Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0155

    L-użu tal-vjolenza sesswali fil-kunflitti fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta’ April 2011 dwar l-użu tal-vjolenza sesswali fil-kunflitti fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani

    ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 126–130 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 296/126


    Il-Ħamis 7 ta’ April 2011
    L-użu tal-vjolenza sesswali fil-kunflitti fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani

    P7_TA(2011)0155

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ April 2011 dwar l-użu tal-vjolenza sesswali fil-kunflitti fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani

    2012/C 296 E/18

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru bħala reat tal-gwerra (1),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2011 dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u l-Libja b’mod partikolari (5),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, fil-25 ta’ Novembru 2010,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP/RGħ, Catherine Ashton, f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar il-Jum Internazzjonali tal-Mara, fit-8 ta’ Marzu 2011,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali Dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta’ Diċembru 1948,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, kif ukoll ir-riżoluzzjoni 1888 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitti armati,

    wara li kkunsidra l-ħatra ta’ Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, kif ukoll l-entità ġdida tan-NU dwar il-Ġeneru (NU Nisa),

    wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet u l-linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta’ Diċembru 1984, u d-Dikjarazzjoni 3318 tal-Assemblea Ġenerali dwar il-Ħarsien tan-Nisa u t-Tfal waqt Emerġenzi u Kunflitti Armati tal-14 ta’ Diċembru 1974, b’mod partikolari l-paragrafu 4 li jitlob li jkun hemm miżuri effettivi kontra l-persekuzzjoni, it-tortura, il-vjolenza u t-trattament degradanti tan-nisa,

    wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tan-NU fl-isfera tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa, bħalma huma l-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta’ Oħrajn, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra u l-Konvenzjoni tal-1951 rigward l-Istatus tar-Refuġjati,

    wara li kkunsidra strumenti oħra tan-NU dwar il-vjolenza kontra n-nisa, bħalma huma d-Dikjarazzjoni ta’ Vjenna u l-Programm ta’ Azzjoni tal-25 ta’ Ġunju 1993 adottat mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (A/CONF. 157/23) u d-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta’ Diċembru 1993 (A/RES/48/104),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-12 ta’ Diċembru 1997 bit-titolu “Il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-miżuri ta’ ġustizzja kriminali għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa” (A/RES/52/86), tat-18 ta’ Diċembru 2002 bit-titolu “Ħidma lejn l-eliminazzjoni tad-delitti kontra n-nisa mwettqa f’isem l-unur”, (A/RES/57/179), u tat-22 ta’ Diċembru 2003 bit-titolu “L-eliminazzjoni tal-vjolenza domestika kontra n-nisa” (A/RES/58/147),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing adottati mir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta’ Settembru 1995 u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-18 ta’ Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing (6), tal-10 ta’ Marzu 2005 dwar is-segwitu għar-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa - Pjattaforma ta’ Azzjoni (Beijing+10) (7) u tal-25 ta’ Frar 2010 dwar Beijing +15 – Pjattaforma ta’ Azzjoni tan-NU għall_ugwaljanza bejn is-Sessi (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-19 ta’ Diċembru 2006 bit-titolu “Intensifikazzjoni tal-isforzi għall-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa” (A/RES/61/143), u r-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

    wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, adottat fl-1998, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tiegħu, li jiddefinixxu l-istupru, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni sfurzata, it-tqala sfurzata u l-isterilizzazzjoni sfurzata jew kwalunkwe forma oħra ta’ vjolenza sesswali bħala reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra u jqisuhom bħala forma ta’ tortura u bħala reat serju tal-gwerra, kemm jekk dawn l-atti jitwettqu b’mod sistematiku kif ukoll jekk le waqt kunflitti internazzjonali jew interni,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi n-nisa pparteċipaw attivament fl-irvellijiet għal iktar demokrazija, drittijiet u libertajiet fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani,

    B.

    billi r-reġimi stabbiliti fil-Libja u fl-Eġittu rrikorrew għal attakki sesswali bħala parti mill-kunflitt f’dawn ir-revoluzzjonijiet, billi ffukaw fuq in-nisa u, b’mod partikolari, għamluhom vulnerabbli,

    C.

    billi l-vjolenza sesswalli tidher li qed tintuża bħala mezz ta’’ intimidazzjoni u degradazzjoni tan-nisa, inkluż fil-kampijiet tar-rifuġjati, u billi l-vojt ta’ poter li rriżulta jista’ jwassal għal deterjorament tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet,

    D.

    billi mara Libaniża, Iman al-Obeidi, li qalet lil ġurnalisti f’lukanda fi Tripli li kienet sofriet stuprata u abbużata minn grupp ta’ suldati, fis-26 ta’ Marzu 2011 ġiet miżmuma f’post mhux magħruf u issa qed jittieħdu proċeduri kontriha minħabba malafama mill-irġiel li qed takkuża bi stupru,

    E.

    billi fl-Eġittu, demostranti nisa jaffermaw li ġew suġġetti għal “testijiet tal-verġinità” mis-suldati, wara li nġabru mill-Pjazza Tahrir fid-9 ta’ Marzu 2011 u suċċessivament ġew suġġetti għal tortura u stupru, filwaqt li t-“testijiet tal-verġinità” ġew esegwiti, u ttieħdu ritratti, fil-preżenza ta’ suldati rġiel; billi xi nisa Eġizzjani se jiġu pproċessati quddiem qrati militari talli m’għaddewx mit-“testijiet tal-verġinità”, u xi wħud sfaw mhedda li jħarrkuhom b’akkuża ta’ prostituzzjoni,

    F.

    billi l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tikkunsidra l-istupru u l-iskjavitù sesswali, meta dawn jiffurmaw parti minn prattika sistematika u ġenerali, bħala delitti kontra l-umanità u bħala delitti tal-gwerrali għandhom jittellgħu quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); billi l-istupru issa huwa rikonoxxut ukoll bħala element tad-delitt tal-ġenoċidju meta jitwettaq bil-ħsieb li jeqred, kompletament jew parzjalment, grupp partikulari fil-mira; billi l-UE għandha tappoġġa sforzi maħsuba biex tintemm l-impunità għal dawk li wettqu vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal,

    G.

    billi intwera bil-provi li l-kunflitti armati għandhom impatt sproporzjonat u uniku fuq in-nisa; billi r-rwol tan-nisa fil-bini tal-paċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti għandu jissaħħaħ, u n-nisa u t-tfal fir-reġjuni tal-gwerer u l-kunflitti għandhom jingħataw protezzjoni mtejba, permezz tal-parteċipazzjoni, il-prevenzjoni u l-protezzjoni,

    H.

    billi l-implimentazzjoni tal-impenji tar-Riżoluzzjonijiet 1820, 1888, 1889 u 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU hija kwistjoni komuni u hija responsabilità konġunta ta’ kull Stat Membru tan-NU, kemm jekk ikun milqut minn kunflitti, kif ukoll jekk ikun donatur jew xorta oħra; billi f’dan ir-rigward għandha tinġibed l-attenzjoni għall-adozzjoni f’Diċembru 2008 tal-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom, li hija sinjal politiku ċar li dawn huma prijoritajiet għall-Unjoni,

    1.

    Jistieden lill-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri jopponu bil-qawwa l-użu ta’ attakki sesswali, intimidazzjoni u vittimizzazzjoni speċifika tan-nisa fil-Libja u l-Eġittu;

    2.

    Jikkundanna bl-aħrax it-’testijiet tal-verġinità’ furzati mill-armata Eġizzjana fuq nisa li pprotestaw u sfaw arrestati fi Pjazza Tahrir u dan l-għemil iqisu inaċċettabbli, minħabba li jikkostitwixxi forma ta’ tortura; jistieden lill-Kunsill Militari Suprem tal-Eġittu biex jieħu miżuri immedjati ħalli jtemm dan it-trattament degradanti u jiżgura li l-forzi kollha tas-sigurtà u l-armata jkunu mgħarrfa ċar u tond li t-tortura u kull trattament ħażin ieħor, inklużi t-’testijiet tal-verġinità’ furzati, ma jistgħux ikunu ttollerati u se jiġu investigati bis-sħiħ;

    3.

    Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jieħdu passi urġenti ħalli jwaqqfu t-tortura, jinvestigaw il-każijiet kollha tal-abbuż kontra dawk li jiddimostraw fil-paċi, u jwaqqfu l-prosekuzzjonijiet ta’ persuni ċivili fi tribunali militari; huwa partikolarment imħasseb minħabba rapporti li waslu minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fejn jistqarru li minorenni sfaw arrestati u kkundannati minn tribunali militari;

    4.

    Jirrakkomanda li tiġi stabbilita inkjesta indipendenti biex min wettaq dawn l-atti jinżamm responsabbli, b’riferiment partikolari għal delitti, fit-tifsira tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, imwettqa minn Muammar Gaddafi; iqis li min jinsab responsabbli għal atti ta’ dan it-tip irid jittella’ quddiem il-ġustizzja u li jeħtieġ li n-nisa li jkunu rrappurtaw it-tali abbużi jitħarsu mir-rappreżalji;

    5.

    Jisħaq li kulħadd għandu jkun jista’ jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar il-futur demokratiku ta’ pajjiżu mingħajr ma jiġi arrestat, ittorturat jew sottopost għal trattamenti degradanti u diskriminatorji;

    6.

    Jemmen bis-sħiħ li t-tibdiliet li qed iseħħu fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani jeħtiġilhom jikkontribwixxu biex tintemm id-diskriminazzjoni tan-nisa u biex huma jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà b’ugwaljanza mal-irġiel u skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW);

    7.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li d-drittijiet ġenerali tan-nisa jiġu żgurati fl-istrutturi demokratiċi u legali ġodda ta’ dawn is-soċjetajiet;

    8.

    Jenfasizza li r-rwol tan-nisa fir-rivoluzzjonijiet u fil-proċessi ta’ demokratizzazzjoni għandu jiġi rikonoxxut, filwaqt li jsir enfasi fuq it-theddidiet speċifiċi li jiffaċċaw u l-ħtieġ li drittijiethom ikunu appoġġati u difiżi;

    9.

    Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jippromwovu attivament, fit-tul, kemm politikament kif ukoll finanzjarjament, l-iimplimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-istabbiliment fil-livell Ewropew ta’ istituzzjonijiet u mekkaniżmi ta’ kontroll provduti hemmekk, u lin-Nazzjonijiet Uniti biex jiżguraw l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni fil-livelli internazzjonali kollha;

    10.

    Jenfasizza li jeħtieġ li d-drittijiet tal-bniedem jiġu prijoritizzati f’miżuri tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) bħala parti integrali tal-proċess ta’ demokratizzazzjoni, jisħaq fuq il-ħtieġa li l-esperjenza tal-UE rigward il-politika dwar l-ugwaljanza u l-ġlieda kontra l-vjolenza tal-ġeneru;

    11.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u li jiġu appoġġati azzjonijiet speċifiċi bil-għan li jintlaħaq approċċ effikaċi u sistematiku dwar l-ugwaljanza fil-pajjiżi tal-PEV; iħeġġeġ lill-gvernijiet u lis-soċjetà ċivili jqawwu l-inklużjoni soċjali tan-nisa, inklużi l-ġlieda kontra l-illitteriżmu u u l-promozzjoni tal-impjieg, u l-awtonomija finanzjarja tagħhom, biex jiżguraw preżenza sinifikanti tan-nisa fil-livelli kollha; jenfasizza li l-ugwaljanza trid issir parti integrali tal-proċess ta’ demokratizzazzjoni u li, barra minn hekk, l-edukazzjoni tan-nisa u l-bniet għandha tkun prijorità, u għandha tinkludi sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom;

    12.

    Jitlob lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex ipoġġu fuq quddiem nett fl-aġenda tagħhom għat-taħditiet mal-pajjiżi tal-PEV tan-Nofsinhar il-prijoritajiet politiċi tal-UE dwar it-tneħħija tal-piena tal-mewt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem – inklużi d-drittijiet tan-nisa – u l-libertajiet fundamentali, flimkien mar-ratifika ta’ għadd ta’ strumenti legali internazzjonali, fosthom l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati;

    13.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.


    (1)  ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 83.

    (2)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.

    (3)  Testi adottati, P7_TA(2010)0439.

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2011)0064.

    (5)  Testi adottati, P7_TA(2011)0095.

    (6)  ĠU C 59, 23.2.2001, p. 258.

    (7)  ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 247.

    (8)  ĠU C 348 E, 21.12.2010, p. 11.


    Top