara, biex tinkludi pereżempju temi li jagħmlu parti mill-mandat tad-DDA bħall-faċilitazzjoni tal-kummerċ, l-ostakoli mhux tariffarji u s-soluzzjonijiet tat-tilwim, li kollha għandhom dimensjoni ta' żvilupp sinifikanti.

Ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ joffri benefiċċji sostanzjali għall-iżvilupp billi jiżgura riformi koerenti fil-membri kollha tad-WTO biex jiffaċilitaw il-kummerċ kemm domestikament kif ukoll fis-swieq ta’ esportazzjoni. Filwaqt li l-Membri kollha tad-WTO jistgħu jiggwadanjaw, dan ikun partikolarment utli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment għall-pajjiżi fosthom mingħajr kosta. L-implimentazzjoni se tiġi adattata għall-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet ta' kull pajjiż u appoġġjata, meta meħtieġ, b'għajnuna esterna. Kulħadd jista' jiggwadanja jekk in-negozjati jiġu konklużi malajr.

Se nkomplu nirsistu għal riżultati konkreti li jibbenefikaw l-LDCs. Ma nistgħux inkunu sodisfatti bin-nuqqas issoktat fost il-membri tad-WTO ta' implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet eżistenti dwar l-aċċess bla dazju u bla kwoti, li huma essenzjali biex joħolqu l-opportunitajiet kummerċjali ġodda u sikuri għal-LDCs. Huwa importanti wkoll li jintlaħaq riżultat pożittiv fuq il-qoton fin-negozjati tal-agrikoltura. B'segwitu għar-riforma riċenti tagħna tar-regoli tal-oriġini, aħna ser nistinkaw għal koerenza akbar fir-regoli preferenzjali ta' oriġini għal LDCs, inklużi aktar trasparenza, sempliċità u aċċess imtejjeb għas-suq. It-tneħħija tas-servizzi għal-LDCs adottati fit-Tmien Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Diċembru 2011 li tippermetti lill-membri tad-WTO jagħtu aċċess preferenzjali għas-suq lil-LDCs fil-qasam tas-servizzi, hija l-ewwel pass lejn pakkett tal-LDC.

Minbarra n-negozjati tad-DDA, u biex ħafna pajjiżi jitħallew jibbenefikaw mis-sistema, aħna se nkomplu nappoġġjaw u niffaċilitaw l-adeżjoni tal-LDCs għad-WTO u nikkontribwixxu b'mod attiv għar-reviżjoni tal-linji ta' gwida ta' adeżjoni sabiex isiru rakkomandazzjonijiet xierqa għal dan il-għan sa Lulju tal-2012. It-triq tal-adeżjoni hija proċess utli u mutur għar-riformi, iżda ta' spiss tkun twila u eżiġenti. Filwaqt li nippreżervaw l-integrità tar-regoli tad-WTO, aħna se nkomplu neżerċitaw trażżin fir-rigward tal-ftuħ tas-swieq u se ngħinu lil-LDCs biex idaħħlu fis-seħħ u jimplimentaw dixxiplini ġodda. Barra minn hekk, meta nkunu qed neżaminaw il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti tal-LDCs f'relazzjoni mal-implimentazzjoni tal-ftehim tad-WTO dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali marbuta mal-kummerċ (TRIPS) aħna se nagħtu konsiderazzjoni favorevoli lit-talbiet għall-estensjoni tal-iskadenza tal-implimentazzjoni preċedenti tal-2013, kif ukoll assistenza teknika xierqa.

4.3.2.   L-istabbiliment ta' bażi soda għall-ġejjieni

Għandha tkun prijorità assoluta tagħna li nippreservaw u nsaħħu s-sistema kummerċjali multilaterali. Kwalunkwe dgħufija tad-WTO se tkun ta' detriment għall-iżgħar membri u għall-membri l-aktar dgħajfa tagħha. Dan huwa partikolarment akut fi żminijiet ta' kriżi, meta t-tentazzjoni li wieħed jirrikorri għal protezzjoniżmu hija waħda kbira.

L-intoppi attwali fid-DDA juru dgħufija fundamentali fl-istruttura tad-WTO, li ma evolvitx daqshekk malajr daqs ir-realtajiet ekonomiċi. Il-bidla ewlenija fil-poter ekonomiku relattiv fost l-imsieħba kummerċjali ewlenija għadha ma ġietx riflessa kompletament fis-sistema tad-WTO. Hemm żbilanċ li dejjem jikber bejn il-kontribuzzjoni li l-pajjiżi emerġenti l-kbar jagħmlu lis-sistema kummerċjali multilaterali u l-benefiċċji li joħorġu minnha. Dan dejjem aktar qed jinħass fil-pajjiżi l-fqar li qed jaraw il-lakuna bejniethom u l-pajjiżi emerġenti tikber. Din it-tendenza li kienet diġà tanġibbli meta tnediet id-DDA, kibret b'mod sinifikanti minn dak iż-żmien, u tidher li se tkompli tagħmel dan fil-futur.

Il-kwistjoni dwar id-differenzazzjoni u r-rwol tal-ekonomiji emerġenti għandha tiġi indirizzata fl-interess tas-sistema multilaterali u għall-benefiċċju tal-iżvilupp. Il-pajjiżi emerġenti għandhom juru li għandhom iktar kapaċità ta' tmexxija u jassumu aktar responsabbiltà għall-ftuħ tas-swieq tagħhom lill-LDCs permezz tal-iskemi preferenzjali iżda wkoll permezz ta' bażi mhux diskriminatorja lejn il-bqija tas-sħubija tad-WTO, li minnhom erbgħa minn kull ħamsa huma pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Fil-fehma tagħna, dan ma jimplikax reċiproċità sħiħa ta' impenji mal-pajjiżi żviluppati bħala konsegwenza tal-programm ta' Doha għall-iżvilupp, iżda kontribuzzjoni iktar proporzjonata għall-vantaġġi li huma jiksbu mis-sistema.

4.3.3.   Jiġu indirizzati l-isfidi li jfeġġu

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibbenefikaw minn regoli multilaterali qawwija u infurzabbli. L-impedimenti għall-kummerċ fl-ekonomija globali moderna huma dejjem inqas dwar it-tariffi u aktar u aktar dwar miżuri regolatorji ta' piż bla bżonn jew inkompatibbli b'mod reċiproku, li ta' spiss ikunu ħafna aktar diffiċli għall-pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw u għal dawk b’kapaċitajiet amministrattivi limitati ħafna.

Se jinħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għal kif il-kummerċ jinteraġixxi ma' kwistjonijiet oħrajn ta’ interess kbir għall-ifqar pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Dan diġà kien il-każ fir-rigward tal-interdipendenza bejn il-kummerċ u s-sigurtà fl-ikel, b'mod partikolari wara t-talbiet tal-G20 u tan-NU – li s'issa għandhom ma ġewx sodisfatti – biex jitneħħew b'mod permanenti r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni jew it-taxxi fuq ix-xiri tal-ikel tal-Programm Dinji tal-Ikel għal finijiet umanitarji. Jista' jsir iktar, pereżempju, biex tittejjeb it-trasparenza tal-esportazzjoni marbuta mal-ikel, tingħata konsiderazzjoni għall-effetti tagħhom u l-konsultazzjoni tal-membri l-oħra tad-WTO. Il-pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw sfidi globali oħra, bħall-ħtieġa li jiżguraw provvista suffiċjenti u affidabbli ta' enerġija għall-bażi ta' riżorsi naturali tagħhom, kif ukoll il-promozzjoni u s-salvagwardjar tal-kompetittività tal-kumpaniji tagħhom fis-suq dinji. Il-membri tad-WTO se jkollhom jagħtu aktar attenzjoni lil dawn il-kwistjonijiet maġġuri fis-snin li ġejjin. Il-kooperazzjoni effettiva mal-pajjiżi emerġenti se tkun essenzjali.

5.         Konklużjoni

L-iżvilupp ta' pajjiżi emerġenti jibgħat sinjal qawwi li l-iżvilupp huwa possibbli u li s-swieq miftuħa f'din l-ekonomija dinjija aktar integrata jaqdu rwol prinċipali f’dan il-proċess. Iżda ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw għadhom lura. Jeħtieġu l-għajnuna u dak ifisser li l-UE trid iżżomm u żżid l-impenn qawwi tagħha, b’fokus ċar fuq il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn.

L-appoġġ jiġi fil-forma ta' sħubija fejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ukoll iridu jagħmlu l-għażliet u jieħdu r-responsabbiltajiet fl-interess tal-konsolidazzjoni tal-benefiċċji fit-tul tal-kummerċ u l-investiment. Is-sjieda u t-tmexxija tajba huma ċentrali f’dan ir-rigward. Aħna se nipprovdu appoġġ permezz ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u noffru ftehimiet kummerċjali u ta' investiment li jappoġġjaw u jankraw b'mod solidu l-bidliet istituzzjonali li huma essenzjali għall-iżvilupp.

F’perspettiva aktar fit-tul, il-partijiet kollha għandhom jadattaw irwieħhom għall-bidla fil-poter ekonomiku li rajna tul dan l-aħħar deċenju. Il-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar illum, għall-ewwel darba, qed jegħleb il-kummerċ Tramuntana-Nofsinhar. Ħafna pajjiżi żviluppati u dawk emerġenti għadhom ma laħqux il-livell ta' ftuħ għall-kummerċ li għandha l-UE mal-pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw Dan jagħmel kemm każ sod għal azzjoni multilaterali, inkluż id-DDA u lil hinn, kif ukoll għal reviżjoni fil-fond tal-bażi tan-negozjati multilaterali. Il-pajjiżi emerġenti l-kbar għandhom jieħdu iktar inizjattiva u responsabbiltà fis-sistema multilaterali kummerċjali fl-interess tas-sistema u għall-benefiċċju tal-iżvilupp globali.

Fil-konferenza tal-LDCs f'Istanbul f'Mejju 2011, ġie stabbilit għan ambizzjuż biex jirdoppja s-sehem tal-LDCs fl-esportazzjonijiet globali sal-2020. L-approċċ stabbilit f'din il-Komunikazzjoni jista' jikkontribwixxi għal din il-mira. Dan għandu jiġi rifless fil-laqgħat internazzjonali kbar li ġejjin, partikolarment l-UNCTAD XIII f'Doha f'April 2010 u fil-Konferenza Rio+20 għall-iżvilupp sostenibbli f'Ġunju 2012, li għandha tagħti direzzjoni ġdida fil-progress lejn ekonomija ekoloġika.

[1]               "Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija: Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020", COM (2010) 612, 9.11.2010

[2]               "Il-Kummerċ u Żvilupp: l-Assistenza għall-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw biex jibbenefikaw mill-Kummerċ ", COM (2002) 513, 18.9.2002

[3]               L-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li l-UE tqis l-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp - l-iktar waħda importanti hija l-qerda tal-faqar, fil-politiki li x’aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

[4]               "Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-bidla ", COM (2011) 637, 13.10.2011

[5]               " Id-Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE: Lejn approċċ aktar effettiv", COM (2011) 886,12.12.2011

[6]               Kollettivament, dawn jammontaw għal 0,6% tal-PDG dinji fl-2010, meta mqabbel ma' 0,7% fl-2000.

[7]               Fuq medja, tliet prodotti għall-esportazzjoni jammontaw għal aktar minn 75% tal-esportazzjonijiet tagħhom kollha. Fi tmien LDCs dan is-sehem huwa aktar minn 95%.

[8]               "L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità", COM(2011)743, 18.11.2011 u proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qafas ta’ trasferiment intraażjendali, COM(2010) 378, 13.7.2010.

[9]               COM(2011) 637

[10]             Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 16.09.2010.

[11]             L-iskema tal-SPG innifisha ġiet rriveduta fl-2006 biex tkopri aktar prodotti, tissimplifika r-regoli u ttejjeb il-prevedibbilità. Ir-riforma tat spinta lill-esportazzjoni tal-pajjiżi benefiċjarji u l-FDI, u appoġġjat id-diversifikazzjoni tal-esportazzjoni ta’ ħafna pajjiżi.

[12]             CARIS, L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-PSG tal-UE, 2010

[13]             L-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Bolivja, il-Cape Verde, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, l-El Salvador, il-Georġja, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Mongolja, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, u l-Perù.

[14]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1063/2010,18.11.2010

[15]             www.exporthelp.europa.eu

[16]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007, 20.12.2007

[17]             COM(2011) 598, 30.09.2011

[18]             "L-Ewropa Globali: Kompetizzjoni Dinjija” - COM(2006) 567, 4.10.2006.

[19]             Ara t-Tmien Rapport tal-UE dwar Miżuri Potenzjalment Restrittivi tal-Kummerċ (Ottubru 2010-Settembru 2011): http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/october/tradoc_148288.pdf

[20]             COM(2011) 241, 10.5.2011

[21]             Ara il-Komunikazzjoni li ġejja mill-Kummissjoni "Strateġija għall-Ħarsien u l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fil-Pajjiżi Terzi"

[22]             Samit ta' Cannes tal-G20 – Dikjarazzjoni Finali, “Nibnu l-Futur tagħna: Azzjoni Kollettiva Mġedda għall-Benefiċċju ta' Kulħadd”, 4.11.2011

[23]             "L-Approċċ Futur Għall-Appoġġ Baġitarju tal-UE Għal Pajjiżi Terzi", COM (2011) 638/2, 13.10.2011

[24]             Il-programm tematiku għal "sfidi u beni pubbliċi globali" tal-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp" propost mill-Kummissjoni fl-"Ewropa Globali: "Approċċ Ġdid għall-iffinanzjar tal-azzjoni esterna tal-UE" COM (2011) 865, 7.12.2011 jipprevedi inter alia l-appoġġ għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u tal-ftehimiet tal-kummerċ, l-għajnuna biex jiġu integrati fis-sistema kummerċjali multilaterali, u jippromwovu r-relazzjonijiet tal-investiment bejn il-pajjiżi u r-reġjuni msieħba tal-UE.

[25]             COM(2011) 637

[26]             Ruma 2003, Pariġi 2005, Accra 2008, Busan 2011

[27]             L-isħubija Busan għall-Kooperazzjoni għal Żvilupp Effettiv, ir-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effettività tal-Għajnuna, Busan, ir-Reppubblika tal-Korea, 29.11.2011-1.12.2011.

[28]             Fil-Komunikazzjoni tagħha "Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew", COM(2010)343, 7.7.2010, il-Kummissjoni enfasizzat l-għanijiet tal-politika futura tal-investiment tal-UE.

[29]             Bħall-Fond Fiduċjarju tal-UE-Afrika għall-Infrastruttura, il-faċilità ta' Investiment għall-Viċinat u l-Faċilità ta' Investiment għall-Amerika Latina u l-Faċilità ta' Investiment għall-Asja Ċentrali

[30]             COM(2011) 865

[31]             COM(2006)567, 4.10.2006

[32]             Ladarba l-pajjiżi tal-AKP jkunu kkonkludew FSE, pajjiżi oħra tal-AKP jistgħu naturalment ifittxu l-adeżjoni.

[33]             “Sħubija għad-Demokrazija u Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran”, COM (2011)200, 8.3.2011

[34]             “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni”, COM (2011)303, 25.5.2011

[35]             COM(2010) 612

[36]             "Ir-Regolament dwar l-Injam" PE/Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 995/2010 20.10.2010) u "Regolament kontra s-Sajd Illegali, mhux Rapportat u mhux Regolat (IUU)" (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008, 29.10.2008)

[37]             "Kontribut għall-Iżvilupp Sostenibbli: "Ir-rwol tal-kummerċ Fair Trade u l-iskemi mhux governattivi ta' assigurazzjoni ta' sostenibilità relatati mal-kummerċ" COM(2009)215, 05.05.2009

[38]             "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva", COM (2011) 681, 25.10.2011

[39]             Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15.12.2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE.          

[40]             Proposta għal direttiva dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, COM(2011)684

[41]             Komunikazzjoni dwar is-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima, COM(2011) 25, 2.2.2011

[42]             Qafas finanzjarju multiannwali rigward il-finanzjament tal-kooperazzjoni tal-UE għall-pajjiżi AKP u OCTs għall-perjodu 2014-2020 (Il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp)

[43]             Kważi tliet darbiet ogħla fl-istima ta’ P. Kowalski u B. Shepherd (2006), “Il-Kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar fl-Oġġetti”, OECD, Dokumenti ta’ Ħidma dwar il-Politika Kummerċjali , Nru 40

Top