Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0004

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Valutazzjoni tal-implimentazzjoni baġitarja fil-kuntest tal-Proċeduri tad-Defiċit Eċċessiv attwali wara l-Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni

    /* COM/2012/04 final */

    52012DC0004

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Valutazzjoni tal-implimentazzjoni baġitarja fil-kuntest tal-Proċeduri tad-Defiċit Eċċessiv attwali wara l-Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni /* COM/2012/04 final */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    Valutazzjoni tal-implimentazzjoni baġitarja fil-kuntest tal-Proċeduri tad-Defiċit Eċċessiv attwali wara l-Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni

    1. Ħarsa ġenerali

    Sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja u ekonomika ta' wara l-2007, instaħqet l-importanza ta' finanzi pubbliċi sodi bħala kundizzjoni minn qabel għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi. Politiki fiskali prudenti insuffiċjenti flimkien ma' żbilanċi makroekonomiċi usa' wasslu biex diversi Stati Membri kienu vulnerabbli għat-taqlib fis-suq finanzjarju esperjenzat sa mill-2008. Il-mekkaniżmi mħaddma ta' koordinazzjoni u sorveljanza tal-UE ma kinux b'saħħithom u komprensivi biżżejjed biex ma jħallux lill-Istati Membri jispiċċaw f'pożizzjonijiet vulnerabbli u li affettwaw pajjiżi oħra.

    B'rispons għal dan in-nuqqas, f'Settembru 2010, il-Kummissjoni pproponiet pakkett leġiżlattiv komprensiv biex tissaħħaħ is-sorveljanza fiskali u biex din tespandi s-sorveljanza tal-politika biex ikunu koperti l-iżbilanċi makroekonomiċi. Il-pakkett leġiżlattiv, l-hekk imsejjaħ "il-pakkett dwar il-governanza ekonomika" ("Six Pack") kien finalment approvat mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew f'Novembru 2011 u li daħal fis-seħħ fit-13 ta' Diċembru 2011. Il-pakkett jirrappreżenta rinfurzar importanti tal-għodod tas-sorveljanza ekonomika u fiskali.

    Bħala parti ċentrali ta' dan il-pakkett, il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, saħħaħ il-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv (PDE) kemm fil-parti preventiva tiegħu kif ukoll f'dik korrettiva. Fis-sitwazzjoni attwali, meta 23 Stat Membru jkunu fl-PDE, l-istipulazzjonijiet il-ġodda tal-fergħa korrettiva jkunu ta' importanza partikolari. Għall-Istati Membri fiż-żona tal-euro, is-sanzjonijiet finanzjarji issa huma applikati bħala regola f'każ li l-awtoritajiet nazzjonali ma jeħdux azzjoni effettiva biex ikunu konformi mar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom mill-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat. B'mod partikolari, ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro[1] jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill biex jimponi multa lill-Stat Membru fiż-żona tal-euro li jkun naqas milli jieħu azzjoni effettiva biex jikkoreġi defiċit eċċessiv skont l-Artikolu 126(8) tat-Trattat. Din ir-regola l-ġdida tapplika għal kwalunkwe Stat Membru li għaliha tkun indirizzata Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(8) tat-Trattat wara li jidħol fis-seħħ is-six pack.

    Applikazzjoni stretta tar-regoli rinforzati dwar id-dixxiplina fiskali hija deċiżiva għall-kredibilità tal-euro bħala munita stabbli u b'saħħitha u parti indispensabbli tar-riżoluzzjoni tal-kriżi tad-dejn pubbliku. Il-Kummissjoni indikat aktar kmieni li ser tapplika l-għodod il-ġodda stipulati mill-pakkett leġiżlattiv b'mod rigoruż sa mill-bidu. Twettqet valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni baġitarja fil-kuntest tal-PDE attwali fuq il-bażi tal-Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni, ippubblikat fl-10 ta' Novembru 2011. Dwar it-23 Stat Membru li attwalment jinsabu fl-PDE, ħamsa huma benefiċjarji jew kienu bbenefikaw minn programm ta' assistenza finanzjarja[2]. Filwaqt li l-iżviluppi baġitarji fil-pajiżi li jinsabu fil-programm għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dokumenti rispettivi tal-programm, il-valutazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-istat tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rispettivi tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) mit-18-il Stat Membru li mhumiex fil-programm uriet li f'maġġoranza tal-pajjiżi, il-politiki indikaw progress tajjeb lejn korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli tad-defiċit eċċessiv tal-gvern.

    Madankollu, fl-istess waqt, il-valutazzjoni wriet ukoll li korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli kienet b'mod ċar tinsab f'riskju, f'uħud mill-Istati Membri, b'mod speċifiku, fil-Belġju, Ċipru, l-Ungerija, Malta u l-Polonja, fejn id-data tal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv kienet imminenti jew fil-qrib, jiġifieri l-2011 jew l-2012. B'mod importanti, f'erbgħa minn dawn il-ħames pajjiżi – l-Ungerija, il-Polonja, il-Belġju u Ċipru ġie vvalutat li l-isforz fiskali kif adottat sad-data finali tal-Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni (l-24 ta' Ottubru 2011) kien anqas mill-isforz rakkomandat mill-Kunsill, sakemm ma jkunux ittieħdu miżuri ulterjuri. Fil-każ ta' Malta u l-Ungerija, fejn id-data tal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-gvern kienet l-2011, instab li sakemm ma jkun ittieħdu miżuri ulterjuri biex id-dejn tal-gvern jinżamm taħt it-3 % tal-PDG, tul il-perjodu ta' previżjoni, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ma jkunx ġie kkoreġut b'manjiera sostenibbli, kif mitlub mill-Kunsill.

    Minħabba din il-valutazzjoni u d-dħul fis-seħħ imminenti tas-Six Pack, fil-11 ta' Novembru 2011, il-Viċi President Olli Rehn, resposabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro, bagħat ittri lill-Istati Membri kkonċernati. Dawn l-Istati Membri intalbu biex jittrattaw bħala materja ta' urġenza, l-adozzjonital-baġit għall-2012 u/jew jieħdu miżuri addizzjonali li jiżguraw korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli tad-defiċit eċċessiv. Fin-nuqqas ta' miżuri korrettivi adottati, ma jkunx hemm triq oħra ħlief li jittieħdu passi ulterjuri skont l-PDE, bil-possibbiltà li jkunu imposti sanzjonijiet.

    Is-sejħa għal miżuri addizzjonali tenniet il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-politiki fiskali tal-4 ta' Ottubru 2011, li sejħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ l-impenji tagħhom skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, billi speċifikaw li pajjiżi b'diskrepanzi sinifikanti ta' aġġustament skont l-PDE għandhom inaqqsu dawn id-diskrepanzi b'miżuri speċifiċi mhux aktar tard mill-baġits tagħhom għall-2012.

    Sa min-nofs Novembru, il-ħames pajjiżi kollha li kellhom data ta' skadenza għall-korrezzjoni fl-2011 u fl-2012, u fejn skont il-Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli tad-defiċit eċċessiv kienet tinsab f'riskju, adottaw u ħabbru l-miżuri. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, dawn il-miżuri addizzjonali huma kkunsidrati biżżejjed biex ireġġgħu fit-triq it-tajba l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. Dan huwa l-każ għall-Belġju, Ċipru, Malta u l-Polonja. Madankollu, filwaqt li l-Ungerija għamlet sforzi addizzjonali, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni turi li dawn l-isforzi għadhom mhumiex biżżejjed biex jiżguraw progress xieraq lejn korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv.

    Din il-Komunikazzjoni tisħaq fuq l-elementi ewlenin tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni B'mod partikolari, fuq il-bażi tal-Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni u billi jiġu kkunsidrati l-inizjattivi baġitarji sussegwenti li kienu adottati min dawn il-ħames pajjiżi sad-9 ta' Jannar 2012, il-Komunikazzjoni tippreżenta l-aktar opinjoni riċenti tal-implimentazzjoni baġitarja fil-kuntest tal-PDE f'dawn il-pajjiżi. Fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni fil-ħames pajiżi speċifiċi, wieħed jista' jsib valutazzjoni aktar dettaljata ppubblikata flimkien ma' din il-Komunikazzjoni.

    Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill biex tkompli żżid l-PDE għall-Ungerija. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni, b'mod paralell ma' din il-Komunikazzjoni, adottat rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(8) tat-Trattat li jistabbilixxi ki ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni b'rispons għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat bil-għan li ġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern.

    Fi stadju ulterjuri, soġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni effettiva, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir (PST), għall-Ungerija – Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro, – il-Kummissjoni ser tirrakkomanda li ssir rakkomandazzjoni ġdida tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat bil-għan li ġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern. Din ir-rakkomandazzjoni ser tiġi adottata mill-Kunsill fi żmien xahrejn mid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabilixxi li ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni effettiva. Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill li ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni effettiva, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006, il-Kummissjoni tista'tikkunsidra wkoll li toħroġ proposta lill-Ungerija dwar is-sospensjoni tal-impenji għall-Fond ta' Koeżjoni.

    Il-Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni uriet ukoll diskrepanzi fl-aġġustament baġitarju għal uħud mill-Istati Membri fejn l-2013 hija d-data tal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-gvern Għal dawn l-Istati Membri, hija kwistjoni ta' urġenza biex jiġu indirizzati dawn id-diskrepanzi b'mod partikolari meta jkunu qed iħejju l-pjanijiet baġitarji tagħhom li għandhom jitressqu fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2012 fil-Programmi aġġornati ta' Stabbiltà jew Konverġenza.

    Il-Kummissjoni ser tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni baġitarja fl-Istati Membri kollha li attwalment jinsabu Fl-PDE, inklużi l-ħames pajjiżi kkonċernati mill-Komunikazzjoni attwali. Il-valutazzjoni komprensiva li jmiss ser issir fil-kuntest tal-Previżjoni tar-Rebbiegħa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni.

    2. Valutazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż 2.1. Il-Belġju

    Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu maħruġa skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat tat-2 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill irrakkomanda lill-Belġju biex sal-2012 inaqqas id-defiċit għal taħt it-3 % tal-PDG b'mod kredibbli u sostanzjali u biex fil-perjodu 2010 u l-2012 jiżgura sforz fiskali annwali medju ta' ¾ % tal-PDG. Skont il-Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika kien mistenni li jkun 3.6 % tal-PDG fl-2011 u, jekk wieħed jassumi li ma tkun ittieħdet l-ebda miżura ulterjuri, id-defiċit fl-2012 ser ikun 4.6 % tal-PDG u 4.5 % tal-PDG fl-2013. L-istima ta' -0.1 % fit-tibdil annwali medju fil-bilanċ strutturali għall-2010-2012 kienet ferm anqas mill-isforz fiskali rrakkomandat mill Kunsill. Għaldaqstant, id-direzzjoni proġettata tad-defiċit baġitarju tal-amministrazzjoni pubblika flimkien mal-istima tal-isforz fiskali ma kinitx konsistenti mal-korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli tad-defeċit eċċessiv.

    Wara d-data finali tal-Previżjoni tal-Ħarifa 2011, il-Gvern Belġjan laħaq ftehim dwar il-baġit propost tiegħu għall-2012, li tressaq formalment lill-Parlament fil-21 ta' Diċembru 2011. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-miżuri mħabbra pubblikament mill-awtoritajiet Belġjani sad-9 ta' Jannar 2012, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fl-2012, huwa proġettat għal 2.9 % tal-PDG u 2¾ % tal-PDG fl-2013 (ara Tabella 1). Minħabba dan, wara li tqiesu l-miżuri kollha sad-9 ta' Jannar 2012, jidher li l-awtoritajiet Belġjani ħadu azzjoni effettiva għal korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli għad-defiċit eċċessiv. Fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, wieħed jista' jsib valutazzjoni aktar dettaljata dwar il-Belġu ppubblikata flimkien ma' din il-Komunikazzjoni.

    Fuq il-bażi ta' din l-valutazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li bħalissa ma huma meħtieġa l-ebda passi oħra fil-proċedura dwar id-defiċit eċċessiv tal-Belġju. Il-Kummissjoni ser tkompli tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi baġitarji fil-Belġju skont it-Trattat u l-Patt ta Stabbiltà u Tkabbir.

    Tabella 1: Il-Belġju – tqabbil tal-proġettazzjonijiet baġitarji, bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika ( % tal-PDG)

    || 2011 || 2012 || 2013

    COM AF 2011 || -3.6 || -4.6 || -4.5

    Awtoritajiet Nazzjonali || -3.6 || -2.8 || -1.8*

    COM Jannar 2012 || -4.1** || -2.9 || -2¾

    Noti: COM AF 2011 – Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni . COM Jan 2012 – Valutazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni ta' Jannar 2012 Il-proġettazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali (tal-21 ta' Diċembru 2011) u l-valutazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni ta' Jannar 2012 iqisu l-miżuri mħabbra mill-gvern fl-abbozz tal-baġit 2012. * Skont l-aġġornament ta' April 2011 tal-Programm ta' Stabbilità, l-objettiv għall-2013 kien ta' -1.8 % tal-PDG; S'issa, ma hemm l-ebda objettiv għall-2013 fl-abbozz tal-baġit 2012. ** Riveduti wara li ġiet ikkunsidrata informazzjoni ġdida dwar dħul anqas milli kien mistenni u spejjeż addizzjonali marbuta mas-salvataġġ tad-Dexia. Sorsi: Is-servizzi tal-Kummissjoni, proġettazzjonijiet nazzjonali

    2.2. Ċipru

    Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu maħruġa skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat tat-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill irrakkomanda lil Ċipru biex sal-2012 tnaqqas id-defiċit għal taħt it-3 % tal-PDG b'mod kredibbli u sostanzjali u biex fil-perjodu 2011-2012 tiżgura sforz fiskali annwali ta' mill-anqas 1½ % tal-PDG. Skont il-Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika kien mistenni li jkun 6.7 % tal-PDG fl-2011 u fl-2012 ikun 4.9 % tal-PDG, u, jekk wieħed jassumi li ma jkunu ttieħdu l-ebda miżuri ulterjuri, id-defiċit fl-2013 ser ikun ta' 4.7 % tal-PDG. Barra minn hekk, l-istima ta' 0.7 % tat-tibdil annwali medju fil-bilanċ strutturali għall-2011-2012 tal-PDG kienet ferm anqas mill-isforz fiskali rrakkomandat mill-Kunsill. Għaldaqstant, id-direzzjoni pproġettata tad-defiċit baġitarju tal-amministrazzjoni pubblika flimkien mal-istima tal-isforz fiskali ma kinitx konsistenti ma' korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli tad-defeċit eċċessiv.

    Wara d-data finali tal-Previżjoni tal-Ħarifa 2011, fis-16 ta' Diċembru 2011, il-Parlament Ċiprijott adotta l-Liġi tal-Baġit għall-2012 u pakkett ta' konsolidazzjoni addizzjonali. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-baġit 2012 u l-miżuri li jakkumpanjawh, il-Kummissjoni tipprevedi li fl-2012, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jinżel għal 2.7 % tal-PDG u 1.8 % tal-PDG fl-2013 (ara t-Tabella 2). Fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, wieħed jista' jsib valutazzjoni aktar dettaljata dwar Ċipru ppubblikata flimkien ma' din il-Komunikazzjoni.

    Fuq il-bażi i tal-informazzjoni attwalment disponibbli, jidher li l-awtoritajiet Ċiprijotti ħadu l-miżuri effettivi għal korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli għad-defiċit eċċessiv. B'mod partikolari, l-awtoritajiet Ċiprijotti ħolqu strateġija ta' konsolidazzjoni xprunata min-nefqa u adottaw baġit għall-2012 ibbażat fuq assunzjonijiet makroekonomiċi kawti u ħadu miżuri ta' sostenn biex jitnaqqas id-defiċit. Minħabba din l-istima, il-Kummissjoni tikkunsidra li għal issa m'huma meħtieġa l-ebda passi oħra fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv ta' Ċipru. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi baġitarji fil-Portugall skont it-Trattat u l-Patt ta Stabbiltà u Tkabbir.

    Tabella 2: Ċipru – tqabbil tal-proġettazzjonijiet baġitarji, bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika ( % tal-PDG)

    || 2011 || 2012 || 2013

    COM AF 2011 || -6.7 || -4.9 || -4.7

    Awtoritajiet Nazzjonali || || > -2.5 || > -1.0

    COM Jannar 2012 || || -2.7 || -1.8

    Noti: COM AF 2011 – Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni . COM Jannar 2012 – Valutazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni ta' Jannar 2012 Il-proġettazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali (ta' Diċembru 2011) u l-valutazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni ta' Jannar 2012 iqisu l-miżuri mħabbra mill-gvern fl-abbozz tal-baġit 2012 u f'pakkett ta' konsolidazzjoni addizzjonali adottat mill-Gvern f'Diċembru 2011. Sorsi: Is-servizzi tal-Kummissjoni, proġettazzjonijiet nazzjonali

    2.3. L-Ungerija

    Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu maħruġa skont l-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej (TEC)[3] tas-7 ta' Lulju 2009, il-Kunsill irrakkomanda lill-Ungerija biex sal-2011 tnaqqas id-defiċit għal taħt it-3 % tal-PDG b'mod kredibbli u sostanzjali u biex tul il-perjodu 2010-2011 tiżgura sforz fiskali kumulattiv ta' mill-anqas 0.5 % tal-PDG. Skont il-Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-Ungerija kienet mistennija li fl-2011 tilħaq surplus ta' 3.6 % tal-PDG bis-saħħa ta' miżuri temporanji, u jekk wieħed jassumi li ma jkunu ttieħdu l-ebda passi ta' konsolidazzjoni addizzjonali, tirreġistra defiċit ta' 2.8 % tal-PDG fl-2012, billi terġa tinkludi miżuri ta' natura temporanja, u defiċit ta' 3.7 % tal-PDG fl-2013. Peress li l-miżuri temporanji ma jtejbux il-bażi tal-pożizzjoni baġitarja, kien stmat li fil-perjodu 2010-2011, jkun hemm deterjorazzjoni sostanzjali ta' 2¾ % tal-PDG fil-bilanċ tal-baġit strutturali f'termini kumulattivi, għall-kuntrarju tat-titjib irrakkomandat mill-Kunsill. Minħabba dan, id-direzzjoni proġettata tad-defiċit baġitarju tal-amministrazzjoni pubblika flimkien mal-istima tal-isforz fiskali ma kinitx konsistenti ma' korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli tad-defeċit eċċessiv.

    Wara d-data finali tal-Previżjoni tal-Ħarifa 2011, il-baġit approvat tal-2012 kien jinkludi miżuri addizzjonali ta' nefqa u dħul meta mqabbel mal-abbozz propost. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ungeriżi speċifikaw aktar il-programm tagħhom ta' riforma strutturali u fil-15 ta' Novembru 2011, adottaw miżuri ta' konsolidazzjoni addizzjonali. Fl-istess jum ġie konkluż ftehim bejn il-gvern u s-settur bankarju dwar kif ser jaqsmu l-piż li nibet mill-iskemi ta' appoġġ għal mutwatarji ipotekarji li jinsabu f'diffikutà.

    Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta' dawn il-miżuri aktar 'il fuq mill-Previżjoni tal-Ħarifa 2011, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa proġettat għal 2¾ % tal-PDG fl-2012 u għal 3¼ % tal-PDG fl-2013 (Ara t-Tabella 3), anke jekk jitqiesu l-effetti negattivi possibbli ta' xenarju makroekonomiku li qed jeħżien u tal-livell ogħla tar-redditi. Minħabba dan, wara li l-awtoritajiet Ungeriżi qiesu l-miżuri kollha li ġew ippubblikati pubblikament sa tmiem l-2011, għad mhuwiex żgurat progress xieraq għal korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli tad-defiċit eċċessiv.

    F'dan l-isfond, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi li ttieħdet azzjoni mhux xierqa skont l-Artikolu 126(8) tat-Trattat. Fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, wieħed jista' jsib valutazzjoni aktar dettaljata dwar l-Ungerija ppubblikata flimkien ma' din il-Komunikazzjoni.

    Tabella 3: L-Ungerija – tqabbil tal-proġettazzjonijiet baġitarji, bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika ( % tal-PGD)

    || 2011 || 2012 || 2013

    COM AF 2011 || 3.6 || -2.8 || -3.7

    Awtoritajiet Nazzjonali || 3.9 || -2.5 || -2.2

    COM Jannar 2012 || 3.5 || -2¾ || -3¼

    Noti: COM AF 2011 – Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni . COM Jan 2012 – Valutazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni ta' Jannar 2012 Il-proġettazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali (tat-30 ta' Settembru 2011 u kkonfermati lill-Kummissjoni fil-15 Ta' Diċembru 2011) u l-valutazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni ta' Jannar 2012 iqisu l-miżuri fl-abbozz tal-Baġit 2012 l-pakkett ta' konsolidazzjoni addizzjonali tal-15 ta' Diċembru 2011. Sorsi: Is-servizzi tal-Kummissjoni, proġettazzjonijiet nazzjonali

    2.4. Malta

    Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu maħruġa skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat tas-16 ta' Frar 2010, il-Kunsill irrakkomanda lil Malta biex sal-2011 tnaqqas id-defiċit għal taħt it-3 % tal-PDG b'mod kredibbli u sostanzjali u biex fl-2011 tiżgura sforz fiskali ta' ¾ % tal-PDG. Skont il-Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni, li ħarġet fl-10 ta' Novembru 2011, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika kien stmat li fl-2011 ikun 3 % tal-PDG u jekk wieħed jassumi li ma jkunu ttieħdu l-ebda miżuri ulterjuri, fl-2012, id-defiċit kien proġettat li jiżdied għal 3.5 % tal-PDG u fl-2013 u jkompli jiżdied għal 3.6 % tal-PDG. Filwaqt li l-istima tal-bidla fil-bilanċ strutturali fl-2011 kienet konformi mal-isforz fiskali rrakkomandat mill-Kunsill, id-direzzjoni proġettata tad-defiċit baġitarju tal-amministrazzjoni pubblika ma kinitx konsistenti mal-korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv.

    Wara d-data finali tal-Previżjoni tal-Ħarifa 2011, fl-14 ta' Novembru 2011, il-Gvern Malti adotta l-abbozz tal-baġit tiegħu għall-2012. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-baġit mill-Kummissjoni, il-proġettazzjonijiet tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huma aġġornati għal 2.6 % tal-PDG fl-2012 u 2.9 % tal-PDG fl-2013 (ara t-Tabella 4). Fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, wieħed jista' jsib valutazzjoni aktar dettaljata dwar Malta ppubblikata flimkien ma' din il-Komunikazzjoni.

    Fuq il-bażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, jidher li l-awtoritajiet Maltin ħadu l-miżuri effettivi għal korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli għad-defiċit eċċessiv. B'mod partikolari, l-awtoritajiet Maltin adottaw baġit tal-2012 li kien jinkludi sensiela ta' miżuri biex ma jiżdiedx id-defiċit. Fuq il-bażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tqis li bħalissa m'huma meħtieġa l-ebda passi oħra fil-proċedura dwar id-defiċit eċċessiv ta’ Malta. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi baġitarji f’Malta skont it-Trattat u l-Patt ta Stabbiltà u Tkabbir.

    Tabella 4: Malta – tqabbil tal-proġettazzjonijiet baġitarji bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika ( % tal-PDG)

    || 2011 || 2012 || 2013

    COM AF 2011 || -3.0 || -3.5 || -3.6

    Awtoritajiet Nazzjonali || -2.8 || -2.3 || -1.8

    COM Jannar 2012 || -3.0 || -2.6 || -2.9

    Noti: COM AF 2011 – Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni. COM Jannnar 2012 – Valutazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni ta' Jannar 2012 Il-proġettazzjonijiet nazzjonali huma bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali li tikkumplimenta d-diskors tal-baġit 2012. Il-proġettazzjonijiet nazzjonali u l-valutazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni ta' Jannar 2012 iqisu l-miżuri tal-abbozz tal-baġit 2012. Sorsi: Is-servizzi tal-Kummissjoni, proġettazzjonijiet nazzjonali

    2.5. Il-Polonja

    Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu maħruġa skont l-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej (TKE)[4] tas-6 ta' Lulju 2009, il-Kunsill irrakkomanda lill-Polonja biex sal-2012 tnaqqas id-defiċit għal taħt it-3 % tal-PDG b'mod kredibbli u sostanzjali u biex tul il-perjodu 2010-2012 tiżgura sforz fiskali medji ta' mill-anqas 1¼ % tal-PDG. Skont il-Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika kien mistenni li jkun 5.6 % tal-PDG fl-2011 u fl-2012 ikun 4.0 % tal-PDG, u, jekk wieħed jassumi li ma jkunu ttieħdu l-ebda miżuri ulterjuri, id-defiċit fl-2013 ser ikun ta' 3.1 % tal-PDG. Barra minn hekk, meta jitqies ix-xenarju mikroekonomiku bejn il-proġettazzjonijiet li jisħqu r-rakkomandazzjonijiet tal-PDE (jiġifieri l-Previżjoni tar-Rebbiegħa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni) u l-Previżjoni tal-Ħarifa 2011, b'mod partikolari, il-fatt li l-Polonja bbenefikat mir-reviżjoni 'l fuq tat-tkabbir tat-terminu medju, l-istima tal-medja tat-tibdil annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali għall-pejodu 2010-2012 ma laħaqx l-aġġustament irrakkomandat mill-Kunsill. Minħabba dan, id-direzzjoni proġettata tad-defiċit baġitarju tal-amministrazzjoni pubblika u l-istima tal-isforz fiskali f'dan l-istadju ma kinitx tkun konsistenti ma' korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli tad-defeċit eċċessiv.

    Wara d-data finali tal-Previżjoni tal-Ħarifa 2011, fit-8 ta Diċembru 2011, il-Gvern il-ġdid Pollakk adotta l-Liġi riveduta dwar il-Baġit għall-2012. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-baġit rivedut lil hinn mill-Previżjoni tal-Ħarifa 2011, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa proġettat għal 3.3 % tal-PDG fl-2012 u 2.6 % tal-PDG fl-2013 (ara t-Tabella 5) Fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, wieħed jista' jsib valutazzjoni aktar dettaljata dwar il-Polonja ppubblikata flimkien ma' din il-Komunikazzjoni.

    Fil-każ tal-Polonja, il-valutazzjoni fil-kuntest tal-PDE jeħtieġ li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-pakkett dwar il-governanza ekonomika, li għandu x'jaqsam mal-impatt baġitarju tar-riformi sistemiċi tal-pensjonijiet. Speċjalment, f'każ li l-eċċess tad-defiċit fil-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG jkun jinkludi l-effetti ta' din ir-rifoma fil-pensjonijiet, l-ispiża diretta netta sħiħa tar-riforma għall-baġit pubbliku ser tiġi kkunsidrata sakemm (i) id-defiċit jitnaqqas b'mod sostanzjali u kontinwu u joqrob lejn it-3 % tal-valur ta' referenza tal-PDG, (ii) il-proporzjoni tad-dejn gross tal-gvern ma jaqbiżx is-60 % tal-PDG u (iii) tinżamm is-sostenibbiltà fiskali globali.

    Id-defiċit ta' 3.3 % tal-PDG mistenni mis-servizzi tal-Kummissjoni billi jitqiesu l-miżuri mħabbra/adottati wara l-Previżjoni tal-Ħarifa 2011, jistgħu jiġu kkunsidrati li jkun qrib il-valur ta' referenza" u l-proporzjoni tad-dejn għall-PDG jkun ta' 60 % tal-valur ta' referenza tal-PDG b'manjiera sostanzjali. Skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011[5], dan jippermetti li tiġi kkunsidrata l-ispiża ta' riforma sistemika tal-pensjonijiet. Il-proporzjon tad-dejn għandu jkun pjuttost stabbli u li sal-2020 jilħaq il-56 % tal-PDG jekk wieħed jassumi li ma jsiru l-ebda tibdiliet fil-politika mal-Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni. L-estimi tal-awtoritajiet Pollakki tal-ispiża netta diretta ta' din ir-riforma fil-pensjonijiet fl-2012 hija ta' madwar 0.6 % tal-PDG.

    Fuq il-bażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, jidher li l-awtoritajiet Pollakki ħadu l-miżuri effettivi għal korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli għad-defiċit eċċessiv. Minħabba l-valutazzjoni ta' hawn fuq (li tinkludi wkoll l-ispejjeż netti diretti tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet introdotta fl-1999), il-Kummissjoni tikkonsidra li bħalissa m'huma meħtieġa l-ebda passi oħra fil-proċedura dwar id-defiċit eċċessiv tal-Polonja. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi baġitarji fil-Polonja skont it-Trattat u l-Patt ta Stabbiltà u Tkabbir.

    Tabella 5: Il-Polonja – tqabbil tal-proġettazzjonijiet baġitarji, bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika ( % tal-PGD)

    || 2011 || 2012 || 2013

    COM AF 2011 || -5.6 || -4.0 || -3.1

    CP 2011 || -5.6 || -2.9 || -2.5

    Abbozz tal-Liġi tal-Baġit tal-2012 || mhux applikabbli || -2.9* || mhux applikabbli

    COM Jannar 2012 || -5.6 || -3.3 || -2.6

    Noti: COM AF 2011 – Previżjoni tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni. CP 2011 – April 2011 aġġornamentt al-Programm ta' Konverġenza. COM Jannar 2012 – Valutazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni ta' Jannar 2012 Il-valutazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni ta' Jannar 2012 tqis il-miżuri adottati mill-gvern fl-abbozz tal-Liġi dwar il-Baġit 2012. * il-bilanċ tal-baġit ippreżentat fl-abbozz tal-Liġi dawr il-Baġit 2012 huwa kkalkulat skont il-metodu nazzjonali dwar il-kontijiet tal-flus kontanti, li mhuwiex direttament komparabbli mal-metodu ta' komtabilità bbażat fuq id-dovuti tal-ESA95. Sorsi: Is-servizzi tal-Kummissjoni, proġettazzjonijiet nazzjonali

    [1]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 5.

    [2]               Il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Latvja. Il-programm tal-Bilanċ tal-Pagament (BoP) għal-Latvja jiskadi fl-20 ta' Jannar 2012.

    [3]               L-Artikolu korrispondenti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, huwa l-Artikoli 126

    [4]               L-Artikolu korrispondenti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, huwa l-Artikoli 126

    [5]               Ara l-Artikolu 1(2c). Ir-Regolament emenda l-modalitajiet li għalihom l-ispejjeż baġitarji marbuta mal-introduzzjoni ta' pilastru obbligatorju u ffinanzjat totalment fis-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet tista' titqies meta jiġi vvalutat progress xieraq lejn korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli ta' defeċit eċċessiv. Fil-każ ta' Stat Membru fil-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE) meta l-eċċess tad-defiċit fil-valur ta' referenza ta' 3 % % jkun jinkludi l-effetti ta' din ir-rifoma fil-pensjonijiet, l-ispiża diretta netta sħiħa tar-riforma għall-baġit pubbliku ser tiġi kkunsidrata sakemm (i) id-defiċit jitnaqqas b'mod sostanzjali u kontinwu u joqrob lejn il-valur ta' referenza ta' 3 % % tal-PDG, (ii) il-proporzjoni tad-dejn gross tal-gvern ma jaqbiżx is-60 % % tal-PDG u (iii) tinżamm is-sostenibbiltà fiskali globali.

    Top