Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0877

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

    /* KUMM/2011/0877 finali - 2011/0430 (COD) */

    52011PC0877

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku /* KUMM/2011/0877 finali - 2011/0430 (COD) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA 1.1. Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (id-"Direttiva PSI") ġiet adottata fis-17 ta’ Novembru 2003. L-għan tad-Direttiva kien li tiffaċilita l-użu mill-ġdid tal-PSI mal-Unjoni kollha, billi tarmonizza l-kundizzjonijiet bażiċi għall-użu mill-ġdid, u għat-tneħħija tax-xkiel għall-użu mill-ġdid, fis-suq intern. Id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet dwar in-nondiskriminazzjoni, it-tariffi, l-arranġamenti esklussivi, it-trasparenza, il-ħruġ tal-liċenzji u l-għodod prattiċi, biex tiffaċilita s-sejbien u l-użu mill-ġdid tad-dokumenti pubbliċi.

    L-Artikolu 13 tad-Direttiva sejħet għal reviżjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva qabel l-1 ta’ Lulju 2008. Din ir-reviżjoni saret mill-Kummissjoni, u wasslet għall-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni COM(2009) 212[1]. Minkejja l-progress li sar, sabet li għad baqa' xi ostakoli, speċifikament tentattivi min-naħa tal-entitajiet tas-settur pubbliku li jżidu kemm jista' jkun l-irkupru tal-ispiża, kontra l-benefiċċji għall-ekonomija f'sens usa'; fost ostakoli oħra nistgħu nsemmu l-kompetizzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat; kwistjonijiet prattiċi li jxekklu l-użu mill-ġdid, bħalma hu n-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-PSI disponibbli; u l-atteġġjament tal-entitajiet tas-settur pubbliku, li ftit li xejn huma konxji tal-potenzjal ekonomiku. Il-Kummissjoni kkonkludiet li kellha ssir reviżjoni oħra sal-2012, b'aktar evidenza disponibbli dwar l-impatt, l-effetti u l-applikazzjoni tad-Direttiva. Din il-proposta tal-Kummissjoni hija r-riżultat tat-tieni reviżjoni.

    L-informazzjoni tas-settur pubbliku huwa materja prima importanti għall-prodotti ta' kontenut diġitali u għal servizzi li s'issa l-potenzjal tagħhom ftit li xejn ġie sfruttat. L-għan ġenerali ta’ din l-azzjoni tal-Unjoni huwa li tikkontribwixxi lejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, billi tberraħ il-potenzjal ekonomiku tad-dejta fil-proprjetà tal-gvernijiet permezz ta' kundizzjonijiet imtejba għall-isfruttar tal-PSI. Dan il-għan jaqbel għalkollox mal-istrateġiji orizzontali tal-Unjoni, b'mod partikulari l-Istrateġija Ewropa 2020 tal-Kummissjoni, li tnediet fit-3 ta' Marzu 2010 bil-għan li tittrasforma l-Ewropa fi "ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva b'livelli għoljin ta' impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali".

    Il-ftuħ tal-PSI għall-użu mill-ġdid tagħha jkollu effett pożittiv ukoll fejn jidħlu t-trasparenza, l-effiċjenza u r-responsabbiltà tal-gvernijiet, u jikkontribwixxi biex jingħata iktar setgħat liċ-ċittadin.

    Għaldaqstant, fil-fond tagħha, id-Direttiva PSI timmira li tqabbad bidla kulturali fis-settur pubbliku, billi toħloq ambjent favorevoli għal attivitajiet b'valur miżjud imnisslin mill-użu mill-ġdid tar-riżorsi tal-informazzjoni pubblika.

    L-isfida regolatorja hija li s-suq jiġi pprovdut b'qafas legali ottimali biex iħeġġeġ is-suq tal-kontenut diġitali għall-prodotti u s-servizzi bbażati fuq il-PSI, inkluża d-dimensjoni transkonfinali tagħha, u li ssir prevenzjoni tat-tagħwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni għall-użu mill-ġdid tal-PSI. B'hekk, il-Kummissjoni qiegħda timmira l-katina tal-isfruttament kummerċjali u mhux kummerċjali tal-PSI, biex tiżgura kundizzjonijiet speċifiċi fi stajdi differenti tal-katina bil-għan li jittejjeb l-aċċess u jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid.

    Id-dejta ma għandhiex tibqa' maqfula, u wieħed għandu jkollu l-possibbiltà li jsibha disponibbli għall-użu mill-ġdid tagħha. L-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet finanzjarji u mhux finanzjarji għandhom jinżammu kemm jista' jkun baxxi. Min juża l-PSI mill-ġdid għandu jkollu aċċess għal mekkaniżmu effiċjenti u effettiv ta' rikors biex ikun jista' jeżerċita d-drittijiet tiegħu. Id-Direttiva oriġinali għandha tissaħħaħ sabiex tegħleb ix-xkiel li għad baqa', eż. in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-dejta effettivament disponibbli, regoli restrittivi jew mhux ċari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' aċċess u użu mill-ġdid, prezzijiet inkonsistenti u mhux ċari fejn l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni huwa soġġett għal tariffi, u l-kumplessità ġenerali żejda tal-proċess biex jinkiseb permess għall-użu mill-ġdid tal-PSI, partikularment għall-SMEs. Barra minn hekk, l-utenti tal-PSI u l-entitajiet 'ibridi' eżistenti tas-settur pubbliku (li jħalltu l-kompiti pubbliċi mal-isfruttar kummerċjali tad-dejta) għandhom igawdu kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetittività, li ma jkunux imxekkla minn trattament diskriminatorju jew minn ftehimiet esklussivi mhux iġġustifikati għall-isfruttar tal-PSI. Fl-aħħar nett, is-suq intern tal-użu mill-ġdid tal-PSI ma jkunx jista' jwarrad sakemm ma jitneħħewx il-fruntieri regolatorji u prattiċi għall-użu mill-ġdid mal-Unjoni kollha, u sakemm l-istess tipi ta’ dejta ma jkunux disponibbli b'termini u kundizzjonijiet simili (jekk mhux eżattament ugwali), irrispettivament mill-oriġni nazzjonali tagħhom.

    Il-benefiċċji li għandhom jinsiltu mill-aċċess imtejjeb għall-PSI u għall-użu mill-ġdid aktar faċli tagħha jinkludu: l-innovazzjoni fi prodotti direttament ibbażati fuq il-PSI, u fi prodotti komplementari; spejjeż imnaqqsa ta’ tranżazzjoni, u ksib ta’ aktar effiċjenza fis-settur pubbliku; u t-tgħaqqid dejjem jikber ta’ informazzjoni pubblika u privata biex jinħolqu prodotti ġodda.

    1.2. Il-kuntest ġenerali

    L-entitajiet pubbliċi jipproduċu, jiġbru u jaħżnu teżor ta’ informazzjoni u ta’ kontenut, li jvarja mid-dejta statistika, ekonomika u ambjentali għall-materjali ta’ arkivju, kullani ta’ kotba jew xogħlijiet artistiċi. Ir-rivoluzzjoni diġitali żiedet b'mod sinifikanti l-valur ta’ din ir-riżorsa għall-prodotti u s-servizzi innovattivi bbażati fuq id-dejta bħala materja prima.

    L-importanza ekonomika tal-ftuħ tar-riżorsi tad-dejta, inkluża d-dejta pubblika, illum hija ferm magħrufa. Ngħidu aħna, skont rapport ta’ The Economist tal-2010, id-dejta saret "materja prima ekonomika li tħabbatha mal-kapital u max-xogħol"[2], filwaqt li r-Rapport Finali ta’ "Digital Britain" irrikonoxxa d-dejta bħala "munita innovattiva... il-qofol tal-ekonomija tal-għarfien"[3]. Stħarriġ riċenti ħareġ bl-istima li s-suq totali tal-informazzjoni tas-settur pubbliku fl-2008 kien jammonta għal EUR 28 biljun mal-Unjoni kollha[4]. L-istess stħarriġ jindika li l-benefiċċji ekonomiċi globali mit-tkomplija tal-ftuħ tal-informazzjoni tas-settur pubbliku permezz ta' aċċess iffaċilitat jammontaw għal madwar EUR 40 biljun fis-sena għall-UE-27. Il-benefiċċji ekonomiċi diretti u indiretti totali mill-applikazzjonijiet tal-PSI u mill-użu tagħha mal-ekonomija kollha tal-UE-27 kieku jilħqu l-EUR 140 biljun fis-sena.

    Lil hinn mit-trawwim tal-innovazzjoni u tal-kreattività li jistimulaw it-tkabbir ekonomiku, id-dejta pubblika miftuħa tagħti aktar setgħa liċ-ċittadini, u b'hekk ittejjeb id-demokrazija parteċipattiva filwaqt li tippromwovi ggvernar aktar trasparenti, responsabbli u effiċjenti.

    L-isfida tad-Direttiva hija li tipprovdi lis-suq bl-aqwa qafas legali biex jiffaċilita u jixpruna l-użu mill-ġdid kummerċjali u mhux kummerjċali tad-dejta pubblika miftuħa. Għaldaqstant, fil-fond, id-Direttiva u r-reviżjoni tagħha jimmiraw li jqabbdu bidla kulturali fis-settur pubbliku, billi joħolqu ambjent favorevoli għal attivitajiet b'valur miżjud imnisslin mill-użu mill-ġdid tar-riżorsi tal-informazzjoni pubblika.

    Għalhekk, ir-reviżjoni tad-Direttiva tifforma parti mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, u mill-istrateġija Ewropa 2020 li timmira lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv[5]. Din ir-reviżjoni hi effettivament azzjoni ewlenija tal-Aġenda Diġitali (azzjoni ewlenija 1c).

    1.3. Koerenza ma’ politiki oħrajn 1.3.1. Il-politika tal-PSI u r-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni

    Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva tal-PSI huwa li jillimita t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni, u b'hekk toħloq kundizzjonijiet indaqs għall-utenti potenzjali tal-PSI. F'dan ir-rigward, id-Direttiva PSI fiha formulazzjoni partikulari tar-regoli aktar ġenerali tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, speċifikament l-Artikolu 10(2) –li jipprojbixxi s-sussidjar reċiproku–, u l-Artikolu 11 –li jipprojbixxi, b'ċerti eċċezzjonijiet, l-arranġamenti esklussivi–.

    1.3.2. Il-politika tal-PSI u l-politika ambjentali

    Id-Direttiva PSI, id-Direttiva 2003/4/KE dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (id-Direttiva ta’ Aarhus), u d-Direttiva 2007/2/KE li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE), flimkien jikkostitwixxu sensiela ta' miżuri tal-Unjoni biex jiżguraw l-usa' tixrid possibbli tat-tagħrif ambjentali miżmum mill-entitajiet pubbliċi. Għalkemm dawn id-Direttivi ma jaqsmux għanijiet komuni immedjati, jikkomplementaw 'il xulxin u jaqsmu l-għan komuni tat-tisħiħ tat-trasparenza u tad-disponibbiltà tad-dejta pubblika.

    Id-Direttiva dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali tikkontribwixxi għal għarfien usa' dwar kwistjonijiet ambjentali, skambju ħieles tal-fehmiet, parteċipazzjoni iktar effettiva mill-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent, u fl-aħħar mill-aħħar, tikkontribwixxi wkoll lejn ambjent aktar f'saħħtu. Id-Direttiva msemmija tappoġġa l-politika tal-Kummissjoni dwar l-użu mill-ġdid tal-PSI billi l-aċċess wiesa' għat-tagħrif huwa prekondizzjoni għall-użu mill-ġdid tiegħu, u billi d-dejta ambjentali hija għajn importantissma ta’ tagħrif għall-ħolqien ta’ prodotti u servizzi ġodda. Id-Direttiva INSPIRE tiżvolġi rwol simili fejn tidħol id-dejta spazjali.

    Barra minn hekk, id-Direttiva tal-PSI hija ta’ importanza vitali għall-koerenza globali tas-Sistema għall-Qsim tal-Informazzjoni Ambjentali.

    1.3.3. Il-PSI u l-politika marittima integrata

    F'Settembru 2010, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill –l-Għarfien Marittimu 2020– li kellha fil-mira l-ftuħ tal-potenzjal tal-għarfien marittimu tal-Ewropa. L-istrateġija tagħha kellha tliet toroq paralleli: l-iffaċilitar u t-traħħis tal-użu tad-dejta dwar l-ambjent marittimu, it-trawwim tal-kompetittività tal-utenti tal-istess dejta, u t-titjib tal-fehim ġenerali tal-ibħra u l-oċeani tal-Ewropa. Din l-istrateġija hija konsistenti mal-politika tal-Kummissjoni dwar l-użu mill-ġdid tal-PSI, u ssaħħaħha fl-istess ħin.

    1.3.4. Il-politika tal-PSI u l-politika komuni tat-trasport

    Waħda mill-40 inizjattiva mressqa fil-White Paper il-ġdida dwar it-Trasport[6] hija l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta' qafas għat-trawwim tal-iżvilupp u tal-użu ta’ sistemi intelliġenti għall-iskedar interoperabbli u multimodali, għall-informazzjoni, sistemi ta’ bbukkjar online u ta’ biljettar intelliġenti.

    Din l-inizjattiva hi marbuta direttament mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-iskjerament ta' Sistemi tat-Trasport Intelliġenti fl-Ewropa (STI)[7] għat-trasport bit-triq u l-interfaċċji tiegħu ma' mezzi oħra tat-trasport, adottat mill-Kummissjoni f'Diċembru 2008; u hija marbuta wkoll mad-Direttiva 2010/40/UE tas-7 ta’ Lulju 2010[8] dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport. Dawn iż-żewġ strumenti jimmiraw li jħaffu u jikkoordinaw l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-STI, inklużi servizzi ta’ informazzjoni tat-traffiku f'ħin reali mal-Unjoni kollha, u servizzi ta’ informazzjoni tat-trasport mal-Unjoni kollha.

    Skont id-Direttiva 2010/40/UE, il-Kummissjoni se tadotta speċifikazzjonijiet vinkolanti għall-"provvista ta’ servizzi ta’ informazzjoni tat-traffiku f'ħin reali mal-Unjoni kollha" u għall-"provvista ta’ servizzi ta’ informazzjoni tat-trasport mal-Unjoni kollha", sabiex tindirizza l-forniment tad-dejta dwar ir-regolazzjoni tat-traffiku mill-awtoritajiet tat-trasport, u sabiex tiggarantixxi l-aċċess mill-kumpaniji privati għal dejta pubblika rilevanti.

    Dawn l-ispeċifikazzjonijiet, flimkien ma' proposta leġiżlattiva possibbli ta’ segwiment biex tiżgura l-aċċess għat-tagħrif dwar it-trasport pubbliku u l-użu mill-ġdid tiegħu, għandhom mnejn jikkontribwixxu b'mod sinifikanti lejn il-politika tal-Kummissjoni dwar l-użu mill-ġdid tal-PSI, billi jagħtu liċ-ċittadini jew lill-kumpaniji d-dritt li jaċċessaw u jużaw mill-ġdid l-informazzjoni dwar it-traffiku fit-toroq jew dwar it-trasport pubbliku għal prodotti u servizzi ġodda bbażati fuq il-kontenut dinamiku ta' tali dejta. Dan jimxi bi qbil mal-politika tal-Kummissjoni dwar l-użu mill-ġdid tal-PSI.

    1.3.5. Il-politika tal-PSI u l-inizjattiva dwar l-aċċess miftuħ għat-tagħrif xjentifiku

    L-għan tal-Kummissjoni fil-qasam tat-tagħrif xjentifiku huwa li jkattar kemm jista' jkun il-benefiċċji tat-teknoloġiji tal-informatika (l-internet, in-netwerks tas-superkompjuters, l-estrazzjoni ta’ dejta) għal aċċess eħfef għat-tagħrif xjentifiku u l-użu mill-ġdid eħfef tiegħu. Il-politiki tal-'aċċess miftuħ' ifittxu l-għan li l-artikli xjentifiċi u d-dejta tar-riċerka jagħmluhom disponibbli għall-qarrejja fuq ix-xibka. Il-Kummissjoni beħsiebha tieħu passi biex tippromwovi l-aċċess għat-tagħrif xjentifiku u ż-żamma tiegħu, inklużi l-pubblikazzjonijiet u d-dejta tal-proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni.

    L-għanijiet tal-Kummissjoni f'dan il-qasam huma allinjati mill-qrib ma' dawk tad-Direttiva tal-PSI, fis-sens illi t-tnejn li huma jimmiraw li jagħmlu t-tagħrif pubbliku iktar disponibbli fl-Ewropa għall-aċċess u l-użu mill-ġdid usa' tiegħu.

    1.3.6. Il-politika tal-PSI u l-politika dwar id-diġitizzazzjoni u l-wirt kulturali

    Id-diġitizzazzjoni tal-kollezzjonijiet kulturali tippromwovi l-aċċess għall-kultura billi trendi l-wirt kulturali tal-Ewropa, miżmum mill-istituzzjonijiet kulturali Ewropej –kotba, mapep, materjal awdjo, films, manuskritti, oġġetti tal-mużewijiet, eċċ.–, aktar disponibbli għal kulħadd għall-finijiet ta’ xogħol, studju u pjaċir. Fl-istess ħin, id-diġitizzazzjoni ssarraf dawk ir-riżorsi f'assi dejjiema għall-ekonomija diġitali, u b'hekk toħloq ħafna opportunitajiet għall-innovazzjoni, anki jekk l-isfruttar bis-sħiħ tal-assi kulturali diġitali għadu qed jieħu passi ta’ tarbija. Qed jiġu esplorati mudelli ta’ negozju, u l-attivitajiet kummerċjali għadhom qed jirrankaw. L-għanijiet tal-iżgurar tad-disponibbiltà wiesgħa tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (id-Direttiva PSI), u tat-tqegħid tal-assi kulturali diġitizzati għad-dispożizzjoni tan-negozji kreattivi u innovattivi (il-politika tad-diġitizzazzjoni), huma għalkollox konsistenti, isaħħu 'l xulxin, u jikkonformaw bis-sħiħ mal-Aġenda Ewropea għall-Kultura u mal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill għall-Kultura.

    2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT 2.1.1. Il-konsultazzjoni pubblika

    Saret konsultazzjoni pubblika wiesgħa fuq l-internet dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva, skont l-istandards stabbiliti tal-Kummissjoni. Il-konsultazzjoni kienet miftuħa mid-9 ta’ Settembru 2010 sat-30 ta’ Novembru 2010. Ġiet ippubblikata fuq il-paġna tal-Kummissjoni "Leħnek fl-Ewropa":   (http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?form=psidirective2010).

    Ħarġet stqarrija għall-istampa mat-tnedija tal-konsultazzjoni miftuħa. It-tnedija ġiet irriklamata wkoll fuq it-Twitter, fuq is-sit tal-Kummissjoni dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-PSI (http://ec.europa.eu/information_society/policy/psi/index_en.htm), u fuq il-portal tal-ePSIplatform[9]. Barra minn hekk, il-partijiet interessati ġew informati dwar il-konsultazzjoni, u ġew mistiedna jressqu l-fehmiet tagħhom permezz tal-għaqdiet tagħhom, jew individwalment bil-posta elettronika. Il-partijiet kollha interessati, inklużi l-gvernijiet, l-entitajiet tas-settur pubbliku li jżommu l-kontenut (inkluż minn setturi li bħalissa huma esklużi), l-utenti kummerċjali u mhux kummerċjali, l-esperti, l-akkademiċi u ċ-ċittadini, kienu mistiedna jikkontribwixxu.

    Il-konsultazzjoni rċeviet 598 tweġiba, li ġew ippubblikati fuq is-sit tal-PSI tal-Kummissjoni[10]. It-tweġibiet jirrappreżentaw l-atturi kollha varji tal-katina ta' valur tal-PSI: dawk li jżommu l-kontenut tal-PSI (8%), awtoritajiet pubbliċi oħra li ma jżommux PSI (4 %), utenti mill-ġdid tal-PSI (13 %), akkademiċi u esperti (23 %), iċ-ċittadini (48 %) u dawk li identifikaw ruħhom bħala 'oħrajn' (4 %).

    Il-biċċa l-kbira sew minn dawk li wieġbu indikaw li l-użu mill-ġdid tal-PSI kien għadu ma laħaqx il-potenzjal sħiħ tiegħu, u kienu favur iktar azzjoni biex jiġi xprunat l-użu mill-ġdid u biex tinġieb 'il quddiem il-provvista transkonfinali tal-prodotti u s-servizzi bbażati fuq il-PSI. Ħafna minn dawk li wieġbu kienu favur li jsiru emendi fid-Direttiva, b'firxa ta' madwar 40 % ta’ dawk li jżommu l-kontenut tal-PSI, sa 70 % tal-utenti mill-ġdid. Is-suġġerimenti għal emendi leġiżlattivi u għal iktar għajnuna permezz ta’ linjigwida mhux vinkolanti ma vvarjawx wisq fost il-kategoriji speċifiċi ta’ dawk li jwieġbu, iżda l-maġġoranza kienu favur li jiġi emendat il-prinċipju ġenerali biex jiġi stabbilit id-dritt tal-użu mill-ġdid, kif ukoll biex jiġu adottati miżuri addizzjonali (biex jinfetħu r-riżorsi tad-dejta pubblika u biex jitħaffef l-użu mill-ġdid, eż. listi tad-dokumenti disponibbli, kundizzjonijiet ta’ liċenzjar issemplifikati jew l-ebda kundizzjoni ta' xejn, l-ispejjeż marġinali, eċċ.).

    Il-kwistjoni tat-tariffi rċeviet ħafna attenzjoni wkoll minn dawk li wieġbu. Joħroġ ċar minn ħafna tweġibiet li hemm bżonn ta’ kjarifika u ta’ gwida fuq ħafna kwistjonijiet fir-rigward tat-tariffi, inklużi strateġiji ta’ tariffar vs. l-aċċess ħieles, kif ukoll it-tariffi li wieħed jista' jippermetti. It-tariffi għall-użu mill-ġdid, ibbażati fuq l-irkupru sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż, ma rċevewx l-appoġġ tal-partijiet interessati. Spiss, dawk li jwieġbu sejħu jew għal projbizzjoni tat-tariffar, jew għal kjarifika tat-terminu "l-irkupru raġonevoli tal-ispejjeż mill-investiment". Il-biċċa l-kbira kienu favur l-użu mill-ġdid mhux kummerċjali. Tressqu ħafna argumenti favur u kontra s-soluzzjoni tal-ispejjeż marġinali mill-kategoriji kollha ta' dawk li wieġbu, u fuq dan il-punt ma hemmx kunsens.

    Fl-aħħar nett, mis-setturi kollha ta’ dawk li wieġbu, kien hemm sejħa ġenerali għal miżuri ta’ appoġġ u ta’ implimentazzjoni biex jiġi promoss l-użu mill-ġdid tal-PSI, inkluż b'mod transkonfinali. Dawn il-miżuri jvarjaw mill-gwida fuq għadd ta’ suġġetti (il-liċenzjar, it-tariffar, il-kwalità tad-dejta) għall-appoġġ għall-iżvilupp ta’ portali tad-dejta nazzjonali u għal punt ta’ aċċess wieħed Ewropew għad-dejta.

    F'kelma waħda, it-tweġibiet għal din il-konsultazzjoni wrew li, imqabbel mar-reviżjoni tal-2009, il-kultura tal-użu mill-ġdid imxiet 'il quddiem f'ħafna mill-Istati Membri (b'mod partikulari d-Danimarka, Franza u r-Renju Unit). Madankollu, baqa' ħafna xi jsir biex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-użu mill-ġdid tal-PSI, kif ukoll biex jiġu sfruttati r-regoli stabbiliti mid-Direttiva PSI tal-2003. Għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jeħtieġu emenda jew kjarifika. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ kunsens jew ta’ xejriet ġenerali fost dawk li wieġbu f'dak li jirrigwarda l-kwistjoni tat-tariffi għall-użu mill-ġdid tal-PSI, juri li l-ebda soluzzjoni universali ma tkun biżżejjed, u li għandhom jitqiesu d-differenzi fil-bżonnijiet ta’ min iżomm il-PSI u min juża mill-ġdid il-PSI, bil-għan li l-użu mill-ġdid tad-dejta ma jixxekkilx.

    It-tweġibit irċevuti tqiesu fil-valutazzjoni tal-alternattivi li wasslet għall-pakkett ta’ miżuri leġiżlattivi mhux vinkolanti inkluż f'din il-proposta.

    2.1.2. Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    Tul l-aħħar snin, il-Kummissjoni wettqet l-istudji li ġejjin biex tivvaluta l-aspetti differenti tas-suq tal-użu mill-ġdid tal-PSI, inkluża l-valutazzjoni ekonomika tiegħu: MEPSIR (Measuring European Public Sector Information Resources)[11], studju dwar l-Arranġamenti Esklussivi[12], Indikaturi Ekonomiċi u Każi ta' Studju dwar il-mudelli ta' pprezzar tal-PSI[13], studju dwar il-mudelli ta' pprezzar għall-PSI (Deloitte, għadu ma ġiex ippubblikat), studju dwar il-valur tas-suq tal-PSI (Vickery, għadu ma ġiex ippubblikat), u studju dwar l-użu mill-ġdid tal-materjal kulturali[14].

    Dawn l-istudji kejlu l-użu mill-ġdid tal-PSI fl-Istati Membri, ħarġu stimi tad-daqs ġenerali tas-suq għall-PSI fl-Unjoni (fl-2006 u fl-2010-2011), evalwaw l-eżistenza ta’ arranġamenti esklussivi possibbli konklużi mill-entitajiet tas-settur pubbliku skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva, xetħu dawl fuq l-iżviluppi attwali tal-PSI fl-Istati Membri, irrakkomandaw indikaturi ekonomiċi biex ikejlu l-użu mill-ġdid tal-PSI, ivvalutaw il-mudelli differenti tal-provvista u tat-tariffar għall-PSI, u pprovdew ħarsa ġenerali tal-użu mill-ġdid tal-PSI fis-settur kulturali. Ir-riżultati ta’ dawn l-istudji pprovdew dejta ekonomika siewja biex jiġu ddeterminati l-iktar alternattivi xierqa għar-reviżjoni tad-Direttiva tal-PSI.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisbet analiżi legali importanti mir-riċerka mwettqa fi ħdan in-netwerk tematiku LAPSI[15] (Legal Aspects of Public Sector Information), li stħarrġet l-implikazzjonijiet legali ta' kwistjonijiet speċifiċi marbutin mal-użu mill-ġdid tal-PSI, bħal eċċezzjonijiet għal regola awtomatika għat-tariffar tal-ispejjeż marġinali, il-kunċett tal-"kompitu pubbliku" u n-nondeskriminazzjoni, jekk l-impriżi pubbliċi għandhomx jiġu koperti mid-Direttiva PSI, u l-kundizzjonijiet tal-liċenzjar.

    Fl-aħħar nett, inġabret iktar dejta permezz ta’ attivitajiet ta' netwerking, kooperazzjoni, koordinazzjoni u tqajjim ta’ kuxjenza, mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati. Il-pjattaforma ePSIplatform tipprovdi dejta wiesgħa ta' PSI mill-Unjoni kollha[16].

    2.1.3. Il-valutazzjoni tal-impatt

    Il-valutazzjoni tal-impatt studjat 5 alternattivi biex jiġu indirizzati l-problemi identifikati, eż. in-nuqqas ta’ ċarezza jew ta’ trasparenza tar-regoli dwar l-użu mill-ġdid tal-PSI, ir-riżorsi ta’ informazzjoni maqfulin, in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet indaqs ta’ kompetizzjoni, infurzar insuffiċjenti tad-dispożizzjonijiet tal-użu mill-ġdid, u l-istrateġiji inkonsistenti adottati mill-Istati Membri individwali. Apparti r-revoka tad-Direttiva, l-alternattivi jistgħu jinqasmu, b'mod ġenerali, f'żewġ kategoriji: l-alternattivi li jinvolvu ż-żamma tad-dispożizzjonijiet attwali, u l-alternattivi li jinvolvu tibdiliet, minn 'irfinar' tekniku sempliċi għall-emendar sostanzjali tad-dispożizzjonijiet.

    Alternattiva 1: L-ebda bidla politika: l-ebda bidla fid-Direttiva (linja bażi)

    Għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, din l-alternattiva ta’ "l-ebda bidla ta’ politika" tkun tfisser li jibqgħu applikabbli d-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva u l-istrumenti nazzjonali tat-traspożizzjoni.

    Alternattiva 2: Il-waqfien tal-intervent attwali tal-Unjoni: revoka tad-Direttiva PSI

    Id-Direttiva PSI stabbiliet il-kundizzjonijiet bażiċi għall-użu mill-ġdid tal-PSI mal-Unjoni kollha, u wasslet għal bidla fil-politiċi u fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Mingħajr id-Direttiva, l-Istati Membri jkunu liberi li jirrevokaw jew jemendaw il-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali għall-użu mill-ġdid tal-PSI. Dan ikun jirriżulta fit-tneħħija tal-obbligi regolatorji kollha li fiha bħalissa d-Direttiva, kif ukoll l-istrumenti ta’ traspożizzjoni.

    Alternattiva 3: Miżuri leġiżlattivi mhux vinkolanti

    Dawn l-istrumenti, eż. il-linjigwida jew ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, jipprovdu tagħrif addizzjonali u/jew l-interpretazzjoni ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PSI. Il-miżuri leġiżlattivi ta’ gwida jkunu jinkludu eż. dispożizzjonijiet irrakkomandati għal-liċenzjar, gwida dwar il-formati tekniċi, jew gwida dwar il-kalkolu tal-prezzijiet (inkluż għall-kalkolu tal-ispejjeż marginali).

    Alternattiva 4: Emendi leġiżlattivi

    Din l-alternattiva tikkonsisti fl-emendar tas-sustanza tad-Direttiva, jiġifieri d-drittijiet u l-obbligi stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tagħha. Dawn jinkludu: i) it-twessigħ tal-firxa tad-Direttiva biex tħaddan setturi li bħalissa huma esklużi (stabbilimenti kulturali, tat-tagħlim u tar-riċerka, kif ukoll xandara tas-servizz pubbliku); ii) l-istabbiliment ta’ regola għat-tariffar imsejsa fuq l-ispejjeż marġinali, aktarx b'eċċezzjonijiet; iii) l-emendar tal-prinċipju ġenerali biex id-dokumenti aċċessibbli jkunu jistgħu jintużaw mill-ġdid; iv) l-impożizzjoni ta’ rekwiżit li d-dejta tiġi ppubblikata f'formati li jinqraw b'mod elettroniku; v) l-impożizzjoni ta’ rekwiżit biex jinħatar regolatur indipendenti, u biex jiġi pprovdut mekkaniżmu effikaċi u effiċjenti ta’ rikors; vi) l-inverżjoni tal-obbligu tal-evidenza tal-konformità mar-rekwiżiti tat-tariffar; vii) l-impożizzjoni ta’ rekwiżit biex tiġi ddefinita l-firxa tal-"kompitu pubbliku" b'mod leġiżlattiv biss.

    Alternattiva 5: Pakkett ta’ soluzzjonijiet

    Din l-alternattivi tkun tgħaqqad bidliet sostanzjali fil-qafas tal-użu mill-ġdid (l-Alternattiva 4) ma' gwida addizzjonali dwar il-prinċipji li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet nazzjonali meta jimplimentawh fuq il-livell nazzjonali (l-Alternattiva 3).

    Ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-impatt

    Fil-valutazzjoni tal-impatt, il-kapaċità tal-prodotti u s-servizzi bbażati fuq il-PSI li jġibu magħhom benefiċċji ekonomiċi u soċjali għall-konsumaturi kollha, ġiet imwieżna mal-ispejjeż ekonomiċi u soċjali mnisslin mit-telf potenzjali fid-dħul minħabba l-ħruġ tad-dejta pubblika għall-użu mill-ġdid bl-irħis jew mingħajr ħlas. Ingħatat attenzjoni partikulari lill-fatt li kwalunkwe politika f'dan il-qasam għandha tiżgura li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs bejn l-entitajiet pubbliċi ibridi li huma attivi fl-użu mill-ġdid kummerċjali tad-dejta li jipproduċu jew jiġbru b'fondi pubbliċi, u bejn il-kompetituri privati tagħhom; u għandha tiżgura wkoll li ma jiġix impost piż sproporzjonat fuq is-settur pubbliku, li jaf jipperikola l-produzzjoni u l-innovazzjoni tal-PSI, kif ukoll l-investiment fiha.

    Skont il-valutazzjoni, jekk ma ssir l-ebda bidla fil-qafas legali attwali (l-Alternattiva 1), tikber il-probabbiltà ta' strateġiji diverġenti fuq il-livell nazzjonali, sitwazzjoni li tista' twassal għal inċertezza regolatorja u għat-taħwiġ tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq intern.

    Jekk id-Direttiva tiġi rrevokata (l-Alternattiva 2), titneħħa x-xibka ta’ sikurezza pprovduta fuq il-livell tal-Unjoni bis-saħħa tar-regoli minimi għall-użu mill-ġdid tal-PSI. Jekk l-Istati Membri jitħallew liberi li jaġixxu f'qasam li qabel kien soġġett għal regoli armonizzati tal-Unjoni, jiżdiedu l-inċertezza legali u d-diverġenza tal-istrateġiji nazzjonali, bi ħsara għall-kompetizzjoni u għas-suq intern għall-użu mill-ġdid tal-PSI. Ir-revoka tad-Direttiva tkun ukoll għalkollox inkonsistenti mal-inizjattivi relatati ta’ aċċessibbiltà u użu mill-ġdid tad-dejta, imfittxija fuq il-livell tal-Unjoni kif ukoll dak nazzjonali.

    Jekk jiġu adottati biss miżuri leġiżlattivi mhux vinkolanti (l-Alternattiva 3), titħaffef l-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva PSI dwar il-liċenzjar u t-tariffar, iżda xorta waħda tiżdied il-probabbiltà ta’ strateġija diverġenti fuq il-livelli nazzjonali, sitwazzjoni li tista' ġġib magħha inċertezza regolatorja u kundizzjonijiet imgħawġa ta’ kompetizzjoni fis-suq intern.

    L-emendar tad-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva (l-Alternattiva 4) ikun jgħin biex jiġi stabbilit qafas regolatorju aktar ġeneruż u komprensiv għall-użu mill-ġdid tal-PSI: dan għandu jwessa' l-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva billi tinkludi l-materjal kulturali, toħloq dritt eżerċitabbli tal-Unjoni għall-użu mill-ġdid tal-PSI, irażżan il-prezzijiet għall-użu mill-ġdid tal-PSI, isaħħaħ l-effiċjenza tal-mekkaniżmu ta’ rikors għall-infurzar tad-dritt tal-użu mill-ġdid, u jwassal għal kundizzjonijiet iktar indaqs mal-entitajiet pubbliċi li jikkompetu ma' utenti privati. Madankollu, din l-alternattiva fiha riskju ta’ diverġenzi –u ta’ inċertezza legali– fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet individwali, partikularment rigward il-kalkolu tal-ispejjeż u l-kundizzjonijiet għal-liċenzjar.

    Jekk jingħaqdu emendi leġiżlattivi ma' miżuri leġiżlattivi ta' gwida (l-Alternattiva 5), jiġu kkombinati l-benefiċċji tal-alternattivi 3 u 4. Dan għandu jiżgura l-konverġenza ta' strateġiji regolatorji nazzjonali iktar ġenerużi u miftuħin għall-użu mill-ġdid mas-suq intern kollu, u b'hekk isaħħaħ iċ-ċertezza legali, iżid l-inċentivi u jneħħi mill-ostakoli għall-użu mill-ġdid tal-PSI. L-analiżi li saret fil-valutazzjoni tal-impatt tindika li din l-għażla toffri l-aqwa bilanċ bejn il-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tal-PSI, l-armonizzazzjoni u ċ-ċertezza legali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi nazzjonali.

    3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA 3.1. Il-bażi legali

    Id-Direttiva tal-PSI ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE (95 tat-TKE), billi s-suġġett tagħha tikkonċerna l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tas-servizzi. Għaldaqstant, kwalunkwe emenda li ssir fid-Direttiva għandu jkollha l-istess bażi legali.

    3.2. Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

    Id-Direttiva PSI ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE (li qabel kien l-Artikolu 95 tat-TKE). L-għan globali ta’ din ir-reviżjoni hu li jitneħħew id-differenzi persistenti u li għadhom jitfaċċaw fost l-Istati Membri fejn jidħol l-isfruttar tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, differenzi li jingombraw l-ilħiq tal-potenzjal ekonomiku sħiħ ta' din ir-riżorsa. L-għanijiet speċifiċi tar-reviżjoni huma li tħaffef il-ħolqien ta’ prodotti u servizzi bbażati fuq l-PSI madwar l-Unjoni, li tiżgura l-użu transkonfinali effiċjenti tal-PSI għal prodotti u servizzi b'valur miżjud, li tillimita t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni, u li tipprevjeni t-twessigħ tad-diverġenzi fost l-Istati Membri fejn jidħol l-użu mill-ġdid tal-PSI.

    Il-kontenut ta’ din il-proposta jikkorrispondi ma' dawn l-għanijiet.

    L-importanza ekonomika tad-dejta miftuħa, b'mod partikulari d-dejta tal-gvernijiet, bħala bażi għal servizzi u prodotti ġodda ta’ tagħrif, illum hija ferm iktar magħrufa milli kienet fl-2002, meta l-Kummissjoni kienet ressqet il-proposta tagħha għal Direttiva. Filwaqt li r-regoli ta’ qafas bażiċi għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku ġew armonizzati fuq il-livell tal-Unjoni, baqa' ħafna kwistjonijiet x'jissolvew, u intant inqalgħu wkoll oħrajn.

    B'riżultat ta’ dan, il-partijiet interessati jqisu li l-qafas legali eżistenti m'għadux kapaċi jiżgura kif xieraq il-kundizzjonijiet li jistgħu jkattru safejn possibbli l-benefiċċji potenzjali tar-riżorsi tad-dejta pubblika fl-Ewropa. Bl-iżvilupp tal-attivitajiet ibbażati fuq il-PSI, uħud mir-regoli attwali ta’ sustanza jfixklu l-iżvilupp tal-attivitajiet ibbażati fuq l-użu mill-ġdid tal-PSI, u jwasslu għall-frammentazzjoni tas-suq intern.

    Ir-reġim attwali tat-tariffi, imsejjes fuq l-irkupru tal-ispejjeż kif permess mir-regoli tad-Direttiva, jitqies li mhux adegwat għat-tħeġġiġ tal-attivitajiet ibbażati fuq l-użu mill-ġdid tad-dejta pubblika. L-armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni biss tista' tiżgura li r-regola awtomatika tat-tariffar u l-eċċezzjonijiet għaliha jkunu konsistenti mal-Unjoni kollha, sabiex jitħeġġew l-attivitajiet tal-użu mill-ġdid tal-PSI.

    Barra minn hekk, f'ċerti Stati Membri, huwa f'idejn l-entitajiet pubbliċi li jiddeċiedu jippermettux jew le l-użu mill-ġdid tal-PSI[17]. B'riżultat ta’ dan, "hemm nuqqas evidenti ta' armonizzazzjoni fost l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-użu mill-ġdid tad-dejta pubblika, u dan in-nuqqas aktarx jeżisti wkoll għad-dejta (pubblika) dwar it-traffiku"[18]. Jeħtieġ azzjoni fuq il-livell tal-Unjoni biex tiggarantixxi, pereżempju, li l-użu mill-ġdid ikun permess għal dejta bażika ta’ valur tas-settur pubbliku fl-Istati Membri kollha, u li entitajiet pubbliċi individwali li jkunu attivi fis-suq ma jfixklux l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi innovattivi.

    Ta’ min insemmu wkoll id-diffikultajiet biex wieħed jikseb rikors effettiv f'ħafna mill-Istati Membri meta ma jiġux rispettati r-regoli dwar l-użu mill-ġdid, diffikultajiet li jġiegħlu lill-utenti joqogħdu lura milli jidħlu għal proġetti ambizzjużi ta’ użu mill-ġdid mal-Unjoni kollha.

    Armonizzazzjoni iktar profonda tal-prinċipji bażiku, ir-reġim tat-tariffi, il-kamp ta’ applikazzjoni, u l-mekkaniżmi biex tittaffa l-frammentazzjoni tas-suq intern u biex jitħeġġeġ il-ħolqien ta' prodotti u servizzi transkonfinali bbażati fuq il-PSI, ma jistgħux jinkisbu fuq il-livell tal-Istat Membru biss.

    F'dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni, l-għan tar-reviżjoni mhuwiex li jiġi rregolat, b'mod dirett jew indirett, id-dritt għall-aċċess għad-dokumenti pubbliċi, għax dan jibqa' fil-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri. Id-dispożizzjonijiet irreveduti jkunu japplikaw għall-użu mill-ġdid ta’ dokumenti fejn ikunu ġeneralment disponibbli, inkluż skont regoli nazzjonali dwar l-aċċess.

    Barra minn hekk, l-għan tar-reviżjoni lanqas m'huwa li jiġi rregolat l-ipproċessar tad-dejta pubblika mill-entitajiet tas-settur pubbliku, jew il-qagħda tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li mhumiex affettwati lil hinn mis-sitwazzjoni attwali bir-regoli eżistenti tad-Direttiva.

    Mingħajr azzjoni mmirata fuq il-livell tal-Unjoni, l-attivitajiet regolatorji fuq il-livell nazzjonali, li diġà bdew f'għadd ta' Stati Membri, aktarx ikabbru d-differenzi sinifikanti li diġà jeżistu. Fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni iktar fil-fond, id-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti se jfixklu l-funzjonament tas-suq intern. Mill-banda l-oħra, l-azzjoni tal-Unjoni hija ristretta għat-tneħħija jew għall-prevenzjoni tax-xkiel li ġie identifikat.

    2011/0430 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li ġie trażmess l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[19],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[20],

    Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1) Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku[21] tistabbilixxi sett minimu ta’ regoli li jiggvernaw l-użu mill-ġdid tal-PSI u l-mezzi prattiċi biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti eżistenti miżmuma minn entitajiet tas-settur pubbliku tal-Istati Membri.

    (2) Il-politiki tad-dejta miftuħa li jinkoraġġixxu d-disponibbiltà wiesgħa u l-użu mill-ġdid mifrux tal-informazzjoni tas-settur pubbliku għal finijiet privati jew kummerċjali, bl-ebda restrizzjoni legali, tekniċi jew finanzjarji jew b'restrizzjonijiet minimi, jistgħu jiżvolġu rwol importanti fit-tqabbid tal-iżvilupp ta’ servizzi ġodda msejsa fuq mezzi ġodda biex tiġi kkombinata u użata l-informazzjoni msemmija. Madankollu, dan ikun jirrikjedi kundizzjonijiet indaqs fuq il-livell tal-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid ta' dokumenti, u dawn il-kundizzjonijiet indaqs ma jistgħux jinkisbu billi jitħallew f'idejn ir-regoli u l-prattiċi differenti tal-Istati Membri, jew tal-entitajiet pubbliċi kkonċernati.

    (3) L-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti miżmuma minn entità tas-settur pubbliku żżid il-valur għal min juża mill-ġdid l-informazzjoni, għall-utenti aħħarija u għas-soċjetà b'mod ġenerali, u f'ħafna każijiet, għall-entità pubblika nfisha, billi l-utenti mill-ġdid u l-utenti aħħarija jibagħtu l-kummenti tagħhom bil-għan li min iżomm l-informazzjoni miġbura ikun jista' jtejjeb il-kwalità tagħha.

    (4) Mindu ġiet adottata l-ewwel sensiela ta' regoli dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku fl-2003, l-ammont ta’ dejta fid-dinja, inkluża d-dejta pubblika, sploda, u qed jiġu ġġenerati u miġbura tipi ġodda ta’ dejta. B'mod parallel, qed nixhdu rivoluzzjoni kontinwa fit-teknoloġiji għall-analiżi, l-isfruttar u l-ipproċessar tad-dejta. Din l-evoluzzjoni teknoloġika mgħaġġla tippermetti l-ħolqien ta’ servizzi u applikazzjonijiet ġodda, mibnija fuq l-użu, l-aggregazzjoni u l-kombinazzjoni tad-dejta. Ir-regoli adottati fl-2003 m'għadhomx jimxu pari passu ma' dawn il-bidliet mgħaġġlin, u għaldaqstant hemm il-periklu li nitilfu u ntellfu l-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali offruta mill-użu mill-ġdid tad-dejta pubblika.

    (5) Fl-istess nifs, l-Istati Membri stabbilew politiki dwar l-użu mill-ġdid skont id-Direttiva 2003/98/KE, u wħud mill-Istati Membri ilhom jadottaw approċċi ambizzjużi lejn id-dejta miftuħa, bil-għan li jitħaffef l-użu mill-ġdid tad-dejta pubblika aċċessibbli miċ-ċittadini u min-negozji, lil hinn mil-livell minimu stipulat mid-Direttiva. Biex jiġi evitat li regoli differenti fi Stat Membri differenti jkunu ta’ xkiel għall-offerta transkonfinali tal-prodotti u s-servizzi, u biex settijiet ta' dejta komparabbli jkunu jistgħu jintużaw mill-ġdid għal applikazzjonijiet pan-Ewropej imsejsa fuqhom, jeħtieġ armonizzazzjoni minima rigward x'tip ta' dejta pubblika tkun disponibbli għall-użu mill-ġdid fis-suq intern tal-informazzjoni, konsistenti mar-reġim rilevanti tal-aċċess.

    (6) Id-Direttiva 2003/98/KE ma fihiex obbligu li jiġi awtorizzat l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti. Id-deċiżjoni dwar jekk l-użu mill-ġdid jiġix awtorizzat jew le tibqa’ f'idejn l-Istati Membri jew l-entità tas-settur pubbliku kkonċernata. Fl-istess nifs, id-Direttiva tibni fuq regoli nazzjonali dwar l-aċċess għad-dokumenti. Ċerti Stati Membri rabtu espressament id-dritt tal-użu mill-ġdid ma' dan id-dritt ta' aċċess, b'mod li d-dokumenti kollha ġeneralment aċċessibbli jistgħu jintużaw mill-ġdid. Fi Stati Membri oħra, ir-rabta bejn iż-żewġ settijiet ta’ regoli hija inqas ċara, u dan huwa sors ta’ inċertezza.

    (7) Għaldaqstant, id-Direttiva 2003/98/KE għandha tistipula l-obbligu ċar li l-Istati Membri joffru d-dokumenti kollha ġeneralment disponibbli għall-użu mill-ġdid tagħhom. Billi dan jikkostitwixxi limitazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-awturi tad-dokumenti, l-ambitu ta' tali rabta bejn id-dritt tal-aċċess u d-dritt tal-użu mill-ġdid għandu jitqassar biex ikopru biss dak li hu strettament meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn din l-introduzzjoni. F'dan ir-rigward, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri u tal-Unjoni, speċifikament skont il-Konvenzjoni ta' Bern għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi u l-Ftehim dwar l-Aspetti Marbutin mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (il-Ftehim TRIPS), id-dokumenti li partijiet terzi jżommu drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuqhom għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/98/KE. Fil-każ li parti terza kienet is-sid inizjali ta’ dokument miżmum minn libreriji (inklużi l-librerija universitarji), mużewijiet jew arkivji, li jkun għadu protett bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, dak id-dokument għandu jitqies li partijiet terzi jżommu drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuqu.

    (8) L-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/98/KE għandha tkun bla ħsara għad-drittijiet li jistgħu jgawdu l-impjegati tal-entitajiet tas-settur pubbliku skont ir-regoli nazzjonali.

    (9) Barra minn hekk, fejn dokument isir disponibbli għall-użu mill-ġdid tiegħu, l-entità tas-settur pubbliku kkonċernata għandha żżomm id-dritt li tisfrutta d-dokument.

    (10) Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva titwessa' għal-libreriji (inklużi l-libreriji universitarji), għall-mużewijiet u għall-arkivji. Id-Direttiva ma tapplikax għal istituzzjonijiet kulturali oħrajn, bħal operi, ċentri tal-ballet jew teatri, inklużi l-arkivji li jkunu parti minn dawn l-istituzzjonijiet.

    (11) Biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid tal-PSI, l-entitajiet tas-settur pubbliku għandhom iqiegħdu dokumenti għad-dispożizzjoni permezz ta' formati li jinqraw elettronikament, u flimkiem mal-metadejta tagħhom fejn possibbli u xieraq, f'format li jiżgura l-interoperabbiltà eċċ., billi jipproċessawhom b'mod konsistenti mal-prinċipji tar-rekwiżiti ta’ kompatibbiltà u użabbiltà għall-informazzjoni spazjali skont id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire)[22].

    (12) Fejn jiġu imposti tariffi għall-użu mill-ġdid ta’ dokumenti, fil-prinċipju, għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż marġinali mġarrba bir-riproduzzjoni u t-tixrid tagħhom, sakemm ma jkunx iġġustifikat mod ieħor skont l-għan, it-trasparenza jew kriterji li jistgħu jiġi vverifikati. Għandha titqies b'mod partikulari l-ħtieġa li ma jitfixkilx il-funzjonament normali ta’ dawk entitajiet tas-settur pubbliku li jkopru parti sostanzjali tal-ispejjeż tal-operat imnissla mill-qadi tal-kompitu pubbliku tagħhom, billi jittellef l-isfruttar tad-drittijiet tagħhom tal-proprjetà intellettwali. Għandu jkun f'idejn l-entità tas-settur pubbliku li tkun qiegħda timponi tariffa għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti, li tagħti evidenza li t-tariffi huma msejsa fuq l-ispejjeż, u li tikkonforma ma' limiti rilevanti.

    (13) B'rabta ma' kwalunkwe użu mill-ġdid li jsir mid-dokument, fejn ikun vjabbli, l-entitajiet tas-settur pubbliku jistgħu jimponu kundizzjonijiet fuq l-utent mill-ġdid, pereżempju r-rikonoxximent tas-sors. Fi kwalunkwe każ, kull liċenzja għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku għandha tqiegħed l-inqas restrizzjonijiet possibbli fuq l-użu mill-ġdid tal-PSI. Il-liċenzji miftuħin disponibbli fuq l-internet, li jagħtu drittijiet usa' tal-użu mill-ġdid mingħajr restrizzjonijiet teknoloġiċi, finanzjarji jew ġeografiċi, u li jistrieħu fuq formati ta’ dejta miftuħin, jistgħu jiżvolġu rwol importanti wkoll f'dan ir-rigward. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu tal-liċenzji ta' governanza miftuħa.

    (14) L-implimentazzjoni tajba ta’ wħud mill-elementi ta’ din id-Direttiva, ngħidu aħna l-mezzi ta’ rikors, il-konformità mal-prinċipji tat-tariffar, u l-obbligi ta' rappurtar, jeħtieġu monitoraġġ minn awtoritajiet indipendenti b'kompetenza fl-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku. Biex tiġi żgurata l-konsistenza fost l-approċċi fuq il-livell tal-Unjoni, għandha titħeġġeġ il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet indipendenti, b'mod partikulari bl-iskambju ta’ tagħrif dwar l-aqwa prassi u l-politiki ta’ użu mill-ġdid tad-dejta.

    (15) Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, speċifikament l-iffaċilitar tal-ħolqien ta’ prodotti u servizzi ta’ informazzjoni bbażati fuq dokumenti tas-settur pubbliku, l-iżgurar tal-użu transkonfinali effiċjenti tad-dokumenti tas-settur pubbliku mill-kumpaniji privati għal prodotti u servizzi ta' informazzjoni b'valur miżjud, u l-limitazzjoni tat-tagħwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni, ma jistax jintlaħaq kif xieraq mill-Istati Membri u, għaldaqstant, u fid-dawl tal-ambitu intrinsikament pan-Ewropew tal-azzjoni proposta, jista' jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulata fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk il-miri.

    (16) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikoxxonuti partikularment mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż id-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17). Xejn f'din id-Direttiva ma għandu jiġi interpretat jew implimentat b'mod li jkun inkonsistenti mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    (17) Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-Istati Membri (ara l-premessa 19) jirrappurtaw lill-Kummissjoni rigward l-ammont ta' użu mill-ġdid li jsir mill-informazzjoni tas-settur pubbliku, il-kundizzjonijiet li skonthom issir disponibbli, u l-ħidma tal-awtorità indipendenti. Biex tiġi żgurata l-konsistenza fost l-approċċi fuq il-livell tal-Unjoni, għandha titħeġġeġ il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet indipendenti, b'mod partikulari bl-iskambju ta’ tagħrif dwar l-aqwa prassi u l-politiki ta’ użu mill-ġdid tad-dejta.

    (18) Il-Kummissjoni għandha tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva b'mod konsistenti billi tkun ta' gwida, partikularment fejn jidħlu t-tariffi u l-kalkolu tal-ispejjeż, il-kundizzjonijiet rakkomandati tal-liċenzjar, u l-formati tad-dejta, wara li tkun ikkonsultata mal-partijiet interessati.

    (19) Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokument ta’ spjegazzjoni ta’ [data], l-Istati Membri ntrabtu li jehmżu, f'każijiet iġġustifikati, man-notifikar tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, dokument wieħed jew aktar li jispjega r-rabta bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur jikkunsidra ġġustifikata t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti.

    (20) Għaldaqstant, id-Direttiva 2003/98/KE għandha tiġi emendata f’dan is-sens,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1 Emendi għad-Direttiva 2003/98/KE

    Id-Direttiva 2003/98/KE hija emendata kif ġej:

    1. Emenda għall-Artikolu 1: (Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni):

    (1) Fil-paragrafu 2, il-punt (a) jinbidel b'li ġej:

    "(a) dokumenti li l-provvista tagħhom hija attività li taqa' barra mill-ambitu tal-kompitu pubbliku tal-entitajiet tas-settur pubbliku kkonċernati, kif iddefinit mil-liġi jew minn regoli vinkolati oħra fl-Istat Membru inkwistjoni;"

    (2) Fil-paragrafu 2, il-punt (e) jinbidel b'li ġej:

    "(e) id-dokumenti miżmuma minn stabbilimenti tat-tagħlim jew tar-riċerka, bħal faċilitajiet għar-riċerka, inklużi, fejn relevanti, organizzazzjonijiet imwaqqfa għat-trasferiment ta' riżultati tar-riċerka, skejjel u universitajiet (għajr il-libreriji universitarji fir-rigward ta' dokumenti li ma jkunux ta' riċerka u protetti minn drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' partijiet terzi) u;"

    (3) Fil-paragrafu 2, il-punt (f) jinbidel b'li ġej:

    "(f) dokumenti miżmuma minn stabbiliment kulturali, li ma jkunux libreriji, mużewijiet jew arkiviji;"

    (4) Fil-paragrafu 4, "il-Komunità" tinbidel ma' "l-Unjoni".

    (5) Fi tmiem il-paragrafu 5, tiżdied is-sentenza li ġejja:

    "Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma mingħajr ħsara għad-drittijiet ekonomiċi jew morali li jgawdu l-impjegati tal-entitajiet tas-settur pubbliku skont ir-regoli nazzjonali."

    2. Fl-Artikolu 2 (Definizzjonijiet), jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    ‘6. "li jinqara elettronikament" tfisser li dokumenti diġitali jkunu strutturati b'mod xieraq biex applikazzjonijiet tas-softwer ikunu jistgħu jidentifikaw b'mod affidabbli dikjarazzjonijiet individwali ta’ fatt u l-istruttura interna tagħhom."

    3. L-Artikolu 3 jinbidel b'li ġej:

    “Artikolu 3

    Il-prinċipju ġenerali

    (1) Soġġett għall-paragrafu (2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 1 ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli III u IV.

    (2) Għad-dokumenti li l-libreriji (inklużi l-libreriji universitarji), il-mużewijiet u l-arkivji jkollhom id-drittjiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun permess l-użu mill-ġdid tad-dokumenti, id-dokumenti jkunu jistgħu jintużaw għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli III u IV.

    4. Emendi għall-Artikolu 4 (Rekwiżiti applikabbli għall-ipproċessar ta’ talbiet għall-użu mill-ġdid):

    (3) Fi tmiem il-paragrafu 3, tiżdied is-sentenza li ġejja:

    "Madankollu, il-libreriji (inklużi l-libreriji universitarji), il-mużewijiet u l-arkivji ma għandhomx l-obbligu li jinkludu tali referenza."

    (4) Fi tmiem il-paragrafu 4, tiżdied is-sentenza li ġejja:

    "Il-miżuri ta’ rikors għandhom jinkludu l-possibbiltà ta’ reviżjoni minn awtorità indipendenti li tingħata setgħat regolatorji speċifiċi fir-rigward tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu vinkolanti għall-entità tas-settur pubbliku kkonċernata."

    5. Emendi għall-Artikolu 5 (Formati disponibbli):

    (5) Fil-paragrafu 1, il-kliem "b'mod elettroniku" jinbidel bil-kliem "f'format li jinqara elettronikament, flimkien mal-metadejta korrispondenti.".

    6. Emendi għall-Artikolu 6 (Tariffi):

    (6) Jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin fil-bidu tal-Artikolu:

    "1. Fejn jiġu imposti tariffi għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti, l-ammont totali impost mill-entitajiet tas-settur pubbliku għandu jkun limitat għall-ispejjeż marġinali mġarrba bir-riproduzzjoni u t-tixrid."

    "2. 2. F'każijiet eċċezzjonali, partikularment fejn l-entitajiet tas-settur pubbliku jiġġeneraw parti sostanzjali mill-ispejjeż tal-operat tagħhom, marbutin mal-qadi tal-kompiti ta’ servizz pubbliku tagħhom, mill-isfruttar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom, l-entitajiet tas-settur pubbliku jistgħu jitħallew jimponu tariffi għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti 'l fuq mill-ispejjeż marġinali, skont l-għan, it-trasparenza u kriterji verifikabbli, sakemm dan ikun fl-interess pubbliku u soġġett għall-approvazzjoni tal-awtorità indipendenti msemmija fl-Artikolu 4(4), u mingħajr ħsara għall-parafrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu."

    "3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, il-libreriji (inklużi l-libreriji universitarji), il-mużewijiet u l-arkivji jistgħu jimponu tariffi 'l fuq mill-ispejjeż marġinali għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti li jaħżnu."

    (7) It-test tal-Artikolu 6 isir il-paragrafu 4.

    (8) Jiddaħħal il-paragrafu 5 ġdid:

    "Jibqa' f'idejn l-entità tas-settur pubbliku li tkun qiegħda timponi tariffi għall-użu mill-ġdid, li tagħti evidenza li t-tariffi jikkonformaw ma' dan l-Artikolu."

    7. Fl-Artikolu 7 (It-trasparenza), jiddaħħal il-kliem "'l fuq mill-ispejjeż marġinali jew" wara l-kliem "il-kalkolu tat-tariffi".

    8. Emendi għall-Artikolu 8:

    (9) Il-paragrafu 1 jinbidel li ġej:

    "L-entitajiet tas-settur pubbliku jistgħu jippermettu l-użu mill-ġdid mingħajr kundizzjonijiet, jew jistgħu jimponi kundizzjonijiet, bħall-indikazzjoni tas-sors, fejn xieraq permezz ta’ liċenzja. Dawn il-kundizzjonijiet ma għandhomx jirrestrinġu bla bżonn il-possibbiltajiet għall-użu mill-ġdid, u ma għandhomx jintużaw biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni.".

    9. L-Artikolu 9 jinbidel b'li ġej:

    “Artikolu 9

    Arranġamenti prattiċi

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu implimentati arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw it-tiftix, b'ilsna differenti, għad-dokumenti disponibbli għall-użu mill-ġdid, bħal listi ta’ dokumenti ewlenin bil-metadejta rilevanti, preferibbilment aċċessibbli fuq l-internet u f'format li jinqara elettronikament, u siti u portali li jkollhom ħolqa għal listi deċentralizzati ta’ assi."

    10. Fl-Artikolu 11 (il-projbizzjoni tal-arranġamenti esklussivi), tiżdied is-sentenza li ġejja fi tmiem il-paragrafu 3:

    "Madankollu, arranġamenti ta’ dan it-tip li jinvolvu l-istabbilimenti kulturali u l-libreriji tal-università għandhom jintemmu fi tmiem il-kuntratt, jew f'kull każ mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 20XX [sitt snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].".

    11. L-Artikolu 12 (It-traspożizzjoni) jinbidel b'li ġej:

    “Artikolu 12

    L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva."

    12. Fl-Artikolu 13 (Reviżjoni), id-data tal-1 ta’ Lulju 2008 tinbidel bid-data [tliet snin wara d-data tat-traspożizzjoni], u jiżdied il-paragrafu li ġej:

    "L-Istati Membri għandhom iressqu rapport ta' kull sena lill-Kummissjoni dwar l-ammont ta’ użu mill-ġdid li jkun sar mill-informazzjoni tas-settur pubbliku, il-kundizzjonijiet li skonthom issir disponibbli, u l-ħidma tal-awtorità indipendenti msemmija fl-Artikolu 4(4)."

    Artikolu 2

    (2) L-Istati Membri għandhom jaddottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn 18-il xahar, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva. Malli jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    (3) Fejn l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza simili fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir tali referenza.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    [1]               http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2009:0212:FIN:MT:PDF.

    [2]               http://www.economist.com/node/15557443.

    [3]               http://webarchive.nationalarchives.gov.uk/+/interactive.bis.gov.uk/digitalbritain/report, p. 214.

    [4]               "Review of recent studies on PSI re-use and related market developments", G. Vickery, Awwissu 2011.

    [5]               http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm.

    [6]               WHITE PAPER Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti. COM(2011) 144 finali (28.3.2011).

    [7]               COM(2008) 886 finali/2 — Korriġendum tal-20.3.2009.

    [8]               ĠU L 207/1, 6.8.2010.

    [9]               http://www.epsiplatform.eu.

    [10]             http://ec.europa.eu/information_society/policy/psi/index_en.htm.

    [11]             http://ec.europa.eu/information_society/policy/psi/actions_eu/policy_actions/mepsir/index_en.htm.

    [12]             http://ec.europa.eu/information_society/policy/psi/facilitating_reuse/exlusive_agreements/               index_en.htm.

    [13]             http://ec.europa.eu/information_society/policy/psi/docs/pdfs/economic_study_report_final.pdf.

    [14]             http://tinyurl.com/culturePSI.

    [15]             http://www.lapsi-project.eu.

    [16]             http://www.epsiplatform.eu.

    [17]             UK Re-use of Public Sector Information Regulations 2005, "A public sector body may permit re-use" (regulation 7(1)).

    [18]             "Study on guaranteed access to traffic and travel data and free provision of universal traffic information", Lyon, il-11 ta' Ottubru 2010.

    [19]             ĠU C , , p. .

    [20]             ĠU C , , p. .

    [21]             ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90.

    [22]             ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1.

    Top