This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011PC0570
Proposal for a COUNCIL DECISION on the signing, on behalf of the European Union, of the Trade Agreement between the European Union and Colombia and Peru
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù
/* KUMM/2011/0570 finali - 2011/0245 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù /* KUMM/2011/0570 finali - 2011/0245 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Sfond Il-proposta
mehmuża tikkostitwixxi strument legali għall-awtorizzazzjoni
tal-iffirmar ta' ftehim kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u
l-Perù: Proposta għal Deċiżjoni
tal-Kunsill dwar il-firma tal-ftehim kummerċjali. In-negozjati bejn
l-UE u l-Komunità Andina tan-Nazzjonijiet (minn hawn ’il quddiem il-Komunità
Andina) għal ftehim ta' assoċjazzjoni minn reġjun għal
reġjun, inkluż id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni u
l-kummerċ, ġew varati f'Ġunju 2007 wara deċiżjoni
tal-Kunsill biex ikunu awtorizzati dawn in-negozjati f'April tal-istess sena.
Sfortunatament, in-nuqqas ta' ftehim bejn il-pajjiżi Andini dwar
l-approċċi għal għadd ta' kwistjonijiet ewlenin dwar
il-kummerċ skont il-ftehim previst waslu għas-sospensjoni
tat-taħditiet f'Ġunju 2008. F'dawn iċ-ċirkostanzi,
il-Kummissjoni ressqet rakkomandazzjoni lill-Kunsill
fis-17 ta' Diċembru 2008 bil-għan li tiġi
modifikata l-awtorizzazzjoni eżistenti hekk li jkomplu għaddejjin
in-negozjati ta' ftehim kummerċjali ma' dawk il-pajjiżi tal-Komunità
Andina li huma lesti li jibqgħu għaddejjin. Fid-19 ta' Jannar 2009,
il-Kunsill awtorizza l-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim kummerċjali
multipartitiku ma' dawk il-pajjiżi li għandhom l-istess objettiv
ġenerali bħal tagħna, dak ta' ftehim bilanċjat,
ambizzjuż, komprensiv u kompatibbli mad-WTO. Il-Presidenti tal-Kolombja,
l-Ekwador u l-Perù kkonfermaw l-impenn tagħhom biex jinnegozjaw permezz
ta' ittri lill-President Barroso f'Jannar 2009. II-Bolivja kienet ikkritikat
bil-qawwa l-format il-ġdid, u ma kinitx uriet interess li
tipparteċipa. Għaldaqstant, f'Jannar 2009 kienu ġew varati
negozjati ġodda għal ftehim kummerċjali multipartitiku bejn l-UE
u l-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù. Wara erba' (4) sessjonijiet, l-Ekwador issospenda
l-parteċipazzjoni tiegħu fit-taħditiet u n-negozjati
għalhekk dawn komplew għaddejjin mal-Kolombja u l-Perù biss.
In-negozjati ntemmew b'suċċess f'Mejju 2010 u — wara fażi
ta' reviżjoni legali — it-test tal-ftehim kummerċjali kien inizjalat
mal-Kolombja u l-Perù fit-23 ta' Marzu 2011. Kif stipulat
fid-direttivi tan-negozjati, il-Kummissjoni laħqet l-objettivi li
jiġu eliminati tariffi għoljin, li jiġu indirizzati l-ostakli
tekniċi għall-kummerċ, li jiġu liberalizzati s-swieq
tas-servizzi, li jitħarsu l-indikazzjonijiet ġeografiċi Ewropej
importanti (il-GIs), li jinfetħu s-swieq tal-akkwisti pubbliċi, li
jiġu inklużi impenji dwar l-infurzar tal-istandards tax-xogħol u
dawk ambjentali u jiġu offruti proċeduri għas-soluzzjoni
għat-tilwim li jkunu effettivi u li ma jiħdux ħafna żmien.
B'hekk jintlaħaq ukoll l-għan li mmorru lil hinn sew mill-impenji
tad-WTO u li niżguraw livell ekwu mal-kompetituri fir-reġjun,
bħalma hi l-Istati Uniti. Fuq kollox,
il-ftehim huwa opportunità għall-UE biex tirfed ir-riformi tal-Kolombja u
l-Perù għall-integrazzjoni tal-ekonomija globali, biex jitkattar
il-ġid soċjali u jiġi kkonsolidat it-tkabbir tagħhom
bil-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popli
tagħhom. Il-Membri l-oħra tal-Komunità Andina huma
inkoraġġuti wkoll permezz ta' klawżola ta' adeżjoni biex
jipparteċipaw fil-ftehim kummerċjali meta jidhrilhom li hu
ż-żmien li jsir dan. L-Istati Membri tal-Unjoni kienu infurmati
bil-fomm u bil-kitba dwar il-proċess tan-negozjati mal-Kolombja, il-Perù u
— sakemm kien qed jipparteċipa, l-Ekwador — permezz tal-Kumitat dwar
il-Politika Kummerċjali tal-Kunsill. Il-Parlament Ewropew kien
qiegħed jiġi wkoll infurmat regolarment bl-iżviluppi permezz
tal-Kumitat tal-Kummerċ Internazzjonali (l-INTA). Tul il-proċess,
it-test sħiħ li ħareġ min-negozjati ġie
ċċirkolat liż-żewġ istituzzjonijiet. F'Ottubru 2009
saret Stima dettaljata tal-Impatt dwar is-Sostenibbiltà Kummerċjali (SIA)
li tanalizza l-effetti potenzjali — ta' natura ekonomika, soċjali u
ambjentali — tal-Ftehim. 2. In-Natura
U L-Firxa Tal-Ftehim Il-ftehim kummerċjali bejn l-UE,
il-Kolombja u l-Perù jistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex l-operaturi
ekonomiċi tal-UE jkunu jistgħu jisfruttaw kull vantaġġ
mill-opportunitajiet u l-komplementaritajiet li qed jixirfu bejn l-ekonomiji
rispettivi tagħna. Lill-esportaturi tal-UE ta' prodotti
industrijali u tas-sajd, tul l-implimentazzjoni tiegħu l-Ftehim se jkun
qed jiffrankalhom il-ħlas kollu taz-dazji doganali. Il-Ftehim jissodisfa
l-kriterji fl-artikolu XXIV tal-GATT (biex jiġu eliminati d-dazji u
regolamenti restrittivi oħra tal-kummerċ fir-rigward ta',
sostanzjalment, il-kummerċ kollu bejn il-partijiet), jiġifieri: li
huma koperti 99% tal-esportazzjonijiet mill-UE (100% tal-kummerċ
tagħna fi prodotti industrijali f'10 snin; u c.85% tal-agrikoltura wara
17-il sena). Barra minn dan, dan jippermetti li jiġu eliminati wħud
mill-ostakli mhux tariffarji diffiċli. Il-Perù u l-Kolombja, min-naħa
tagħhom, se jibbenefikaw minn aċċess sostanzjali u ġdid
lejn is-suq tal-UE b'mod partikolari għall-esportazzjonijiet agrikoli
ewlenin tagħhom: il-banana, iz-zokkor u r-rum, filwaqt li l-UE se
tagħti kopertura 100% mingħajr dazju għall-prodotti industrijali
u tas-sajd ta' oriġini Kolombjana u Peruvjana, u dan appena l-Ftehim
jidħol fis-seħħ. Fejn tidħol il-kopertura tas-servizzi u
l-istabbiliment, kif ukoll dik tal-akkwisti pubbliċi, il-ftehim huwa
wieħed mill-aktar ambizzjużi li l-Kummissjoni qatt innegozjat. Dan
jinkludi impenji sostanzjali fis-setturi ewlenin kollha (jiġifieri
s-servizzi finanzjarji, it-telekomunikazzjoni, it-trasport)
għall-provvisti u l-istabbiliment transkonfinali, b'mod partikolari,
filwaqt li ġie indirizzat b'mod sodisfaċenti t-tħassib tal-UE
fejn tidħol il-preżenza temporanja ta' persuni fiżiċi
għall-finijiet ta' negozju (il-mode 4). Fejn jidħlu l-akkwisti, l-UE
kisbet impenn mill-istituzzjonijiet kemm fil-livell ċentrali kif ukoll dak
subċentrali b'limiti pjuttost baxxi. Il-ftehim jistabbilixxi wkoll sett ta'
dixxiplini li jmorru lil hinn minn dawn miftiehma fil-qafas multilaterali,
notevolment dwar il-proprjetà intellettwali (eż. 205 indikazzjoni
ġeografika protetta fl-UE, kundizzjonijiet iċċarati dwar
il-protezzjoni tad-dejta); l-iżvilupp sostenibbli (il-ftehim, fejn
jidħlu kwistjonijiet dwar ix-xogħol u dawk ambjentali, huwa
ekwivalenti għall-GSP+, jew ogħla minn hekk, u jinkludi impenji
speċifiċi dwar is-sajd sostenibbli); il-kompetizzjoni (dixxiplini fuq
il-monopolji u l-intrapriżi tal-Istat – obbligi marbuta mat-trasparenza
dwar is-sussidji); l-ostakli tekniċi għall-kummerċ (elementi
WTO+ dwar is-sorveljanza tas-swieq, it-trasparenza fil-proċeduri ta'
regolazzjoni u d-dixxiplini dwar it-tikkettar u l-immarkar); il-miżuri
sanitarji u fitosanitarji (miżuri WTO+ dwar il-benesseri tal-annimali,
ir-reġjonalizzazzjoni, l-approvazzjoni ta' stabbilimenti
tal-esportazzjoni, l-ispezzjonijiet fuq il-post u l-kontrolli fuq
l-importazzjonijiet), fost l-oħrajn. Barra minn dan, il-ftehim
jistabbilixxi Kumitat tal-Kummerċ kif ukoll sett ta' subkumitati b'mod li
jkun possibbli li jsiru konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet
speċifiċi dwar il-kummerċ skont it-titoli differenti
tiegħu. Għaldaqstant, valur addizzjonali prinċipali tal-ftehim
huwa dak li jiffissa u jippromwovi – lil hinn minn dawk ir-regoli mnissla
mill-qafas tad-WTO, kif ukoll f'livell ogħla minnhom – politiki ta'
ftuħ u rispett lejn l-aqwa prassi maqbula internazzjonalment fil-livell
domestiku filwaqt li jiġi garantit ambjent trasparenti, mhux
diskriminatorju u prevedibbli għall-operaturi u l-investituri tal-UE
fir-reġjun — partikolarment permezz ta' mekkaniżmu bilaterali
għas-soluzzjoni tat-tilwim previst fil-ftehim. Il-ftehim jinkludi wkoll Titolu dwar
l-asistenza teknika u dwar il-bini tal-kapaċità kummerċjali hekk li
jiġu promossi l-kompetittività, l-innovazzjoni, kif ukoll jiġu
ffaċilitati t-trasferimenti tal-kummerċ u tat-teknoloġija bejn
il-paritjiet. L-oqsma kollha
koperti mill-ftehim kummerċjali jaqgħu fil-kompetenza tal-UE,
speċifikament fl-ambitu tal-Artikoli 91, 100(2) u 207 TFUE.
Għalhekk, l-Unjoni Ewropea se tikkonkludi l-ftehim skont
id-deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(5) TFUE,
wara li jingħata l-kunsens mill-Parlament Ewropew. 3. Proċeduri Il-Kummissjoni kienet sodisfatta
bir-riżultati tan-negozjati u titlob lill-Kunsill: –
biex jawtorizza, f'isem l-Unjoni Ewropea,
l-iffirmar tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u
l-Perù. 2011/0245 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea,
tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 91,
100(2), u 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(5)
tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1], Billi: (1) Fid-19 ta' Jannar 2009,
il-Kunsill awtorizza l-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim dwar il-kummerċ
multipartitiku f'isem l-Unjoni Ewropea mal-Pajjiżi Membri tal-Komunità
Andina li kellhom l-istess objettiv ta' ftehim ambizzjuż, komprensiv u bilanċjat. (2) Dawk in-negozjati ġew
konklużi u l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u
l-Perù (minn issa ’l quddiem "il-Ftehim") kien inizjalat
fit-23 ta' Marzu 2011. (3) Il-Ftehim għandu
jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-iffirmar
tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù huwa
b'dan approvat f'isem l-unjoni Ewropea, suġġett
għall-konklużjoni tal-imsemmi ftehim. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din
id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill
għandu jagħti s-setgħat lill-persuna jew persuni indikati
min-negozjatur tal-Ftehim biex jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni Ewropea,
suġġett għall-konklużjonijiet tiegħu. Artikolu 3 Din
id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar li
tiġi adottata. Magħmul fi Brussell,
[…] Għall-Kunsill Il-President DIKJARAZZJONI LEGIŻLATTIVA
FINANZJARJA GĦAL PROPOSTI LI JKOLLHOM IMPATT BAĠITARJU LIMITAT
ESKLUŻIVAMENT GĦAN-NAĦA TAD-DĦUL 1. ISEM IL-PROPOSTA: DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar,
f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u
l-Kolombja u l-Perù 2. LINJI BAĠITARJI: Kapitolu u Artikolu: 12 0 Ammont ibbaġitjat għal tmiem il-perjodu
ta' implimentazzjoni 3. IMPATT FINANZJARJU ¨ Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji x Il-proposta ma għandhiex impatt finanzjarju fuq in-nefqa
iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett hu dan li
ġej: (miljuni EUR imqarrba lejn post
deċimali wieħed) || || Linja baġitarja || Dħul[2] || perjodu fuq 12-il xahar li jibda mill-jj/xx/ssss || [Sena n] Artikolu … || Impatt fuq ir-riżorsi proprji || || 137.5 Artikolu … || Impatt fuq ir-riżorsi proprji || || Is-sitwazzjoni wara l-azzjoni || [n+1] || [n+2] || [n+3] || [n+4] || [n+5] Artikolu … || || || || || Artikolu … || || || || || 4. MIŻURI KONTRA L-FRODI Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar
id-dwana hija mfassla biex tiżgura l-applikazzjoni tajba tal-miżuri
kollha tal-UE dwar id-dwana, inklużi l-preferenzi tariffarji stabbiliti
f'dan il-ftehim kummerċjali, li jinkludi wkoll id-dispożizzjonijiet
neċessarji dwar l-applikazzjoni tar-regoli preferenzjali tal-oriġini
u tal-kooperazzjoni amministrattiva (l-Anness II), l-assistenza
fit-talbiet għall-għajnuna (l-Anness V), u l-possibbiltà, wara
l-konsultazzjonijiet, tal-irtirar temporanju tal-preferenzi tat-tariffi
fil-każ ta' frodi u irregolaritajiet li jinvolvu trattament preferenzjali
(l-Anness III). 5. RIMARKI OĦRAJN Din l-istima hija bbażata fuq il-medja ta'
importazzjonijiet għall-perjodu 2007-2009 u tirrappreżenta t-telf
annwali mid-dħul kawża (1) tal-implimentazzjoni sħiħa
tal-preferenzi tariffarji negozjati tal-Ftehim Kummerċjali,
jiġifieri: 10 snin wara li jidħol fis-seħħ u (2)
il-livelli inizjali tal-kwoti tar-rati tariffarji konċessi. Tul is-snin
preċedenti, it-telf fid-dħul se jkun inferjuri anki minħabba
l-probabbiltà ta' żieda fl-importazzjonijiet ta' prodotti li d-dazji
fuqhom se jitnaqqsu fi stadji u dak se jkun qed jikkumpensa, parzjalment,
għat-telf. [1] ĠU C
, , p. . [2] Dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali (dazji
agrikoli, imposti fuq iz-zokkor, dazji doganali) l-ammonti indikati jridu jkunu
ammonti netti, i.e. ammonti gross wara t-tnaqqis ta' 25 % tal-ispjejjeż
tal-ġbir