Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0737

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-metodi u l-proċedura għat-tqegħid tad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq taxxa fuq il-valur miżjud

    /* KUMM/2011/0737 finali - 2011/0333 (CNS) */

    52011PC0737

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-metodi u l-proċedura għat-tqegħid tad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq taxxa fuq il-valur miżjud /* KUMM/2011/0737 finali - 2011/0333 (CNS) */


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Introduzzjoni

    Fid-29 ta' Ġunju 2011 il-Kummissjoni adottat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill […/…] dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "DRP 2014")[1]. Din il-proposta kienet tinkludi l-ħolqien ta' riżorsa proprja ġdida bbażata fuq "sehem tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud" (VAT) fuq provvisti ta' oġġetti u servizzi, akkwisti u importazzjonijiet "suġġett għal rata standard ta' VAT f'kull Stat Membru" madwar l-Unjoni Ewropea (minn hawn' il quddiem "ir-riżorsa proprja l-ġdida tal-VAT"). Il-Kummissjoni ħabbret li se tippreżenta r-regolamenti dettaljati relevanti sa tmiem l-2011.

    L-għan ta' din il-proposta huwa li tistabbilixxi, skont l-Artikolu 322 (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn’il quddiem "it-TFUE"), il-metodu li l-Istati Membri għandhom jużaw biex jikkalkulaw din ir-riżorsa proprja l-ġdida u l-proċeduri biex din titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE. Dawn l-arranġamenti jikkumplementaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-DRP 2014 u l-miżuri implimentattivi stabbiliti taħt l-Artikolu 311(4) TFUE li jikkonċernaw il-kontroll u s-sorveljanza u r-rekwiżiti tar-rappurtar supplimentari[2].

    Din il-proposta tibni fuq l-esperjenza tal-passat fl-amministrazzjoni ta' riżorsa proprja li ġejja mill-VAT. Hija timmira biex tissimplifika l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali u b’hekk tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi filwaqt li żżid it-trasparenza u tiffaċilita l-iskrutinju demokratiku tar-riżorsa, u b'hekk trawwem rabta ġenwina bejn il-politika tal-VAT tal-UE, il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u l-finanzjament tal-baġit tal-UE.

    Metodu ġdid ta' kalkolu

    Prinċipji bażiċi

    Il-metodu l-ġdid tal-kalkolu li qed jiġi propost jista' jiġi deskritt b'dawn l-erba' fażijiet prinċipali.

    - Il-metodu juża bħala l-punt tat-tluq tiegħu d-dejta l-aktar definita u faċilment miksuba disponibbli iċ-ċifri tal-irċevuti tal-VAT miżmuma mill-Istati Membri. Biex jiżguraw li jiġu inklużi biss l-irċevuti tal-VAT madwar nofs l-Istati Membri se jkollhom bżonn ikomplu jikkoreġu l-figuri tagħhom biex jeskludu l-imgħax u l-penali. Addizzjonalment minoranza tal-Istati Membri jridu wkoll ikomplu jagħmlu aġġustamenti biex jitqiesu territorji barranin, it-trattament tal-VAT speċifiku mogħti lil xi reġjuni periferiċi u sussidji li huma jipprovdu permezz tas-sistema tal-VAT.

    - Sabiex jinkisbu massimu ta' sempliċità u trasparenza flimkien ma' spejjeż amministrattivi minimi huwa propost li l-Kummissjoni tagħmel arranġamenti sabiex jiġi ddeterminat proporzjon medju wieħed għall-UE kollha ta' rċevuti tal-VAT dovuti minn provvisti b’rata tat-taxxa normali għal konsum finali (li huwa magħmul għal unitajiet domestiċi jew entitajiet oħra mhux intitolati li jnaqqsu l-VAT li ġew iċċarġjati), li għandhom rata tat-taxxa normali f’kull Stat Membru. Biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà, din l-istess medja se tintuża għall-perjodu ta' qafas finanzjarju wieħed.

    - L-Istati Membri japplikaw il-proporzjon pan-Ewropew medju uniku għall-irċevuti aġġustati tagħhom. Iċ-ċifra tal-‘irċevuti tal-VAT taxxabbli’ li tirriżulta hija maqluba għal valur bażi li jeskludi t-taxxa bl-użu tar-rata standard attwali tal-VAT ta' kull Stat Membru.

    - Ladarba l-valur tal-bażi taxxabbli jkun ġie determinat, is-sehem stabbilit fir-Regolament li jimplimenta d-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji huwa applikat sabiex tiġi kkalkulata l-kontribuzzjoni attwali. Ma jkun hemm l-ebda limitu massimu artifiċjali għall-bażijiet taxxabbli.

    Fil-qosor, kull xahar l-Istati Membri jagħmlu kalkolu sempliċi bl-użu tal-irċevuti tal-VAT (aġġustati) għax-xahar, il-proporzjon medju uniku pan-Ewropew tal-irċevuti tal-VAT dovuti minn provvisti b’rata normali għall-konsum finali pprovdut mill-Kummissjoni, ir-rata standard tagħhom u s-sehem definit għar-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida.

    Il-vantaġġi ewlenin imqabbla mal-metodu attwali

    Imqabbel mal-metodu attwalment użat għall-kalkolu tar-riżorsa proprja tal-VAT, dan il-metodu ssimplifikat jippreżenta tliet vantaġġi ewlenin:

    - Inaqqas in-numru ta' korrezzjonijiet li l-Istati Membri jeħtieġu li japplikaw għall-irċevuti tal-VAT tagħhom. Mhux se jkun hemm iżjed bżonn li jsiru korrezzjonijiet li jikkonċernaw l-iskemi agrikoli b'rata fissa. Il-korrezzjoni attwali hija kumplessa ħafna iżda l-aġġustamenti fl-aħħar mill-aħħar miksuba huma limitati - inqas minn 1% tal-irċevuti għall-Istati Membri kollha barra tnejn fl-2009. Bl-istess mod, il-korrezzjoni dwar l-iskemi ta' tnaqqis gradwat mhux se tkun meħtieġa aktar.

    - Jelimina l-bżonn li jiġu kkalkulati l-kumpensi. Dan huwa ġġustifikat minħabba li d-diversi aġġustamenti jidhru li b’mod ġenerali ma kellhomx effett sinifikanti fuq il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri (dan huwa partikolarment veru meta jitqies ir-rwol tar-riżorsa bbażata fuq l-ING) minkejja l-piżijiet amministrattivi li huma jitfgħu fuq l-Istati Membri[3].

    Fil-prattika, it-tmintax-il kumpens li jkopru elementi li għalihom id-Direttiva 2006/112/KE awtorizzat lill-Istati Membri jagħżlu jekk jintaxxawx jew le ma tibqax aktar meħtieġa minħabba l-enfasi biss fuq provvisti li konsistentement għandhom rata normali.

    Kumpensi oħra applikabbli f'xi Stati Membri wkoll se jisparixxu. Dan jinkludi dawk li jirrigwardaw il-varjazzjonijiet fil-limiti minimi għar-reġistrazzjoni, li għandhom eżitu sinifikanti f’żewġ Stati Membri biss u li l-importanza tagħhom se tonqos bl-enfasi proposta fuq provvisti b’rata normali. Bl-istess mod, il-kumpensi kumplessi ħafna relatati mat-trattament tat-taxxa tal-input tal-VAT tal-vetturi tan-negozju se jkunu eliminati wkoll. Kumpens huwa kkalkulat mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri iżda t-tnaqqis reali fil-kontribuzzjonijiet tar-riżorsa proprja tal-VAT għal kull Stat Membru jista' jiġi stmat li huwa ta' inqas minn tlieta minn kull mija ta' 1%.

    Fl-aħħarnett, jekk ikun meħtieġ xi aġġustament minħabba f’każijiet fejn tkun inkisret il-liġi tal-UE dawn fil-futur ser ikunu trattati b’aġġustament għall-irċevuti.

    - L-enfasi biss fuq dawk il-provvisti għall-konsum finali konsistentement soġġetti għal rata standard tal-VAT, flimkien mal-proposta għall-kalkolu ċentralizzat ta' proporzjon medju wieħed għall-UE kollha għal tranżazzjonijiet bħal dawn telimina l-ħtieġa għall-Istati Membri li jikkalkulaw rata medja peżata (WAR).

    Il-metodu propost għalhekk jikkostitwixxi simplifikazzjoni enormi tas-sistema filwaqt li jagħmilha aktar trasparenti u prevedibbli b'telf limitat biss ta' preċiżjoni.

    Tqegħid tar-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE

    Prinċipji bażiċi

    L-arranġamenti proposti biex ir-riżorsa proprja titqiegħed għad-dispożizzjoni u għall-kwistjonijiet tal-kontabilità u amministrattivi l-oħra huma taħlita tal-elementi rilevanti tal-arranġamenti preċedenti tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT flimkien ma' dawk tar-riżorsi proprji tradizzjonali. Żewġ karatteristiċi ewlenin tal-proposta jeħtieġ li jiġu enfasizzati:

    - L-intitolament għar-riżorsa proprja jinħoloq biss meta Stat Membru jkun attwalment ġabar id-dħul. Dan se joħloq rabta mill-qrib u awtomatika bejn id-dħul mill-VAT u ċ-ċirkustanzi ekonomiċi nazzjonali, u l-baġit tal-UE. Ir-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida se tintlaqat direttament mill-politiki tal-VAT tal-UE u nazzjonali.

    - Sabiex ir-riżorsa proprja tinġabar b’mod aktar effiċjenti u aktar malajr huwa propost li d-dħul jitqiegħed għad-dispożizzjoni permezz ta' sistema ta' dikjarazzjonijiet ta' kull xahar li jagħtu data ċara sa meta l-ammonti ta' riżorsi proprji għandhom ikunu disponibbli. L-ammonti jiġu trasferiti għall-istess kont li jintuża għar-riżorsi proprji l-oħra.

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnutat ukoll li mal-Green Paper dwar il-ġejjieni tal-VAT[4], il-Kummissjoni nediet inizjattiva biex tirriforma s-sistema tal-VAT sabiex inter alia titwessa' l-bażi fiskali u jitnaqqsu l-frodi u l-evitar tat-taxxa. Ir-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida proposta hija flessibbli biżżejjed biex tkompli taħdem mal-bidliet li jirriżultaw minn dik ir-riforma.

    L-akbar vantaġġi meta mqabbla mas-sistema attwali

    Il-proċedura proposta sabiex ir-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE hija ħafna aktar sempliċi u aktar trasparenti mir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT kurrenti.

    L-użu tal-irċevuti realment miksuba mill-Istati Membri se jelimina l-ħtieġa għal eżerċizzji ta' tbassir u aġġustamenti sussegwenti u eżerċizzji tal-bilanċ tal-VAT ta' tmiem is-sena. Dan se jnaqqas b'mod sinifikanti l-ġestjoni amministrattiva u l-ispejjeż relatati tar-riżorsa.

    Il-kontenut tal-proposta legali huwa mqassar hawn taħt:

    2. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    2.1 Introduzzjoni

    Din il-proposta tifforma parti minn pakkett, li jinkludi wkoll proposta għal proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE tar-riżorsa proprja bbażata fuq taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji[5] kif ukoll riformulazzjoni emendata tar-Regolament tal-Kunsill eżistenti dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING[6].

    Il-Kummissjoni se teżamina l-possibilità li tikkonsolida d-dispożizzjonijiet għad-determinazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji kollha tal-Unjoni f’Regolament wieħed wara ftehim ġenerali dwar il-pakkett tar-riżorsi proprji.

    2.2 Kapitolu I ‘Dispożizzjonijiet ġenerali

    - L-Artikolu 1 tal-proposta, 'Suġġett’. Dan l-Artikolu jispeċifika li l-arranġamenti proposti japplikaw għar-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida stabbilita fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Deċiżjoni […/…]

    - L-Artikolu 2 tal-proposta, ‘Definizzjonijiet’ jispjega l-ewwelnett il-kunċett ta' 'provvisti’ kif użat f'dan ir-Regolament billi jirreferi għat-Titolu IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE[7].

    Barra minn hekk, dan l-Artikolu jistipula l-karatteristiċi tal-provvisti, akkwiżizzjonijiet u importazzjonijiet li huma taxxabbli għall-finijiet tar-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida. Kwalunkwe tranżazzjoni taxxabbli fis-sens tat-Titolu IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE li hija suġġetta għal rata standard tal-VAT f’kull Stat Membru madwar l-Unjoni Ewropea se tkun hekk taxxabbli. Mhux se jkun meħtieġ li provvista fil-fatt tkun suġġetta għal ħlas tal-VAT biex titqies bħala provvista taxxabbli għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. L-imponibilità tal-provvista se tkun determinata mill-obbligazzjoni tat-tranżazzjoni aktar milli miċ-ċirkostanzi reali tagħha. Għalhekk provvista ta' merkanzija jew servizzi soġġetti kif xieraq għal rata mnaqqsa tal-VAT f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE fi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni mhijiex provvista taxxabbli minkejja l-fatt li l-istess tranżazzjoni tista' fil-fatt tkun soġġetta għal rata standard tal-VAT fi Stat Membru wieħed jew aktar tal-Unjoni. Bl-istess mod provvista ta' merkanzija jew servizzi li tkun eżentata kif xieraq mill-VAT, jew eżentata mill-VAT bi dritt għat-tnaqqis tal-VAT fl-istadju preċedenti taħt dik l-istess Direttiva fi Stat Membru wieħed jew aktar mhix provvista taxxabbli.

    - L-Artikolu 3 tal-proposta, 'il-medja tal-Unjoni tal-provvisti taxxabbli' Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-kunċett li jinkiseb proporzjon uniku għall-UE kollha ta' provvisti taxxabbli għall-użu fil-kalkolu tal-valur ta' kull xahar tas-sehem mir-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida flimkien mal-frekwenza li biha għandu jiġi determinat. Fit-tħejjija tal-proporzjon medju, il-Kummissjoni jew il-korp hekk maħtur mill-Kummissjoni, jista' jkun jenħtiġilhom jirrikorru għall-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jiksbu informazzjoni u fehmiet. L-Istati Membri għandhom għalhekk jassiguraw li d-dipartimenti jew aġenziji rilevanti jipprovdu lill-aġenti awtorizzati bl-assistenza neċessarja għall-esekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom.

    2.3 Kapitolu II 'Kalkolu tas-sehem'

    - L-Artikolu 4 tal-proposta, 'Metodu tal-kalkolu’: Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-passi li għandhom jiġu segwiti biex ikunu kkalkulati l-kontribuzzjonijiet ta' Stat Membru għar-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida. Il-metodu propost huwa differenti ħafna minn dak użat preċedentement. Il-varjazzjoni ewlenija hija d-dispożizzjonijiet mill-Kummissjoni dwar proporzjon medju uniku li se jirrappreżenta l-proporzjon ta' provvisti taxxabbli mqabbel mal-konsum finali li huma soġġetti għal rata standard tal-VAT madwar l-UE. Kull Stat Membru se japplika dan l-istess proporzjon għall-kalkolu u normalment dan ikompli għall-perjodu sħiħ ta' qafas finanzjarju. Dan il-proporzjon se jiġi applikat għaċ-ċifra tad-dħul nett tal-VAT ta' dak l-Istat Membru – ladarba jkunu saru kwalunkwe aġġustamenti meħtieġa biex jiġu inklużi kwalunkwe rċevuti periferali u sabiex jiġu esklużi kwalunkwe ammonti li għalkemm relatati mal-VAT mhumiex irċevuti tal-VAT diretti. Barra minn hekk, xi Stati Membri se jkun jenħtiġilhom ukoll jaġġustaw iċ-ċifri inizjali tagħhom biex jieħdu kont ta' rifużjonijiet magħmula lil persuni mhux taxxabbli jew lil persuni taxxabbli għal provvisti mhux taxxabbli, fejn dawk ir-rifużjonijiet mhumiex f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE. Il-valur li jirriżulta jiġi totalizzat sal-valur bit-taxxa eskluża tal-provvisti bl-użu tar-rata standard tal-VAT applikat fi ħdan l-Istat Membru relevanti. Dak il-valur ta' bażi taxxabbli se jkun imbagħad suġġett għal sehem stipulat fir-Regolament […/…].

    - L-Artikolu 5 tal-proposta, 'Il-perjodi tal-ikkalkular' jipproponi li l-Istati Membri jingħataw flessibilità massima biex jagħmlu l-perjodi użati għall-kalkoli tar-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida kompatibbli mal-arranġamenti tal-kontabilità stabbiliti u b’hekk jiġi evitat il-bżonn ta' aġġustamenti għall-irċevuti minħabba kwistjonijiet ta' żmien biss.

    2.4 Kapitolu III ‘It-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsa l-ġdida tal-VAT’

    - L-Artikolu 6 tal-proposta, "l-arranġamenti tal-kontabilità": Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-arranġamenti proposti għar-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida li huma ekwivalenti għal dawk diġà fl-użu taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament 1150/2000 dwar ir-riżorsi proprji eżistenti. Il-kont sommarju speċifikat jista' jiġi inkorporat fi ħdan il-kont simili miżmum għar-riżorsi proprji l-oħra skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000[8].

    - L-Artikolu 7 tal-proposta, ‘Dħul fil-kontijiet, rappurtar u ż-żmien għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ammonti’: Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-arranġamenti proposti għar-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida li huma ekwivalenti għal dawk diġà fl-użu taħt ir-Regolament 1150/2000 għar-riżorsi proprji eżistenti. Inżammet l-istess data sa liema r-riżorsa għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni, jiġifieri l-ewwel jum ta' xogħol tax-xahar. Bidliet għall-arranġamenti preċedenti għall-VAT jinkludu l-użu ta' dikjarazzjoni ta' kull xahar li għandha tiġi pprovduta mill-anqas għaxart ijiem qabel l-iskadenza biex ir-riżorsi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, li huwa l-ewwel jum tax-xogħol tat-tieni xahar wara x-xahar li fih l-Istat Membru jkun kiseb il-ħlas. Id-dħul fil-kont sommarju għandu normalment isir fil-ħin meta tintbagħat id-dikjarazzjoni ta' kull xahar, imma fi kwalunkwe każ sal-istess skadenza.

    - L-Artikolu 8 tal-proposta, ‘korrezzjonijiet tal-kontabilità’ jipproponi li l-limitu taż-żmien ekwivalenti għal dak użat attwalment għal riżorsi proprji oħra taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament 1150/2000[9] japplika wkoll għar-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida.

    - L-Artikolu 9 tal-proposta, ‘Imgħax fuq l-ammonti mqiegħda għad-dispożizzjoni tard': Huwa propost li kwalunkwe dewmien fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida tkun suġġetta għal sistema tal-imgħax ekwivalenti għal dik applikata bħalissa taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament 1150/2000[10].

    2.5 Kapitolu IV 'Arranġamenti amministrattivi'

    - L-Artikoli 10 u 11 tal-proposta, ‘Konservazzjoni tad-dokumenti ta' sostenn’ u ‘Koperazzjoni amministrattiva’ jipproponu li l-obbligi attwalment imġarrba mill-Istati Membri fir-rigward tar-riżorsi proprji l-oħra taħt l-Artikoli 3 u 4 rispettivament tar-Regolament 1150/2000[11] ikunu applikati bl-istess mod għar-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida.

    2.6 Kapitolu V ‘Dispożizzjonijiet Finali’

    - L-Artikolu 12 tal-proposta, 'Il-Proċedura tal-Kumitat': Jipprevedi li r-riżorsa proprja tal-VAT il-ġdida tiġi ttrattata mill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (ACOR) li fil-preżent qiegħed jopera taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament 1150/2000 u f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2011/0333 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar il-metodi u l-proċedura għat-tqegħid tad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 322(2) tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika[12], u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[13],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri[14],

    Billi:

    1. Ir-riżorsa proprja tal-Unjoni bbażata fuq sehem mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imsemmija fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill […/…] dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (minn hawn' il quddiem "ir-riżorsa proprja tal-VAT") għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Unjoni bl-aħjar kundizzjonijiet possibli u għalhekk għandhom ikunu stabbiliti regoli għall-Istati Membri dwar kif dik ir-riżorsa titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

    2. Għall-fini tas-sempliċità u t-trasparenza, u sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, għandu jiġi determinat proporzjon medju tal-Unjoni tal-valur tal-provvisti taxxabbli meta mqabbla mal-valur tal-provvisti totali.

    3. L-arranġamenti għall-kalkolu tar-riżorsa proprja tal-VAT għandhom ikunu determinati b'mod uniformi.

    4. Ir-riżorsa proprja tal-VAT għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni fl-għamla ta' dħul tal-ammonti dovuti f'kont miftuħ għal dan il-għan taħt ir-Regolament tal-Kunsill [.../...] dwar il-metodi u l-proċedura għal tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' flus likwidi[15]. Biex jiġi ristrett il-moviment tal-fondi għal dak li huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-baġit, l-Unjoni għandha tillimita lilha nnifisha li tiġbed minn dawn il-kontijiet biss biex tkopri l-ħtiġijiet fi flus likwidi tal-Kummissjoni.

    5. L-Istati Membri għandhom iħallsu l-imgħax fil-każ ta' dewmien sabiex idaħħlu r-riżorsa proprja tal-VAT fil-kontijiet. F’konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, għandha tingħata attenzjoni biex l-ispejjeż ta' rkupru tal-imgħaxijiet dovuti ma jeċċedux l-ammont tal-imgħax pagabbli .

    6. L-Istati Membri għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u, fejn meħtieġ, jgħaddulha d-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa ħalli hi tkun tista' teżerċita l-poteri mogħtija lilha f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

    7. L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw lill-Kummissjoni f’kull ħin, id-dokumenti li jissostanzjaw ir-riżorsi proprji miġbura.

    8. Huwa neċessarju li tiġi assigurata kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni xierqa tar-regoli finanzjarji li jirrigwardaw ir-riżorsi proprji.

    9. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat implimentattivi fuq il-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat implimentattivi[16].

    10. Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni tal-atti implimentattivi sabiex jiġu stabbiliti regoli dettaljati għad-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar tal-kontijiet għar-riżorsa proprja tal-VAT, u għad-determinazzjoni u l-aġġornament tal-proporzjon medju tal-Unjoni, fid-dawl tan-natura teknika ta' dawk il-miżuri.

    11. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud[17] għandu jitħassar.

    12. Dan ir-Regolament għandu japplika fl-istess jum bħad-Deċiżjoni […/…],

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Kapitolu I

    DISPOżIZZJONIJIET ĠENERALI

    ARTIKOLU 1

    Suġġett

    Dan ir-regolament jistabbilixxi regoli dwar l-ikkalkular u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tar-riżorsa proprja tal-Unjoni bbażata fuq sehem mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), imsemmija fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Deċiżjoni […./….] (minn hawn 'il quddiem "ir-riżorsa proprja tal-VAT").

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1) "provvista" tfisser provvista ta' oġġetti jew servizzi, akkwisti intrakomunitarji ta' oġġetti u importazzjonijiet ta' oġġetti kif definit fit-Titolu VI tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE[18];

    (2) "provvista taxxabbli" tfisser provvista soġġetta għar-rata standard tal-VAT applikata f’kull Stat Membru.

    Artikolu 3

    Proporzjon medju tal-Unjoni ta' Provvisti taxxabbli

    1. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, qabel il-bidu ta' kull qafas finanzjarju multiannwali proporzjon medju uniku tal-Unjoni tal-valur tal-provvisti taxxabbli meta mqabbla mal-valur tal-provvista totali. Dan il-proporzjon għandu jkun espress bħala perċentwal.

    2. Il-proporzjon medju tal-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintuża għat-tul ta' qafas finanzjarju multiannwali.

    Madankollu, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, fuq il-bażi ta' raġunijiet iġġustifikati kif xieraq, li taġġorna l-proporzjon medju tal-Unjoni. Il-proporzjon aġġornat għandu japplika sa mill-bidu tas-sena kalendarja ta' wara l-aġġornament.

    3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, jew lill-korp maħtur mill-Kummissjoni, l-assistenza u l-informazzjoni meħtieġa biex jistabbilixxu u jaġġornaw il-proporzjon medju tal-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1.

    4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti implimentattivi għad-determinazzjoni u l-aġġornament tal-proporzjon medju tal-Unjoni, imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, rispettivament. Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 12(2).

    Kapitolu II

    IL-KALKOLU TAR-RIżORSA PROPRJA TAL-VAT

    ARTIKOLU 4

    Metodu ta' kkalkular

    1. Għal kwalunkwe xahar, ir-riżorsa proprja tal-VAT għandha tiġi kkalkulata minn kull Stat Membru bl-użu tat-total nett tal-VAT miġbura minn dak l-Istat Membru matul ix-xahar preċedenti. Dak l-ammont għandu jiġi kkoreġut sabiex jitqiesu:

    13. kull ħlas riċevut fir-rigward ta' kull piena imposta minħabba nuqqas minn persuna taxxabbli li twettaq xi obbligu relatat mal-VAT, jew ħlasijiet riċevuti fir-rigward ta' kwalunkwe imgħax pagabbli minħabba li dawn l-obbligi twettqu tard;

    14. kull ammont li għandu jkun trattat għall-finijiet tar-riżorsi proprji bħala tranżazzjoni li joriġina fi jew huwa destinat għal Stat Membru għalkemm joriġina fi jew huwa destinat għal territorju terz skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/112/KE;

    15. kwalunkwe ammont li jirriżulta minn wieħed mill-postijiet imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/112/KE, safejn l-Istati Membri jkunu jistgħu juru li d-dħul ġie trasferit għal dak il-post;

    16. kwalunkwe ammont li huwa dħul dovut lejn Stat Membru ieħor, safejn l-Istati Membri jkunu jistgħu juru li d-dħul ġie hekk trasferit;

    17. kwalunkwe aġġustament meħtieġ bħala riżultat tal-applikazzjoni ta' rata standard oħra jew iktar baxxa f'postijiet speċifiċi skont l-Artikolu 104 jew 105 jew 120 tad-Direttiva 2006/112/KE;

    18. rifużjonijiet jew ħlasijiet lura magħmula għal raġunijiet soċjali jew simili lil persuni mhux taxxabbli jew għal attivitajiet mhux taxxabbli minbarra kwalunkwe tali oġġetti permessi taħt id-Direttiva 2006/112/KE.

    2. L-ammont miksub skont il-paragrafu 1 għandu jiġi mmultiplikat bil-proporzjon medju tal-Unjoni ta' provvisti taxxabbli magħmula għal konsum finali, imsemmija fl-Artikolu 3.

    3. Ir-riżultat mill-paragrafu 2 għandu jiġi mmultiplikat bir-reċiproku tal-perċentwal tar-rata standard tal-VAT applikabbli f'dak l-Istat Membru skont id-Direttiva 2006/112/KE.

    4. Ir-riżultat mill-paragrafu 3 għandu jiġi mmultiplikat bil-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament […/…] sabiex tinkiseb ir-riżorsa proprja tal-VAT li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    Perjodu tal-kalkolu

    1. Ir-riżorsa proprja tal-VAT għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta' xhur kalendarji.

    2. B'deroga mill-paragrafu 1, perjodi li mhumiex xhur kalendarji jistgħu jintużaw sabiex tiġi kkalkulata r-riżorsa proprja tal-VAT mingħajr ebda aġġustament għajr dawk stipulati fl-Artikolu 4(1) f'wieħed minn dawn il-każijiet:

    (a) fejn l-Istati Membri joperaw l-arranġamenti tal-kontijiet tagħhom fuq il-bażi ta' perjodi standard tal-kontabilità mhux identiċi għal xhur kalendarji;

    (b) fejn l-Istati Membri jagħmlu arranġamenti partikolari f'ċerti żminijiet tas-sena għall-għeluq ta' perjodi normali tal-kontabilità.

    3. Meta Stat Membru jintroduċi bidla fir-rata standard tal-VAT tiegħu, ir-rata riveduta għandha tintuża għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(3) mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih ir-rata standard il-ġdida tkun daħlet fis-seħħ.

    Kapitolu III

    TQEGħID GħAD-DISPOżIZZJONI TAR-RIżORSA PROPRJA L-ġDIDA TAL-VAT

    ARTIKOLU 6

    Arranġamenti tal-kontabilità

    1. Kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsa proprja tal-VAT għall-kont miftuħ skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) 1150/2000[19] f’isem il-Kummissjoni mat-teżor tagħha jew il-korp li tkun ħatret.

    2. L-Istati Membri jew il-korpi maħtura minnhom għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni, b’mezzi elettroniċi:

    (a) sa mhux aktar tard mit-tieni jum tax-xogħol wara l-ikkreditar tal-kont tal-Kummissjoni, rendikont tal-kont li juri d-dħul tar-riżorsa proprja tal-VAT;

    (b) fejn id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a) mhix disponibbli fil-jum tax-xogħol li fih ir-riżorsi proprji jkunu kkreditati għall-kont tal-Kummissjoni, avviż ta' kreditu li juri d-dħul tar-riżorsa proprja tal-VAT;

    3. L-ammonti kkreditati għandhom ikunu rrappurtati f’euro skont ir-Regolament tal-Kunsill KE, Euratom Nru 1605/2002[20].

    4. Rendikont fil-qosor għar-riżorsa proprja tal-VAT għandu jinżamm mit-Teżor ta' kull Stat Membru jew mill-korp maħtur minn kull Stat Membru.

    Artikolu 7

    Dħul fil-kontijiet, ir-rappurtar u ż-żmien għat-tqegħid għad-dispożizzjoni

    1. L-ammonti kkalkulati skont l-Artikolu 4 għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet speċifikati fl-Artikolu 6(1), fl-ewwel jum tax-xogħol tat-tieni xahar kalendarju wara x-xahar li għalih ikun sar il-kalkolu.

    2. Mill-inqas għaxart ijiem tax-xogħol qabel id-data speċifikata fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni dikjarazzjoni ta' kull xahar tal-kontijiet għar-riżorsa proprja tal-VAT.

    3. Entrata fid-dikjarazzjoni sommarja speċifikata fl-Artikolu 6(4) għandha ssir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol tat-tieni xahar kalendarju wara x-xahar li għalih ikun sar il-kalkolu.

    4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti implimentattivi li jistabbilixxu regoli dettaljati għad-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 12(2).

    Artikolu 8

    Korrezzjonijiet tal-kontabilità

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe korrezzjonijiet għad-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar mibgħuta skont l-Artikolu 7(2).

    Wara l-31 ta' Diċembru tat-tielet sena wara sena partikolari, l-ebda korrezzjonijiet m'għandhom isiru għad-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar msemmija fil-paragrafu 1, ħlief għal punti nnotifikati qabel dik id-data jew mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru kkonċernat.

    Artikolu 9

    Imgħax fuq l-ammonti li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tard

    1. Kwalunkwe dewmien fid-dħul fil-kont msemmi fl-Artikolu 6(1) għandu jwassal għall-ħlas ta' imgħax min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat.

    Madankollu, l-irkupru ta' ammonti ta' imgħax li jkunu inqas minn EUR 500 għandu jiġi rrinunzjat.

    2. L-imgħax għandu jiġi impost fuq ir-rati u l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000.

    3. Għall-ħlas tal-imgħax imsemmi fil-paragrafu 1, l-Artikolu 6(2) u (3) għandu japplika mutatis mutandis .

    Kapitolu IV

    ARRANġAMENTI AMMINISTRATTIVI

    ARTIKOLU 10

    Konservazzjoni tad-dokumenti ta' sostenn

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jassiguraw li d-dokumenti ta' sostenn li jirrigwardaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja tal-VAT, jinżammu għal mill-anqas tliet snin kalendarji, li jibdew jgħoddu mit-tmiem tas-sena li hemm referenza għaliha f’dawn id-dokumenti ta' sostenn.

    Jekk il-verifika f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) […/…] tad-dokumenti ta' sostenn li hemm referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu turi li jeħtieġ li ssir korrezzjoni, dawn għandhom jinżammu aktar mil-limitu ta' żmien stipulat fl-ewwel subparagrafu, għal perjodu suffiċjenti biex il-korrezzjoni tkun tista' ssir u tiġi ssorveljata.

    Fejn tilwima bejn Stat Membru u l-Kummissjoni rigward l-obbligu li jitqiegħed għad-dispożizzjoni ammont partikolari ta' riżorsa proprja tal-VAT, tiġi riżolta permezz ta' ftehim reċiproku jew permezz ta' deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru għandu, fi żmien xahrejn minn dik ir-riżoluzzjoni, jgħaddi lill-Kummissjoni d-dokumenti ta' sostenn meħtieġa sabiex ikun jista' jsir is-segwitu finanzjarju.

    Artikolu 11

    Koperazzjoni amministrattiva

    1. Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li ġejja:

    19. l-ismijiet tad-dipartimenti jew tal-aġenziji responsabbli għat-twaqqif, il-ġbir, il-kontroll u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja tal-VAT u d-dispożizzjonijiet bażiċi li għandhom x'jaqsmu mar-rwol u l-operat ta' dawk id-dipartimenti u l-aġenziji;

    20. id-dispożizzjonijiet ġenerali preskritti bil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva u dawk li jirrigwardaw il-proċeduri tal-kontabilità dwar il-ġbir tal-VAT, l-ikkalkular tal-kontribuzzjonijiet tar-riżorsa proprja tal-VAT u t-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni;

    21. it-titolu preċiż tar-reġistri amministrattivi u tal-kontijiet kollha li fihom hija mdaħħla r-riżorsa proprja tal-VAT, partikolarment dawk użati għat-tħejjija tal-kalkolu provdut fl-Artikolu 4 u l-kontijiet previsti fl-Artikolu 7.

    Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata immedjetament b'kull tibdil f'dik l-informazzjoni.

    2. Il-Kummissjoni għandha, fuq talba ta' kwalunkwe Stat Membru, tgħaddi lill-Istati Membri kollha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    Kapitolu V

    DISPOżIZZJONIJIET FINALI

    ARTIKOLU 12

    Proċedura tal-Kumitati

    22. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru […/…]. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    23. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu jkun applikabbli l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 13

    Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1553/89 huwa mħassar. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament għandhom ikomplu japplikaw għall-kalkolu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji li ġejjin mit-taxxa fuq il-valur miżjud miġbura mill-Istati Membri qabel l-1 ta' Jannar 2014.

    Artikolu 14

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] ĠU L […], […], p. […].

    [2] Proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri implimentattivi għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea, COM(2011)740 tad-09.11.2011.

    [3] Ara l-Anness għad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “finanzjament tal-baġit tal-UE: rapport dwar it-tħaddim tas-sistema tar-riżorsi proprji", SEC(2011)876, p. 104.

    [4] COM(2010) 695, 1.12.2010. Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2010) 1455, 1.12.2010.

    [5] Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar metodi u proċedura għal tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, COM(2011)738 tad-9.11.2011.

    [6] Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' flus likwidi, COM(2011)742 tad-9.11.2011 li jemenda COM (2011)512 tad-29.6.2011.

    [7] ĠU L 347, 11.12.2006 p.1.

    [8] Dan ir-Regolament huwa s-suġġett ta' proposta emendata għal riformulazzjoni. Id-dispożizzjoni issa tidher fl-Artikolu 5 tal-proposta emendata għal riformulazzjoni.

    [9] Dan ir-Regolament huwa s-suġġett ta' proposta emendata għal riformulazzjoni. Id-dispożizzjoni issa tidher fl-Artikolu 6 tal-proposta emendata għal riformulazzjoni.

    [10] Dan ir-Regolament huwa s-suġġett ta' proposta emendata għal riformulazzjoni. Id-dispożizzjoni issa tidher fl-Artikolu 11 tal-proposta emendata għal riformulazzjoni.

    [11] Dan ir-Regolament huwa s-suġġett ta' proposta emendata għal riformulazzjoni. Id-dispożizzjoni issa tidher fl-Artikoli 3 u 4 tal-proposta emendata għal riformulazzjoni.

    [12] ĠU L […], […], p. […].

    [13] ĠU L […], […], p. […].

    [14] ĠU L […], […], p. […].

    [15] ĠU L […], […], p. […].

    [16] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

    [17] ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9.

    [18] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    [19] ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1.

    [20] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1)

    Top