Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AG0007

    Il-Pożizzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 7/2012 fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-Programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni” Adottata mill-Kunsill fit- 8 ta’ Marzu 2012

    ĠU C 108E, 14.4.2012, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 108/1


    IL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 7/2012 FL-EWWEL QARI

    bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-Programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”

    Adottata mill-Kunsill fit-8 ta’ Marzu 2012

    2012/C 108 E/01

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 78(2)(g) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Fid-dawl tat-twaqqif ta’ Programm konġunt tal-UE dwar ir-risistemazzjoni mmirat biex iżid l-impatt tal-isforzi ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni fil-provvediment ta’ protezzjoni għal refuġjati, u fil-massimizzar tal-impatt strateġiku ta’ risistemazzjoni permezz ta’ indirizzar iktar iffokat ta’ dawk il-persuni li għandhom ħtieġa ikbar għal risistemazzjoni, għandhom jiġu fformulati prijoritajiet komuni fir-rigward tar-risistemazzjoni fil-livell tal-Unjoni.

    (2)

    L-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi, li l-linji ta’ politika tal-Unjoni mniżżlin fil-Kapitolu dwar il-verifiki fuq il-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom iridu jkunu rregolati mill-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri, u li, meta hu meħtieġ, l-atti tal-Unjoni skont dan il-Kapitolu iridu jinkludu l-miżuri xierqa biex jagħtu effett lil dan il-prinċipju.

    (3)

    Għal dan il-għan, il-prijoritajiet speċifiċi komuni tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni għall- 2013 kif elenkati fl-Anness miżjuda mad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE b'din id-Deċiżjoni huma stabbiliti abbażi ta’ żewġ kategoriji: l-ewwel waħda għandha tinkludi persuni li jappartjenu għal kategorija speċifika li taqa’ fil-kriterji ta’ risistemazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), u t-tieni waħda għandha tinkludi persuni minn pajjiż jew reġjun li jkun ġie identifikat mit-tbassir ta’ risistemazzjoni annwali tal-UNHCR u fejn azzjoni komuni tal-Unjoni jkollha impatt sinifikanti fl-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni.

    (4)

    Filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ risistemazzjoni stabbiliti fl-Anness miżjud mad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE minn din id-Deċiżjoni li jelenkaw il-prijoritajiet speċifiċi komuni tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni, huwa wkoll meħtieġ li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju addizzjonali għar-risistemazzjoni ta’ persuni fir-rigward tar-reġjuni ġeografiċi speċifiċi u nazzjonalitajiet, kif ukoll għal kategoriji speċifiċi ta’ refuġjati li għandhom jiġu risistemati, fejn ir-risistemazzjoni hija determinata li tkun is-soluzzjoni l-iktar xierqa għall-bżonnijiet speċjali tagħhom.

    (5)

    Minħabba l-importanza tal-użu strateġiku tar-risistemazzjoni minn pajjiżi jew reġjuni magħżula għall-implimentazzjoni tal-Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali, jeħtieġ li jingħata appoġġ finanzjarju addizzjonali għar-risistemazzjoni ta’ persuni mit-Tanzanija, l-Ewropa tal-Lvant (il-Bjelorussja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina), il-Qarn tal-Afrika (iġ-Ġibuti, il-Kenja u l-Jemen) u l-Afrika ta’ Fuq (l-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija), u minn kwalunkwe pajjiż jew reġjun ieħor li jintgħażel fil-futur.

    (6)

    Sabiex jiġu inkoraġġiti aktar Stati Membri sabiex jimpenjaw ruħhom f'azzjonijiet ta’ risistemazzjoni, huwa ugwalment neċessarju li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju addizzjonali lil dawk l-Istati membri li jiddeċiedu li jirrisistemaw persuni għall-ewwel darba.

    (7)

    Huwa wkoll neċessarju li jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-eliġibbiltà ta’ nefqa għall-appoġġ finanzjarju addizzjonali għar-risistemazzjoni.

    (8)

    F'konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    (9)

    F'konformità mal-Artikoli 1, u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (10)

    F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, annessa għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE hija b'din emendata kif ġej:

    1.

    L-Artikolu 13huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 3 inbidel b'dan li ġej:

    “3.   L-Istati Membri għandhom jirċievu ammont stabbilit skont il-paragrafu 3a għal kull persuna risistemata abbażi ta’ waħda jew aktar mill-prijoritajiet li ġejjin:

    a)

    persuni minn pajjiż jew reġjun magħżul għall-implimentazzjoni ta’ Programm ta’ Protezzjoni Reġjonali;

    b)

    persuni minn wieħed jew aktar mill-gruppi vulnerabbli li ġejjin:

    tfal u nisa f'riskju,

    minorenni mhux akkumpanjati,

    superstiti ta’ vjolenza u/jew tortura,

    persuni bi ħtiġijiet mediċi serji li jistgħu jiġu indirizzati biss jekk jiġu risistemati,

    persuni li għandhom bżonn ta’ risistemazzjoni ta’ emerġenza jew risistemazzjoni urġenti għal ħtiġijiet ta’ protezzjoni legali u/jew fiżika.

    c)

    il-prijoritajiet speċifiċi komuni tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni għall-2013 elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.”.

    (b)

    Iddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “3a.   L-Istati Membri għandhom jirċievu ammont stabbilit ta’ EUR 4 000 għal kull persuna risistemata abbażi tail-prijoritajiet elenkati fil-paragrafu 3.

    Fil-każijiet indikati hawn taħt l-ammont stabbilit għandu jiżdied kif ġej:

    EUR 6 000 għal kull persuna risistemata għal dawk l-Istati Membri li ser jirċievu mill-Fond l-ammont stabbilit dwar ir-risistemazzjoni għall-ewwel darba,

    EUR 5 000 għal kull persuna risistemata għal dawk l-Istati Membri li diġà rċevew l-ammont stabbilit għar-risistemazzjoni mill-Fond darba matul is-snin preċedenti tal-operat tal-Fond.”;

    c)

    il-paragrafu 4 inbidel b'dan li ġej:

    “4.   Fejn Stat Membru jirrisistema persuna skont aktar minn waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni elenkati fil-paragrafu 3, huwa għandu jirċievi ammont stabbilit għal din il-persuna darba biss.”;

    (d)

    il-paragrafu 6 inbidel b'dan li ġej:

    “6.   Sal-1 ta’ Mejju 2012, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni stima tan-numru ta’ persuni li ser jirrisistemaw, abbażi tal-prijoritajiet elenkati fil-paragrafu 3, matul is-sena kalendarja sussegwenti, li tinkludi t-tqassim skont il-kategoriji differenti li jsir riferiment għalihom f'dak il-paragrafu. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 52.”;

    e)

    żdied il-paragrafu li ġej:

    “7.   Ir-riżultati u l-impatt tal-inċentiv finanzjarju għall-azzjonijiet ta’ risistemazzjoni abbażi tal-prijoritajiet elenkati fil-paragrafu 3 għandhom jiġu rrappurtati mill-Istati Membri fir-rapport kif imsemmi fl-Artikolu 50(2) u mill-Kummissjoni fir-rapport kif imsemmi fl-Artikolu 50(3).”;

    (2)

    Fl-Artikolu 35, iddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “5.   L-ammont stabbilit għal kull persuna risistemata allokat għall-Istati Membri għandu jingħata bħala somma sħiħa għal kull persuna effettivament risistemata.”;

    (3)

    it-test imniżżel fl-Anness għal din id-Deċiżjoni huwa miżjud bħala Anness għad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

    Magħmula fi …,

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2010 (ĠU C 161E, 31.5.2011, p. 16) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-8 ta’ Marzu 2012. Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


    ANNESS

    “ANNESS

    Lista ta’ prijoritajiet speċifiċi komuni tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni għall-2013

    (1)

    Refuġjati Kongoliżi fir-Reġjun tal-Għadajjar il-Kbar (Burundi, Malawi, Rwanda, Żambja);

    (2)

    Refuġjati mill-Iraq fit-Turkija, is-Sirja, il-Libanu u l-Ġordan;

    (3)

    Refuġjati Afgani fit-Turkija, il-Pakistan u l-Iran;

    (4)

    Refuġjati Somali fl-Etjopja;

    (5)

    Refuġjati minn Burma fil-Bangladexx, il-Malażja u t-Tajlandja;

    (6)

    Refuġjati Eritrej fil-Lvant tas-Sudan.”.


    DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

    I.   INTRODUZZJONI

    Fit-2 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni adottat il-proposta għal Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-Programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni” u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/904/KE.

    Fit-18 ta’ Mejju 2010, il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari bl-għan tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Il-Kunsill ma kienx f'pożizzjoni li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament u adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-8 ta’ Marzu 2012 f'konformità mal-Artikolu 294 tat-Trattat.

    II.   GĦAN TAL-PROPOSTA

    L-għan tal-proposta hu li tikkontribwixxi għat-twaqqif ta’ Programm Konġunt tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni. Waqt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar it-twaqqif ta’ Programm Konġunt tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni mit-2 ta’ Settembru 2009 jfisser il-kuntest politiku u l-prinċipji li jiggwidaw lil dan il-programm, il-proposta tissuġġerixxi mekkaniżmu għall-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet komuni tal-UE dwar ir-risistemazzjoni fuq bażi annwali. Il-ħolqien ta’ Programm Konġunt tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni jkollu l-iskop li jtejjeb il-koordinament tal-approċċ tal-UE lejn ir-risistemazzjoni u jħeġġeġ sabiex aktar Stati Membri jibdew attivitajiet ta’ risistemazzjoni.

    III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

    Ġenerali

    In-negozjati saru f'kuntest ta’ politika msawwar mill-programm tal-Aja li jistabbilixxi l-għanijiet u l-istrumenti fil-kamp tal-ġustizzja u l-affarijiet interni għall-perijodu mill-2005 sal-2010 u sussegwentement mill-programm ta’ Stokkolma li jkopri l-perijodu mill-2010 sal-2014. Fiż-żewġ każijiet, il-Kunsill Ewropew esprima l-impenn tiegħu sabiex jiżviluppa aktar is-Sistema Komuni Ewropea tal-Asil billi jiġi emendat il-qafas leġislattiv u billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prattika. Il-Kunsill Ewropew enfasizza wkoll l-importanza tal-iżvilupp tad-dimensjoni esterna tal-asil permezz ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-oriġini. Fil-Programm tal-Aja l-Kunsill Ewropew appella għall-iżvilupp ta’ Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali tal-UE li jkunu jinkludu fost oħrajn programm konġunt ta’ risistemazzjoni għall-Istati Membri li lesti jipparteċipaw fih. Fil-Programm ta’ Stokkolma, il-Kunsill Ewropew ħeġġeġ favur il-parteċipazzjoni volontarja tal-Istati Membri fl-iskema konġunta tal-UE dwar ir-risistemazzjoni u sabiex jiżdied l-għadd ta’ refuġjati risistemati.

    F'konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni preżenti, iżda l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, annessa għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    Kwistjonijiet ewlenin

    F'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni (1), ir-rappreżentanti tal-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni daħlu f'kuntatti bil-ħsieb li jikkonkludu ftehim fl-istadju tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari. Biex tiġi rikonċiljata l-pożizzjoni taż-żewġ istituzzjonijiet u b'kont meħud tal-ftehim milħuq f'dawk il-kuntatti, il-Kunsill jadotta, dwar il-proposta għal Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sa l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/904/KE, il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tintroduċi l-modifiki prinċipali li ġejjin għall-proposta tal-Kummissjoni:

    Stabbiliment tal-prijoritajiet komuni tal-UE (Artikolu 1(1)(a))

    B'riżultat tal-kuntatti informali bejn il-Kunsill u l-Parlament, il-Kunsill jemenda l-proposta tal-Kummissjoni billi jelenka l-prijoritajiet tar-risistemazzjoni fid-Deċiżjoni għall-kuntrarju tas-suġġeriment inizjali mill-Kummissjoni li kien jgħid li l-prijoritajiet komuni tal-UE għar-risistemazzjoni jiġu stabbiliti fuq bażi annwali fil-proċedura ta’ komitoloġija. Peress li l-Fond Ewropew għar-Refuġjati jkopri l-perijodu sa tmiem l-2013, effettivament fadal biss sena ta’ programmar waħda taħt il-Fond attwali. Għaldaqstant hu ġġustifikat li f'din id-Deċiżjoni jiġu elenkati l-prijoritajiet għal dik is-sena biss u li jiġi speċifikat mekkaniżmu għall-istabbiliment tal-prijoritajiet komuni tal-UE dwar ir-risistemazzjoni fl-istrument li joħloq fond ġdid għall-perijodu mill-2014 sal-2020.

    Fid-dawl tas-sena ta’ programmar tal-2013, il-pożizzjoni tal-Kunsill tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sal-1 ta’ Mejju 2012, stima tal-għadd ta’ persuni li beħsiebhom jirrisistemaw matul l-2013 f'konformità mal-prijoritajiet speċifikati fid-Deċiżjoni. Peress li fil-pożizzjoni tal-Kunsill ma hu previst ebda mekkaniżmu għall-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-UE dwar ir-risistemazzjoni fuq bażi annwali, id-dispożizzjonijiet kollha fil-proposta tal-Kummissjoni li jirreferu għall-ipprogrammar annwali ma jibqgħux rilevanti.

    Prijoritajiet komuni tal-UE dwar ir-risistemazzjoni għall-2013 (Artikolu 1(1)(a), Premessi 3, 4 u 5)

    Il-prijoritajiet komuni tal-UE dwar ir-risistemazzjoni għall-2013 kif speċifikati fil-pożizzjoni tal-Kunsill ikopru persuni minn pajjiż jew reġjun innominat għall-implimentazzjoni ta’ Programm ta’ Protezzjoni Reġjonali, persuni li jappartjenu għal grupp vulnerabbli speċifiku jew refuġjati minn pajjiż jew reġjun speċifiku. L-ewwel żewġ ġabriet ta’ prijoritajiet huma fformulati bħala prijoritajiet ġenerali u jixbhu ħafna l-kategorijiet stipulati fl-Artikolu 13(3) tad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013. Meta titqabbel mad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE l-pożizzjoni tal-Kunsill iżżid mal-lista l-gruppi vulnerabbli li ġejjin: superstiti ta’ vjolenza u tortura kif ukoll persuni li jeħtieġu risistemazzjoni ta’ emerġenza jew risistemazzjoni urġenti għal ħtiġijiet ta’ protezzjoni legali jew fiżika. Din iż-żieda hi ġustifikata peress li ż-żewġ kategoriji ta’ persuni jagħmlu parti wkoll mill-prijoritajiet tal-UNHCR dwar ir-risistemazzjoni.

    It-tielet ġabra ta’ prijoritajiet hija msemmija bħala prijoritajiet komuni speċifiċi tal-UE għall-2013 u l-lista ta’ dawn il-prijoritajiet tinstab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni. Kif hemm spjegat fil-Premessa 3, din il-lista ta’ prijoritajiet komuni speċifiċi tal-UE għall-2013 hi stabbilita fuq il-bażi tal-kriterji tal-UNHCR dwar ir-risistemazzjoni u t-tbassir annwali tal-UNHCR dwar ir-risistemazzjoni b'kont meħud ta’ fejn l-azzjoni komuni tal-UE jkollha impatt sinifikattiv biex tittratta l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni.

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill iżżid ukoll Premessa 5 li hija aġġornament tal-Premessa 26 tad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013. Fil-Premessa 5, il-pożizzjoni tal-Kunsill taġġorna l-informazzjoni dwar il-pajjiżi u r-reġjuni li attwalment huma nnominati għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ protezzjoni reġjonali.

    L-ammont fiss li għandu jiġi rċevut għal kull persuna risistemata (Artikolu 1(1)(b), Premessa 6)

    B'riżultat tal-kuntatti informali mal-Parlament, il-pożizzjoni tal-Kunsill temenda l-proposta tal-Kummissjoni billi tipproponi ammont fiss ogħla għal kull persuna risistemata li jirċievu mill-Fond dawk l-Istati Membri li ma użawx il-Fond għal dan l-iskop qabel. Billi l-Artikolu 13(3) tad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 jipprevedi li l-Istati Membri jirċievu ammont fiss ta’ EUR 4 000 għal kull persuna risistemata f'konformità mal-prijoritajiet stipulati fid-Deċiżjoni, il-pożizzjoni tal-Kunsill tipprevedi ammont ta’ EUR 6 000 għal kull persuna risistemata għal dawk l-Istati Membri li għandhom jirċievu l-ammont fiss mill-Fond għall-ewwel darba u ammont ta’ EUR 5 000 għal dawk l-Istati Membri li rċevew l-ammont fiss mill-Fond darba biss qabel. L-iskop ta’ din l-emenda hu li jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li ma għamlux dan sa issa jniedu programmi ta’ risistemazzjoni.

    Żieda ta’ Premessa 2

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill temenda l-proposta tal-Kummissjoni billi żżid il-Premessa 2. Fl-ittra tiegħu lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-10 ta’ Frar 2012 (dok. 6370/12) fejn indika li kien ser jirrakkomanda lill-membri tal-Kumitat LIBE u lill-Plenarja, fit-tieni qari tagħha, biex jaċċettaw il-ftehim milħuq dwar id-Deċiżjoni mingħajr emendi, il-President tal-Kumitat LIBE talab iż-żieda tal-Artikolu 80 TFUE għall-bażi legali ta’ din id-Deċiżjoni. Madankollu, fil-fehma tal-Kunsill, l-Artikolu 80 ma jistax jikkostitwixxi bażi legali għall-adozzjoni ta’ dan l-att peress li ma jagħtix lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni s-setgħa li jadottaw atti legali. Għaldaqstant, bħala kompromess, il-Kunsill iddeċieda li jżid il-Premessa 2 li tirreferi għall-Artikolu 80 TFUE u l-prinċipji msemmijin fih.

    Emendi tal-Parlament Ewropew

    Fil-pożizzjoni tiegħu, il-Kunsill aċetta l-emendi 2, 3 u 4 fl-intier tagħhom, parzjalment jew fil-prinċipju. Il-Kunsill ma jaċċettax l-emendi 1, 5, 6, 7, 8, 9, 10 u 11 peress li dawn huma dwar proċedura għad-definizzjoni ta’ prijoritajiet komuni tal-UE dwar ir-risistemazzjoni fuq bażi annwali. Il-pożizzjoni tal-Kunsill tieħu approċċ differenti u tistabbilixxi lista ta’ prijoritajiet komuni tal-UE dwar ir-risistemazzjoni għall-2013 li hija l-unika sena ta’ programmar li fadal taħt il-Fond Ewropew għar-Refuġjati attwali.

    IV.   KONKLUŻJONI

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti l-kompromess milħuq f'negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, iffaċilitati mill-Kummissjoni. Il-COREPER approva dan il-kompromess fil-laqgħa tiegħu tat-22 ta’ Frar 2012. Qabel dan, il-President tal-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew f'ittra lill-President tal-COREPER bid-data tal-10 ta’ Frar 2012 kien indika li jekk it-test ta’ kompromess jintbagħat lill-Parlament bħala l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, huwa ser jirrakkomanda lill-membri tal-LIBE, u sussegwentement lill-plenarja, li l-pożizzjoni tal-Kunsill tiġi aċċettata mingħajr emendi fit-tieni qari tal-Parlament, soġġett għall-verifika mill-ġuristi lingwisti taż-żewġ istituzzjonijiet.


    (1)  ĠU C 145, 30.6.2007, p. 5.


    Top