EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC1007(01)

Sommarju ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Diċembru 2010 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ COMP/39.309 – LCD) (notifikata bid-dokument numru C(2010) 8761 finali) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU C 295, 7.10.2011, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 295/8


Sommarju ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-8 ta’ Diċembru 2010

li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea

(Każ COMP/39.309 – LCD)

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 8761 finali)

(It-test bil-Ingliż biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 295/05

I.   DAĦLA

(1)

Fit-8 ta' Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment taħt l-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluż kull penalità imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

(2)

Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-kompetizzjoni fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/competition/cartels/cases/cases.html

(3)

Id-Deċiżjoni kienet indirizzata lill-entitajiet legali li ġejjin li jappartjenu lil sitt impriżi: Samsung Electronics Co. Ltd. u Samsung Electronics Taiwan Co. Ltd., LG Display Co., Ltd. u LG Display Taiwan Co., Ltd., AU Optronics Corporation, Chimei InnoLux Corporation, Chunghwa Picture Tubes, Ltd., HannStar Display Corporation.

II.   L-INDUSTRIJA TAL-LCD

(4)

Il-prodotti li għandhom x'jaqsmu mal-ksur huma pannelli kbar tal-LCD għat-TV, u tal-applikazzjonijiet tal-IT (moniters u notebooks). Il-pannelli tal-LCD huma magħmula minn folja tal-ħġieġ ta' taħt (tranżister forma ta' film irqiq “TFT”), folja tal-ħġieġ ta' fuq (formazzjoni li tiffiltra l-kulur) u kristall likwidu injettat bejn iż-żewġ folji tal-ħġieġ, impoġġija quddiem sors ta' dawl biex iservu bħala skrin jew tagħmir elettroniku.

III.   PROĊEDURA

(5)

Samsung ippreżentat applikazzjoni għall-immunità fil-[…] skont it-termini tal-Avviż ta' Klemenza tal-2002 (1). Fil-[…], LG Display ippreżentat applikazzjoni għall-immunità/klemenza.

(6)

Fis-7 ta' Diċembru 2006, il-Kummissjoni nediet investigazzjoni permezz ta' talbiet għall-informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2) lill-partijiet kollha kkonċernati.

(7)

Fil-[…], AU Optronics ippreżentat applikazzjoni għal klemenza u kienet segwita permezz ta' sottomissjonijiet susssegwenti.

(8)

Fis-27 ta' Mejju 2009 inħarġet id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet. Is-seduta orali saret fit-22 u t-23 ta’ Settembru 2009.

(9)

Fil-[…], LG Display ressqet talba għal klemenza skont l-Avviż ta' Klemenza tal-2002 (l-hekk imsejħa “immunità parzjali”), rigward is-sehem tagħha fil-kartell fil-[…] 2006.

IV.   IT-TĦADDIM TAL-KARTELL

(10)

Bejn il-5 ta' Ottubru 2001 u l-1 ta' Frar 2006, dawk li rċevew din id-Deċiżjoni daħlu f'arranġamenti anti kompetittivi sabiex direttament jew indirettament jiffissaw il-prezzijiet fis-settur tal-pannelli LCD. L-iffisar dirett tal-prezzijiet inkluda arranġamenti dwar żidiet fil-prezzijiet, firxa ta' prezzijiet u/jew prezzijiet minimi. L-iffissar indirett tal-prezzijiet kien riżultat ta' skambju regolari u puntwali ta' informazzjoni fuq il-prezzijiet, id-domanda, il-produzzjoni u l-kapaċità tal-imgħoddi, tal-preżent u tal-ġejjieni.

(11)

L-evidenza li fuqha l-Kummissjoni tibbaża s-sejbiet tagħha tikkonsisti fost l-oħrajn minn minuti kontemporanji ta' madwar 60 laqgħa fix-xahar li fihom kienu jieħdu sehem is-sitt impriżi.

V.   RIMEDJI

1.   L-ammont bażiku tal-multa

(12)

Skont il-Linji Gwida tal-2006 dwar il-multi (3), biex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa imposta, il-Kummissjoni tibda milll-valur tal-bejgħ tal-oġġetti u s-servizzi tal-impriża li miegħu jkollu x’jaqsam il-ksur fl-oqsma ġeografiċi rilevanti taż-ŻEE.

(13)

Il-Kummissjoni bħala bażi ħadet il-valur medju annwali tal-pannelli LCD mibjugħin direttament fiż-ŻEE mill-impriżi li ħadu sehem fil-karetell. Dan kien jinkludi bejgħ fiż-ŻEE kemm lill-konsumaturi tal-pannelli tal-LCD u kemm lill-konsumaturi ta' televiżjonijiet, moniters u notebooks fejn il-pannell tal-LCD kien trasformat internament mill-impriża li kienet parti mill-kartell.

(14)

Meta wieħed iqis in-natura tal-ksur u l-firxa ġeografika tal-kartell, il-persentaġġ tal-ammont varjabbli u l-ammont addizzjonali (“il-multa tad-dħul”) kien stabbilit għal 16 %

(15)

Il-kartell baqa' għaddej għal 4 snin, 3 xhur u 25 jum fil-każ tal-kumpaniji kollha minbarra Hannstar, li fil-każ tagħha dam għaddej 4 snin, tliet xhur u jum (1). L-ammont varjabbli ġie mmultiplikat b'4,25 snin għall-partijiet kollha minbarra għall-LGD li għaliha, peress li “l-immunità pazjali” għall-fatturat tagħha fl-2006 ġiet parzjalment aċċettata, il-multiplikatur kien ta' 4,16 snin.

2.   Aġġustamenti għall-ammont bażiku

(16)

Ma kien hemm l-ebda fattur aggravanti u attenwanti li ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni, imma ġie applikat multiplikatur ta' deterrent ta' 1,2 fil-każ ta' Samsung skont il-punt 30 tal-Linji Gwida tal-2006 fuq il-multi.

3.   L-applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta’ 10 %

(17)

L-ammonti finali individwali tal-multi kkalkolati qabel l-applikazzjoni tal-Avviz ta' Klemenza kienu taħt l-10 % tad-dħul dinji tal-impriżi indirizzati.

4.   L-applikazzjoni tal-Avviż ta' Klemenza tal-2006: immunità u t-tnaqqis tal-multi

(18)

Samsung kienet l-ewwel impriża li ppreżentat informazzjoni u evidenza li ssodisfat il-kundizzjonijiet ta' punt 8 (a) tal-Avviż ta' Klenza tal-2002. Il-multa imposta fuq Samsung tnaqqset b'100 %.

(19)

LG Display ingħatat tnaqqis ta' 50 % u “immunità parzjali” għall-2006.

(20)

AU Optronics ingħatat tnaqqis ta' 20 %.

(21)

Minkejja li Chunghwa Picture Tubes ma applikatx formalment għal klemenza, din ingħatat tnaqqis ta' 5 % fir-rigward tal-valur miżjud tas-sottomissjonijiet tagħha.

VI.   DEĊIŻJONI

(22)

Id-destinatarji tad-Deċiżjoni u t-tul ta' żmien tal-involviment tagħhom kienu kif ġej:

(a)

Samsung, mill-5 ta' Ottubru 2001 sal-1 ta' Frar 2006,

(b)

LGD mill-5 ta' Ottubru 2001 sal-1 ta' Frar 2006,

(c)

AUO mill-5 ta' Ottubru 2001 sal-1 ta' Frar 2006,

(d)

CMO mill-5 ta' Ottubru 2001 sal-1 ta' Frar 2006,

(e)

CPT mill-5 ta' Ottubru 2001 sal-1 ta' Frar 2006,

(f)

HannStar mill-5 ta' Ottubru 2001 sas-6 ta' Jannar 2006,

(23)

Għall-infrazzjonijiet imsemmija hawn fuq, ġew imposti l-multi li ġejjin:

(a)

Samsung Electronics Co. Ltd. u Samsung Electronics Taiwan Co. Ltd. EUR 0

(b)

LG Display Co., Ltd. u LG Display Taiwan Co., Ltd. EUR 215 000 000

(c)

AU Optronics Corporation EUR 116 800 000

(d)

Chimei InnoLux Corporation EUR 300 000 000

(e)

Chunghwa Picture Tubes, Ltd. EUR 9 025 000

(f)

HannStar Display Corporation EUR 8 100 000


(1)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU C 45, 19.2.2002, p. 3).

(2)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(3)  Linji gwida dwar il-metodu ta' kif jiġu stabbiliti multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2).


Top