EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0479

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi” COM(2011) 813 finali — 2011/0390 (CNS)

ĠU C 143, 22.5.2012, p. 94–101 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/94


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi”

COM(2011) 813 finali — 2011/0390 (CNS)

2012/C 143/18

Relatur: is-Sur GREIF

Nhar it-12 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 100(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

COM(2011)813 final – 2011/0390 (CNS).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Jannar 2012.

Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’111-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Talbiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Fir-raba’ sena tal-kriżi finanzjarja, il-prospetti tas-suq tax-xogħol qed isiru anqas u anqas sbieħ madwar l-Ewropa kollha. Il-KESE qed jinkwieta bil-kbir li l-għanijiet tal-impjieg fil-qafas tal-prijorità ta’ tkabbir inklużiv tal-Istrateġija Ewropa 2020 x’aktarx mhumiex ser jintlaħqu, fil-kuntest tal-premessi politiċi imposti bħalissa fl-UE li jgħidu li l-kriżi tista’ tingħeleb permezz tal-awsterità. Bl-introduzzjoni simultanja ta’ programmi ta’ awsterità fl-UE, hemm riskju li t-tendenza mutwalment irrinfurzata lejn in-niżla tissokta b’pass aktar mgħaġġel u li l-prospetti tat-tkabbir ikomplu jiddeterjoraw, u dan ikollu effetti negattivi kemm fuq id-domanda interna bħala l-aħħar sors ta’ stimolu ekonomiku kif ukoll fuq l-istabbilizzazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi.

1.2   Matul is-snin li ġejjin, l-Ewropa ser tersaq lejn sitwazzjoni tal-impjiegi estremament imwiegħra. Ċerti gruppi huma aktar milquta mill-medja: iż-żgħażagħ, il-persuni bi ftit kwalifiki, il-qiegħda fit-tul, il-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, ir-Roma u l-ġenituri singoli. Sabiex tingħeleb din is-sitwazzjoni, hemm bżonn urġenti ta’ investiment Ewropew u nazzjonali mmirat, b’impatt għoli fuq l-impjiegi, liema investiment għandu jiġi implimentat b’mod ikkoordinat sabiex ikattar l-effetti tiegħu fuq il-politika dwar l-impjiegi.

1.3   Fid-dawl tal-fatt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ qed jaggrava u li r-rata tal-qgħad fit-tul għadha għolja, bil-għan tal-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi, il-KESE jressaq dawn ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika ffukati fuq l-impjiegi:

Flimkien mal-għan ta’ rata ġenerali ta’ impjieg li trid tintlaħaq madwar l-UE, fil-ġejjieni għandhom jiġu stabbiliti wkoll għanijiet miżurabbli tal-UE mmirati lejn gruppi partikolari bħall-qiegħda fit-tul, in-nisa, l-anzjani u speċjalment ukoll iż-żgħażagħ (ġlieda kontra l-qgħad, titjib tas-sitwazzjoni tal-impjiegi). Il-posponiment ġenerali tat-tfassil ta’ għanijiet konkreti fil-qasam tal-politika dwar l-impjiegi fil-livell tal-Istati Membri wera li ma kienx ta’ suċċess s’issa.

F’dan ir-rigward, ta’ min jaħseb b’mod partikolari f’indikatur għat-tnaqqis sostanzjali fl-għadd ta’ dawk iż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (l-hekk imsejħa “NEETs”).

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-hekk imsejħa “Garanzija għaż-Żgħażagħ”, li tgħid li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li fi żmien erba’ xhur wara li jkunu temmu l-istudji tagħhom iż-żgħażagħ kollha jkollhom impjieg, ikomplu jsegwu xi taħriġ jew inkella jkunu involuti f’miżuri ta’ attivazzjoni u integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Fil-qafas tal-Pjani Nazzjonali ta’ Riforma, għandhom jitfasslu miżuri konkreti għal dan il-għan.

Il-pajjiżi fejn is-suq tax-xogħol jinsab f’qagħda partikolarment imwiegħra għaż-żgħażagħ, li fl-istess ħin iridu jiksbu għanijiet baġitarji restrittivi, għandu jkollhom aċċess aktar faċli għall-fondi tal-UE mmirati lejn il-miżuri tal-“Garanzija għaż-Żgħażagħ” (mis-semplifikazzjoni tal-użu tal-fondi sas-sospensjoni temporanja tal-arranġamenti ta’ kofinanzjament nazzjonali).

Minkejja s-sitwazzjonijiet baġitarji mwiegħra fl-Istati Membri, ir-riżorsi nazzjonali u Ewropej għall-edukazzjoni u l-impjiegi taż-żgħażagħ u l-qiegħda fit-tul għandhom jibqgħu disponibbli u fejn meħtieġ għandhom jiżdiedu. Għaldaqstant, għandu jiġi ggarantit finanzjament suffiċjenti mill-FSE kif ukoll minn fondi Ewropej oħrajn għal inizjattivi speċifiċi għaż-żgħażagħ fil-pjan finanzjarju l-ġdid mill-2014 ’il quddiem.

Il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ ipprovduti liż-żgħażagħ qiegħda u l-qiegħda fit-tul li jkunu qed ifittxu impjieg jew taħriġ għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid u fejn meħtieġ għandhom jittejbu fil-pajjiżi kollha tal-UE. Il-KESE jħeġġeġ li dawn l-għanijiet jitniżżlu fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

Il-KESE jwissi kontra għadd kbir wisq ta’ soluzzjonijiet instabbli u mingħajr prospetti għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol: minflok impjiegi prekarji u kuntratti tax-xogħol inċerti, għandhom jiġu implimentati miżuri li jiżguraw li l-impjiegi temporanji u l-pożizzjonijiet b’pagi baxxi u b’livell baxx ta’ assigurazzjoni soċjali ma jsirux in-norma.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri joqogħdu partikolarment attenti biex joħolqu swieq tax-xogħol intermedji inklużivi fejn ir-riżorsi pubbliċi jintużaw għall-ħolqien ta’ numru adatt ta’ impjiegi adegwati, u b’hekk il-qiegħda fit-tul ikunu jistgħu jżommu d-drawwa li jaħdmu u jtejbu l-ħiliet u l-għarfien tagħhom. Permezz ta’ dan, il-faqar fost il-ħaddiema jkun jista’ jiġi evitat u l-ħaddiema jkollhom tranżizzjoni aktar faċli lejn l-ewwel suq tax-xogħol miftuħ fil-perjodu ta’ wara l-kriżi.

Fir-rigward tal-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-apprendistati, il-KESE jappoġġja qafas Ewropew ta’ kwalità korrispondenti sabiex jiġu promossi opportunitajiet ta’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol b’kuntratti vinkolanti. Is-“sistema doppja” ta’ apprendistati b’edukazzjoni ġenerali u taħriġ vokazzjonali, li ilha titħaddem b’suċċess fi wħud mill-Istati Membri, għandha tiġi analizzata bil-għan li tiġi applikata parzjalment bnadi oħra.

2.   Introduzzjoni

2.1   Fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill tal-UE ddeċieda li l-linji gwida l-ġodda dwar l-impjiegi m’għandhomx jinbidlu qabel l-2014 sabiex l-enfasi tibqa’ ssir fuq l-implimentazzjoni. L-aġġornamenti għandhom jibqgħu limitati kemm jista’ jkun.

2.2   Minkejja dan, il-KESE qed juża l-konsultazzjoni annwali prevista fl-Artikolu 148(2) tat-Trattament dwar il-Funzjonament tal-Unjoni sabiex jirrevedi l-implimentazzjoni tal-linji gwida,

sabiex jeżamina jekk hux possibbli li jsir progress fil-ksib tal-għanijiet stabbiliti fil-kuntest tat-tendenzi attwali fuq is-swieq tax-xogħol kif ukoll il-premessi politiċi li l-UE qed timponi bħalissa bil-ħsieb li tinsab soluzzjoni għall-kriżi;

barra minn hekk, ser jiffoka l-aktar fuq is-sitwazzjoni dejjem aktar gravi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u dik tal-qiegħda fit-tul u ser jipproponi rakkomandazzjonijiet ta’ politika dwar il-miżuri li hemm bżomm jittieħdu b’mod urġenti f’dan ir-rigward.

2.3   Il-KESE jinsab kuntent li bosta proposti (1) li ressaq sabu ruħhom fit-test finali dwar il-linji gwida dwar l-impjiegi maħruġ mill-Kunsill fl-2010, iżda jinnota li nuqqasijiet oħra li identifika ma ġewx ikkunsidrati. Għalhekk, jirreferi għal uħud mill-kummenti ewlenin tal-opinjoni maħruġa dak iż-żmien, li għadhom tassew rilevanti. Fost oħrajn, kien sostna:

li, fid-dawl tal-kriżi, il-linji gwida ma jirriflettux biżżejjed il-ħtieġa li l-ġlieda kontra l-qgħad tingħata l-ogħla prijorità;

li l-linji gwida l-ġodda huma kkaratterizzati minn approċċ Ewropew sostanzjalment imdgħajjef, peress li ma jipproponux għajr għadd ċkejken ta’ għanijiet ewlenin tal-UE u jafdaw it-tfassil tal-għanijiet fil-qasam tal-politika dwar l-impjiegi f’idejn l-Istati Membri;

li flimkien mal-għan ta’ rata ġenerali ta’ impjieg li trid tintlaħaq madwar l-UE, għandhom jiġu stabbiliti wkoll għanijiet miżurabbli tal-UE mmirati lejn gruppi partikolari bħall-qiegħda fit-tul, in-nisa, l-anzjani kif ukoll iż-żgħażagħ;

li barra minn hekk hemm bżonn għanijiet tal-UE fost l-oħrajn rigward l-ugwaljanza tas-sessi, il-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul, kontra l-kuntratti tax-xogħol li ma joffrux protezzjoni soċjali suffiċjenti u kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-faqar tat-tfal u taż-żgħażagħ;

li l-linji gwida ma jinkludu l-ebda indikazzjoni konkreta rigward il-kwalità tal-impjiegi.

2.4   Din l-opinjoni ser tixtarr dawn il-punti fil-kuntest tat-tendenzi attwali fis-swieq tax-xogħol Ewropej fil-kriżi ekonomika li għaddejja bħalissa.

3.   Sitwazzjoni tal-impjiegi dejjem aktar imwiegħra fil-kuntest tal-kriżi

3.1   Il-kriżi finanzjarja żviluppat fi kriżi fundamentali tal-ekonomija, tad-dejn u tas-soċjetà (2). Ġie stabbilit uffiċjalment li l-irkupru tal-ekonomija tal-UE issa waqaf. Saħansitra l-prospetti tas-suq tax-xogħol qed ikomplu jiddeterjoraw (3). Il-konsegwenzi tal-kriżi qed jaggravaw u dan qed jiġri mhux biss minħabba t-tnaqqis ekonomiku f’ħafna pajjiżi tal-UE, iżda fuq kollox ukoll minħabba li l-biċċa l-kbira tal-gvernijiet qed iwieġbu għall-hekk imsejħa kriżi tad-dejn – li fost l-oħrajn ġiet ikkaġunata mid-deregolazzjoni massiva tas-swieq finanzjarji f’dawn l-aħħar snin – b’politiċi drastiċi ta’ awsterità biex jippruvaw jikkalmaw is-swieq finanzjarji. Matul l-implimentazzjoni tar-regoli modifikati reċentement dwar il-governanza ekonomika fiż-żona tal-euro u lil hinn minnha, il-pajjiżi kważi kollha tal-UE qed ipoġġu t-tnaqqis tad-defiċits pubbliċi permezz ta’ tnaqqis kultant sensittiv fl-infiq tal-gvern – b’enfasi fuq ir-restrizzjoni tal-infiq fuq is-servizzi soċjali u s-servizzi pubbliċi – fil-qalba tal-konsolidazzjoni inkwistjoni (4). Din il-politika ċċekken il-possibbiltajiet offruti fis-suq tax-xogħol, l-aktar għal dawk li diġà kienu jagħmlu parti minn xi grupp ta’ persuni żvantaġġati.

3.2   F’dan il-kuntest, l-Ewropa ser tgħix sitwazzjoni tal-impjiegi estremament imwiegħra matul is-snin li ġejjin. Fir-raba’ sena tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-prospetti tal-impjiegi qed ikomplu jiddeterjoraw. Minkejja l-isforzi maħsuba biex jappoġġjaw l-ekonomija bħala l- ewwel reazzjoni għall-kriżi u minkejja l-irkupru ekonomiku fi wħud mill-pajjiżi tal-UE, il-qgħad fl-UE bejn l-2008 u l-2011 għola minn 6,9 % għal 9,4 % (5).

3.3   B’konsegwenza ta’ dan, illum aktar minn 22 miljun persuna jinsabu mingħajr impjieg madwar l-UE, għad li f’dan ir-rigward hemm differenzi kbar fl-UE: ir-rati tal-qgħad fit-tieni tliet xhur tal-2011 ivarjaw minn anqas minn 5,5 % fl-Awstrija, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi sa ’l fuq minn 14 % fl-Irlanda, il-Litwanja, il-Latvja u l-Greċja u 21 % fi Spanja. Iż-żgħażagħ huma milquta ferm aktar mill-qgħad. F’diversi pajjiżi – mhux biss fin-Nofsinhar tal-Ewropa – kien hemm deterjorament preokkupanti matul il-kriżi: ir-rati tal-qgħad irdoppjaw f’pajjiżi bħal Spanja, l-Irlanda u saħansitra fid-Danimarka (għad li hawn ir-rata kienet waħda baxxa), filwaqt li fil-pajjiżi Baltiċi r-rati ttriplikaw; sal-2010 l-qgħad naqas fil-Ġermanja u l-Lussemburgu biss. Minkejja ż-żieda fil-qgħad, f’xi pajjiżi tista’ tiġi osservata żieda fil-postijiet tax-xogħol battala. Minħabba l-iżvilupp demografiku u t-tibdil strutturali li għaddej bħalissa, wieħed jista’ jistenna li fis-snin li ġejjin dan il-paradoss ser jaggrava.

Iż-żgħażagħ u l-persuni bi ftit kwalifiki ntlaqtu b’mod partikolari miż-żieda fil-qgħad matul il-kriżi, u qabel dawn iż-żewġ gruppi kienu diġà jinsabu b’mod ċar ’il fuq mill-medja.

Ir-rata tal-qgħad tal-persuni b’livell baxx ta’ edukazzjoni laħqet is-16,3 % fit-tieni tliet xhur tal-2011, filwaqt li l-persuni b’livell medju jew għoli ta’ edukazzjoni laħqu rata ta’ 8,6 % u 5,3 % rispettivament.

Ir-rata tal-qgħad għoliet kemm għall-irġiel u kemm għan-nisa fil-gruppi ta’ età kollha. Fit-tieni tliet xhur tal-2011, laħqet id-9,4 % u d-9,5 % rispettivament. Fl-ewwel fażi tal-kriżi, ir-rata tal-qgħad tal-irġiel żdiedet b’pass aktar mgħaġġel, peress li s-setturi ddominati mill-irġiel (bħall-industrija tal-manifattura u l-bini) intlaqtu aktar. Fit-tieni fażi tal-kriżi, ir-rata tal-qgħad tan-nisa għaddiet minn żieda aktar qawwija, peress li s-setturi ddominati min-nisa (bħas-servizzi u s-settur pubbliku) sfaw milquta b’riżultat tal-miżuri ta’ awsterità meħuda.

Il-ħaddiema migranti, li sa minn qabel il-kriżi kellhom rata tal-qgħad ogħla mill-medja, intlaqtu b’mod sproporzjonat miż-żieda fir-rata tal-qgħad. Fit-tieni tliet xhur tal-2011, ir-rata tal-qgħad tagħhom għoliet għal 16,3 %.

Fit-tieni tliet xhur tal-2012, il-medja fl-UE tar-rata tal-qgħad fit-tul (>12-il xhar), li minħabba l-ħafna persuni li sfaw qiegħda niżlet drastikament b’mod proviżorju, reġgħet lura għal-livell ta’ qabel il-kriżi, bi 43 %. Il-pajjiżi li ntaqtu ħafna u sa minn kmieni mill-kriżi (Spanja, l-Irlanda u l-pajjiżi Baltiċi) irreġistraw żieda qawwija meta mqabbla mal-2008. Fil-futur qarib, dan il-grupp ser jikber b’mod sinifikanti minħabba domanda staġnata għax-xogħol.

3.4   Peress li l-qgħad fost iż-żgħażagħ laħaq livelli allarmanti sa minn qabel il-kriżi, il-KESE diġà ddeskrivieh bħala waħda mill-aktar problemi minaċċużi fis-suq tax-xogħol Ewropew (6). Il-qgħad fost iż-żgħażagħ spara ’l fuq b’mod ġenerali u bħalissa laħaq kważi l-21 % madwar l-UE. Aktar minn ħames miljun żagħżugħ (bejn 15 u 24 sena) illum jew ma jaħdmux jew mhux qed isegwu taħriġ u dan huwa marbut ma’ konsegwenzi enormi fil-livell individwali, soċjali u ekonomiku: stimi reċenti tal-Eurofound jindikaw spiża ta’ aktar minn EUR 100 biljun fis-sena b’riżultat tal-esklużjoni taż-żgħażagħ mis-suq tax-xogħol (7). Fil-Greċja u Spanja, aktar minn 40 % taż-żgħażagħ huma qiegħda u fil-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja kważi terz taż-żgħażagħ huma kkonċernati.

It-tħassib dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa kkonfermat minn żewġ indikaturi: ir-rata tal-qgħad (8) u r-rata tan-NEETs, li għolew it-tnejn li huma. L-indikatur tan-NEETs huwa partikolarment interessanti billi jipprovdi stampa tal-qagħda taż-żgħażagħ bejn 15 u 24 sena li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (“Not in Employment, Education or Training”).

Jeżistu differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri individwali: l-aħjar sitwazzjoni hija dik tad-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja u l-Awstrija b’rati taħt is-7 %, filwaqt li s-sitwazzjoni tal-Italja u l-Bulgarija hija partikolarment iebsa, b’rati bejn id-19,1 % u l-21,8 %. Fl-2010, il-medja tal-EU-27 kienet ta’ 12,8 %. Minħabba l-kriżi, ir-rati tan-NEETs jidhru li marru għall-agħar speċjalment fi Spanja, l-Irlanda, il-Litwanja, l-Estonja u l-Latvja.

Dawk li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien jiffurmaw kategorija oħra ta’ persuni b’riskju għoli ta’ qgħad, minħabba livell baxx ta’ edukazzjoni. Minkejja li f’ċerti pajjiżi (bħal Spanja, il-Portugall, l-Estonja, il-Latvja u r-Renju Unit) ir-rati ta’ żgħażagħ li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien naqsu matul il-kriżi, ir-rata medja tal-UE, li fl-2010 kienet ta’ 14,1 %, baqgħet notevolment ogħla mill-mira tal-Ewropa 2020 li din ir-rata tkun inqas minn 10 % (9). Hemm differenzi kbar bejn il-pajjiżi: fil-Portugall u Spanja, ir-rati jaqbżu t-28 % u Malta r-rata ta’ dawk li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien kważi tilħaq is-37 %, filwaqt li r-rati fis-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovenja huma taħt il-5 % (10).

3.5   Dan l-iżvilupp fir-rati tal-qgħad huwa rifless ukoll fir-rata tal-impjieg, li waqt il-kriżi niżlet b’mod konsiderevoli: minn medja ta’ 70,5 % fl-UE għall-persuni bejn 20 u 64 sena fl-2008 għal 68,9 % fit-tieni tliet xhur tal-2011. Meta l-linji gwida ġew adottati fl-2010, kien diġà ċar li kien ser ikun hemm bżonn ta’ għaxar snin biex jerġgħu jinkisbu l-10 miljun post tax-xogħol jew aktar li ntilfu minn mindu faqqgħet il-kriżi. Minn dakinhar ’l hawn is-sitwazzjoni ftit li xejn tjiebet. Bejn it-tieni tliet xhur tal-2010 u dawk tal-2011 fil-medja tal-UE kien hemm biss tkabbir minimu fl-impjieg; is-sena li għaddiet, uħud mill-pajjiżi wrew tkabbir sostanzjali (l-Estonja, il-Litwanja, il-Latvja u Malta) filwaqt li f’pajjiżi oħra l-impjieg kompla jonqos b’mod sinifikanti (il-Greċja, il-Bulgarija, is-Slovenja u r-Rumanija). Meqjusin flimkien, il-pajjiżi tal-UE għadhom ’il bogħod milli jilħqu l-mira ewlenija tal-UE 2020 ta’ rata globali tal-impjieg ta’ 75 % (għall-persuni bejn 20 u 64 sena) (11). Matul il-kriżi finanzjarja, iż-żgħażagħ mhux biss intlaqtu aktar mill-qgħad mill-gruppi ta’ età l-oħra kollha, iżda kellhom ukoll jiffaċċjaw tnaqqis ferm akbar ta’ impjiegi.

3.6   L-impjieg part-time kompla jikber progressivament matul il-kriżi, u dan ikkonferma l-iżviluppi osservati waqt il-perjodu kopert mill-Istrateġija ta’ Lisbona. Fil-medja, fl-UE, l-impjieg part-time tela’ minn 17,6 % tal-impjieg totali fit-tieni tliet xhur tal-2008 għal 18,8 % fit-tieni tliet xhur tal-2010, b’differenzi notevoli bejn il-pajjiżi.

In-nisa li jaħdmu part-time huma rrappreżentati żżejjed b’rata medja ta’ 31,6 % fit-tieni tliet xhur tal-2011 meta mqabbla ma’ 8,1 % tal-irġiel.

B’żieda medja fir-rata tal-impjieg part-time madwar l-UE, il-ħaddiema żgħażagħ intlaqtu ferm aktar minn ħaddiema ta’ età medja jew avvanzata minn dan il-fenomenu.

Barra minn hekk, l-impjieg part-time fost il-ħaddiema bl-aktar livell baxx ta’ edukazzjoni żdied b’rata akbar.

Il-qgħad parzjali jippermetti lin-nies iżommu kuntatt mas-suq tax-xogħol waqt il-kriżi u jpoġġihom f’pożizzjoni tat-tluq tajba għat-tranżizzjoni lejn impjieg full-time wara l-kriżi.

Madankollu, waqt il-kriżi, saħansitra l-għadd ta’ ħaddiema li jaħdmu part-time kontra r-rieda tagħhom  (12) żdied b’mod konsiderevoli. Fil-pajjiżi li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi (il-pajjiżi Baltiċi, Spanja u l-Irlanda), bejn l-2008 u l-2010 r-rata ta’ impjieg part-time mhux fuq bażi volontarja għoliet b’mod aktar sinifikanti mill-medja. Il-persentaġġ tan-nisa li jaħdmu part-time biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb it-tfal jew biex jieħdu ħsieb adulti li ma jkunux jistgħu jaħdmu baqa’ għoli f’ħafna pajjiżi.

3.7   Fit-tieni tliet xhur tal-2007, l-impjieg temporanju żdied għal rekord ta’ 14,6 % fl-UE. Id-data pprovduta f’dan ir-rigward mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol fl-UE tinkludi wkoll il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, sakemm ma jibbenefikawx minn kuntratt tax-xogħol bil-miktub għal perjodu indefinit (13). Peress li l-ħaddiema b’kuntratt għal perjodu definit u l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija ntlaqtu bil-kbir mill-qgħad waqt il-kriżi, il-persentaġġ globali tagħhom laħaq l-aktar livell baxx ta’ 13,5 % fit-tieni tliet xhur tal-2009. Madankollu, iż-żieda reċenti għal 14,2 % fit-tieni tliet xhur tal-2011 turi li l-intrapriżi għandhom tendenza li jimpjegaw mill-ġdid ħaddiema fuq kuntratti għal perjodu definit u wkoll ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Dan l-iżvilupp juri b’mod partikolari nuqqas ta’ fiduċja min-naħa ta’ dawk li jħaddmu fis-saħħa tal-irkupru u l-isforzi tagħhom biex jirrispondu b’mod effettiv għal din is-sitwazzjoni.

Jeżistu differenzi konsiderevoli bejn il-pajjiżi fir-rigward tal-impjieg temporanju: filwaqt li fl-Istati Membri tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, bħar-Rumanija, il-Litwanja u l-Estonja, ir-rata hija taħt il-5 %, il-Portugall, Spanja u l-Greċja għandhom rati ta’ bejn 23 u 27 %.

Il-probabbiltà ta’ impjieg temporanju hija, fil-wisgħa, l-ogħla għall-ħaddiema żgħażagħ (bejn 15 u 24 sena) (2010: 42,2 %). Dan jgħodd għall-pajjiżi kważi kollha. Sa ċertu punt sar komuni li f’bosta professjonijiet l-ewwel impjieg taż-żgħażagħ ikun wieħed temporanju, avolja ħafna drabi dan ma jsirx bil-kuntentizza taż-żgħażagħ. Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol ħżienet b’mod drammatiku waqt il-kriżi.

Barra minn dan, madwar 20 % ta’ persuni bi ftit kwalifiki għandhom impjieg temporanju – ir-rata tagħhom hija ferm ogħla meta mqabbla ma’ dik tal-ħaddiema b’livell medju jew għoli ta’ kwalifiki (madwar 12 u 13 %).

Bejn l-2008 u l-2010, il-proporzjon ta’ persuni li okkupaw impjieg temporanju kontra r-rieda tagħhom għola b’madwar 2 %; dan il-fenomenu jista’ jiġi osservat b’mod partikolari fil-Litwanja u l-Irlanda, tnejn fost l-aktar pajjiżi milqutin mill-kriżi, kif ukoll fir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka u r-Renju Unit.

3.8   Faqar fost il-ħaddiema: id-data tal-Eurostat għall-2009 turi li kemm il-ħaddiema temporanji u kemm dawk li jaħdmu part-time, kif ukoll iż-żgħażagħ u l-ġenituri singoli, għandhom riskju ogħla li jisfaw foqra minkejja l-impjieg tagħhom, meta mqabbla ma’ ħaddiema fuq bażi permanenti u dawk li jaħdmu full-time.

Għall-impjegati żgħażagħ (bejn 18 u 24 sena), ir-riskju ta’ faqar fost il-ħaddiema  (14) huwa ferm ogħla mill-medja għall-grupp ta’ persuni bejn 25 u 64 sena f’diversi Stati Membri.

B’mod simili, il-ġenituri singoli, li ħafna drabi ma jistgħux jevitaw li jaħdmu part-time, kif ukoll il-ħaddiema bi ftit kwalifiki jinsabu milquta b’mod sproporzjonat mill-fenomenu tax-xogħol temporanju u x-xogħol part-time, u jinsabu wkoll irrappreżentati żżejjed fl-impjiegi full-time b’remunerazzjoni baxxa; dan ifisser rati ogħla ta’ faqar fost il-ħaddiema.

4.   Il-politika ta’ awsterità madwar l-UE tiddeterjora l-qagħda tas-suq tax-xogħol u tagħmilha aktar iebsa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika dwar l-impjiegi

4.1   Bl-introduzzjoni simultanja ta’ programmi ta’ awsterità fl-UE, it-tendenza mutwalment irrinfurzata lejn in-niżla taf tissokta b’pass aktar mgħaġġel u l-prospetti tat-tkabbir jafu jkomplu jiddeterjoraw. Peress li xi pajjiżi mhux qed jagħtu kas biżżejjed ir-riformi strutturali meħtieġa, it-tnaqqis tal-infiq pubbliku qed ikollu impatt negattiv fuq id-domanda interna bħala l-aħħar sors ta’ stimolu ekonomiku u qed iwassal għal anqas dħul mit-taxxi u għal aktar spejjeż ta’ natura soċjali. Hemm theddida li d-defiċits baġitarji jkomplu jikbru u b’hekk tkompli tiċkien il-kapaċità ta’ għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri li jaġixxu fil-livell tal-politika ekonomika. Għaldaqstant, din it-triq, li tikkonsisti f’li l-konsolidazzjoni baġitarja tiffoka primarjament fuq l-awsterità, mhijiex biss preokkupanti mil-lat soċjali, iżda qed ixxekkel ukoll kull possibbiltà ta’ rilanċ ekonomiku orjentata lejn il-ġejjieni. Il-KESE qed jinkwieta bil-kbir li b’dawn il-miżuri l-kriżi mhux ser tkun tista’ tingħeleb u l-għanijiet tal-istrateġija tal-UE dwar l-impjiegi mhux ser ikunu jistgħu jintlaħqu.

4.2   Għalhekk, il-KESE jtenni l-appell tiegħu għal pjan Ewropew ġdid ta’ rilanċ ekonomiku, ta’ 2 % tal-PDG, li jkollu impatt qawwi fuq il-politika dwar is-suq tax-xogħol (15). Flimkien ma’ investimenti nazzjonali addizzjonali implimentati b’mod ikkoordinat biex jistimolaw l-impatt fuq l-impjiegi, jeħtieġ li jiġu identifikati wkoll proġetti ta’ investiment Ewropej. Madwar 1 % tal-ispejjeż previsti għandhom isiru fuq investimenti b’impatt qawwi fuq l-impjiegi u għandhom ukoll jikkonċernaw b’mod espliċitu miżuri ta’ politika dwar is-suq tax-xogħol li jistgħu jieħdu forom differenti skont il-qagħda tas-swieq tax-xogħol reġjonali fil-pajjiżi tal-UE.

4.3   Il-baġits pubbliċi ma jistgħux jintużaw għal kollox – salvataġġ tal-banek, investimenti soċjali u innovattivi kif ukoll appoġġ għall-intrapriżi. Il-KESE huwa tal-fehma li, fil-kuntest ta’ konsolidazzjoni baġitarja intelliġenti, huwa inevitabbli li jkun hemm tnaqqis tal-ispejjeż, li għandu jkun soċjalment sostenibbli, kif ukoll li jinstabu sorsi ġodda ta’ dħul. B’mod partikolari hemm bżonn li l-Istati Membri jwessgħu l-bażi għat-taxxa tagħhom. Barra minn hekk, jeħtieġ li s-sistemi tat-taxxa jiġu riveduti b’mod ġenerali, sabiex jiġu kkunsidrati mistoqsijiet dwar il-kontribuzzjonijiet minn forom differenti ta’ dħul u assijiet. Dan għandu jsir flimkien ma’ titjib fl-effiċjenza u fl-adegwatezza tal-infiq pubbliku.

4.4   Fil-fehma tal-KESE, il-miżuri ta’ awsterità ma jistgħux jitħallew iżidu r-riskju tal-faqar u jaggravaw l-inugwaljanzi, li diġà kibru dawn l-aħħar snin. Għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun żgurat li l-miżuri li jittieħdu bħala reazzjoni għall-kriżi ma jmorrux kontra l-istimolar tad-domanda u l-impjieg waqt u wara l-kriżi u kontra l-mitigazzjoni tal-impatti soċjali. L-Istati Membri għandhom joqogħdu attenti wkoll li l-miżuri maħsuba biex jegħlbu l-kriżi u d-dejn żejjed tal-gvernijiet ma jipperikolawx l-investiment pubbliku fil-politika dwar is-suq tax-xogħol kif ukoll l-edukazzjoni ġenerali u t-taħriġ vokazzjonali. Il-KESE jitlob valutazzjonijiet effikaċi tal-konsegwenzi soċjali sabiex jiġi analizzat kif jista’ jintlaħaq l-għan tal-UE li mill-anqas 20 miljun persuna joħorġu mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali sal-2020.

4.5   Il-miżuri ta’ awsterità jolqtu l-aktar lil dawk li jiddependu mit-trasferimenti soċjali tal-Istat, fosthom ukoll dawk li għandhom impjieg prekarju u gruppi żvantaġġati oħrajn fis-suq tax-xogħol. B’mod ġenerali, dawk li huma l-aktar milquta mill-qgħad huma wkoll dawk li għandhom aċċess diffiċli u limitat għas-servizzi ta’ appoġġ. Għaldaqstant, hemm bżonn netwerks ta’ sigurtà soċjali effettivi, sostenibbli u suffiċjenti, li għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-aktar gruppi milquta u żvantaġġati fis-suq tax-xogħol (fost l-oħrajn iż-żgħażagħ, il-migranti, ir-Roma, il-persuni b’diżabilità, il-ġenituri singoli u l-persuni bi ftit kwalifiki).

4.6   Fir-rigward tal-isfidi li t-tixjiħ tal-Ewropa jġib miegħu għas-swieq tax-xogħol, il-KESE dan l-aħħar ħa pożizzjoni u osserva li l-aktar strateġija effettiva hija fil-wisgħa dik li tikkonsisti fl-aktar użu mifrux tal-potenzjal ta’ impjieg disponibbli. Dan jista’ biss jinkiseb permezz ta’ politiki mmirati lejn it-tkabbir u lejn il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni. Dawn jinkludu l-adattament tad-dinja tax-xogħol għall-bżonnijiet tal-persuni mdaħħla fl-età u l-iżvilupp estensiv tat-taħriġ u l-edukazzjoni, il-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ta’ kwalità għolja u produttivi, l-iżgurar ta’ sistemi effiċjenti tas-sigurtà soċjali kif ukoll miżuri komprensivi għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-familja, eċċ. (16) Barra minn hekk, il-potenzjal ekonomiku tal-“ekonomija tal-fidda”, jiġifieri dik tal-anzjani, għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ.

5.   Talbiet u rakkomandazzjonijiet dwar l-impjieg taż-żgħażagħ u l-qiegħda fit-tul

5.1   L-istabbiliment ta’ għanijiet ambizzjużi tal-UE rigward l-impjieg taż-żgħażagħ

5.1.1

Il-linji gwida eżistenti jinkludu indikatur għat-tnaqqis tal-proporzjon taż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs). Huwa minnu li l-Istati Membri ddiversifikaw il-miżuri skont l-ispeċifiċitajiet differenti tal-gruppi ta’ NEETs u taw attenzjoni speċjali lill-persuni żvantaġġati (17), iżda xorta waħda għad hemm nuqqas ta’ għanijiet konkreti għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u għat-titjib tal-qagħda tal-impjieg taż-żgħażagħ. Il-KESE jtenni t-talba tiegħu li dan il-punt ewlieni fil-linji gwida jiġi espress b’mod ferm aktar ċar, fuq kollox permezz taż-żieda ta’ għanijiet Ewropej miżurabbli għall-impjieg taż-żgħażagħ: b’mod partikolari: 1) għan għal tnaqqis sinifikanti tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kif ukoll 2) perjodu massimu ta’ erba’ xhur għall-attivazzjoni ta’ pożizzjonijiet ta’ xogħol jew ta’ tagħlim għaż-żgħażagħ. Il-fatt li għanijiet speċifiċi relatati mal-impjieg taż-żgħażagħ tħallew f’idejn l-Istati Membri ma tantx ħalla frott, billi ftit pajjiżi individwali biss fasslu għanijiet rilevanti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom (18).

5.2   Implimentazzjoni konsistenti tal-“Garanzija għaż-Żgħażagħ” fil-qasam tan-NEETs

5.2.1

Il-KESE, li kien talab li l-Istati Membri jiggarantixxu li fi żmien erba’ xhur wara li jkunu temmu l-istudji tagħhom iż-żgħażagħ kollha jkollhom impjieg, ikomplu jsegwu xi taħriġ jew inkella jkunu involuti f’miżuri ta’ attivazzjoni u integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, jinsab sodisfatt li t-talba tiegħu ġiet ikkunsidrata fl-inizjattiva ewlenija “Żgħażagħ Attivi”, li tipproponi “Garanzija għaż-Żgħażagħ” (19). F’dan il-kuntest, il-KESE japprova mingħajr riżervi t-talba mressqa mill-Kummissjoni lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw mill-aktar fis possibbli l-ostakoli f’dan il-qasam. Fil-qafas tal-Pjani Nazzjonali ta’ Riforma, għandhom jitfasslu miżuri konkreti sabiex dawn l-ostakoli jiġu eliminati. Għal dan il-għan, f’ħafna Stati Membri ser ikun hemm bżonn li l-appoġġ speċifiku ggarantit mis-servizzi pubbliċi tal-impjieg jissaħħu bil-kbir, sabiex il-persuni żvantaġġati (qabel kollox ukoll il-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni u r-Roma) jingħataw aktar attenzjoni.

5.2.2

F’dan ir-rigward, l-Istati Membri huma mitluba wkoll sabiex il-prijoritajiet ġenerali miftiehma fil-linji gwida dwar l-impjiegi jimplimentawhom b’mod effettiv fil-każ taż-żgħażagħ ukoll u sabiex jistabbilixxu miri u għanijiet korrispondenti ambizzjużi, inklużi miżuri bilanċjati għaż-żieda tal-flessibbiltà u s-sigurtà, it-tħeġġiġ tal-mobilità tal-forza tax-xogħol, il-ħolqien ta’ sistemi adatti ta’ sigurtà soċjali li jkunu kapaċi jakkumpanjaw it-transizzjoni lejn is-suq tax-xogħol kif ukoll il-promozzjoni tal-intraprenditorija u kundizzjonijiet ġenerali adegwati għaż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi, b’mod partikolari fl-SMEs.

5.3   Aktar fondi tal-UE għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul u aċċess aktar faċli għal dawn il-fondi

5.3.1

Sabiex il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul jonqsu fuq perjodu qasir, il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jittieħdu miżuri speċifiċi fil-qasam tal-politika soċjali, il-politika dwar l-edukazzjoni u dik dwar is-suq tax-xogħol, proprju fi żminijiet meta l-qagħda baġitarja hi waħda mwiegħra. Bħalissa l-Kummissjoni qed titlob fl-“Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ” (20) li l-għajnuna rapida u mhux burokratika tingħata l-aktar fil-pajjiżi li huma l-aktar milquta mill-qgħad fost iż-żgħażagħ (21). L-Istati Membri fejn is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol hi partikolarment imwiegħra fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul, li fl-istess ħin iridu jiksbu għanijiet baġitarji restrittivi, għandu jkollhom aċċess aktar faċli għall-fondi tal-UE mmirati b’mod partikolari lejn il-miżuri tal-“Garanzija għaż-Żgħażagħ” kif ukoll għall-investimenti maħsuba għall-ħolqien tal-impjiegi. Hemm bżonn li fl-amministrazzjoni jiġu introdotti proċeduri u semplifikazzjonijiet prammatiċi u flessibbli fir-rigward tal-użu tal-fondi, li jinkludu s-sospensjoni temporanja tal-arranġamenti ta’ kofinanzjament nazzjonali għall-interventi tal-FSE u ta’ fondi oħra Ewropej.

5.4   Mezzi adatti għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul fil-baġit il-ġdid tal-UE

5.4.1

Il-KESE diġà enfasizza kemm hu importanti li, minkejja l-valutazzjoni mill-ġdid tal-prijoritajiet baġitarji li l-kriżi ekonomika qed timponi fuq l-Istati Membri kollha, ir-riżorsi nazzjonali u Ewropej għall-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u l-impjiegi taż-żgħażagħ u tal-qiegħda fit-tul jibqgħu disponibbli u fejn meħtieġ jiżdiedu (22). Għaldaqstant, il-KESE jitlob li għandu jiġi ggarantit finanzjament suffiċjenti mill-FSE għal inizjattivi ffokati fuq iż-żgħażagħ u l-qiegħda fit-tul fil-pjan finanzjarju l-ġdid mill-2014 ’il quddiem  (23). Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li, fost l-oħrajn, jiġi eżaminat kif jistgħu jintużaw ukoll il-fondi l-oħra tal-UE għall-miżuri mmirati lejn il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul.

5.5   Aċċess imtejjeb taż-żgħażagħ u tal-qiegħda fit-tul għas-servizzi ta’ appoġġ fil-każ ta’ qgħad

5.5.1

Jeżistu differenzi notevoli bejn l-Istati Membri rigward l-aċċess u l-firxa ta’ servizzi fil-livell ta’ sigurtà soċjali, u dan mhux biss għaż-żgħażagħ. Fil-linji gwida dwar l-impjiegi, l-Istati Membri huma ġustament mitluba jadattaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom sabiex ma jħallu l-ebda lakuna fil-qasam tas-sigurtà soċjali fi swieq tax-xogħol aktar flessibbli. Dan jgħodd għall-gruppi kollha ta’ età mingħajr distinzjoni. Fil-fehma tal-KESE, l-aċċess limitat ħafna taż-żgħażagħ għas-servizzi ta’ appoġġ fil-każ ta’ qgħad, li jista’ jiġi osservat fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, xorta waħda għadu kwistjoni li s’issa ftit li xejn ġiet indirizzata (24). Taħt ċerti kundizzjonijiet, ċerti pajjiżi tejbu l-aċċess għas-servizzi f’każ ta’ qgħad għall-gruppi żvantaġġati – inklużi ż-żgħażagħ – waqt il-kriżi. Madankollu, dawn il-miżuri kienu limitati fiż-żmien jew inkella jinsabu fil-periklu li jiġu rtirati fil-kuntest tal-pakketti ta’ awsterità ppjanati.

5.5.2

Il-KESE jitlob li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ ipprovduti liż-żgħażagħ qiegħda u l-qiegħda fit-tul li jkunu jridu jaħdmu u jkunu qed ifittxu impjieg jew taħriġ, għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid u, jekk ikun meħtieġ, għandhom jittejbu fl-Istati Membri kollha. Il-KESE jħeġġeġ ukoll li dawn l-għanijiet jitniżżlu fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Dan ikun kontribut sinifikanti għall-ġlieda kontra s-sitwazzjoni prekarja ta’ ħafna żgħażagħ fit-transizzjoni lejn is-suq tax-xogħol.

5.6   Ġlieda kontra l-impjiegi prekarji u forom mhux regolamentati fis-settur tat-tagħlim u tal-apprendistati

5.6.1

Mhux biss ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ bejn 15 u 24 sena hija d-doppju ta’ dik fost l-adulti, iżda wkoll il-proporzjon ta’ impjiegi prekarji (li f’xi pajjiżi hu ta’ aktar minn 60 %), iż-żieda ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ apprendistati mhux regolamentati (l-aktar fil-pajjiżi tan-Nofsinhar (25)) kif ukoll l-impjiegi taħt il-livell ta’ kwalifikazzjoni. Il-KESE jwissi kontra għadd kbir wisq ta’ soluzzjonijiet instabbli u mingħajr prospetti għall-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol: minflok impjiegi prekarji u kuntratti tax-xogħol inċerti, għandhom jiġu implimentati miżuri li jiżguraw li l-impjiegi temporanji u pożizzjonijiet b’pagi baxxi u b’livell baxx ta’ assigurazzjoni soċjali ma jsirux in-norma għaż-żgħażagħ.

5.6.2

F’għadd kbir ta’ opinjonijiet, il-KESE ħa pożizzjoni dwar l-oqsma fejn jeħtieġ intervent dwar l-adattament tat-taħriġ u l-kwalifiki, fost l-oħrajn biex jiġi ggarantit li ż-żgħażagħ isegwu t-taħriġ mitlub fis-suq tax-xogħol (26). Sabiex jingħelbu d-diskrepanzi eżistenti bejn id-domanda u l-provvista fuq is-suq tax-xogħol, ikkaġunati fost l-oħrajn minn kwalifiki insuffiċjenti, mobilità ġeografika limitata jew remunerazzjoni mhux adegwata (27), l-istabbilimenti tat-tagħlim huma mitluba jadattaw il-programmi ta’ studju tagħhom għall-esiġenzi tas-suq tax-xogħol, dawk li jħaddmu huma mitluba jwessgħu l-kanali ta’ reklutaġġ tagħhom għal ħaddiema ġodda, u l-awtoritajiet huma mitluba jinvestu f’miżuri attivi effettivi favur is-suq tax-xogħol. L-istudenti stess għandhom ukoll responsabbiltà fil-kapaċità futura tagħhom li jsibu impjieg.

5.6.3

Fir-rigward tal-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-apprendistati, il-KESE jappoġġja qafas Ewropew ta’ kwalità korrispondenti, li għandu jiġi promoss ukoll fl-intrapriżi, sabiex dawn jipproponu impjiegi li jiffavorixxu t-tagħlim u li joffru kuntratti mutwalment vinkolanti, inkluż liż-żgħażagħ żvantaġġati mil-lat edukattiv. Is-sistema doppja tat-tagħlim b’edukazzjoni ġenerali u taħriġ vokazzjonali tat riżultati tajbin f’diversi pajjiżi u ta’ min jeżamina l-possibbiltà li wħud mill-karatteristiċi tagħha jiġu applikati bnadi oħra.

5.7   Prinċipji bażiċi għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ

5.7.1

Il-KESE jisuġġerixxi li jittieħdu għadd ta’ miżuri għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, abbażi ta’ dawn il-prinċipji bażiċi: it-titjib tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ permezz ta’ riformi fis-sistema edukattiva bil-għan li l-ħiliet tagħhom jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, inklużi sħubijiet bejn l-iskejjel u l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, miżuri attivi relatati mas-suq tax-xogħol, inkluzi appoġġ akbar u inċentivi biex iż-żgħażagħ isibu impjieg, analiżi tal-effetti tal-leġislazzjoni għall-protezzjoni tal-impjieg u appoġġ għall-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ.

5.8   Il-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul u t-telf tal-kuntatt mad-dinja tax-xogħol

5.8.1

L-istaġnar kontinwu tad-domanda għax-xogħol b’relazzjoni mal-kriżi qed iwassal għal żieda fil-qgħad fit-tul u dan qed iġib miegħu diffikultajiet serji fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u b’hekk anke żieda fil-faqar fost il-ħaddiema. Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri saiex joqogħdu partikolarment attenti biex joħolqu suq tax-xogħol intermedju fejn ir-riżorsi pubbliċi jintużaw għall-ħolqien ta’ numru adatt ta’ impjiegi adegwati, u b’hekk il-qiegħda fit-tul ikunu jistgħu jżommu l-kuntatt tagħhom mad-dinja tax-xogħol u jtejbu l-ħiliet tagħhom. Permezz ta’ dan, il-faqar fost il-ħaddiema jkun jista’ jiġi evitat u l-ħaddiema jkollhom tranżizzjoni aktar faċli lejn l-ewwel suq tax-xogħol miftuħ fil-perjodu ta’ wara l-kriżi.

Brussell, 22 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar Linji Gwida għall-Politika dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri – It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020, relatur: is-Sur Greif, ĠU C 21, p. 66, 21.1.2011.

(2)  Il-KESE ħa pożizzjoni dwar l-effetti tal-kriżi u dwar il-miżuri meħtieġa biex din tingħeleb f’ħafna opinjonijiet u f’diversi okkażjonijiet. Eżempju prominenti ta’ dan huwa l-istqarija mill-President tal-KESE waqt is-sessjoni plenarja ta’ Diċembru 2011; http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/di_ces20-2011_di_mt.doc.

(3)  Pereżempju ara l-previżjonijiet tal-ħarifa għall-2011-2013 li l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat m’ilux.

(4)  Rigward il-konsegwenzi soċjali tal-governanza ekonomika l-ġdida, ara l-opinjoni tal-KESE tat-22 ta’ Frar 2012 dwar L-impatt soċjali tal-leġislazzjoni tal-governanza ekonomika ġdida, relatur: is-Sinjura Bischoff, (ara l-paġna 23 f’dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Sakemm ma jiġix indikat mod ieħor, id-data hija misluta mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-Unjoni Ewropea (http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/labour_market/introduction)u tirreferi għat-tieni tliet xhur tal-2011. Ġeneralment il-grupp ta’ età huwa dak bejn 15 u 64 sena.

(6)  Ara l-punt 7 tal-opinjoni tal-KESE dwar Iż-żgħażagħ attivi, relatur: is-Sur Trantina, korelatur: is-Sur Mendoza Castro (ĠU C 132, p. 55, 3.5.2011).

(7)  Skont l-aħħar kalkoli tal-Eurofound, l-ispiża ta’ din l-esklużjoni taż-żgħażagħ mis-suq tax-xogħol fl-UE tilħaq il-EUR 100 biljun fis-sena.

(8)  Din ir-rata tikkunsidra l-popolazzjoni attiva kollha taż-żgħażagħ sabiex tnaqqas eventwalment id-distorsjoni kkawżata mir-rati għoljin ta’ inattività fost iż-żgħażagħ li għadhom qed jistudjaw.

(9)  http://ec.europa.eu/europe2020/priorities/smart-growth/index_en.htm.

(10)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/education/introduction.

(11)  Ara EMCO/28/130911/EN-rev3, p. 27 u segwenti.

(12)  L-impjegati li jaħdmu part-time kontra r-rieda tagħhom huwa “dawk li ma rnexxilhomx isibu impjieg full-time”.

(13)  Huwa rakkomandat li fil-ġejjieni l-Eurostat jipprovdi data separata għall-ħaddiema temporanji u l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

(14)  Anqas minn 60 % tad-dħul tal-familja medjan ekwivalizzat.

(15)  Ara l-punt 3.1 tal-opinjoni tal-KESE dwar Ir-riżultati tas-Summit dwar l-impjiegi, relatur: is-Sur Greif (ĠU C 306, p. 70, 16.12.2009).

(16)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-futur tas-suq tax-xogħol Ewropew – It-tfittxija ta’ risposta effikaċi għall-iżvilupp demografiku, relatur: is-Sur Greif (ĠU C 318, p. 1, 29.10.2011).

(17)  “Young People and NEETs in Europe: first findings” – EUROFOUND – EF1172EN http://www.eurofound.europa.eu/pubdocs/2011/72/en/1/EF1172EN.pdf.

(18)  Fl-2011, erba’ pajjiżi biss (il-Belġu, ir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija u l-Estonja) fasslu għanijiet nazzjonali għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(19)  “Żgħażagħ mobbli”, COM(2010) 477, punt 5.4.

(20)  Ara l-proposti korrispondenti tal-Kummissjoni fl-inizjativa attwali dwar “Opportunitajiet taż-Żgħażagħ”, COM(2011) 933.

(21)  Fil-linja gwida nru 7, Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/EU.

(22)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Żgħażagħ Attivi”(ĠU C 132, p. 55, 3.5.2011) u l-punt 8 tal-opinjoni tal-KESE dwar Il-kriżi ekonomika, l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, relatur: is-Sur Soares (ĠU C 318, p. 50, 29.10.2011).

(23)  Għaldaqstant, il-KESE jitlob li tal-anqas 40 % tar-riżorsi kollha tal-FSE jiġu allokati għall-promozzjoni tal-impjiegi u tal-mobilità professjonali, billi permezz ta’ dan għadd kbir ta’ miżuri favur iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jitpoġġew fil-qalba tal-proġetti mnedija. Dwar dan, ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Fond Soċjali Ewropew (ara l-paġna 82 f’dan il-Ġurnal Uffiċjali) relatur: is-Sur Verboven, korelatur: is-Sur Cabra de Luna, punti 1.5 u 4.1.

(24)  Id-data tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol (Eurostat) turi li fl-UE-27, iż-żgħażagħ (bejn 15 u 24 sena) fil-medja għandhom tliet darbiet anqas aċċess għas-servizzi fil-każ ta’ qgħad minn gruppi oħra; l-ebda titjib sostenibbli ma ġie osservat waqt il-kriżi.

(25)  Din mhijiex daqstant problema fil-pajjiżi tat-Tramuntana, li għandhom snin sħaħ ta’ esperjenza prattika ta’ relazzjonijiet regolati bejn dawk li qed jitħarrġu, l-istituzzjonijiet li jipprovdu t-taħriġ u dawk li jħaddmu. L-istess jgħodd għal dawk il-pajjiżi li għandhom sistema ta’ taħriġ vokazzjonali doppju li hija żviluppata tajjeb u li diġà wriet xi ssarraf (il-Ġermanja u l-Awstrija).

(26)  Dwar dan, ara l-opinjoni tal-KESE, li tinsab fil-fażi tat-tfassil, dwar L-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU); l-opinjoni tal-KESE dwar L-impjieg taż-żgħażagħ, il-kwalifiki professjonali u l-mobbiltà (ĠU C 68/11, 6.3.2012), relatur: is-Sinjura Andersen; kif ukoll l-opinjoni tal-KESE dwar Nagħmlu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali postsekondarji aktar attraenti (ĠU C 68/1, 6.3.2012), relatur: is-Sinjura Drbalová.

(27)  Ara COM(2011) 933, Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ.


Top