Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0380

    Negozjati ta' Doha li għaddejjin bħalissa Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 14 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp

    ĠU C 51E, 22.2.2013, p. 84–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.2.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 51/84


    L-Erbgħa 14 ta’ Settembru 2011
    Negozjati ta' Doha li għaddejjin bħalissa

    P7_TA(2011)0380

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp

    2013/C 51 E/10

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Doha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-14 ta' Novembru 2001,

    wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Ħong Kong tad-WTO tat-18 ta' Diċembru 2005,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ April 2006 dwar il-valutazzjoni tar-Rawnd ta’ Doħa wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Ħong Kong (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA), u b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Ottubru 2008 (2), u tas-16 ta' Diċembru 2009 (3),

    wara li kkunsidra d-Dokument Finali tas-Sessjoni Annwali tal-2011 tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO, adottat b'kunsens fit-22 ta’ Marzu 2011 f’Ġinevra,

    wara li kkunsidra l-laqgħat informali tal-Kumitat tan-Negozjati dwar il-Kummerċ fil-31 ta' Mejju 2011, fit-22 ta' Ġunju 2011 u fis-26 ta’ Lulju 2011, kif ukoll id-dokumenti tal-presidenti tan-negozjati ppreżentati fil-21 ta' April 2011,

    wara li kkunsidra l-istqarrija tad-Direttur Ġenerali tad-WTO, Pascal Lamy, fil-laqgħa informali tal-Kumitat għan-Negozjati dwar il-Kummerċ li saret fis-26 ta’ Lulju 2011,

    wara li kkunsidra l-istqarrija magħmula mill-President tal-laqgħa tal-Kunsill Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2011,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi r-Rawnd ta' Doha tnieda fl-2001 bl-għan li joħloq opportunitajiet ġodda ta' kummerċ, isaħħaħ ir-regoli kummerċjali multilaterali, jindirizza l-iżbilanċi attwali fis-sistema kummerċjali u jqiegħed il-kummerċ għall-qadi tal-iżvilupp sostenibbli, b'enfasi fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, speċjalment il-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs), konsegwenza tal-konvinzjoni li sistema multilaterali, ibbażata fuq regoli aktar ġusti u ekwi, tista' tikkontribwixxi biex ikun hemm kummerċ ġust u ħieles li jaqdi l-iżvilupp tal-kontinenti kollha;

    B.

    billi huwa essenzjali li wieħed iqis il-ftehimiet multilaterali, plurilaterali u bilaterali bħala parti minn sett ta' strumenti komuni tal-affarijiet internazzjonali, u għaldaqstant karatteristiċi standard ta' relazzjonijiet politiċi u kummerċjali bbilanċjati u komplementari;

    C.

    billi t-Taħditiet Ministerjali tad-WTO biex jingħalaq ir-Rawnd ta’ Doha weħlu fl-aħħar ta’ Lulju 2008;

    D.

    billi sar xi progress fin-negozjati fil-bidu tal-2011, kif juru r-rapporti tal-presidenti tan-negozjati ppreżentati fil-21 ta' April 2011, iżda billi mill-istess rapporti sar evidenti wkoll li se jkun difficli ħafna li jintlaħaq ftehim tul l-2011, kif kien diskuss preċedentement fil-Kumitat tan-Negozjati Kummerċjali;

    E.

    billi t-Tmien Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC 8) se ssir f'Ġinevra bejn il-15 u s-17 ta' Diċembru 2011; billi l-President tal-Kunsill ġenerali stqarr fis-27 ta' Lulju 2011 li “hemm sens ġenerali li l-MC m’għandhiex toqgħod lura milli tindirizza d-DDA” u li “kwistjonijiet tal-iżvilupp għandhom jibqgħu ċentrali fl-MC8, u b’mod partikolari dawk tal-pajjiżi l-anqas żviluppati”;

    1.

    Itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur is-sistema kummerċjali multilaterali u d-WTO bħala l-organizzazzjoni li tiggarantixxi sistema kummerċjali bbażata fuq ir-regoli; jemmen li d-WTO għandha rwol ċentrali fl-iżgurar ta' ġestjoni aħjar tal-globalizzazzjoni, tqassim aktar ġust tal-benefiċċji tagħha u tkabbir ekonomiku bbilanċjat tajjeb; jafferma mill-ġdid l-impenn sħiħ tiegħu favur konklużjoni bbilanċjata u ġusta tad-DDA, li tkun sinjal importanti ta’ fiduċja politika fil-futur ta' sistema kummerċjali globali bbażata fuq ir-regoli u ekwa;

    2.

    Jirrimarka li n-negozjati tad-DDA għandhom jiffukaw primarjament fuq il-ħtiġijiet tal-pajjiżi l-anqas żviluppati; iqis li l-eżitu tad-DDA għandu jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar u l-ilħiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju;

    3.

    Huwa kompletament konxju mid-diffikultajiet tal-prinċipju ta' impenn uniku;

    4.

    Jiddispjaċih li mhux se jkun possibli li jintlaħaq qbil dwar il-kwistjonijiet pendenti taħt l-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp fit-Tmien Konferenza Ministerjali f'Ġinevra mill-15 sas-17 ta' Diċembru 2011; jenfasizza l-importanza li, madanakollu, jkunu jistgħu jinkisbu riżultati u progress tanġibbli, sabiex is-sistema kummerċjali multilaterali u r-rwol ta' tfassil tar-regoli tagħha ma jiddgħajfux;

    5.

    Jerġa’ jafferma l-appoġġ qawwi tiegħu biex l-iżvilupp jitqiegħed fil-qalba tad-DDA, u jistieden lill-Membri tad-WTO sabiex iwettqu l-għanjiet stipulati fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Doha tal-2001 u l-impenji meħuda fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ħong Kong fl-2005; jemmen bis-saħħa li t-Tmien Konferenza Ministerjali tad-WTO jeħtiġilha tħalli riżultati konkreti, tal-anqas favur l-LDCs;

    6.

    Jikkunsidra li ftehim għall-aktar implementazzjoni bikrija possibbli, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 47 tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Doha, għandu tal-anqas jinkludi pakkett komprensiv għal-LDCs u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jkun jikkonsisti f’dan li ġej:

    (a)

    aċċess għas-suq mingħajr l-ebda dazju u mingħajr l-ebda kwota għal prodotti tal-LDCs għal tal-anqas 97 % tal-linji tariffarji kollha, kif miftiehem f'Ħong Kong fl-2005;

    (b)

    eliminazzjoni mill-pajjiżi żviluppati tas-sussidji fuq l-esportazzjoni għall-qoton b’konformità mal-ftehimiet ta' qabel, kif ukoll impenji konkreti biex bil-ħeffa u speċifikament jitnaqqsu u jiġu eliminati sussidji domestiċi li jgħawġu l-kummerċ tal-qoton;

    (c)

    trattament speċjali u differenzjat b’konformità mal-ftehimiet preċedenti, inklużi deroga rigward is-servizzi u Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ tat-Trattament Speċjali u Differenzjat;

    (d)

    regoli preferenzjali tal-oriġini mtejba applikabbli għall-importazzjonijiet mil-LDCs sabiex ikun żgurat li dawn ikunu trasparenti u sempliċi, u jikkontribwixxu għall-faċilitazzjoni tal-aċċess għas-suq;

    7.

    Jitlob li l-pajjiżi żviluppati u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw avvanzati kollha jsegwu l-mudell tal-inizjattiva tal-UE ‧kollox għajr l-armi‧ billi jiggarantixxu aċċess 100 % għas-suq bla dazji u kwoti għal-LDCs, għax il-linji tariffarji li tħallew barra mill-ftehim ta' Ħong Kong ikopru xi prodotti kruċjali għall-pajjiżi foqra, u b'hekk inaqqsu sostanzjalment il-benefiċċji għal-LDCs;

    8.

    Ifakkar id-differenzi maġġuri fit-tkabbir ekonomiku nazzjonali madwar id-dinja kif ukoll il-bidla għaddejja bħalissa fil-fluss kummerċjali internazzjonali; iħeġġeġ lill-ekonomiji emerġenti jerfgħu r-responsabilitajiet tagħhom bħala protagonisti ekonomiċi globali u jagħtu konċessjonijiet paragunabbli mal-livell ta' żvilupp u kompetittività tagħhom;

    9.

    Jikkunsidra, barra minn hekk, li l-progress li sar s'issa fin-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ jippermetti li dan il-qasam jilħaq ftehim bikri, għaliex titjib fir-regoli tad-WTO dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ jibbenefika lill-membri kollha tad-WTO billi jtejjeb iċ-ċertezza legali, inaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u jevita l-abbuż;

    10.

    Itenni l-importanza li jittejjeb l-aċċess għal prodotti u teknoloġiji ħodor biex jintlaħqu l-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli;

    11.

    Iqis, minħabba l-impass persistenti fl-objettivi u l-arkitettura oriġinali tad-DDA, li issa huwa aktar neċessarju minn qatt qabel li jerġa' jibda d-dibattitu dwar il-funzjonament futur tad-WTO b’riforma possibbli tas-sistema kummerċjali multilaterali ġdida; jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta b'mod proattiv mal-Parlament dwar viżjoni komuni tal-arkitettura ta' sistema kummerċjali globali futura; fil-kuntest attwali tal-kriżijiet ekonomiċi u soċjali, u anke jekk id-DDA ma tkunx konkluża, iħeġġeġ lid-WTO, flimkien ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, tindirizza b'mod konsistenti u urġenti l-isfidi globali l-ġodda li jinvolvu l-kummerċ, bħas-sigurtà tal-ikel, l-enerġija, l-iżvilupp sostenibbli u l-Għajnuna għall-Kummerċ;

    12.

    Huwa assolutament konvint li d-WTO bħala parti minn sistema dinjija ta' governanza ekonomika hija ta' importanza vitali għad-dinja; iħeġġeġ lill-membri tad-WTO kollha jikkontribwixxu aktar għal żvilupp komprensiv, ambizzjuż u bbilanċjat tad-WTO sabiex jiġu żgurati t-tkabbir ekonomiku u l-eliminazzjoni tal-faqar madwar id-dinja;

    13.

    Jenfasizza li tinħtieġ analiżi dwar jekk iċ-ċirkustanzi li nbidlu wara l-bidu tar-Rawnd ta' Doha, b'referenza partikolari għar-rwol tal-pajjiżi BRIC fl-ekonomija dinjija, jagħmluhiex impossibbli li jintlaħqu l-objettivi oriġinali tar-Rawnd ta' Doha;

    14.

    Iħeġġeġ lill-pajjiżi żviluppati u lill-pajjiżi li qegħdin f’fażi avvanzata ta’ żvilupp sabiex jappoġġjaw il-kapaċità tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, biex jipparteċipaw bis-sħiħ f’dan il-proċess ta’ riflessjoni dwar id-DDA u kwalunkwe pjan direzzjonali għall-kumplament tan-negozjati, u biex jiżguraw li jiġu rrispettati l-interssi tagħhom;

    15.

    Jenfasizza li l-fluttwazzjonijiet li seħħew dan l-aħħar fil-prezzijiet tal-ikel joħolqu l-ħtieġa li r-regoli li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali jippromwovu aktar sigurtà tal-ikel;

    16.

    Jiddispjaċih li ħafna pajjiżi japplikaw restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet għar-riżorsi naturali li l-provvista tagħhom hija limitata; iqis neċessarju li r-regoli tal-kummerċ internazzjonali jirregolaw b'mod komprensiv dawn ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet;

    17.

    Iħeġġeġ lill-membri tad-WTO biex jappoġġaw l-istabbiliment ta’ rabtiet istituzzjonali b’saħħithom bejn id-WTO u istituzzjonijiet internazzjonali oħrajn bħall-ILO, il-FAO, l-UNCTAD, il-UNFCCC u organizzazzjonijiet oħra tan-NU;

    18.

    Huwa ddiżappuntat li, s'issa, ma kienx possibbli li jiġu kkunsidrati aspetti bħall-protezzjoni tal-klima u l-protezzjoni ambjentali fid-diskussjonijiet dwar il-kummerċ multilaterali;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni u ‘l-Kunsill biex jiżguraw li l-Parlament ikun involut mill-qrib fil-preparazzjoni tat-Tmien Konferenza Ministerjali f'Ġinevra bejn il-15 u s-17 ta' Diċembru 2011;

    20.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tad-WTO.


    (1)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.

    (2)  ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 31.

    (3)  ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 1.


    Top