This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0006
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL AND THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE on the European Union Strategy for the Protection and Welfare of Animals 2012-2015
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015
/* KUMM/2012/06 finali */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 /* KUMM/2012/06 finali */
1.
daħla
L-Artikolu 13 tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi l-annimali bħala esseri
senzjenti u jitlob li jitqiesu bis-sħiħ ir-rekwiżiti
tal-benessri tal-annimali filwaqt li jiġu formulati u infurzati xi
politiki tal-UE. Għall-ewwel darba fl-2006, il-Pjan ta'
Azzjoni Komunitarja dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali 2006-2010[1], adottat mill-Kummissjoni,
ġabar fi gruppi l-bosta aspetti tal-politika tal-UE dwar il-benessri
tal-annimali li tirregola ż-żamma ta' biljuni ta' annimali għal
skopijiet ekonomiċi fl-UE. Madwar żewġ biljun għasfur[2] u tliet mitt miljun mammiferu
jintużaw għal skopijiet tal-biedja. Madwar tnax-il miljun annimal
jintużaw kull sena għall-esperimentazzjoni. Il-popolazzjoni tal-klieb
u l-qtates hija stmata li hi madwar mitt miljun annimal[3], fil-biċċa l-kbira
tagħhom ta' sidien privati. Huwa diffiċli li jiġi stmat il-volum
ta' annimali domestiċi negozjati fl-UE. M'hemmx dejta tal-UE disponibbli
dwar in-numru ta' annimali li jinżammu f'ġonna żooloġiċi
u akkwarji. Direttiva orizzontali tkopri l-aspetti differenti
tal-benessri ta' annimali mrobbija fl-irziezet[4].
Aspetti speċifiċi huma koperti permezz tal-leġiżlazzjoni
tal-UE dwar it-trasport[5]
u t-tbiċċir[6].
Rekwiżiti speċifiċi japplikaw għaż-żamma
tal-għoġġiela[7],
majjali[8],
tiġieġ li jbid[9]
u brojlers[10].
Annimali użati għall-esperimentazzjoni[11] huma wkoll soġġetti
għal regoli speċifiċi dwar il-benessri tal-annimali.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġonna żooloġiċi[12] tiffoka fuq il-konservazzjoni
tal-ispeċi iżda b'konsiderazzjoni għall-benessri tal-annimali.
Ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali
domestiċi. Ir-regoli tal-UE dwar il-biedja organika jinkludu standards
għoljin tal-benessri tal-annimali għall-produzzjoni tal-bhejjem,
majjali u tjur[13]. Il-Komunikazzjoni preżenti tibni fuq
l-esperjenza miksuba permezz tal-Pjan ta' Azzjoni ta' bejn l-2006 u l-2010 biex
tipproponi linji ta' azzjoni tal-UE għall-erba' snin li ġejjin billi
jieħdu vantaġġ mill-avanzi xjentifiċi u
teknoloġiċi biex jirrikonċiljaw il-benessri tal-annimali
mar-realitajiet ekonomiċi fl-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet
legali eżistenti. Din l-istrateġija hija kontinwazzjoni tal-Pjan ta'
Azzjoni kif rakkomandat minn ħafna mill-partijiet interessati li ġew
ikkonsultati mill-Parlament Ewropew. It-trobbija tal-annimali fl-UE tirrappreżenta
valur annwali ta' 149 biljun ewro u l-użu ta' annimali
għall-esperimenti huwa stmat għal valur annwali ta' 930 miljun
ewro.
2.
Għaliex strateġija għall-benessri
tal-annimali?
F'dawn l-aħħar snin[14], l-Unjoni ddedikat medja ta'
madwar 70 miljun ewro kull sena biex tappoġġja l-benessri
tal-annimali, li 71 % minnhom imorru direttament għal bdiewa
bħala pagamenti għall-benessri tal-annimali mill-Fond Agrikolu
Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. In-nefqa taħt l-iżvilupp
rurali hija kofinanzjata mill-Istati Membri u minbarra l-miżuri
speċifiċi għall-impenni tal-benessri tal-annimali li jmorru lil
hinn mix-xenarju bażiku legali, l-Istati Membri jistgħu
jagħżlu wkoll li joffru, skont il-prijoritajiet nazzjonali, miżuri
li jappoġġjaw eż. investimenti tal-biedja, taħriġ,
servizzi ta' konsulenza u l-parteċipazzjoni tal-bdiewa fl-iskemi ta'
kwalità. Il-kumplament huwa dedikat għal attivitajiet oħra tal-UE
rilevanti għat-tfassil tal-politika: ir-riċerka (21 %), studji
ekonomiċi, komunikazzjoni, edukazzjoni, taħriġ u kwistjonijiet
internazzjonali, infurzar, eċċ. Iżda, matul is-snin dejjem qed isir aktar
ċar li s-sempliċi applikazzjoni tal-istess regoli speċifiċi
għas-settur għall-benessri tal-annimali, mhux dejjem tħalli r-riżultati
mixtieqa. Problemi ta' konformità ma' regoli speċifiċi
għas-settur jenfasizzaw il-ħtieġa għal riflessjoni dwar
jekk approċċ "wieħed għal kulħadd" jistax
iwassal għal riżultati aħjar ta' benessri madwar l-Unjoni.
Id-diversità fis-sistema tal-biedja, il-kundizzjonijiet tal-klima
ur-realitajiet tal-art fl-Istati Membri differenti wasslu għal
diffikultajiet konsiderevoli sabiex jintlaħaq ftehim dwar regoli unitarji
u saħansitra aktar diffikultajiet sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni
tajba tagħhom. Ir-riżultat nett huwa li l-kundizzjonijiet
tal-benessri tal-annimali fl-Unjoni ma laħqux il-livell ekwu li huwa
meħtieġ biex isostni l-attività ekonomika enormi li tmexxi
t-trattament tal-annimali fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, għalkemm l-aġenda
tal-benessri tal-annimali avvanzat permezz ta' partijiet speċifiċi
tal-leġiżlazzjoni, hemm oqsma fejn ma teżisti l-ebda
leġiżlazzjoni speċifika tal-UE u r-rekwiżiti ġenerali
eżistenti huma diffiċli biex jiġu applikati. Jista' jkun hemm
lok għas-simplifikazzjoni permezz tal-introduzzjoni ta'
dispożizzjonijiet aktar preċiżi fir-regoli ġenerali li
jindirizzaw muturi bażiċi tal-benessri tal-annimali. L-evalwazzjoni tal-politika tal-UE dwar
il-benessri tal-annimali kkonkludiet li l-istandards tal-benessri imponew
spejjeż addizzjonali fuq is-setturi tal-annimali ħajjin u dak
tal-esperimenti, li huma stmati li huma madwar 2 % tal-valur globali ta'
dawn is-setturi. Ma hemmx evidenza li dan kien ta' theddida
għas-sostenibilità tal-ekonomija sa issa. Madankollu, għandha tittieħed
kull opportunità biex jiġi espress f'termini ekonomiċi l-valur
miżjud mill-politika tal-benessri tal-annimali sabiex
tissaħħaħ il-kompetittività tal-agrikoltura tal-UE, inkluż
bdiewa żgħar. Dawn li ġejjin ġew identifikati
bħala l-mexxejja ewlenin komuni li jaffettwaw l-istatus tal-benessri
tal-annimali fl-Unjoni: 1. In-nuqqas ta' infurzar
tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Istati Membri għadu komuni f'numru
ta' oqsma. Uħud mill-Istati Membri ma jiħdux
biżżejjed miżuri biex jinfurmaw lill-partijiet interessati, biex
iħarrġu spetturi uffiċjali, biex iwettqu verifiki u biex
japplikaw sanzjonijiet[15].
B'riżultat ta' dan, numru ta' dispożizzjonijiet
leġiżlattivi tal-UE ma ġewx applikati bis-sħiħ u ma
wasslux l-effetti maħsuba fuq il-benessri tal-annimali. L-istandards tal-benessri tal-annimali, spiss
jimplikaw spejjeż addizzjonali iżda mhux bilfors applikati b'mod
proporzjonali tul il-katina alimentari. L-Unjoni tipprovdi xi instrumenti biex
tikkumpensa lill-produtturi għal spejjeż ogħla tal-produzzjoni.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE tippermetti perjodi tranżizzjonali ta'
bosta snin sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' bidliet strutturali
f'ċerti sistemi tal-biedja; madankollu, dan l-approċċ mhux
dejjem wassal għal konverżjoni fil-ħin. Tabilħaqq l-aspetti
tal-apprezzament kulturali tal-benessri tal-annimali jilgħab rwol
fundamentali fit-tisħiħ tar-rispett kemm tal-ħsieb wara
l-istipulazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni kif ukoll huma stess. 2. In-nuqqas ta' tagħrif xieraq
tal-konsumatur dwar l-aspetti tal-benessri tal-annimali. Stħarriġ madwar l-UE juri li l-benessri
tal-annimali huwa kwistjoni sinifikanti għal 64 % tal-popolazzjoni.
Madankollu l-istudji[16]
juru li t-tħassib għall-benessri tal-annimali huwa biss wieħed
mill-fatturi li jaffettwaw l-għażla tal-konsumaturi u dan l-aspett
spiss ma jkunx involut minħabba li l-konsumaturi mhux dejjem huma
infurmati biżżejjed dwar il-metodi ta' produzzjoni u l-impatt
tagħhom fuq il-benessri tal-annimali. Finalment id-deċiżjonijiet
tal-konsumatur huma mmexxija prinċipalment mill-prezz u
karatteristiċi direttament verifikabbli tal-prodotti tal-ikel. 3. Ħafna partijiet interessati ma
għandhomx biżżejjed għarfien dwar il-benessri tal-annimali.
Filwaqt li l-biċċa l-kbira
tal-finanzjament mill-UE għar-riċerka għall-benessri
tal-annimali jintnefaq fuq il-metodi alternattivi għall-esperimenti fuq
l-annimali, is-sejbiet ma jiġux ċirkolati sew u l-attivitajiet dwar
ir-riċerka mhumiex ikkoordinati biżżejjed fl-Istati Membri.
Sadanittant, in-nuqqas ta' għarfien dwar prattiki alternattivi fis-sistemi
ta' produzzjoni spiss jiffavorixxu r-reżistenza għall-bidliet li
jistgħu jtejbu l-benessri tal-annimali. 4. Ħtieġa
biex jiġu simplifikati u żviluppati prinċipji ċari
għall-benessri tal-annimali. Id-direttiva ġenerali dwar il-ħarsien
tal-annimali tal-irziezet jew id-direttiva tal-ġonna
żooloġiċi tinkludi dispożizzjonijiet li huma ġenerali
wisq biex ikollhom effetti prattiċi bħal pereżempju fl-Anness
tad-Direttiva 98/58/KE: "L-annimali kollha jrid ikollhom
aċċess għall-għalf f’intervalli xierqa għall-ħtiġijiet
fiżjoloġiċi tagħhom" jew fid-Direttiva 1999/22/KE
dwar iż-żamma ta' annimali selvaġġi fiż-żoo:
"l-akkomodazzjoni tal-annimali tagħhom f'kondizzjonijiet li
jimmiraw biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bijoloġiċi u ta'
konservazzjoni tal-ispeċi individwali, inter alia, billi jipprovdu titjib
speċifiku għall-ispeċi tal-postijiet magħluqa. " Ir-rekwiżiti tal-kompetenzi għal min
jieħu ħsieb l-annimali ġew introdotti f'ċerta
leġiżlazzjoni speċifika tal-UE[17].
Madankollu, tali rekwiżiti ma jkoprux l-annimali kollha kkonċernati
(ma hemm l-ebda rekwiżit speċifiku għall-kompetenza biex
jinżammu tjur jew għoġġiela) filwaqt li wħud
mill-problemi tal-benessri tal-annimali marbuta mat-tfassil tas-sistemi ta'
produzzjoni mhumiex koperti. Ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni speċifika
tal-UE li tkopri speċi oħra ta' annimali tal-irziezet (bħal
baqar tal-ħalib, bhejjem imrobbija għaċ-ċanga jew fniek)
minkejja bosta problemi li ġew enfasizzati minn xjentisti u mill-Awtorità
Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)[18].
3.
Azzjonijiet strateġiċi
Filwaqt li jiġi kkunsidrat dak li ġie
deskritt hawn fuq, din l-istrateġija hija bbażata fuq żewġ
approċċi kumplementari: L-ewwel, uħud
mill-problemi komuni jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod
differenti u olistiku. L-Unjoni ilha tadotta jew tadatta leġiżlazzjoni
speċifika għal problemi speċifiċi tul is-snin. Madankollu,
it-twaqqif ta' prinċipji ġenerali f'qafas leġiżlattiv
tal-UE li hu konsolidat u rivedut jista' jikkontribwixxi għal simplifikazzjoni
tal-acquis dwar il-benessri tal-annimali u finalment jiffaċilita
l-infurzar tiegħu. Soġġett għal valutazzjoni
tal-impatt, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-ħtieġa għal qafas
leġiżlattiv rivedut tal-UE bbażat fuq approċċ
olistiku. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-vijabilità u
l-adegwatezza tal-introduzzjoni ta' indikaturi bbażati fuq ix-xjenza li
bażi tagħhom hija r-riżultati dwar il-benessri tal-annimali meta
mqabbla mal-inputs tal-benessri li ntużaw sa issa; il-Kummissjoni se
tivvaluta jekk dan l-approċċ il-ġdid iwassalx għal qafas
legali simplifikat u jikkontribwixxix biex itejjeb il-kompetittività
tal-agrikoltura tal-UE. L-esperjenza miksuba f'dawk l-oqsma fejn l-indikaturi
diġà huma previsti (brojlers u qtil) se tkun importanti biex tiġi
kkunsidrata għal żviluppi futuri. It-tieni, hemm azzjonijiet
li l-Kummissjoni diġà twettaq iżda li teħtieġ tinforza
mill-ġdid jew tuża aħjar. Huwa għalhekk li, minbarra
l-qafas leġiżlattiv simplifikat, il-Kummissjoni tipproponi dan li
ġej: ·
Jiġu żviluppati għodod, inklużi
pjanijiet ta' implimentazzjoni meta hu rilevanti, biex isaħħu
l-konformita tal-Istati Membri; ·
Tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni
internazzjonali; ·
Il-konsumaturi u l-pubbliku jiġu provduti
b'tagħrif xieraq; ·
Jiġu ottimizzati l-effetti
sinerġistiċi mill-Politika Agrikola Komuni attwali; ·
Jiġi investigat il-benessri tal-ħut
tal-akkwakultura. L-impatti fuq id-drittijiet fundamentali
tal-azzjonijiet meħuda fil-kuntest tal-istrateġija preżenti se
jkunu vvalutati fid-dettall, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertà
tar-reliġjon[19].
Tabilħaqq f'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tkun qed tistudja wkoll
il-kwistjoni tal-ittikkettar kif stipulat fil-ftehim li ntlaħaq dwar
il-proposta leġiżlattiva dwar it-tagħrif fuq l-ikel[20].
3.1.
Qafas leġiżlattiv simplifikat tal-UE
għall-benessri tal-animali
Il-Kummissjoni se tikkundsidra l-vijabilità
tal-introduzzjoni ta' qafas leġiżlattiv simplifikat tal-UE bi
prinċipji ta' benessri tal-annimali għall-annimali kollha[21] fil-kuntest ta' attività
ekonomika inkluż, fejn xieraq, annimali domestiċi, b'attenzjoni
speċifika dwar is-simplifikazzjoni, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv
u l-valur tal-istandards tal-benessri bħala mezz biex itejbu
l-kompetittività tal-industrija tal-ikel tal-UE inkluż il-potenzjal
tal-valur miżjud tal-istandards tal-benessri tal-annimali. Dan se jikkunsidra: (a)
l-użu ta' indikaturi dwar il-benessri
tal-annimali li huma bbażati fuq ix-xjenza bħala mezz possibbli biex
jissimplifikaw il-qafas legali u jippermettu l-flessibilità biex itejbu
l-kompetittività tal-produtturi tal-annimali ħajjin, (b)
qafas ġdid tal-UE biex iżid
it-trasparenza u l-adegwatezza tat-tagħrif lill-konsumaturi dwar
il-benessri tal-annimali għall-għażla tagħhom ta' xiri, (c)
it-twaqqif ta' netwerk Ewropew ta' ċentri ta'
referenza, (d)
il-ħolqien ta' rekwiżiti komuni
għall-kompetenza tal-persunal li jieħu ħsieb l-annimali. (a) L-użu ta' indikaturi tal-benessri
tal-annimali bbażati fuq ir-riżultat. Il-possibilità tal-użu ta' indikaturi
bbażati fuq ir-riżultat u li huma xjentifikament validati li
jikkumplimentaw ir-rekwiżiti preskrittivi fil-leġiżlazzjoni tal-UE
se jiġu kkunsidrati meta jkun meħtieġ b'attenzjoni
speċifika għall-kontribuzzjoni ta' tali approċċ ġdid
għas-simplifikazzjoni tal-acquis. Indikaturi bbażati fuq l-annimali
ġew introdotti f'żewġ biċċiet leġiżlazzjoni
reċenti tal-UE dwar il-benessri tal-annimali (id-Direttiva 2007/43/KE li
tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ
miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam u r-Regolament (KE)
Nru 1099/2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla). Se jiġu eżaminati l-kriterji
żviluppati mill-Proġett ta' Kwalità tal-Benessri®[22] marbut ma' sistema ta'
valutazzjoni tar-riskju kif applikata fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel (ara
l-Liġi dwar l-ikel[23]).
L-Opinjonijiet Xjentifiċi tal-EFSA dwar l-iżvilupp tal-indikaturi
tal-benessri se jiġu kkunsidrati flimkien mal-fatturi
soċjoekonomiċi meta jiġu kunsidrati l-proposti rilevanti dwar
l-immaniġġjar tar-riskju. L-użu ta' indikaturi dwar il-benessri
tal-annimali li huma bbażati fuq ir-riżultati huwa rikonoxxut ukoll
fuq livell internazzjonali minn organizzazzjonijiet bħall-Organizzazzjoni
Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE)[24]. (b) Qafas
ġdid tal-UE biex iżid it-trasparenza u l-adegwatezza tat-tagħrif
lill-konsumaturi dwar il-benessri tal-annimali għall-għażla
tagħhom ta' xiri Il-qafas leġiżlattiv rivedut tal-UE
għall-benessri tal-annimali jista' jkollu l-għan li jkun ta'
għodda biex jiżgura lill-konsumaturi li l-ilmenti dwar il-benessri
tal-annimali huma trasparenti u xjentifikament rilevanti. Azzjonijiet sinerġistiċi u
konverġenti ma' inizjattivi simili fil-livell tal-UE f'oqsma oħra
rilevanti tal-politika se jiġu esplorati biex itejbu l-għoti ta'
setgħa lill-konsumatur. (c) Netwerk Ewropew ta’ ċentri ta’
referenza L-idea ta' netwerk ta' ċentri Ewropej
diġà ġie diskuss mill-Kummissjoni f'komunikazzjoni preċedenti[25]. L-għan prinċipali
tiegħu hu li jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jirċievu
tagħrif tekniku li hu koerenti u uniformi dwar il-mod ta' kif għandha
tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikolari
fil-kuntest tal-indikaturi dwar il-benessri tal-annimali li huma bbażati
fuq ir-riżultati. In-netwerk jista' jiġi stabbilit permezz
tal-kofinanzjament ta’ riżorsi nazzjonali eżistenti dwar il-benessri
tal-annimali li huma xjentifiċi u tekniċi. Ir-rwol ta' dan in-netwerk
jista' jkun li jikkumplementa u mhux li jirdoppja r-rwol tal-Awtorità Ewropea
dwar is-Sigurtà fl-Ikel u l-attività taċ-Ċentru Konġunt tal-UE
dwar ir-Riċerka[26]. In-netwerk jista' jiġi organizzar sabiex
jirrifletti l-istruttura attwali tal-leġiżlazzjoni tal-UE[27] sabiex jiżgura dan li
ġej fil-livell tal-UE: –
Appoġġ lill-Kummissjoni u lill-Istati
Membri b'esperjenza teknika fil-kuntest tal-użu ta' indikaturi dwar
il-benessri tal-annimali bbażati fuq ir-riżultat; –
L-organizzazzjoni ta' korsijiet ta'
taħriġ għall-benefiċċju tal-persunal minn awtoritajiet
kompetenti u esperti minn pajjiżi terzi fejn rilevanti; –
Il-kontribuzzjoni kif xieraq għat-tixrid ta'
sejbiet tar-riċerka u innovazzjonijiet tekniċi fost il-partijiet
interessati tal-UE u l-komunità xjentifika internazzjonali; –
Il-koordinazzjoni ta' riċerka
b’kollaborazzjoni, fejn xieraq, mal-istrutturi eżistenti tar-riċerka
finanzjati mill-UE[28]; (d) Rekwiżiti
komuni għall-kompetenza tal-persunal li jieħu ħsieb l-annimali[29] Il-qafas
leġiżlattiv simplifikat tal-UE għall-benessri tal-annimali
jista' jikkonsolida test uniku u jtejjeb ir-rekwiżiti
għall-kompetenza li diġà teżisti f'ċerti partijiet
tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-prinċipji ġenerali li juru li
l-kompetenza tiġi żviluppata fuq il-bażi ta' valutazzjoni
tal-impatt. Ir-rekwiżiti komuni tal-UE għall-kompetenza
tal-persunal li jieħu ħsieb l-annimali jkollhom l-għan li
jiżguraw li dawk li jieħdu ħsieb l-annimali għandhom
l-abilitajiet biex jidentifikaw, jipprevjenu jew jillimitaw l-uġigħ,
is-sofferenzi u l-periklu tal-annimali kif ukoll li jkunu jafu l-obbligi legali
marbuta mal-ħarsien u l-benessri tal-annimali. Barra minn hekk, jista' jitqies livell adegwat ta'
kompetenza għall-persuni responsabbli mit-tfassil tal-proċess,
il-faċilitajiet jew it-tagħmir li japplika għall-annimali. Se jitnieda studju dwar l-edukazzjoni fuq
il-benessri tal-annimali biex jidentifika s-suġġetti tal-benessri
tal-annimali li għandhom jiġu inklużi fil-kurrikulu ta'
professjonisti involuti mal-annimali u liema azzjonijiet ikunu meħtieġa
biex itejbu l-għarfien fost dawk professjonisti.
3.2.
Appoġġ lill-Istati Membru u teħid
ta' azzjoni biex titjieb il-konformità
Il-Kummissjoni se tindirizza l-kwistjoni ta'
konformità bħala kwistjoni ta' prijorità. Il-konformità tista' tinkiseb
biss permezz ta' azzjonijiet ta' infurzar imwettqa mill-Istati Membri jew
taħt ir-responsabilità tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni
għandha rwol importanti x'taqdi biex tiżgura li tintlaħaq
il-konformità b'mod uniformi fl-UE. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li
jiġu applikati kundizzjonijiet ugwali għall-produtturi kollha tal-UE
u biex jiġi żgurat li l-annimali huma trattati b'mod xieraq.
L-azzjonijiet li ġejjin huma mressqin permezz ta' din l-istrateġija: ·
Il-Kummissjoni se tkompli twettaq żjarat
fl-Istati Membri mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (Food and
Veterinary Office - FVO). Din se tkompli tapplika wkoll il-prerogattivi
tagħha skont it-Trattat meta tressaq każijiet quddiem il-Qorti
tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif meħtieġ. Din hija azzjoni
essenzjali tal-Kummissjoni biex tiżgura konformità, b'mod partikolari
f'kuntest ta' sfidi kontinwi jew futuri dwar il-benessri tal-annimali. ·
Madankollu, il-Kummissjoni temmen li
strateġija xierqa tal-edukazzjoni tista' tkun għodda
b'saħħitha biex iddaħħal kultura ta' konformità fost
l-operaturi u fl-Istati Membri. L-iżvilupp potenzjali ta' netwerk Ewropew
ta' ċentri ta' referenza jista' jieħu dan ir-rwol. ·
Sadanittant, il-Kummissjoni se żżid
l-isforzi tagħha biex tħarreġ spetturi veterinarji permezz
tal-programm Taħriġ Aħjar għal Ikel aktar Sikur.
Il-Kummissjoni se teżamina wkoll il-ħtieġa u l-possibilità biex
testendi l-attivitajiet tagħha ta' taħriġ għall-benessri
ta' annimali għall-esperimenti kif ukol għall-benessri ta' annimali
selvaġġi. ·
Il-Kummissjoni se tamplifika wkoll ir-rwol
tagħha biex tagħti pariri lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati
Membri u biex tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni, l-iskambju tal-aqwa
prattiki u l-ftehim ta' miri u linji gwida komuni permezz ta' gruppi ta'
ħidma u avvenimenti tematiċi. ·
Għaldaqstant, fl-erba' snin li ġejjin
il-Kummissjoni se tiżviluppa linji gwida speċifiċi jew regoli
ta' implimentazzjoni dwar il-biċċiet differenti
tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali[30]. Il-benessri tal-annimali huwa kwistjoni teknika
wkoll għall-operaturi li għandhom x'jaqsmu mal-annimali fil-kuntest
ta' attività ekonomika. Għaldaqstant huwa rilevanti li jiġu
megħjuna biex jifhmu r-raġuni prinċipali tar-rekwiżiti
tal-UE u l-mod ta' kif dawn jistgħu jtejbu l-konformità permezz ta'
tfassil jew prattiki aħjar.
3.3.
Appoġġ għall-kooperazzjoni internazzjonali
Huwa importanti li jkun hemm kundizzjonijiet
indaqs dwar il-benessri tal-annimali fil-livell internazzjonali biex tiġi
żgurata l-kompetittività globali tal-operaturi tal-UE. L-Unjoni diġà
żviluppat numru ta' attivitajiet bilaterali u multilaterali li
jeħtieġ li jiġu ottimizzati u appoġġjati kif indikat
mill-evalwazzjoni. Għal dak il-għan il-Kummissjoni se: –
tkompli tinkludi l-benessri tal-annimali fi
ftehimiet bilaterali tal-kummerċ jew forums ta' kooperazzjoni[31] biex iżżid
l-opportunitajiet strateġiċi sabiex tiżviluppa aktar
kooperazzjoni konkreta ma' pajjiżi terzi; –
tibqa' attiva fl-arena multilaterali, b'mod
partikolari fl-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali
(OIE) u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), bl-ewwel waħda kienet
adottat standards internazzjonali u t-tnejn li huma ħadu inizjattivi dwar
il-benessri tal-annimali[32]; –
teżamina kif il-benessri tal-annimali jista'
jiġi integrat aħjar fil-qafas tal-politika Ewropea tal-viċinat; –
torganizza, meta jkun xieraq, avvenimenti kbar
internazzjonali li għandhom l-għan li jippromwovu l-opinjoni
tal-Unjoni dwar il-benessri tal-annimali. Azzjonijiet bħal dawn huma opportunitajiet
biex jinxtered il-fehim tal-UE dwar il-benessri tal-annimali fuq livell
globali. Għaldaqstant huwa importanti li jkun ottimizzat l-użu ta'
riżorsi disponibbli dedikati għal attivitajiet internazzjonali dwar
il-benessri tal-annimali sabiex ilaħħqu ma' dawn l-isfidi u biex
itejbu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-kompetittività tal-produtturi
Ewropej tal-annimali ħajjinf'dinja globalizzata. Għaldaqstant,
il-Kummissjoni se tniedi reviżjoni ta' dawk l-azzjonijiet sabiex tevalwa
l-benefiċċji tagħhom għas-settur tal-agrikoltura tal-UE
fost oħrajn u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
3.4.
Il-konsumaturi u l-pubbliku jiġu provduti
b'tagħrif xieraq
Il-benessri tal-annimali huwa tħassib
tas-soċjetà li jappella għall-pubbliku inġenerali. It-trattament
tal-annimali għandu x'jaqsam mal-etika u huwa parti minn sett ta' valuri
tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa rilevanti li jkun hemm komunikazzjoni
mat-tfal, iż-żgħażagħ jew il-pubbliku inġenerali
biex titqajjem kuxjenza għar-rispett tal-annimali u biex tiġi
promossa s-sjieda responsabbli. Il-benessri tal-annimali huwa tħassib
tal-konsumatur ukoll. Il-prodotti tal-annimali huma użati ħafna,
b'mod partikolari fil-kuntest tal-produzzjoni tal-ikel u l-konsumaturi huma
mħassba dwar il-mod ta' kif ikunu ġew trattati l-annimali.
Min-naħa l-oħra, b'mod ġenerali, il-konsumaturi ma għandhomx
poter biex iwieġbu għal standards ogħla tal-benessri
tal-annimali. Għaldaqstant huwa rilevanti li l-konsumaturi
tal-UE jiġu infurmati dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli
għall-annimali li jipproduċu l-ikel u biex jiġi żgurat li
dawn mhumiex imqarrqa minn ilmenti qarrieqa dwar il-benessri tal-annimali. Fl-Istati Membri jeżistu ħafna
attivitajiet ta' komunikazzjoni u edukazzjoni. Rappreżentazzjoni
komprensiva tal-qagħda fl-UE tkun tista' tippermetti l-identifikazzjoni
tan-nuqqasijiet fejn l-Unjoni tista' tipprovdi valur miżjud. Dawn il-miri kollha huma kumplementari u jista'
jkun li jeħtieġu strumenti speċifiċi. Uħud minnhom
diġà qegħdin fis-seħħ bħal Farmland (għat-tfal u
l-għalliema fl-iskejjel primarji) jew il-programm Taħriġ
Aħjar għal Ikel aktar Sikur (għall-ispetturi uffiċjali).
Barra minn hekk, il-Kummissjoni torganizza laqgħat regolari għal
fehim u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Jista' jkun
hemm modi ta' kif tista' titjieb l-effiċjenza tagħhom u biex
tikkumplementahom b’għodod ġodda ta' komunikazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha
l-ħsieb li l-ewwel tniedi studju biex jidentifika l-attivitajiet attwali
ta' edukazzjoni u tagħrif dwar il-benessri tal-annimali li huma mmirati
għall-pubbliku ġenerali u l-konsumaturi. Azzjonijiet bħal dawn
jistgħu jinkludu l-possibilità ta' għoti ta' finanzjamenti għal
kampanji transnazzjonali ta' tagħrif li kienu ta' suċċess jew
inizjattivi edukattivi dwar il-benessri tal-annimali.
3.5.
L-ottimizzazzjoni tas-sinerġiji mal-Politika
Agrikola Komuni
Il-benessri tal-annimali huwa parti minn
approċċ agrikolu li hu mmirat lejn is-soċjetà u l-Unjoni
diġà stabbiliet rabtiet b'saħħithom bejn l-agrikoltura u
l-benessri tal-annimali. Tabilħaqq, ħafna mill-baġit tal-UE li
hu dedikat għall-benessri tal-annimali jmur għal bdiewa fil-qafas
tal-programmi ta' żvilupp rurali. Madankollu, b'mod partikolari fi
żmien ta' restrizzjonijiet ekonomiċi, hija meħtieġa aktar
koordinazzjoni biex tissimplifika l-azzjonijiet u tottimizza r-riżultati. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi arranġamenti
speċifiċi bejn is-servizzi biex tevalwa kif tottimizza effetti
sinerġistiċi tal-mekkaniżmi attwali tal-CAP b'mod partikolari
permezz ta' kundizzjonalità, żvilupp rurali, miżuri ta' promozzjoni,
politika ta' kwalità, biedja organika, eċċ.
3.6.
Investigazzjoni tal-benessri tal-ħut
tal-akkwakultura
Ħut tal-akkwakultura kopert mill-kamp ta'
applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħarsien
tal-annimali matul it-trasport u fil-ħin tal-qtil, mingħajr ma
jiġu speċifikati regoli għalihom. Il-Kummissjoni se tkompli
tfittex parir xjentifiku fuq bażi ta' speċi u se tevalwa
l-kwistjonijiet tal-benessri tal-ħut fl-akwakultura sabiex tieħu
azzjoni xierqa fuq il-bażi tar-riżultat ta' din l-evalwazzjoni. ANNESS Azzjonijiet previsti || Sena Serje ta' azzjonijiet ta' infurzar dwar il-ħarsien ta' tiġieġ li jbid (id-Direttiva 1999/74/KE) || 2012 Pjan ta' implimentazzjoni u azzjonijiet ta' infurzar dwar l-iggruppar tal-majjali nisa (id-Direttiva 2008/120/KE) || 2012 Pjan ta' implimentazzjoni għar-regolament dwar il-qtil (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009) || 2012 Regoli ta' implimentazzjoni tal-UE jew linji gwida dwar il-ħarsien tal-annimali waqt it-trasport || 2012 Jiġi rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-impatt tal-għażla ġenetika dwar il-benessri ta' tiġieġ imnissla u miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam* || 2012 Jiġi rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1523/2007 li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' pil tal-qtates u tal-klieb* || 2012 Studju dwar il-benessri ta' ħut tal-akkwakultura fil-ħin tal-qtil || 2013 Jiġi rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar metodi varji ta' qtil għat-tjur * || 2013 Jiġi rrappurtat lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/58/KE* || 2013 Linji gwida tal-UE dwar il-ħarsien tal-majjali || 2013 Studju dwar l-edukazzjoni fuq il-benessri tal-annimali u dwar attivitajiet ta' tagħrif li huma mmirati għall-pubbliku ġenerali u għall-konsumaturi || 2013 Studju dwar l-opportunità biex il-konsumaturi jiġu provduti bit-tagħrif rilevanti dwar l-isturdament tal-annimali* || 2013 Proposta leġiżlattiva possibbli għal qafas leġiżlattiv simplifikat tal-UE għall-benessri tal-annimali || 2014 Jiġi rrappurtat l-impatt tal-attivitajiet internazzjonali dwar il-benessri tal-annimali fuq il-kompetittività tal-produtturi Ewropej tal-annimali f'dinja globalizzata || 2014 Jiġi rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar sistema li trażżan l-annimali bovini permezz tal-inverżjoni jew kwalunkwe pożizzjoni mhux naturali* || 2014 Studju dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates involuti fi prattiki kummerċjali || 2014 Linji gwida tal-UE jew regoli ta' implimentazzjoni dwar il-ħarsien ta' annimali fil-ħin tal-qtil || 2014 Jiġi rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-possibilità tal-introduzzjoni ta' ċerti rekwiżiti rigward il-ħarsien tal-ħut fil-ħin tal-qtil* || 2015 Jiġi rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/43/KE u l-influwenza tagħha fuq il-benessri ta' tiġieġ imnissla u miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam* || 2015 Studju dwar il-benessri ta' ħut tal-akkwakultura waqr it-trasport || 2015 * Obbligi li ġejjin
mil-leġiżlazzjoni tal-UE [1] COM(2006)13 finali, tat-23. 1.2006. [2] 793 miljun tiġieġa għal produzzjoni
tal-laħam, 453 miljun tiġieġa li jbidu u 197 miljun
dundjan. Id-dejta ma kinitx disponibbli fl-Istati Membri kollha
għad-dundjani, papri u wiżż. [3] "Evaluation of the EU policy on animal welfare and
possible policy options for the future" December 2010. Ara l-Anness A1.7,
ara http://www.eupaw.eu/ [4] Id-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta’ Lulju 1998
dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja
(ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23). Minbarra d-Deċiżjoni
tal-Kunsill 78/923/KEE li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Konvenzjoni
Ewropea għall-protezzjoni tal-annimali miżmuma għal
għanijiet tal-biedja (ĠU L 323, 17.11.1978, p. 12) l-Unjoni
għamlet din il-konvenzjoni parti mil-liġi tal-UE. [5] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 dwar
il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati
(ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1). [6] Id-Direttiva 93/119/KE dwar il-protezzjoni ta' annimali
fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil (ĠU L340, 31.12.1993, p. 21).
Għandha tiġi sostitwita fl-1.1.2013 permezz tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt
il-qatla (ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1). [7] Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/119/KE li tistabbilixxi
standards minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela (ĠU
L 10, 15.1.2009, p. 7). [8] Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE
li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali (ĠU
L 47, 18.2.2009, p. 5). [9] Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE
li tistabbilixxi standards minimi għall-ħarsien ta’ tiġieġ
li jbid (ĠU L 203, tat-3.8.1999, p. 53). [10] Id-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE
li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ
miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam (ĠU L 183, 12.7.2007,
p. 19). [11] Id-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw
għal skopijiet xjentifiċi (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33). [12] Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE
dwar iż-żamma ta' annimali selvaġġi fiż-żoo
(ĠU L 94, 9.4.1999, p. 24). [13] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 834/2007 (ĠU L 189, 20.7.2007. p. 1) u r-Regolament
tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1). [14] Id-dejta mir-rapport ta' evalwazzjoni
tkopri l-perjodu ta' bejn l-2000 u l-2008. [15] F'xi Stati Membri l-annimali jinqatlu
mingħajr ma jiġu storduti f'għadd kbir għaliex
l-awtoritajiet jagħtu deroga għall-isturdament mingħajr ma
tiġi vvalutata l-ġustifikazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva
prevista mil-leġiżlazzjoni tal-UE. [16] Ara l-istudji ta’ fattibilità: 'Animal welfare labelling
and establishing a Community Reference Centre for Animal Protection and
Welfare', 26.012009 by FCEC http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/farm/labelling_en.htm [17] Id-direttiva dwar il-majjali, ir-regolament dwar
it-trasport, ir-regolament dwar il-qtil, id-direttiva dwar l-annimali
tal-laboratorju. [18] Il-lista ta' opinjonijiet xjentifiċi dwar il-benessri
tal-annimali tista' tiġi kkonsultata fir-rapport tal-Valutazzjoni
tal-Impatt li jakkumpanja din il-komunikazzjoni. [19] Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva
tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, COM(2010) 573 finali
tad-19.10.2010. [20] Il-Premessa 50 tar-Regolament (KE) Nru 1169/2011
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar
l-ikel lill-konsumaturi (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18) tgħid
li: "Il-konsumaturi tal-Unjoni juru interess li qed jiżdied
fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-benesseri tal-annimali
fil-ħin tal-qatla, fosthom jekk l-annimal ingħatax xokk tal-elettriku
qabel ma nqatel. F'dan ir-rigward, studju dwar
l-opportunità li l-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni rilevanti dwar
l-għoti ta’ xokkijiet tal-elettriku lill-annimali għandu jitqies
fil-kuntest ta’ strateġija futura tal-Unjoni għall-protezzjoni u
l-benesseri tal-annimali. " [21] Invertebrati użati fl-akkwakultura kif ukoll
f'attivitajiet ekonomiċi tas-sajd mhux se jiġu koperti minn din
l-inizjattiva. Ħut tal-akkwakultura se jkun soġġett għal
evalwazzjonijiet speċifiċi. [22] http://www.welfarequality.net/everyone/26536/5/0/22 [23] Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 li jistabilixxi
l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar
l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u
jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel. [24] Prinċipji ta' gwida dwar il-benessri tal-annimali
tal-Kodiċi Internazzjonali dwar is-Saħħa tal-Annimali Terrestri.
Ara www.oie.int. [25] COM(2009)584 finali tat-28.10.2009. [26] Il-Laboratorju ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea dwar
Metodi Alternattivi għall-Ittestjar fuq l-Annimali (ECVAM), li kien
ospitat mid-DĠ JRC mhux qed jaħdem direttament dwar il-benessri
tal-annimali iżda dwar metodi alternattivi ta' ttestjar. [27] Iż-żamma ta' għoġġiela,
iż-żamma ta' majjali, iż-żamma ta' tiġieġ li
jbid, iż-żamma ta' brojlers, iż-żamma ta' annimali
oħra tal-irziezet, trasport tal-annimali, il-qtil ta' annimali, l-użu
ta' annimali għall-esperimenti u ż-żamma ta' annimali
selvaġġi fil-magħluq. [28] Bħall-grupp ta' ħidma kollaborattiv KPRA
(Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola) dwar ir-riċerka fuq
is-saħħa u l-benessri tal-annimali u l-ERA-Net dwar
is-Saħħa u l-Benessri tal-Annimali (ANIHWA). [29] Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 li jistabbilixxi
l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar
l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u
jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel. [30] B'mod partikolari fir-rigward tal-użu tad-deroga
mill-isturdament tal-annimali f'każ ta' qtil ritwali. [31] Dan in-numru ta' ftehimiet ta
kummerċ ħieles bi kwistjonijiet dwar il-benessri tal-annimali rdoppja
fl-2011. [32] Disa' standards tal-OIE dwar
il-benessri tal-annimali bħalissa huma disponibbli (ara: http://www.oie.int). L-FAO żviluppat laqgħat sabiex
tgħaqqad l-esperjenza u tiffaċilita l-bini tal-kapaċità f'oqsma
differenti marbuta mal-benessri tal-annimali. Din ħolqot ukoll websajt speċifika dwar il-benessri
tal-annimali tal-irziezet (http://www.fao.org/ag/againfo/themes/animal-welfare/en/)