Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0511

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea

    /* KUMM/2011/0511 finali - 2011/0184 (APP) */

    52011PC0511

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea /* KUMM/2011/0511 finali - 2011/0184 (APP) */


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġu stabbiliti miżuri ta’ implimentazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ... ta’... dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea[1] skont l-Artikolu 311(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem "TFUE").

    Dawn il-miżuri implementattivi jkopru l-arranġamenti prattiċi kollha għar-riżorsi tal-Unjoni li għandhom ikunu rregolati bi proċedura aktar issimplifikata sabiex is-sistema ssir flessibbli fil-qafas u fil-limiti stabbiliti mid-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji bl-eċċezzjoni ta' dawk l-aspetti relatati biex jagħmlu disponibbli r-riżorsi tagħhom u biex jilħqu l-ħtiġiet ta' flus kontanti. Dispożizzjonijiet ta' natura ġenerali, applikabbli għat-tipi kollha ta’ riżorsi proprji u li għalihom is-sorveljanza parlamentari xierqa hija partikolarment importanti wkoll ġew inklużi f’din il-proposta. Dan ifisser b'mod partikolari, l-aspetti ta' kontroll u superviżjoni tad-dħul inkluż ħtiġijiet ta’ rappurtar supplementarji u s-setgħat relatati tal-ispetturi tal-Kummissjoni.

    Dawn il-miżuri implimentattivi għandhom jiġu kkumplimentati, skont l-Artikolu 322(2) TFUE, b’regolamenti li jistabbilixxu l-metodi u l-proċeduri li permezz tagħhom id-dħul mir-riżorsi proprji għandhom ikunu disponibbli jew imħallsa lill-Kummissjoni, u l-miżuri li għandhom jiġu applikati, jekk ikun meħtieġ, biex jilħqu l-ħtiġiet ta' flus kontanti.

    L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni … jipprevedi li l-miżuri implimentattivi għandhom ikunu pprovduti:

    (a) ir-rati tat-taxxa jew rati ta’ prelevazzjoni tar-riżorsi proprji stabbiliti skont l-Artikoli 2(1)(b), (c) u (d) tad-Deċiżjoni …;

    (b) ir-referenza Introjtu Nazzjonali Gross (ING), id-dispożizzjonijiet biex jaġġustaw id-DNG u d-dispożizzjonijiet biex jiġu kklalkulati mill-ġdid il-limiti tal-pagamenti u l-impenji f’każ ta’ bidliet sinifikanti fl-ING, għall-iskop tal-applikazjzoni tal-Artikoli 2(1)(d) u 3 tad-Deċiżjoni …;

    (c) il-proċedura għall-kalkolu u l-ibbaġitjar tal-bilanċ baġitarju annwali kif stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni …;

    (d) id-dispożizzjonijiet u l-arranġamenti għall-kontroll u s-superviżjoni tad-dħul mir-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni …, inklużi l-ħtiġiet tar-rappurtar supplimentari.

    L-elementi proposti mill-Kummissjoni jirrelataw b’dan il-mod mal-miżuri implimentattivi:

    – għar-riżorsi proprji l-ġodda stabbiliti skont l-Artikolu 2(1)(b) u (c) tad-Deċiżjoni …, notevolment ir-rati tat-taxxa tagħhom, il-kontroll u s-sorveljanza;

    – miżmum mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436[2] (minn hawn 'il quddiem msemmija bħala "DRP 2007"), bħala referenza għas-Sistema Ewropea ta' kontijiet reġjonali u nazzjonali (ESA) li issa huwa Regolament kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsill;

    – miżmum mir-Regolament tal-Kunsill 1150/2000[3] li jimplimenta d-DRP 2007, għall-kalkolu taż-żejjed u għall-kontroll u s-superviżjoni tad-dħul mir-riżorsi proprji, inklużi l-ħtiġiet tar-rappurtaġġ supplimentari, li mhumiex relatati strettament mad-disponibbiltà tar-riżorsi nterni;

    – u miżmum mir-Regolament tal-Kunsill 1026/1999[4] dwar il-poteri u l-obbligi tal-ispetturi tal-Kummissjoni kif ukoll il-preparazzjoni u l-ġestjoni tal-ispezzjonijiet.

    F'aktar dettalji, il-proposta tal-Kummissjoni tista’ titqassar kif ġej:

    1.1 Kapitolu I "Determinazzjoni tar-riżorsi proprji"

    – L-Artikolu 1 tal-proposta, "Ir-rati applikabbli": L-Artikolu jipprevedi r-rati tat-taxxa li għandhom ikunu applikati għall-kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(b), (c) tad-Deċiżjoni …. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament 1150/2000 inżammu u ġew aġġornati.

    – L-Artikolu 2 tal-proposta, “Bidliet sinifikanti fl-ING ta’ Referenza": Id-dispożizzjonijiet taħt l-Artikoli 2(7)§1 u 3(3) tad-DRP 2007 nżammu u ġew aġġornati

    – L-Artikolu 3 tal-proposta, "Kalkolu u l-ibbaġitjar tal-bilanċ": Id-dispożizzjonijiet taħt l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament 1150/2000 inżammu u ġew aġġornati.

    1.2 Kapitolu II “Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kontroll u s-superviżjoni, inklużi l-ħtiġiet tar-rappurtar supplimentari"

    – L-Artikolu 4 tal-proposta, "Rappurtar ta’ frodi u irregolaritajiet li jaffettwaw l-intitolamenti": Dispożizzjonijiet taħt l-Artikolu 6(5) tar-Regolament 1150/2000 inżammu, ġew aġġornati u ssimplifikati.

    – L-Artikolu 5 tal-proposta, "Kontroll u miżuri ta’superviżjoni": Id-dispożizzjonijiet taħt l-Artikoli 17(1) u 18 tar-Regolament 1150/2000 inżammu, ġew aġġornati u kkompletati fir-rigward tar-riżorsi proprji l-ġodda stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(b), (c) tad-Deċiżjoni ….

    – L-Artikolu 6 tal-proposta, "Rappurtar mill-Istati Membri tal-ispezzjonijiet tagħhom": Id-dispożizzjonijiet taħt l-Artikoli 17(5) u 18(5) tar-Regolament 1150/2000 inżammu u ġew aġġornati.

    – L-Artikoli 7 u 8 tal-proposta "Il-poteri u l-obbligi ta' aġenti awtorizzati tal-Kummissjoni" u "Il-preparazzjoni u l-ġestjoni ta’ spezzjonijiet”: Id-dispożizzjonijiet mir-Regolament 1026/1999 inżammu, ġew riorganizzati għaċ-ċarezza u aġġornati, u dak ir-Regolament jiġi mħassar fl-Artikolu 10 'Disposizzjonijiet finali’ ta' din il-proposta.

    1.3 Kapitolu III "Kumitat u dispożizzjonijiet finali"

    – L-Artikolu 9 tal-proposta, "Proċedura tal-Kumitat – Il-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (ACOR)": Tipprovdi biex jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni setgħat implimentattivi skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Għal kompiti speċifiċi oħrajn, il-Kummissjoni tista’ wkoll tiddeċiedi li twaqqaf grupp ta' esperti.

    2011/0184 (APP)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari r-raba' paragrafu tal-Artikolu 311, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’... dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea[5], u b' mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[6],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri[7],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[8],

    Li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    (1) Is-sorveljanza parlamentari hija partikolarment importanti għad-dispożizzjonijiet ta' natura ġenerali applikabbli għat-tipi kollha ta’ riżorsi proprji u li jkopru l-kontroll u s-superviżjoni ta' dħul inklużi l-ħtiġiet tar-rappurtaġġ supplimentari.

    (2) Sabiex jinżamm l-istess ammont ta’ riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġu adattati l-limiti ta' riżorsi proprji tal-Unjoni għall-pagamenti u l-impenji kif determinati, rispettivament, fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni … imfissra fil-mija tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) f’każ ta’ emendi għar-Regolament (UE) Nru … ta' […] dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea[9] li jinvolvu bidla sinifikanti fil-livell tal-IGN.

    (3) It-trasparenza tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni għandha tiġi żgurata b’informazzjoni adegwata pprovduta mill-awtorità baġitarja. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u, fejn meħtieġ, jgħaddulha d-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa ħalli hi tkun tista' teżerċita l-poteri mgħotija lilha fir-rigward tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

    (4) L-arranġamenti li bihom l-Istati Membri jew l-operaturi ekonomiċi responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji jirrappurtaw lill-Kummissjoni, għandu jagħmilha possibbli għall-Kummissjoni li ssegwi l-azzjoni tagħhom li jirkupraw ir-riżorsi proprji, partikolarment f'każi ta' frodi u irregolaritajiet.

    (5) Sabiex jiżguraw baġit ibbilanċjat, kwalunkwe bilanċ żejjed ta’ dħul tal-Unjoni fuq in-nefqa attwali totali matul sena finanzjarja għandu jiġi riportat għas-sena finanzjarja sussegwenti. Għalhekk, il-bilanċ riportat għandu jiġi definit.

    (6) L-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji għandhom iwettqu verifiki u inkjesti relatati mal-istabbiliment, id-disponibbiltà u l-ħlas tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tar-regoli finanzjarji relatati mar-riżorsi proprji huwa meħtieġ li jiżguraw kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri jew l-operaturi ekonomiċi responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji u l-Kummissjoni.

    (7) Għal raġunijiet ta' konsistenza u ċarezza, għandhom jiġu stabbiliti disposizzjonijiet li jkopru l-poteri u l-obbligi ta' aġenti awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjonijiet fir-rigward tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, li jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika ta’ kull riżorsa proprja. Għandhom jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li bihom aġenti awtorizzati jwettqu l-kompiti tagħhom għandhom jiġu stabbiliti, u partikolarment ir-regoli li l-uffiċjali kollha tal-Unjoni, impjegati oħra u esperti nazzjonali ssekondati għandhom josservaw f'dak li għandu x'jaqsam mal-kunfidenzalità professjonali u mal-protezzjoni ta' dejta personali. Huwa neċessarju li jiġi stabbilit l-istatus ta’ esperti nazzjonali ssekondati u l-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat biex joġġezzjonaw għall-preżenza, waqt spezzjoni, ta' uffiċjali ta' Stati Membri oħra.

    (8) Għal raġunijiet ta' koerenza, ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2007/436 tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej[10] u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet[11] għandhom jiġu inklużi f'dan ir-Regolament. Dawk id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw ING ta' referenza u bidliet sinifikanti tiegħu, ir-rata ta' prelevazzjoni tar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni […/…], tal-kalkolu u l-ibbaġitjar tal-bilanċ, il-kontroll u s-sorveljanza tar-riżorsi proprji u rekwiżiti tar-rappurtar supplimentari, kif ukoll tal-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (ACOR).

    (9) Sabiex jiżguraw kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat implimentattivi fuq il-Kummissjoni. Dawk il-poteri għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxu r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċitar tas-setgħat ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni[12].

    (10) Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni tal-atti implimentattivi sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-rappurtar ta’ frodi u irregolaritajiet li jaffettwaw intitolament għar-riżorsi proprji tradizzjonali u miżuri biex jiġu eżaminati l-estimi tar-riżorsi proprji mogħtija minħabba n-natura teknika ta' dawk l-atti meħtieġa għal skopijiet ta’ rappurtar.

    (11) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1026/1999 tal-10 ta' Mejju 1999 li jiddetermina l-poteri u l-obbligi ta' aġenti awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu kontrolli u spezzjonijiet tar-riżorsi proprji tal-Komunità[13] għandhom ikunu mħassra.

    (12) Għal raġunijiet ta' konsistenza, dan ir-Regolament għandu japplika fl-istess jum tad-Deċiżjoni …,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Kapitolu I

    Determinazzjoni tar-riżorsi proprji

    Artikolu 1

    Rati applikabbli

    1. Ir-rati tat-taxxa applikabbli [14]għar-riżorsa proprja msemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni … għandhom ikunu:

    (a) …% għal tranżazzjonijiet fuq bonds, stokks u titoli simili;

    (b) …% għal tranżazzjonijiet oħra.

    2. Ir-rata tat-taxxa applikabbli għal riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Deċiżjoni … għandha tkun 1,0%.

    3. Ir-rata uniformi msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni … għandha tiġi stabbilita fi żmien il-proċedura tal-baġit u għandha tiġi kkalkulata bħala perċentwali tas-somma tal-previżjoni tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-Istati Membri b'tali mod li tkopri kompletament dik il-parti tal-baġit mhux iffinanzjata minn dħul msemmi fl-Artikolu 2(1)(a), (b), u (c) tad-Deċiżjoni …, minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku supplimentari u dħul ieħor.

    Dik ir-rata għandha tiġi espressa fil-baġit b’ċifra li jkun fiha postijiet deċimali kemm ikun meħtieġ sabiex ir-riżorsa bbażata fuq l-ING tinqasam bejn l-Istati Membri.

    Artikolu 2

    L-ING ta' Referenza u tibdiliet sinifikanti fih

    1. L-ING imsemmi fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni … għandu jfisser id-DNG annwali bil-prezz tas-suq, kif ipprovdut mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament ….

    2. Fejn l-emendi għar-Regolament... jirriżultaw f'tibdil sinifikanti fl-ING, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-dati ta’ applikazzjoni ta' dawk il-bidliet għall-finijiet tad-Deċiżjoni ….

    3. Fejn l-emendi għar-Regolament... jirriżultaw f’bidliet sinifikanti fil-livell tal-ING, il-limiti tal-pagamenti u l-impenji kif determinati fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni … għandhom ikunu kkalkulati mill-ġdid mill-Kummissjoni skont il-formula li ġejja:

    1.23%(1.29%)* || INGt-2 + INGt-1 + INGt ESA attwali

    INGt-2 + INGt-1 + INGt ESA emendat

    F’din il-formola, "t" hija l-aħħar sena sħiħa li għaliha d-dejta definita bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003[15] hija disponibbli.

    Artikolu 3

    Il-kalkolu u l-ibbaġitjar tal-bilanċ

    1. Għall-iskop tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni … il-bilanċ għal sena finanzjarja partikolari għandu jikkonsisti fid-differenza bejn l-introjtu kollu miġbur fir-rigward ta' dik is-sena finanzjarja u l-ammont ta' pagamenti magħmula għal approprazzjonijiet għal dik is-sena finanzjarja miżjuda bl-ammont tal-approprazzjonijiet għall-istess sena finanzjarja jiġi riportat bis-saħħa tal-Artikolu 9 tar-Regolament … (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament Finanzjarju")[16].

    Dik id-differenza għandha tkun miżjuda jew imnaqqsa bl-ammont nett tal-approprazzjonijiet riportati mis-snin finanzjarji preċedenti li jkunu ġew ikkanċellati. B'deroga mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament Finanzjarju, id-differenza għandha wkoll tiġi miżjuda jew imnaqqsa kif ġej:

    (a) pagamenti magħmula b'eċċess ta' approprazzjonijiet mhux differenzjati riportati mis-snin finanzjarji preċedenti permezz tal-Artikolu 9(1) u (4) tar-Regolament Finanzjarju bħala riżultat ta' tibdil fir-rati tal-euro;

    (b) Il-bilanċ li jirriżulta mil-qliegħ jew telf fil-kambju matul is-sena finanzjarja.

    2. Il-Kummissjoni għandha, qabel l-aħħar t'Ottubru ta' kull sena finanzjaraja, tagħmel stima tar-riżorzi proprji tagħha miġbura għas-sena sħiħa, fuq il-bażi tad-dejta li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha f 'dak iż-żmien. Xi differenzi konsiderevoli fir-rigward tal-estimi oriġinali jistgħu jagħtu bidu għal ittra emendatorja għall-abbozz tal-baġit għas-sena finanzjarja ta' wara jew baġit emendatorju għas-sena finanzjarja kurrenti.

    Kapitolu II

    Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kontroll u s-superviżjoni, inklużi l-ħtiġiet tar-rappurtaġġ supplimentari

    Artikolu 4

    Rappurtar ta’ frodi u irregolaritajiet li jaffettwaw intitolamenti

    1. Fix-xahrejn ta’ wara t-tmiem ta’ kull kwart tas-sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni deskrizzjoni tal-każjiet ta' frodi u irregolaritajiet misjuba li jinvolvu intitolamenti ta’ ’l fuq minn EUR 10 000 li jikkonċernaw ir-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni ….

    Fi żmien il-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu, kull Stat Membru għandu jaqgħti dettalji tal-pożizzjoni li jirrigwardaw każijiet ta' frodi u irregolaritajiet diġà rrapurtati lill-Kummissjoni li l-irkupru tagħhom, il-kanċellament jew in-nuqqas ta' rkupru ma kinux ġew indikati qabel.

    2. Għar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Deċiżjoni … kull sitt xhur l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni deskrizzjoni tal-każjiet ta' frodi u irregolaritajiet misjuba li jinvolvu intitolamenti ta' 'l fuq minn EUR 10 000 matul is-sitt xhur preċedenti.

    3. L-operaturi ekonomiċi responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni ... għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fi żmien xahar minn meta jsiru jafu dwar iċ-ċirkostanzi ta’ każijiet ta’ frodi jew irregolaritajiet li jinvolvu intitolament ta’ aktar minn EUR 10 000.

    4. Il-Kummissjoni se tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabilixxu dettalja tad-deskrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu kif ukoll miżuri għall-eżaminazzjoni tal-estimi tar-riżorsi proprji. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2).

    5. Sommarju tan-notifiki msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu inklużi fir-rapport tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 325(5) tat-Trattat.

    Artikolu 5

    Miżuri ta’ kontroll u superviżjoni

    1. L-Istati Membri jew l-operaturi ekonomiċi responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji għandhom jieħu l-miżuri kollha li huma meħtieġa biex jassiguraw li l-ammont korrispondenti tal-intitolamenti stabbiliti permezz tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni … huma disponibbli jew imħallsa lill-Kummissjoni.

    2. L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki u kontrolli li jirrigwardaw l-istabbiliment u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (c) tad-Deċiżjoni ….

    L-operaturi ekonomiċi responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji għandhom iwettqu verifiki u inkjesti li jirrigwardaw il-ġbir tar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni …, flimkien mal-proċessi biex jitħallsu lill-Kummissjoni.

    3. L-Istati Membri jew l-operaturi ekonomiċi responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji għandhom iwettqu miżuri ta' spezzjonar addizzjonali fuq it-talba tal-Kummissjoni. Fit-talba tagħha l-Kummissjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet għal ispezzjonar addizzjonali. L-Istati Membri jew l-operaturi ekonomiċi, għandhom, jekk il-Kummissjoni hekk titlob, jassoċjawha mal-ispezzjonijiet, li huma jwettqu. Il-Kummissjoni tista', minflok, titlob li ċerti dokumenti jintbagħtu lilha.

    4. L-operaturi ekonomiċi responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni kull rapport tal-verifika interna jew esterna jew rapport ta’ konsulenza disponibbli lilhom, li jinkludi analiżi tas-sistemi li huma jużaw biex jiġbru r-riżorsi tagħha, jew biex iħallsu dawk ir-riżorsi lill-Kummissjoni.

    5. Il-Kummissjoni tista' twettaq spezzjonijiet fuq il-post hija nnifisha. L-aġenti awtoriżżati mill-Kummissjoni għal dawn l-ispezzjonijiet għandhom ikollhom aċċess, sakemm l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament hekk ikun jeħtieg, għad-dokumenti ta' sostenn dwar l-istabbilment, it-tqegħid għad-dispożizzjoni jew il-ħlas tar-riżorsi proprji, u għal kwalunkwe dokumenti oħra xierqa marbuta ma’ dawk id-dokumenti ta' sostenn.

    6. L-Istati Membri jew l-operaturi ekonomiċi responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji għandhom jiffaċilitaw il-miżuri ta’ ispezzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

    7. Fejn il-Kummissjoni tkun assoċjata ma’ ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha jkollha l-istess aċċess għal dokumenti ta' sostenn u dokumenti relatati kif stipulat għall-ispezzjonijiet fil-paragrafu 5.

    8. Fejn l-ispezzjoni tikkonċernaw riżorsi proprji bbażati fuq l-ING il-Kummissjoni għandu jkollha wkoll aċċess għal dokumenti li jirrigwardaw il-proċeduri statistiċi u l-istatistiċi bażiċi msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003.

    9. L-ispezzjonijiet msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal dawn li ġejjin:

    (a) l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri skont il-liġijiet nazzjonali, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom;

    (b) il-miżuri previsti fl-Artikoli 287 u 319 tat-Trattat;

    (c) l-arranġamenti ta’ spezzjonar magħmula skont l-Artikolu 322(1)(b) tat-Trattat.

    10. Flimkien mal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni kull sena għandha tispezzjona l-aggregati miġbura għal żbalji fil-kompilar, speċjalment f'każijiet notifikati mill-Kumitat tal-ING stabbilit bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003. Meta tagħmel hekk tista', f'każijiet individwali, teżamina wkoll il-kalkolazzjonijiet u bażijiet statistiċi, ħlief l-informazzjoni dwar kumpaniji jew persuni individwali, meta ma jkun possibbli l-ebda assessjar xieraq ieħor. Il-Kummissjoni għandha tirrispetta r-regoli nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità ta-istatistika.

    Artikolu 6

    Ir-rappurtar mill-Istati Membri tal-ispezzjonijiet tagħhom

    L-Istati Membri għandhom jissottomettu rapporti annwali dettaljati lill-Kummissjoni dwar l-ispezzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-ġbir korrett tar-riżorsi proprji u r-riżultati ta’ dawk l-ispezzjonijiet, id-dejta ġenerali u kwalunkwe kwistjonijiet ta' prinċipju li jirrigwardaw l-aktar problemi importanti li jinħolqu mill-applikar ta' Regolamenti li jimplimentaw id-Deċiżjoni […/…] u, partikolarment, materji disputati. Ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sal-1 ta' Marzu tas-sena ta' wara s-sena finanzjarja kkonċernata. Fuq il-bażi ta' dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport sommarju, li għandu jingħata għall-attenzjoni tal-Istati Membri kollha.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti implimentattivi li jistabbilixxu formola għar-rapporti annwali tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 9(2).

    Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull tliet snin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-arranġamenti ta' ispezzjonar msemmija fl-Artikolu 5.

    Artikolu 7

    Il-poteri u l-obbligi ta' aġenti awtorizzati tal-Kummissjoni

    1. Il-Kummissjoni għandha speċifikament taħtar bl-għan li tagħmel l-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 ċerti uffiċjali jew impjegati oħra tagħha (minn hawn 'il quddiem "l-aġenti awtorizzati").

    Għal kull ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-aġenti awtorizzati bit-termini ta’ referenza bil-miktub li jiddikjaraw l-identità u l-kapaċità uffiċjali tagħhom.

    Il-persuni li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni mill-Istati Membri bħala esperti nazzjonali ssekondati jistgħu jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet.

    Bi ftehim speċifiku u minn qabel tal-Istat Membru jew operatur ekonomiku responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji kkonċernati, il-Kummissjoni tista' titlob l-għajnuna ta' uffiċjali minn Stati Membri oħra bħala osservaturi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-uffiċjali jikkonformaw mal-paragrafu 3.

    2. Matul ispezzjonijiet fuq il-post u konġunti l-aġenti awtorizzati għandhom jaġixxu b’mod kompatibbli mar-regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat. Għandhom ikunu marbuta bis-segretezza professjonali, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

    L-aġent awtorizzat jista’, jekk meħtieġ, jikkuntattja debituri, iżda biss fil-kuntest tal-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5, u biss permezz tal-awtoritajiet kompetenti li l-proċeduri tal-ġbir tar-riżorsi proprji huma s-suġġett tal-ispezzjoni.

    3. L-informazzjoni kkomunikata jew miksuba skont il-paragrafi 1 u 2, f'kull għamla, għandha tkun suġġetta għas-segretezza professjonali u tirċievi l-protezzjoni mogħtija lill-informazzjoni simili skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih tkun miġbura u bid-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    Dik l-informazzjoni ma tistax tiġi kkomunikata lil persuni oħra ħlief dawk fi ħdan l-organizzazzjonijiet ispezzjonati, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew l-Istati Membri li d-dover tagħhom hu li jkunu jafu, lanqas ma jistgħu jintużaw għal skopijiet oħra minbarra dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament mingħajr kunsens minn qabel tal-Istat Membru jew operatur ekonomiku responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji mingħand min kienet miġbura.

    L-ewwel u t-tieni subparagrafu għandhom japplikaw għall-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Unjoni, u esperti nazzjonali ssekondati.

    4. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-aġenti awtorizzati u persuni oħra li jaġixxu taħt l-awtorità tagħha jikkonformaw mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[17] u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[18] u regoli oħra tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta personali

    Artikolu 8

    It-tħejjija u l-amministrazzjoni ta' ispezzjonijiet

    1. F'komunikazzjoni ssostanzjata kif xieraq, il-Kummissjoni għandha tati avviż ta' ispezzjoni fi żmien xieraq lill-Istat Membru jew operatur ekonomiku responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji li l-proċeduri tiegħu qed jiġu eżaminati. Fejn l-ispezzjoni tikkonċerna operatur ekonomiku responsabbli mill-ġbir ta' riżorsi proprji, l-Istat Membru fejn issir l-ispezzjoni għandu jiġi innotifikat ukoll. L-aġenti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jipparteċipaw f’din l-ispezzjoni.

    2. Għal ispezzjonijiet fejn il-Kummissjoni tkun assoċjata skont l-Artikolu 5(3) l-organizzazzjoni tax-xogħol u r-relazzjonijiet mad-dipartimenti involuti fl-ispezzjoni għandhom jiġi żgurati mid-dipartiment innominat mill-Istat Membru jew mill-operatur ekonomiku responsabbli biex jiġbru r-riżorsi proprji kkonċernati.

    3. Ispezzjonijiet fuq il-post msemmija fl-Artikolu 5(5) għandhom jitwettqu mill-aġenti awtorizzati. Għall-finijiet tal-organizzazzjoni tax-xogħol u r-relazzjonijiet mad-dipartimenti u, fejn xieraq, id-debituri involuti fl-ispezzjoni, dawn l-aġenti għandhom, qabel xi spezzjonijiet fuq il-post, jistabbilixxu l-kuntatti meħtieġa mal-uffiċjali nnominati mill-Istat Membru jew mal-operatur ekonomiku responsabbli biex jiġbru r-riżorsi proprji kkonċernati. Għal dan it-tip ta’ ispezzjoni t-termini ta' referenza għandhom ikunu akkumpanjati b'dokument li jindika l-għan u l-iskop tal-ispezzjoni.

    4. Ispezzjonijiet dwar riżorsi proprji bbażati fuq l-ING imsemmija fl-Artikolu 5(8) għandhom jitwettqu mill-aġenti awtorizzati. Għall-skopijiet ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, dawn l-aġenti għandhom jistabbilixxu l-kuntatti meħtieġa mal-amministrazzjonijiet kompetenti fl-Istati Membri.

    5. L-Istati Membri jew l-operaturi ekonomiċi kkonċernati għandhom jassiguraw li d-dipartimenti jew l-aġenziji responsabbli għall-istabbilizzazzjoni, il-ġbir u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, u l-awtoritajiet li lilhom ikunu taw istruzzjonijiet biex iwettqu l-ispezzjonijiet dwarhom, jagħtu lill-aġenti awtorizzati l-assistenza neċessarja għall-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom.

    Għall-finijiet ta' spezzjonijiet fuq il-post imsemmija fl-Artikolu 5(5), l-Istati Membri jew l-operaturi ekonomiċi kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni fi żmien tajjeb dwar l-identità u l-kapaċità tal-persuni maħtura biex jieħdu sehem f'dawn l-ispezzjonijiet u biex jagħtu lill-aġenti awtorizzati kull għajnuna meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħhom.

    6. Ir-riżultati tal-ispezzjonijiet imwettqa fuq il-post u dawk li magħhom hija assoċjata l-Kummissjoni għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-Istat Membru jew tal-operatur ekonomiku kkonċernat permezz tal-kanali xierqa fi żmien perjodu ta' tliet xhur. Ir-riċevitur tar-rapport għandu jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien tliet xhur wara l-wasla tar-rapport. Madanakollu, għal raġunijiet issostanzjati kif xieraq, il-Kummissjoni tista' titlob lir-riċevitur ikkonċernat biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu dwar punti speċifiċi matul perjodu ta' xahar wara l-wasla tar-rapport. L-Istat Membru jew l-operatur ekonomiku kkonċernat jista' jiċħad li jwieġeb permezz ta' komunikazzjoni billi jiddikjara r-raġunijiet li ma jħalluhx iwieġeb għat-talba tal-Kummissjoni.

    Wara dan, ir-riżultati u l-osservazzjonijiet li jirriżultaw minn ispezzjonijiet ta’ Stati Membri fuq il-post u konġunti għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-Istati Membri kollha.

    Fejn ispezzjonijiet fuq il-post jew assoċjati jidentifikaw il-ħtieġa għal emenda jew korrezzjoni tad-dejta fir-rendikonti jew dikjarazzjonijiet mibgħuta lill-Kummissjoni fir-rigward tar-riżorsi proprji, il-korrezzjonijiet riżultanti għandhom isiru permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub jew dikjarazzjoni, it-tibdiliet rilevanti għandhom jiġu identifikati permezz ta' noti xierqa fid-dikjarazzjoni bil-miktub jew fid-dikjarazzjoni użata.

    Kapitolu III

    Kumitat u dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 9

    Proċedura tal-Kumitat – Il-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (ACOR)

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat, il-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (ACOR). Dak il-Kumitat għandu jkun Kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 għandu japplika.

    Artikolu 10

    Dispożizzjonijiet finali

    Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1026/1999 huwa mħassar.

    Ir-referenzi għar-Regolament imħassar u għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (KE, Euratom) Nru 2007/436, imħassar bid-Deċiżjoni …, u tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 imħassar bir-Regolament …[19], li huma msemmija fit-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw konformement ma' dik it-tabella ta' korrelazzjoni.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    L-ANNESS

    Tabella tal-korrelazzjoni

    Id-Deċiżjoni (KE, Euratom) Nru 2007/436 || Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1026/1999 || Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 || Dan ir-Regolament

    || || || L-Artikolu 1(1)

    || || || L-Artikolu 1(2)

    || || L-Artikolu 5 || L-Artikolu 1(3)

    L-Artikolu 2(7) l-ewwel subparagrafu || || || L-Artikolu 2(1)

    L-Artikolu 2(7) it-tieni subparagrafu || || || L-Artikolu 2(2)

    L-Artikolu 3(3) || || || L-Artikolu 2(3)

    || || L-Artikolu 15 || L-Artikolu 3(1)

    || || L-Artikolu 16 || L-Artikolu 3(2)

    || || L-Artikolu 6(5) || L-Artikolu 4

    || || L-Artikolu 17(1) || L-Artikolu 5(1)

    || || L-Artikolu 18(1) || L-Artikolu 5(2)

    || || L-Artikolu 18(2) || L-Artikolu 5(3)

    || || || L-Artikolu 5(4)

    || || L-Artikolu 18(3) || L-Artikolu 5(5)

    || || L-Artikolu 18(2) || L-Artikolu 5(6)

    || || L-Artikolu 18(2) u (3) || L-Artikolu 5(7)

    || || || L-Artikolu 5(8)

    || || L-Artikolu 18(4) || L-Artikolu 5(9)

    || || L-Artikolu 19 || L-Artikolu 5(10)

    || || L-Artikolu 17(5) u 18(5) || L-Artikolu 6

    || L-Artikolu 1 || || L-Artikolu 7(1)

    || L-Artikolu 3(1) || || L-Artikolu 7(2)

    || L-Artikolu 5 || || L-Artikolu 7(3) & (4)

    || L-Artikolu 2(1) & (2) || || L-Artikolu 8(1)

    || L-Artikolu 3(2) || || L-Artikolu 8(2), (3) & (4)

    || L-Artikolu 4 || || L-Artikolu 8(5)

    || L-Artikolu 6 || L-Artikolu 18(2) || L-Artikolu 8(6)

    || || L-Artikoli 20 u 21 || L-Artikolu 9

    || || || L-Artikolu 10

    || || || L-Artikolu 11

    [1]               ĠU L […], […], p. […].

    [2]               ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17

    [3]               ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1, kif emendat mir-Regolamenti tal-Kunsill 2028/2004 tas-16.11.2004 (ĠU L 352, 27.11.2004, p. 1) u 105/2009 tas-26.1.2009 (ĠU L 36, 5.2.2009, p. 1).

    [4]               ĠU L 126, 20.5.1999, p. 1

    [5]               ĠU L […], […], p. […].

    [6]               ĠU C […], […], p. […].

    [7]               ĠU C […], […], p. […].

    [8]               ĠU C […], […], p. […].

    [9]               ĠU L […], […], p. […], kif l-aħħar emendata minn […]

    [10]             ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17

    [11]             ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1

    [12]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13

    [13]             ĠU L 126, 20.5.1999, p. 1

    [14]             Jekk l-att leġiżlattiv imsemmi fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni ... jipprovdi għal rati differenzjati għal tranżazzjonijiet eżegwiti fi swieq regolati u barra minn swieq irregolati, ir-rati ta’ taxxa applikabbli għar-riżorsi proprji se jiġu aġġustati abbażi ta' dan.

    [15]             ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1

    [16]             ĠU L […], […], p. […].

    [17]             ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31

    [18]             ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    [19]             ĠU L […], […], p. […].

    Top