Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0316

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għal emendi tal-Appendiċi għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji ta’ annimali selvaġġi waqt l-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet

/* KUMM/2011/0316 finali - 2011/0142 (NLE) */

52011PC0316

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għal emendi tal-Appendiċi għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji ta’ annimali selvaġġi waqt l-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet /* KUMM/2011/0316 finali - 2011/0142 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. L-għan tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji tal-annimali selvaġġi (magħrufa wkoll bħala s-CMS jew il-Konvenzjoni ta’ Bonn) hu li jiġu kkonservati l-ispeċijiet migratorji tal-art, tal-baħar u avjarji matul il-medda migratorja kollha tagħhom. Hija trattat intergovernattiv, konkluż taħt l-awspiċi tal-Programm tal-Ambjent tan-Nazzjonijiet Uniti, li jikkonċerna l-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa u l-ħabitats fuq skala dinjija. L-Unjoni Ewropea ilha Parti mis-CMS mill-1 ta’ Novembru 1983[1].

2. L-ispeċijiet migratorji li għandhom jiġu kkonservati huma elenkati fl-Appendiċijiet I (speċijiet fil-periklu li jinqerdu ) u II (speċijiet li għandhom ikunu s-suġġetti ta' ftehimiet) għall-Konvenzjoni.

3. Il-Konferenza tal-Partijiet (Conference of Parties (COP) hija l-entità tal-Konvenzjoni li tieħu d-deċiżjonijiet u għandha s-setgħat li tivvaluta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji u, sussegwentement, li temenda l-Appendiċijiet I u II għall-Konvenzjoni.

4. F'konformità mal-Artikolu XI tal-Konvenzjoni, kwalunkwe Parti tista' tagħmel proposti għal emenda. Emenda għall-Appendiċijiet tidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha disgħin jum wara l-laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li fiha tiġi adottata, ħlief għal dawk il-Partijiet li jagħmlu xi riżerva.

5. L-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fi ħdan il-Konvenzjoni ser issir f’Bergen (in-Norveġja) mill-20 sal-25 ta' Novembru 2011. Għal din il-laqgħa, qed jiġi propost li l-Unjoni tagħmel proposti biex temenda l-Appendiċi I għall-Konvenzjoni biex iżżid il-protezzjoni ta' żewġ speċijiet ta' għasafar tal-priża, jiġifieri il- Falco cherrug u l- Falco vespertinus, matul il-medda migratorja kollha tagħhom, inkluż barra mill-Unjoni Ewropea, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin: (1) l-inklużjoni ta' dawn l-ispeċijiet hija xjentifikament soda; (2) din l-inklużjoni hija konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE; u (3) l-Unjoni hija impenjata f'kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità. Dawn il-proposti ma jirrikjedu l-ebda bidla fil-liġi tal-Unjoni, minħabba li jikkonċernaw speċijiet li diġà jibbenefikaw minn protezzjoni xierqa mil-liġi tal-Unjoni, inklużi d-Direttivi dwar l-Għasafar[2] u l-Ħabitats[3].

6. Għalhekk huwa neċessarju li l-Kunsill jieħu deċiżjoni bl-iskop li tkun stabbilta l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-kuntest tal-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet rigward il-proposti għal emenda;

7. Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni stabbilixxa d-data tat-23 ta' Ġunju 2011 bħala l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-proposti għal emenda.

8. Qabel l-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-partijiet, is-Segretarjat tal-Konvenzjoni jista' jikkomunika proposti li jkunu saru minn Partijiet oħrajn sabiex jiġu emendati l-Appendiċijiet I u II għall-Konvenzjoni, li jistgħu jirrikjedu wkoll deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tkun adottata f'isem l-Unjoni rigward dawk il-proposti.

2011/0142 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għal emendi tal-Appendiċi għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji ta’ annimali selvaġġi waqt l-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 191(1), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[4],

Billi:

1. Bħala Parti mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta' speċijiet migratorji ta' annimali selvaġġi[5], l-Unjoni Ewropea tista' tagħmel proposti għal emenda tal-Appendiċijiet għall-Konvenzjoni li jelenkaw l-ispeċijiet li għandhom ikunu ikkonservati.

2. Il-Konferenza tal-Partijiet (COP) hija l-entità tal-Konvenzjoni li tieħu d-deċiżjonijiet u għandha s-setgħat li tivvaluta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji u, sussegwentement, li temenda l-Appendiċijiet I u II għall-Konvenzjoni.

3. Jidher li l-inklużjoni tal-ispeċijiet Falco cherrug u Falco vespertinus fl-Appendiċi I għandha bażi xjentifka soda, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mal-impenn tal-Unjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità;

4. L-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet ser issir f’Bergen (in-Norveġja) mill-20 sal-25 ta' Novembru 2011;

5. Fil-kuntest ta' din il-laqgħa, qed jiġi propost li l-Unjoni tagħmel proposti biex ikun emendat l-Appendiċi I sabiex jinkludi l-ispeċijiet Falco cherrug u Falco vespertinus. Dawn il-proposti se jkunu kkomunikati lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu uniku

Fil kuntest tal-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji tal-annimali selvaġġi, il-Kummissjoni se tipproponi, f'isem l-Unjoni, emendi għall-Appendiċi I għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji tal-annimali selvaġġi sabiex jinkludi l-ispeċijiet Falco cherrug u Falco vespertinus. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din il-proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President [..]

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1982, li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta' l-ispeċje migratorji ta' l-annimali selvaġġi, ĠU L 210, 24.6.1982, p. 10 .

[2] Id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1 .

[3] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal - 21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 7 .

[4] ĠU C […], […], p. […].

[5] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1982, li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta' l-ispeċje migratorji ta' l-annimali selvaġġi, ĠU L 210, 24.6.1982, p. 10 .

Top