EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0339

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bi qbil mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/008 AT/AT&S mill-Awstrija)

/* KUMM/2011/0339 finali */

52011PC0339

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bi qbil mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/008 AT/AT&S mill-Awstrija) /* KUMM/2011/0339 finali */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibilità, sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, u dan apparti mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-FEG huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fil-11 ta’ Marzu 2010, l-Awstrija ressqet l-applikazzjoni EGF/2010/008 AT/AT&S għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji mill-AT&S fl-Awstrija.

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li l-kundizzjonijiet għal kontribut finanzjarju skont dan ir-Regolament huma ssodisfati.

TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U L-ANALIŻI

Dejta prinċipali: ||

Nru ta' Referenza tal-FEG || EGF/2010/008

Stat Membru || L-Awstrija

Artikolu 2 || (c) - ċirkostanzi mhux normali

Intrapriża primarja || AT&S (Austria Technologie & Systemtechnik Aktiengesellschaft)

Fornituri u produtturi downstream || 0

Perjodu ta’ referenza || 1.9.2009 – 31.12.2009

Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati || 15.9.2009

Data tal-applikazzjoni || 11.3.2010

Sensji matul il-perjodu ta’ referenza || 167

Sensji qabel u wara l-perjodu ta' referenza || 0

Sensji totali eliġibbli || 167

Ħaddiema li ngħataw is-sensja li huma identifikati għall-għajnuna || 74

Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 1 806 658

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG[3] (EUR) || 72 000

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (%) || 3,8

Baġit totali (EUR) || 1 878 658

Il-kontribuzzjoni tal-FEG (65 %) (EUR) || 1 221 128

1. L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fil-11 ta’ Marzu 2010 u kienet supplimentata b'tagħrif addizzjonali sat-22 ta’ Frar 2011.

2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' intervent mill-FEG kif stipulat fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' skadenza ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

3. Biex tkun stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, l-Awstrija targumenta li l-produzzjoni ta’ bords ta’ ċirkwit stampati (PCBs)[4] fl-Ewropa għal xi żmien segwiet l-istess xejra tas-settur Ewropew tat-telefonija ċellulari, jiġifieri li l-produzzjoni bil-massa qed tiġi trasferita għal ekonomiji b’salarji baxxi, prinċipalment fl-Asja u aktar speċifikament iċ-Ċina. L-Asja tipproduċi l-parti l-kbira tat-telefons ċellulari u tagħmir, u kważi tliet kwarti tal-volum dinji ta’ PCB huwa prodott hemmhekk (il-fattur ta’ prossimità). L-Awstrija tisħaq ukoll li permezz tal-approvazzjoni ta’ diversi applikazzjonijiet tal-FEG fis-settur tat-telefonija ċellulari, fil-passat, il-Kummissjoni diġà għarfet li tali trasferiment tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jirrappreżenta ċaqliq strutturali fix-xejriet tal-kummerċ dinji.

4. Kwotazzjoni tal-analiżi tas-suq tal-Industrija tal-Bords ta’ Ċirkwit Stampati (Verband der Leiterplattenindustrie VdL) tal-Assoċjazzjoni bbażata fil-Ġermanja f'Mejju 2009, turi li l-Awstrija tindika li l-volum ta’ produzzjoni ta’ PCB Ewropew fl-2008 naqas b’10,8 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, waqt li n-nuqqas kien anqas enfasizzat fix-Xlokk tal-Asja inkluż fiċ-Ċina (- 5,4 %) u mad-dinja kollha (- 4,8 %). F’termini ta’ manifatturi ta’ PCB Ewropej, in-numru naqas minn 333 fl-2007 għal 307 fl-2008.

5. AT&S hija waħda mill-manifatturi ewlenin tal-PCB u fost l-akbar produtturi fl-Ewropa, b’diversi siti ta’ produzzjoni fl-Awstrija (Leoben/Styria, Fehring/Styria, Klagenfurt/Carinthia), u fiċ-Ċina (l-impjant ta’ Shangai mill-2002 'l hawn), fl-Indja (l-impjant ta’ Nanjangud mill-1999 'l hawn) u fil-Korea (l-impjant ta’ Ansan mill-2006 'l hawn).

Wara t-tnaqqis fid-domanda tal-bords ta’ ċirkwit (- 40 % fis-sena kummerċjali 2008/2009 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel), f’Novembru 2008 AT&S iddeċidiet li titrasferixxi l-produzzjoni bil-massa ta’ PCB sħiħa minn Leoben għal Shangai li rriżultat fi tnaqqis kbir fin-numru tal-impjegati fis-sit ta’ Styria u katina ta’ sensji fuq aktar minn sena. Fl-Awstrija baqa’ biss produzzjoni bil-lott ta’ qies żgħir jew medju għas-suq Ewropew, li primarjament tissupplixxi s-setturi tal-karozzi u tal-industrija.

Dimostrazzjoni tal-għadd ta' sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(c)

6. L-Awstrija ressqet l-applikazzjoni skont il-kriterju tal-intervent tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-applikanti jidderogaw mir-rekwiżiti tal-Artikoli 2(a) u 2(b) fi swieq tax-xogħol żgħar jew f'każijiet eċċezzjonali fejn is-sensji għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali. F'dan il-każ l-applikant irid jispeċifika liema wieħed mir-rekwiżiti ewlenin ta' eliġibilità l-applikazzjoni tiegħu ma tissodisfax, u għalhekk minn liema waħda qed jitlob deroga.

L-awtoritajiet Awstrijaċi speċifikaw li l-applikazzjoni tagħhom tfittex deroga mill-Artikolu 2(a), fejn il-limitu normali huwa ta’ mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta’ erba' xhur.

7. L-applikazzjoni tikkwota total ta’ 167 sensja mis-sit tal-AT&S Leoben fuq perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur mill-1 ta’ Settembru 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009, kollha kkalkulati skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-katina itwal ta’ sensji mis-sit ta’ Leoben fl-applikazzjoni hija deskritta kif ġej: 298 ħaddiem ingħataw is-sensja f’nofs Diċembru 2008, 167 ħaddiem fil-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur minn Settembru sa Diċembru 2009, 138 ħaddiem temporanju, qabel ma skadew il-kuntratti tagħhom, bejn Novembru 2008 u Awwissu 2009. Flimkien dawn jagħmlu 603 sensji fuq 13-il xahar u nofs. Lura fl-2006, 200 impjieg ieħor intilfu wara l-għeluq tas-sit ta’ Fohndorf ta’ AT&S, li tinsab madwar 50 km ’l bogħod minn Leoben. AT&S avżat lill-awtoritajiet Awstrijaċi f’mumenti differenti bil-pjanijiet rispettivi tagħhom ta’ sensji kollettivi, skont in-notifika speċifika tal-limitu ta’ żmien stipulat mis-sistema Awstrijaka ta' twissija kmieni il-“Frühwarnsystem” (§ 45a ta’ Arbeitsmarktförderungsgesetz/AMFG). Minħabba r-regoli ta’ notifika applikabbli skont il-liġi Awstrijaka, applikazzjoni tal-FEG li tkopri l-ħaddiema kollha flimkien ma kinitx possibbli.

8. Skont l-awtoritajiet Awstrijaċi, Leoben tinsab f’sitwazzjoni diffiċli ħafna. Ir-rata ta’ qagħad f’dan id-distrett żdiedet b’+ 51,6 % f’Awwissu 2009 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, u ftit impjiegi huma disponibbli (1 746 persuna kienu rreġistrati bħala qiegħda kontra l-180 post vakanti biss). L-Awstrija tisħaq li s-sensji f’AT&S għandhom impatt sinifkanti fuq id-distrett ta’ Leoben u r-reġjun NUTS III tal-madwar, Östliche Obersteiermark (il-grigal ta’ Styria ta' fuq) peress li s-suq ma joffrix biżżejjed għażliet għall-impjiegi għall-ħaddiema, li ħafna minnhom huma persuni b’inqas snajja’ mħarrġa mill-kumpanija. Ir-reġjun NUTS III qed jiffaċċja wkoll l-isfidi ta’ tnaqqis fil-popolazzjoni aktar mill-medja u ta’ tixjiħ tal-popolazzjoni ’l fuq mill-medja. Barra minn hekk, l-applikant jirreferi għall-fatt li l-qagħad fit-tul fi Styria (livell NUTS II) huwa ġeneralment ogħla mill-medja nazzjonali, u li l-prodott reġjonali gross fi Styria jibqa’ taħt il-medja nazzjonali.

9. Styria kienet ukoll affettwata minn sensji oħra bil-massa li għalihom tressqu applikazzjonijiet tal-FEG quddiem il-Kummissjoni. 744 sensja f’perjodu ta’ disa’ xhur relatati mas-settur tal-karozzi (EGF/2009/009, approvati mill-Awtorità tal-Baġit fl-2009, ĠU L 347, 24.12.2009) u 476 sensja f’perjodu ta’ disa’ xhur relatati mas-settur tal-metall bażiku (l-applikazzjoni EGF/2010/007 li għaliha qed tiġi ppreparata proposta mill-Kummissjoni separata).

10. Is-servizzi tal-Kummissjoni jikkunsidraw li l-167 sensja inkwistjoni flimkien mas-sensji bl-istess kawża qabel il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija f’livell lokali u ta’ NUTS III , u li, flimkien mal-partikolarità fil-kwantu tar-regoli tan-notifika tas-sensji bil-massa fl-Awstrija, il-kriterju taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 huwa ssodisfat.

Spjegazzjoni tan-natura mhix prevista ta' dawk is-sensji

11. Fl-applikazzjoni l-Awstrija tisħaq li sensji ta’ dan it-tip ma kinux previsti minkejja l-fatt li ċ-ċaqliq tal-produzzjoni bil-massa ta’ PCB lejn l-Asja kienet xejra osservata għal xi snin. AT&S kellha l-intenzjoni li żżomm partijiet speċifiċi li jirrikkjedu teknoloġija għolja fl-Awstrija, imma dan fl-aħħar mill-aħħar ma seħħx minħabba l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika fl-2008 u l-2009 inkluż il-pressjoni fuq il-prezzijiet tax-xiri, id-dollaru Amerikan dgħajjef meta mqabbel mal-Euro u ż-żieda fis-salarji fl-impjanti Ewropej.

Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema identifikati għall-għajnuna

12. L-applikazzjoni tikkwota 167 sensja mill-intrapriża AT&S (Austria Technologie & Systemtechnik Aktiengesellschaft) li seħħew matul l-erba’ xhur perjodu ta’ referenza. Erbgħa u sebgħin minn dawn il-ħaddiema (44,3 %) huma identifikati għall-għajnuna fi ħdan l-“AT&S-Unternehmensstiftung”, li hija fondazzjoni tax-xogħol tat-tip intrapriża kif deskritta fid-direttiva federali AMF/18-2010[5]. Fost il-ħaddiema li baqgħu ma daħlux fil-fondazzjoni, ftit sabu impjieg ġdid waqt li oħrajn ma kinux interessati li jingħaqdu mal-fondazzjoni.

13. It-tqassim tal-ħaddiema identifikati huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwali

Irġiel || 43 || 58,1

Nisa || 31 || 41,9

Ċittadini tal-UE || 72 || 97,3

Ċittadini barra l-UE || 2 || 2,7

Età bejn il-15 u l-24 sena || 2 || 2,7

Età bejn il-25 u l-54 sena || 65 || 87,8

Età bejn il-55 u l-64 sena || 7 || 9,5

Età ’l fuq minn 64 sena || 0 || 0,0

14. Fost il-ħaddiema identifikati m’hemmx ħaddiema li għandhom problemi ta’ saħħa fit-tul jew diżabilitajiet.

15. F'termini ta' kategoriji professjonali, it-tqassim huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwali

Teknixins u professjonisti assoċjati || 22 || 29,7

Skrivani || 3 || 4,1

Operaturi u muntaturi ta' magni || 49 || 66,2

16. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-Awstrija kkonfermat li ġiet applikata u se tkompli tiġi applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' non-diskriminazzjoni matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-FEG u, b'mod partikolari, għall-aċċess tal-FEG.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

17. Is-sensji kkonċernati huma fil-livell NUTS II fil-Land ta’ Steiermark (Styria, AT22), waħda mid-disa’ provinċji federali fl-Awstrija, u fil-livell NUTS III Östliche Obersteiermark (fil-grigal ta’ Styria, AT 223) u speċifikament id-distrett ta’ Leoben bil-miniċipalità prinċipali tiegħu, il-belt ta’ Leoben. Styria hija żona ddominata mill-industrija[6], u l-ekonomija tagħha tiddependi fuq ftit intrapriżi kbar fl-industriji tal-elettronika u tal-metall, bħall-AT&S u l-Grupp voestalpine.

18. Il-partijiet l-aktar interessati huma l-uffiċċju tal-gvern provinċjali ta’ Styria (Amt der Steiermärkischen Landesregierung), s-servizzi tal-impjiegi pubbliċi ta’ Styria u tad-distrett ta’ Leoben (Landes- und Bezirksgeschäftsstellen des Arbeitsmarktservice/AMS), il-Kamra Ekonomika ta’ Styria (Wirtschaftskammer Steiermark), it-trejdjunjin tal-ikel, metall u tessuti (Gewerkschaft Metall-Textil-Nahrung) li taqa’ taħt il-Federazzjoni Awstrijaka tat-Trejdjunjins (Österreichische Gewerkschaftsbund/ÖGB) u Regionalmanagement Obersteiermark Ost GmbH, waħda mill-aġenziji Awstrijaċi għall-ġestjoni reġjonali li jippromovu l-iżvilupp tal-politika reġjonali sostenibbli.

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

19. Sa Diċembru 2008 AT&S kienet l-akbar impjegatur tar-reġjun. L-Awstrija tisħaq li l-167 sensja fi żmien erba' xhur flimkien mas-sensji fix-xhur ta’ qabel il-perjodu ta’ referenza (imsemmija fil-punt 7), poġġew lis-suq tax-xogħol lokali u reġjonali taħt pressjoni kbira.

Meta tikkwota dejta minn Statistik Austria u mis-servizz pubbliku tal-impjiegi ta’ Leoben, l-Awstrija tisħaq li s-sensji minn AT&S għandhom impatt sinifikanti fuq id-distrett ta’ Leoben u r-reġjun ta’ NUTS III tal-madwar, peress li s-swieq ma joffrux biżżejjed għażliet għall-impjiegi għall-ħaddiema mogħtija s-sensja, li ħafna minnhom huma persuni b’anqas snajja’ u li ġew imħarrġa mill-kumpanija għal xogħol speċifiku. Ir-rata tal-qagħad f’Leoben żdiedet b’+51,6 % f’Awwissu 2009 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel (1 746 persuna kienu rreġistrati bħala qiegħda kontra l-180 post vakanti biss) li tirrappreżenta żieda aktar qawwija fil-qagħad milli fi Styria (+ 33,7 %) u fuq livell nazzjonali (+ 30 %). Ir-reġjun NUTS III qed jiffaċċja wkoll l-isfidi ta’ tnaqqis fil-popolazzjoni aktar mill-medja u ta’ tixjiħ tal-popolazzjoni ’l fuq mill-medja. Barra minn hekk, l-applikant jirreferi għall-fatt li l-qagħad fit-tul fi Styria (livell NUTS II) huwa ġeneralment ogħla mill-medja nazzjonali, u li l-prodott reġjonali gross fi Styria jibqa’ taħt il-medja nazzjonali (figura tal-2006)[7].

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u analiżi tal-ispejjeż stmati, inkluża l-komplimentarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

20. Qed jiġu proposti t-tipi ta’ miżuri li ġejjin, li kollha jingħaqdu biex jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati mmirati lejn l-integrazzjoni mill-ġdid tal-74 ħaddiem fis-suq tax-xogħol. Dawn se jingħataw lill-ħaddiema permezz ta’ “AT&S-Unternehmensstiftung” li hija fondazzjoni tax-xogħol tip ta’ intrapriża stabbilita f’Jannar 2009 bħala parti mill-pjan soċjali tal-kumpanija wara negozjati fl-aħħar tal-2008 bejn l-imsieħba soċjali. Il-korp responsabbli mit-tqassim tal-miżuri personalizzati huwa Team 4 Projektmanagement GmbH.

21. Il-miżuri għall-74 ħaddiem identifikat li huma parti mill-fondazzjoni huma kkontrollati minn kunsill tal-fondazzjoni magħmul mis-servizz pubbliku tal-impjiegi ta’ Styria (“AMS, Arbeitsmarktservice”), min iħaddem u rappreżentattivi ta’ min iħaddem kif ukoll il-Land ta’ Styria. Din tal-aħħar tassigura wkoll il-koordinazzjoni ma’ politiki oħrajn tas-suq tax-xogħol reġjonali. It-tifsira ta’ kull miżura kkofinanzjata mill-FEG għas-suq tax-xogħol hija eżaminata, u hija assigurata l-konformità mar-regoli tal-fondazzjoni (“Stiftungsordnung”) u ma’ settijiet oħrajn ta’ regoli applikabbli. L-iżvilupp tal-ħaddiema individwali huwa osservat biex ikun żgurat li l-pjanijiet li dwarhom kien hemm ftehim fil-fażijiet inizjali tal-programm huma segwiti. Bi qbil ma’ § 18 ta’ Arbeitslosenversicherungsgesetz (ALVG) il-ħaddiema għandhom jinvolvu ruħhom full-time.

– Tagħrif u d-dħul fil-fondazzjoni tax-xogħol: Tagħrif ġenerali għall-ħaddiema kollha li tilfu l-impjieg bil-possibilità għall-ħaddiema biex japplikaw għad-dħul fil-fondazzjoni tax-xogħol. Dan ġie bbaġittjat għal 74 ħaddiem.

– Orjentazzjoni tax-xogħol (tliet modjuli): Dan ġie bbaġittjat għal 73 ħaddiem. L-attività normalment tieħu sitt ġimgħat, bil-possibilità li tkun estiża għal massimu ta’ 12-il ġimgħa f’każijiet partikolari. Din tikkonsisti minn tliet moduli: Profil/eżami analitiku obbligatorju, tqabbil tal-impjiegi ma’ riintegrazzjoni diretta ma’ postijiet vakanti fejn huwa possibbli, u għall-parteċipanti l-oħrajn l-iżvilupp ta’ pjan realistiku ta’ passaġġ għax-xogħol. L-arranġamenti ta’ dan tal-aħħar huma stipulati fi ftehim iffirmat mill-ħaddiem, il-fondazzjoni tax-xogħol u l-AMS reġjonali li jifforma bażi għall-attivitajiet sussegwenti tal-parteċipant fi ħdan il-fondazzjoni.

– Tiftix attiv għax-xogħol: Qabel kollox dan huwa mmirat għal parteċipanti li wara l-orjentazzjoni tax-xogħol ma jixtiequx jiksbu kwalifikazzjoni ogħla. Huwa skedat għal 18-il ħaddiem. It-tiftix attiv għax-xogħol isir f'kooperazzjoni fil-qrib mal-AMS reġjonali, u normalment jieħu 14-il ġimgħa, imġedded għal 22 ġimgħa f'każijiet partikolari, pereżempju parteċipanti b'età ’l fuq minn 50 sena jew għal persuni b’kapaċità anqas ta’ xogħol. Huwa wkoll disponibbli għal ħaddiema wara li jkunu kisbu l-miżuri tat-taħriġ.

– Taħriġ individwali: Dan huwa ppjanat għal 73 ħaddiem u jista’ jkopri kull taħriġ li jkun ġie approvat mis-servizz pubbliku tal-impjiegi ta’ Styria fil-katalgu tat-taħriġ. Korsijiet li mhumiex fil-katalgu jistgħu jiġu approvati mill-AMS fuq bażi individwali jekk huma skont il-passaġġ miftiehem tal-ħaddiem. Eżempji tat-taħriġ offrut huma: studji itwal li jwasslu għal kwalifiki f’livell avvanzat (Fachhochschule, universitajiet, kulleġġi), taħriġ klassiku li jtejjeb il-ħiliet fl-oqsma preċedenti tal-ħaddiema (eż. taħriġ għal foreman) kif ukoll taħriġ vokazzjonali biex jipprepara għal bidla fil-karriera għal oqsma bħal pereżempju l-qasam tas-saħħa. Parti mill-istudji u mit-taħriġ vokazzjonali mhix se tkun teħtieġ li tiġi kkoofinanzjat mill-FEG għaliex tingħata b’xejn fis-sistema edukattiva Awstrijaka. F’każijiet fejn programm ta’ taħriġ miftiehem jieħu aktar fit-tul mill-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEG, l-iffinanzjar addizzjonali se jkun provdut mill-AT&S, flimkien mas-servizz pubbliku tal-impjiegi u l-Land ta’ Styria[8].

– Taħriġ u benefiċċju għat-tiftix tax-xogħol[9]: Dan il-benefiċċju jitħallas biss lill-74 ħaddiem matul il-parteċipazzjoni tagħhom fil-kwalifika u fil-miżuri attivi ta’ riintegrazzjoni fil-fondazzjoni tax-xogħol. Fl-ewwel sitt xhur kull ħaddiem li kien issensjat jirċievi EUR 350 fix-xahar u sussegwentament EUR 70 fix-xahar. Dan il-benefiċċju, flimkien mal-benefiċċju ta’ sosteniment, ma jistax jaqbeż il-bażi tal-evalwazzjoni tal-benefiċċju tal-qagħad. Il-benefiċċji tal-qagħad jiġu interrotti waqt il-perjodu li matulu jingħataw il-benefiċċji tat-taħriġ.

– Benefiċċju ta’ sosteniment waqt it-taħriġ u waqt miżuri ta’ tiftix għal impjieg[10]: Dan il-benefiċċju jitħallas lill-74 ħaddiem u jsir biss għal tul il-parteċipazzjoni tagħhom fil-kwalifika u fil-miżuri attivi ta’ riintegrazzjoni fil-fondazzjoni tax-xogħol. Dan jippermetti involviment serju full-time fil-miżuri ta’ kull ħaddiem li tilef l-impjieg. In-nefqa għal kull ħaddiem tammonta għal EUR 950 kull xahar. Dan il-benefiċċju, flimkien mat-taħriġ u mal-benefiċċju ta’ tiftix għall-impjieg, ma jistax jaqbeż il-bażi tal-evalwazzjoni tal-benefiċċju tal-qagħad. Il-benefiċċji tal-qagħad jiġu interrotti waqt il-perjodu li jkunu qed jingħataw dawn il-benefiċċji ta’ sosteniment.

22. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG, li hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ tħejjija, tagħrif u reklamar kif ukoll attivitajiet ta’ kontroll u l-ġestjoni tal-fondazzjoni tax-xogħol AT&S. L-imsieħba kollha involuti fil-miżuri huma impennjati li jikkomunikaw l-appoġġ tal-FEG. L-ispiża tal-ġestjoni tal-fondazzjoni se tiġi kkalkulata fuq bażi pro rata għall-parteċipanti attwali u mhux ser taqbeż il-EUR 271 għal kull persuna

23. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Awstrijaċi huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Awstrijaċi jistmaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 1 806 658 u li n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG hija ta' EUR 72 000 (3,8 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 1 221 128 (65 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet || Għadd stmat ta’ ħaddiema identifikati || Nefqa stmata għal kull ħaddiem identifikat (EUR) || Nefqa totali (l-FEG u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Tagħrif u d-dħul fil-fondazzjoni tax-xogħol: || 74 || 300 || 22 200

Orjentazzjoni tax-xogħol – 3 moduli (“Berufsorientierung – 3 Module”) || 73 || 1 000 || 73 000

Konsultazzjoni kontinwa u tiftix attiv għax-xogħol (“laufende Beratung und aktive Jobsuche”) || 18 || 1 000 || 18 000

Taħriġ individwali: (“Individuelle Qualifizierung”) || 73 || 3 718 || 271 414

Taħriġ u benefiċċju għat-tiftix tax-xogħol (“Zuschussleistung/Stipendium bei aktiver Beratung, Jobsuche oder Ausbildung”) || 74 || 1 327,16 || 98 210

Benefiċċju ta’ sosteniment waqt it-taħriġ u waqt miżuri ta’ tiftix għal impjieg (“Schulungsarbeitslosengeld”) || 74 || 17 889,65 || 1 323 834

Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 1 806 658

Nefqa fuq l-implimentazzjoni tal-FEG (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Attivitajiet ta' tħejjija || || 10 000

Ġestjoni tal-fondazzjoni tax-xogħol AT&S (fondazzjoni għas-sejbien ta’ impjieg ġdid) || || 20 000

Tagħrif u pubbliċità || || 10 000

Attivitajiet ta’ kontroll || || 32 000

Subtotal tan-nefqa totali għall-implimentazzjoni tal-FEG || || 72 000

Total tan-nefqa stmata || || 1 878 658

Kontribut tal-FEG (65 % tan-nefqa totali) || || 1 221 128

24. L-Awstrija kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn fuq huma kumplimentari mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li m’hemmx iffinanzjament doppju. Il-Programm Operattiv Awstrijak tal-FSE skont Oġġettiv 2 jiffoka fuq il-persuni qiegħda għal tul ta’ żmien, waqt li l-għan tal-FEG huwa biex jgħin lill-ħaddiema immedjatament wara li jkunu ħadu s-sensja Għalhekk, iż-żewġ fondi mhumiex l-istess.

Data(i) li fiha/fihom bdew jew kienu ppjanati li jibdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

25. L-Awstrija bdiet is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett ikkoordinat propost għall-kofinanzjament mill-FEG fil-15 ta’ Settembru 2009, li hija d-data meta l-ewwel ħaddiema daħlu fil-fondazzjoni tax-xogħol. Din id-data, għalhekk, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibilità għal kwalunkwe għajnuna li tista' tingħata mill-FEG.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

26. Id-djalogu mal-imsieħba soċjali dwar kif jistgħu jittaffew l-effetti tat-telf tal-impjiegi għall-ħaddiema inkwistjoni nbeda meta l-AT&S nnotifikat lill-awtoritajiet Awstrijaċi bis-sensji ppjanati, bi qbil mas-sistema ta’ twissija bikrija Awstrijaka “Frühwarnsystem”. Il-kunċett ta’ implimentazzjoni għall-fondazzjoni tax-xogħol AT&S kien iffirmat mill-Kamra Ekonomika ta’ Styria u t-trejdjunjin tal-ikel, il-metall u t-tessuti (5.2.2009 u 23.7.2009).

27. L-Awstrija spjegat ukoll li l-kooperazzjoni tal-ftehim soċjali Awstrijak huwa arranġament voluntarju li fil-parti l-kbira huwa ta’ natura informali u mhux regolat bil-liġi[11]. Huwa biss meta l-kumpaniji jiddeċiedu li jipparteċipaw f’miżuri speċifiċi tax-xogħol li jkunu soġġetti għar-regoli applikabbli tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi (AMS). Is-sensji kkonċernati permezz ta’ din l-applikazzjoni huma bbażati fuq il-ftehimiet tal-kunsill ta’ min iħaddem jew tax-xogħol (“Betriebsvereinbarungen”), minflok fuq il-ftehimiet kollettivi negozzjati għas-settur tal-metall kollu.

Informazzjoni dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

28. Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Awstrijaċi fl-applikazzjoni tagħhom u fit-tagħrif supplimentari:

· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

· taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn lill-ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji tal-UE oħra.

Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

29. L-Awstrija nnotifikat lill-Kummissjoni l-kofinanzjament nazzjonali se jkun provdut mill-AT&S (47 %), is-servizz pubbliku tal-impjiegi ta’ Styria (AMS) (38,5 %) u l-Land ta’ Styria (14,5%). Jekk il-kontribuzzjoni tal-FEG tingħata, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji magħmula mill-ħaddiema identifikati nnifishom (EUR 2 500 kull ħaddiem) se jitqiesu bħala ffinanzjati minn qabel u jingħataw lura mill-fondazzjoni tax-xogħol.

30. L-Awstrija kkonfermat li l-kontribuzzjoni finanzjarja ser tiġi amministrata mill-istess korp li jamministra l-FSE: l-unità VI/INT/9 fi ħdan il-Ministeru Federali tax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Ħarsien tal-Konsumatur (BMASK Bundesministerium für Arbeit, Soziales und Konsumentenschutz) se sservi ta’ awtorità ta’ amministrazzjoni u bħala servizz ta’ ħlas. L-awtorità tal-kontroll finanzjarju għall-FEG hija differenti minn dik tal-FSE: l-unità VI/S/5a fi ħdan il-BMASK se tassumi din il-funzjoni għall-FEG. Il-pakkett ikkoordinat ta’ miżuri personalizzati huwa implimentat mill-“AT&S-Unternehmensstiftung”/”Team 4 Projektmanagement GmbH”, sorveljat mis-servizz pubbliku tal-impjiegi (AMS). Barra minn hekk, il-BMASK huwa appoġġat mill-fornitur tal-assistenza teknika li se jieħu ħsieb ukoll il-kontroll tal-ewwel livell. L-arranġamenti u l-obbligi ewlenin kollha huma mniżżla fil-ftehimiet miktubin.

Il-finanzjament

31. Abbażi tal-applikazzjoni mill-Awstrija, il-kontribuzzjoni proposta mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati hija ta' EUR 1 221 128, li tirrappreżenta 65 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta mill-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq it-tagħrif li ngħata mill-Awstrija.

32. B'kunsiderazzjoni tal-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

33. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja se jħalli aktar minn 25 % tal-ammont massimu annwali ddestinat għall-FEG disponibbli għall-allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif meħtieġ bl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

34. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-FEG, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-FEG u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ partijiet tal-awtorità baġitarja, se tissejjeħ laqgħa formali ta' trijalogu.

35. B’mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2011 iddaħħal approprjazzjonijiet għall-impenji speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlas

36. L-ammont ta’ EUR 8 523 405 jibqa’ disponibbli fuq il-linja baġitarja 04.0501 tal-FEG wara l-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet miż-żewġ fergħat tal-Awtorità Baġitarja li flimkien jammontaw għal EUR 777 390, u b’kunsiderazzjoni għall-erba’ każijiet li qed jiġu diskussi mill-Awtorità Baġitarja għall-ammont totali ta’ EUR 38 308 155. Dan l-ammont disponibbli se jintuża biex ikopri l-ammont ta' EUR 1 221 128 meħtieġ għall-applikazzjoni preżenti.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bi qbil mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/008 AT/AT&S mill-Awstrija)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[12], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[13], u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[14],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi sostenn addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       L-ambitu tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 ’l quddiem biex jinkludi s-sostenn għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)       L-Awstrija ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward ta' sensji fl-intrapriża AT&S fil-11 ta' Marzu 2010 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sat-22 ta' Frar 2011. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 1 221 128.

(5)       Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Awstrija.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 221 128 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' ħlas.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi [Brussell/Strasburgu],

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[4]               Bord ta’ ċirkwit stampat (PCB) huwa komponent elettroniku li huwa bżonnjuż f’ħafna industriji tal-elettronika bħall-industrija tal-elettronika u tal-kompjuter (telefowns ċellulari, kameras diġitali, eċċ.) f’apparat mediku u fl-industrija tal-karozzi.

[5]               Il-fondazzjonijiet tax-xogħol Awstrijaċi huma strument attiv tal-politika tas-suq tax-xogħol fl-Awstrija biex itejbu l-pożizzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawk li qed ifittxu impjieg. Huma bbażati fuq Arbeitslosenversicherungsgesetz (§ 18) u fuq direttivi ta’ implimentazzjoni maħruġa mis-servizz tas-suq tax-xogħol (AMS). Id-Direttiva tal-AMS l-aktar riċenti http://www.ams.at/_docs/001_ast_RILI.pdf.

[6]               L-erba’ provinċji industrijali tal-Awstrija huma Styria, l-Awstrija ta’ Isfel, l-Awstrija ta’ Fuq u Vorarlberg.

[7]               Tagħrif miksub b’konnessjoni mal-applikazzjoni EGF/2010/007 AT Steiermark-Niederösterreich.

[8]               Skont § 18 ta’ Arbeitslosenversicherungsgesetz (ALVG), il-parteċipazzjoni ta’ ħaddiem fil-fondazzjoni hija limitata għal 156 ġimgħa (tliet snin) bil-possibilità li tkun estiża għal 209 ġimgħat (erba’ snin) f’każijiet partikolari (persuni ta’ età aktar minn 50 sena jew persuni fi programmi ta’ taħriġ itwal).

[9]               Ibbażat fuq § 18 ta’ Arbeitslosenversicherungsgesetz (ALVG).

[10]             Ibbażat fuq § 18 ta’ Arbeitslosenversicherungsgesetz (ALVG).

[11]             Is-sit elettroniku tal-ÖGB http://www.sozialpartner.at/sozialpartner/Sozialpartnerschaft_mission_en.pdf

[12]             ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[13]             ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[14]             ĠU C […], […], p. […].

Top