EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0387

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2010/028 NL/ Overijssel Division18 mill-Pajjiżi Baxxi)

/* KUMM/2011/0387 finali */

52011PC0387

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2010/028 NL/ Overijssel Division18 mill-Pajjiżi Baxxi) /* KUMM/2011/0387 finali */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, bil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-FEG huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fl-20 ta' Diċembru 2010, il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu l-applikazzjoni FEG/2010/028 NL/ Overijssel Diviżjoni 18 għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG wara sensji f'disa' intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 18 tan-NACE Reviżjoni 2 ("L-istampar u r-riproduzzjoni ta' midja rrekordjata")[3] fir-reġjun NUTS II ta' Overijssel (NL21) fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Din l-applikazzjoni hi parti minn pakkett ta' erba' applikazzjonijiet, li kollha kemm huma jirrigwardaw is-sensji f'sitt reġjuni NUTS II differenti fil-Pajjiżi l-Baxxi f'intrapriżi li joperaw fl-istampar u r-riproduzzjoni tas-settur tal-midja rrekordjata.

Wara analiżi fil-fond ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfati.

TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U L-ANALIŻI

Dejta prinċipali: ||

Nru ta' Referenza tal-FEG || FEG/2010/028

Stat Membru || Il-Pajjiżi l-Baxxi

Artikolu 2 || (c)

Intrapriżi konċernati || 9

Ir-reġjun NUTS II || Overijssel (NL21)

Taqsima NACE Reviżjoni 2 || 18 ("L-istampar u r-riproduzzjoni tal-midja rrekordjata")

Perjodu ta’ referenza || 16.1.2010 – 16.10.2010

Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati || 16.1.2010

Data tal-applikazzjoni || 20.12.2010

Sensji matul il-perjodu ta’ referenza || 214

Ħaddiema li ngħataw is-sensja li huma identifikati għall-għajnuna || 214

Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 1 060 639

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG[4] (EUR) || 44 193

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (%) || 4,0

Baġit totali (EUR) || 1 104 832

Il-kontribuzzjoni tal-FEG (65%) (EUR) || 718 140

1. L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2010 u ġiet issupplimentata b'tagħrif addizzjonali sas-7 ta’ Marzu 2011.

2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' intervent mill-FEG kif stipulat fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' skadenza ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

3. Sabiex jistabbilixxu r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, il-Pajjiżi l-Baxxi argumentaw li l-kriżi ekonomika rriżultat fi tnaqqis sostanzjali fid-domanda għall-industrija tal-midja grafika.. Bħala konsegwenza, il-fatturat tal-industrija tal-grafika niżel bi 8,6% fl-2009. L-ordnijiet mingħand setturi ekonomiċi oħrajn għal materjal stampat tal-pubbliċità, li jirrappreżentaw 35% tad-dħul totali tas-settur tal-istampar u l-pubblikazzjoni, naqsu b'mod drammatiku bejn l-2008 u l-2009 minħabba t-tnaqqis fil-baġits għall-attivitajiet marbutin mal-midja u mal-pubbliċità kkawżat mill-kriżi ekonomika. L-applikazzjoni ssemmi bosta eżempji. Fl-industrija tal-kostruzzjoni, il-baġit għall-informazzjoni u l-pubbliċità nqata' b'36,8% wara li bdiet il-kriżi; fis-settur finanzjarju bi 33,2% u fl-elettronika tal-konsumatur bi 30,6%. Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika affettwat b'mod negattiv id-domanda għal tipi differenti ta' materjal tal-midja stampat: fl-2009, id-domanda għar-rivisti popolari naqset b'25,7%, għall-gazzetti b'24,4%, għall-gazzetti kummerċjali distribwiti mingħajr ħlas b'10,54% u għar-rivisti professjonali bi 23,4%.

Dimostrazzjoni tal-għadd ta' sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(c)

4. Il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jipprevedi li, fi swieq żgħar tax-xogħol jew f'ċirkustanzi eċċezzjonali, b'ġustifkazzjoni xierqa mill-Istat Membru kkonċernat, applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-FEG tista' titqies ammissibbli anke jekk il-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 2(a) u 2(b) ma jkunux ġew issodisfati għal kollox, meta s-sensji jkollhom impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija lokali. F'dan il-każ l-applikant għandu jispeċifika liema waħda mill-kriterji ta' intervent ewlenin ma ġietx issodisfata mill-applikazzjoni tiegħu.

5. Il-Pajjiżi l-Baxxi speċifikaw li l-applikazzjoni qiegħda titlob li tidderoga mill-Artikolu 2(b), fejn il-limitu massimu mitlub huwa mill-anqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 f'reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi fil-livell tan-NUTS II fi Stat Membru.

6. L-applikazzjoni ssemmi 214-il sensja f'disa' intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 18 tan-NACE Reviżjoni 2 ("L-istampar u r-riproduzzjoni ta' midja rrekordjata")[5] fir-reġjun NUTS II ta' Overijssel (NL21) waqt il-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur mis-16 ta' Jannar 2010 sas-16 ta' Ottubru 2010. Minn dawn is-sensji, 198 sensja seħħew fi tliet intrapriżi u ġew ikkalkolati skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Kien hemm 16-il sensja oħra f'sitt intrapriżi u ġew ikkalkulati skont it-tieni inċiż tal-istess paragrafu.

7. L-awtoritajiet Olandiżi jargumentaw li din l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti għal sottomissjoni skont l-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li jsemmi ċirkostanzi eċċezzjonali: din tkopri sensji oħra fl-istess Diviżjoni tan-NACE 2 matul l-istess perjodu ta' referenza ta' dak tas-sensji koperti mill-applikazzjoni FEG/2010/030 NL/Noord-Holland u Flevoland Diviżjoni 18 li tressqet mill-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Barra minn hekk, Overijssel tikkostitwixxi reġjun kontigwu fuq il-livell ta' NUTS II ma' Flevoland. In-natura eċċezzjonali tal-każ tikkonsisti fil-kombinazzjoni ta’ dawn il-fatturi, li flimkien isarrfu f’sitwazzjoni mhux tas-soltu u diffiċli għall-ħaddiema u r-reġjun ikkonċernat.

8. Skont il-Pajjiżi l-Baxxi, Overijssel qiegħda f'sitwazzjoni diffiċli ferm. F'din il-provinċja ir-rata tal-qgħad żdiedet b'175% minħabba l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzajrja u laħqet is-7,2% f'Ottubru 2010, filwaqt li l-medja nazzjonali hi 6,8%. Bejn Jannar 2008 u Jannar 2010, 17,5% tal-impjiegi fl-industrija tal-midja grafika f'Overijssel intilfu. Barra minn hekk, it-tbassir jindika li s-suq tax-xogħol f'Overijssel se jkompli jinxtorob minħabba l-kiżi fl-industriji tekniċi u s-settur tal-kostruzzjoni li se jkollha impatt enormi fuq il-possibbiltajiet li dawk qiegħda jsibu xogħol.

9. Fl-istess waqt, is-settur tal-grafika fil-Pajjiżi l-Baxxi sofra minn sensji fuq skala kbira, kif jidher ukoll mit-tliet applikazzjonijiet oħra FEG interrelatati sottomessi mill-Pajjiżi l-Baxxi, li juru għadd kbir ta' sensji fl-intrapriżi fis-settur tal-grafika f'partijiet oħra tal-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, fl-2009 l-Pajjiżi l-Baxxi applikaw b'suċċess għall-kofinanzjament mill-FEG biex jappoġġjaw ħaddiema li ngħataw is-sensja fl-istess settur u fl-istess reġjun NUTS II[6].

10. Is-servizzi tal-Kummissjoni għalhekk iqisu li s-sensji kkonċernati għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija lokali u li s-sitwazzjoni diffiċli li qiegħed fiha s-suq ekonomiku u tax-xogħol f' Overijssel u s-sensji addizzjonali f'reġjuni oħra tal-livell NUTS II tal-Pajjiżi l-Baxxi minħabba l-istess kawża u matul l-istess perjodu fl-istess Diviżjoni tan-NACE 2 jingħaqdu flimkien biex jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

11. L-interpretazzjoni hija wkoll konformi mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fl-okkażjoni tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 546/2009[7] li skontu "f'każijiet fejn applikazzjoni tal-FEG skont l-Artikolu 2(b) titressaq minn Stat Membru, jekk iseħħu aktar sensji f'reġjun tal-livell NUTS II ieħor tal-istess Stat Membru minħabba l-istess kawża u matul l-istess perjodu fl-istess Diviżjoni tan-NACE 2, il-Kummissjoni tqis li tista' ssir applikazzjoni għall-għajnuna tal-FEG għall-ħaddiema ta' dan tal-aħħar skont l-Artikolu 2(c) li jikkwota ċirkostanzi eċċezzjonali"[8].

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta' dawk is-sensji

12. L-awtoritajiet Olandiżi jargumentaw li l-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-impatt tagħha fuq is-settur ma setgħux jiġu previsti. L-applikazzjoni tiddikjara li qabel il-kriżi l-industrija tal-istampar u tal-pubblikazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi għaddiet minn proċess għali ta' ristrutturar sabiex tkun tista' tibqa' kompetittiva ma' intrapriżi minn barra l-UE. Is-settur ġie ttrasformat min wieħed immexxi mid-domanda għal industrija orjentata lejn il-forniment, li kien ifisser sforz kbir biex wieħed iħejji lill-impjegati għall-mod ġdid ta' kif kellhom jaħdmu. Il-kriżi attwali ġġib magħha r-riskju li jiġu kkanċellati l-benefiċċji tal-investimenti u sforzi kbar li għamel is-settur.

Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema identifikati għall-għajnuna

13. L-applikazzjoni hi marbuta mal-214-il sensja, li lkoll huma fil-mira għall-għajnuna fid-disa' intrapriżi li ġejjin:

Intrapriżi u għadd ta' sensji

SMG, Hasselt (SchuttersMagazijnGroep) || 10

Drukkerij Schippers, Wijhe || 1

Eproh Etiketten BV, Ommen || 1

Jellema Druk, Almelo || 2

VK Print, Harfsen || 1

OLBO, Hardenberg || 1

Thieme Rotatie Zwolle BV, Zwolle || 65

Plantijn Casparie Zwolle BV, Zwolle || 76

Thieme Deventer || 57

Total ta' intrapriżi: 9 || Total ta' sensji: || 214

14. It-tqassim tal-ħaddiema identifikati huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Irġiel || 139 || 65,0

Nisa || 75 || 35,0

Ċittadini tal-UE || 201 || 93,9

Ċittadini mhux tal-UE || 13 || 6,1

Minn 15 sa 24 sena || 39 || 18,2

Minn 25 sa 54 sena || 117 || 54,7

Età bejn il-55 u l-64 sena || 54 || 25,2

Aktar minn 64 sena || 4 || 1,9

15. Disgħa mill-ħaddiema fil-mira għandhom diżabbiltà.

16. Fir-rigward ta' kategoriji ta’ xogħol, it-tqassim huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Maniġers || 15 || 7,0

Professjonali || 43 || 20,1

Tekniċi || 45 || 21,0

Ħaddiema ta' appoġġ klerikali || 26 || 12,1

Ħaddiema fis-settur tas-servizzi u tal-bejgħ || 26 || 12,1

Operaturi tal-impjanti u tal-magni u dawk li jimmuntaw || 59 || 27,6

17. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, il-Pajjiżi l-Baxxi kkonfermaw li ġiet applikata, u se tkompli tiġi applikata, politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-FEG u, b'mod partikolari, għall-aċċess fl-FEG.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

18. It-territorju kkonċernat ikopri l-provinċja ta' Overijssel. Hi r-raba' l-akbar provinċja u s-seba' provinċja l-aktar ippopolata tal-Pajjiżi l-Baxxi b'densità tal-popolazzjoni ta' 335 abitant kull km2. Is-settur tas-servizzi jirrappreżenta 71,8% tal-impjiegi totali f'Overijssel; filwaqt li s-settur industrijali jirrappreżenta 23,4% u l-agrikoltura 4,8%.

19. L-awtoritajiet ewlenin ikkonċernati huma l-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi (SZW) u l-Fond ta' Taħriġ għas-settur tal-grafika u l-midja (A&O Fonds Grafimedia) f'isem Raad for Overleg in de Grafimedia Branche-ROGB (Kunsill għall-konsultazzjoni fis-settur tal-grafika u l-midja). Partijiet interessati rilevanti oħra huma l-Istitut għall-industrija kreattiva (GOC); l-organizzazzjoni pubblika responsabbli mill-benefiċċji (UWV werkbedrijf); iċ-ċentru tal-mobilità UVW; ROC van Twente (ċentru vokazzjonali tal-gvern fil-livell reġjonali) u d-Dentioncollege; l-organizzazzjoni għall-SMEs (MKB-ondernemingen); l-organizzazzjonijiet ta’ sħubija soċjali: FNV Kiem (trejdjunjin), CNV Media (trejdjunjin), Koninklijk Verbond van Grafische Ondernemingen-KVGO (organizzazzjoni għal min iħaddem) għad-distrett De Groote Veenen; u NUV (organizzazzjoni ta' min iħaddem).

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

20. Is-sitwazzjoni ekonomika tal-provinċja ta' Overijssel marret lura fl-2009 u t-tkabbir ekonomiku tagħha kien fin-negattiv (-4,2%) meta mqabbel mas-sena ta' qabel. F'din il-provinċja r-rata tal-qgħad żdiedet minn 5,3% f'Ottubru 2008 sa 7,2% f'Ottubru 2010 u hi ogħla mill-medja nazzjonali (6,8%). Mill-kważi 2 000 intrapriża tal-midja grafika fil-Pajjiżi l-Baxxi 7,3% qegħdin f'din il-provinċja u jirrappreżentaw 9,9% tal-impjiegi fis-settur tal-midja grafika.

21. L-awtoritajiet Olandiżi jargumentaw li s-sensji fis-settur tal-grafika sejrin jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad, li diġà ddeterjorat bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. F'Ottubru 2010 kien hemm 40% aktar nies ifittxu x-xogħol fl-industrija tal-midja grafika f'Overijssel milli fl-2008, qabel il-kriżi. Barra minn hekk, il-previżjonijiet jindikaw li fis-snin li ġejjin is-settur tal-kostruzzjoni u l-industrija tal-inġinerija se jinxtorbu aktar. Dan se jnaqqas sostanzjalment iċ-ċansijiet li wieħed isib xogħol minħabba li l-kostruzzjoni tirrappreżenta 9% tal-PDG f'Overijssel u l-kostruzzjoni u l-inġinerija flimkien, jirrappreżentaw 23,4% tal-impjiegi totali.

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u analiżi tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplimentarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

22. Qegħdin jiġu proposti t-tipi ta’ miżuri li ġejjin, li kollha jingħaqdu biex jiffurmaw pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati mmirati lejn l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol. Dawn se jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja permezz ta' ċentru ta' mobilità, imsejjaħ Ċentru tal-Karrieri Kreattiv (C3).

Attivitajiet ta' tħejjija

– Dħul u reġistrazzjoni: Din tkopri intervista inizjali sabiex il-ħaddiem li ngħata s-sensja jiġi rreġistrat u jiġu identifikati l-aktar tipi ta' miżuri adegwati.

– Tagħrif u helpdesk: Dan għandu x'jaqsam ma' laqgħat kollettivi u funzjoni ta' helpdesk biex tiġi pprovduta informazzjoni rigward il-miżuri disponibbli lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja.

Konsulenza

– Konsulenza għall-bidla minn xogħol għal ieħor: Dan l-akkumpanjament fil-bidla minn xogħol għal ieħor ikopri programm individwalizzat li jinkludi monitoraġġ, it-twaqqif ta' pjan ta' azzjoni ta' karriera u vokazzjonali, orjentazzjoni fis-suq tax-xogħol u konsulenza inizjali il-post tax-xogħol il-ġdid.

– Rikollokament: Dan jipprova jagħti sostenn attiv lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja fl-eżaminazzjoni tagħhom ta' opportunitajiet ġodda ta' xogħol.

– Taħriġ dwar l-intervisti għax-xogħol: Dan ikopri l-analiżi ta' postijiet battala disponibbli, is-sostenn għat-tfassil ta' CV u ittra ta' applikazzjoni u t-tħejjija għall-intervisti tax-xogħol.

– Gwida biex wieħed jiftaħ kumpanija għal rasu: L-akkumpanjament lejn il-ħolqien tan-negozju jipprova jassisti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja li qegħdin jippjanaw joħolqu n-negozju tagħhom stess. Dan ikopri l-għoti ta' parir legali, għajnuna għat-tfassil ta' pjan ta' negozju, sostenn għar-rekwiżiti amministrattivi.

Taħriġ

– "Edukazzjoni" Din tkopri t-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ mill-ġdid, it-taħriġ fl-amministrazzjoni u fil-ħiliet soċjali, u t-taħriġ speċifiku tekniku mill-ġdid għall-ħaddiema li t-taħriġ tekniku li jkunu ħadu qabel ma jkunx għadu utli.

– Rikonoxximent ta' esperjenza preċedenti (APL): Din tkopri l-valutazzjoni ta' għarfien u esperjenza preċedenti ta' ħaddiema individwali kif ukoll l-identifikazzjoni ta' oqsma fejn ikun meħtieġ taħriġ ulterjuri.

23. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG, li hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ amministrazzjoni u kontroll, kif ukoll tagħrif u pubbliċità.

24. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Olandiżi huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Olandiżi jistmaw li l-ispejjeż totali ta' dawn is-servizzi huwa ta' EUR 1 060 639 u li l-ispiża għall-implimentazzjoni tal-FEG tkun ta' EUR 44 193 (4% tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 718,140 (65% tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet || Għadd stmat ta’ ħaddiema identifikati || Spiża stmata għal kull ħaddiem identifikat (EUR) || Spejjeż totali (l-FEG u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Teħid ta' informazzjoni u r-reġistrazzjoni || 214 || 193 || 41 302

Informazzjoni u servizz tal-għajnuna || 214 || 86 || 18 404

Konsulenza għall-bidla minn xogħol għal ieħor || 80 || 3 623 || 289 840

Rikollokament || 64 || 4 485 || 287 040

Taħriġ dwar l-intervisti għax-xogħol || 64 || 1 421 || 90 944

Gwida biex wieħed jiftaħ kumpanija għal rasu || 11 || 4 526 || 49 786

Edukazzjoni || 90 || 2 487 || 223 830

Rikonoxximent ta' esperjenza preċedenti (APL): || 21 || 2 833 || 59 493

Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 1 060 639

Spiża fuq l-implimentazzjoni tal-FEG (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Maniġment || || 11 048

Tagħrif u pubbliċità || || 11 048

Attivitajiet ta’ kontroll || || 22 097

Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG || || 44 193

Total tal-ispiża stmata || || 1 104 832

Kontribut tal-FEG (65% tal-ispiża totali) || || 718 140

25. Il-Pajjiżi l-Baxxi jikkonfermaw li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplementarji mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. Il-miżuri tal-FSE huma disponibbli biss għal ħaddiema li għandhom xogħol filwaqt li l-azzjonijiet tal-FEG huma mmirati biex jerġa' jinstab xogħol lil dawk li diġà ngħataw is-sensja. L-awtorità tal-ġestjoni għall-FEG, li hija wkoll l-awtorità tal-ġestjoni għall-FSE, stabbiliet il-proċeduri tal-kontroll neċessarji biex telimina kwalunkwe riskju ta’ finanzjament doppju.

Data/i li fiha/fihom bdew jew kienu ppjanati li jibdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

26. Il-Pajjiżi l-Baxxi bdew is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett koordinat propost lill-FEG għall-kofinanzjament fis-16 ta’ Jannar 2010. Din id-data, għalhekk, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kwalunkwe għajnuna li tista' tingħata mill-FEG.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

27. L-imsieħba soċjali ġew ikkonsultati permezz tal-Fond tas-Suq tax-Xogħol u tat-Taħriġ għas-settur tal-grafika u l-midja (Arbeids & Opleidingsfonds Grafimedia branche), li fid-dawl tal-kriżi qablu dwar il-ħolqien ta' ċentru għall-mobilità għas-settur li jismu C3 (Ċentru tal-Karrieri Kreattiv). L-għan ta' dan iċ-ċentru ta' mobilità huwa li jikkoordina l-miżuri atttivi varji tas-suq tax-xogħol b'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali.

28. L-awtoritajiet Olandiżi kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew osservati.

Informazzjoni dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

29. L-awtoritajiet Olandiżi, fir-rigward tat-twettiq tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, fl-applikazzjoni tagħhom:

· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tissostitwixxix miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

· taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn lill-ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE.

Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

30. Il-Pajjiżi l-Baxxi nnotifikaw lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jiġġestixxu u jikkontrollaw il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) li jiffinanzja lill-Pajjiżi l-Baxxi. L-Aġenzija għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi (Agentschap SZW) sejra tkun il-korp intermedjarju għall-awtorità ta' ġestjoni.

Finanzjament

31. Abbażi tal-applikazzjoni mill-Pajjiżi l-Baxxi, il-kontribuzzjoni proposta mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati huwa ta' EUR 718 140, li jirrappreżenta 65% tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq it-tagħrif li ngħata mill-Pajjiżi l-Baxxi.

32. B'kunsiderazzjoni tal-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll tal-ambitu tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

33. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja jippermetti li aktar minn 25% tal-ammont annwali massimu allokat għall-FEG jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

34. L-ammont aggregat ta' kontribuzzjonijiet tal-FEG għal applikazzjonijiet tal-FEG li jirreferu għal ċirkostanzi eċċezzjonali għall-2011, inkluż l-ammont propost f'din il-Proposta, mhux ser jaqbeż il-15% tal-ammont massimu annwali tal-FEG, kif mitlub mill-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

35. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-FEG, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-FEG u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, għandha tissejjaħ laqgħa formali tat-trijalogu.

36. B’mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2011 iddaħħal approprjazzjonijiet speċifiċi għall-ħlas, kif jitlob il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet

37. Wara l-adozzjoni miż-żewġ fergħat tal-Awtorità Baġitarja ta' tliet Deċiżjonijiet li jammontaw għal EUR 10 371 321, u filwaqt li jitqiesu s-sitt każijiet diskussi attwalment mill-Awtorità Baġitarja għal ammont totali ta' EUR 31 213 175, fil-linja baġitarja tal-FEG 04.0501 għad hemm disponibbli EUR 6 024 454. Dan l-ammont li fadal se jintuża biex ikopri l-ammont ta' EUR 718 140 meħtieġ għall-applikazzjoni preżenti.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2010/028 NL/ Overijssel Division18 mill-Pajjiżi Baxxi)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda[9], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[10], u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Europea[11],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi sostenn addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       L-ambitu tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet ippreżentati mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)       Il-Pajjiżi l-Baxxi bagħtu applikazzjoni biex jimmobilizzaw il-FEG, fir-rigward tas-sensji fiż-disa' intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 18 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE ("L-istampar u r-riproduzzjoni tal-midja rrekordjata") fir-reġjun NUTS II ta' Overijssel (NL21), fl-20 ta' Diċembru 2010 u ssupplimentawha b'tagħrif addizzjonali sas-7 ta' Marzu 2011. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 718 140.

(5)       Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjoni mressqa mill-Pajjiżi Baxxi.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 718 140 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi [Brussell/Strasburgu],

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[4]               Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[5]               Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[6]               FEG/2009/029 Gelderland u Overijssel Diviżjoni 18. Din l-applikazzjoni ġiet approvata mill-Awtorità Baġitarja fl-24 ta' Novembru 2010 (2010/743/UE) (ĠU L 318, 4.12.2010, p. 40)

[7]               Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26).

[8]               Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 10304/09 ADD1, 8.6.2009.

[9]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[10]             ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[11]             ĠU C […], […], p. […].

Top