EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0340

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bi qbil mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/007 AT/Steiermark u Niederösterreich mill-Awstrija)

/* KUMM/2011/0340 finali */

52011PC0340

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bi qbil mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/007 AT/Steiermark u Niederösterreich mill-Awstrija) /* KUMM/2011/0340 finali */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibilità, bil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun li huma addizzjonali għall-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontributi mill-FEG huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fid-9 ta' Marzu 2010, l-Awstrija ressqet l-applikazzjoni EGF/2010/007 AT/Steiermark u Niederösterreich għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li diversi persuni ngħataw is-sensja f'54 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 24 tan-NACE Reviżjoni 2 (“Manifattura ta’ metalli bażiċi”)[3] fir-reġjuni NUTS II ta’ Steiermark (Styria, AT22) u Niederösterreich (fl-Awstrija ta’ Isfel, AT12) fl-Awstrija.

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma sodisfatti.

TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U L-ANALIŻI

Dejta prinċipali: ||

Nru ta' Referenza tal-FEG || EGF/2010/007

Stat Membru || L-Awstrija

Artikolu 2 || (b)

Intrapriżi konċernati || 54

Reġjuni NUTS II || Steiermark (AT22) Niederösterreich(AT12)

Taqsima NACE Reviżjoni 2 || 24 (“Manifattura ta’ metalli bażiċi”)

Perjodu ta’ referenza || 1.4.2009 – 31.12.2009

Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati || 1.4.2009

Data tal-applikazzjoni || 9.3.2010

Sensji matul il-perjodu ta’ referenza || 1 180

Ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma identifikati għall-għajnuna || 356

Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 12 266 158

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG[4] (EUR) || 479 855

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (%) || 3,8

Baġit totali (EUR) || 12 746 013

Il-kontribuzzjoni tal-FEG (65 %) (EUR) || 8 284 908

1. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fid-9 ta' Marzu 2010 u ssupplimentata b'tagħrif addizzjonali sat-22 ta' Frar 2011.

2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' intervent mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' żmien ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali prinċipali fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

3. Biex tkun stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, l-Awstrija tisħaq li t-tnaqqis globali fid-domanda għall-metall bħala riżultat tal-kriżi kellha impatt qawwi partikolarment fuq l-esportazzjoni tal-metall (ferruż u mhux ferruż) fl-Awstrija u għaldaqstant fuq il-produzzjoni tal-metall fil-pajjiż kif ukoll fuq l-impjiegi. Skont figuri tal-Ewrostat u Statistik Austria kkwotati fl-applikazzjoni, qrib it-80 % tal-produzzjoni Awstrijaka tal-metall hija esportata, u l-metall jammonta għal kważi 9 % tal-volum totali ta’ esportazzjoni tal-Awstrija, parti akbar mill-medja tal-UE-27 (6,1 %)

4. Qabel il-kriżi, is-settur tal-metall fl-Awstrija kien dinamiku, billi kien jilħaq bilanċ favorevoli kummerċjali grazzi għall-attivitajiet ta’ esportazzjoni, partikolarment fil-grupp ta’ prodotti tal-ħadid u tal-azzar (ferruż). Dan kien għen biex inħoloq kontro-bilanċ b’suċċess għall-forzi relatati mal-globalizzazzjoni, bħalma hija ż-żieda fl-importazzjonijiet ta’ metall minn pajjiżi terzi.

It-tkabbir preċedenti fis-settur waqaf ħesrem fir-raba’ kwart tal-2008, biex wassal għal tnaqqis ta’ 38,6 % fl-esportazzjoni tal-metall fil-perjodu bejn Jannar u Lulju 2009 meta komparat mas-sena ta’ qabel. It-tnaqqis fl-attivitajiet tal-esportazzjoni kienet tidher anqas fil-prodotti l-oħra Awstrijaċi (-24 % għal volum totali ta' esportazzjoni). Kwotazzjoni tat-tabelli tal-input u l-output tal-Ewrostat turi li l-Awstrija tenfasizza wkoll livell għoli ta’ interdipendenza fost l-intrapriżi fi ħdan is-settur tal-metall u b’xi industriji l-aktar affettwati mill-kriżi, bħall-industriji tal-kostruzzjoni, tal-inġinerija u tal-karozzi.

5. Dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea maħruġ f’April 2009 u f’Ottubru 2009[5] jgħid li l-kriżi kellha impatt qawwi ħafna fuq il-pajjiżi kbar kollha produtturi tal-azzar fl-UE. Matul is-sena sal-ewwel kwart tal-2009, il-produzzjoni ta’ azzar mhux maħdum fl-UE-27 waqgħet bi 43,8 %, meta mqabbla ma' kontraindikazzjoni fil-produzzjoni dinjija tal-azzar ta’ 22,8 % fl-istess perjodu. Ħafna kumpaniji tal-azzar Ewropej naqqsu n-numru ta’ jiem ta’ produzzjoni jew waqqfu xi partijiet mill-produzzjoni, u ħabbru qrib it-32 800 sensja mill-gruppi prinċipali tal-azzar, skont figuri mill-EUROFER, il-Konfederazzjoni Ewropea tal-Industrija tal-Ħadid u l-Azzar Dan kollu juri l-impatt qawwi tal-kriżi fuq is-settur tal-metall Ewropew.

Turija tal-għadd ta’ sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(b)

6. L-Awstrija ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jitlob li jkun hemm minn tal-inqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess Diviżjoni tar-Reviżjoni 2 tan-NACE f'reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi fil-livell tan-NUTS II fi Stat Membru.

7. L-applikazzjoni tindika 1 180 sensja f’54 intrapriża li topera fid-Diviżjoni 24 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (“Manifattura ta’ metalli bażiċi”) fir-reġjuni kontigwi NUTS II ta’ Steiermark (AT22) u Niederösterreich (AT12) matul id-disa’ xhur perjodu ta’ referenza mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkulati skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Spjegazzjoni tan-natura mhix prevista ta' dawk is-sensji

8. L-awtoritajiet Awstrijaċi jisħqu li l-kriżi globali bl-impatt tagħha fuq is-settur tal-metall bażiku ma setgħetx tkun imbassra, u jikkwotaw reviżjonijiet radikali 'l isfel tat-tbassir dwar it-tkabbir reali tal-PDG magħmul minn korpi internazzjonali u nazzjonali mill-aħħar tal-2007 lil hawn, bħall-Kummissjoni Ewropea, l-OECD u l-istituti għar-riċerka ekonomika Awstrijaka WIFO (Österreichisches Institut für Wirtschaftsforschung) u IHS (Institut für höhere Studien). Wara tbassir ta’ tkabbir żgħir ta’ 0,9 % u 1,2 % fil-ħarifa tal-2008, iż-żewġ istituti kellhom jaġġusstaw il-pronjosi tagħhom għat-tnaqqis tal-2009 għal -3,4 % u -3,8 % f’Settembru 2009. Għalkemm l-industrija tal-metall hija ġeneralment soġġetta għal varjazzjonijiet ċikliċi, il-veloċità u l-intensità tat-tnaqqis pprovokat mill-kriżi ma kinux imbassra u ssorprendew lil dan is-settur.

9. Riżultati ta’ stħarriġ tal-WIFO rrappurtaw ukoll nuqqas ta’ kunfidenza fost kumpaniji tal-metall fi Styria u fl-Awstrija ta’ Isfel fl-ewwel xhur tal-2009: meta mqabbla ma’ medja ta’ 21 % fis-snin sal-2008, 83 % tal-kumpaniji interrogati ikkwalifikaw il-volum tal-ordnijiet tagħhom għall-esportazzjoni bħala mhux suffiċjenti sa Lulju 2009.

Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema li huma identifikati għall-għajnuna

10. L-applikazzjoni tikkwota total ta’ 1 180 sensja f’54 intrpriża matul id-disa’ xhur tal-perjodu ta’ referenza li minnhom 356 ħaddiem (30,2 %) huwa identifikat għall-għajnuna. It-356 ħaddiem kollha daħlu fil-fondazzjoni tal-azzar Voest-Alpine ('Voest-Alpine-Stahlstiftung'), li hija fondazzjoni tax-xogħol tip ta’ intrapriża ('Unternehmensstiftung'), skont id-direttiva federali AMF/18-2010[6]. Mill-ħaddiema li kien għad baqa’ li ma daħlux fil-fondazzjoni, madwar 76,2 % sabu xogħol ġdid, xi 17,8 % ipparteċipaw f’miżuri ta’ taħriġ tal-AMS barra l-fondazzjoni u madwar 6 % irtiraw jew kienu qed jippjanaw li jirtiraw.

Intrapriżi u għadd ta' sensji

Alufix-Folienverarbeitungsgesellschaft m.b.H. || 6 || Icon Anlagenbau GmbH || 3

Augusta Metalltechnik GmbH || 11 || IPA Produktions- & Vertriebsgesellschaft m.b.H. || 9

Becker & Co Ges.m.b.H. & Co KG || 1 || Isoplus Fernwärmetechnik Gesellschaft m.b.H. || 32

Benda-Lutz Werke GmbH || 11 || Johann Nemetz & Co Gesellschaft m.b.H. || 13

Biedermann || 1 || Karl Fink Ges.m.b.H. || 30

Böhler Bleche GmbH & Co KG || 47 || Kunstguss Wagner Gesellschaft m.b.H. || 1

Böhler Bleche GmbH & Co KG || 37 || Martin Miller GmbH || 9

Böhler Schweisstechnik Austria || 10 || Metallguss Katz GmbH || 3

Böhler-Uddeholm Precision Strip GmbH & Co KG || 133 || Neuman Aluminium Strangpresswerk GmbH || 99

Böhler-Ybbstal Profil GmbH || 45 || O. St. Feinguss- Gesellschaft m.b.H. || 12

Breitenfeld Edelstahl AG Stahlwerk und Schmiede || 32 || Schlieper Gesellschaft m.b.H. || 20

Buntmetall Amstetten Gesellschaft m.b.H. || 10 || Schoeller-Bleckmann Edelstahlrohr GmbH || 24

Dynacast Österreich Gesellschaft m.b.H. || 14 || Sonderstahlwerk Breitenfeld GmbH || 1

EGM-Industrieguss GmbH || 5 || Stahl Judenburg Gesellschaft m.b.H. || 16

ELSA Edelmetall-Legier-und Scheideanstalt Gesellschaft m.b.H. || 1 || Stahl- und Walzwerk Marienhuette Ges. m.b.H. || 5

Enzesfeld-Caro Metallwerke Aktiengesellschaft || 21 || Teich Aktiengesellschaft || 10

FM Flanschenwerk Ges.m.b.H. || 3 || Ternitz Druckguss Gesellschaft m.b.H. || 1

Franz Steininger Gesellschaft m.b.H. || 4 || TIP Formenbau GmbH || 3

Georg Fischer Eisenguss GmbH || 6 || VAEE Eisenbahnsysteme GmbH || 11

Georg Fischer Fittings GmbH || 15 || Voestalpine Austria Draht GmbH || 29

Georg Fischer GmbH & Co KG || 4 || Voestalpine Giesserei Traisen GmbH || 32

Georg Fischer Kokillenguss GmbH || 59 || Voestalpine Krems GmbH || 56

Georg Fischer Moessner GmbH Nfg & Co KG || 10 || Voestalpine Schienen GmbH || 2

GF Druckguss GmbH || 14 || Voestalpine Stahl Donawitz GmbH & Co KG || 14

GLS Tanks International GmbH || 28 || Voestalpine Tubulars GmbH & Co KG || 166

G-MAG Europe GmbH || 12 || Welser Profile AG || 14

Hammerschied Ernstbrunner Eisengiesserei GmbH & Co KG || 4 || Wuppermann Austria Gesellschaft m.b.H || 21

Numru totali ta' intrapriżi: 54 || Numru totali ta' sensji: 1 180 ||

11. Ir-rendikont tat-356 ħaddiem identifikat għall-assistenza huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwali

Irġiel || 343 || 96,3

Nisa || 13 || 3,7

Ċittadini tal-UE || 354 || 99,4

Ċittadini barra l-UE || 2 || 0,6

minn 15 sa 24 sena || 96 || 27,0

minn 25 sa 54 sena || 246 || 69,1

Minn 55 sa 64 sena || 14 || 3,9

Aktar minn 64 sena || 0 || 0,0

12. Hemm 11-il ħaddiem (jew 3,1 %) bi problema ta’ saħħa persistenti jew b'diżabbiltà inklużi fil-kategoriji ta’ hawn fuq.

13. Fir-rigward ta' kategoriji ta’ xogħol, it-tqassim huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwali

Maniġers || 2 || 0,6

Tekniċi || 31 || 8,7

Ħaddiema ta' appoġġ klerikali || 22 || 6,2

Ħaddiema tas-sengħa u dawk involuti fi snajja’ relatati || 75 || 21,1

Operaturi tal-impjanti u tal-magni u dawk li jimmuntaw || 42 || 11,8

Xogħlijiet elementari || 184 || 51,7

14. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-Awstrija kkonfermat li ġiet applikata u se tkompli tiġi applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' non-diskriminazzjoni matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-FEG u, b'mod partikolari, għall-aċċess għall-FEG.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

15. It-territorji milqutin mis-sensji huma fil-Land ta’ Steiermark (AT22) u fil-Land ta’ Niederösterreich (AT12), tnejn mid-disa’ provinċji federali fl-Awstrija. Iż-żewġ provinċji jagħmlu parti mir-reġjuni industrijali fl-Awstrija, flimkien ma’ Oberösterreich u Vorarlberg. Niederösterreich hija l-akbar provinċja federali fl-Awstrija u tinsab madwar Vienna, il-kapitali tal-Awstrija, li hi nnifisha għandha l-istatus ta’ provinċja. Tinsab fruntiera mar-Repubblika Ċeka u mas-Slovakkja, u l-kapitali provinċjali hija Sankt Pölten. Steiermark tinsab fruntiera mas-Slovenja, u l-kapitali provinċjali tagħha, Graz, hija t-tieni l-akbar belt wara Vienna fl-Awstrija.

16. L-awtoritajiet Awstrijaċi spjegaw li ż-żewġ provinċji għadhom isofru minn dgħjufija strutturali bi prodott reġjonali gross (PDG reġjonali) anqas mill-medja nazzjonali (figuri tal-2006). Ir-rata ta’ qagħad fi Steiermark hija ġeneralment aktar mill-medja nazzjonali, partikolarment madwar il-belt ta’ Graz u fil-punent u l-lvant tal-provinċja, waqt li l-qagħad f’Niederösterreich huwa bejn wieħed u ieħor fuq l-istess livell bħalma hu fil-kumplament tal-Awstrija. Il-qagħad fit-tul (aktar minn sena) huwa aktar mill-medja nazzjonali fiż-żewġ provinċji, u t-tnejn li huma jesperjenzaw differenzi sinifikanti fid-dħul mir-reġjuni tagħhom, ħaġa li tirrifletti d-diversità fit-territorji tagħhom fejn jidħlu ġografija, karattru u struttura ekonomika. Ir-raġunijiet għas-sitwazzjoni li relattivament mhix favorevoli huma l-effetti tardatarji tal-kriżi strutturali lejn l-aħħar tat-tmeninijiet (1980) fi Steiermark li wasslet għal skemi ta’ rtirar bikri u rata baxxa ta’ impjiegi għan-nisa, partikolarment f’żoni rurali. Niederösterreich qed jesperjenza tibdil strutturali u qed jiffaċċja l-isfida li jrid iqabbel il-kwalifiki mal-impjiegi.

17. Il-partijiet l-aktar interessati huma s-servizzi tal-impjiegi pubbliċi reġjonali ta’ Styria u tal-Awstrija ta’ Isfel (regionale Geschäftsstellen des Arbeitsmarktservice/AMS), l-Assoċjazzjoni tal-Inġinerija u x-Xogħol fil-Metall tal-Kamra Ekonomika tal-Awstrija (Fachverband der maschinen- und metallverarbeitenden Industrie der Wirtschaftskammer Österreich), l-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Minjieri u tal-Produzzjoni tal-Ħadid tal-Kamra Ekonomika tal-Awstrija (Fachverband der Bergwerke und eisenerzeugenden Industrie der Wirtschaftskammer Österreich), it-trejdjunjin tal-ikel, metall u tessuti (Gewerkschaft Metall-Textil-Nahrung) u t-trejdjunjin tal-impjegati fis-settur privat, l-istampar, il-ġurnaliżmu, u l-karta (Gewerkschaft der Privatangestellten, Druck, Journalismus, Papier), li t-tnejn jaqgħu taħt il-Federazzjoni Awstrijaka tat-Trejdjunjins (Österreichische Gewerkschaftsbund /ÖGB).

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

18. Il-figuri kkwotati fl-applikazzjoni juru l-importanza tal-industrija tal-metall fis-sitwazzjoni tal-impjiegi fiż-żewġ provinċji: fl-2008 is-settur kien jirrappreżenta 2,1 % tal-impjiegi fi Steiermark (l-ogħla sehem fl-Awstrija, kontra il-1 % għall-pajjiż kollu) u fi Niederösterreich dan is-sehem kien 1,5 % (it-tielet l-ogħla sehem fl-Awstrija).

19. L-awtoritajiet Awstrijaċi spjegaw li l-qagħad ġenerali żdied sew fl-2009 skont figuri kkwotati ta’ Statistik Austria u ta’ istituti tar-riċerka Awstrijaċi: Fi Steiermark kien ta’ +39,9 % u f’Niederösterreich +31,3 %, meta mqabbla ma' +29,3 % fl-Awstrija kollha (fit-tieni kwart tal-2009). It-tnaqqis fid-domanda għall-metall kellu impatt negattiv qawwi fuq is-swieq tax-xogħol fi Styria u fl-Awstrija ta’ Isfel, peress li t-telf tal-impjiegi fl-intrapriżi tal-metall kien ogħla minn f’postijiet oħra fl-Awstrija. Barra minn hekk, żdied in-numru ta’ ħaddiema bi skemi ta’ impjieg qasir (Kurzarbeit): f’Novembru tal-2009, Niederösterreich kellu l-ogħla numru ta’ ħaddiema taħt din l-iskema fost il-provinċji Awstrijaċi kollha, waqt li Steiermark kellu t-tielet l-ogħla numru.

20. Kważi 60 % tas-sensji li huma t-tema ta’ din l-applikazzjoni seħħew f’Niederösterreich (704 ħaddiem fi 33 kumpanija) u aktar minn 40 % tas-sensji (476 ħaddiem f’21 kumpanija) seħħew fi Steiermark. Steiermark diġà ġiet aċċettata għall-appoġġ tal-FEG f’każ ieħor aktar kmieni: EGF/2009/009 AT/Steiermark (settur tal-karozzi) b’744 ħaddiem mogħtija s-sensja f’perjodu ta’ disa’ xhur.

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u analiżi tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplimentarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

21. Qed jiġu proposti t-tipi ta’ miżuri li ġejjin, li kollha jingħaqdu biex jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati mmirati lejn l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ 356 ħaddiem lura f’impjieg.

Il-miżuri se jingħataw lill-ħaddiema permezz tal-fondazzjoni tal-azzar Voest-Alpine (“Voest-Alpine-Stahlstiftung”), li hija fondazzjoni tax-xogħol tip ta’ intrapriża stabbilita fl-1987-88 biex ittaffi l-impatt ħażin tal-istrutturar mill-ġdid fis-settur tal-azzar. Fl-2010 il-fondazzjoni għandha aktar minn 80 kumpanija msieħba, jiġifieri intrapriżi attivi fis-settur tal-metall. Madwar żewġ terzi tal-kumpaniji membri jagħmlu parti mill-Grupp voestalpine, it-terz l-ieħor huwa magħmul minn kumpaniji barra mill-Grupp[7]. B’riżultat tal-kriżi, in-numru ta’ parteċipanti fil-fondazzjoni, jiġifieri ħaddiema qiegħda f’taħriġ, fi programmi ta’ edukazzjoni u fir-reintegrazzjoni, irdoppja (Marzu 2010, meta mqabbla mas-sena ta’ qabel). It-356 persuna identifikata permezz ta’ din l-applikazzjoni qabel kienu ħaddiema f’kumpaniji li jagħmlu parti mill-Grupp voestalpine li daħlu fil-fondazzjoni tax-xogħol bejn l-1 ta’ April 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2009.

22. Il-miżuri għat-356 ħaddiem identifikat li daħlu fil-fondazzjoni huma bi qbil mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi ('AMS, Arbeitsmarktservice') ta’ Steiermark u Niederösterreich u kkontrollati minnhom. It-tifsira ta’ kull miżura għas-suq tax-xogħol hija evalwata, u l-konformità mar-regoli tal-fondazzjoni ('Stiftungsordnung') u settijiet ta’ liġijiet oħra applikabbli hija assigurata. L-iżvilupp tal-ħaddiema individwali huwa sorveljat biex ikun żgurat li jiġu segwiti l-pjanijiet li dwarhom kien hemm ftehim fil-fażijiet inizjali tal-programm. Il-ħaddiema għandhom jinvolvu ruħhom full-time, bi qbil ma’ § 18 ta’ Arbeitslosenversicherungsgesetz (ALVG) u skont il-mudell tal-ħin tax-xogħol li kull persuna kellha qabel.

– Konsultazzjoni preliminari: It-356 ħaddiem li ngħataw is-sensja kollha jipparteċipaw f’din wara li jidħlu fil-fondazzjoni tax-xogħol. Din tinkludi l-iżvilupp ta’ perspettivi u miri għall-karriera.

– Orjentazzjoni tax-xogħol: It-356 ħaddiem li ngħataw is-sensja kollha jsegwu l-orjentazzjoni tax-xogħol wara li jidħlu fil-fondazzjoni. It-tul ta’ żmien huwa limitat għal sitt ġimgħat bil-possibilità li jkun estiż għal massimu ta’ 12-il ġimgħa. Hemm qbil dwar pjan ta’ perkors ta’ xogħol individwali u pjan alternattiv li jkun iffirmat mill-ħaddiem, mir-rappreżentanti tal-fondazzjoni tal-azzar u l-AMS reġjonali responsabbli. Din hija l-bażi tal-attivitajiet sussegwenti tal-ħaddiem fi ħdan il-fondazzjoni tax-xogħol.

– Taħriġ individwali: Hemm ippjanati korsijiet ta’ taħriġ għal 174 ħaddiem li jkopru titjib fil-kwalifiki fl-oqsma preċedenti tal-ħaddiema (eż. taħriġ għal formnijiet, welding u korsijiet tekniċi oħrajn) kif ukoll taħriġ vokazzjonali tal-bidu biex iservi ta’ preparazzjoni għal bidla fil-karriera f’oqsma bħal dawk soċjali, tas-saħħa jew tas-servizzi (proposti għal madwar nofs il-174 ħaddiem). Ħaddiema anqas imħarrġa jistgħu jirċievu taħriġ vokazzjonali biex iġibu kwalifika formali (bejn wieħed u ieħor kwart tal-parteċipanti). Parti mit-taħriġ vokazzjonali ma hemmx bżonn li jiġi kofinanzjat mill-FEG għaliex huwa mogħti b’xejn fis-sistema edukattiva Awstrijaka. F’każijiet fejn programm ta’ taħriġ li diġà hemm qbil fuqu jieħu aktar fit-tul mill-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEG, il-finanzjar addizzjonali se jingħata mill-fondazzjoni[8].

– Fil-katalgu tal-miżuri hemm offrut ukoll taħriġ intern prattiku korporattiv għal perjodu sa tliet xhur għal kull intrapriża u taħriġ fl-intraprendenza għal dawk interessati li jibdew in-negozju tagħhom. Dawk li jkunu ħadu taħriġ fl-intraprendenza fil-fondazzjoni aktar tard se jkollhom il-possibilità li jingħaqdu mal-Programm ta’ Fondazzjoni għall-Intrapriżi tal-Arbeitsmarktservice li huwa ffinanzjat barra mill-FEG. Qabel ma jidħol f’dan il-programm speċifiku tal-AMS, tintemm il-parteċipazzjoni tal-ħaddiem fil-fondazzjoni tax-xogħol.

– Konsultazzjoni kontinwa u tiftix attiv għax-xogħol Il-fondazzjoni tpoġġi għad-disponibbiltà tat-356 ħaddiem l-infrastruttura meħtieġa u tagħtihom pariri u appoġġ fl-isforzi tagħhom biex isibu impjieg ġdid. Dan jinkludi attivitajiet bħal diskussjonijiet ma’ kowċ, taħriġ dwar kif tapplika għal impjieg, gruppi simili biex jippromwovu il-kaċitajiet fin-networking. It-tiftix attiv għal impjieg jista’ jew jibda’ direttament wara l-fażi ta’ orjentazzjoni jew mat-tlestija tal-pjan ta’ taħriġ individwali. It-tul normali ta’ din il-miżura huwa limitat għal 14-il ġimgħa, u jista’ jiġġedded għal 22 ġimgħa f’każijiet partikolari (għal parteċipanti ta’ ’l fuq minn 50 sena jew għal persuni b’kapaċità anqas għax-xogħol). Offerti għal impjiegi raġjonevoli mill-AMS għandhom jiġu aċċettati mill-parteċipanti waqt il-fażi ta’ tiftix attiv għax-xogħol.

– Taħriġ u benefiċċju għat-tiftix tax-xogħol[9]: Dan il-benefiċċju jitħallas lit-356 ħaddiem kollha u jsir biss tul il-parteċipazzjoni tagħhom fit-taħriġ u fil-miżuri attivi ta’ reintegrazzjoni fi ħdan il-fondazzjoni tax-xogħol. Ir-rata bażika hija bejn EUR 150 u EUR 450 għal kull persuna kull xahar (14-il xahar/sena), issupplimentat b’EUR 75 / EUR 40 għal dawk bi dħul wieħed bit-tfal jew mingħajr tfal (12-il xahar/sena) Dan il-benefiċċju, flimkien mal-benefiċċju ta’ sosteniment, ma jistax jaqbeż il-bażi tal-evalwazzjoni tal-benefiċċju tal-qagħad. Il-benefiċċji tal-qagħad jitwaqqfu waqt il-perjodu li jkunu qed jingħataw dawn il-benefiċċji tat-taħriġ.

– Benefiċċju ta’ sosteniment waqt it-taħriġ u waqt miżuri ta’ tiftix għal impjieg[10]: Dan il-benefiċċju huwa mħallas lit-353 ħaddiem kollha u jsir biss tul il-parteċipazzjoni tagħhom fit-taħriġ u fil-miżuri attivi ta’ reintegrazzjoni fi ħdan il-fondazzjoni tax-xogħol. Dan jippermetti involviment serju full-time fil-miżuri, ta’ kull ħaddiem li tilef l-imjieg. L-awtoritajiet jikkalkulaw li 60 persuna ser jipparteċipaw fit-taħriġ u fil-miżuri ta’ reintegrazzjoni għal 6,1 xhur, 138 persuna għal 15-il xahar, 51 persuna għal 30 xahar u 104 persuna għal 33,2 xhur. In-nefqa għal kull ħaddiem tammonta għal EUR 1 031 kull xahar. Dan il-benefiċċju, flimkien mat-taħriġ u mal-benefiċċju ta’ sosteniment, ma jistax jaqbeż il-bażi tal-evalwazzjoni tal-benefiċċju tal-qagħad. Il-benefiċċji tal-qagħad jitwaqqfu waqt il-perjodu li jkunu qed jingħataw dawn il-benefiċċji ta' sosteniment.

– Spejjeż anċillari waqt it-taħriġ: Dawn huma mogħtija biss lill-174 parteċipant fil-fondazzjoni li qed jagħmlu l-miżuri ta’ taħriġ, biex ikopru l-ispejjeż tal-ivjaġġar u l-ispejjeż tal-materjal tat-tagħlim.

23. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG, li hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ tħejjija, tagħrif u reklamar kif ukoll attivitajiet ta’ kontroll u l-ġestjoni tal-fondazzjoni tal-azzar Voest-Alpine. L-imsieħba kollha involuti fil-miżuri huma impenjati li jikkomunikaw l-appoġġ tal-FEG. L-ispiża tal-ġestjoni tal-fondazzjoni se tiġi kkalkulata fuq bażi pro-rata għal dawk attwalment taħt superviżjoni u mhux ser taqbeż id-EUR 954 għal kull persuna.

24. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Awstijaċi huma miżuri attivi għas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Awstrijaċi jistmaw li l-ispiża totali ta’ dawn is-servizzi hija ta’ EUR 12 266 158 u li n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG hija ta' EUR 479 855 (3,80 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 8 284 908 (65 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet || Għadd stmat ta’ ħaddiema identifikati || Nefqa stmata għal kull ħaddiem identifikat (EUR) || Nefqa totali (l-FEG u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Konsultazzjoni preliminari (“Erstberatung”) || 356 || 49 || 17 444

Orjentazzjoni tax-xogħol (“Berufsorientierung”) || 356 || 1 022 || 363 832

Taħriġ individwali, inkluż taħriġ intern u taħriġ ta’ ħiliet fl-intraprendenza (“Individuelle Qualifizierung”) || 174 || 3 052 || 531 048

Konsultazzjoni kontinwa u tiftix attiv għax-xogħol (“laufende Beratung und aktive Jobsuche”) || 356 || 1 056 || 375 936

Taħriġ u benefiċċju għat-tiftix tax-xogħol (“Zuschussleistung/Stipendium bei aktiver Beratung, Jobsuche oder Ausbildung”) || 356 || 9 307 || 3 313 292

Benefiċċju ta’ sosteniment waqt it-taħriġ u tiftix għal impjieg – 6,1 xhur (“Schulungsarbeitslosengeld”) || 60 || 6 308 || 378 480

Benefiċċju ta’ sosteniment waqt it-taħriġ u t-tiftix tal impjieg – 15-il xahar (“Schulungsarbeitslosengeld”) || 138 || 15 456 || 2 132 928

Benefiċċju ta’ sosteniment waqt it-taħriġ u t-tiftix tal impjieg – 30 xahar (“Schulungsarbeitslosengeld”) || 51 || 30 886 || 1 575 186

Benefiċċju ta’ sosteniment waqt it-taħriġ u tiftix għal impjieg – 33,2 xahar (“Schulungsarbeitslosengeld”) || 104 || 34 240 || 3 560 960

Spejjeż anċillari waqt it-taħriġ (“Ausbildungsnebenkosten”) || 174 || 98 || 17 052

Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 12 266 158

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Attivitajiet ta' tħejjija || || 57 500

Ġestjoni tal-fondazzjoni tal-azzar Voest-Alpine (fondazzjoni għal sejbien ta' impjieg ġdid) || || 339 355

Informazzjoni u pubbliċità || || 18 000

Attivitajiet ta’ kontroll || || 65 000

Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG || || 479 855

Total tal-ispiża stmata || || 12 746 013

Kontribut tal-FEG (65 % tal-ispiża totali) || || 8 284 908

25. L-Awstrija kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplimentarji mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li ma hemmx iffinanzjament doppju. Il-Programm Operazzjonali Awstrijak tal-FSE jiffoka skont it-tieni oġġettiv fuq il-persuni qiegħda għal tul ta’ żmien, waqt li l-għan tal-FEG huwa li jgħin lill-ħaddiema immedjatament wara li jkunu ħadu s-sensja. Għalhekk, iż-żewġ fondi mhumiex l-istess.

Id-data/dati meta bdew jew meta huwa maħsub li jibdew is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati

26. L-Awstrija bdiet is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett koordinat propost għall-kofinanzjament lill-FEG fl-1 ta’ April 2009, li hija d-data meta l-ewwel ħaddiema daħlu fil-fondazzjoni tax-xogħol. Din id-data, għalhekk, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibilità għal kwalunkwe għajnuna li tista' tingħata mill-FEG.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

27. L-awtoritajiet Awstrijaċi spjegaw li d-djalogu mal-imsieħba soċjali dwar kif jistgħu jittaffew l-effetti tat-telf tal-impjiegi għall-ħaddiema inkwistjoni nbeda meta l-kumpaniji nnotifikaw lill-awtoritajiet Awstrijaċi bis-sensji ppjanati, bi qbil mas-sistema ta’ twissija bikrija Awstrijaka “Frühwarnsystem” (§ 45a tal-Arbeitsmarkt-förderungsgesetz/AMFG).

28. Dwar ir-rwol tal-fondazzjoni tal-azzar Voest-Alpine, il-ftehim tal-imsieħba soċjali fil-prinċipju sar lejn l-aħħar tat-tmeninijiet (1980), meta kienet stabbilita l-fondazzjoni tax-xogħol. L-imsieħba soċjali li ġejjin qablu ma’ din l-applikazzjoni speċifika tal-FEG, sa Awwissu 2009: l-Assoċjazzjoni tal-Inġinerija u x-Xogħol fil-Metall tal-Kamra Ekonomika tal-Awstrija (Fachverband der maschinen-und metallverarbeitenden Industrie der Wirtschaftskammer Österreich), l-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Minjieri u tal-Produzzjoni tal-Ħadid tal-Kamra Ekonomika tal-Awstrija (Fachverband der Bergwerke und eisenerzeugenden Industrie der Wirtschaftskammer Österreich), it-trejdjunjin tal-ikel, metall u tessuti (Gewerkschaft Metall-Textil-Nahrung) u t-trejdjunjin tal-impjegati fis-settur privat, l-istampar, il-ġurnaliżmu, u l-karta (Gewerkschaft der Privatangestellten, Druck, Journalismus, Papier), li it-tnejn jaqgħu taħt il-Federazzjoni Awstrijaka tat-Trejdjunjins (Österreichische Gewerkschaftsbund /ÖGB).

29. L-Awstrija spjegat ukoll li l-kooperazzjoni tal-ftehim soċjali Awstrijak huwa arranġament volontarju li fil-parti l-kbira huwa ta’ natura informali u mhux regolat bil-liġi[11]. Huwa biss meta l-kumpaniji jiddeċiedu li jipparteċipaw f’miżuri speċifiċi tal-politika dwar ix-xogħol li jkunu soġġetti għar-regoli applikabbli tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi (AMS). Is-sensji kkonċernati permezz ta’ din l-applikazzjoni huma bbażati fuq il-ftehimiet tal-kunsill ta’ min iħaddem jew tax-xogħol (“Betriebsvereinbarungen”), minflok fuq il-ftehimiet kollettivi negozzjati għas-settur tal-metall kollu.

Informazzjoni dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

30. Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Awstrijaċi fl-applikazzjoni tagħhom u fit-tagħrif supplimentari:

· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

· taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn lill-ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE.

Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

31. L-Awstrija nnotifikat lill-Kummissjoni li l-fondazzjoni tal-azzar Voest-Alpine se tipprovdi il-35 % kofinanzjament nazzjonali. Il-fondazzjoni tax-xogħol innifisha hija ffinanzjata minn kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà mħallsa minn min iħaddem u mill-impjegati ta’ intrapriżi membri kurrenti. Dawn il-kontribuzzjonijiet ivarjaw u jiġu riveduti regolarment mill-imsieħba soċjali.

32. L-Awstrija kkonfermat li l-kontribuzzjoni finanzjarja ser tiġi amministrata mill-istess korp li jamministra l-FSE: l-unità VI/INT/9 fi ħdan il-Ministeru Federali tax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Ħarsien tal-Konsumatur (BMASK Bundesministerium für Arbeit, Soziales und Konsumentenschutz) se sservi ta’ awtorità ta’ amministrazzjoni u bħala servizz ta’ ħlas. L-awtorità tal-kontroll finanzjarju għall-FEG hija differenti minn dik tal-FSE: l-unità VI/S/5a fi ħdan il-BMASK se tiżgura din il-funzjoni għall-FEG. Il-pakkett ikkoordinat ta’ miżuri personalizzati huwa implimentat mill-fondazzjoni tal-azzar Voest-Alpine, issorveljat mis-servizz pubbliku tal-impjiegi (AMS). Barra minn hekk, il-BMASK huwa appoġġat mill-fornitur tal-assistenza teknika li se jieħu ħsieb ukoll il-kontroll tal-ewwel livell. L-arranġamenti u l-obbligazzjonijiet ewlenin kollha huma mniżżla fil-ftehimiet miktubin.

Il-finanzjament

33. Abbażi tal-applikazzjoni mill-Awstrija, il-kontribuzzjoni proposta mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati hija ta' EUR 8 284 908, li tirrappreżenta 65 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta mill-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq it-tagħrif li ngħata mill-Awstrija.

34. B'kunsiderazzjoni tal-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll tal-ambitu tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

35. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja se jħalli aktar minn 25 % tal-ammont massimu annwali ddestinat għall-FEG disponibbli għall-allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif jitlob l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

36. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-FEG, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-FEG u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ partijiet tal-awtorità baġitarja, se tissejjeħ laqgħa formali ta' trijalogu.

37. B’mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2011 iddaħħal approprjazzjonijiet għall-impenji speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlas

38. L-ammont ta’ EUR 16 808 313 jibqa’ disponibbli fuq il-linja baġitarja 04.0501 tal-FEG wara l-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet miż-żewġ fergħat tal-Awtorità Baġitarja li flimkien jammontaw għal EUR 777 390, u b’kunsiderazzjoni għat-tliet każijiet li qed jiġu diskussi mill-Awtorità Baġitarja għall-ammont totali ta’ EUR 30 023 247. Dan l-ammont disponibbli se jintuża biex ikopri l-ammont ta' EUR 8 284 908 meħtieġ għall-applikazzjoni preżenti.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bi qbil mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/007 AT/Steiermark u Niederösterreich mill-Awstrija)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[12], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[13], u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[14],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi sostenn addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       L-ambitu tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 ’l quddiem biex jinkludi s-sostenn għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)       L-Awstrija ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji f’54 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 24 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (“Manifattura ta' metalli bażiċi”) fir-reġjun kontigwu NUTS II, Steiermark (Styria, AT22) u Niederösterreich (l-Awstrija ta’ Isfel, AT12) fl-Awstrija fid-9 ta' Marzu 2010 u ssupplimentatu b'tagħrif addizzjonali sas-27 ta' Jannar 2011. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 8 284 908.

(5)       Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Awstrija.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 8 284 908 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' ħlas.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi [Brussell/Strasburgu],

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[4]               Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[5]               Impatt tal-kriżi ekonomika fuq is-setturi ewlenin tal-UE – il-każ tal-industriji tal-manifattura u tal-kostruzzjoni: http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/_getdocument.cfm?doc_id=4040 (4/2009) u http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/_getdocument.cfm?doc_id=5509 (10/2009).

[6]               Il-fondazzjonijiet tax-xogħol Awstrijaċi huma strument tal-politika tal-kummerċ attiv fl-Awstrija biex itejjeb il-pożizzjoni tas-suq kummerċjali ta’ dawk li qed ifittxu x-xogħol. Huma bbażati fuq Arbeitslosenversicherungsgesetz (§ 18) u fuq id-direttiva ta’ implimentazzjoni maħruġin mis-servizz tas-suq tax-xogħol (AMS) L-aħħar direttiva tal-AMS: http://www.ams.at/_docs/001_ast_RILI.pdf.

[7]               http://www.voestalpine.com/group/static/sites/default/downloads/en/share/share/Annual_Report_2009-10.pdf

[8]               Skont § 18 ta’ Arbeitslosenversicherungsgesetz (ALVG), il-parteċipazzjoni ta’ ħaddiem fil-fondazzjoni hija limitata għal 156 ġimgħa (tliet snin) bil-possibilità li tkun estiża għal 209 ġimgħat (erba’ snin) f’każijiet partikolari (persuni ta’ età aktar minn 50 sena jew persuni fi programmi ta’ kwalifikazzjoni itwal).

[9]               Ibbażat fuq § 18 ta’ Arbeitslosenversicherungsgesetz (ALVG).

[10]             Ibbażat fuq § 18 ta’ Arbeitslosenversicherungsgesetz (ALVG).

[11]             Is-sit tal-internet tal-ÖGB http://www.sozialpartner.at/sozialpartner/Sozialpartnerschaft_mission_en.pdf

[12]             ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[13]             ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[14]             ĠU C […], […], p. […].

Top