Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011TA1216(07)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

ĠU C 368, 16.12.2011, p. 48–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 368/48


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

2011/C 368/07

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta Ewropea għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Konġunta tat-Teknoloġija dwar in-Nanoelettronika (L-Impriża Konġunta ENIAC), tinsab fi Brussell u twaqqfet f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin.

2.

L-objettiv prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li tiddefinixxi u timplimenta “aġenda għar-riċerka” għall-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin għan-nanoelettronika fiż-żoni kollha differenti ta’ applikazzjoni sabiex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea u s-sostenibbiltà, u tippermetti l-ħolqien ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà (2).

3.

Il-Membri Fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Belġju, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit u l-Assoċjazzjoni għall-Attivitajiet Nanoelettroniċi Ewropej (AENEAS). Stati Membri oħrajn u Pajjiżi Assoċjati, kif ukoll kwalunkwe pajjiż ieħor jew kwalunkwe entità ġuridika oħra li kapaċi tagħti kontribut finanzjarju sostanzjali għall-kisba tal-objettivi tal-Impriża Konġunta ENIAC.

4.

Il-kontribut massimu tal-UE lill-Impriża Konġunta ENIAC li jkopri l-ispejjeż operattivi u l-attivitajiet ta’ riċerka huwa ta’ EUR 450 miljun li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka (3). L-AENEAS għandha tagħmel kontribut massimu ta’ EUR 30 miljun għall-kosti operazzjonali tal-Impriża Konġunta. L-Istati Membri tal-ENIAC għandhom jagħmlu kontributi in natura għall-ispejjeż operattivi (permezz tal-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti), u jagħmlu kontributi finanzjarji ta’ mill-inqas 1,8 darbiet aktar mill-kontribut finanzjarju tal-UE. Kontributi in natura għandhom jingħataw ukoll mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka li qegħdin jieħdu sehem fi proġetti. L-organizzazzjonijiet li qed jipparteċipaw fil-proġetti ta’ riċerka jridu jagħmlu kontributi in natura għall-inqas ugwali għall-kontribut tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.

5.

L-Impriża Konġunta ngħatat l-awtonomija finanzjarja tagħha fis-26 ta’ Lulju 2010.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (4) tal-Impriża Konġunta ENIAC, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

7.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7).

Ir-responsabbiltà tad-Direttur

8.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (8). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (9) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (10) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti

9.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ attivigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

10.

Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (11). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb attivigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

11.

Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u l-iżvelar fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali fir-rapporti finanzjarji, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta tagħmel dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, il-kontrolli interni rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

12.

Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t’hawn taħt.

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

13.

Il-Kont tar-Riżultat tal-Baġit u r-rikonċiljazzjoni tiegħu mal-Kont tar-Riżultat Ekonomiku, mitluba mir-Regola 16 tal-Kontabilità tal-KE “il-Preżentazzjoni tal-informazzjoni tal-baġit fil-kontijiet annwali”, ma ġewx inklużi fil-kontijiet.

Opinjoni kwalifikata dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, għajr għall-effetti tal-kwistjoni deskritta fil-bażi għall-paragrafu tal-opinjoni kwalifikata, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha.

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

15.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

16.

Il-kummenti li ġejjin fil-paragrafi 17 – 25 ma jixħtux f’dubju l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit

17.

Il-baġit finali għall-2010 kien jinkludi approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-pagamenti li jammontaw għal EUR 38 miljun. Ir-rati ta’ utilizzazzjoni tal-approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-pagamenti kienu 99 % u 24 % rispettivament. L-approprjazzjonijiet għall-pagamenti ta’ EUR 29 miljun ġew miġjuba ’l quddiem għall-2011. L-implimentazzjoni baxxa tal-approprjazzjonijiet għall-pagamenti hija r-riżultat tad-dewmien tat-trasferiment tal-attivitajiet operazzjonali u l-iffinanzjar korrispondenti mill-Kummissjoni għall-Impriża Konġunta (ara l-paragrafu 23) (12). Dan jirrifletti wkoll fil-bilanċ tal-kontanti li kien ta’ EUR 20 miljun fl-aħħar tas-sena (53 % tal-approprjazzjonijiet għall-pagament disponibbli fl-2010).

Is-sistemi ta’ kontroll intern

18.

L-Impriża Konġunta ma implimentatx il-kontrolli interni u s-sistemi ta’ informazzjoni tagħha b’mod sħiħ. B’mod partikolari, huwa meħtieġ aktar xogħol fl-istabbiliment u d-dokumentazzjoni tal-proċeduri kontabilistiċi u l-kontrolli relatati mal-għeluq tal-kontijiet u mal-għarfien u l-kejl tan-nefqa operazzjonali. Dawn huma elementi importanti tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta.

19.

Instabu nuqqasijiet ta’ kontroll fil-qasam tal-verifikazzjoni finanzarja ex ante ta’ pagamenti ta’ prefinanzjament, b’mod partikolari dwar il-kalkolu u l-validazzjoni tal-ammonti li għandhom jitħallsu. Ġie nnotat ukoll li kien hemm fiduċja sħiħa fiċ-ċertifikati rċevuti mill-Awtoritajiet ta’ Finanzjament Nazzjonali (NFAs) għal pagamenti ta’ prefinanzjament u għal aċċettazzjoni ta’ spejjeż u li ma sarux aktar kontrolli biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità (13) tal-ispejjeż iddikjarati.

20.

Il-verifika ex post tal-klejms għall-ispejjeż tal-proġett ġiet iddelegata b’mod sħiħ lill-Istati Membri mingħajr kwalunkwe kontroll eżerċitat mill-Impriża Konġunta (14). Dan se jagħmilha diffiċli għall-Impriża Konġunta biex tiżgura li: i) l-interessi finanzjarji tal-Membri tagħha jkunu adegwatament protetti kif mitlub mir-Regolament tal-Kunsill (15) tagħha u ii) il-legalita u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi.

21.

L-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Impriża Konġunta vvalida s-sistemi finanzjarji u ta’ kontabilità (ABAC u SAP) fl-20 ta’ Diċembru 2010. Madankollu, il-proċessi li fuqhom huwa bbażat il-kummerċ li jipprovdu informazzjoni finanzjarja ma kinux ivvalidati, b’mod partikolari dak li jipprovdi informazzjoni finanzjarja dwar il-validazzjoni u l-pagamenti tal-klejms għall-ispejjeż li waslu mill-awtoritajiet nazzjonali.

22.

Ir-reviżjoni limitata tal-kontrolli tal-IT uriet li l-Impriża Konġunta għandha livell adegwat ta’ tmexxija tal-IT u prattika għad-daqs u l-missjoni tagħha, iżda l-formalizzazzjoni ta’ politiki u proċeduri, madankollu, baqgħet lura f’ċerti oqsma (16).

Dewmien ta’ awtonomija finanzjarja

23.

Ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta daħal fis-seħħ fi Frar 2008. F’Mejju 2010, is-sistemi finanzjarji u kontabilistiċi ntużaw u kienu ttestjati b’suċċess u l-approprjazzjonijiet amministrattivi kienu trasferiti lill-Impriża Konġunta. Madankollu, il-linji operattivi tal-baġit ma kinux trasferiti u baqgħu inaċċessibbli fis-sistema kontabilistika sakemm l-Impriża Konġunta ngħatat l-awtonomija finanzjarja uffiċjalment fis-26 ta’ Lulju 2010. It-trasferiment ta’ flus kontanti mill-Kummissjoni lill-Impriża Konġunta sar fit-22 ta’ Settembu 2010. Minn dik id-data ’l quddiem, l-Impriża Konġunta setgħet tagħmel pagamenti operazzjonali.

KWISTJONIJIET OĦRA

Il-funzjoni ta’ verifika interna u s-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni

24.

Il-karta ta’ missjoni tas-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni ġie adottat mill-Bord tat-Tmexxija fit-18 ta’ Novembru 2010. Madankollu, ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta għalissa ma ġewx emendati sabiex jinkludu d-dispożizzjoni tar-Regolament ta’ Qafas (17) li jirreferi għall-poteri tal-awditur intern tal-Kummissjoni.

Nuqqas ta’ ftehim ta’ Stat ospitanti

25.

Skont ir-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf l-Impriża Konġunta, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-ospitalità bejn l-Impriża Konġunta u l-Belġju dwar l-akkomodazzjoni għall-uffiċċji, il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jipprovdi l-Belġju lill-Impriża Konġunta. Madankollu, sal-aħħar tal-2010 ebda ftehim bħal kien għadu ma ġie ffirmat.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 t’Ottubru 2011.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ENIAC (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21).

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, l-attivitajiet u r-riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Jiġi ppreżentat għal-skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Is-Seba’ Programm Qafas li ġie adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jgħaqqad flimkien l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka taħt saqaf wieħed u għandu rwol kruċjali fil-kisba tal-miri ta’ tkabbir, kompetittività u impjiegi. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(4)  Il-Qorti rċeviet il-kontijiet annwali fl-1 ta’ Lulju 2011 u rettifika ta’ dawn il-kontijiet fis-7 ta’ Ottubru 2011. Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet.

(5)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fl-attivi netti u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(9)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(10)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Korpi tal-UE huma stabbiliti fil-kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.

(11)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(12)  Il-pagamenti saru għall-proġetti tas-sejħiet għall-2008 u l-2009 mit-22 ta’ Settembru 2010 ’il quddiem.

(13)  L-Artikolu 13(6) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta ENIAC annessi mar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta jgħid li “L-Istati membri [Membri] fl-ENIAC għandhom jistabbilixxu ftehim ta’ finanzjament mal-parteċipanti fi proġetti skond [skont] ir-regoli nazzjonali tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji tal-eliġibbiltà u rekwiżiti oħra finanzjarji u legali neċessarji.”

(14)  Il-ftehimiet amministrattivi ffirmati mal-Awtoritajiet ta’ Finanzjament Nazzjonali (NFAs) ma jagħtux dettall b’mod espliċitu tal-arranġamenti prattiċi għall-verifiki ex post (jiġifieri l-metodoloġija tal-verifika, il-proċeduri li għandhom jiġu applikati) li se jsiru mill-NFAs. L-NFAs huma marbuta legalment biex jikkomunikaw biss ir-riżultati ta’ dawn il-verifiki lill-Impriża Konġunta.

(15)  L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti jgħid li l-Impriża Konġunta “għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha ikunu [jkunu] adegwatament protetti billi twettaq jew tqabbad lil min iwettaq kontrolli interni u esterni adatti” u li din “għandha twettaq kontrolli fuq il-post u verifiki finanzjarji fost id-destinatarji tal-finanzjament pubbliku ta’ l-Impriża Konġunta ENIAC”. Il-kontrolli u l-verifiki għandhom isiru direttament mill-Impriża Konġunta ENIAC jew mill-Istati membri [Membri] fl-ENIAC f’isimha.

(16)  (a) ċiklu strateġiku mhux komplut ta’ ppjanar tal-IT, (b) nuqqas ta’ klassifikazzjoni ta’ data xierqa skont ir-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità u integrità u (c) nuqqas ta’ Pjan ta’ Irkupru ta’ Diżastru (DRP) formali.

(17)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta’ Qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Kommunitajiet Ewropej


ANNESS

L-Impriża Konġunta ENIAC (Brussell)

Kompetenzi u attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(L-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

L-Impriża Konġunta hija korp Komunitarju u l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha hi għaldaqstant soġġetta għar-rilaxx mill-Parlament Ewropew, iżda b'kunsiderazzjoni għall-ispeċifiċitajiet li jirriżultaw min-natura tal-JTIs bħala partenarjati pubbliċi-privati u b'mod partikolari mill-kontribuzzjoni tas-settur pubbliku.

L-Impriża Konġunta ENIAC ġiet stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21).

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

(ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008)

L-Objettivi

L-Impriża Konġunta ENIAC tikkontribwixxi lejn l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimonstrazzjoni (2007-2013) u t-Tema “Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni” tal-Programm Speċifiku “Koperazzjoni” li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru (2007-2013) tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimonstrazzjoni. Din għandha b'mod partikolari:

tiddefinixxi u timplimenta l-Aġenda għar-Riċerka għall-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin għan-Nanoelettronika f'oqsma differenti ta’ applikazzjoni sabiex jissaħħu l-kompetittività u s- sostenibbiltà tal-Ewropa u jkun possibbli l-iżvilupp ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà;

tappoġġa l-attivitajiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Aġenda għar-Riċerka (minn hawn 'il quddiem “attivitajiet ta’ R&Ż”), notevolment sabiex tagħti finanzjament lill-parteċipanti fi proġetti magħżula wara sejħiet kompetittivi għal proposti;

tippromwovi sħubiji pubbliku-privat bil-għan li jiġu mobilizzati u jinġabru flimkien l-isforzi Komunitarji, nazzjonali u dawk privati, li jiżded [jiżdiedu] l-investimenti globali f'R&Ż fil-qasam tan-Nanoelettronika, u titrawwem kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat;

tiżgura l-effiċjenza u d-durabbiltà tal-JTI dwar in-Nanoelettronika;

tikseb sinerġija u koordinazzjoni tal-isforzi Ewropej ta’ R&Ż fil-qasam tan-Nanoelettronika inkluż, meta jista' jinħoloq valur miżjud, l-integrazzjoni progressiva fl-Impriża Konġunta ENIAC tal-attivitajiet relatati f'dan il-qasam implimentat fil-preżent permezz ta’ skemi intergovernattivi ta’ R&Ż (EUREKA).

It-tmexxija

1 –   Il-Membri

Il-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta ENIAC huma:

il-Komunità Ewropea, rappreżentata mill-Kummissjoni;

il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Olanda [il-Pajjiżi l-Baxxi], il-Polonja, il-Portugall, l-Iżvezja [l-Isvezja] u r-Renju Unit;

l-assoċjazzjoni AENEAS (minn hawn 'il quddiem imsejħa “AENEAS”).

Sakemm jissottoskrivu għall-objettivi kif deskritti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Fondatur, l-entitajiet li ġejjin jistgħu jsiru membri tal-Impriża Konġunta ENIAC:

Stati Membri oħrajn u Pajjiżi Assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru;

kwalunkwe pajjiż tal-UE, mhux kandidat u mhux assoċjat (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “pajjiż terz”) li jsegwi politika jew programmi ta’ R&Ż fil-qasam tan-Nanoelettronika;

kwalunkwe entità ġuridika oħra li kapaċi tagħti kontribut finanzjarju sostanzjali għall-kisba tal-objettivi tal-Impriża Konġunta ENIAC.

Il-membri fundaturi u membri ġodda kif imsemmijin għandhom minn hawn 'il quddiem jissejħu “membri”.

L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati membri tal-Impriża Konġunta ENIAC għandhom minn hawn 'il quddiem jissejħu “Stati membri [Membri] fl-ENIAC”.

2 –   Il-Bord tat-Tmexxija

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jikkonsisti minn rappreżentanti tal-membri tal-Impriża Konġunta ENIAC u l-President tal-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu r-responsabbiltà kumplessiva għall-operazzjoniiet tal-Impriża Konġunta ENIAC u għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Il-Bord tat-Tmexxija għandu, b'mod partikolari:

jivvaluta applikazzjonijiet u jiddeċiedi jew jirrakkomanda bidliet fis-sħubija;

jiddeċiedi dwar it-tmiem tas-sħubija ta’ kwalunkwe membru li ma jissodisfax l-obbligi tiegħu u li ma rrimedjax f'perijodu ta’ żmien raġonevoli stabbilit mid-Direttur Eżekuttiv, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fl-assigurazzjoni tal-konformità mal-liġi Komunitarja;

jadotta r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jadotta emendi proposti għall-Istatuti;

japprova l-Pjan Strateġiku Multinannwali, inkluża l-Aġenda għar-Riċerka;

jissorvelja l-attivitajiet kumplessi tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jissorvelja l-progress tal-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku Multinannwali;

japprova l-Pjan Annwali ta’ Implimentazzjoni u l-Pjan Baġitarju Annwali, inkluż il-pjan tal-istabbiliment tal-persunal;

japprova r-Rapport Annwali tal-Attività u l-Kontijiet Annwali u l-karta tal-bilanċ;

jaħtar, ineħħi, jew jissostitwixxi d-Direttur Eżekuttiv, jagħti gwida lid-Direttur Eżekuttiv, u jissorvelja l-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

jieħu r-responsabbiltà għall-għoti xieraq tal-funzjoni mogħtija mill-Artikolu 185(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 lill-awditur intern tal-Kummissjoni;

jadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jistabbilixxi kumitati jew gruppi ta’ ħidma biex iwettqu kompiti speċifi kif meħtieġ;

jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu;

jassenja kull kompitu mhux allokat speċifikament lil waħda mill-entitajiet l-oħrajn tal-Impriża Konġunta ENIAC.

3 –   Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jikkonsisti mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Impriża Konġunta ENIAC. Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu:

jiżgura li jiġu applikati sew il-prinċipji tal-ġustizzja u tat-trasparenza fl-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku lill-parteċipanti fil-proġetti;

jiddiskuti u japprova l-Programm Annwali ta’ Ħidma fuq proposti mill-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka, inkluż il-baġits disponibbli għas-sejħiet għall-proposti;

japprova r-regoli ta’ proċedura għas-sejħiet għall-proposti, għall-evalwazzjoni u l-għażla tal-proposti u għall-monitoraġġ tal-proġetti;

fuq proposta tar-rappreżentant tal-Komunità, jiddeċiedi dwar il-kontribut finanzjarju għall-Impriża Konġunta ENIAC għall-baġit tas-sejħiet għall-proposti;

japprova t-tnedija tas-sejħiet għall-proposti;

japprova l-għażla tal-proposti għall-proġetti sabiex jirċievu finanzjament pubbliku wara s-sejħiet għall-proposti;

fuq proposta tar-rappreżentant tal-Komunità, jiddeċiedi dwar il-perċentwal tal-kontribut finanzjarju tal-Impriża Konġunta ENIAC lill-parteċipanti fi proġetti li joħorġu minn sejħiet għall-proposti fi kwalunkwe sena partikolari;

jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

4 –   Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka

L-AENEAS għandha taħtar il-membri tal-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka. Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka għandu jikkonsisti minn mhux inqas minn 25 membru.

Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka:

jelabora l-Pjan Strateġiku Multinannwali inklużi l-kontenut u l-aġġornament tal-Aġenda għar-Riċerka, u jippreżentah lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;

iħejji l-abbozz tal-Programm Annwali ta’ Ħidma inklużi proposti għall-kontenut tas-sejħiet li għandhom jitniedu mill-Impriża Konġunta ENIAC;

jelabora proposti fir-rigward tal-istrateġija teknoloġika, ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jelabora proposti għall-attivitajiet fir-rigward tal-ħolqien ta’ ambjenti miftuħa ta’ innovazzjoni, jippromwovi l-parteċipazzjoni tal-SMEs, jiżviluppa standards b'mod trasparenti u b'mod miftuħ għall-parteċipazzjoni, il-koperazzjoni internazzjonali, id-disseminazzjoni u r-relazzjonijiet pubbliċi;

jagħti pariri lill-entitajiet l-oħrajn dwar kull kwistjoni marbuta mal-ippjanar u l-operat ta’ programmi ta’ riċerka u żvilupp, irawwem sħubijiet u jħaddem riżorsi sabiex jilħaq l-objettivi tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jaħtar gruppi ta’ ħidma fejn meħtieġ taħt il-koordinazjzoni [koordinazzjoni] kumplessiva ta’ membru jew aktar tal-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka sabiex iwettaq il-kompiti msemmija hawn fuq;

jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

5 –   Id-Direttur Eżekuttiv

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għat-tmexxija ġenerali tal-Impriża Konġunta ENIAC u huwa r-rappreżentant ġuridiku tagħha. Hu għandu jwettaq il-kompiti tiegħu b'independenza sħiħa u jkun responsabbli lejn il-Bord tat-Tmexxija. Id-Direttur għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal, is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ENIAC.

Ir-rwol u l-kompiti tad-Direttur Eżekuttiv għandhom ikunu:

iħejji l-Pjan Annwali ta’ Implimentazzjoni u l-Pjan Baġitarju Annwali, f'kollaborazzjoni mal-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka, u jippreżentahom lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;

jissorvelja l-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ kull attività meħtieġa għat-twettiq tal-Pjan Annwali ta’ Implimentazzjoni fi ħdan il-qafas u r-regoli stipulati minn dawn l-Istatuti u deċiżjonijiet sussegwenti adottati mill-Bord tat-Tmexxija u l-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi;

iħejji l-Pjan Annwali tal-Attività u l-Kontijiet Annwali u l-karti tal-bilanċ u jippreżentahom lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;

jippreżenta proposti dwar il-funzjonament intern tal-Impriża Konġunta ENIAC lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;

jippreżenta proposti dwar ir-regoli ta’ proċedura għal sejħiet għall-proposti mnedija mill-Impriża Konġunta ENIAC, inkluż l-evalwazzjoni tal-proposta għall-proġett u l-proċess ta’ għażla assoċjati lill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għall-approvazzjoni;

imexxi t-tnedija tas-sejħiet għall-offerti, il-proċess tal-evalwazzjoni u l-għażla ta’ proposti għall-proġetti u n-negozjar ta’ ftehim ta’ finanzjament għal proġetti magħżula, u s-sorveljanza perjodika u s-segwitu għall-proġetti fi ħdan il-mandat mogħti mill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi;

jikkonkludi ftehim ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ R&Ż u kuntratti ta’ servizzi u provvista meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jawtorizza l-ħlasijiet kollha dovuti mill-Impriża Konġunta ENIAC;

jistabbilixxi u jimplimenta l-miżuri u l-azzjonijiet meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-progress tal-Impriża Konġunta ENIAC lejn it-twettiq tal-objettivi tagħha, inklużi monitoraġġ u verifika indipendenti sabiex jiġu evalwati l-effikaċja u r-rendiment tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jorganizza Reviżjonijiet ta’ proġetti u verifiki tekniċi għall-evalwazzjoni tar-riżultati ta’ riċerka u żvilupp, u jirrapporta lil-Bord tat-Tmexxija dwar ir-riżultati kumplessivi;

iwettaq verifiki finanzjarji, direttament jew permezz tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, dwar parteċipanti fil-proġetti kif meħtieġ, skond [skont] ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jinnegozja l-kondizzjonijiet għall-adeżjoni tal-membri l-ġodda tal-Impriża Konġunta ENIAC, f'isem u fi ħdan il-mandat tal-Bord tat-Tmexxija;

iwettaq kull azzjoni oħra meħtieġa għat-twettiq b'suċċess tal-objettivi tal-Impriża Konġunta ENIAC mhux previsti fil-Pjan ta’ Implimentazzjoni Annwali fi ħdan kwalunkwe limiti u kondizzjonijiet stabbiliti mill-Bord tat-Tmexxija;

ilaqqa' laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija u tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi u jattendi fejn ikun il-każ dawn il-laqgħat bħala osservatur;

jipprovdi lill-Bord tat-Tmexxija b'kull informazzjoni mitluba minnu;

jippreżenta lill-Bord tat-Tmexxija l-proposta/proposti tiegħu/tagħha dwar l-istruttura organizzattiva tas-Segretarjat;

ikun għal kollox responsabbli minn deċiżjonijiet dwar ġestjoni tal-persunal fir-rigward tal-persunal tal-Impriża Konġunta ENIAC;

iwettaq stima tar-riskju u analiżi tal-ġestjoni tar-riskju u jipproponi lill-Bord tat-Tmexxija kull assigurazzjoni li tista' tkun meħtieġa għall-Impriża Konġunta ENIAC sabiex tasal sabiex tilħaq l-obbligi tagħha.

6 –   Il-verifika esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

7 –   L-Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2010

Il-Bagit

Il-baġit ivvotat għall-2010 f'EUR

 

L-Impenji

Il-Pagamenti

TITOLU I- Persunal -

1 136 000

1 136 000

TITOLU II- Amministrattiv

1 136 000

1 136 000

TOTAL TAT-TITOLI I & II

2 272 000

2 272 000

TITOLU III-Operazzjonali

36 168 000

36 168 000

TOTAL TAT-TITOLI I, II & III

38 440 000

38 440 000

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2010

 

Il-pjan ta’ stabbiliment 2010

Okkupat fil-31.12.2010

Persunal kuntrattwali

6

5

Persunal kuntrattwali

6

5

Persunal totali:

12

10

Allokati lil:

 

 

Attivitajiet Operazzjonali

4

 

Kompiti amministrattivi:

4

 

Kompiti mħallta:

2

 

L-attivitajiet u s-servizzi mogħtija fl-2010

L-Impriża Konġunta ENIAC għamlet progress kbir fl-2010. Is-sħubija tagħha ma nbdlitx (1) iżda l-impenn fil-korpi tal-Impriża Konġunta ENIAC kien intens fl-eżekuzzjoni tal-kompiti kif definiti fl-Istatuti:

Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka nominat minn AENEAS biex jipproponi l-Aġenda ta’ Riċerka ġie estiż sabiex jinkludi wkoll il-Grupp ta’ Appoġġ tiegħu, minbarra l-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija tiegħu, li rari (jekk qatt) attendew għal-laqgħat. L-IRC għadu ma adottax ir-regoli ta’ proċedura tiegħu, l-AENEAS jkompli jsejjaħ u jmexxi l-laqgħat.

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi approva l-AWP (Programm ta’ Ħidma Annwali), għażel il-proġetti li se jiġu ffinanzjati fl-2010 u ħadem fuq regoli tal-għażla tal-proġett u “delineazzjoni” CATRENE. Bin-nuqqas ta’ sodisfazzjoni tad-“delineazzjoni”, il-Ġermanja u Franza vvotaw kontra l-AWP 2010 f'Jannar, u l-Ġermanja kienet assenti għall-AWP 2011 f'Diċembru 2010.

Id-Direttur Eżekuttiv u s-Segretarjat ippermettew l-Impriża Konġunta ENIAC li tikseb il-kapaċità biex timplimenta l-baġit tagħha stess u tesegwixxi l-Pjan ta’ Implimetazzjoni Annwali (2010 AIP).

Il-Bord tat-Tmexxija temm l-istabbiliment tal-qafas legali u kien mitlub li jnaqqas il-ħin li tqatta' fuq l-amministrazzjoni u jikkonċentra fuq il-politiki. Fil-fatt, dan hu ż-żmien opportun li jikkonċentra fuq il-politiki, issa li l-Impriża Konġunta ENIAC kisbet il-kapaċità li timplimenta l-baġit tagħha u bdiet tesegwixxi l-kompiti tagħha b'mod awtonomu. Biex jikseb dan, huwa waqaf jirrekluta u jħarreġ lill-persunal, implimenta ċ-ċirkuwitu finanzjarju, beda jaċċessa l-approprjazzjonijiet għall-attivitajiet funzjonali (5 ta’ Mejju 2010), implimenta l-Qafas ta’ Kontroll Intern, irċieva l-approprjazzjonijiet operazzjonali (22 ta’ Settembru 2010), iddefinixxa proċeduri tal-verifika, għażel il-lokazzjoni l-ġdida fil-White Atrium building eċċ.

Fi tmiem is-sena, l-Impriża Konġunta ENIAC impenjat l-approprjazzjonijiet kollha għall-proġetti li ġejjin mis-Sejħa 3 (2010), esegwiet 21,1 % tal-pagamenti operazzjonali u għalqet il-baġit funzjonali b'EUR 1,92 miljun impenjati, meta mqabbla ma’ baġit ta’ EUR 2.27 miljun; it-tfaddil ta’ EUR 352k se jiġi kreditat lill-Kummissjoni u lill-AENEAS approporzjon mal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom.

Barra minn dan, l-Impriża Konġunta ENIAC intensifikat ix-xogħol tagħha ta’ komunikazzjoni: hija ppubblikat u qassmet il-fuljett u l-profili tal-proġett għas-Sejħiet 1 u 2, aġġornat il-websajt, ikkoorganizzat il-Forum Ewropew tan-Nanoelettronika (Madrid), ipparteċipat b'mod attiv f'avvenimenti fl-Awstija, il-Ġermanja, l-Italja u r-Rumanija, u f'konferenzi nazzjonali bħall-ICT2010 (Brussell), DATE2010 (Dresden) u s-Sematech Litho Workshop (New York). Għalkemm kumpaniji industrijali jkomplu jsegwu miri sensibbli ta’ kummerċ, u jkomplu jimplimentaw politiki nazzjonali sodi f'semikondutturi, jekk wieħed jagħti ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati, jara li huwa ovvju li l-pożizzjoni Ewropea fil-kompetizzjoni globali qed tiddeterjora.

Biex tibqa' kompetittiva, l-Ewropa trid tgħolli l-programmi tagħha tal-R&Ż u industrijali għal livell ġdid, kif huwa ttamat li jiġi propost mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar Tekonloġiji Essenzjali Ewlenin. Ir-riskju ewlieni li taffaċċja l-Impriża Konġunta ENIAC huwa li se tintemm l-eżistenza tagħha mingħajr ma jkollha impatt fuq l-evoluzzjoni tal-industrija Ewropea tas-semikondutturi.

Realistikament, l-Ewropa teħtieġ approċċ komprensiv biex tpoġġi l-industrija tagħha tas-semikonduttur lura fit-triq lejn it-tkabbir, inkluż – iżda tmur lil hinn – mill-qafas tal-Impriża Konġunta ENIAC. Pjan Ewropew li jinvolvi appoġġ nazzjonali se tkun proposta diffiċli, kif muri bl-impenji finanzjarji insuffiċjenti tal-Istati Membri ewlenin tal-ENIAC. L-Impriża Konġunta ENIAC madankollu tikkontribwixxi għal dan il-għan billi tkompli ttejjeb il-kapaċità tagħha li timmobilizza l-mezzi magħmula disponibbli mill-awtorità baġitarja u biex tagħmel differenza.

Għal dan il-għan, l-Impriża Konġunta ENIAC trid tikkolabora mal-partijiet interessati tagħha kollha, billi ssegwi tliet linji ta’ azzjoni:Taħdem mal-AENEAS u l-industrija b'mod ġenerali biex tiġġenera proposti konvinċenti “li jridu isiru” (“must do”) għall-proġett b’ impatt strateġiku f'konformità mal-Aġenda ta’ Riċerka.

Taħdem mal-Awtoritajiet Pubbliċi Nazzjonali biex ittejjeb is-sinerġija mal-politiki segwiti mill-Istati Membri tal-ENIAC u tottimizza l-impenn finanzjarju tagħhom.

Timpenja entitajiet pubbliċi addizzjonali li jistgħu jikkontribwixxu għall-programm fil-livell nazzjonali.

Jekk is-semikondutturi huma fil-fatt Tekonloġiji Essenzjali Ewlenin fl-Ewropa, dawn il-miri għandhom jintlaħqu.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta.


(1)  Il-membri tal-Impriża Konġunta ENIAC huma: AENEAS, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-ENIAC (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit).


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA ENIAC

Preżentazzjoni tal-kontijiet annwali 2010

ENIAC JU taqbel li numru ta’ elementi huma nieqsa mill-kontijiet finali u ser tagħti attenzjoni speċjali sabiex il-korrezzjonijiet meħtieġa jiddaħħlu fil-kontijiet tas-snin li ġejjin.

Paragrafu 18

Il-proċeduri ta’ kontijiet u l-kontrolli relatati mal-għeluq u mar-rikonoxximent u l-kejl tal-infiq operattiv ġew stabbiliti u dokumentati u ser ikunu implimentati b’mod sħiħ għall-għeluq tal-kontijiet tal-2011.

Paragrafu 19

Minħabba metodi differenti użati minn xi awtoritajiet nazzjonali għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tagħhom, l-input tad-dejta wassal sa ċertu punt għal differenzi fil-pagament ta’ xi prefinanzjamenti. L-ENIAC JU identifikat in-nuqqasijiet u ttieħdet azzjoni korrettiva.

Wara l-kunsiderazzjoni tal-Art. 66 tar-regoli finanzjarji tal-ENIAC JU, il-validazzjoni ta’ kwalunkwe infiq għandha tkun ibbażata fuq iċ-ċertifikazzjoni dwar ir-realtà u l-ammont tat-talba sottomessa mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ finanzjamenti rispettivi”. Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta ser twettaq kontrolli ta’ kampjuni taħt ir-responsabbiltà tagħha stess. Dawn il-kontrolli ser jitwettqu mill-Impriża Konġunta fis-snin li ġejjin biex ikunu żgurati l-legalità u r-regolarità tal-infiq dikjarat.

Paragrafu 20

Attwalment l-ENIAC JU qed tiġbor id-diversi strateġiji u proċeduri ta’ verifiki nazzjonali kif ukoll ir-riżultati ta’ verifiki ex post mill-Istati Membri tal-ENIAC, u flimkien mal-awditur intern (IAS) ser tanalizza il-mod kif ittejjeb u tirrevedi l-istrateġija ta’ verifika ex post tal-JU.

Paragrafu 21

Filwaqt li fl-2010 s-sistemi ta’ finanzjament u ta’ kontabbiltà (ABAC u SAP) kienu validati, l-amministrazzjoni tirrikonoxxi li hija meħtieġa aktar ħidma biex jiġu validati ċerti proċessi ta’ negozju sottostanti li jipprovdu informazzjoni finanzjarja. Il-validazzjoni ta’ dawn il-proċessi ser tkun finalizzata fl-2011, filwaqt li jitqiesu l-linji gwida tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

Paragrafu 22

Minħabba ċ-ċaqliq imminenti għal bini ġdid kmieni fl-2011, fl-2010 l-ENIAC JU ipposponiet kwalunkwe pjanijiet għall-iżvilupp ta’ softwer tagħha stess, biex timplimenta depożitorju ta’ dejta tagħha u ddependiet mill-Pjan ta’ Rkupru minn Diżastri tal-Kummissjoni, li pprovdiet l-infrastruttura tal-IT.

Paragrafu 24

Wara l-finalizzazzjoni tar-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, ser tiġi vvalutata l-ħtieġa li r-rwol tal-IAS fir-regoli finanzjarji tal-ENIAC JU ikun kjarifikat aktar.

Paragrafu 25

L-ENIAC JU ħadet il-passi meħtieġa biex jiġi ffirmat il-Ftehim tal-Istat Ospitanti hekk kif bagħtet żewġ kopji tal-ftehim debitament iffirmati mid-Direttur Eżekuttiv lill-awtoritajiet Belġjani fis-17 ta’ Diċembru 2010, u stednithom sabiex jirritornaw kopja waħda bil-firma tagħhom.


Top