Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0799

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed

/* KUMM/2011/0799 finali - 2011/0375 (NLE) */

52011PC0799

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed /* KUMM/2011/0799 finali - 2011/0375 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

110

- Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd [tas-Sajd], il-PKS tfittex li tiżgura l-isfruttar tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin f’kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli. Għodda importanti f’dan ir-rigward hija l-istabbiliment annwali tal-opportunitajiet tas-sajd fl-għamla ta’ qabdiet totali permissibbli (‘Total Allowable Catches’ - TACs), kwoti u limiti tal-isforzi tas-sajd.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd għall-Istati Membri għall-2012 fir-rigward tal-iktar stokkijiet tal-ħut kummerċjalment importanti fil-Baħar l-Iswed. 20

- Kuntest ġenerali

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2012 (COM(2011)298 finali), tiddeskrivi l-isfond tal-proposta.

Il-parir xjentifiku dwar l-opportunitajiet tas-sajd fl-2012 fil-Baħar l-Iswed se jingħata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) f’Novembru 2011.

Il-proposta fiha taqsima waħda li hija ta' importanza għall-ġestjoni tas-sajd tal-Baħar l-Iswed fl-2012 li tistabbilixxi t-TACs u l-kwoti.

- 130 Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

L-opportunitajiet tas-sajd u l-mod li bih jiġu allokati lill-Istati Membri huma rregolati kull sena. L-aħħar wieħed huwa r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1256/2010 tas-17 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed għall-2011.

- Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra tal-UE

Il-miżuri proposti huma konformi mal-għanijiet u r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.

KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

- Ġbir u użu tal-kompetenzi

L-organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati

L-organizzazzjoni xjentifika kkonsultata hija l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF).

Kull sena, l-Unjoni titlob lill-STECF għal parir xjentifiku dwar il-qagħda ta’ stokkijiet importanti tal-ħut. Il-parir huwa mistenni li jkopri l-istokkijiet kollha tal-Baħar l-Iswed li għalihom huma proposti t-TACs.

- Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati permezz tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2012. Il-bażi xjentifika għall-proposta se tingħata mill-STECF.

- Valutazzjoni tal-impatt

Sa meta jasal il-parir xjentifiku, il-miżuri proposti jistgħu, jekk jiġu implimentati, jirriżultaw f'bidla fl-opportunitajiet tas-sajd fir-rigward tal-volumi tal-qabda għall-bastimenti tal-UE fil-Baħar l-Iswed.

Il-proposta ma tirriflettix biss tħassib għal żmien qasir iżda hija wkoll parti minn approċċ aktar fit-tul fejn il-livell tas-sajd jiġi adattat gradwalment għal livelli ta’ sostenibbiltà fit-tul.

Għaldaqstant, fuq żmien medju sa dak twil, l-approċċ meħud fil-proposta jista’ jwassal għal tnaqqis fl-isforz tas-sajd filwaqt li fuq żmien twil iwassal għal kwoti stabbli jew ogħla. Il-konsegwenzi tal-approċċ fuq żmien twil huma mistennija li jkollhom impatt imnaqqas fuq l-ambjent bħala konsegwenza tal-adattament fl-isforz tas-sajd u tal-istess ammont jew aktar ta’ ħatt l-art. Is-sostenibbiltà tal-attivitajiet tas-sajd se tiżdied fuq żmien twil.

ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

- Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta tistabbilixxi l-limiti tal-qbid u tal-isforz li huma applikabbli għas-sajd tal-UE u għas-sajd internazzjonali li fih jieħdu sehem bastimenti tal-UE, sabiex jintlaħaq l-għan tal-Politika Komuni tas-Sajd li jiġi żgurat sajd f’livelli li huma bijoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli.

- Bażi legali

L-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

- Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

- Prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja.

Il-Politika Komuni tas-Sajd hija politika komuni. Skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta l-miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

Ir-Regolament tal-Kunsill inkwistjoni jalloka opportunitajiet tas-sajd lill-Istati Membri. B’kunsiderazzjoni għall-Artikolu 20(3) tar-Regolament 2371/2002, l-Istati Membri huma liberi jallokaw opportunitajiet bħal dawn lir-reġjuni jew lill-operaturi skont kif jidhrilhom xieraq. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom biżżejjed spazju biex jimmanuvraw dwar deċiżjonijiet relatati mal-mudell soċjali/ekonomiku tal-għażla tagħhom biex jisfruttaw l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom.

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjonijiet finanzjarji ġodda għall-Istati Membri. Dan ir-Regolament jiġi adottat mill-Kunsill kull sena, u l-mezzi pubbliċi u privati għall-implimentazzjoni tiegħu diġà jinsabu fis-seħħ.

- Għażla tal-istrumenti

L-istrumenti proposti: Regolament.

Din hija proposta għall-ġestjoni tas-sajd abbażi tal-Artikolu 43(3) tat-TFUE u skont l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002.

IMPLIKAZZJONI BAġITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

- Simplifikazzjoni

Il-proposta tipprovdi għas-simplifikazzjoni ta’ proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi (tal-UE jew nazzjonali), partikolarment fir-rigward ta' rekwiżiti marbuta mal-ġestjoni tal-isforz.

- Klawsola ta' eżami/reviżjoni/estinzjoni

Il-proposta tirrigwarda Regolament annwali għas-sena 2012 u għalhekk ma tinkludix klawsola ta' reviżjoni.

- Spjegazzjoni Dettaljata

Il-proposta tistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2012 għal ċerti stokkijiet jew gruppi ta’ stokkijiet għas-sajd għall-Istati Membri fil-Baħar l-Iswed.

Iċ-ċifri proposti jirriflettu l-parir xjentifiku u l-qafas għall-istabbiliment tat-TACs u l-kwoti li jinsabu fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2012.

Peress li l-intenzjoni tal-Kummissjoni hija li tiżgura l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd f’konformità mal-politika tal-Unjoni u l-impenji internazzjonali filwaqt li l-opportunitajiet tas-sajd jinżammu stabbli, il-varjazzjonijiet annwali fit-TACs u l-kwoti huma limitati sa fejn huwa prattiku filwaqt li jiġi kkunsidrat l-istatus ta’ stokk partikolari.

It-TACs u l-kwoti allokati lill-Istati Membri huma elenkati fl-Anness I.

2011/0375 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

1. Skont l-Artikolu 43(3) tat-Trattat, il-Kunsill, wara proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd.

2. Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd [tas-Sajd][1] jitlob li l-miżuri li jirregolaw l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u l-insegwiment sostenibbli ta' attivitajiet tas-sajd ikunu stabbiliti b'konsiderazzjoni tal-parir xjentifiku disponibbli u, b’mod partikolari, ir-rapport magħmul mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF).

3. Hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta l-miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd permezz ta’ sajd jew grupp ta’ sajd, inklużi ċerti kundizzjonijiet li huma funzjonalment marbuta magħhom, kif xieraq. L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu distribwiti fost l-Istati Membri b'tali mod li f'kull Stat Membru tiġi żgurata stabbilta' relattiva ta' attivitajiet ta' sajd għal kull stokk jew sajd u b'kont meħud tal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

4. Il-qabdiet totali permissibbli (TACs) u l-kwoti għandhom jiġu ffissati abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli u b'kunsiderazzjoni tal-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll fid-dawl tal-opinjonijiet espressi matul il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

5. L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti f’dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd[2] u b’mod partikolari għall-Artikoli 33 u 34 ta’ dak ir-Regolament dwar ir-reġistrar ta’ qabdiet u l-isforz tas-sajd u n-notifika ta’ dejta dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, jeħtieġ li jkunu speċifikati l-kodiċijiet li l-Istati Membri għandhom jużaw meta jibagħtu d-dejta lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament.

6. Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti[3], huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-istokkijiet li huma soġġetti għall-miżuri varji msemmija fih.

7. Sabiex tkun evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, huwa importanti li dawn iż-żoni tas-sajd jinfetħu fl-1 ta' Jannar 2012. Għal raġunijiet ta' urġenza, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I Ambitu u definizzjonijiet

Artikolu 1 Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2012 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed.

Artikolu 2 Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tal-UE li joperaw fil-Baħar l-Iswed.

Artikolu 3 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 'GFCM' tfisser il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran;

(b) 'Il-Baħar l-Iswed' tfisser is-subżona ġeografika tal-GFCM kif definita fir-riżoluzzjoni GFCM/33/2009/2;

(c) "bastiment tal-UE" tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u li jkun irreġistrat fl-Unjoni;

(d) “qabda totali permissibli (TAC)” tfisser il-kwantità li tista’ tittieħed minn kull stokk kull sena;

(e) “kwota” tfisser proporzjon mit-TAC allokat lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz;

KAPITOLU IIOpportunitajiet tas-sajd

Artikolu 4 TACs u allokazzjonijiet

It-TACs, l-allokazzjonijiet ta' dawn it-TACs fost l-Istati Membri, u l-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom, fejn xieraq, huma stipulati fl-Anness.

Artikolu 5 Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet

L-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stipulat f’dan ir-Regolament għandha tkun bla preġudizzju għal:

(a) bidliet magħmula skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(b) riallokazzjonjiet magħmula skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(c) ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;

(d) kwantitajiet miżmuma skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;

(e) tnaqqis magħmul skont l-Artikoli 37, 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 6 Kundizzjonijiet għall-ħatt l-art tal-qabdiet u tal-qabdiet inċidentali

Il-ħut minn stokkijiet li għalihom huma ffissati opportunitajiet tas-sajd b’dan ir-Regolament għandu jinżamm abbord jew jinħatt l-art biss jekk:

(a) il-qabdiet ikunu saru minn bastimenti ta' Stat Membru li għandu kwota għalihom u dik il-kwota ma tkunx ġiet eżawrita; jew

(b) il-qabdiet jikkonsistu f’sehem ta’ kwota tal-Unjoni li ma ġietx allokata permezz ta' kwota fost l-Istati Membri, u dik il-kwota tal-Unjoni ma ġietx eżawrita.

KAPITOLU IIIDispożizzjonijiet finali

Artikolu 7 Trażmissjoni tad-dejta

Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu dejta lill-Kummissjoni relatata ma' ħatt l-art ta’ kwantitajiet ta' stokkijiet maqbuda, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 8 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

TACs applikabbli għall-bastimenti tal-UE f’żoni fejn jeżistu t-TACs skont l-ispeċi u ż-żona

It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f’tunnellati ta’ piż ħaj, ħlief fejn huwa speċifikat mod ieħor) skont l-istokk, u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom b'mod funzjonali, fejn huwa xieraq.

Ir-referenza għall-istokkijiet tal-ħut issir skont l-ordni alfabetika tal-ismijiet bil-Latin tal-ispeċi. It-tabella ta’ hawn taħt ta' korrelazzjonijiet bejn l-ismijiet bil-Latin u ismijiet komuni hija mogħtija għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

Isem xjentifiku | Kodiċi alfa-3 | Isem komuni |

Psetta maxima | TUR | Barbun imperjali |

Sprattus sprattus | SPR | Laċċa kaħla |

Speċi: | Barbun imperjali | Żona: | L-ilmijiet tal-UE u l-Baħar l-Iswed |

Psetta maxima | TUR/F37.4.2.C |

Il-Bulgarija | 37 | TAC analitika L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. |

Ir-Rumanija | 37 |

UE | 74 | (1) |

TAC | Mhux rilevanti |

_________ |

(1) L-ebda attività tas-sajd, trażbord, teħid abbord jew ħatt l-art ma għandu jkun permess mill-15 ta' April sal-15 ta' Ġunju. |

Speċi: | Laċċa kaħla | Żona: | L-ilmijiet tal-UE u l-Baħar l-Iswed |

Sprattus sprattus | SPR/ F37.4.2.C |

Il-Bulgarija | 8032.5 | TAC analitika L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. |

Ir-Rumanija | 3442.5 |

UE | 11475 |

TAC | Mhux rilevanti |

_________ |

[1] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

[2] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

[3] ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3.

Top