EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0800

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajdbejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik

/* KUMM/2011/0800 finali - 2011/0377 (NLE) */

52011PC0800

/* KUMM/2011/0800 finali - 2011/0377 (NLE) */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajdbejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fuq il-bażi tal-mandat rilevanti tal-Kunsill[1], il-Kummissjoni nnegozjat mar-Repubblika tal-Możambik f’isem l-Unjoni Ewropea bil-għan li ġġedded il-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik. Wara dawn in-negozjati, fit-2 ta’ Ġunju 2011 ġie inizjalat Protokoll ġdid li jkopri perjodu ta’ tliet snin li jibda meta tiġi adottata d-Deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll u wara li jiskadi l-Protokoll attwali fil-31 ta’ Diċembru 2011.

Din il-proċedura qed tinbeda b’mod parallel mal-proċeduri rigward id-Deċiżjoni tal-Kunsill, bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, dwar il-konklużjoni tal-Protokoll il-ġdid, u r-Regolament tal-Kunsill dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt dan il-Protokoll bejn l-Istati Membri.

Il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-Kummissjoni kienet ibbażata sostanzjalment fuq ir-riżultati ta’ evalwazzjoni ex post tal-Protokoll attwali li twettqet minn esperti esterni f’April 2011.

Il-Protokoll il-ġdid huwa konformi mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd li jimmira li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Możambik u li jippromwovi qafas ta’ sħubija għall-iżvilupp ta’ politika sostenibbli tas-sajd u għall-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Możambik, fl-interess taż-żewġ Partijiet.

Iż-żewġ Partijiet qablu li jikkooperaw bil-għan li jimplimentaw il-politika settorjali tas-sajd tal-Możambik u għal dak il-għan se jkomplu d-djalogu politiku dwar l-ipprogrammar rilevanti.

Il-Protokoll il-ġdid jipprovdi għal kontribuzzjoni finanzjarja totali ta’ EUR 2 940 000 għall-perjodu kollu. Dan l-ammont jikkorrispondi għal: a) EUR 520 000 fis-sena ekwivalenti għal tunnellaġġ annwali ta’ referenza ta’ 8 000 tunnellata, u b) EUR 460 000 fis-sena, li jikkorrispondu għall-pakkett addizzjonali mħallas mill-Unjoni sabiex tappoġġa l-politika tas-sajd u dik marittima tal-Możambik. Għalhekk, il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali mħallsa mill-baġit tal-Unjoni hija ta’ EUR 980 000. L-opportunitajiet tas-sajd għall-flotta tat-tonn tal-Unjoni se jkunu disponibbli għal 43 bastiment tas-sajd bil- purse seine u għal 32 bastiment tas-sajd bil-konz, jiġifieri għal għadd totali ta’ 75 bastiment.

Il-Kummissjoni qiegħda tintalab tadotta din il-proposta u tibgħatha lill-Kunsill.

2011/0377 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[2],

Billi:

1. Fit-22 ta’ Novembru 2007 il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1446/2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik[3],

2. Il-Protokoll għal dak il-Ftehim ta’ Sħubija, li huwa fis-seħħ bħalissa, jiskadi fil-31°ta’°Diċembru°2011,

3. L-Unjoni nnegozjat mal-Możambik Protokoll ġdid għal dak il-Ftehim ta’ Sħubija, li jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet li fihom il-Możambik għandu s-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni fir-rigward tas-sajd. Sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet tas-sajd mill-bastimenti tal-Unjoni, il-Protokoll jipprovdi għall-applikazzjoni provviżorja tiegħu skont l-Artikolu°13 tiegħu,

4. B’riżultat ta’ dawn in-negozjati, fit-2 ta’ Ġunju 2011 ġie inizjalat Protokoll,

5. Il-Protokoll il-ġdid għandu jiġi ffirmat u għandu jiġi applikat b’mod provviżorju sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni formali tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik b’dan qed jiġi approvat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu°2 Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument tas-setgħat kollha biex jiffirma l-Protokoll, suġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna jew il-persuni indikati min-negozjatur tal-Protokoll.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat b’mod provviżorju, skont l-Artikolu°13 tiegħu, sakemm jidħol fis-seħħ.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

PROTOKOLL

Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik

Artikolu 1 Il-perjodu ta’ applikazzjoni u l-opportunitajiet tas-sajd

1. Għal perjodu taż-żmien ta’ tliet snin, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd għandhom ikunu kif ġejjin:

L-ispeċijiet li jpassu ħafna (l-ispeċijiet imniżżlin fl-Anness 1 għall-Konvenzjoni tal-1982 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar)

6. 43 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni li jbaħħar fl-oċeani, u

7. 32 bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika suġġett għall-Artikoli 5 u 6 ta’ dan il-Protokoll.

3. Skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd u l-Artikolu 7 ta’ dan il-Protokoll, il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jistgħu jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Możambik biss jekk ikunu fuq il-lista tal-bastimenti tas-sajd awtorizzati tal-IOTC u jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Protokoll skont l-Anness tiegħu.

Artikolu 2 Kontribuzzjoni finanzjarja – Metodi tal-ħlas

1. Għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1, il-kontribuzzjoni finanzjarja totali msemmija fl-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd għandha tkun ta’ EUR 2 940 000 għat-tul ta’ żmien kollu ta’ dan il-Protokoll.

2. Din il-kontribuzzjoni finanzjarja totali għandha tiġbor fiha:

8. ammont annwali ta’ EUR 520 000 għall-aċċess għaż-żona tas-sajd tal-Możambik, li huwa ekwivalenti għal tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 8 000 tunnellata fis-sena, u

9. ammont speċifiku ta’ EUR 460 000 fis-sena għall-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd u dik marittima tal-Możambik.

3. Il-paragrafu 1 għandu japplika suġġett għall-Artikoli 3, 5, 6, 8 u 9 ta’ dan il-Protokoll.

4. L-Unjoni Ewropea għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 bir-rata ta’ EUR 980 000 fis-sena matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, li tikkorrispondi għall-ammont totali stabbilit fil-paragrafi 2(a) u 2(b) ta’ dan l-Artikolu (jiġifieri EUR 520 000 u EUR 460 000 rispettivament).

5. Jekk il-kwantità totali ta’ tonn maqbud mill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fiż-żona tas-sajd tal-Możambik taqbeż it-8 000 tunnellata fis-sena, l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għad-drittijiet tal-aċċess għandu jkun ta’ EUR 65 għal kull tunnellata addizzjonali maqbuda. Madankollu, l-ammont totali annwali mħallas mill-Unjoni Ewropea ma għandux ikun iktar mid-doppju tal-ammont indikat fil-paragrafu 2(a) (jiġifieri EUR 1 040 000). Meta l-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fiż-żona tas-sajd tal-Możambik jaqbżu l-kwantitajiet li jikkorrispondu għad-doppju tal-ammont totali annwali, l-ammont dovut għall-kwantità li tkun ogħla minn dak il-limitu għandu jitħallas is-sena ta’ wara skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness.

6. Il-ħlas għandu jsir sa mhux iktar tard minn 60 jum wara l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Protokoll kif imsemmi fl-Artikolu 15 għall-ewwel sena, u sa mhux iktar tard mid-data tal-anniversarju ta’ dan il-Protokoll għas-snin ta’ wara.

7. Il-Możambik għandu jkollu diskrezzjoni sħiħa dwar l-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja speċifikata fl-Artikolu 2(2)(a).

8. Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titħallas jew tiġi ttrasferita fil-kont uniku tat-Teżor ċentrali. L-awtoritajiet tal-Możambik għandhom jipprovdu n-numru tal-kont.

Artikolu 3 Il-promozzjoni ta’ sajd responsabbli u ta’ sajd sostenibbli fl-ilmijiet tal-Możambik

1. Malli dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ u mhux aktar tard minn tliet xhur wara dik id-data, l-Unjoni Ewropea u l-Możambik għandhom jiftehmu, fil-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd, dwar programm settorjali multiannwali, skont il-Pjan Regolatorju għas-Sajd tal-Możambik u l-qafas politiku tal-Kummissjoni Ewropea, u r-regoli ddettaljati ta’ implimentazzjoni li jkopru, b’mod partikolari:

(a) il-linji gwida annwali u multiannwali għall-użu tal-ammont speċifiku tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(b);

(b) l-għanijiet, kemm dawk annwali kif ukoll dawk multiannwali, li għandhom jintlaħqu bil-għan li jiġi introdott is-sajd responsabbli u s-sajd sostenibbli, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet espressi mill-Możambik fil-politika nazzjonali tas-sajd tiegħu u politiki oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-promozzjoni tas-sajd responsabbli u tas-sajd sostenibbli, inklużi ż-żoni tal-baħar protetti, jew li għandhom impatt fuq din il-promozzjoni;

(c) il-kriterji u l-proċeduri, fosthom, fejn ikun xieraq, l-indikaturi baġitarji u finanzjarji, sabiex issir l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba kull sena.

2. Kwalunkwe emenda proposta għall-programm settorjali multiannwali trid tiġi approvata miż-żewġ Partijiet fil-Kumitat Konġunt.

3. Kull sena l-Możambik jista’ jalloka, jekk ikun meħtieġ, ammont addizzjonali mal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(b), bil-għan li jiġi implimentat il-programm multiannwali. L-Unjoni Ewropea għandha tiġi mgħarrfa b’din l-allokazzjoni.

Artikolu 4 Il-kooperazzjoni xjentifika dwar is-sajd responsabbli

1. Iż-żewġ Partijiet qed jimpenjaw ruħhom li jippromwovu s-sajd responsabbli fl-ilmijiet tal-Możambik abbażi tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni bejn il-flotot differenti li jkunu qed jistadu f’dawk l-ilmijiet.

2. Sakemm idum japplika dan il-Protokoll, l-Unjoni Ewropea u l-Możambik se jfittxu li jimmonitorjaw il-qagħda tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Możambik.

3. Iż-żewġ Partijiet se jfittxu li jirrispettaw ir-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (l-IOTC) u l-parir tal-grupp konġunt ta’ ħidma xjentifika previst fl-Artikolu 4(2) tal-Ftehim dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni responsabbli tas-sajd.

4. Skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet meħudin fl-IOTC u tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli u, fejn ikun xieraq, tar-riżultati tal-laqgħa xjentifika konġunta prevista fl-Artikolu 4 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd, iż-żewġ Partijiet jistgħu jikkonsultaw lil xulxin fil-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd u, fejn ikun meħtieġ, jiftehmu dwar il-miżuri sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd tal-Możambik.

5. F’każ li bastimenti tal-UE jħottu l-qabda tagħhom f’pajjiżi terzi, l-awtoritajiet tal-Możambik se jkollhom il-possibbiltà li josservaw dawn l-operazzjonijiet ta’ ħatt.

Artikolu 5 L-aġġustament tal-opportunitajiet tas-sajd permezz ta’ ftehim reċiproku

1. L-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu aġġustati bi ftehim reċiproku sakemm ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-IOTC u l-grupp konġunt ta’ ħidma xjentifika jimplikaw li aġġustament bħal dan se jiżgura l-ġestjoni sostenibbli tat-tonn u ta’ speċijiet oħra simili għat-tonn fl-Oċean Indjan.

2. F'dan il-każ, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) għandha tiġi aġġustata b’mod proporzjonat u pro rata temporis . Madankollu, l-ammont annwali totali mħallas mill-Unjoni Ewropea ma għandux ikun iktar mid-doppju tal-ammont indikat fl-Artikolu 2(2)(a).

3. Iż-żewġ Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin b’kull bidla fil-politika u fil-leġiżlazzjoni tas-sajd rispettiva tagħhom.

Artikolu 6 Opportunitajiet ġodda tas-sajd

1. F’każ li bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea jkunu interessati jwettqu sajd li mhux previst fl-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin qabel ma tingħata kwalunkwe awtorizzazzjoni possibbli għal kull attività bħal din u, fejn ikun xieraq, għandhom jiftehmu dwar il-kundizzjonijiet għal sajd bħal dan, inkluż li jwettqu l-emendi korrispondenti għal dan il-Protokoll u għall-Anness tiegħu.

2. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu s-sajd sperimentali, speċjalment b’rabta mal-ispeċijiet li jgħixu fl-ilmijiet fondi li mhumiex sfruttati biżżejjed, li hemm fl-ilmijiet tal-Możambik. Għal dan il-għan, u fuq it-talba ta’ waħda minnhom, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin bil-għan li jiddeċiedu, każ b’każ, l-ispeċijiet, il-kundizzjonijiet u l-parametri l-oħrajn li huma rilevanti.

3. Il-Partijiet għandhom iwettqu s-sajd sperimentali skont il-parametri li jiġu miftehma bejn iż-żewġ Partijiet fi ftehim amministrattiv fejn dan ikun xieraq. L-awtorizzazzjonijiet għas-sajd sperimentali għandhom jiġu miftehma għal perjodu massimu ta’ sitt xhur.

4. F’każ li l-Partijiet iqisu li l-kampanji sperimentali jkunu taw riżultati pożittivi, il-Gvern tal-Możambik jista’ jalloka l-possibbiltajiet tas-sajd tal-ispeċijiet il-ġodda lill-flotta tal-Unjoni Ewropea sa ma jiskadi dan il-Protokoll. Għalhekk il-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ dan il-Protokoll għandu jiżdied. Il-ħlasijiet u l-kundizzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti kif previsti fl-Anness għandhom jiġu emendati skont dan.

Artikolu 7 Il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd – Il-klawżola tal-esklużività

Bla ħsara għall-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd, il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea jistgħu jistadu fl-ilmijiet tal-Możambik biss jekk ikollhom awtorizzazzjoni valida għas-sajd maħruġa mill-Możambik skont dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu.

Artikolu 8 Is-sospensjoni u r-reviżjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1. Minkejja d-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 9 ta’ dan il-Protokoll, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) u (b) għandha tiġi riveduta jew sospiża wara konsultazzjoni bejn iż-żewġ Partijiet:

a) jekk, fiż-żona tas-sajd tal-Możambik, ma jkunux jistgħu jsiru attivitajiet tas-sajd għal raġunijiet minbarra fenomeni naturali;

b) wara tibdil sinifikanti fil-linji gwida tal-politika ta’ waħda miż-żewġ Partijiet li jaffettwa d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Protokoll.

2. Ir-riżultati tal-appoġġ tal-politika settorjali u l-prestazzjonijiet tal-valur għall-flus se jiġu vvalutati mill-Gvern tal-Możambik jew minn evalwatur estern li għandu jitqabbad mill-Gvern tal-Możambik. Ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni annwali se jiġu analizzati fil-qafas tal-Kumitat Konġunt kif previst fl-Artikolu 3 ta’ dan il-Protokoll. Konsegwentement, jekk jinstab li l-prestazzjonijiet tal-appoġġ tal-politika settorjali jkunu inkonsistenti b’mod materjali mal-programm ibbaġitjat, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tissospendi, totalment jew parzjalment, il-ħlas tal-kontribuzzjoni speċifika prevista fl-Artikolu 2(2)(b).

3. Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finzanzjarja u/jew l-attivitajiet tas-sajd jistgħu jerġgħu jibdew hekk kif is-sitwazzjoni terġa’ tmur lura għall-istat ta’ qabel ma jkunu seħħew iċ-ċirkustanzi msemmija hawn fuq, u jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir dan wara konsultazzjoni.

Artikolu 9 Is-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-Protokoll

1. L-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll għandha tiġi sospiża fuq inizjattiva ta’ waħda mill-Partijiet, suġġett għal konsultazzjonijiet u qbil bejniethom fil-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim:

a) jekk ċirkustanzi eċċezzjonali, minbarra fenomeni naturali, jżommu l-attivitajiet tas-sajd milli jsiru fiż-żona tas-sajd tal-Możambik;

b) f’każ li l-Unjoni Ewropea tonqos milli tagħmel il-ħlasijiet previsti fl-Artikolu 2(2)(a) għal raġunijiet li mhumiex koperti mill-Artikolu 8 ta’ dan il-Protokoll;

c) fejn tinqala’ tilwima bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu li għaliha ma tistax tinstab soluzzjoni;

d) jekk waħda mill-Partijiet ma tirrispettax id-dispożizzjonijiet stipulati f’dan il-Protokoll u fl-Anness tiegħu;

e) wara tibdil sinifikanti fil-linji gwida tal-politika ta’ waħda mill-Partijiet li jaffettwa d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Protokoll;

f) jekk waħda mill-Partijiet issir taf b’ċertezza li kien hemm ksur ta’ elementi fundamentali u essenzjali tad-drittijiet umani kif stipulati fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Kotonù, u skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 8 u 96 tiegħu;

g) f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol kif previst fl-Artikolu 3(5) tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd.

2. Is-sospensjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll għandha teħtieġ notifika bil-miktub mill-Parti kkonċernata tal-intenzjoni tagħha li għandha tingħata mill-inqas tliet xhur qabel id-data meta din is-sospensjoni tkun se tidħol fis-seħħ.

3. Fil-każ ta’ sospensjoni tal-implimentazzjoni, il-Partijiet għandhom ikomplu bil-konsultazzjonijiet bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni bonarja għat-tilwima tagħhom. Fejn tinstab soluzzjoni bħal din, il-Protokoll għandu jerġa’ jibda jiġi implimentat u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jitnaqqas b’mod proporzjonat u pro rata temporis skont il-perjodu li fih kienet sospiża l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 10 Il-liġi nazzjonali

1. L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet tal-Możambik huma suġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti tal-Możambik, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan il-Protokoll u fl-Anness tiegħu.

2. L-awtoritajiet tal-Możambik għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni Ewropea b’kull tibdil jew b’kull leġiżlazzjoni ġdida fir-rigward tal-politika tas-sajd.

Artikolu 11 Il-kunfidenzjalità

Il-Partijiet għandhom jiżguraw li, f’kull waqt, id-dejta kollha dwar il-bastimenti tal-UE u l-attivitajiet tas-sajd tagħhom fl-ilmijiet tal-Możambik tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali. Din id-dejta tintuża esklużivament għall-implimentazzjoni tal-Ftehim u għall-finijiet tal-ġestjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti.

Artikolu 12 L-iskambju elettroniku tad-dejta

Il-Możambik u l-Unjoni Ewropea se jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw mingħajr dewmien is-sistemi meħtieġa għall-iskambju elettroniku tal-informazzjoni u d-dokumenti kollha marbutin mal-implimentazzjoni tal-Ftehim. F’kull waqt, il-forma elettronika ta’ dokument se titqies bħala ekwivalenti għall-verżjoni stampata tiegħu.

Iż-żewġ Partijiet għandhom jgħarrfu mill-ewwel lil xulxin dwar kwalunkwe disturb fis-sistema tal-kompjuter li ma jħallix li jsiru skambji bħal dawn. F’dawk iċ-ċirkustanzi, l-informazzjoni u d-dokumenti marbutin mal-implimentazzjoni tal-Ftehim għandhom jinbidlu b’mod awtomatiku bil-verżjoni stampata tagħhom, kif iddefinit fl-Anness.

Artikolu 13 It-tul ta’ żmien

Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu japplikaw għal perjodu ta’ tliet snin minn meta l-Protokoll jibda jiġi applikat b’mod provviżorju skont l-Artikolu 15, sakemm ma jingħatax avviż tat-terminazzjoni skont l-Artikolu 14.

Artikolu 14 It-terminazzjoni

1. F’każ ta’ terminazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Parti kkonċernata għandha tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li ttemm il-Protokoll mill-inqas sitt xhur qabel id-data meta għandha sseħħ it-tali terminazzjoni.

2. Il-konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet għandhom jinbdew hekk kif tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu ta’ qabel.

Artikolu 15 L-applikazzjoni provviżorja

Dan il-Protokoll għandu jiġi applikat b’mod provviżorju mid-data li fiha jiġi ffirmat, iżda mhux qabel l-1 ta’ Jannar 2012.

Artikolu 16 Id-dħul fis-seħħ

Dan il-Protokoll, flimkien mal-Anness tiegħu, għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li jkunu tlestew il-proċeduri meħtieġa għal dak il-għan.

ANNESS

KUNDIZZJONIJIET GĦALL-EŻERĊIZZJU TAL-ATTIVITAJIET TAS-SAJD MILL-BASTIMENTI TAL-UNJONI EWROPEA FIŻ-ŻONA TAS-SAJD TAL-MOŻAMBIK

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

1. Ħatra tal-awtorità kompetenti

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness u minkejja kull indikazzjoni għall-kuntrarju, kull referenza għall-Unjoni Ewropea (UE) jew għall-Możambik bħala awtorità kompetenti għandha tfisser:

- Għall-UE: il-Kummissjoni Ewropea, fejn applikabbli permezz tad-delegazzjoni tal-UE fil-Możambik;

- Għall-Możambik: il-Ministeru tas-Sajd.

2. Iż-żona tas-sajd tal-Możambik

Id-dispożizzjonijiet kollha tal-Protokoll u l-Anness tiegħu japplikaw esklużivament fiż-żona tas-sajd tal-Możambik kif indikat fl-Appendiċi 2.

3. Il-ħatra ta’ aġent lokali

Kull bastiment tal-UE li jkun beħsiebu jikseb awtorizzazzjoni tas-sajd skont dan il-Protokoll għandu jiġi rrappreżentat minn destinatarju li jkun residenti fil-Możambik.

4. Kont bankarju

Il-Możambik għandu jgħarraf lill-UE, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll, id-dettalji tal-kont jew tal-kontijiet bankarji li fihom għandhom jitħallsu s-somom finanzjarji dovuti mill-bastimenti tal-UE skont il-Ftehim. L-ispejjeż inerenti marbutin mat-trasferimenti bankarji għandhom jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti.

KAPITOLU II

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għat-tonn

1. Kundizzjoni għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd għat-tonn – bastimenti eliġibbli

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għat-tonn imsemmija fl-Artikolu 6 tal-Ftehim għandhom jinħarġu bil-kundizzjoni li l-bastiment jiġi inkluż fir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd tal-UE fil-lista tal-bastimenti tas-sajd awtorizzati tal-IOTC u li jkunu ntlaħqu l-obbligi l-oħra kollha ta’ qabel tas-sid tal-bastiment, tal-kaptan, jew tal-bastiment innifsu li jkunu ġejjin mill-attivitajiet tas-sajd fil-Możambik skont il-Ftehim u skont il-leġiżlazzjoni tal-Możambik dwar is-sajd.

2. Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għas-sajd

L-UE għandha tissottometti applikazzjoni lill-Możambik għal awtorizzazzjoni għas-sajd għal kull bastiment li jkun jixtieq jistad skont il-Ftehim mill-inqas 20 jum tax-xogħol qabel jibda l-perjodu ta’ validità mitlub, billi tuża l-formola mehmuża ma’ dan l-Anness bħala l-Appendiċi 1. L-applikazzjoni għandha tiġi ttajpjata jew miktuba b’mod li tkun tista tinqara b’ittri kapitali.

Għal kull applikazzjoni tal-bidu għal awtorizzazzjoni għas-sajd abbażi tal-Protokoll fis-seħħ, jew wara tibdil tekniku fil-bastiment ikkonċernat, l-applikazzjoni għandu jkollha magħha:

i. il-prova tal-ħlas tat-tariffa tal-ħlas minn qabel għall-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd mitluba;

ii. l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt:

- ta’ sid il-bastiment tas-sajd;

- tal-operatur tal-bastiment tas-sajd;

- tad-destinatarju lokali għall-bastiment, fejn ikun hemm wieħed;

iii. ritratt riċenti bil-kulur tal-bastiment, li juri veduta laterali tiegħu, li jkun kbir mill-inqas 15-il ċentimetru b’10 ċentimetri;

iv. iċ-ċertifikat ta’ kemm il-bastiment ikun jiflaħ jivvjaġġa;

v. iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment;

vi. iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-bastiment, maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-UE;

vii. id-dettalji ta’ kuntatt tal-bastiment tas-sajd (in-numru tal-faks, l-indirizz elettroniku, eċċ.).

Għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd skont il-Protokoll fis-seħħ għal bastiment li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu ma jkunux inbidlu, l-applikazzjoni għat-tiġdid għandu jkollha magħha biss il-prova tal-ħlas tat-tariffa.

3. Tariffa tal-ħlas minn qabel

L-ammont tat-tariffa tal-ħlas minn qabel hija stabbilita abbażi tar-rata annwali speċifikata fid-dokumenti tekniċi inklużi fl-Appendiċi 2 għal dan l-Anness. Għandha tinkludi t-taxxi lokali u nazzjonali kollha, minbarra t-taxxi portwali, it-taxxi tal-ħatt, it-taxxi tat-trasbord u t-taxxi għall-provvista tas-servizzi.

4. Lista provviżorja tal-bastimenti awtorizzati li jistadu

Ladarba jirċievi l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għas-sajd, il-korp nazzjonali responsabbli għas-superviżjoni tal-attivitajiet tas-sajd għandu jfassal minnufih, għal kull kategorija ta’ bastimenti, il-lista provviżorja ta’ bastimenti li jkunu qegħdin japplikaw. Din il-lista għandha tintbagħat minnufih lill-UE mill-awtorità kompetenti tal-Możambik.

L-UE għandha tgħaddi l-lista provviżorja lil sid il-bastiment jew lid-destinatarju. Jekk l-uffiċċji tal-UE jkunu magħluqa, il-Możambik jista’ jibgħat il-lista provviżorja direttament lil sid il-bastiment jew lid-destinatarju tiegħu u jibgħat kopja lill-UE.

5. Ħruġ tal-awtorizzazzjoni għas-sajd

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti kollha għandhom jinħarġu mill-awtorità kompetenti għas-sidien tal-bastimenti jew għad-destinatarji tagħhom fi żmien 15-il jum minn meta tasal l-applikazzjoni sħiħa. Kopja ta’ din l-awtorizzazzjoni għas-sajd għandha tintbagħat minnufih lid-Delegazzjoni tal-UE.

6. Lista tal-bastimenti li jkunu awtorizzati jistadu

Ladarba tinħareġ l-awtorizzazzjoni għas-sajd, il-korp nazzjonali responsabbli għas-superviżjoni tal-attivitajiet tas-sajd għandu jfassal minnufih, għal kull kategorija ta’ bastimenti, il-lista finali ta’ bastimenti li jkunu awtorizzati jistadu fiż-żona tas-sajd tal-Możambik. Din il-lista għandha tintbagħat minnufih lill-UE u għandha tieħu post il-lista provviżorja msemmija hawn fuq.

7. Perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni għas-sajd

L-awtorizzazzjonijiet għas-sajd għandhom ikunu validi għal sena u għandhom ikunu jistgħu jiġġeddu.

Sabiex jiġi stabbilit il-bidu tal-perjodu ta’ validità, il-perjodu annwali għandu jfisser:

i. għall-ewwel sena tal-applikazzjoni tal-Protokoll, il-perjodu bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena;

ii. wara, kull sena kalendarja sħiħa;

ii. għall-aħħar sena tal-applikazzjoni tal-Protokoll, il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u d-data tal-iskadenza tal-Protokoll.

Għall-ewwel u għall-aħħar sena tal-Protokoll, it-tariffa tal-ħlas minn qabel għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta’ pro rata temporis .

8. Dokumenti li għandhom jinżammu abbord

Waqt li bastiment tas-sajd ikun fl-ilmijiet tal-Możambik jew f’port tal-Możambik, għandu jkollu abbord f’kull ħin id-dokumenti li ġejjin:

10. l-awtorizzazzjoni għas-sajd;

11. id-dokumenti maħruġin minn awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera tat-tali bastiment tas-sajd, li juru:

- in-numru li taħtu jkun irreġistrat il-bastiment tas-sajd u ċ-ċertifikat tar-reġistru tal-bastiment;

- iċ-ċertifikat ta’ konformità previst mill-Konvenzjoni ta’ Torremolinos tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-IMO);

12. tpinġijiet jew deskrizzjonijiet iċċertifikati aġġornati tal-arranġament tal-bastiment tas-sajd u b’mod partikolari, l-għadd ta’ stivi tal-ħut tal-bastimenti tas-sajd, bil-kapaċità ta’ ħżin espressa f’metri kubi;

13. jekk ikun sar kwalunkwe tibdil fil-karatteristiċi tal-bastiment tas-sajd rigward it-tul kumplessiv tiegħu, it-tunnellaġġ gross irreġistrat tiegħu, il-potenza taż-żwiemel tal-magna ewlenija jew tal-magni ewlenin tiegħu jew il-kapaċità tal-istiva tiegħu, ċertifikat, li jkun ġie ċċertifikat minn awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, li jiddeskrivi n-natura tat-tali tibdil;

14. jekk il-bastiment tas-sajd ikun mgħammar b’tankijiet tal-ilma baħar imkessħa jew iffriżati, dokument iċċertifikat minn awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment li jindika l-kalibrazzjoni tat-tankijiet f’metri kubi;

15. awtorizzazzjoni sabiex isir sajd barra l-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat tal-bandiera maħruġa għall-bastiment tas-sajd;

16. kopja tal-Liġi tal-Możambik dwar is-Sajd (il-Liġi Nru 3/90) u tar-Regolamenti tas-Sajd fil-Baħar (id-Digriet REPMAR Nru 43/2003).

9. Trasferiment tal-awtorizzazzjoni għas-sajd

L-awtorizzazzjoni għas-sajd għandha tinħareġ għal bastiment partikolari u ma għandhiex tkun trasferibbli.

Madankollu, fejn ikun hemm provi ta’ forza maġġuri, wara talba tal-UE, l-awtorizzazzjoni tas-sajd ta’ bastiment tista’ tinbidel b’awtorizzazzjoni ġdida, maħruġa għal bastiment ieħor simili jew għal bastiment li jissostitwixxih, mingħajr il-pagament ta’ ħlas ġdid minn qabel. F’każ bħal dan, id-dikjarazzjoni tat-tariffi għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni bil-friża u l-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ fil-Kapitolu IV għandha tqis il-qabda totali taż-żewġ bastimenti fiż-żona tal-Możambik.

It-trasferiment għandu jinvolvi l-għoti lura tal-awtorizzazzjoni għas-sajd li tkun se tinbidel minn sid il-bastiment jew mid-destinatarju tiegħu fil-Możambik u t-tfassil minnufih, min-naħa tal-Możambik, tal-awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni mill-aktar fis possibbli. L-awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni għandha tinħareġ mingħajr iktar dewmien lil sid il-bastiment jew lid-destinatarju tiegħu meta l-awtorizzazzjoni li tkun se tinbidel tingħata lura. L-awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li fih l-awtorizzazzjoni li tkun se tinbidel tingħata lura.

Il-Możambik għandu jaġġorna, mill-aktar fis possibbli, il-lista tal-bastimenti li huma awtorizzati jistadu. Il-lista l-ġdida għandha tintbagħat mingħajr dewmien lill-korp nazzjonali responsabbli għas-superviżjoni tas-sajd u lill-UE.

10. Bastimenti ta’ appoġġ

Il-bastimenti ta’ appoġġ għandhom jiġu awtorizzati skont id-dispożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Możambik.

It-tariffa annwali applikabbli tal-liċenzja għall-bastimenti ta’ appoġġ hija ta’ EUR 3 580 fis-sena.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Możambik għandhom jibagħtu l-lista ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet lill-Kummissjoni fuq bażi regolari, permezz tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Możambik.

KAPITOLU III

Miżuri tekniċi

Il-miżuri tekniċi applikabbli għall-bastimenti li jkollhom awtorizzazzjoni għas-sajd, marbutin maż-żona, l-apparat tas-sajd u l-qbid addizzjonali, għandhom jiġu ddefiniti għal kull kategorija tas-sajd fid-dokumenti tekniċi mogħtija fl-Appendiċi 2 għal dan l-Anness.

Il-bastimenti għandhom jirrispettaw il-leġiżlazzjoni tal-Możambik dwar is-sajd u r-riżoluzzjonijiet kollha adottati mill-IOTC (il-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan).

KAPITOLU IV

Rappurtar tal-qbid

1. Definizzjoni tal-vjaġġ tas-sajd

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, it-tul ta’ vjaġġ tas-sajd minn bastiment tal-UE għandu jiġi ddefinit kif ġej:

- il-perjodu li jgħaddi bejn id-dħul fiż-żona tas-sajd tal-Możambik u l-ħruġ minnha, jew

- il-perjodu li jgħaddi bejn id-dħul fiż-żona tas-sajd tal-Możambik u t-trasbord f’port u/jew il-ħatt l-art fil-Możambik.

2. Il-ġurnal tas-sajd

Il-kaptan ta’ bastiment tal-UE li jkun qed jistad skont il-Ftehim għandu jżomm ġurnal tas-sajd tal-IOTC, li l-mudell tiegħu għal kull kategorija tas-sajd jinsab fl-Appendiċi 3 għal dan l-Anness.

Il-ġurnal tas-sajd irid ikun konformi mar-Riżoluzzjoni 08/04 tal-IOTC għall-bastimenti tas-sajd bil-konz u r-Riżoluzzjoni 10/03 tal-IOTC għall-bastimenti tas-sajd bil- purse seines .

Il-ġurnal tas-sajd għandu jimtela mill-kaptan għal kull jum li fih il-bastiment ikun fiż-żona tas-sajd tal-Możambik.

Il-kaptan għandu jikteb kuljum, fil-ġurnal tas-sajd, il-kwantità ta’ kull speċi, identifikata bil-Kodiċi Alfa 3 tal-FAO tagħha, maqbuda u miżmuma abbord, espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, fejn ikun meħtieġ, l-għadd ta’ ħut individwali. Għal kull speċi ewlenija, il-kaptan għandu jsemmi wkoll il-qabda inċidentali.

Il-ġurnal tas-sajd għandu jimtela b’mod li jkun jista’ jinqara, b’ittri kapitali, u għandu jiġi ffirmat mill-kaptan.

Il-kaptan għandu jkun responsabbli għall-preċiżjoni tad-dejta rreġistrata fil-ġurnal tas-sajd.

3. Rappurtar tal-qbid

Il-kaptan għandu jinnotifika l-qabda tal-bastiment billi jibgħat lill-Możambik il-ġurnali tas-sajd tiegħu għall-perjodu li fih kien preżenti fiż-żona tas-sajd tal-Możambik.

Il-ġurnali tas-sajd għandhom jintbagħtu b’wieħed mill-modi li ġejjin:

i. meta bastiment tas-sajd ikun għaddej minn port tal-Możambik, il-kopja oriġinali ta’ kull ġurnal tas-sajd għandha tingħata lir-rappreżentant lokali tal-Możambik, li għandu jikkonferma bil-miktub li rċieva dan id-dokument; kopja tal-ġurnal għandha tingħata lill-grupp ta’ spezzjoni tal-Możambik;

ii. meta bastiment tas-sajd ikun ħiereġ miż-żona tas-sajd tal-Możambik mingħajr ma jgħaddi l-ewwel minn port tal-Możambik, il-kopja oriġinali ta’ kull ġurnal tas-sajd għandha tintbagħat fi żmien sebat ijiem tax-xoghol wara l-wasla fi kwalunkwe port ieħor, u f’kull każ fi żmien 15-il jum tax-xogħol wara t-tluq miż-żona tal-Możambik:

a. bil-posta elettronika, fl-indirizz tal-posta elettronika mogħti mill-korp nazzjonali li jkun qed jissorvelja l-attivitajiet tas-sajd;

b. jew permezz ta’ faks, lin-numru mogħti mill-korp nazzjonali li jkun qed jissorvelja l-attivitajiet tas-sajd;

c. jew permezz tal-ittra mibgħuta lill-korp nazzjonali li jkun qed jissorvelja l-attivitajiet tas-sajd.

Iż-żewġ Partijiet għandhom jistabbilixxu, mill-1 ta’ Jannar 2012, protokoll għall-iskambju elettroniku tad-dejta kollha dwar il-qbid u r-rappurtar ibbażata fuq ġurnal elettroniku: wara, iż-żewġ Partijiet għandhom jippjanaw l-implimentazzjoni tal-protokoll u s-sostituzzjoni tal-verżjoni stampata tar-rappurtar dwar il-qbid b’verżjoni elettronika sal-1 ta’ Lulju 2012.

Il-kaptan għandu jibgħat kopja tal-ġurnali kollha tas-sajd lill-UE u lill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera tiegħu. Għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn u l-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ, il-kaptan għandu jibgħat ukoll kopja tal-ġurnali kollha tas-sajd lill-“Instituto Nacional de Investigação Pesqueira (IIP)” u lil wieħed mill-istituti xjentifiċi li ġejjin:

i. “Institut de recherche pour le développement (IRD)”;

ii. “Instituto Español de Oceanografía (IEO)”;

iii. “IPIMAR (Instituto Português de Investigação Maritima)”.

Ir-ritorn tal-bastiment fiż-żona tal-Możambik fil-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni għas-sajd tiegħu għandu jwassal għal iżjed rappurtar tal-qbid.

Fejn id-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar tal-qbid ma jitħarsux, il-Możambik jista’ jissospendi l-awtorizzazzjoni għas-sajd tal-bastiment ikkonċernat sakemm jinkiseb ir-rapport dwar il-qbid li jkun nieqes u jista’ jippenalizza lil sid il-bastiment skont id-dispożizzjonijiet rilevanti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ. Jekk ir-reat jiġi ripetut, il-Możambik jista’ jirrifjuta li jġedded l-awtorizzazzjoni għas-sajd. Il-Możambik għandu jgħarraf lill-UE minnufih b’kull sanzjoni li tiġi applikata f’dan il-kuntest.

4. Dikjarazzjoni finali tat-tariffi għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn u għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ

Għal kull bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni li jbaħħar fl-oċeani u kull bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ, l-UE għandha tfassal, abbażi tar-rappurtar tal-qbid tiegħu kkonfermat mill-istituti xjentifiċi msemmija hawn fuq, dikjarazzjoni finali tat-tariffi li jkunu jridu jitħallsu mill-bastiment għall-istaġun annwali tiegħu għas-sena kalendarja ta’ qabel.

L-UE għandha tibgħat din id-dikjarazzjoni finali lill-Możambik u lil sid il-bastiment qabel il-31 ta’ Lulju tas-sena li tkun għaddejja. Il-Możambik jista’ jikkuntesta d-dikjarazzjoni finali, abbażi tal-evidenza dokumentata, fi żmien 30 jum tax-xogħol minn meta tintbagħat. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fil-Kumitat Konġunt. Jekk il-Możambik ma joġġezzjonax fi żmien 30 jum tax-xogħol, għandu jitqies li d-dikjarazzjoni finali tkun ġiet adottata.

Fejn id-dikjarazzjoni finali tkun ikbar mit-tariffa b’rata fissa prevista mħallsa biex tinkiseb l-awtorizzazzjoni għas-sajd, sid il-bastiment għandu jħallas il-bilanċ pendenti lill-Możambik sat-30 ta’ Settembru tas-sena li tkun għaddejja. Fejn id-dikjarazzjoni finali tkun inqas mit-tariffa b’rata fissa mistennija, l-ammont li jifdal ma jistax jiġi kklejmjat mill-ġdid minn sid il-bastiment.

KAPITOLU V

Il-ħatt l-art u t-trasbord

It-trasbord fuq il-baħar huwa pprojbit. L-operazzjonijiet kollha tat-trasbord fil-port huma mmonitorjati fil-preżenza ta’ spetturi tas-sajd tal-Możambik.

Il-kaptan ta’ bastiment tal-UE li jkun jixtieq iħott l-art il-qabdiet jew jagħmel operazzjoni ta’ trasbord għandu jinnotifika lill-Możambik, mill-inqas 48 siegħa qabel il-ħatt l-art jew it-trasbord, b’dan li ġej:

a. isem il-bastiment tas-sajd li jkollu jħott il-qabdiet l-art jew jagħmel operazzjoni ta’ trasbord u n-numru tiegħu fir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd tal-IOTC;

b. il-port li fih se jsir il-ħatt l-art jew it-trasbord;

c. id-data u l-ħin skedati għall-ħatt l-art u għat-trasbord;

d. il-kwantità (espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun meħtieġ, l-għadd ta’ ħut individwali) ta’ kull speċi li għandha tinħatt l-art jew li għandha tiġi ttrasbordata (identifikata mill-Kodiċi Alfa 3 tal-FAO tagħha);

e. f’każ ta’ trasbord, isem il-bastiment li jkun se jirċievi l-qabda.

Għall-bastimenti li jkunu se jirċievu l-qabda, mhux iktar tard minn 24 siegħa qabel il-bidu tat-trasbord u fi tmiemu, il-kaptan tal-bastiment tal-ġarr li jkun qed jirċievi l-qabda għandu jgħarraf lill-awtoritajiet tal-Możambik bil-kwantitajiet ta’ tonn u ta’ speċijiet simili għat-tonn li jkunu ġew ittrasbordati fil-bastiment tiegħu u għandu jlesti d-dikjarazzjoni ta’ trasbord u jibgħatha lill-awtorità tal-Możambik fi żmien 24 siegħa.

L-operazzjoni ta’ trasbord hija suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel li tingħata mill-Możambik lill-kaptan jew lid-destinatarju tiegħu fi żmien 24 siegħa wara n-notifika msemmija hawn fuq. L-operazzjoni ta’ trasbord trid titwettaq f’port tal-Możambik li jkun awtorizzat għal dan il-għan.

Il-portijiet tas-sajd magħżula fejn huma permessi operazzjonijiet ta’ trasbord fil-Możambik huma Maputo, Beira u Nacala (portijiet iddikjarati lill-IOTC skont ir-Riżoluzzjoni 10/11 u skont ir-rekwiżiti tal-PSME).

Il-bastimenti tal-UE li jħottu l-qabdiet l-art f’port tal-Możambik għandhom ifittxu li jagħmlu l-qabdiet inċidentali tagħhom disponibbli għall-kumpaniji lokali tal-ipproċessar bil-prezz tas-suq lokali. Fuq talba tal-kumpaniji tas-sajd tal-UE, l-awtoritajiet tal-Możambik għandhom jipprovdu lista u dettalji tal-kuntatt tal-kumpaniji lokali tal-ipproċessar.

In-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha twassal għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet rilevanti previsti taħt il-leġiżlazzjoni tal-Możambik.

KAPITOLU VI

Kontroll

1. Id-dħul fiż-żona u l-ħruġ minnha

Kull dħul fiż-żona tas-sajd tal-Możambik jew ħruġ minnha min-naħa ta’ bastiment tal-UE li jkollu awtorizzazzjoni għas-sajd għandu jiġi nnotifikat lill-Możambik fi żmien tliet sigħat mid-dħul jew mill-ħruġ.

Meta jkun qed jinnotifika d-dħul jew il-ħruġ tiegħu, il-bastiment għandu jinnotifika b’mod partikolari:

i. id-data, il-ħin u l-punt tal-passaġġ skedati;

ii. il-kwantità ta’ kull speċi fil-mira miżmuma abbord, identifikata bil-Kodiċi Alfa 3 tal-FAO tagħha u espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun meħtieġ, l-għadd ta’ ħut individwali;

iii. il-kwantità ta’ kull qabda inċidentali ta’ speċi miżmuma abbord, identifikata bil-Kodiċi Alfa 3 tal-FAO tagħha u espressa f’kilogrammi tal-piż ħaj tagħha jew, jekk ikun meħtieġ, l-għadd ta’ ħut individwali;

iv. il-kwantità ta’ kull qabda inċidentali ta’ speċi mormija lura l-baħar, identifikata bil-Kodiċi Alfa 3 tal-FAO tagħha u espressa f’kilogrammi tal-piż ħaj tagħha jew, jekk ikun meħtieġ, l-għadd ta’ ħut individwali.

Huwa preferibbli li n-notifika tintbagħat bil-posta elettronika jew, jekk dan ma jsirx, permezz ta’ faks, f’indirizz tal-posta elettronika jew lil numru tat-telefown jew numru tal-faks ikkomunikat mill-Możambik, billi tintuża l-formola mehmuża mal-Anness bħala l-Appendiċi 4. Il-Możambik għandu jikkonferma li rċieva din in-notifika minnufih permezz ta’ ittra elettronika jew faks tar-ritorn.

Il-Możambik għandu jgħarraf minnufih lill-bastimenti kkonċernati u lill-UE b’kull tibdil fl-indirizz elettroniku, fin-numru tat-telefown jew fil-frekwenza tat-trażmissjonijiet.

Kwalunkwe bastiment li jinstab jistad fiż-żona tas-sajd tal-Możambik mingħajr ma jkun innotifika l-preżenza tiegħu minn qabel għandu jitqies bhala bastiment tas-sajd mhux awtorizzat.

Kull persuna li tkun qiegħda tikser din id-dispożizzjoni għandha tkun suġġetta għall-pieni u s-sanzjonijiet previsti mil-liġi tal-Możambik dwar is-sajd.

Ir-rapporti tal-qabdiet tad-dħul/tal-ħruġ għandhom jinżammu abbord għal mill-inqas sena mid-data tat-trażmissjoni tar-rapport.

2. Rapport perjodiku tal-qabdiet

Meta bastiment tal-UE jkun qed jopera fl-ilmijiet tal-Możambik, il-kaptan ta’ bastiment tal-UE li jkollu awtorizzazzjoni għas-sajd għandu jinnotifika lill-Awtorità tal-Możambik kull tlett ijiem bil-qabda magħmula fiż-żona tas-sajd tal-Możambik. L-ewwel dikjarazzjoni tal-qbid għandha tibda ħamest ijiem wara d-data tad-dħul fiż-żona tas-sajd tal-Możambik.

Kull ħamest ijiem meta jirrapporta l-qabda perjodika tiegħu, il-bastiment għandu jinnotifika b’mod partikolari:

i. id-data, il-ħin u l-pożizzjoni meta jkun qed isir ir-rappurtar;

ii. il-kwantità ta’ kull speċi fil-mira maqbuda u miżmuma abbord waqt il-perjodu ta’ ħamest ijiem, identifikata mill-Kodiċi Alfa 3 tal-FAO tagħha u espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun meħtieġ, l-għadd ta’ ħut individwali;

iii. il-kwantità ta’ kull qabda inċidentali ta’ speċi miżmuma abbord waqt il-perjodu ta’ ħamest ijiem, identifikata mill-Kodiċi Alfa 3 tal-FAO tagħha u espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun meħtieġ, l-għadd ta’ ħut individwali;

iv. il-kwantità ta’ kull qabda inċidentali ta’ speċi mormija lura l-baħar waqt il-perjodu ta’ ħamest ijiem, identifikata mill-Kodiċi Alfa 3 tal-FAO tagħha u espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun meħtieġ, l-għadd ta’ ħut individwali;

v. il-preżentazzjoni tal-prodott;

vi. Għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bil- purse seines :

- l-għadd ta’ użijiet ta’ purse seines abbażi tal-irkaptu biex jinġema’ l-ħut (l-FAD) li rnexxew mill-aħħar rapport;

- l-għadd ta’ użijiet ta’ purse seines abbażi ta’ ġliba ħut ħielsa li rnexxew mill-aħħar rapport;

- l-għadd ta’ użijiet ta’ purse seines li ma rnexxewx.

vii. Għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-konzijiet:

- l-għadd ta’ użijiet tal-konzijiet mill-aħħar rapport;

- l-għadd ta’ snanar li ntużaw mill-aħħar rapport.

Huwa preferibbli li n-notifika tintbagħat bil-posta elettronika jew, jekk dan ma jsirx, permezz ta’ faks, f’indirizz tal-posta elettronika jew lil numru tat-telefown ikkomunikat mill-Możambik, billi tintuża l-formola mehmuża mal-Anness bħala l-Appendiċi 5. Il-Możambik għandu jgħarraf minnufih lill-bastimenti kkonċernati u lill-UE b’kull tibdil fl-indirizz elettroniku, fin-numru tat-telefown jew fil-frekwenza tat-trażmissjonijiet.

Kwalunwe bastiment li jinstab jistad fiż-żona tas-sajd tal-Możambik mingħajr ma jkun innotifika r-rapport tal-qabda perjodika tiegħu ta’ ħamest ijiem għandu jitqies bħala bastiment tas-sajd mhux awtorizzat. Kull persuna li tkun qiegħda tikser din id-dispożizzjoni għandha tkun suġġetta għall-pieni u s-sanzjonijiet previsti mil-liġi tal-Możambik dwar is-sajd.

Ir-rapporti perjodiċi tal-qabdiet għandhom jinżammu abbord għal mill-inqas sena mid-data tat-trażmissjoni tar-rapport.

3. Spezzjoni fuq il-baħar

L-ispezzjoni fuq il-baħar, fiż-żona tal-Możambik, tal-bastimenti tal-UE li jkollhom awtorizzazzjoni għas-sajd għandha ssir minn bastimenti u spetturi tal-Możambik li jkunu identifikati b’mod ċar bħala bastimenti u spetturi maħtura sabiex iwettqu verifiki tas-sajd.

Qabel ma jitilgħu abbord, l-ispetturi awtorizzati għandhom iwissu lill-bastiment tal-UE bid-deċiżjoni tagħhom li jwettqu spezzjoni. L-ispezzjoni għandha ssir mill-ispetturi tas-sajd, li jridu jipprovdu prova tal-identità u l-pożizzjoni uffiċjali tagħhom bħala spetturi qabel ma jwettqu l-ispezzjoni.

L-ispetturi awtorizzati għandhom jibqgħu abbord il-bastiment tal-UE għall-ħin meħtieġ sabiex iwettqu l-kompiti marbutin mal-ispezzjoni biss. Għandhom iwettqu l-ispezzjoni b’mod li jnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq il-bastiment, l-attività tas-sajd u l-merkanzija tiegħu.

Fi tmiem kull spezzjoni, l-ispetturi awtorizzati għandhom ifasslu rapport tal-ispezzjoni. Il-kaptan tal-bastiment tal-UE għandu d-dritt jagħmel kummenti fir-rapport tal-ispezzjoni. Ir-rapport tal-ispezzjoni għandu jiġi ffirmat mill-ispettur li jkun qed ifasslu u mill-kaptan tal-bastiment tal-UE.

L-ispetturi awtorizzati għandhom jagħtu kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tal-UE qabel ma jħallu l-bastiment. F’każ ta’ ksur, kopja tan-notifika tal-ksur għandha tiġi trażmessa wkoll lill-UE kif previst fil-Kapitolu VIII.

4. Struzzjonijiet ta’qabel is-sajd u spezzjoni ta’ qabel is-sajd

Kull sena kalendarja u qabel ma jwettqu l-attivitajiet tas-sajd, 33 % mill-bastimenti tal-UE li huma awtorizzati jistadu fl-ilmijiet tal-Możambik għandhom jidħlu f’port tal-Możambik għal struzzjonijiet ta’ qabel is-sajd u għal spezzjoni ta’ qabel is-sajd.

Il-lista ta’ bastimenti magħżula li għandha ssirilhom spezzjoni qabel ma jwettqu l-attività tas-sajd tiġi kkomunikata mill-awtorità tal-Możambik lis-sidien tal-bastimenti u kopja tagħha tintbagħat lill-UE. Għall-bastimenti inklużi fil-lista, l-awtorizzazzjoni għas-sajd se tingħata minnufih wara l-ispezzjoni fil-port.

Sid il-bastiment għandu jgħarraf lill-awtorità tal-Możambik 72 siegħa minn qabel dwar il-ħin u l-port magħżul għall-ispezzjoni. L-ispezzjonijiet se jsiru 24 siegħa wara l-wasla fil-port magħżul, jiġifieri f’Maputo, Beira jew Nacala.

Il-Możambik jista’ jawtorizza lill-UE tipparteċipa, bħala osservatur, fl-ispezzjoni fil-port.

Il-kaptan tal-bastiment tal-UE għandu jippermetti lill-ispetturi tal-Możambik iwettqu xogħolhom.

Fi tmiem kull spezzjoni, l-ispettur tal-Możambik għandu jfassal rapport tal-ispezzjoni. Il-kaptan tal-bastiment tal-UE għandu d-dritt jinkludi l-kummenti tiegħu fir-rapport tal-ispezzjoni.

Ir-rapport tal-ispezzjoni għandu jiġi ffirmat mill-ispettur li jkun qed ifasslu u mill-kaptan tal-bastiment tal-UE.

Fi tmiem l-ispezzjoni l-ispetturi tal-Możambik għandhom jagħtu kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tal-UE. Il-Możambik għandu jibgħat kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-UE fi żmien tmint ijiem tax-xogħol minn meta ssir l-ispezzjoni.

5. Spezzjoni fil-port fil-każ tal-ħatt l-art u tat-trasbord

L-ispezzjoni, f’port tal-Możambik, ta’ bastimenti tal-UE li jħottu l-art jew jittrasbordaw il-qabda tagħhom miż-żona tal-Możambik għandha ssir minn spetturi tal-Możambik li jkunu identifikati b’mod ċar bħala spetturi maħtura sabiex iwettqu verifiki tas-sajd.

L-ispetturi għandhom jipprovdu evidenza tal-identità u l-pożizzjoni uffiċjali tagħhom bħala spetturi qabel ma jwettqu l-ispezzjoni. L-ispetturi tal-Możambik għandhom jibqgħu abbord il-bastiment tal-UE għall-ħin meħtieġ sabiex iwettqu l-kompiti marbutin mal-ispezzjoni biss u għandhom iwettqu l-ispezzjoni b’mod li jnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq il-bastiment, il-ħatt l-art jew l-operazzjoni tat-trasbord u l-merkanzija.

Fi tmiem kull spezzjoni, l-ispetturi għandhom ifasslu rapport tal-ispezzjoni. Il-kaptan tal-bastiment tal-UE għandu d-dritt jinkludi l-kummenti tiegħu fir-rapport tal-ispezzjoni. Ir-rapport tal-ispezzjoni għandu jiġi ffirmat mill-ispettur li jkun qed ifasslu u mill-kaptan tal-bastiment tal-UE.

Fi tmiem l-ispezzjoni l-ispetturi tal-Możambik għandhom jagħtu kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tal-UE.

KAPITOLU VII

Sistema ta’ monitoraġġ bis-satellita (VMS)

1. Messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti – is-sistema tal-VMS

Il-bastimenti tal-UE li jkollhom awtorizzazzjoni għas-sajd għandhom ikunu mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ bis-satellita (Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti – VMS) li tippermetti l-komunikazzjoni awtomatika u kontinwa tal-pożizzjoni tagħhom, kull siegħa, liċ-ċentru għall-kontroll tas-sajd (iċ-Ċentru għall-Monitoraġġ tas-Sajd – iċ-ĊMS) tal-Istat tal-bandiera tagħhom.

Kull messaġġ dwar il-pożizzjoni għandu jinkludi:

a. l-identifikazzjoni tal-bastiment;

b. il-pożizzjoni ġeografika l-iżjed riċenti tal-bastiment (il-lonġitudni, il-latitudni), b’marġni ta’ żball tal-pożizzjoni ta’ inqas minn 500 metru, u b’intervall ta’ fiduċja ta’ 99 %;

c. id-data u l-ħin li fiha tkun ġiet irreġistrata l-pożizzjoni;

d. il-veloċità tal-bastiment u d-direzzjoni li fiha jkun qed jivvjaġġa.

Kull messaġġ dwar il-pożizzjoni għandu jiġi kkonfigurat skont il-format inkluż fl-Appendiċi 5 għal dan l-Anness.

L-ewwel pożizzjoni rreġistrata wara d-dħul fiż-żona tal-Możambik għandha tiġi identifikata bil-kodiċi “ENT”. Il-pożizzjonijiet kollha ta’ wara għandhom jiġu identifikati bil-kodiċi “POS”, bl-eċċezzjoni tal-ewwel pożizzjoni rreġistrata wara l-ħruġ miż-żona tal-Możambik, li għandha tiġi identifikata bil-kodiċi “EXI”. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jiżgura l-ipproċessar awtomatiku u, jekk ikun meħtieġ, it-trażmissjoni elettronika tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni. Il-messaġġi dwar il-pożizzjoni għandhom jiġu rreġistrati b’mod sigur u għandhom jinżammu għal perjodu ta’ tliet snin.

2. Trażmissjoni min-naħa tal-bastiment f’każ ta’ ħsara fis-sistema tal-VMS

Il-kaptan għandu jiżgura f’kull ħin li s-sistema tal-VMS tal-bastiment tiegħu tkun qed taħdem bis-sħiħ u li l-messaġġi dwar il-pożizzjoni jkunu qed jiġu trażmessi b’mod korrett liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera.

Il-bastimenti tal-UE b’sistemi tal-VMS difettużi mhumiex awtorizzati jidħlu fiż-żona tas-sajd tal-Możambik.

F’każ ta’ ħsara fis-sistema tal-VMS tal-bastiment meta dan ikun diġà qiegħed jopera fiż-żona tas-sajd tal-Możambik, din is-sistema għandha tissewwa fi tmiem il-vjaġġ jew għandha tinbidel fi żmien għaxart ijiem. Wara dak il-perjodu, il-bastiment ma għandux jibqa’ awtorizzat jistad fiż-żona tal-Możambik.

Il-bastimenti li jkunu qegħdin jistadu fiż-żona tal-Możambik b’sistema tal-VMS difettuża għandhom jikkomunikaw il-messaġġi dwar il-pożizzjoni tagħhom permezz ta’ ittra elettronika jew faks liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u liċ-ĊMS tal-Możambik, mill-inqas kull sagħtejn, u għandhom jipprovdu l-informazzjoni obbligatorja kollha.

3. Komunikazzjoni sigura tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni lill-Możambik

Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat awtomatikament il-messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti kkonċernati liċ-ĊMS tal-Możambik. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u l-Możambik għandhom jiskambjaw l-indirizzi elettroniċi ta’ kuntatt tagħhom u għandhom jgħarrfu minnufih lil xulxin b’kull tibdil f’dawn l-indirizzi.

It-trażmissjoni tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni bejn iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u l-Możambik għandha ssir b’mod elettroniku bl-użu ta’ sistema sigura tal-komunikazzjoni.

Iċ-ĊMS tal-Możambik għandu jgħarraf liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u lill-UE b’kull interruzzjoni fil-wasla tal-messaġġi konsekuttivi dwar il-pożizzjoni minn bastiment li jkollu awtorizzazzjoni għas-sajd, meta l-bastiment ikkonċernat ma jkunx innotifika l-ħruġ tiegħu miż-żona.

4. Funzjonament ħażin tas-sistema ta’ komunikazzjoni

Il-Możambik għandu jiżgura li t-tagħmir elettroniku tiegħu ikun kompatibbli ma’ dak taċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u għandu jgħarraf lill-UE minnufih b’kull nuqqas ta’ funzjonament rigward il-komunikazzjoni u l-wasla tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni bil-għan li tinstab soluzzjoni teknika mill-aktar fis possibbli. Il-Kumitat Konġunt għandu jipprova jsolvi kwalunkwe tilwim li jista’ jirriżulta minn dan.

Il-kaptan għandu jitqies bħala responsabbli għal kull manipulazzjoni ppruvata tas-sistema tal-VMS tal-bastiment li jkollha l-għan li tfixkel l-operat tagħha jew li tiffalsifika l-messaġġi tagħha dwar il-pożizzjoni tal-bastiment. Kull ksur għandu jkun suġġett għall-pieni previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Możambik li tkun fis-seħħ.

5. Reviżjoni tal-frekwenza tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni

Abbażi ta’ evidenza dokumentata li tipprova ksur, il-Możambik jista’ jsaqsi liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera, filwaqt li jibgħat kopja wkoll lill-UE, li jnaqqas l-intervall biex il-bastiment jibgħat il-messaġġi dwar il-pożizzjoni għal kull tletin minuta għall-perjodu stabbilit tal-investigazzjoni. Il-Możambik għandu jibgħat din l-evidenza dokumentata liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u lill-UE. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat minnufih il-messaġġi dwar il-pożizzjoni lill-Możambik fuq il-frekwenza l-ġdida.

Wara, iċ-ĊMS tal-Możambik għandu jinnotifika minnufih liċ-Ċentru tal-Kontroll tal-Istat tal-bandiera u lill-Kummissjoni Ewropea bit-tmiem tal-proċedura ta’ spezzjoni.

Fi tmiem il-perjodu stabbilit tal-investigazzjoni, il-Możambik għandu jgħarraf liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u lill-UE b’kull monitoraġġ li jkun meħtieġ.

KAPITOLU VIII

Ksur tar-regoli

In-nuqqas ta’ ħarsien ta’ kwalunkwe waħda mir-regoli u d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, il-miżuri ta’ ġestjoni u konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar jew il-leġiżlazzjoni tal-Możambik dwar is-sajd jista’ jiġi ppenalizzat b’multi, jew bis-sospensjoni, bir-revoka jew bin-nuqqas ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment.

1. Trattament tal-ksur

Kull ksur imwettaq fiż-żona tas-sajd tal-Możambik minn bastiment tal-UE li jkollu awtorizzazzjoni għas-sajd skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness għandu jissemma f’rapport (tal-ispezzjoni).

Fil-każ ta’ spezzjoni abbord, il-firma tar-rapport tal-ispezzjoni min-naħa tal-kaptan għandha tkun mingħajr ħsara għad-dritt ta’ difiża ta’ sid il-bastiment rigward ksur. Fejn il-kaptan jirrifjuta li jiffirma r-rapport ta’ spezzjoni, huwa għandu jikteb fir-rapport ta’ spezzjoni r-raġunijiet għar-rifjut tiegħu u jniżżel il-frażi “rifjut ta’ firma”.

Għal kull ksur imwettaq fiż-żona tas-sajd tal-Możambik minn bastiment tal-UE li jkollu awtorizzazzjoni għas-sajd in-notifika tal-ksur iddefinit u s-sanzjonijiet marbutin miegħu imposti fuq il-kaptan jew il-kumpanija tas-sajd għandhom jintbagħtu direttament lis-sidien tal-bastimenti wara l-proċeduri stabbiliti fil-Liġi tal-Możambik dwar is-Sajd. Kopja tan-notifika għandha tintbagħat lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment u lill-UE fi żmien 72 siegħa.

2. Detenzjoni tal-bastiment

Meta l-leġiżlazzjoni tal-Możambik li tkun fis-seħħ dwar il-ksur tippermetti dan, kull bastiment tal-UE li jkun wettaq ksur jista’ jiġi mġiegħel iwaqqaf l-attività tas-sajd tiegħu u jirritorna lejn port tal-Możambik, f’każ li jkun qed ibaħħar.

Il-Możambik għandu jinnotifika lill-UE fi żmien 24 siegħa b’kull detenzjoni ta’ bastiment tal-UE li jkollu awtorizzazzjoni għas-sajd. In-notifika għandha tipprovdi r-raġunijiet għall-arrest u/jew għad-detenzjoni.

Qabel ma jieħu kwalunkwe miżura kontra l-bastiment, il-kaptan, l-ekwipaġġ jew il-merkanzija, bl-eċċezzjoni ta’ miżuri mmirati għall-ħarsien tal-evidenza, il-Możambik għandu jaħtar uffiċjal ta’ investigazzjoni u jorganizza, fuq talba tal-UE, fi żmien jum wieħed tax-xogħol min-notifika tad-detenzjoni tal-bastiment, laqgħa ta’ informazzjoni sabiex jiġu ċċarati l-fatti li jkunu wasslu għad-detenzjoni tal-bastiment u sabiex jiġi spjegat x’azzjoni oħra tista’ tittieħed. Rappreżentant tal-Istat tal-bandiera u ta’ sid il-bastiment jista’ jattendi din il-laqgħa ta’ informazzjoni.

3. Pieni għall-ksur – Proċedura ta’ kompromess

Il-piena għall-ksur għandha tiġi stabbilita mill-Możambik skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ.

F’każ li sid il-bastiment ma jaċċettax il-multi, għandha tinbeda proċedura ta’ kompromess qabel ma jitnedew il-proċeduri legali bejn l-awtoritajiet tal-Możambik u l-bastiment tal-UE sabiex il-kwistjoni tiġi solvuta b’mod bonarju. Rappreżentant tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment jista’ jipparteċipa f’din il-proċedura ta’ kompromess. Il-proċedura ta’ kompromess għandha tintemm mill-inqas 72 siegħa wara n-notifika tad-detenzjoni tal-bastiment.

4. Proċedimenti legali – Garanzija bankarja

Jekk il-proċedura ta’ kompromess imsemmija hawn fuq tfalli u l-ksur jitressaq quddiem il-qorti kompetenti, sid il-bastiment li jkun wettaq il-ksur għandu jiddepożita garanzija bankarja f’bank magħżul mill-Możambik, li l-ammont tagħha, kif stabbilit mill-Możambik, ikun ikopri l-ispejjeż marbutin mad-detenzjoni tal-bastiment, il-multa stmata u kwalunkwe kumpens. Il-garanzija bankarja ma tistax tiġi rkuprata qabel ma jkunu ġew konklużi l-proċedimenti legali.

Il-garanzija bankarja għandha tiġi rrilaxxata u mogħtija lura lil sid il-bastiment mingħajr dewmien wara l-qtugħ tas-sentenza:

a. kollha kemm hi, jekk ma tkun ġiet imposta l-ebda piena;

b. skont l-ammont tal-bilanċ li jkun fadal, jekk il-piena tkun multa li tkun iżjed baxxa mill-ammont tal-garanzija bankarja.

Il-Możambik għandu jgħarraf lill-UE bir-riżultat tal-proċedimenti legali fi żmien tmint ijiem minn meta tingħata s-sentenza.

5. Rilaxx tal-bastiment u tal-ekwipaġġ

Il-bastiment u l-ekwipaġġ tiegħu għandhom jiġu awtorizzati jħallu l-port ladarba l-multa tkun tħallset fi proċedura ta’ kompromess, jew ladarba l-garanzija bankarja tkun ġiet iddepożitata.

KAPITOLU IX

Reklutaġġ ta’ baħrin

1. Għadd ta’ baħrin li għandhom jiġu rreklutati

Waqt l-attivitajiet tagħhom fiż-żona tas-sajd tal-Możambik, il-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni tal-UE li jbaħħru fl-oċeani għandhom jirreklutaw mill-inqas żewġ baħrin ikkwalifikati mill-Możambik għal kull bastiment. Il-bastimenti tas-sajd bil-konz għandhom jirreklutaw mill-inqas baħri kkwalifikat wieħed mill-Możambik għal kull bastiment.

Is-sidien tal-bastimenti tal-UE għandhom ifittxu li jirreklutaw iktar baħrin mill-Możambik.

Meta ma jiġi rreklutat l-ebda baħri mill-Możambik, għal kwalunkwe raġuni, is-sidien tal-bastimenti tal-UE għandhom ikunu obbligati jħallsu ammont b’rata fissa li jkun daqs ċifra bbażata fuq l-għadd ta’ jiem li fihom il-bastiment ikun tħaddem fiż-żona tas-sajd tal-Możambik immultiplikat bl-ammont għal kull jum, li huwa stabbilit għal EUR 30 għal kull baħri għal kull bastiment kuljum. Ir-rata fissa għandha titħallas lill-awtoritajiet tal-Możambik sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

Dik is-somma għandha tintuża għat-taħriġ tal-baħrin/tas-sajjieda fil-Możambik u għandha titħallas f’kont speċifikat mill-awtoritajiet tal-Możambik.

2. Għażla ħielsa tal-baħrin

Il-Możambik għandu lista ta’ baħrin ikkwalifikati li jistgħu jiġu rreklutati fuq il-bastimenti tal-UE.

Sid il-bastiment, jew id-destinatarju tiegħu, għandu jagħżel il-baħrin li għandhom jiġu rreklutati b’mod ħieles minn din il-lista u għandu jinnotifika lill-Możambik bl-inklużjoni tagħhom fl-ekwipaġġ.

3. Il-kuntratti tal-baħrin

Il-kuntratt tal-impjieg għandu jitfassal minn sid il-bastiment jew mid-destinatarju tiegħu u l-baħri, li, jekk ikun meħtieġ, jista’ jiġi rrappreżentat mill-unjoni tiegħu, b’kooperazzjoni mal-Możambik. Il-kuntratt għandu jistipula b’mod partikolari d-data u l-port tar-reklutaġġ.

Dawn il-kuntratti għandhom jiżguraw, għall-baħrin, il-kopertura tas-sigurtà soċjali applikabbli għalihom fil-Możambik, inkluża l-assigurazzjoni fuq il-ħajja u l-assigurazzjoni fuq il-mard u l-inċidenti.

Kopja tal-kuntratt għandha tingħata lill-firmatarji.

Id-drittijiet bażiċi tax-xogħol stabbiliti fid-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (l-ILO) għandhom jiġu ggarantiti għall-baħrin mill-Możambik. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-libertà ta’ assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv, u t-tneħħija tad-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u tax-xogħol.

4. Il-pagi tal-baħrin

Il-pagi tal-baħrin mill-Możambik għandhom jitħallsu minn sid il-bastiment. Għandhom jiġu stabbiliti qabel ma tinħareġ l-awtorizzazjoni għas-sajd u bi ftehim reċiproku bejn sid il-bastiment u d-destinatarju tiegħu fil-Możambik.

Il-pagi m’għandhomx ikunu iżjed baxxi minn dawk tal-ekwipaġġi tal-bastimenti nazzjonali u lanqas m’għandhom ikunu iktar baxxi mil-livell stabbilit mill-ILO.

5. L-obbligi tal-baħrin

Il-baħrin għandhom jirrappurtaw għand il-kaptan tal-bastiment li jkunu nħatru għalih fil-jum qabel id-data tar-reklutaġġ stipulata fil-kuntratt tagħhom. Il-kaptan għandu jgħarraf lill-baħri bid-data u l-ħin tar-reklutaġġ. Jekk il-baħri jirtira jew ma jippreżentax ruħu fid-data u l-ħin stipulati għar-reklutaġġ tiegħu, il-kuntratt tiegħu għandu jitqies bħala null u bla effett u sid il-bastiment għandu jiġi eżentat awtomatikament mill-obbligu tiegħu li jirreklutah. F’dan il-każ sid il-bastiment ma għandu jkun suġġett għall-ebda multa jew għall-ħlas ta’ kumpens.

KAPITOLU X

1. Osservazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd

Il-bastimenti kollha tal-UE li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd fil-Możambik għandhom jikkontribwixxu EUR 300 għall-programm tal-osservaturi tas-sajd, li għandhom jitħallsu lill-kont speċifiku tal-awtorità kompetenti, meta japplikaw għall-awtorizzazzjoni tas-sajd. Dan il-fond għandu jintuża biex ikopri l-ispejjeż ta’ ġestjoni u ta’ amministrazzjoni tal-programm tal-osservaturi.

Dan il-programm ta’ osservazzjoni għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet previsti fir-riżoluzzjonijiet adottati mill-IOTC (il-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan).

2. Bastimenti u osservaturi magħżulin

L-awtoritajiet tal-Możambik għandhom jistabbilixxu lista ta’ bastimenti magħżulin biex jieħdu osservatur abbord. Din il-lista għandha tinżamm aġġornata. Għandha tintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea hekk kif tiġi stabbilita.

L-awtoritajiet tal-Możambik għandhom jgħarrfu lis-sidien tal-bastimenti kkonċernati b’isem l-osservaturi magħżulin biex jittellgħu abbord il-bastiment tagħhom sa mhux aktar tard minn 15-il ġurnata qabel id-data tal-imbarkazzjoni ppjanata tal-osservatur.

L-osservaturi m’għandhomx iqattgħu iżjed ħin abbord il-bastiment milli għandhom bżonn biex iwettqu dmirijiethom.

3. Il-paga tal-osservatur

Il-paga u l-kontribuzzjonijiet soċjali tal-osservatur għandhom jitħallsu mill-awtoritajiet tal-Możambik.

4. Kundizzjonijiet tal-imbark

Il-kundizzjonijiet tal-imbark tal-osservatur, b’mod partikolari t-tul ta’ żmien abbord, għandhom jiġu ddefiniti bi ftehim reċiproku bejn sid il-bastiment jew id-destinatarju tiegħu u l-Możambik.

L-osservaturi għandhom jiġu ttrattati bħala uffiċjali. Madankollu, l-ilqugħ tal-osservatur abbord għandu jqis l-istruttura teknika tal-bastiment.

Sid il-bastiment għandu jħallas l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-ikel għall-osservatur abbord il-bastiment.

Il-kaptan għandu jieħu l-miżuri kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu sabiex jiżgura s-sigurtà fiżika u l-benesseri ġenerali tal-osservatur.

L-osservaturi għandhom jingħataw aċċess għal kull faċilita meħtieġa sabiex iwettqu dmirijiethom. Huma għandu jkollhom aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni u għal kwalunkwe dokument abbord, u għad-dokumenti marbutin mal-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment, b’mod partikolari l-ġurnal tas-sajd, il-ġurnal tal-iffriżar u l-ġurnal tan-navigazzjoni, kif ukoll għall-partijiet tal-bastiment marbutin b’mod dirett ma’ dmirijiethom.

5. L-imbark u l-iżbark tal-osservaturi

L-osservatur għandu jimbarka f’port magħżul minn sid il-bastiment.

Sid il-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jinnotifika lill-Możambik, b’perjodu ta’ notifika ta’ għaxart ijiem qabel l-imbarkazzjoni, dwar id-data, il-ħin u l-port tal-imbarkazzjoni tal-osservatur. Jekk l-osservatur jimbarka f’pajjiż barrani, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħu lejn il-port tal-imbarkazzjoni għandhom jitħallsu minn sid il-bastiment.

Jekk l-osservatur ma jasalx għall-imbarkazzjoni fi żmien 12-il siegħa mid-data u l-ħin stabbiliti, sid il-bastiment għandu jinħeles awtomatikament mill-obbligu tiegħu li jippermetti lill-osservatur jimbarka.

Huwa għandu jkun ħieles li jħalli l-port u jibda l-operazzjonijiet tas-sajd.

Meta l-osservatur ma jiżbarkax f’port tal-Możambik, sid il-bastiment għandu jħallas l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-ikel tiegħu meta dan ikun qed jistenna t-titjira tar-ripatrijazzjoni.

6. L-obbligi tal-osservatur

Waqt li jkunu abbord l-osservaturi għandhom:

a. jieħdu l-miżuri x-xierqa kollha sabiex ma jinterrompux jew ifixklu l-operazzjonijiet tas-sajd;

b. jirrispettaw il-proprjetà u t-tagħmir li jkun hemm abbord;

c. jirrispettaw in-natura kunfidenzjali ta’ kull dokument li jappartjeni għall-bastiment.

L-osservaturi għandhom jikkomunikaw l-osservazzjonijiet bir-radju, b’faks jew bil-posta elettronika mill-inqas darba fil-ġimgħa waqt li l-bastiment ikun qed jistad fiż-żona tas-sajd tal-Możambik, inkluż il-kwantità ta’ qbid u qbid inċidentali abbord u kwalunkwe dmir ieħor kif meħtieġ mill-awtorità.

7. Ir-rapport tal-osservatur

Qabel ma jħalli l-bastiment, l-osservatur għandu jissottometti rapport tal-osservazzjonijiet tiegħu lill-kaptan tal-bastiment. Il-kaptan tal-bastiment għandu jkollu d-dritt jagħmel kummenti fir-rapport tal-osservatur. Ir-rapport għandu jiġi ffirmat mill-osservatur u mill-kaptan. Il-kaptan għandu jirċievi kopja tar-rapport tal-osservatur.

L-osservatur għandu jibgħat ir-rapport tiegħu lill-Możambik, li għandu jibgħat kopja tiegħu lill-UE fi żmien 15-il jum tax-xogħol mill-iżbark tal-osservatur.

Appendiċijiet għal dan l-Anness

1. Appendiċi I – Il-formola tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għas-sajd

2. Appendiċi 2 – Id-dokumenti tekniċi

3. Appendiċi 3 – Il-ġurnal tas-sajd

4. Appendiċi 4 – Il-formola tan-notifika tad-dħul/tal-ħruġ

5. Appendiċi 5 – Il-format tal-messaġġ tal-VMS dwar il-pożizzjoni

Appendiċi 1 – Il-formola tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għas-sajd

[pic]

[pic]

Appendiċi 2 – Id-dokumenti tekniċi

DOKUMENT: BASTIMENTI TAS-SAJD GĦAT-TONN BIT-TARTARUNI U BASTIMENTI TAS-SAJD BIL-KONZ TAL-WIĊĊ |

Żona tas-sajd: |

Lil hinn minn tnax-il mil nawtiku mil-linji ta’ bażi. Koordinati ġeografiċi: ara t-tabella ta’ hawn taħt |

Irkaptu awtorizzat: |

Tartaruni Konzijiet tal-wiċċ |

Qabdiet inċidentali: |

Konformità mar-Riżoluzzjonijiet tal-IOTC |

Tunnellaġġ awtorizzat/Tariffi: |

Għadd ta’ bastimenti awtorizzati jistadu | Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni li jbaħħru fl-oċeani: 43 Bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ: 32 |

Tariffa annwali tal-ħlas minn qabel: | EUR 5 100 għal kull bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni li jbaħħar fl-oċeani, għal qabda ta’ 146 tunnellata ta’ speċijiet li jpassu ħafna u ta’ speċijiet assoċjati EUR 4 100 għal kull bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ li jkollu tunnellaġġ gross ta’ iktar minn 250, għal qabda ta’ 118-il tunnellata ta’ speċijiet li jpassu ħafna u ta’ speċijiet assoċjati EUR 2 500 għal kull bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ li jkollu tunnellaġġ gross ta’ inqas minn 250, għal qabda ta’ 72 tunnellata ta’ speċijiet li jpassu ħafna u ta’ speċijiet assoċjati |

Tariffa addizzjonali: | EUR 35 għal kull tunnellata maqbuda |

Baħrin nazzjonali mill-Możambik |

EUR 30 kuljum għal kull baħri għal kull bastiment f’każ ta’ nuqqas ta’ imbarkazzjoni |

(6) Osservaturi (kontribuzzjoni lill-programm tal-osservaturi tas-sajd) |

EUR 300 fis-sena għal kull bastiment |

Koordinati ġeografiċi:

Il-bidu tar-reġistrazzjoni | SR | O | Dettall dwar is-sistema – jindika l-bidu tar-reġistrazzjoni |

Destinatarju | AD | O | Dettall dwar il-messaġġ – id-destinatarju. Il-kodiċi alfa-3 tal-pajjiż tal-ISO |

Mingħand | FR | O | Dettall dwar il-messaġġ – l-ispeditur. Il-kodiċi alfa-3 tal-pajjiż tal-ISO |

L-istat tal-bandiera | FS | F | Dettall dwar il-messaġġ – l-istat tal-bandiera |

It-tip ta’ messaġġ | TM | O | Dettall dwar il-messaġġ – it-tip ta’ messaġġ [ENT, POS, EXI] |

Il-kodiċi tar-radju | RC | O | Dettall dwar il-bastiment – il-kodiċi internazzjonali tar-radju tal-bastiment |

In-numru ta’ referenza intern tal-parti kontraenti | IR | F | Dettall dwar il-bastiment – in-numru uniku tal-parti kontraenti (il-kodiċi ISO-3 tal-istat tal-bandiera segwit minn numru) |

In-numru tar-reġistrazzjoni estern | XR | O | Dettall dwar il-bastiment – in-numru mmarkat fuq il-ġenb tal-bastiment |

Il-latitudni | LA | O | Dettall dwar il-pożizzjoni tal-bastiment – il-pożizzjoni fi gradi u minuti T/N GGMM (WGS-84) |

Il-lonġitudni | LO | O | Dettall dwar il-pożizzjoni tal-bastiment – il-pożizzjoni fi gradi u minuti L/P GGMM (WGS-84) |

Ir-rotta | CO | O | Ir-rotta tal-bastiment fuq skala ta’ 360° |

Il-veloċità | SP | O | Il-veloċità tal-bastiment f’wieħed minn kull għaxar mili nawtiċi |

Id-data | DA | O | Dettall dwar il-pożizzjoni tal-bastiment – id-data tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni f’UTC (SSSSXXJJ) |

Il-ħin | TI | O | Dettall dwar il-pożizzjoni tal-bastiment – il-ħin tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni f’UTC (SSMM) |

Tmiem ir-reġistrazzjoni | ER | O | Dettall dwar is-sistema – jindika tmiem ir-reġistrazzjoni |

O = element tad-dejta obbligatorjuF = element tad-dejta fakultattiv

Kull trażmissjoni tad-dejta hija strutturata kif ġej:

1. il-karattri jingħataw skont in-norma tal-ISO 8859.1;

2. linja mmejla doppja (//) u l-kodiċi tal-qasam “SR” jindikaw il-bidu tal-messaġġ;3. kull element tad-dejta jiġi identifikat mill-kodiċi tiegħu u jingħażel mill-elementi l-oħra tad-dejta permezz ta’ linja mmejla doppja (//);4. linja mmejla waħda (/) tissepara l-kodiċi tal-qasam u d-dejta;5. il-kodiċi “ER” segwit minn linja mmejla doppja (//) jindika tmiem il-messaġġ;6. l-elementi tad-dejta fakultattivi għandhom jiddaħħlu bejn il-bidu u t-tmiem tal-messaġġ.

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill xxx/2011 ta’ xx xxx 2011 – bir-referenza SEC(2010) 1593 finali.

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU L 331, 17.12.2007, p. 1.

Top