Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0491

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE” COM(2011) 658 finali — 2011/0300 (COD)

    ĠU C 143, 22.5.2012, p. 125–129 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.5.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 143/125


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE”

    COM(2011) 658 finali — 2011/0300 (COD)

    2012/C 143/25

    Relatur: is-Sur BIERMANN

    Nhar il-15 ta’ Novembru 2011 u nhar id-29 ta’ Novembru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 172 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE

    COM(2011) 658 final – 2011/0300 (COD)

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2012.

    Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’131 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 2 astensjonijiet.

    Din l-opinjoni tagħmel parti minn pakkett ta’ ħames opinjonijiet imħejjija mill-KESE dwar il-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” (CEF, Connecting Europe Facility) u l-linji gwida tagħha li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru 2011. Dan il-pakkett hu magħmul mill-opinjonijiet: TEN/468 dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (relatur: is-Sur HENCKS), TEN/469 dwar il-Linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet (relatur: is-Sur LONGO), TEN/470 dwar il-Linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija (relatur: is-Sur BIERMANN), TEN/471 dwar il-Linji gwidi għall-infrastruttura tat-trasport (relatur: is-Sur BACK) u TEN/472 dwar L-inizjattiva ta’ bonds tal-proġetti (relaturi: is-Sur DUTTINE u s-Sinjura ANČA).

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-KESE jappoġġja l-għan li tiġi modernizzata u estiża b’mod komprensiv l-infrastruttura Ewropea tal-enerġija. Flimkien mad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, tas-sorsi tal-provvista u tar-rotot ta’ tranżitu, infrastruttura Ewropea tal-enerġija effiċjenti, stabbli u bi povvista sigura hija waħda mill-elementi bażiċi ta’ provvista sigura u stabbli tal-enerġija fl-UE.

    1.2   Il-kriżi finanzjarja wriet li l-istrutturi industrijali stabbli, iżda wkoll l-istrutturi stabbli tal-SMEs, huma ta’ valur miżjud li jistgħu jikkontribwixxu biex l-Ewropa toħroġ mill-kriżi aktar malajr. Infrastruttura tal-enerġija stabbli li tiggarantixxi provvista sigura ħafna hija prerekwiżit bażiku għaż-żewġ setturi.

    1.3   Fil-futur l-enerġija ser ikollha tiġi trasportata fuq distanzi twal u fi kwantitajiet akbar b’mod iktar frekwenti milli huwa possibbli llum il-ġurnata. Għaldaqstant, kif jingħad fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, għandhom jinħolqu u jiġu implimentati l-kundizzjonijiet meħtieġa.

    1.4   It-trażmissjoni ta’ vultaġġ għoli u b’kurrent dirett (maximum voltage direct-current transmission) għandha tinbena f’netwerk stabbli madwar l-UE kollha. Il-konnessjonijiet lineari li jintużaw illum il-ġurnata mhumiex siguri għalkollox.

    1.5   Għandhom jinħolqu interkonnessjonijiet Ewropej biex tiġi evitata l-konġestjoni. Il-ġestjoni ta’ din il-konġestjoni tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-provvista.

    1.6   Huwa biss b’infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea li l-pajjiżi kollha tal-UE jistgħu jagħmlu użu mill-vantaġġi lokali tagħhom f’termini ta’ sorsi nazzjonali tal-enerġija. Dan japplika għall-użu tal-idroenerġija u tal-enerġija mir-riħ kif ukoll għall-użu tal-pannelli solari fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Tali struttura tista’ ttejjeb ukoll l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija minn karburanti fossili bħaż-żejt, il-gass u l-faħam.

    1.7   Huwa biss permezz ta’ infrastruttura estiża tal-enerġija li tista’ ssir il-bidla lejn provvista tal-enerġija sostenibbli, sigura u b’livell baxx ta’ diossidu tal-karbonju.

    1.8   Il-KESE jappoġġja l-ħolqien tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. S’issa kien hemm biss stimi dwar iż-żieda fil-volum tal-investiment. Madankollu, biex dan jiġi implimentat hemm bżonn li jiġu analizzati b’mod konkret il-ħtiġijiet reali tal-investiment; jeħtieġ ukoll kundizzjonijiet qafas u riżorsi aħjar għall-innovazzjoni fil-qasam tal-iżvilupp tal-infrastruttura Ewropea tal-enerġija. Dan m’għandux isir għad-detriment tal-estensjoni, ugwalment meħtieġa, tan-netwerks ta’ distribuzzjoni fl-Istati Membri u r-reġjuni. Hemm bżonn ukoll ta’ tariffi tan-netwerk li jippromovu l-investiment privat, kif ukoll ta’ programmi effettivi u pubbliċi ta’ garanzija u ta’ appoġġ biex jinħolqu inċentivi għall-investiment privat.

    1.9   Il-kriterji għall-għoti tal-proġetti huma ta’ importanza kbira. Dawn għandhom ikunu trasparenti kemm għall-operaturi tan-netwerk, għall-ekonomija li tipproduċi u tikkonsma l-enerġija kif ukoll għall-pubbliku inġenerali. Il-KESE jilqa’ l-istrutturi ppreżentati fil-proposta għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tar-reġjuni. Għaldaqstant, il-KESE japprova l-kriterji dwar l-għoti ta’ proġetti li huma mehmużin fl-Anness tal-abbozz ta’ Regolament.

    1.10   L-estensjoni tan-netwerk Ewropew tal-enerġija hija essenzjali biex jitjieb il-bilanċ tat-tagħbija tal-elettriku (energy load) kif ukoll biex isir użu sħiħ mill-potenzjal tal-effiċjenza. Bil-għan li l-estensjoni tan-netwerk ma toħloqx ostakli għat-tkabbir Ewropew, jeħtieġ li jitħaffef b’mod sinifikanti l-proċess ta’ awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward ukoll, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti fl-abbozz ta’ Regolament. L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu l-passi neċessarji għall-adattament fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom.

    1.11   Fil-prinċipju, il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ aktar aċċettazzjoni u ta’ aktar djalogu bejn il-partijiet involuti kollha biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-estensjoni tan-netwerk tal-enerġija.

    1.12   Fil-qasam tar-riċerka, jinħtieġu aktar sforzi biex il-varjazzjonijiet fil-fluss tal-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli tal-enerġija jiġu bbilanċjati permezz ta’ netwerks intelliġenti, kapaċitajiet ta’ ħżin u kunċetti intelliġenti fir-rigward tat-taħlita tal-enerġija. Biex dan jiġi implimentat jeħtieġ ċertezza legali madwar l-UE.

    1.13   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-istabbiltà tan-netwerk tal-elettriku Ewropew fi sfond ta’ ċirkostanzi li jinbidlu fir-rigward tal-ammont dejjem akbar ta’ enerġija rinnovabbli volatili fin-netwerk. M’għandux ikun hemm varjazzjoni fil-vultaġġ u fil-frekwenza.

    1.14   Hemm bżonn ta’ livell għoli ta’ aċċettazzjoni pubblika għall-ħolqien ta’ infrastruttura trans-Ewropea tal-enerġija. Il-possibbiltajiet proposti fl-abbozz ta’ Regolament huma pass importanti biex dan jinkiseb. Jekk ikun hemm bżonn, dawn il-possibbiltajiet għandhom jiġu estiżi fl-Istati Membri individwali tal-UE.

    1.15   Ser ikun hemm esiġenzi partikolarment qawwija fuq il-ħaddiema kemm matul il-bini kif ukoll fl-operat tan-netwerks transnazzjonali tal-enerġija. Dawn il-proġetti jirrikjedu ħaddiema bi kwalifiki adatti għal dawn it-tipi ta’ xogħlijiet u taħriġ professjonali kontinwu. Il-persunal b’livell għoli ta’ kwalifiki, bħall-managers u l-inġiniera, għandhom partikolarment bżonn taħriġ kontinwu dwar l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-prevenzjoni tar-riskji fil-qasam tat-trażmizzjoni tal-enerġija bejn il-pajjiżi differenti u fir-rigward tal-leġislazzjoni rilevanti li dejjem tevolvi. Fl-għoti ta’ kuntratti għandha tingħata attenzjoni lill-konformità mal-istandards soċjali.

    1.16   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon li nżammet l-idea ta’ netwerk estensiv tal-gass. Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ser tissaħħaħ permezz tal-konnessjoni ta’ diversi reġjuni li jipproduċu l-gass.

    1.17   Il-proġetti ta’ riċerka li ġew suġġeriti mill-UE dwar il-ġbir u l-ħżin tas-CO2 qed jimxu bil-mod. Netwerk li jgħaqqad iċ-ċentri ta’ riċerka u s-siti potenzjali ta’ ħżin jew li jservi huwa stess ta’ post ta’ ħżin għandu tabilħaqq jiġi ppjanat minn issa. Madankollu, hemm dubji dwar kemm dan jista’ jitwettaq sa qabel l-2020. Għaldaqstant, il-KESE jissuġġerixxi li jiġi stabbilit proċess ta’ akkumpanjament bil-għan li jitkomplew ir-riċerka u l-analiżi dwar jekk din it-teknoloġija tistax tiġi applikata (ara wkoll CESE 1203/2008 – Il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju – relatur: is-Sur Wolf) (1).

    2.   Daħla

    2.1   It-tfassil tal-futur tal-enerġija Ewropea huwa sfida kbira għall-politika Ewropea u għas-soċjetà Ewropea. It-twettiq ta’ dan il-għan jirrikjedi azzjoni konsistenti, immirata u realistika, abbażi ta’ studji dwar il-fattibbiltà. Tali azzjoni għandha tmur lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri u tinkludi kunċett Ewropew komuni.

    2.2   L-għan huwa li tittieħed azzjoni Ewropea komuni fir-rigward tat-tliet għanijiet politiċi tal-enerġija tal-UE – is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u s-sostenibbiltà. Il-ksib ta’ dawn it-tliet għanijiet jinvolvi wkoll responsabbiltà soċjali, bil-għan li jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom aċċess għal enerġija bi prezzijiet li jintlaħqu minn but kulħadd.

    2.3   Fis-17 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni intitolata “Prijortiajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara”. Il-Komunikazzjoni tinkludi talba għal politika ġdida dwar l-infrastruttura tal-enerġija fl-Ewropa. Fil-futur, l-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew għandu jiġu kkoordinat fil-qafas ta’ din il-politika. Dan ifisser li fl-istess ħin jiġu riveduti u analizzati l-istrateġiji u l-approċċi attwali fir-rigward tan-netwerks trans-Ewropej tal-enerġija.

    2.4   Fl-aħħar, fid-19 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE”. L-għan huwa li jinħoloq suq intern uniku tal-infrastruttura tal-enerġija, li għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013. Għaldaqstant, l-infrastruttura trans-Ewropea tal-enerġija tagħmel parti mill-approċċ Ewropew fir-rigward tal-enerġija 2020. Dan l-approċċ jinkludi l-integrazzjoni tal-Istati Membri kollha fin-netwerk Ewropew, il-promozzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija sostenibbli, iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-estensjoni tal-enerġiji rinnovabbli.

    2.5   Fil-futur, l-infrastruttura tal-enerġija ser tkun aktar importanti: il-kumitat dwar l-etika “Provvista sigura tal-enerġija” fi ħdan il-gvern Ġermaniż jirreferi għaliha bħala “l-qalba ta’ ekonomija teknoloġikament avvanzata” (2).

    2.5.1

    Għat-trażmissjoni tal-elettriku din tfisser l-estensjoni ta’ netwerk b’vultaġġ għoli u b’kurrent dirett (awtostrada tal-elettriku) madwar l-UE kollha inklużi l-punti tal-akkoppjar (coupling points), ir-riċerka u l-iżvilupp addizzjonali ta’ faċilitajiet għall-ħżin tal-elettriku, l-estensjoni ta’ sistemi intelliġenti u deċentralizzati għad-distribuzzjoni tal-elettriku (smart grids) u l-ġestjoni ta’ użu intelliġenti tal-elettriku.

    2.5.2

    Il-gass naturali ser jaqdi wkoll rwol ewlieni fit-taħlita futura tal-enerġija Ewropea biex jibbilanċja l-varjazzjonijiet fil-ġenerazzjoni tal-elettriku u tiġi żgurata provvista bażika ta’ enerġija. Għandu jitħaffef il-bini ta’ pipelines bi pressa qawwija u l-faċilitajiet korrispondenti għall-ħżin tal-elettriku. Peress li l-ispiża tal-ħżin illum il-ġurnata hija relattivament għolja, għandu jiġi kkunsidrat jekk il-ħżin tal-gass naturali jistax jiġi sostitwit, tal-inqas parzjalment, minn forom oħra ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija.

    2.5.3

    Fil-perjodu medju, iż-żejt ser ikompli jaqdi rwol ċentrali, speċjalment fil-qasam tat-trasport fit-toroq. Għaldaqstant, anke f’dan ir-rigward, l-istrutturi tat-trasport għandhom jiġu estiżi u mtejba, fid-dawl tal-bżonn ta’ sigurtà tal-provvista aktar mifruxa.

    2.5.4

    Ser ikollha tinbena wkoll l-infrastruttura għat-trasport tas-CO2. Bħalissa għaddejja diskussjoni dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ teknoloġija bħal din. F’dan ir-rigward jinħtieġu aktar riċerka, żvilupp u miżuri għall-promozzjoni tal-aċċettazzjoni. Għalhekk jista’ jkun hemm xi dewmien fl-implimentazzjoni ta’ din it-teknoloġija.

    2.6   Is-sorsi tal-enerġija domestiċi tal-Istati Membri għandhom jiġu integrati fl-infrastruttura Ewropea tal-enerġija. B’hekk pereżempju l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu biż-żejt u l-faħam jistgħu jikkontribwixxu għall-provvista bażika u għall-ibbilanċjar tal-varjazzjonijiet fil-ġenerazzjoni tal-elettriku.

    3.   Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    3.1   Il-kontenut essenzjali tal-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea” jikkonċerna l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jieħdu miżuri dwar l-infrastruttura trans-Ewropea u li fl-istess waqt itejbu l-effiċjenza tal-istrutturi tat-trasport. Biex tiġi indirizzata d-domanda li dejjem tikber għall-enerġija huwa indispensabbli li jkun hemm interkonnessjoni trans-Ewropea tan-netwerks tal-enerġija. Is-setturi kollha tal-enerġija huma kkonċernati.

    3.2   Il-proposta tistabbilixxi 12-il proġett u qasam prijoritarju fir-rigward tal-infrastruttura tal-enerġija. L-Istati Membri kollha huma integrati fil-proġetti individwali, skont ir-rilevanza tagħhom. Dawn il-proġetti u oqsma jikkonċernaw:

    4 kurituri tal-elettriku li jinvolvu fost l-oħrajn il-bini ta’ netwerk barra mill-kosta (offshore) fl-ibħra tat-Tramuntana u l-bini ta’ netwerk Tramuntana-Nofsinhar;

    4 kurituri tal-gass, li jinvolvu fost l-oħrajn il-bini ta’ netwerk Ewropew tal-gass bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista;

    kuritur wieħed taż-żejt; u f’dan il-każ ukoll il-kwistjoni tas-sigurtà tal-provvista hija ta’ prijorità; u

    3 oqsma tematiċi prijoritarji, fost l-oħrajn l-użu ta’ netwerks intelliġenti, il-bini ta’ awtostradi tal-elettriku u netwerks transkonfinali tas-CO2.

    3.3   Il-Kummissjoni żviluppat 15-il kategorija għall-erba’ oqsma ta’ infrastruttura (li jinkludu fost l-oħrajn l-awtostradi tal-elettriku, il-faċilitajiet għall-ħżin tal-elettriku, il-pipelines tal-gass, it-trasport taż-żejt u l-pipelines għat-trasport tas-CO2). Dan huwa indispensabbli biex il-punt tat-tluq tal-partijiet interessati ikun kunċetti identiċi u aċċettati.

    3.4   Dan jgħodd ukoll għar-regoli vinkolanti stabbiliti fil-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni tal-gruppi responsabbli għall-implimentazzjoni reġjonali. Dawn ir-regoli jgħoddu għall-gruppi reġjonali kollha u għandhom itejbu l-kooperazzjoni. F’dawn il-gruppi għandhom jiġu integrati l-interessi kollha kkonċernati. Peress li dawn il-proġetti għandhom impatt transkonfinali sinifikanti fuq it-territorji tal-Istati Membri, dawn ir-regoli u indikaturi huma indispensabbli.

    3.5   Fid-dawl tal-fatt li hemm differenza mhux biss bejn il-prezzijiet tal-elettriku iżda wkoll fil-prezzijiet tan-netwerk bejn Stat Membru u ieħor, ġie propost metodu għall-analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż li jippermetti li jiġu żviluppati u mqabbla xenarji relatati mad-domanda, il-prezzijiet u l-kapaċità ta’ produzzjoni fis-setturi differenti tal-enerġija.

    3.6   Fl-aħħar, ġew proposti linji gwida dwar it-trasparenza u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Dawn iqisu li fid-dawl tar-regoli differenti fl-Istati Membri hemm bżonn li tinħoloq proċedura unika. Ġie propost li jitfassal manwal ta’ proċeduri, bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Ir-regoli vinkolanti proposti għandhom japplikaw għall-Ewropa kollha. Dawn jippermettu adattament tal-proċeduri (ara l-Anness II tal-proposta għal Regolament).

    3.7   Fl-istess ħin, it-test jipproponi opportunitajiet ġodda għat-tnedija ta’ proġetti pilota favur il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini bil-għan li tiġi żviluppata kultura Ewropea tal-parteċipazzjoni.

    3.8   Il-parteċipazzjoni pubblika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tal-intrapriżi u taċ-ċittadini hawnhekk tieħu dimensjoni kompletament ġdida. Mhuwiex biss il-pubbliku ta’ Stat wieħed li ser jiġi assoċjat fil-proċess iżda wkoll il-pubbliku tal-Istati Membri kkonċernati. B’hekk tiġi stabbilita parteċipazzjoni kważi transnazzjonali li tista’ u għandha definittivament twassal għal kultura Ewropea tal-parteċipazzjoni. Dan l-aspett ġie enfasizzat b’mod adegwat fl-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) dwar “Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara” (3) (ara b’mod partikolari punt 3 u 4).

    3.9   Il-bażi legali għall-implimentazzjoni ta’ regolament hija l-Artikolu 171(1) tat-TFUE, li huwa mfassal b’mod ċar, kif ukoll il-proċedura ta’ kodeċiżjoni stabbilita fl-Artikolu 172. Huwa importanti li l-Istati Membri jżommu l-kompetenzi tagħhom fir-rigward tat-taħlita tas-sorsi tal-enerġija. Il-kompetenza tal-UE fir-rigward tan-netwerks trans-Ewropej hija utli f’dan ir-rigward u għandha tissaħħaħ.

    3.10   Huwa stmat li l-qafas finanzjarju għall-iżvilupp tal-infrastruttura Ewropea tal-enerġija sal-2020 huwa ta’ madwar EUR 210 biljun (4). Is-sehem tal-investituri privati huwa mistenni jkun ta’ 50 %. Sabiex dan il-għan jinkiseb, bħalissa l-Kummissjoni qed tiddiskuti u tiżviluppa strumenti finanzjarji. Il-Grupp ta’ Studju TEN “L-inizjattiva ta’ bonds tal-proġetti tal-Ewropa 2020 għall-proġetti infrastrutturali” qed janalizza l-proposti għall-istabbiliment ta’ tali strumenti (5).

    3.11   Ir-Regolament propost għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013. Il-prinċipji ta’ finanzjament tiegħu jagħmlu parti mill-qafas finanzjarju multiannwali tal-UE għall-perjodu 2014-2020.

    4.   Kummenti tal-KESE

    4.1   Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija b’infrastruttura moderna tal-enerġija hija kundizzjoni essenzjali għat-tkomplija tal-iżvilupp tas-soċjetà Ewropea. Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni, li tirrappreżenta pass importanti għat-twettiq tal-politika tal-enerġija sal-2020.

    4.2   Is-soluzzjoni proposta hija nofs triq bejn it-trasparenza tas-suq, il-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni u s-suq ħieles. Dan huwa aspett pożittiv. Is-swieq tal-enerġija tal-Istati Membri mhumiex irregolati bl-istess mod, li jista’ jwassal għal kunflitti ta’ interess. Għaldaqstant, hemm bżonn li s-swieq tal-enerġija nazzjonali jiġu allinjati bil-għan li jinżammu l-ħtiġijiet nazzjonali.

    4.3   Il-linji gwida proposti għall-indikaturi u r-regoli komuni, li għandhom ikunu vinkolanti għal kulħadd, joffru b’mod partikolari l-opportunità li tittieħed azzjoni konġunta u mmirata. B’hekk jiġi evitat minn qabel ir-riskju ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-kunċetti.

    4.4   L-għan propost tal-bini ta’ supernetwerk tal-enerġija li jwassal għall-implimentazzjoni ta’ netwerks deċentralizzati u intelliġenti jista’ jkollu diversi effetti pożittivi:

    aktar postijiet tax-xogħol u ta’ kwalità aħjar, b’mod partikolari fiż-żoni periferiċi tal-Ewropa;

    it-tisħiħ tal-pożizzjoni tas-siti ta’ attivitajiet industrijali u ta’ għoti ta’ servizz fl-Ewropa fil-kompetittività dinjija permezz ta’ provvista tal-enerġija sigura. Dan japplika b’mod partikolari għall-SMEs;

    il-modernizzazzjoni u l-estensjoni tal-infrastruttura Ewropea tal-enerġija tikkontribwixxi għal aktar effiċjenza enerġetika;

    il-bini ta’ infrastruttura transnazzjonali flimkien mal-iżvilupp ta’ netwerks reġjonali joffru l-possibbiltà li jiġu kkontrollati n-nuqqasijiet ta’ enerġija;

    l-għan li tissaħħaħ il-kompetittività fis-swieq tal-enerġija jista’ jwassal għall-istabbilizzar jew saħansitra t-tnaqqis tal-prezzijiet. Madankollu l-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni xi kultant ta’ livell għoli topponi dan, li jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-prezzijiet. Jeħtieġ li jitnieda proċess politiku bil-għan li jinstab bilanċ tajjeb għall-approċċ li għandu jiġi segwit.

    4.5   Il-parteċipazzjoni ppjanata tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tista’ twassal biex l-innovazzjonijiet proposti fil-qasam tal-infrastruttura jiġu aċċettati aktar. Il-KtR enfasizza ħafna dan l-aspett fl-opinjoni tiegħu.

    4.6   Jeħtieġ li tingħata orjentazzjoni ġdida lir-regolamentazzjoni tan-netwerk. Għandu jinsab mezz kif jiġi sostitwit l-approċċ iffokat fuq ir-rendiment tal-operaturi permezz ta’ kunċetti aktar komprensivi. Il-fattibbiltà teknika hija aspett ewlieni f’dan ir-rigward, bħalma hija l-kwistjoni tal-implimentazzjoni mil-lat ekonomiku, sostenibbli u soċjali.

    4.7   Element rilevanti għall-infrastruttura moderna tal-enerġija huwa l-ħżin ta’ riżerva ta’ enerġija. S’issa dan kien jikkonċerna l-gass naturali u ż-żejt. L-istokkijiet attwali tal-enerġija issa ġew estiżi biex jinkludu l-istokkijiet tal-elettriku. Il-mistoqsija hija jekk dan jikkonċernax il-proġetti ta’ interess komuni jew il-proġetti nazzjonali. S’issa m’hemm l-ebda regolament tal-UE f’dan ir-rigward, u hemm tħassib legali serju f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija mitluba tiżviluppa proposta li toħloq ċertezza legali fir-rigward tal-ħżin tal-enerġija. Il-proposta għandha tikkunsidra l-possibbiltajiet tekniċi kollha għall-promozzjoni tal-possibbiltajiet previsti għall-ħżin tal-enerġija, bħal pereżempju batteriji, tekniki li jaħdmu bil-fwar, l-idroġenu jew il-metan. Huwa mixtieq ukoll li jiġu implimentati proġetti ta’ riċerka b’mod parallel.

    4.8   L-Istati Membri li għandhom kumitati ekonomiċi u soċjali għandhom jisimgħu l-opinjonijiet ta’ dawn il-kumitati u jinvolvuhom fl-ippjanar u l-implimentazzjoni bħala konsulenti.

    4.9   Ir-regoli nazzjonali dwar il-kodeċiżjoni u l-parteċipazzjoni tal-impjegati għandhom jagħmlu parti mill-proġetti reġjonali ta’ infrastruttura tal-enerġija. Dan huwa prerekwiżit essenzjali għall-għoti ta’ dimensjoni soċjali lill-impjiegi eżistenti u futuri fil-proġetti Ewropej ta’ infrastruttura.

    4.10   Il-ħaddiema li jaħdmu fi proġetti ta’ infrastruttura għandu jkollhom il-kwalifiki adatti għal dawn il-kompiti esiġenti u għandhom ikomplu jitħarrġu sabiex il-proġetti jiġu implimentati mingħajr tfixkil.

    4.11   Iċ-ċittadini tal-UE għandhom jiġu informati bir-reqqa dwar il-proġetti ta’ infrastruttura li qed jitniedu. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti mhijiex possibbli jekk ma jiġux appoġġjati mill-pubbliku.

    4.12   L-ispejjeż tal-infrastruttura huma parti mill-prezz li jħallas l-utent aħħari tal-enerġija. Fil-prattika dawn l-ispejjeż jiġġarrbu mill-konsumatur. F’dan ir-rigward hemm il-periklu li xi ċittadini jiġu esklużi mill-użu tal-elettriku. Din il-kwistjoni tissemma b’mod vag fil-proposta. Jeħtieġ li jitfasslu approċċi għall-eliminazzjoni tal-faqar fil-qasam tal-enerġija fl-Ewropa flimkien mal-miżuri l-oħra. F’dan ir-rigward, il-kwsitjoni hija kemm ser inkunu nistgħu niġġeneraw kompetizzjoni fis-swieq tal-enerġija mingħajr ma jogħlew il-prezzijiet.

    4.13   Il-produzzjoni tal-enerġija fil-post it-tajjeb twassal ukoll għal titjib fl-ispejjeż tal-infrastruttura. B’hekk, jeħtieġ li l-enerġija mir-riħ tiġi prodotta fir-reġjuni fejn jaħkem ir-riħ, u l-enerġija solari fir-reġjuni xemxija. Dan l-approċċ iwassal għat-titjib tal-produzzjoni tal-enerġija kif ukoll għat-titjib tat-trasport tal-enerġija.

    4.14   L-industrija u l-SMEs għadhom fatturi li joħolqu valur miżjud fl-Ewropa. Anke f’dan il-każ, huwa importanti li jkun hemm provvista stabbli tal-enerġija bi prezzijiet kompetittivi fis-swieq dinjija.

    4.15   Il-bini ppjanat ta’ infrastruttura għat-trasport tas-CO2 għadu kwistjoni miftuħa. Bħalissa qed jiġu diskussi l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ din it-teknika. Fid-dawl tal-fatt li fil-perjodu medju, il-karburanti fossili bħaż-żejt, il-gass naturali u l-faħam ser jibqgħu jagħmlu parti mit-taħlita tal-enerġija fl-Ewropa, hemm bżonn ta’ miżuri ta’ akkumpanjament biex tiġi promossa din it-teknika u biex tinbena infrastruttura rilevanti bil-għan li jinkisbu l-objettivi fit-tul li stabbilixxiet l-UE fir-rigward tal-klima. Madankollu, ftit li xejn jeżistu proġetti pilota bħalissa, u jeżisti dubju dwar jekk hux ser ikun hemm sal-2020 jew wara.

    4.16   Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ l-proposta għal Regolament dwar l-infrastruttura tal-enerġija u jappoġġja l-implimentazzjoni rapida tiegħu fid-dawl tal-kummenti tiegħu.

    Brussell, 22 ta’ Frar 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU C 27, 23.2.2009, p. 75.

    (2)  “Deutschlands Energiewende – Ein Gemeinschaftswerk für die Zukunft” (Il-bidla fil-qasam tal-enerġija tal-Ġermanja – Ħidma kollettiva għall-ġejjieni), imressaq mill-Kumitat tal-Etika “Provvista sigura tal-enerġija”, Berlin, 30 ta’ Mejju 2011, p. 37.

    (3)  ĠU C 259, 2.9.2011, p. 48-53.

    (4)  Madwar EUR 140 biljun għan-netwerks tat-trażmissjoni tal-elettriku b’vultaġġ għoli, għall-ħżin u l-applikazzjonijiet ta’ netwerks intelliġenti; madwar EUR 70 biljun għall-pipelines tal-gass bi pressa qawwija; u madwar EUR 2,5 biljun għall-infrastruttura tat-trasport tas-CO2.

    (5)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-inizjattiva ta’ bonds tal-proġetti tal-Ewropa 2020 għall-proġetti infrastrutturali” (Ara paġna 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top