Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0481

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet marbutin mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li għaddejjin minn diffikultajiet serji marbutin mal-istabbiltà finanzjarja tagħhom jew li jinsabu mhedda mit-tali diffikultajiet

    /* KUMM/2011/0481 finali - 2011/0209 (COD) */

    52011PC0481

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet marbutin mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li għaddejjin minn diffikultajiet serji marbutin mal-istabbiltà finanzjarja tagħhom jew li jinsabu mhedda mit-tali diffikultajiet /* KUMM/2011/0481 finali - 2011/0209 (COD) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           L-isfond tal-proposta

    · Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

    Il-kriżi finanzjarja u ekonomika li għadha tiġġebbed sal-lum qiegħda żżid il-pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji nazzjonali, hekk kif l-Istati Membri qed inaqqsu l-baġits tagħhom. F'dan il-kuntest, l-iżgurar ta' implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-programmi tal-iżvilupp rurali huwa partikularment importanti bħala għodda li tipprovdi għajnuna finanzjarja lill-ekonomija reali.

    Madankollu, l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ sikwit tippreżenta sfida, minħabba l-problemi ta’ likwidità li jinqalgħu bil-limiti baġitarji. Dan hu l-każ, partikularment, tal-Istati Membri li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi u li rċevew għajnuna finanzjarja fil-qafas ta’ programm tal-mekkaniżmu tal-Bilanċ tal-Pagamenti (il-BoP) għall-pajjiżi li ma jużawx l-ewro, jew tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (l-EFSM) għall-pajjiżi tal-ewro. Sal-lum, sitt pajjiżi talbu l-għajnuna finanzjarja fil-qafas ta’ dawn il-mekkaniżmi u ftehmu mal-Kummissjoni dwar programm ta’ aġġustament makroekonomiku. L-Ungerija bdiet tirċievi għajnuna finanzjarja mill-2009, iżda ħarġet mill-mekkaniżmu ta’ appoġġ fl-2010. Il-ħames pajjiżi l-oħra huma l-Latvja u r-Rumanija taħt il-mekkaniżmu tal-BoP u l-Portugall, il-Greċja u l-Irlanda taħt l-EFSM (minn hawn ’il quddiem imsejħa "il-pajjiżi parteċipanti fil-programm").

    Bil-għan li tgħin lil dawn l-Istati Membri jkomplu jimplimentaw il-programmi fil-livell lokali u joħorġu l-fondi għall-proġetti, din il-proposta fiha dispożizzjonijiet li jippermettu li r-rata ta' kontribuzzjoni tal-FAEŻR applikabbli għall-programmi tal-iżvilupp rurali ta’ dawn l-Istati Membri tiżdied sa massimu ta’ 95 % tal-infiq pubbliku eliġibbli fir-reġjuni li huma eliġibbli skont l-għan tal-Konverġenza, fir-reġjuni l-iktar imbiegħda u fil-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew, u sa massimu ta’ 85 % tal-infiq pubbliku eliġibbli fir-reġjuni l-oħra, sakemm jibqgħu jieħdu sehem fil-mekkaniżmi ta’ appoġġ. B'hekk, din il-miżura se tipprovdi lill-Istati Membri b’aktar riżorsi finanzjarji u se tiffaċilita t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-programmi fil-livell lokali.

    · Il-kuntest ġenerali

    Mingħajr dubju, l-iggravar tal-kriżi finanzjarja f'ċerti Stati Membri qed jolqot sostanzjalment l-ekonomija reali minħabba l-ammont ta' dejn u d-diffikultajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-gvernijiet biex jissellfu l-flus mis-suq.

    Il-Kummissjoni kienet u għadha attiva ħafna fit-tressiq ta’ proposti dwar l-aħjar mod biex nirreaġixxu għall-kriżi finanzjarja attwali u għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha. B'mod partikulari, fil-qafas tal-pakkett ta’ rkupru tagħha, f'Diċembru 2008 l-Kummissjoni pproponiet għadd ta’ tibdiliet regolatorji sabiex tiżdied ir-rata ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR applikabbli għall-infiq imġarrab mill-programmi tal-iżvilupp rurali fl-2009. Mill-pajjiżi li ssemmew hawn fuq, il-Greċja, il-Latvja u l-Ungerija bbenefikaw minn din il-miżura.

    · Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam politiku tal-proposta

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jiddefinixxi r-regoli komuni applikabbli għall-proċess tal-ipprogrammar, kif ukoll id-dispożizzjonijiet għat-tmexxija, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti tal-programmi.

    Il-programmi ta’ żvilupp rurali se jerġgħu jiġu eżaminati u jiġu adattati għall-kumplament tal-perjodu ta’ pprogrammar, fil-każ li dan ikun meħtieġ biex tkun żgurata l-konsistenza mal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità, mal-pjan ta’ strateġija nazzjonali u mar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, skont l-Artikoli 18 u 19 tal-istess Regolament.

    L-Artikolu 26(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 jistipula li l-pagamenti interim għandhom jiġu kkalkulati billi r-rata ta’ kofinanzjament għal kull prijorità tiġi applikata għall-infiq pubbliku ċċertifikat marbut magħha.

    · Il-konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħrajn tal-Unjoni

    Ma tapplikax.

    2.           Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt

    · Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Il-proposta hija konsistenti mal-proposti u l-inizjattivi l-oħrajn li ġew adottati mill-Kummissjoni Ewropea bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja.

    · Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

    · Il-valutazzjoni tal-impatt

    Il-proposta se tippermetti lill-Kummissjoni tapprova rati ogħla ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR għall-pajjiżi kkonċernati, sakemm dawn jibqgħu jieħdu sehem fil-mekkaniżmi ta' appoġġ.

    Mhux meħtieġ baġit addizzjonali, għaliex matul il-perjodu ta’ pprogrammar tal-2007 sal-2013, mhix se tinbidel l-allokazzjoni finanzjarja totali mill-Fondi għall-pajjiżi u għall-programmi.

    3.           L-elementi legali tal-proposta

    · Sommarju tal-proposta

    · Qed jiġi propost li jiġi emendat l-Artikolu 70 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, bil-għan li r-rata ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR applikabbli għall-programmi tal-iżvilupp rurali tal-Istati Membri kkonċernati tkun tista' tiżdied sa massimu ta’ 95 % tal-infiq pubbliku eliġibbli fir-reġjuni li huma eliġibbli skont l-għan tal-Konverġenza, fir-reġjuni l-iktar imbiegħda u fil-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew, u sa massimu ta’ 85 % tal-infiq pubbliku eliġibbli fir-reġjuni l-oħra, sakemm jibqgħu jieħdu sehem fil-mekkaniżmi ta' appoġġ.

    Wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tagħti għajnuna lil Stat Membru fil-qafas tal-mekkaniżmi ta' appoġġ, l-Istat Membru għandu jissottometti lill-Kummissjoni proposta biex jiġi emendat il-programm tal-iżvilupp rurali tiegħu, sabiex jiżdiedu r-rati ta' kofinanzjament tal-FAEŻR. Il-pagamenti mgħoddija wara l-approvazzjoni ta’ din l-emenda se jgawdu minn appoġġ akbar. Din se tkun miżura temporanja, li tintemm ladarba l-Istat Membru jitlaq mill-mekkaniżmu ta' appoġġ.

    Skont il-prinċipji ġenerali applikabbli skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, ir-rati miżjuda ta’ kofinanzjament jistgħu japplikaw biss għall-ħlasijiet li għandhom isiru wara li l-programmi rispettivi tal-iżvilupp rurali, inklużi l-pjanijiet finanzjarji l-ġodda, ikunu ġew approvati mill-Kummissjoni.

    · Il-bażi legali

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jiddefinixxi r-regoli komuni applikabbli għall-proċess tal-ipprogrammar, kif ukoll id-dispożizzjonijiet għat-tmexxija, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti tal-programmi. Il-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għandha tissejjes fuq l-Artikoli 42 u 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    · Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, sal-punt li tfittex li tipprovdi iktar appoġġ permezz tal-FAEŻR għal ċerti Stati Membri li qed iġarrbu diffikultajiet serji jew li jinsabu mhedda mit-tali diffikultajiet, b'mod speċifiku minn problemi fit-tkabbir ekonomiku u fl-istabbiltà finanzjarja tagħhom, u minn deterjorament fil-qagħda tad-defiċit u tad-dejn tagħhom, ukoll minħabba s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja dinjija. F'dan il-kuntest, jeħtieġ li, fil-livell tal-Unjoni Ewropea, jiġi stabbilit mekkaniżmu temporanju li jippermetti lill-Kummissjoni Ewropea tħallas lura l-infiq iċċertifikat fil-qafas tal-FAEŻR billi tuża rata ogħla ta' kofinanzjament.

    · Il-prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

    Din il-proposta hija tabilħaqq proporzjonata, għaliex tirrappreżenta pass fundamentali lejn l-għoti ta’ iktar appoġġ mill-FAEŻR lill-Istati Membri li jinsabu f'diffikultà jew jinsabu mhedda minn diffikultajiet serji, ikkaġunati minn avvenimenti eċċezzjonali li jmorru lil hinn mill-kontroll tagħhom u li jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet mogħtija fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (li jistabbilixxi l-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja), jewinkella jinsabu f'diffikultà jew jinsabu mhedda minn diffikultajiet serji marbutin mal-bilanċ tal-pagamenti tagħhom, li jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet mogħtija fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002. Fil-każ tal-Greċja, il-Ftehim ta’ bejn il-Kredituri, li ġie konkluż flimkien mal-Att dwar il-Faċilità tas-Self fiż-Żona tal-Ewro, daħal fis-seħħ fil-11 ta' Mejju 2010. Dan il-ftehim jipprevedi li l-perjodu ta’ disponibbiltà jiskadi fit-tielet anniversarju tad-data tal-iffirmar tiegħu.

    · L-għażla tal-istrumenti

    L-istrument propost: regolament.

    Strumenti oħra ma jkunux adattati minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

    Il-Kummissjoni stħarrġet kemm il-qafas legali jagħtiha lok li taġixxi u tqis li, fid-dawl tal-esperjenza miksuba sal-lum, jeħtieġ li jiġu proposti emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005. L-għan ta’ din ir-revizjoni huwa li tkompli tiffaċilita l-kofinanzjament ta’ proġetti, sabiex tħaffef kemm l-implimentazzjoni tagħhom kif ukoll l-impatt tat-tali investimenti fuq l-ekonomija reali.

    4.           L-impatt baġitarju

    Il-proposta mhu se jkollha l-ebda impatt fuq l-approprjazzjonijiet tal-impenji, billi mhi qed tiġi proposta l-ebda bidla fl-ammonti massimi tal-finanzjament tal-FAEŻR ipprovduti fil-programmi operattivi għall-perjodu ta' pprogrammar tal-2007 sal-2013. Għall-perjodu kkonċernat, il-Kummissjoni se tħallas lura l-infiq iċċertifikat b'rata ogħla ta’ kofinanzjament. Dan għandu jissarraf minnufih f'pagamenti addizzjonali għall-Istati Membri kkonċernati għall-infiq li jiddikjaraw lill-Kummissjoni, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, wara li jiġu rreveduti l-programmi tal-iżvilupp rurali.

    Abbażi tat-tbassir tal-infiq li l-Istati Membri kkonċernati bagħtu sal-lum lill-Kummissjoni, jistgħu jkunu meħtieġa EUR 90 miljun addizzjonali mill-baġit tal-2011, jekk il-proposta tiġi approvata fil-ħin, u EUR 470 miljun mill-baġit tal-2012 għall-pagamenti fil-każ li l-Istati Membri jiddeċiedu li jużaw ir-rata massima permessa ta’ kofinanzjament.

    Fid-dawl tat-talbiet mill-Istati Membri biex jibbenefikaw mill-miżura u filwaqt li jitqies kif qed tevolvi s-sitwazzjoni fir-rigward tas-sottomissjoni tal-pagamenti interim, fl-2012 il-Kummissjoni se tara jekk ikunx għad hemm bżonn ta' approprjazzjonijiet tal-ħlas addizzjonali, u jekk ikun meħtieġ, se tipproponi l-azzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Baġitarja.

    2011/0209 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet marbutin mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li għaddejjin minn diffikultajiet serji marbutin mal-istabbiltà finanzjarja tagħhom jew li jinsabu mhedda mit-tali diffikultajiet

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikoli 42 u 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[2],

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1) Il-kriżi finanzjarja globali bla preċedent u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li seħħ minħabba fiha għamlu ħsara serja lit-tkabbir ekonomiku u lill-istabbiltà finanzjarja, u wasslu għal deterjorament qawwi tal-kundizzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi ta’ diversi Stati Membri. B'mod partikulari, ċerti Stati Membri għaddejjin minn diffikultajiet serji, jew jinsabu mhedda mit-tali diffikultajiet, b’mod speċifiku minn problemi fit-tkabbir ekonomiku u fl-istabbiltà finanzjarja tagħhom, u minn deterjorament fil-qagħda tad-defiċit u tad-dejn tagħhom, ukoll minħabba s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja dinjija.

    (2) Filwaqt li diġà ttieħdu azzjonijiet importanti biex jagħmlu tajjeb għall-effetti negattivi tal-kriżi, inklużi emendi fil-qafas leġiżlattiv, l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali, fuq is-suq tax-xogħol u fuq iċ-ċittadini qiegħed jinħass ma’ kullimkien. Il-pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji nazzjonali qiegħda tiżdied, u għandhom jittieħdu iktar passi biex dik il-pressjoni tittaffa permezz tal-użu massimu u ottimu tal-fondi tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR).

    (3) Abbażi tal-Artikolu 122(2) tat-Trattat, li jipprovdi l-possibbiltà li tingħata għajnuna finanzjarja mill-Unjoni lil Stat Membru li jkun jinsab f'diffikultà jew li jkun mhedded minn diffikultajiet serji kkaġunati minn avvenimenti eċċezzjonali li jmorru lil hinn mill-kontroll tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja[3] stabbilixxa t-tali mekkaniżmu bil-għan li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

    (4) Permezz tad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE tas-7 ta’ Diċembru 2010[4] u 2011/344/UE tat-30 ta’ Mejju 2011[5], l-Irlanda u l-Portugall ingħataw it-tali għajnuna finanzjarja mill-Unjoni. Il-Greċja kienet għaddejja minn diffikultajiet serji marbutin mal-istabbiltà finanzjarja tagħha qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 407/2010 u rċeviet għajnuna finanzjarja, fost l-oħrajn, minn Stati Membri oħrajn taż-żona tal-ewro.

    (5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri[6] stabbilixxa strument li permezz tiegħu l-Kunsill għandu jagħti għajnuna reċiproka meta Stat Membru li ma jkunx adotta l-ewro jkun jinsab f'diffikultà jew ikun mhedded minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti tiegħu.

    (6) L-Ungerija, il-Latvja u r-Rumanija ngħataw it-tali għajnuna finanzjarja permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/102/KE tal-4 ta’ Novembru 2008[7], 2009/290/KE tal-20 ta’ Jannar 2009[8] u 2009/459/KE tas-26 ta’ Ġunju 2009[9] rispettivament.

    (7) Il-perjodi li matulhom l-għajnuna se tkun disponibbli għall-Irlanda, il-Latvja, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Ungerija huma stipulati fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill rispettivi. L-għajnuna mogħtija lill-Ungerija skadiet fl-4 ta’ Novembru 2010.

    (8) Fil-każ tal-Greċja, il-Ftehim ta’ bejn il-Kredituri, li ġie konkluż flimkien mal-Att dwar il-Faċilità tas-Self fiż-Żona tal-Ewro, daħal fis-seħħ fil-11 ta' Mejju 2010. Dan il-ftehim jipprevedi li l-perjodu ta’ disponibbiltà jiskadi fit-tielet anniversarju tad-data tal-iffirmar tiegħu.

    (9) Fil-11 ta’ Lulju 2011, il-ministri tal-finanzi tas-17-il Stat Membru taż-żona tal-ewro ffirmaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (il-MES). Dan it-Trattat isegwi d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011. Huwa previst li, sal-2013, il-MES jieħu f'idejh il-kompiti li bħalissa qed jitwettqu mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (l-EFSF) u mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (l-EFSM).

    (10) Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 u l-24 ta' Lulju 2011, il-Kunsill Ewropew jilqa’ tajjeb il-ħsieb tal-Kummissjoni li ssaħħaħ is-sinerġiji bejn il-programm ta' self għall-Greċja u l-fondi tal-Unjoni u jappoġġa l-isforzi biex tiżdied il-kapaċità tal-Greċja li tassorbi l-fondi tal-Unjoni sabiex tistimula t-tkabbir u l-impjiegi billi tiffoka mill-ġdid fuq it-titjib tal-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. Barra minn hekk, fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jilqa’ tajjeb u jappoġġa t-tħejjija, min-naħa tal-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri, ta’ programm komprensiv ta’ għajnuna teknika għall-Greċja. Dan ir-Regolament jikkontribwixxi għal dawn l-isforzi ta’ sinerġija.

    (11) Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, jiġu aċċellerati l-investimenti fl-Istati Membri u fir-reġjuni kkonċernati u jiżdied l-impatt tal-fondi fuq l-ekonomija, jeħtieġ li jingħata lok biex tiżdied ir-rata ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR sa 95 % tal-infiq pubbliku eliġibbli fir-reġjuni li huma eliġibbli skont l-għan tal-Konverġenza u sa 85 % tal-infiq pubbliku eliġibbli fir-reġjuni l-oħra li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet serji marbutin mal-istabbiltà finanzjarja tagħhom.

    (12) Skont il-prinċipji ġenerali applikabbli skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, ir-rati miżjuda ta’ kofinanzjament jistgħu japplikaw biss għall-ħlasijiet li għandhom isiru wara li l-programmi rispettivi tal-iżvilupp rurali, inklużi l-pjanijiet finanzjarji l-ġodda, ikunu ġew approvati mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti l-proċedura li biha l-Istati Membri jistgħu jużaw dik il-possibbiltà u l-mekkaniżmu li bih se tkun żgurata l-proċedura.

    (13) Għaldaqstant, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)[10] għandu jiġi emendat kif xieraq,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, wara l-paragrafu 4b għandu jiddaħħal il-paragrafu 4c li ġej:

    "4c.        B'deroga mil-limiti massimi stipulati fil-paragrafi 3, 4 u 5, il-kontribuzzjoni tal-FAEŻR tista' tiżdied sa massimu ta' 95 % tal-infiq pubbliku eliġibbli fir-reġjuni li huma eliġibbli skont l-għan tal-Konverġenza, fir-reġjuni l-iktar imbiegħda u fil-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew, u sa massimu ta' 85 % tal-infiq pubbliku eliġibbli fir-reġjuni l-oħra. Dawn ir-rati għandhom japplikaw għall-infiq eliġibbli li jkun għadu kemm ġie ddikjarat f'kull dikjarazzjoni ċċertifikata tal-infiq imressqa matul il-perjodu li fih Stat Membru jkun konformi ma' kundizzjoni minn dawn li ġejjin:

    (a)     l-għajnuna finanzjarja titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja*, jew titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu minn Stati Membri oħrajn taż-żona tal-ewro qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament;

    (b)     għajnuna finanzjarja għal perjodu medju taż-żmien titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri**;

    (c)     l-għajnuna finanzjarja titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà.

    Stat Membru li jkun jixtieq juża d-deroga pprovduta fl-ewwel subparagrafu għandu jressaq talba lill-Kummissjoni biex jiġi emendat il-programm tal-iżvilupp rurali tiegħu kif ikun xieraq. Id-deroga għandha tibda tapplika minn meta l-Kummissjoni tapprova l-emenda tal-programm u għandha tieqaf tapplika malli l-Istat Membru ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu. Wara dan, l-Istat Membru għandu jibgħat proposta lill-Kummissjoni biex il-programm jiġi emendat, li tkun tinkludi pjan ta’ finanzjament ġdid li jkun konformi mar-rati massimi applikabbli qabel id-deroga.

    Jekk Stat Membru ma jressaqx lill-Kummissjoni proposta biex jiġi emendat il-programm tal-iżvilupp rurali tiegħu, inkluż pjan ta’ finanzjament ġdid, fid-data li fiha ma jibqax jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, jew jekk il-pjan ta’ finanzjament innotifikat ma jkunx konformi mar-rati massimi stipulati fil-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu, ir-rati msemmija għandhom jibdew japplikaw awtomatikament minn dik id-data 'l quddiem.

    *          ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

    **        ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1."

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA || AGRI/I1/Ares/2011/880294 Rev 1 (JGS/dz) 6.20.2011.6

    || DATA: 26/07/2011

    1. || INTESTATURA TAL-BAĠIT: 05 04 05 01 || APPROPRJAZZJONIJIET TAL-2011: AI: EUR 14 407 971 311 AĦ: EUR 11 900 560 340

    2. || TITLU: Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilipp Rurali (FAEŻR) fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond għal ċerti Stati Membri

    3. || BAŻI LEGALI: -

    4. || GĦANIJIET: Li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 bil-għan li, f'ċerti Stati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet serji marbutin mal-istabbiltà finanzjarja tagħhom, ir-rata ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR tkun tista’ tiżdied sa massimu ta’ 95 % tal-infiq pubbliku eliġibbli.

    5. || IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI (1) || GĦAL PERJODU TA' 12-IL XAHAR (f’miljuni ta' EUR) || GĦAS-SENA FINANZJARJA ATTWALI (l-2011) (f’miljuni ta' EUR) || GĦAS-SENA FINANZJARJA TA' WARA (l-2012) (f’miljuni ta' EUR)

    5.0 || INFIQ - MAĦRUĠ MILL-BAĠIT TAL-KE (fi prezzijiet attwali) - MAĦRUĠ MILL-AWTORITAJIET NAZZJONALI -               MAĦRUĠ MINN SORSI OĦRAJN || - || AI: - AĦ: + 90 || AI: - AĦ: + 470

    5.1 || DĦUL -               MIR-RIŻORSI PROPRJI TAL-KE (MILL-IMPOSTI / MID-DAZJI DOGANALI) -               FIL-LIVELL NAZZJONALI || - || - || -

    || || FL-2011 || FL-2012 || FL-2013

    5.0.1 || INFIQ STMAT (fi prezzijiet attwali) AI AĦ || - +90 || - +470 || - -

    5.1.1 || DĦUL STMAT || - || - || -

    5.2 || METODU TAL-KALKOLU:-

    6.0 || IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLIN FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT ATTWALI? || IVA LE

    6.1 || IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT PERMEZZ TA’ TRASFERIMENT BEJN IL-KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI? || IVA LE

    6.2 || SE JKUN MEĦTIEĠ BAĠIT SUPPLIMENTARI? || IVA LE

    6.3 || SE JKUN MEĦTIEĠ LI JIDDAĦĦLU APPROPRJAZZJONIJIET F'BAĠITS FUTURI? || IVA LE

    6.4 || OĦRAJN ||

    OSSERVAZZJONIJIET: (1) Fir-rigward tal-approprjazzjonijiet tal-impenji, l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 mhu se jkollha l-ebda impatt finanzjarju minħabba li l-ammonti globali allokati għall-iżvilupp rurali u t-tqassim annwali tagħhom se jibqgħu l-istess. Għall-pagamenti, iż-żieda fir-rata ta’ kofinanzjament tista' tfisser rimborżi ogħla lill-Istat Membru kkonċernat. F’każ li l-proposta tiġi approvata fil-ħin hekk li r-rata l-ġdida tkun tista' tiġi applikata għat-talbiet għall-pagamenti marbutin mat-tielet kwart tal-2011, l-approprjazzjonijiet tal-pagamenti addizzjonali meħtieġa għal din is-sena jistgħu jiġu stmati li se jkunu ta’ EUR 90 miljun. Għall-2011, jekk ikun meħtieġ, is-sitwazzjoni se tiġi indirizzata fil-kuntest tat-trasferiment globali. Il-pagamenti addizzjonali li għandhom isiru fl-2012 huma stmati li se jkunu ta’ EUR 470 miljun. Fid-dawl tat-talbiet mill-Istati Membri biex jibbenefikaw mill-miżura u filwaqt li jitqies kif qed tevolvi s-sitwazzjoni fir-rigward tas-sottomissjoni tal-pagamenti interim, fl-2012 il-Kummissjoni se tara jekk ikunx għad hemm bżonn ta' approprjazzjonijiet tal-ħlas addizzjonali, u jekk ikun meħtieġ, se tipproponi l-azzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Baġitarja. Ma saret l-ebda stima għall-2013, għaliex jekk iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali jibqgħu jiġġustifikaw ir-rati ogħla ta' kofinanzjament, il-konsegwenzi se jkollhom jitqiesu fil-proċedura tal-baġit. Billi l-ammont totali ta’ fondi tal-FAEŻR ma jinbidilx, il-pagamenti addizzjonali fl-2011 u fl-2012 se jwasslu għal tnaqqis ekwivalenti fil-pagamenti fi tmiem il-perjodu.

    [1]               ĠU L , , p. .

    [2]               ĠU L , , p. .

    [3]               ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

    [4]               ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34.

    [5]               ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88.

    [6]               ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.

    [7]               ĠU L 37, 6.2.2009, p. 5.

    [8]               ĠU L 79, 25.3.2009, p. 39.

    [9]               ĠU L 150, 13.6.2009, p. 8.

    [10]             ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

    Top