Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0842

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għal azzjoni esterna

/* KUMM/2011/0842 finali - 2011/0415 (COD) */

52011PC0842

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għal azzjoni esterna /* KUMM/2011/0842 finali - 2011/0415 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Hija prijorità għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) li tissimplifika l-ambjent regolatorju u tiffaċilita d-disponibbiltà tal-assistenza mill-Unjoni lil pajjiżi u reġjuni msieħba, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, SMEs eċċ. sal-punt li dawn jikkontribwixxu għall-għanijiet tar-Regolament.

Fl-implimentazzjoni tal-Istrumenti l-ġodda, proċeduri ssimplifikati u flessibbli tat-teħid ta’ deċiżjonijiet jippermettu adozzjoni aktar mgħaġġla għall-implimentazzjoni ta’ miżuri u għalhekk għall-għoti ta’ assistenza mill-UE, b’mod partikolari għall-pajjiżi fi kriżi, wara kriżi u fraġli.

Barra minn hekk, ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, li hija partikolarment sostanzjali fir-rigward tad-dispożizzjoni speċjali dwar l-azzjonijiet esterni, se tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u n-negozji ż-żgħar fil-programmi ta’ finanzjament, pereżempju permezz tas-simplifikazzjoni tar-regoli, it-tnaqqis tal-kostijiet ta’ parteċipazzjoni u t-tħaffif tal-proċeduri ta’ għoti. Il-Kummissjoni beħsiebha timplimenta dan ir-Regolament permezz tal-proċeduri flessibbli l-ġodda stipulati fir-Regolament Finanzjarju l-ġdid.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni tipproponi sett ta’ regoli u proċeduri ssimplifikati u armonizzati ta’ implimentazzjoni applikabbli għall-erba’ strumenti ġeografiċi, jiġifieri d-DCI, l-ENI, l-IPA, u l-PI, u għat-tliet strumenti tematiċi l-IfS, l-EIDHR, u l-INSC. Fil-każ tal-IPA u l-ENI, madankollu, il-karatteristiċi speċjali ta’ kooperazzjoni ta’ qabel l-adeżjoni u transkonfinali se jeħtieġu regoli u proċeduri addizzjonali u speċifiċi ta’ implimentazzjoni li bħala ‘lex specialis’ jikkumplimentaw is-sett komuni pprovdut mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Komuni.

Kemm il-FEŻ kif ukoll id-Deċiżjoni dwar il-Groenlandja se jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament minħabba l-ispeċifiċità tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament tagħhom.

2.           RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U EVALWAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni Pubblika

Il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika dwar il-finanzjament futur għal azzjoni esterna tal-UE bejn is-26 ta’ Novembru 2010 u l-31 ta’ Jannar 2011. Dan il-proċess kien ibbażat fuq kwestjonarju fuq l-internet akkumpanjat minn dokument ta’ sfond ‘X’finanzjament għall-azzjoni esterna tal-UE wara l-2013?’. B’mod ġenerali, ir-risposti ma ssuġġerewx li kien hemm ħtieġa għal bidla sostanzjali fil-mekkaniżmi attwali ta’ implimentazzjoni, għalkemm maġġoranza sinifikanti ta’ dawk li wieġbu appoġġjaw aktar flessibilità u simplifikazzjoni fl-implimentazzjoni.

Ġbir u użu ta’ Kompetenzi

Il-Kummissjoni wettqet reviżjoni interna ta’ rapporti differenti (evalwazzjonijiet, verifiki, studji, analiżi intermedji). Ir-reviżjoni kkunsidrat x’ħadem u x’ma ħadimx, u ħadet lezzjonijiet għat-tfassil tal-istrumenti finanzjarji.

Ir-reviżjoni uriet li l-Istrumenti attwali kkontribwew għall-progress lejn l-MDGs fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni, bħall-appoġġ baġitarju u l-“approċċ fis-settur kollu”, ippermettew kooperazzjoni aktar profonda ma’ pajjiżi msieħba u tqassim aktar effiċjenti tax-xogħol permezz ta’ kofinanzjament bejn id-donaturi.

Madankollu, ir-reviżjoni identifikat numru ta’ nuqqasijiet. Il-proċess attwali ta’ implimentazzjoni ġie evalwat bħala kumpless wisq u ma jippermettix aġġustamenti rapidi jekk ikunu meħtieġa. Dawn in-nuqqasijiet ġew indirizzati direttament fir-Regolament preżenti.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-Parti V, Titolu III, Kapitolu 1 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tipprovdi l-qafas legali għall-koperazzjoni ma’ pajjiżi u reġjuni msieħba. Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Komuni propost huwa bbażat fuq l-Artikoli 209(1) u 212(2) tat-Trattat, u huwa ppreżentat mill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 294. Peress li l-Artikoli 310 sa 320 tat-TFUE huma applikabbli għall-Euratom (ara l-Artikolu 106a Euratom), il-proposta tista’ tkopri wkoll l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni finanzjarja taħt l-INSC.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Mhux applikabbli

5.           ELEMENTI PRINĊIPALI

(1)        Titolu I: Implimentazzjoni – Artikoli 1 sa 3

L-Artikolu 1 (Suġġett u prinċipji) jistabbilixxi l-għanijiet tar-Regolament li għandhom jipprovdu sett armonizzat ta’ regoli ta’ implimentazzjoni għal Strumenti Relex, biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u biex jippromwovu s-simplifikazzjoni u l-flessibilità fl-implimentazzjoni ta’ dawn Istrumenti.

L-Artikolu 2 (Adozzjoni ta’ Programmi ta’ Azzjoni, Miżuri Individwali u Miżuri Speċjali) jipprovdi li d-deċiżjonijiet ta’ finanzjament meħuda mill-Kummissjoni għandhom ikunu fl-għamla ta’ programmi ta’ azzjoni, ibbażati fuq id-dokumenti ta’ programmar multiannwali. Eċċezzjonalment, iżda b’mod konformi mad-dokumenti ta’ programmar multiannwali, jistgħu jiġu adottati miżuri individwali barra mill-qafas tal-programm ta’ azzjoni. Fil-każ ta’ każijiet mhux previsti u debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri speċjali mhux ipprovduti fid-dokumenti ta’ programmar multiannwali. L-Artikolu jinkludi r-regoli ta’ komitoloġija li għandhom jiġu segwiti għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet imsemmija, kif ukoll l-eċċezzjonijiet possibbli għal dan.

L-Artikolu 3 (Miżuri ta’ appoġġ) jiddefinixxi t-tipi ta’ nfiq li jirrappreżentaw appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li jistgħu jiġu koperti minn finanzjament mill-Unjoni (eż. attivitajiet ta’ preparazzjoni, segwitu, monitoraġġ, verifika u evalwazzjoni, għoti ta’ informazzjoni u sforzi ta’ komunikazzjoni). Dawn il-miżuri jistgħu jiġu ffinanzjati barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dokumenti ta’ programmar.

(2)        Titolu II: Dispożizzjonijiet dwar il-metodi ta’ finanzjament – Artikoli 4 sa 6

Mingħajr ma jkunu eżawrjenti u fuq il-bażi tal-prattika attwali u l-ħtiġijiet identifikati, l-Artikoli 4 sa 6 jelenkaw it-tipi ta’ finanzjament li jistgħu jintużaw taħt dan ir-Regolament. Il-modifiki introdotti jqisu d-dispożizzjonijiet tal-aħħar Regolament Finanzjarju. B’mod partikolari, l-Artikolu 4 jipprovdi għal strumenti innovattivi, bħal self, garanziji, strumenti ta’ ekwità u ta’ qsim tar-riskju, u jiddeskrivi arranġamenti possibbli fir-rigward tat-taxxi, dazji u imposti. Huwa jiddeskrivi li l-miżuri taħt dan ir-Regolamenti jistgħu jiġu implimentati direttament mill-Kummissjoni jew indirettament billi tafda kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit f’idejn kwalunkwe entità jew persuna elenkata fir-Regolament Finanzjarju. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi wkoll it-tip ta’ kofinanzjament (parallel jew konġunt).

L-Artikolu 7 (Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni) jistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u b’mod partikolari biex jippermettilha (speċjalment il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF) biex twettaq il-kontrolli kollha meħtieġa fuq il-miżuri implimentati.

(3)        Titolu III: Regoli dwar in-nazzjonalità u l-oriġini għall-akkwist pubbliku, għotjiet u proċeduri oħra ta’ għoti – Artikoli 8 sa 12

L-Artikoli 8 sa 11 (Regoli dwar in-nazzjonalità u l-oriġini għall-akkwist pubbliku u l-għotjiet u l-proċeduri oħra ta’ għoti) jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għall-akkwisti pubbliċi u l-modi kif jingħataw l-għotjiet għall-finijiet ta’ implimentazzjoni tar-Regolament. Id-dispożizzjonijiet proposti huma simplifikati ferm u jindikaw l-għan ta’ ħidma lejn għoti ta’ għajnuna mingħajr irbit. Madankollu, l-Artikoli jintroduċu fid-dettall il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà ta’ pajjiżi terzi (ħtieġa ta’ reċiproċità, parteċipazzjoni fil-programm implimentat, nuqqas ta’ eliġibbiltà ta’ ċerti pajjiżi, eċċ.) u l-eċċezzjonijiet għalihom (nuqqas ta’ disponibbiltà tal-prodotti jew servizzi pprovduti, urġenza estrema, kooperazzjoni trijangulari, eċċ.).

L-Artikolu 12 (Evalwazzjoni) jorbot lill-Kummissjoni biex tevalwa regolarment ir-riżultati tal-politiki u l-programmi implimentati, il-politiki settorjali u l-effettività tal-ipprogrammar innifsu. Il-partijiet interessati rilevanti kollha se jiġu assoċjati mal-evalwazzjoni u r-rapport se jkun maqsum mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

(4)        Titolu IV: Dispożizzjonijiet finali – Artikoli 13 sa 17

L-Artikolu 13 (Rapport annwali) jipprovdi għal rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-progress u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport se jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

L-Artikolu 14 (Azzjoni klimatika u infiq fuq il-bijodiversità) jipprovdi għal sistema speċifika ta’ rintraċċar ibbażata fuq il-metodoloġija tal-OECD (‘indikaturi ta’ Rio’).

L-Artikolu 15 (Kumitati) jiddeskrivi l-involviment tal-kumitati rilevanti fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, adattat skont ir-regolament il-ġdid tal-komitoloġija[1].

L-Artikolu 16 (Reviżjoni u evalwazzjoni tal-Istrumenti) jipprovdi li sa nofs l-2018 il-Kummissjoni għandha tipprepara u tissottometti rapport li jevalwa l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u, jekk xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva li tintroduċi l-modifiki meħtieġa. Bl-istess mod, dan ir-rapport se jevalwa l-impatt tal-miżuri adottati fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 17 (Dħul fis-seħħ) jipprovdi għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament u l-applikazzjoni tiegħu mill-1 ta’ Jannar 2014, mingħajr ma jistabbilixxi data ta’ skadenza.

2011/0415 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għal azzjoni esterna

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 209(1) u 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) L-Unjoni Ewropea għandha tadotta sett komprensiv ta’ strumenti li jkopru firxa ta’ politiki relatati mal-azzjoni esterna, li jeħtieġu regoli u proċeduri speċifiċi komuni għall-implimentazzjoni tagħhom. Dawn huma: l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (‘DCI’), l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (‘EIDHR’), l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (‘ENI’), l-Istrument għall-Istabbiltà (‘IfS’), l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (‘INSC’), l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (‘IPA’) u l-Istrument ta’ Sħubija (‘PI’).

(2) Dawn l-istrumenti ġeneralment jipprovdu li l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati fuq il-bażi tagħhom ikunu s-suġġett ta’ programmar indikattiv multiannwali, u jipprovdu l-qafas li fih għandhom jiġu adottati deċiżjonijiet ta’ finanzjament skont ir-Regolament Finanzjarju[2], u skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[3].

(3) Id-deċiżjonijiet finanzjarji għandhom jieħdu l-forom ta’ programmi ta’ Azzjoni Annwali jew Multiannwali u Miżuri Individwali meta jsegwu l-ippjanar previst fl-ipprogrammar indikattiv multiannwali, ta’ Miżuri Speċjali fejn meħtieġa minn ħtiġijiet mhux previsti u ġġustifikati, u ta’ Miżuri ta’ Appoġġ.

(4) B’kunsiderazzjoni tal-ipprogrammar tal-politika jew in-natura ta’ eżekuzzjoni finanzjarja ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom, il-proċedura ta’ eżami għandha tintuża b’mod ġenerali għall-adozzjoni tagħhom, ħlief għal miżuri ta’ skala finanzjarja żgħira. Madankollu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament fejn, f’każijiet iġġustifikati debitament li huma relatati mal-ħtieġa għal rispons rapidu mill-Unjoni, ikun meħtieġ hekk għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza.

(5) F’deċiżjonijiet ta’ finanzjament, id-deskrizzjoni ta’ kull azzjoni, li tispeċifika l-għanijiet, l-attivitajiet prinċipali, ir-riżultati mistennija, il-baġit prospettiv u l-iskeda u l-arranġamenti għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tagħha għandha tiġi approvata wkoll skont il-proċeduri previsti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(6) Għall-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji, meta l-immaniġġjar tal-operazzjoni jiġi fdat lil intermedjarju finanzjarju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkopri b’mod partikulari proviżjonijiet li jikkonċernaw il-qsim ta’ riskji, ir-remunerazzjoni tal-intermedjarju responsabbli għall-implimentazzjoni, l-użu u l-użu mill-ġdid tal-fondi u l-profitti possibbli.

(7) Is-sett ta’ regoli u proċeduri komuni għandu jkun konsistenti mar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni stabbilit f’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”[4], tali referenza ssir fil-każijiet kollha għall-aktar verżjoni riċenti fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament, u inklużi r-regoli korrispondenti adottati mill-Kummissjoni[5] għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju.

(8) Filwaqt li l-ħtiġijiet finanzjarji tal-assistenza esterna mill-Unjoni qed jiżdiedu, is-sitwazzjoni ekonomika u baġitarja tal-Unjoni tillimita r-riżorsi disponibbli għal assistenza bħal din. Il-Kummissjoni għalhekk għandha tfittex l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli, b’mod partikolari billi tuża strumenti finanzjarji li għandhom effett ta’ ingranaġġ. Effett ta’ ingranaġġ bħal dan jiżdied billi l-fondi investiti u ġġenerati mill-istrumenti finanzjarji jitħallew jintużaw u jintużaw mill-ġdid.

(9) L-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa jew użati inkorrettament u, fejn xieraq, penali. Dawn il-miżuri għandhom jitwettqu skont il-ftehimiet applikabbli konklużi ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi.

(10) Għandhom isiru dispożizzjonijiet ulterjuri għall-metodi ta’ finanzjament, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, ir-regoli dwar in-nazzjonalità u l-oriġini, u l-evalwazzjoni tal-Istrumenti,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 1

Suġġett u prinċipji

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja mill-Unjoni lill-azzjonijiet, inklużi programmi ta’ azzjoni u miżuri oħra, taħt l-Istrumenti li ġejjin: l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (‘DCI’), l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (‘EIDHR’), l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (‘ENI’), l-Istrument għall-Istabbiltà (‘IfS’), l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (‘INSC’), l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (‘IPA’) u l-Istrument ta’ Sħubija (‘PI’), minn hawn ’il quddiem imsejħa wkoll kollettivament bħala ‘l-Istrumenti’ u separatament bħala ‘l-Istrument applikabbli’.

2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-azzjonijiet jiġu implimentati skont l-għanijiet tal-Istrument applikabbli, u b’mod konformi ma’ protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-assistenza finanzjarja pprovduta fuq il-bażi tal-Istrumenti għandha tkun konsistenti mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, li jipprovdi l-qafas bażiku finanzjarju u legali għall-implimentazzjoni tagħhom.

3. Fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha, fejn possibbli u xieraq fid-dawl tan-natura tal-azzjoni, tiffavorixxi l-użu tal-aktar proċeduri flessibbli sabiex tiżgura implimentazzjoni effettiva u effiċjenti.

Artikolu 2

Adozzjoni ta’ programmi ta’ azzjoni, miżuri individwali u miżuri speċjali

1. Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ azzjoni annwali jew multiannwali, fejn meħtieġ fuq il-bażi tad-dokumenti ta’ programmar indikattivi msemmija fl-Istrument applikabbli.

B’mod eċċezzjonali, b’mod partikolari fejn programm ta’ azzjoni jkun għadu ma ġiex adottat, il-Kummissjoni tista’, fuq il-bażi tad-dokumenti ta’ programmar indikattivi, tadotta miżuri individwali taħt l-istess regoli u proċeduri bħal dawk tal-programmi ta’ azzjoni.

Fil-każ ta’ ħtiġijiet, ċirkostanzi jew impenji mhux previsti u debitament iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri speċjali mhux previsti fid-dokumenti ta’ programmar indikattivi. Jistgħu jintużaw ukoll miżuri speċjali biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni minn għajnuna ta’ emerġenza għal operazzjonijiet ta’ żvilupp fit-tul, inklużi miżuri biex iħejju aħjar lin-nies fi kriżijiet rikorrenti.

2. Il-programmi ta’ azzjoni u miżuri individwali previsti fil-paragrafu 1 li għalihom l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni taqbeż EUR 10 miljun u l-miżuri speċjali li għalihom l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni taqbeż EUR 30 miljun għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(3).

Dik il-proċedura m’għandhiex tkun meħtieġa għall-programmi ta’ azzjoni u l-miżuri taħt il-limiti msemmija hawn fuq, u għall-emendi mhux sostanzjali tagħhom. L-emendi mhux sostanzjali huma aġġustamenti tekniċi bħall-estensjoni tal-perjodu ta’ implimentazzjoni, l-assenjament mill-ġdid tal-fondi fil-baġit previst, jew iż-żieda jew tnaqqis tad-daqs tal-baġit b’inqas minn 20 % tal-baġit inizjali, sakemm dawn l-emendi ma jaffettwawx b’mod sostanzjali l-għanijiet tal-programm ta’ azzjoni jew miżura inizjali. F’dak il-każ, il-programmi ta’ azzjoni u miżuri u l-emendi mhux sostanzjali tagħhom għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħhom.

3. Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza ġġustifikati debitament, bħal kriżijiet, sitwazzjonijiet ta’ wara kriżi u ta’ fraġilità jew theddid għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem jew il-libertajiet fundamentali, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament, inklużi emendi għall-programmi ta’ azzjoni u miżuri eżistenti, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(4).

4. Għandu jsir skrinjar ambjentali xieraq, inkluż għall-bidla fil-klima u impatti tal-bijodiversità, fil-livell ta’ proġett inkluż fejn applikabbli evalwazzjoni tal-impatt ambjentali (EIA) għal proġetti li jkunu ambjentalment sensittivi, b’mod partikolari għal infrastruttura ġdida maġġuri. Fejn ikun rilevanti, għandhom jintużaw evalwazzjonijiet ambjentali strateġiċi (SEA) fl-implimentazzjoni ta’ programmi settorjali. L-involviment tal-partijiet interessati fl-evalwazzjonijiet ambjentali u l-aċċess pubbliku għar-riżultati għandhom jiġu żgurati.

Artikolu 3

Miżuri ta’ appoġġ

1. Il-finanzjament mill-Unjoni jista’ jkopri n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-Istrumenti u għall-kisba tal-għanijiet tagħhom, inkluż l-appoġġ amministrattiv assoċjat mal-attivitajiet ta’ tħejjija, segwitu, monitoraġġ, verifika u evalwazzjoni direttament meħtieġa għal tali implimentazzjoni, kif ukoll infiq fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fuq l-appoġġ amministrattiv meħtieġ għall-ġestjoni tal-operazzjonijiet iffinanzjati taħt l-Istrumenti.

2. Sakemm l-attivitajiet elenkati fil-punti (a), (b) u (c) ikunu relatati mal-għanijiet ġenerali tal-Istrument applikabbli implimentat permezz tal-azzjoni, il-finanzjament mill-Unjoni jista’ jkopri

(a) studji, laqgħat, informazzjoni, ħolqien ta’ kuxjenza, taħriġ, attivitajiet ta’ pubblikazzjoni u kwalunkwe assistenza amministrattiva jew teknika oħra dwar l-infiq meħtieġa għall-ġestjoni tal-azzjonijiet,

(b) attivitajiet ta’ riċerka u studji dwar kwistjonijiet rilevanti u d-disseminazzjoni tagħhom,

(c) infiq relatat mal-provvista ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inkluża l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni.

3. Il-miżuri ta’ appoġġ jistgħu jiġu ffinanzjati barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dokumenti ta’ programmar indikattiv. Fejn applikabbli, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ appoġġ skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2).

TITOLU II

Dispożizzjonijiet dwar il-metodi ta’ finanzjament

Artikolu 4 Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ finanzjament

1. L-assistenza finanzjarja mill-Unjoni tista’ tiġi pprovduta, fost affarijiet oħra, permezz tat-tipi ta’ finanzjament li ġejjin previsti mir-Regolament Finanzjarju:

(a)     għotjiet;

(b)     kuntratti ta’ akkwist għal servizzi, provvisti jew xogħlijiet;

(c)     sostenn tal-baġit;

(d)     kontribuzzjonijiet għal fondi fiduċjarji stabbiliti mill-Kummissjoni;

(e)     strumenti finanzjarji bħal self, garanziji, ekwità jew kważi ekwità, investimenti jew parteċipazzjonijiet, u strumenti ta’ qsim tar-riskju, possibilment flimkien ma’ għotjiet.

(f)      ishma jew parteċipazzjonijiet f’ekwità f’istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, inklużi banek ta’ żvilupp reġjonali.

L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tista’ tingħata wkoll, skont ir-Regolament Finanzjarju, permezz ta’ kontribuzzjonijiet lil fondi internazzjonali, reġjonali jew nazzjonali, bħal dawk stabbiliti jew ġestiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment, organizzazzjonijiet internazzjonali, Stati Membri jew minn pajjiżi u reġjuni msieħba, biex jattiraw finanzjament konġunt minn għadd ta’ donaturi, jew lil fondi stabbiliti minn donatur wieħed jew aktar għall-fini tal-implimentazzjoni konġunta tal-proġetti.

2. Għall-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji msemmija fil-punt (e) hawn fuq u skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Finanzjarju, id-dħul u r-ripagamenti ġġenerati minn strument finanzjarju wieħed għandhom jiġu assenjati lill-istrument finanzjarju korrispondenti bħala dħul assenjat intern. Għall-istrumenti finanzjarji stabbiliti waqt il-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2007-2013, dawn id-dħul u r-ripagamenti għandhom jiġu assenjati lill-istrument finanzjarju ġdid ekwivalenti fil-perjodu 2014-2020.

3. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata mill-Kummissjoni kif stabbilit mir-Regolament Finanzjarju, direttament mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, delegazzjonijiet tal-Unjoni u mill-aġenziji eżekuttivi, jew indirettament billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lill-entitajiet elenkati fir-Regolament Finanzjarju, inklużi dawk taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri.

4. It-tipi ta’ finanzjament imsemmija fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 6(1), u l-metodi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-ħila tagħhom li jiksbu l-għanijiet speċifiċi tal-azzjonijiet, filwaqt li jitqiesu, fost affarijiet oħra, l-ispejjeż tal-kontrolli, il-piż amministrattiv, u r-riskju mistenni ta’ nuqqas ta’ konformità. Għall-għotjiet, dan għandu jinkludi kunsiderazzjoni tal-użu ta’ somom f’daqqa, rati fissi u skali ta’ spejjeż unitarji.

5. L-azzjonijiet iffinanzjati taħt l-Istrumenti jistgħu jiġu implimentati b’kofinanzjament parallel u konġunt.

Fil-każ ta’ kofinanzjament parallel, azzjoni tinqasam f’numru ta’ komponenti identifikabbli b’mod ċar li kull wieħed minnhom huwa ffinanzjat minn imsieħba differenti li jipprovdu kofinanzjament b’tali mod li l-użu aħħari tal-finanzjament jista’ dejjem jiġi identifikat.

Fil-każ ta’ kofinanzjament konġunt, l-ispiża totali ta’ azzjoni hija maqsuma bejn l-imsieħba li jipprovdu l-kofinanzjament u r-riżorsi jinġabru flimkien b’tali mod li ma jkunx aktar possibbli li s-sors ta’ finanzjament jiġi identifikat għal kwalunkwe attività partikolari mwettqa bħala parti mill-azzjoni.

6. Filwaqt li jintuża tip ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 1 jew l-Artikolu 6(1), il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-imsieħba tagħha tista’ tieħu l-forma, fost affarijiet oħra, ta’

(a) arranġamenti triangolari li permezz tagħhom l-Unjoni tikkoordina ma’ pajjiżi terzi l-assistenza tagħha lil pajjiż jew reġjun imsieħeb,

(b) miżuri amministrattivi ta’ kooperazzjoni bħall-ġemellaġġ bejn istituzzjonijiet pubbliċi, awtoritajiet lokali, korpi pubbliċi nazzjonali jew entitajiet tad-dritt privat responsabbli għal kompiti ta’ servizz pubbliku ta’ Stat Membru u dawk ta’ pajjiż jew reġjun imsieħeb, kif ukoll miżuri ta’ kooperazzjoni li jinvolvu esperti tas-settur pubbliku mibgħuta mill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom,

(c) kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż meħtieġa biex iwaqqfu u jamministraw sħubija pubblika-privata, u

(d) programmi ta’ appoġġ għall-politika tas-settur, li permezz tagħhom l-Unjoni tipprovdi appoġġ għall-programm tas-settur ta’ pajjiż imsieħeb

(e) fil-każ tal-IPA u l-ENI, il-kontribuzzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi fil-programmi u l-aġenziji tal-Unjoni.

Artikolu 5

Taxxi, dazji u imposti

L-assistenza mill-Unjoni m’għandhiex tiġġenera, jew tattiva l-ġbir ta’ taxxi, dazji jew imposti speċifiċi.

Fejn ikun applikabbli, għandhom jiġu nnegozjati dispożizzjonijiet xierqa mal-pajjiżi msieħba sabiex jeżentaw l-azzjonijiet li jimplimentaw l-assistenza finanzjarja mill-Unjoni mit-taxxi, dazji doganali u imposti fiskali oħrajn. Inkella, dawn it-taxxi, dazji u imposti għandhom ikunu eliġibbli taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ ffinanzjar

1. Minbarra t-tipi ta’ finanzjament imsemmija fl-Artikolu 4(1), l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni taħt l-Istrumenti li ġejjin tista’ tiġi pprovduta skont ir-Regolament Finanzjarju wkoll permezz tat-tipi ta’ finanzjament li ġejjin:

(a) taħt id-DCI u taħt l-ENI, ħelsien mid-dejn, taħt programmi miftiehma internazzjonalment ta’ ħelsien mid-dejn;

(b) taħt id-DCI u taħt l-IfS, f’każijiet eċċezzjonali, programmi settorjali u ġenerali ta’ importazzjoni, li jistgħu jieħdu l-forma ta’:

(i)         programmi settorjali ta’ importazzjoni f’oġġetti;

(ii)         programmi settorjali ta’ importazzjoni li jipprovdu skambju ta’ flus barranin għall-finanzjament ta’ importazzjonijiet għas-settur inkwistjoni; jew

(iii)        programmi ġenerali ta’ importazzjoni li jipprovdu skambju ta’ flus barranin għall-finanzjament ta’ importazzjonijiet ġenerali ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti;

(c) taħt l-EIDHR għoti dirett ta’:

(i)         għotjiet ta’ valur baxx lil difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għall-finanzjament ta’ azzjonijiet ta’ protezzjoni urġenti;

(ii)         għotjiet għall-finanzjament ta’ azzjonijiet fl-aktar kundizzjonijiet jew sitwazzjonijiet diffiċli msemmija fl-Artikolu 2(4) tal-EIDHR fejn il-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal proposti ma tkunx xierqa. Għotjiet bħal dawn m’għandhomx jaqbżu l-EUR 2 000 000 u għandu jkollhom tul ta' żmien ta' mhux aktar minn 18-il xahar, li jistgħu jiġu estiżi b'sitt xhur oħra f'każ ta' ostakli oġġettivi u mhux previsti għall-implimentazzjoni tagħhom.

(iii)        għotjiet lil

– l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

– iċ-Ċentru Inter-Universitarju Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem u għad-Demokratizzazzjoni, li jipprovdi Lawrja Ewropea ta’ Masters fid-Drittijiet tal-Bniedem u fid-Demokratizzazzjoni u l-Programm ta’ Fellowship UE-NU, u n-netwerk assoċjat tiegħu ta’ universitajiet li jipprovdu diplomi wara l-lawrija fid-drittijiet tal-bniedem, aċċessibbli għal kollox għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

2. L-assistenza finanzjarja mill-Unjoni taħt l-IPA u l-ENI tista’ tiġi implimentata f’ġestjoni kondiviża ma’ Stati Membri, u b’ġestjoni indiretta għall-Kooperazzjoni Transfruntiera taħt l-ENI, sakemm ir-regoli speċifiċi għas-settur u kumplementari meħtieġa mir-Regolament Finanzjarju u proviżjonijiet xierqa oħra jkunu inklużi f’att iddelegat adottat fuq il-bażi tal-Istrument applikabbli.

3. L-impenji baġitarji għal azzjonijiet taħt l-IPA u l-ENI li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin f’rati annwali.

Artikolu 7

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea jkunu protetti bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, bl-irkupru, jew fejn xieraq fil-każijiet fejn l-istat jew istituzzjoni pubblika ta’ pajjiż terz tkun il-benefiċjarju, ir-restituzzjoni, tal-ammonti mħallsa b’mod skorrett. Fejn ikun xieraq, għandhom jiġu applikati wkoll penali effettivi, proporzjonati u deterrenti.

2. Il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, fuq il-bażi tad-dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha tal-għotja, il-kuntratturi u sottokuntratturi kif ukoll il-partijiet terzi li rċevew fondi tal-Unjoni.

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu jkun awtorizzat li jwettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post fuq l-operaturi ekonomiċi direttament jew indirettament ikkonċernati minn dawk il-fondi b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96[6] bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività oħra illegali b’konnessjoni ma’ ftehim tal-għotja jew deċiżjoni jew kuntratt li jikkonċerna l-finanzjament tal-Unjoni.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel u t-tieni subparagrafi, ftehimiet ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u ftehimiet dwar għotjiet u deċiżjonijiet dwar għotjiet u kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditjar, verifiki fuq il-post u spezzjonijiet.

TITOLU III

Regoli dwar in-nazzjonalità u l-oriġini għall-akkwist pubbliku, għotjiet u proċeduri ta’ għoti oħrajn

Artikolu 8

Regoli komuni

1. Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta’ kuntratti ta’ akkwist, għotjiet u proċeduri oħra ta’ għoti għal azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament għall-benefiċċju ta’ partijiet terzi għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta’ pajjiż eliġibbli, u persuni ġuridiċi li huma effettivament stabbiliti fih, kif definit għall-Istrument applikabbli fl-Artikoli li ġejjin ta’ dan it-Titolu, u għall-Organizzazzjonijiet Internazzjonali.

2. Fil-każ ta’ azzjonijiet kofinanzjati b’mod konġunt ma’ sieħeb, jew implimentati permezz ta’ wieħed mill-korpi fdati bil-ġestjoni indiretta, jew implimentati permezz ta’ Fond Fiduċjarju stabbilit mill-Kummissjoni skont ir-Regolament Finanzjarju, il-pajjiżi li huma eliġibbli skont ir-regoli ta’ dak il-korp, kif identifikat fil-ftehimiet konklużi mal-korp ta’ kofinanzjament jew ta’ implimentazzjoni, jew determinati fl-att kostituttiv tal-fond fiduċjarju, għandhom ikunu eliġibbli minkejja r-regoli speċifiċi stipulati fl-Artikoli li ġejjin. Il-korp ta’ kofinanzjament jew implimentazzjoni għandu barra minn hekk jaqbel li japplika r-regoli ta’ eliġibbiltà stabbiliti f’dan ir-Regolament kif speċifikat fil-ftehimiet stess.

3. Fil-każ ta’ azzjonijiet iffinanzjati minn wieħed mill-Istrumenti u, barra minn hekk, minn strument ieħor għal azzjoni esterna, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, jew ta’ azzjonijiet ta’ natura globali, reġjonali jew transkonfinali li jinvolvu wkoll pajjiżi benefiċjarji eliġibbli taħt ir-regoli ta’ dawk l-istrumenti, il-pajjiżi identifikati taħt kwalunkwe wieħed minn dawn l-Istrumenti jistgħu jitqiesu eliġibbli għall-iskop ta’ dik l-azzjoni.

4. Il-provvisti u l-oġġetti kollha mixtrija taħt kuntratt ta’ akkwist, jew skont ftehim ta’ għoti, iffinanzjat taħt dan ir-Regolament għandhom joriġinaw minn pajjiż eliġibbli. Madankollu, huma jistgħu joriġinaw minn kwalunkwe pajjiż meta jkun awtorizzat l-użu tal-proċedura kompetittiva nnegozjata. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “oriġini” huwa ddefinit fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar regoli ta’ oriġini għal finijiet doganali.

5. Ir-regoli f’dan it-Titolu ma japplikawx, u ma joħolqux restrizzjonijiet ta’ nazzjonalità għal, għal persuni fiżiċi impjegati jew ikkuntrattati legalment b’mod ieħor minn kuntrattur eliġibbli jew, fejn applikabbli, sottokuntrattur.

6. Fejn ir-Regolament Finanzjarju jipprovdi għal diskrezzjoni fl-għażla tal-kuntrattur, għandha tingħata prijorità fejn xieraq lill-akkwist lokali u reġjonali.

7. Permezz ta’ deroga mir-regoli l-oħra kollha, l-eliġibbiltà kif definita f’dan it-Titolu tista’ tiġi ristretta fir-rigward tan-nazzjonalità, il-lokalizzazzjoni jew in-natura tal-applikanti, fejn ikun meħtieġ min-natura u l-għanijiet tal-azzjoni u kif meħtieġ għall-implimentazzjoni effettiva tagħha. Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu japplikaw b’mod partikolari għall-parteċipazzjoni fl-għoti tal-proċeduri fil-każ ta’ azzjonijiet ta’ kooperazzjoni transkonfinali.

8. L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati li jingħataw kuntratti għandhom jirrispettaw il-leġiżlazzjoni ambjentali applikabbli inkluż ftehimiet ambjentali multilaterali kif ukoll standards tax-xogħol ewlenin miftiehma internazzjonalment[7].

Artikolu 9

DCI, ENI, PI u INSC

1. L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati mill-pajjiżi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt id-DCI, l-ENI, il-PI u l-INSC:

(a) Stati Membri, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali kif rikonoxxuti mill-Unjoni, u l-membri taż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b) għall-ENI, pajjiżi msieħba koperti mill-ENI u l-Federazzjoni Russa meta l-proċedura rilevanti sseħħ fil-kuntest ta’ programmi ta’ kooperazzjoni bejn diversi pajjiżi u transkonfinali li jipparteċipa fihom;

(c) pajjiżi u territorji li qed jiżviluppaw, kif definit mill-Kumitat ta’ Assistenza għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (‘OECD-DAC’), li mhumiex membri tal-grupp G-20, u pajjiżi u territorji barranin koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill [2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001[8]];

(d) pajjiżi li qed jiżviluppaw kif definit mill-OECD-DAC, li huma membri tal-grupp G-20, u pajjiżi u territorji oħra, meta jkunu benefiċjarji tal-azzjoni ffinanzjata mill-Unjoni taħt l-istrumenti koperti b’dan l-Artikolu;

(e) pajjiżi li għalihom huwa stabbilit aċċess reċiproku għall-assistenza esterna mill-Kummissjoni. L-aċċess reċiproku jista’ jingħata, għal perjodu limitat ta’ mill-inqas sena, kull meta pajjiż jagħti eliġibbiltà fuq termini ugwali lil entitajiet mill-Unjoni u minn pajjiżi eliġibbli taħt l-Istrumenti koperti minn dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-aċċess reċiproku u dwar it-tul ta’ żmien tiegħu skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2), u wara konsultazzjoni mal-pajjiż jew pajjiżi riċevituri kkonċernati, u

(f) Stat Membru tal-OECD-DAC, fil-każ ta’ kuntratti implimentati f’Pajjiż l-Inqas Żviluppat, kif definit mill-OECD-DAC.

2. L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli jew merkanzija ta’ oriġini mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli mill-Kummissjoni fil-każ ta’:

(a)     pajjiżi li tradizzjonalment għandhom rabtiet ekonomiċi, kummerċjali jew ġeografiċi ma’ pajjiżi benefiċjarji ġirien, jew

(b)     implimentazzjoni ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni triangolari ma’ pajjiżi terzi; jew

(c)     urġenza minħabba nuqqas ta’ prodotti u servizzi fis-swieq tal-pajjiżi kkonċernati, jew minħabba każijiet oħrajn debitament sostanzjati fejn ir-regoli tal-eliġibbiltà jagħmlu t-twettiq ta’ proġett, programm jew azzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

3. Għal azzjonijiet implimentati fil-ġestjoni kondiviża, l-Istat Membru rilevanti li l-Kummissjoni tkun iddelegat lilu kompiti ta’ implimentazzjoni huwa intitolat li jaċċetta bħala eliġibbli, f’isem il-Kummissjoni, l-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli skont il-paragrafu 2, jew prodotti ta’ oriġini mhux eliġibbli skont l-Artikolu 8(4).

Artikolu 10

IPA

1. L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati mill-pajjiżi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt l-IPA:

(a) Stati Membri, pajjiżi benefiċjarji koperti mill-IPA, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u pajjiżi msieħba koperti mill-ENI, u

(b) pajjiżi donaturi li jiġi stabbilit għalihom mill-Kummissjoni aċċess reċiproku għall-assistenza esterna taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(1)(e).

2. L-offerenti, l-applikanti u kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli jew merkanzija ta’ oriġini mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli mill-Kummissjoni f’każijiet debitament sostanzjati,

(a) jekk ir-regoli ta’ eliġibbiltà jagħmlu t-twettiq ta’ azzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ prodotti u servizzi fis-swieq tal-pajjiżi kkonċernati, jew urġenza estrema, jew

(b) għall-implimentazzjoni ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni triangolari ma’ pajjiżi terzi.

3. Għal azzjonijiet implimentati fil-ġestjoni kondiviża, l-Istat Membru rilevanti li l-Kummissjoni tkun iddelegat lilu kompiti ta’ implimentazzjoni huwa intitolat li jaċċetta bħala eliġibbli, f’isem il-Kummissjoni, l-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli skont il-paragrafu 2, jew prodotti ta’ oriġini mhux eliġibbli skont l-Artikolu 8(4).

Artikolu 11

IfS u EIDHR

1. Mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet inerenti fin-natura u l-għanijiet tal-azzjoni kif previst fl-Artikolu 8(7), il-parteċipazzjoni fl-għoti ta’ kuntratti jew għotjiet, kif ukoll ir-reklutaġġ ta’ esperti, għandhom ikunu miftuħa mingħajr limitazzjonijiet taħt l-IfS u l-EIDHR.

2. Taħt l-EIDHR il-korpi u l-atturi li ġejjin għandhom ikunu eleġibbli għall-finanzjament skont l-Artikoli 4(1) u 6(1) (c):

(a) organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr qligħ u fondazzjonijiet politiċi indipendenti, organizzazzjonijiet ibbażati fil-Komunità u aġenziji mingħajr qligħ tas-settur privat, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet u netwerks tagħhom fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

(b) aġenziji mingħajr qligħ tas-settur pubbliku, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet u netwerks fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

(c) korpi parlamentari nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, meta jkun neċessarju li jintlaħqu l-għanijiet tal-istrument u l-miżura proposta ma tkunx tista’ tiġi ffinanzjata taħt strument ieħor tal-assistenza esterna tal-Unjoni;

(d) organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali u reġjonali;

(e) persuni fiżiċi, entitajiet mingħajr persunalità legali u, f’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, korpi jew atturi oħra mhux identifikati f'dan il-paragrafu, meta dan ikun neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrument.

Artikolu 12

Evalwazzjonijiet ta’ azzjonijiet

1. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja u tirrevedi regolarment l-azzjonijiet tagħha, u tevalwa r-riżultati tal-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet settorjali, u l-effettività tal-ipprogrammar, fejn xieraq permezz ta’ evalwazzjonijiet esterni indipendenti, sabiex taċċerta jekk l-għanijiet ikunux intlaħqu u biex tkun tista’ tifformula rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li ttejjeb operazzjonijiet futuri.

2. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal informazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jitolbu li jiddiskutu evalwazzjonijiet speċifiċi fil-Kumitati msemmija fl-Artikolu 15. Ir-riżultati għandhom imorru lura għad-disinn tal-ipprogrammar u l-allokazzjoni tar-riżorsi.

3. Il-Kummissjoni għandha tassoċja lill-partijiet interessati rilevanti kollha sa punt xieraq fil-fażi tal-evalwazzjoni tal-assistenza mill-Unjoni pprovduta taħt dan ir-Regolament.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI OĦRA

Artikolu 13

Rapport biennali

1. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ assistenza finanzjarja mwettqa fl-azzjoni esterna u għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport kull sentejn mill-2016 dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati u, sa fejn ikun possibbli, dwar l-eżiti ewlenin u l-impatti ta’ assistenza finanzjarja mill-Unjoni. Dan ir-rapport għandu jiġi sottomess ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

2. Ir-rapport biennali għandu jkollu informazzjoni relatata mas-sena preċedenti dwar il-miżuri ffinanzjati, ir-riżultati ta’ eżerċizzji ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, l-involviment tal-imsieħba relevanti, u l-implimentazzjoni ta’ impenji baġitarji u ta’ approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet. Huwa għandu jevalwa r-riżultati tal-assistenza finanzjarja mill-Unjoni bl-użu, safejn hu possibbli, ta’ indikaturi speċifiċi u miżurabbli tar-rwol tagħha biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrumenti.

Artikolu 14

Azzjoni klimatika u infiq tal-bijodiversità

Il-finanzjament allokat fil-kuntest tal-Istrumenti għandu jkun soġġett għal sistema ta’ rintraċċar annwali fuq il-bażi tal-metodoloġija tal-OECD (‘indikaturi ta’ Rio’), integrata fil-metodoloġija eżistenti għall-ġestjoni tal-prestazzjoni tal-programmi tal-UE, sabiex jiġi kkwantifikat l-infiq relatat mal-azzjoni klimatika u l-bijodiversità fil-livell tal-programmi ta’ azzjoni, miżuri individwali u speċjali msemmija fl-Artikolu 2(1), u rreġistrati fl-evalwazzjonijiet u rapporti biennali. Għandha ssir stima annwali tal-infiq globali relatat ma’ azzjoni klimatika u bijodiversità fuq il-bażi tad-dokumenti adottati ta’ programmar indikattiv.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Kumitati

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitati stabbiliti mill-Istrumenti.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn l-opinjoni tal-kumitat għandha tinkiseb permezz ta’ proċedura bil-miktub, il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fiż-żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat titlob hekk.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn l-opinjoni tal-kumitat għandha tinkiseb permezz ta’ proċedura bil-miktub, il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fiż-żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat titlob hekk.

4. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Id-deċiżjoni adottata għandha tibqa’ fis-seħħ għat-tul ta’ żmien tad-dokument, programm ta’ azzjoni jew miżura adottata jew immodifikata.

Artikolu 16

Reviżjoni u evalwazzjoni tal-Istrumenti

1. Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2017, għandu jiġi stabbilit rapport mill-Kummissjoni fuq il-kisba tal-għanijiet ta’ kull wieħed mill-Istrumenti permezz ta’ indikaturi tar-riżultat u tal-impatt li jkejlu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud Ewropew tal-Istrumenti, fid-dawl ta’ deċiżjoni dwar it-tiġdid, modifika jew sospensjoni tat-tipi ta’ azzjonijiet implimentati taħt l-Istrumenti. Ir-rapport għandu, barra minn hekk, jindirizza l-kamp ta’ applikazzjoni għas-simplifikazzjoni, koerenza interna u esterna, ir-rilevanza kontinwa tal-għanijiet kollha, kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-miżuri għall-prijoritajiet tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dan għandu jikkunsidra kwalunkwe konstatazzjonijiet u konklużjonijiet dwar l-impatt fit-tul tal-Istrumenti.

2. Dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti leġiżlattivi li jintroduċu l-modifiki meħtieġa għall-Istrumenti.

3. Il-valuri tal-indikaturi fl-1 ta’ Jannar 2014 għandhom jintużaw bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-punt sa fejn inkunu ntlaħqu l-għanijiet.

4. Il-pajjiżi msieħba għandhom ikunu meħtieġa mill-Kummissjoni biex jipprovdu d-dejta u l-informazzjoni kollha meħtieġa, b’mod konformi mal-impenji internazzjonali dwar l-effettività tal-għajnuna, sabiex jippermettu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri kkonċernati.

5. L-impatti fit-tul u s-sostenibbiltà tal-effetti tal-Istrumenti għandhom jiġu evalwati skont ir-regoli u l-proċeduri applikabbli dak iż-żmien.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Regolament (UE) Nru 182/2011 Osservatur mill-Bank Ewropew tal-Investiment jista’ jieħu parti fil-proċedimenti tal-Kumitati fir-rigward tal-mistoqsijiet li jikkonċernaw il-Bank, skont ir-regoli tal-proċedura tal-kumitat (ara r-Regoli Standard ta’ Proċedura għall-Kumitati, ĠU C 206, 12.7.2011, p.11).

[2]               Kif imsemmi fil-premessa 6.

[3]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[4]               Attwalment ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal- 25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

[5]               Attwalment ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1).

[6]               ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

[7]               L-istandards tax-xogħol ewlenin tal-ILO, konvenzjonijiet dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv, l-eliminazzjoni ta’ xogħol furzat jew obbligatorju, l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjieg u l-okkupazzjoni u l-abolizzjoni tat-tħaddim tat-tfal.

[8]               ĠU L 314 tat-30.11.2001, p. 1

Top