EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011SC0819

Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION on the National Reform Programme 2011 of the Czech Republicand delivering a Council opinionon the updated Convergence Programme of the Czech Republic, 2011-2014

52011SC0819

Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION on the National Reform Programme 2011 of the Czech Republicand delivering a Council opinionon the updated Convergence Programme of the Czech Republic, 2011-2014


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tar-Repubblika Ċeka u l-għoti ta’ opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza aġġornat tar-Repubblika Ċeka, 2011 sal-2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u b’mod partikulari l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, imsejħa Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2) Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 huwa adotta deċiżjoni dwar il-Linji Gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[3], li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

(3) Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4) Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u tas-7 ta’ Marzu 2011 u b’żieda mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir adottat mill-Kummissjoni). Hu saħaq fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibilità fiskali, lit-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f’miżuri konkreti li għandhom jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(5) Fid-29 ta’ April 2011, ir-Repubblika Ċeka ressqet il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2011 u fil-5 ta’ Mejju 2011, hija ressqet il-Programm ta’ Konverġenza għall-2011 tagħha aġġornat li jkopri l-perjodu mill-2011 sal-2014. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(6) Minħabba l-ftuħ kbir fin-negozju tal-ekonomija Ċeka, il-kriżi finanzjarja dinjija ħalliet effett negattiv qawwi fuq it-tkabbir tal-PDG u l-qgħad fir-Repubblika Ċeka. Il-PDG reali naqas b’4,1 % fl-2009, minħabba t-tnaqqis fl-esportazzjonijiet u fl-investiment domestiku. Ir-rata tal-qgħad żdiedet b’mod sinifikanti minn 4,4 % fl-2008 għal 7,3 % fl-2010, u r-rata tal-impjiegi naqset b’żewġ punti perċentwali bejn l-2008 u l-2010. Madankollu, l-livell għoli ta’ esponiment għan-negozju internazzjonali u l-irkupru b’rata mgħaġġla tas-sħab kummerċjali ewlenin tar-Repubblika Ċeka iffaċilitaw ukoll irkupru ta’ malajr fit-tkabbir tal-PDG reali fl-2010, biex dan laħaq livell ta’ 2,3 %, u se jkomplu jappoġġaw irkupru moderat.

(7) Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza aġġornat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-fehma li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li fuqhom jissejjes il-programm huma plawżibbli għall-ewwel sentejn tal-programm iżda huma favorevoli wisq għas-snin ta’ wara. Il-programm jissejjes fuq tbassir ta’ tkabbir għall-2012 li huwa inqas minn dak imbassar mis-servizzi tal-Kummissjoni fit-tbassir maħruġ fir-Rebbiegħa tal-2011, l-iktar minħabba aktar tnaqqis kontinwu fin-nefqa reali tal-gvern fuq il-konsum – ħaġa li mhijiex meqjusa fit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-2012 li huwa msejjes fuq sitwazzjoni ta’ ebda bidla fil-politika. Il-programm jipprevedi tnaqqis tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika għal livell li jkun inqas minn 3 % tal-PDG fl-2013 u għal livell ta’ 1,9 % tal-PDG fl-2014. Il-konsolidazzjoni ppjanata hija bbażata l-aktar fuq limitazzjoni tan-nefqa. Il-miżuri proposta huma ġeneralment biżżejjed biex tintlaħaq il-mira sal-2013, kif ġie rrakkomandat mill-Kunsill, iżda hemm riskji marbutin mal-eżitu baġitarju attwali tal-miżuri kif imressqin fil-programm. Barra minn hekk, il-kisba tal-miri għall-aħħar snin tal-programm donnhom jiddependu l-aktar fuq kundizzjonijiet ċikliċi favorevoli u fuq aktar kisbiet fl-effiċjenza fl-amministrazzjoni pubblika, li jista’ jkun li jsiru dejjem iktar diffiċli biex jintlaħqu. Il-kisba tal-objettivi baġitarji ta’ terminu medju hija mbassra għal żmien li jmur lil hinn mill-perjodu tal-programm. L-isforz fiskali medju annwali fil-perjodu mill-2011 sal-2013 huwa ferm inqas mil-livell ta’ 1 % tal-PDG li ġie rrakkomandat mill-Kunsill fil-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv tat-2 ta’ Diċembru 2009.

(8) Il-programm stabbilixxa objettiv ċar sabiex id-defiċit fil-finanzi pubbliċi jinġieb għal inqas minn 3 % tal-PDG sal-2013. L-isfida se tkun li wieħed jiżgura li l-miżuri li fuqhom tissejjes it-triq għat-tnaqqis fid-defiċit mill-2011 sal-2013 u fis-snin ta’ wara ma jikkompromettux it-tkabbir fit-tul, b’mod partikulari billi tiġi ssalagwardjata n-nefqa fuq l-edukazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam pubbliku, u li huma jinkludu lqugħ adegwat għal żidiet fin-nefqa li jiġu minħabba l-iżviluppi demografiċi.

(9) L-istrateġija għall-konsolidazzjoni baġitarja tinkludi miżuri li jaffettwaw id-dħul mill-VAT: ir-rata l-baxxa tal-VAT mistennija tiżdied fl-2012 u fl-2013, filwaqt li dik li hija ogħla se tonqos fl-2013. Mill-2013 ’il quddiem il-gvern beħsiebu jżid ukoll l-għadd ta’ ditti li għandhom iħallsu l-VAT. Skont il-Programm, dawn il-bidliet għandhom iwasslu għal żieda fir-rikavati mit-taxxa ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2012 u għal 0,1 % ieħor tal-PDG fl-2013. Barra minn hekk, donnu hemm lok għal iktar żieda fid-dħul mit-taxxi indiretti – dħul li kien ta’ 11,8 % tal-PDG fl-2010 meta mqabbel mal-livell medju tal-UE li kien ta’ 13,4 %, u b’hekk jista’ jkun li t-taxxi ma jibqgħux marbutin daqshekk max-xogħol. Barra minn hekk, huwa stmat li d-differenza bejn id-dħul reali mill-VAT u l-VAT li għandha titħallas teoretikament hija ferm iktar mill-medja tal-UE – ħaġa li ssostni l-ħtieġa għal miżuri li jtejbu l-konformità fil-qasam tat-taxxi.

(10) Minħabba li l-impatt baġitarju tat-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa mistenni jkun ferm iktar mill-medja tal-UE, ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet hija kwistjoni importanti. Il-gvern ressaq żewġ settijiet ta’ proposti. L-ewwel sett huwa mistenni jkun approvat mill-Parlament sa Settembru tal-2011 u għandu fil-mira l-pilastru pubbliku ta’ pagament progressiv (“Pay-As-You-Go”) li ilu jsofri minn żbilanċ sa mill-2009. Fost miżuri oħrajn, dan jinkludi żieda fl-età statutarja tal-irtirar, li fl-2041 se titla’ għal 67 sena, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. Dan is-sett ta’ riformi tal-parametri jindirizza parzjalment il-problema tas-sostenibbiltà fiskali, iżda jista’ ma jkunx biżżejjed sabiex jiġu indirizzati l-isfidi maħluqin mit-tixjiħ tal-popolazzjoni. It-tieni sett ta’ miżuri, li għadhom ma ġewx approvati formalment mill-gvern, se jkunu magħmulin mill-introduzzjoni ta’ pilastru ieħor volontarju privat fl-2013, bil-għan li tiżdied id-diversifikazzjoni tal-introjti tal-pensjonijiet u li tiġi appoġġata s-suffiċjenza tagħhom fil-ġejjieni billi jkun promoss l-iżvilupp tat-tfaddil privat. Madankollu, il-forma tal-pilastru li qed tiġi ssuġġerita ftit toħloq inċentivi sabiex wieħed jissieħeb fl-iskema u, fil-verità, tista’ tkompli żżid il-pressjonijiet fit-tul imsemmija hawn fuq. Il-kostijiet biex jitħaddmu t-tali fondi tal-pensjonijiet ukoll iridu jiġu analizzati sewwa u jridu jinżammu f’livell li jkun baxx kemm jista’ jkun sabiex ikun żgurat li l-iskema tkun effikaċi.

(11) Is-suq tax-xogħol huwa meqjus li hu flessibbli b’mod moderat u ma kien wera l-ebda nuqqas kbir ta’ funzjonament qabel il-kriżi finanzjarja dinjija. Madankollu hemm xi nuqqasijiet strutturali. Sfida ewlenija għandha x’taqsam mad-diffikultajiet kbar li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa li għandhom it-tfal meta jkunu qed jerġgħu jidħlu fis-suq wara li jkunu ħarġu bil-liv tal-maternità. Din il-kwistjoni hija importanti wkoll minħabba r-riperkussjonijiet ekonomiċi usa’ tagħha: żminijiet itwal mingħajr xogħol, differenza ikbar bejn in-nisa u l-irġiel b’rabta mal-impjiegi u l-ogħla differenza fil-pagi tan-nisa u tal-irġiel meta mqabbla ma’ dawk fl-Istati Membri kollha. Għadu diffiċli li wieħed imur lura għax-xogħol malajr wara li jkollu t-tfal, minkejja l-isforz tal-gvern li jagħti għażla ikbar lill-ġenituri biex jiddeċiedu t-tul taż-żmien tal-liv tal-ġenituri. Il-problema ġejja, b’mod parzjali, min-nuqqas ta’ rieda tal-kumpaniji li jipprovdu kuntratti tax-xogħol part-time – kuntratti li jużaw ħafna drabi l-impjegati bit-tfal żgħar fl-Istati Membri l-oħra, u, b’mod parzjali, mill-ammont limitat ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal li huma għall-but ta’ kulħadd, l-ikar ta’ faċilitajiet għat-tfal ta’ inqas minn tliet snin.

(12) Filwaqt li r-rata ġenerali tal-qgħad għadha ferm inqas mill-medja tal-UE, il-qgħad fit-tul qiegħed jiżdied, b’mod partikulari fost dawk li għandhom bejn l-20 u d-29 sena. Dawk li għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni kif ukoll dawk l-oħrajn li jaqilgħu pagi baxxi jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet konsiderevoli biex isibu x-xogħol. Livell għoli ta’ qgħad fit-tul huwa konsistenti ma’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol li m’għandhomx biżżejjed fondi u li huma fuq skala relattivament żgħira u ma’ għadd baxx ta’ parteċipanti f’miżuri regolari t’attivazzjoni.

(13) L-ineffiċjenzi fl-amministrazzjoni pubblika, li jaffettwaw l-ambjent tan-negozju, jistgħu jiġu indirizzati billi l-istrateġiji eżistenti jiġu implimentati b’mod komprensiv. Fl-2007, il-gvern nieda aġenda għal “regolazzjoni aħjar” u strateġija għal kontra l-korruzzjoni għall-2011 sal-2012. Dawn jinkludu miżuri li huma importanti sabiex tittejjeb il-kwalità tal-qafas legali u regolatorju Ċek, li huwa kklassifikat f’livell inqas mill-medja tal-UE skont stħarriġ internazzjonali, u sabiex tissaħħaħ il-kunfidenza tan-negozji. Hemm sfida biex l-amministrazzjoni pubblika ssir stabbli, minħabba li r-ristrutturar ta’ spiss u b’konsegwenzi kbar tagħha jfixkel l-effiċjenza tagħha. Biex dan iseħħ, se jkun importanti li jiġi adottat l-Att dwar il-ħaddiema taċ-ċivil, li ilha żmien tiġi posposta. Dan l-aħħar il-gvern adotta miżuri sabiex tiżdied it-trasparenza fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku. Madankollu, għad hemm element tal-qafas regolatorju – li huwa t-tip ta’ ishma speċifiċi fil-kumpaniji li jippermettu t-trasferiment tal-ġid b’mod kompletament anonimu – li għad fih ir-riskji u li għalhekk jixraqlu jingħata iktar attenzjoni.

(14) Il-kriżi mistennija twassal għal impatt negattiv fuq it-tkabbir potenzjali. Minkejja l-għadd kbir ta’ żgħażagħ li qed isegwu kors fl-università, huwa importanti li jittejjeb il-kapital uman. Dan qed jixxekkel mill-kwalità insuffiċjenti tat-taħriġ, kif muri mill-klassifikazzjoni baxxa tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja tar-Repubblika Ċeka f’diversi stħarriġ internazzjonali. Barra minn hekk, l-infiq għal kull student, fi prezzijiet li jistgħu jitqabblu, jinsab fl-aħħar kwart tal-pajjiżi tal-UE u huwa limitat b’mod speċjali fejn tidħol l-edukazzjoni primarja. Il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma jagħti miżuri għall-istadji kollha tal-edukazzjoni. Riforma kumplessa tal-edukazzjoni terzjarja ilha titħejja diversi snin. Sabiex ikun hemm il-kompetittività u l-kapaċità għall-innovazzjoni, huwa importanti li jiġi żgurat li l-edukazzjoni terzjarja tkun ta’ kwalità u li din tkun effiċjenti.

(15) Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta’ Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tar-Repubblika Ċeka[4]. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Repubblika Ċeka, imma wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali tal-ġejjieni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li l-konsolidazzjoni fiskali għandha tinżamm fil-mira, filwaqt li għandha titħares in-nefqa li ttejjeb it-tkabbir. Is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi tiddependi ħafna fuq il-ħila li wieħed jimplimenta, dal-ħin stess, ir-riforma meħtieġa fis-sistema tal-pensjonijiet. Huwa essenzjali li wieħed itejjeb il-livell ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’mod partikulari min-naħa tan-nisa, u li wieħed joħloq iktar opportunitajiet tax-xogħol għal dawk li ilhom żmien twil bla xogħol. Għall-kompetittività huwa kruċjali li wieħed jieħu iktar passi sabiex tittejjeb il-kwalità tas-servizzi pubbliċi u tal-qafas regolatorju, kif ukoll il-kwalità tal-edukazzjoni terzjarja.

(16) Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, u filwaqt li titqies ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat- 2 ta’ Diċembru 2009 skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Konverġenza tar-Repubblika Ċeka u l-opinjoni tiegħu[5] tidher b’mod partikulari fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu mogħtija fil-punti (1) u (2) t’hawn taħt. Filwaqt li jitqiesu l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tar-Repubblika Ċeka,

JIRRAKKOMANDA li r-Repubblika Ċeka għandha tieħu azzjoni fil-perjodu mill-2011 sal-2012 sabiex:

(1) Timplimenta l-konsolidazzjoni ppjanata fl-2011 u tieħu miżuri kumpensatorji ta’ natura permanenti fil-każ ta’ kwalunkwe nuqqasijiet fid-dħul ippjanat jew devjazzjonijiet fin-nefqa. Hija għandha tadotta l-miżuri fiskali kif ippjanati fil-programm għall-2012 u għandha tibbaża l-mira tal-2013 fuq miżuri iktar speċifiċi. Għandha tevita li tnaqqas in-nefqa fuq affarijiet li jtejbu t-tkabbir u għandha tisfrutta l-lok li hemm għal żidiet fid-dħul mit-taxxa indiretta, għandha ttejjeb il-konformità fil-qasam tat-taxxi u tnaqqas l-evażjoni tat-taxxa.

(2) Tintroduċi riforma sħiħa tas-sistema tal-pensjonijiet sabiex ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi u tiżgura s-suffiċjenza tal-pensjonijiet fil-ġejjieni. L-isforzi għandhom jiffukaw l-ewwel nett fuq iktar tibdil fil-pilastru pubbliku, inkluża żieda iktar mgħaġġla fl-età statutarja tal-irtirar milli huwa ppjanat, appoġġata minn miżuri li jippromwovu l-impjieg ta’ ħaddiema iktar imdaħħlin fl-età; u t-tieni nett fuq l-iżvilupp tat-tfaddil privat. F’dan il-kuntest għandu jiġi żgurat li l-iskema ffinanzjata prevista tattira parteċipazzjoni wiesgħa u li din titfassal b’mod li l-kostijiet amministrattaivi jkunu trasparenti u baxxi.

(3) Tittejjeb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol billi jitnaqqsu l-ostakli biex il-ġenituri li għandhom it-tfal żgħar jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol permezz ta’ iktar faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal li huma għall-but ta’ kulħadd u ta’ aċċess akbar għalihom. Għandha tiżdied l-attrazzjoni u d-disponibbiltà ta’ forom ta’ arranġamenti tax-xogħol li huma iktar flessibbli, bħall-impjiegi part-time.

(4) Tissaħħaħ il-kapaċità tas-servizz pubbliku tal-impjiegi sabiex tiżdied il-kwalità u l-effikaċja tat-taħriġ, tal-għajnuna fit-tfittxija għal xogħol u tas-servizzi personalizzati, billi l-fondi tal-programmi jkunu marbutin mar-riżultati. Filwaqt li jiġu kkonsultati l-partijiet interessati, għandhom jiddaħħlu programmi speċifiċi tat-taħriġ, li jkunu adattati għall-ħaddiema li huma mdaħħlin fl-età, għaż-żgħażagħ, għall-persuni bi ftit kompetenzi, u għal gruppi vulnerabbli oħrajn.

(5) Tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tittejjeb il-kwalità tas-servizzi pubbliċi f’oqsma li huma essenzjali għall-ambjent tan-negozju. F'dan il-kuntest għandha tiġi implimentata b’rata iżjed mgħaġġla l-istrateġija għal kontra l-korruzzjoni skont miri identifikati, għandu jiġi adottat l-Att dwar il-ħaddiema taċ-ċivil sabiex ikunu promossi l-istabbiltà u l-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika u għandu jiġi rrivedut il-Kodiċi Kummerċjali sabiex titneħħa s-sjieda anonima tal-ishma.

(6) Għandha tiġi stabbilita sistema trasparenti għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-istituzzjonijiet akkademiċi u din għandha tintrabat mal-finanzjament tagħhom, sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tal-edukazzjoni terzjarja.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               ĠU C , , p. .

[3]               Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011.

[4]               SEC(2011) 712.

[5]               Prevista fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

Top